EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0484

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

/* KUMM/2010/0484 finali */

52010PC0484




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 15.9.2010

KUMM(2010) 484 finali

2010/0250 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

{SEG(2010) 1058}{SEG(2010) 1059}

MEMORANDUM SPJEGATTIV

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-kriżi finanzjarja qiegħdet id-derivati barra l-Borża (OTC) fuq quddiem nett tal-attenzjoni regolatorja. Il-kważi kollass ta’ Bear Sterns f’Marzu 2008, l-inadempjenza ta’ Lehman Brothers fil-15 ta’ Settembru 2008 u l-ippleġġjar tal-AIG fil-jum ta’ wara aċċennaw id-defiċenzi fil-funzjonament tas-suq tad-derivati barra l-Borża (OTC). Fi ħdan dan is-suq, ir-regolaturi ddedikaw attenzjoni partikolari għar-rwol li s-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (CDS) kellu matul il-kriżi.

Il-Kummissjoni wieġbet minnufih. Fil-Komunikazzjoni wiesgħa tagħha tal-4 ta’ Marzu 2009 “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew,”[1] fejn il-Kummissjoni impenjat ruħha li twassal, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ derivati u prodotti oħra strutturati kumplessi, inizjattivi xierqa għaż-żieda ta’ trasparenza u għall-indirizzar tal-preokkupazzjonijiet dwar l-istabilità finanzjarja. Fit-3 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Komunikazzjoni[2] b’mod speċifiku eżaminat ir-rwol tad-derivati fil-kriżi finanzjarja u ħarset lejn il-benefiċċji u r-riskji tas-swieq tad-derivati. Dik il-Komunikazzjoni vvalutat kif ir-riskji identifikati setgħu jitnaqqsu[3].

F’Settembru 2009, il-Mexxejja tal-G-20 qablu f’Pittsburgh li:

Il-kuntratti tad-derivati OTC standardizzati kollha għandhom jiġu negozjati f’kambji jew pjattaformi tan-negozju elettroniċi, fejn xieraq, u jiġu kklerjati permezz ta’ kontropartijiet ċentrali sa mhux iżjed tard mill-aħħar tal-2012. Il-kuntratti tad-derivati OTC għandhom jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Kuntratti kklerjati mhux ċentralment għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti kapitali ogħla.

F’Ġunju 2010, il-Mexxejja tal-G20 f'Toronto rriaffermaw l-impenn tagħhom u ntrabtu wkoll li jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri qawwija biex tittejjeb it-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja tad-derivati barra l-Borża b'mod konsistenti internazzjonalment u nondiskriminatorju.

Fl-20 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat it-tieni Komunikazzjoni[4] li stabilixxiet l-azzjonijiet ta’ politika futuri li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproponi sabiex iżżid it-trasparenza tas-suq tad-derivati, tnaqqas ir-riskju tal-kontraparti u operazzjonali u ttejjeb l-integrità u s-sorveljanza tas-suq. Dik il-Komunikazzjoni ħabbret ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi bi proposti leġiżlattivi fl-2010, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20 li jiġu kklerjati d-derivati standardizzati[5], u li Kontropartijiet Ċentrali (CCPs) jikkonformaw ma’ standards prudenzjali għolja u regolazzjoni xierqa tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Din il-proposta għal Regolament twassal biex l-impenji tal-Kummissjoni jipproċedu b’mod veloċi u b’determinazzjoni. Tikkunsidra wkoll l-appoġġ b’saħħtu u ħafna mill-miżuri suġġeriti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010, fuq is-"Swieq tad-derivati: azzjonijiet ta’ politika fil-futur " (ir-rapport Langen).

Kif diġà msemmi qabel, din l-inizjattiva hija parti minn sforz akbar internazzjonali biex tiżdied l-istabilità tas-sistema finanzjarja inġenerali, u tas-suq tad-derivati OTC inpartikolari. Fid-dawl tan-natura globali tas-suq tad-dertivati OTC, approċċ koordinat internazzjonalment huwa kruċjali. Għalhekk huwa importanti li din il-proposta tqis dak li ġuriżdizzjonijiet oħra jkun fi ħsiebhom jagħmlu jew ikunu diġà għamlu fil-qasam tar-regolazzjoni tad-derivati OTC biex jiġi evitat ir-riskju tal-arbitraġġ regolatorju.

F’dan il-kuntest, din il-proposta hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-US adottata reċentement dwar id-derivati OTC, l-hekk imsejħa Frank-Dodd Act. L-Att għandu ambitu fil-biċċa l-kbira identiku. Fih dispożizzjonijiet simili li jeħtieġu r-rapportar tal-kuntratti tad-derivati OTC u l-ikklerjar tal-kuntratti eliġibbli. Barra minn hekk, daħħal fis-seħħ rekwiżiti kapitali u kollaterali stretti għad-derivati OTC li jibqgħu kklerjati bilateralment. Finalment, daħħal fis-seħħ qafas regolatorju għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u aġġorna l-qafas regolatorju eżistenti għas-CCPs. Bl-istess mod bħall-proposta tal-Kummissjoni, l-Att jipprevedi aktar elaborazzjoni ta’ għadd ta’ regoli tekniċi.

2. RI ŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Minn Ottubru 2008, is-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti f’konsultazzjoni estensiva kważi kontinwa mal-partijiet interessati sabiex jiddeterminaw ir-rispons xieraq tal-politika. Din l-interazzjoni ħadet il-forma ta’ ħafna laqgħat bilaterali u multilaterali, żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi u konferenza.

Inizjalment, l-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni kienet tiffoka biss fuq is-suq tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (CDS) li kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni ma’ Bear Sterns u Lehman's. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-impenn tan-negozjanti ewlenin f’dan il-qasam, il-Kummissjoni waqqfet il-Grupp ta’ Ħidma tad-Derivati (GĦD), li kien jinkludi rappreżentanti minn istituzzjonijiet finanzjarji li kienu impenjati biex jikklerjaw CDS referenzjati Ewropej sa Lulju 2009[6], rappreżentanti minn kontropartijiet ċentrali, repożitorji tat-tranżazzjonijiet u parteċipanti oħra fis-suq rilevanti u minn awtoritajiet Ewropej (BĊE, KRTE, KSBE u CEIOPS)[7] u nazzjonali (AMF, BaFin u FSA)[8] rilevanti. Minbarra l-laqgħat tal-GĦD, il-Kummissjoni għamlet laqgħat separati, bilaterali u multilaterali ad hoc ma' numru kbir ta' partijiet interessati fis-suq CDS.

Wara l-konformità tal-industrija mal-impenn imsemmi hawn fuq u sabiex jiġu ppreparati miżuri leġiżlattivi, il-Kummissjoni ffurmat Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti mill-Istati Membri dwar id-Derivati u l-Infrastrutturi tas-Suq. Iddiskutiet approċċi regolatorji mal-esperti mill-Istati Membri, l-BĊE, KRTE u KSBE. Għamlet sensiela ta’ laqgħat minn Jannar sa Lulju 2010.

Il-Kummissjoni kisbet ukoll informazzjoni utli billi pparteċipat f’diversi fora internazzjonali, b’mod partikolari l-Grupp tar-Regolaturi Derivati OTC u l-Grupp tal-Immaniġjar u l-Immudellar tar-Riskji tal-Kumitat ta’ Basel. Il-Kummissjoni riċentement kisbet ukoll status ta’ osservatur fuq il-kumitat ta’ tmexxija tal-grupp ta’ ħidma konġunt CPSS-IOSCO[9] li preżentament qed jeżamina r-rakkomandazzjonijiet għas-CCPs u qed jipprepara r-rakkomandazzjonijiet għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet involuta fi djalogu frekwenti mal-awtoritajiet mhux tal-UE, b’mod partikolari l-awtoritajiet tal-Istati Uniti (is-CFTC, is-SEC[10], il-Federal Reserve Bank ta’ New York u l-Federal Reserve Board u l-Kungress tal-Istati Uniti) u qed tikkopresjedi perkors ta' ħidma tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) li jiffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-obbligi tar-rapportar, l-ikklerjar u n-negozjar maqbula fil-livell G20.

B’mod parallel mal-pubblikazzjoni tal-ewwel Komunikazzjoni, id-DĠ MARKT vara konsultazzjoni pubblika[11] mit-3 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2009. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċievew 111-il risposta, li 100 minnhom ġew awtorizzati għall-pubblikazzjoni u ġew pubblikati fuq is-sit tal-internet ta’ konsultazzjoni[12]. Sommarju tar-risposti inkluża analiżi introduttorja tal-konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati jista' jinkiseb mis-sit tal-internet tad-DĠ MARKT[13]. Dan kien segwit minn konferenza kbira fi Brussell, fil-25 ta’ Settembru 2009[14]. Tliet pannelli ta’ akkademiċi, rappreżentanti tal-industrija u regolaturi, li ġejjin mill-UE u mill-Istati Uniti, ippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-bżonn (jew in-nuqqas tiegħu) tar-riforma tas-suq tad-derivati OTC lil udjenza ta’ iżjed minn 400 parteċipant u wieġbu d-domandi tagħhom. Il-konferenza b’mod wiesa’ kkonfermat il-fehmiet u l-informazzjoni miksuba permezz tal-konsultazzjoni pubblika.

It-tieni konsultazzjoni miftuħa ġiet organizzata mill-14 ta’ Ġunju sal-10 ta’ Lulju 2010 sabiex jinkiseb rispons minn partijiet interessati fuq l-effetti tal-miżuri leġiżlattivi. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew 210 risposta, li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jappoġġjaw ir-riformi suġġeriti[15].

3. VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Ir-Regolament hu akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt[16] li tanalizza l-alternattivi għat-tnaqqis tar-riskju sistemiku biż-żieda tas-sikurezza u l-effiċjenza tas-suq tad-derivati OTC. Wara l-analiżi, il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-ikbar benefiċċji netti jinkisbu permezz tal-adozzjoni tal-miżuri li:

- jirrikjedu l-użu tal-ikklerjar mis-CCP għal derivati OTC li jilħqu kriterji tal-eliġibilità predefiniti;

- jistabilixxu miri speċifiċi għal standardizzazzjoni legali u tal-proċess;

- jistabilixxu miri speċifiċi għall-ikklerjar bilaterali ta’ tranżazzjonijiet tad-derivati OTC;

- jirrikjedu li l-parteċipanti tas-suq jirrapportaw l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq il-portafolji tad-derivati OTC tagħhom lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew, jekk dan ma jkunx possibbli, direttament lir-regolaturi; u

- jirrikjedu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-pożizzjoni aggregata.

4. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

4.1. Ba żi legali

Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 114 TFEU bħala l-iżjed bażi legali xierqa għal Regolament f’dan il-qasam. Regolament hu meqjus bħala l-iżjed strument legali adattat biex jintroduċi rekwiżit mandatorju indirizzat lill-atturi kollha għall-ikklerjar tad-derivati OTC standardizzati permezz tas-CCPs u sabiex jiżgura li s-CCPs, li b’konsegwenza ta’ dan jassumu u jikkonċentraw riskju sinifikanti, ikunu soġġetti għal standards prudenzjali uniformi fl-UE. Regolament hu l-iżjed strument legali adattat biex jagħti setgħat ġodda lill-AETS bħala l-awtorità unika bir-responsabilità li tirreġistra u teżerċita s-sorveljanza ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-UE.

4.2. Sussidjarjetà u proporzjonalità

Hemm bżonn ta’ proċess uniformi fil-livell tal-UE sabiex jiġi ddeterminat liema Derivati OTC huma eliġibbli għall-ikklerjar obbligatorju permezz tas-CCPs. Dan ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri għax jagħti lok għal applikazzjoni differenti u inkonsistenti tal-obbligu tal-ikklerjar madwar l-UE. Għalhekk għandu jingħata rwol ċentrali lill-Kummissjoni Ewropea u l-AETS biex tiġi identifikata l-klassi eliġibbli ta’ derivati li għandhom jiġu ikklerjati ċentralment. Barra minn hekk, hekk kif l-użu tas-CCPs isir obbligatorju skont id-dritt tal-UE, dawn irid ikunu soġġetti għal rekwiżiti organizzazzjonali, tal-kondotta tal-operat u prudenzjali rigorużi.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs, ir-Regolament għandu l-għan li jilħaq bilanċ bejn il-bżonn għal rwol ċentrali importanti tal-AETS, il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, u l-interessi ta’ awtoritajiet kompetenti oħra. Jikkunsidra r-responsabilità fiskali potenzjali tal-Istati Membri u n-natura transfruntiera tal-operazzjonijiet tas-CCP.

L-AETS se jkollha rwol ċentrali fil-kulleġġ tal-awtoritajiet kompetenti għall-awtorizzazzjoni, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u l-emenda tal-awtorizzazzjoni ta’ CCP. Sabiex jiġi stabilit proċess uniku u sabiex jiġu evitati diskrepanzi bejn l-Istati Membri, l-AETS hija wkoll inkarigata mir-rikonoxximent ta’ CCP minn pajjiż terz li għandu l-għan li jipprovdi servizzi ta’ kklerjar lill-entitajiet stabiliti fl-Unjoni Ewropea, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

Fir-rigward tar-rekwiżit tar-rapportar, minħabba l-fatt li l-informazzjoni rapportata lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun ta’ interess għall-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Unjoni Ewropea u minħabba l-bżonn li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti kollha jkollhom l-istess grad ta’ aċċess ħieles bl-istess kundizzjonijiet għal dik l-informazzjoni, dan għandu jkun irregolat fil-livell tal-UE. L-AETS hi għaldaqstant mogħtija s-setgħa li titratta kemm ir-reġistrazzjoni kif ukoll s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

Għal dawn ir-raġunijiet, id-dispożizzjonijiet huma skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stabiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, peress li l-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri and għaldaqstant jistgħu jinkisbu b’mod aħjar mill-Unjoni Ewropea.

4.3. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

4.3.1. Titolu I (Suġġett, ambitu u definizzjonijiet)

L-ambitu tar-Regolament hu wiesa’ u jistabilixxi r-rekwiżiti uniformi li jkopru l-kontropartijiet finanzjarji, kontropartijiet mhux finanzjarji (li jeċċedu ċertu livelli limitu) u l-kategoriji kollha ta’ kuntratti tad-derivati OTC. Il-partijiet prudenzjali tiegħu japplikaw għal kontropartijiet ċentrali b’konsegwenza tal-obbligu tal-ikklerjar u, għar-rekwiżit tar-rapportar, lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Hu importanti li jiġi osservat, madankollu, li r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni għas-CCPs japplikaw irrispettivament mill-istrument finanzjarju li tikklerja s-CCP: OTC jew xi ħaġa oħra. Dan hu ċċarat fl-Artikolu 1(3). L-eżenzjonijiet huma b’mod espliċitu previsti għall-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, korpi pubbliċi inkarigati li jintervjenu jew inkarigati li jintervjenu fl-immaniġjar tad-dejn pubbliku, u għal banek tal-iżvilupp multilaterali, sabiex jiġi evitat jiġu llimitati s-setgħat tagħhom li jintervjenu biss biex jistabilizzaw is-suq, jekk u fejnmeħtieġ.

4.3.2. Titolu II (Ikklerjar, rapportar u mitigazzjoni tar-riskju tad-Derivati OTC)

Din il-parti tar-regolament hi ċentrali għall-implimentazzjoni tal-obbligu li jiġu kklerjati d-'derivati OTC standardizzati' kollha kif maqbul fil-G-20. Sabiex jiġi implimentat dan l-impenn fl-obbligi leġiżlattivi, il-kuntratti 'standardizzati' jfissru dawk il-kuntratti li huma eliġibbli għall-ikklerjar mis-CCPs. Sabiex dan jiġi applikat, ir-Regolament jistabilixxi proċess li jikkunsidra l-aspetti tar-riskji konnessi mal-ikklerjar obbligatorju. Il-proċess hu mfassal sabiex jiżgura li obbligu tal-ikklerjar għal kuntratti tad-derivati OTC fil-prattika jikseb l-għan finali tiegħu tat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema finanzjarja, iżjed milli jżidu: li CCP tiġi mġiegħla tikklerja kuntratti OTC li ma tkunx kapaċi timmaniġja r-riskji tagħhom jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-istabilità tas-sistema.

Madankollu, sabiex jiġi stabilit proċess li jiżgura li jiġu kklerjati kuntratti OTC kemm jista’ jkun possibbli, ir-Regolament jintroduċi żewġ approċċi sabiex jiġi ddeterminat liema kuntratti għandhom jiġu kklerjati:

1. approċċ ' minn isfel għal fuq ', li skontu CCP tiddeċiedi li tikklerja ċertu kuntratti u li tiġi awtorizzata li tagħmel dan mill-awtorità kompetenti tagħha, li hi mbagħad obbligata li tinforma lill-AETS ladarba tapprova s-CCP sabiex tikklerja dawk il-kuntratti. L-AETS mbagħad jkollha s-setgħat li tiddeċiedi jekk obbligu tal-ikklerjar għandux japplika għal dawk il-kuntratti kollha fl-UE. L-AETS jkollha bżonn li tibbaża dik id-deċiżjoni fuq ċertu kriterji oġġettivi;

2. approċċ ' minn fuq għal isfel ' li skontu l-AETS, flimkien mal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku, għandha tiddetermina liema kuntratti għandhom potenzjalment ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Dan il-proċess hu importanti biex jiġu identifikati u maqbuda dawk il-kuntratti fis-suq li għadhom mhumiex qed jiġu kklerjati minn CCP.

Iż-żewġ approċċi huma meħtieġa għax, fuq naħa waħda, l-osservanza tal-impenn tal-ikklerjar tal-G20 ma jistax jitħalla kompletament għall-inizjattiva tal-industrija. Min-naħa l-oħra, verifika regolatorja fuq livell Ewropew tal-adattezza ta’ ċertu arranġamenti hi meħtieġa qabel l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ.

Hu importanti li jiġi nnutat li l-kontropartijiet li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar ma jistgħux sempliċiment jevitaw ir-rekwiżit billi jiddeċiedu li ma jipparteċipawx f’CCP. Jekk dawk il-kontropartijiet ma jilħqux ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni jew ma jkunux interessati li jsiru membri tal-ikklerjar, għandhom jidħlu fl-arranġamenti meħtieġa ma’ membri tal-ikklerjar biex jaċċessaw is-CCP bħala klijenti.

Barra minn hekk, u sabiex jiġi evitat it-twaqqif ta’ ostakli u għall-preservazzjoni tan-natura globali tad-derivati OTC, is-CCPs ma għandhomx jitħallew jaċċettaw biss dawk it-tranżazzjonijiet konklużi fuq postijiet tal-eżekuzzjoni li magħhom ikollhom relazzjoni privileġġjata jew li jkunu parti mill-istess grupp. Għal dawn ir-raġunijiet, CCP li tkun ġiet awtorizzata li tikklerja kuntratti derivati eliġibbli hi meħtieġa li taċċetta l-ikklerjar ta’ dawn il-kuntratti fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament mill-post tal-eżekuzzjoni.

Fir-rigward tal-kontropartijiet (korporattivi) mhux finanzjarji, fil-prinċipju mhumiex ser ikunu soġġetti għar-regoli ta’ dan ir-Regolament, sakemm il-pożizzjonijiet tad-derivati OTC tagħhom jilħqu livell limitu u jkunu meqjusa sistemikament importanti. Minħabba li l-attivitajiet tagħhom tad-derivati huma ġeneralment preżunti li jkopru dawk id-derivati li jkunu marbuta direttament mal-attività kummerċjali tagħhom aktar milli mal-ispekulazzjoni, dawk il-pożizzjonijiet tad-derivati mhumiex ser ikunu koperti b’dan ir-Regolament.

F’termini konkreti, dan ifisser li l-obbligu tal-ikklerjar ser japplika biss għal dawk il-kuntratti OTC ta’ kontropartijiet mhux finanzjarji li jkunu partikolarment attivi fis-suq tad-derivati OTC u jekk dan ma jkunx konsegwenza diretta tal-attività kummerċjali tagħhom. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ għal fornituri tal-enerġija li jbiegħu produzzjoni futura, ditti agrikoli li jiffissaw il-prezz li bih ser ibigħu l-għelejjel tagħhom, linji tal-ajru li jiffissaw il-prezz tax-xirjiet futuri tagħhom tal-karburant jew kumpaniji kummerċjali li jkunu jridu jiħħeġġjaw b’mod leġittimu r-riskju li joħroġ mill-attività speċifika tagħhom.

Madankollu hemm raġunijiet għaliex il-kontropartijiet mhux finanzjarji ma jingħatawx eżenzjoni sħiħa mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

L-ewwel nett, il-kontropartijiet mhux finanzjarji huma parteċipanti attivi fis-suq tad-derivati OTC u spiss iwettqu tranżazzjonijiet ma’ kontropartijiet finanzjarji. Li jiġu totalment esklużi jnaqqas mill-effikaċja tal-obbligu tal-ikklerjar. It-tieni nett, xi kontropartjiet mhux finanzjarji jsitgħu jieħdu pożizzjonijiet sistemikament importanti fid-derivati OTC. Li jitħallew kompletament barra mill-ambitu tal-kunsiderazzjoni regolatorja kontropartijiet mhux finanzjarji ta’ rilevanza sistemika li l-falliment tagħhom jista’ jkollu effett negattiv sinifikanti fuq is-suq mhuwiex perkors aċċettabbli ta’ azzjoni. It-tielet, esklużjoni sħiħa tal-kontropartijiet mhux finanzjarji tista’ twassal għal arbitraġġ regolatorju. Kontraparti finanzjarja tista’ faċilment tevita l-obbligi stipulati fir-Regolament billi tistabilixxi entità mhux finanzjarja ġdida u tgħaddi minnha l-operazzjonijiet tagħha fid-derivati OTC. Fl-aħħar nett, l-inklużjoni tagħhom fl-ambitu huwa neċessarju wkoll biex tiġi żgurata konverġenza globali ma’ pajjiżi terzi. Il-leġiżlazzjoni tal-US ma tipprovdix eżenzjoni sħiħa għall-kontropartijiet mhux finanzjarji mill-obbligi tar-rapportar u tal-ikklerjar.

Fid-dawl ta’ dan, ir-Regolament jistabilixxi proċess li jgħin biex jiġu identifikati l-istituzzjonijiet mhux finanzjarji b’pożizzjonijiet sistemikament importanti fid-derivati OTC u tikkundizzjonahom għal ċerti obbligi speċifikati skont ir-Regolament. Il-proċess jissejjes fuq id-definizzjoni taż-żewġ livelli limitu.

a) livell limitu tal- informazzjoni ;

b) livell limitu tal- ikklerjar ;

Dawn il-livelli limitu ser jiġu speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ abbozzi ta’ standards regolatorji proposti mill-AETS, b’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (“BERS”) u awtoritajiet oħra rilevanti. Pereżempju, fil-każ tas-swieq tal-enerġija, l-AETS ikollha tikkonsulta mal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 sabiex jiġi żgurat li jitqiesu bis-sħiħ il-partikolaritajiet tas-settur tal-enerġija.

Il-livell limitu tal-informazzjoni ser jippermetti lill-awtoritajiet finanzjarji biex jidentifikaw il-kontropartijiet mhux finanzjarji li akkumulaw pożizzjonijiet sinifikanti fid-derivati OTC. Dan huwa neċessarju, għaliex dawk il-kontropartijiet spiss ma jkunux soġġetti għas-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Fil-prattika, meta r-Regolament jipprevedi li fejn il-pożizzjonijiet ta’ kontraparti mhux finanzjarja teċċedi l-livell limitu tal-informazzjoni, il-kontraparti mhux finanzjarja ser tkun meħtieġa tinnotifika dan il-fatt lill-awtorità kompetenti ddefinita fir-Regolament. Barra minn hekk, dik il-kontraparti awtomatikament ser issir soġġetta għall-obbligu tar-rapportar u tkun meħtieġa tipprovdi ġustifikazzjoni għat-teħid ta’ dawk il-pożizzjonijiet.

Il-livell limitu, mill-banda l-oħra, ser jintuża biex jiġi stabilit jekk kontraparti mhux finanzjarja hux ser issir soġġetta għall-obbligi tal-ikklerjar. Fil-prattika, jekk il-pożizzjonijiet tal-kontraparti jeċċedu dak il-livell limitu, imbagħad il-kontraparti ssir soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar tal-kuntratti kollha tagħha. Jekk jiġri li wħud minn dawk il-kuntratti ma jkunux eliġibbli għall-ikklerjar mis-CCP, imbagħad il-kontraparti mhux finanzjarja ser tkun soġġetta għar-rekwiżiti kapitali u kollaterali speċifikati fir-Regolament (ara hawn taħt).

Iż-żewġ livelli limitu ser jiġu ddefiniti filwaqt li titqies r-rilevanza sistemika tas-somma tal-pożizzjonijiet netti u skoperturi minn kontraparti skont il-klassi tad-derivati. Madankollu, u importanti, u kif iċċarat u kkonfermat qabel, fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet għall-livell limitu tal-ikklerjar, il-kuntratti tad-derivati ma għandhomx jitqiesu jekk dawn ikunu ġew sottoskritti biex ikopru r-riskji li joriġinaw minn attività kummerċjali oġġettivament miżurabbli.

Billi mhux id-derivati OTC kollha se jitqiesu bħala eliġibbli għall-ikklerjar ċentrali, għad hemm bżonn li jittejbu l-arranġamenti u s-sikurezza ta’ dawk il-kuntratti li se jibqgħu jiġi mmaniġjar fuq l-hekk imsejħa bażi 'bilaterali'. Ir-Regolament għaldaqstant jirrikjedi l-użu ta’ mezzi elettroniċi u l-eżistenza ta’ proċeduri tal-immaniġjar tar-riskju bi skambju fil-ħin, akkurat u segregat kif xieraq ta’ kollateral, u b’parteċipazzjoni ta’ kapital xierqa u proporzjonali.

Finalment, il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji ‘l fuq mill-livell limitu tal-ikklerjar għandhom jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt derivattiv li jkunu daħlu fih u kwalunkwe modifika għalih (inklużi permezz tan-novazzjoni u t-terminazzjoni) lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet reġistrat. Iżjed trasparenza tas-suq tal-OTC hi kruċjali għar-regolaturi, dawk li jfasslu l-politika, u l-post tas-suq. Fil-każ eċċezzjonali li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx kapaċi li jikkodifika mill-ġdid id-dettalji ta’ kuntratti tad-derivati OTC partikolari, ir-Regolament jirrikjedi li din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta direttament lill-awtorità kompetenti rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddetermina d-dettalji, it-tip, il-format u l-frekwenza tar-rapporti għall-klassijiet differenti ta’ derivati, wara standards tekniċi abbozzati li għandhom jiġu żviluppati mill-AETS.

4.3.3. Titolu III (Awtorizzazzjoni u supervi żjoni tas-CCPs)

Biex jiġi żgurat li s-CCPs stabiliti fl-Unjoni Ewropea jkunu sikuri, l-awtorizzazzjoni ta’ CCP ser tingħata bil-kundizzjoni li CCP jkollha aċċess għal likwidità adegwata. Tali likwidità tista’ tirriżulta minn aċċess għal bank ċentrali jew għal-likwidità ta’ bank kummerċjali ta’ sodezza kreditizja u affidabilità, jew taħlita tat-tnejn.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iżommu r-responsabilità għall-awtorizzazzjoni (inkluż l-irtirar) u s-superviżjoni tas-CCPs, peress li jibqgħu fl-aħjar pożizzjoni biex jeżaminaw kif is-CCPs joperaw fuq bażi kwotidjana, għat-twettiq ta’ reviżjonijiet regolari u għat-teħid ta’ azzjoni xierqa, fejn meħtieġ. Meta wieħed iqis l-importanza sistemika tas-CCPs u n-natura transkonfinali tal-attivitajiet tagħhom, hu importanti li fil-proċess tal-awtorizzazzjoni, l-AETS ikollha rwol ċentrali. Dan jista’ jinkiseb fil-modi segwenti:

- l-adozzjoni ta’ dan l-att leġiżlattiv fil-forma speċifika ta’ Regolament ser jagħti lill-AETS rwol ċentrali u responsabilità għall-iżgurar tal-applikazzjoni komuni u oġġettiva tiegħu, kif speċifikat b’mod ċar fir-Regolament tal-AETS;

- l-AETS ser tkun meħtieġa li tiżviluppa għadd ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi f’oqsma kritiċi għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament;

- l-AETS ser tiffaċilita l-adozzjoni ta’ opinjoni mill-kulleġġ.

Peress li s-CCPs huma meqjusa li huma istituzzjonijiet sistemikament rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-kulleġġ tal-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddefinixxu l-pjanijiet tal-kontinġenza f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-inizjattiva futura tagħha fuq l-immaniġjar u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet se jkollha bżonn tiddefinixxi l-politika speċifika u l-miżuri li jindirizzaw sitwazzjoni ta’ kriżi f’istituzzjoni sistemikament rilevanti.

Fir-rigward tas-CCPs minn pajjiżi terzi, l-AETS se jkollha wkoll ir-responsabilità diretta li tirrikonoxxi dawn is-CCPs, jekk ikunu milħuqa ċertu kundizzjonijiet. Partikolarment, ir-rikonoxximent ser jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun aċċertat li l-qafas legali u superviżorju ta’ dak il-pajjiż terz ikun ekwivalenti għal dak tal-UE, li s-CCP tkun awtorizzata u soġġetta għal superviżjoni effikaċi f’dak il-pajjiż terz u l-AETS tkun stabilixxiet arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz. CCP ta’ pajjiż terz mhux ser jitħalla jwettaq attivitajiet u servizzi fl-Unjoni, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati.

4.3.4. Titolu IV (Rekwi żiti għas-CCPs)

Rekwiżiti organizzazzjonali

Peress li r-Regolament se jintroduċi obbligu ta’ kklerjar obbligatorju għad-derivati OTC, għandha tingħata attenzjoni kritika għar-robustezza u r-regolazzjoni tas-CCPs. L-ewwelnett, CCP għandu jkollha fis-seħħ arranġamenti tal-governanza robusti. Dawn jirrispondu għal kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali bejn is-sidien, il-maniġment, il-membri tal-ikklerjar u l-parteċipanti indiretti. Ir-rwol tal-membri tal-bord indipendenti hu partikolarment rilevanti. Ir-rwoli u r-responsabilitajiet tal-kumitat tar-riskji huma definiti wkoll b’mod ċar fir-Regolament: l-uffiċċju tal-immaniġjar tar-riskji tiegħu għandu jirrapporta direttament lill-bord u ma jkunx influwenzat minn linji operazzjonali oħra. Ir-Regolament jirrikjedi wkoll li arranġamenti ta’ governanza jiġu ddivulgatipubblikament. Barra minn hekk, CCP għandu jkollha wkoll sistemi interni xierqa, proċeduri operazzjonali u amministrattivi, u għandha tkun soġġetta għal awditjar indipendenti.

Dawn il-miżuri kollha huma meqjusa iżjed effikaċi fl-indirizzar ta’ kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali li jistgħu jillimitaw il-kapaċità tas-CCPs biex tikklerja, milli kwalunkwe forma oħra ta’ regolazzjoni li jista’ jkollha konsegwenza mhux mixtieqa fuq l-istrutturi tas-suq (eż. limitazzjoni tas-sjieda, li tkun teħtieġ li testendi wkoll għal l-hekk imsejħa strutturi vertikali li fihom il-Boroż ikollhom is-sjieda ta’ CCP).

Rekwiżiti prudenzjali

Peress li s-CCP se tkun kontraparti għal kull pożizzjoni, għandha r-riskju li waħda mill-kontropartijiet tagħha tista’ tfalli. B’mod simili, kwalunkwe kontraparti ta’ CCP għandha r-riskju li s-CCP innifisha tista’ tfalli. Ir-Regolament għaldaqstant jipprovdi li CCP għandha timmitiga l-iskopertura għar-riskju tal-kreditu permezz ta’ numru ta’ mekkaniżmi ta’ rinfurzar. Dawn jinkludu rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni stretti, iżda mhux diskriminatorji, riżorsi finanzjarji, u garanziji oħra.

Bis-saħħa tar-rwol ċentrali tagħha, CCP hi komponent kurċjali tas-suq li sservi. B’konsegwenza ta’ dan, il-falliment ta’ CCP kważi dejjem jsir avveniment sistemiku potenzjali għas-sistema finanzjarja. Minħabba r-rwol importanti sistemikament tagħhom u minħabba r-rekwiżit leġiżlattiv propost għall-ikklerjar tad-derivati OTC ‘standardizzati’ permezz tas-CCPs, il-bżonn li tikkundizjonahom għal regolazzjoni prudenzjali stretta fil-livell tal-UE ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed. Peress li l-liġijiet nazzjonali preżenti li jirregolaw is-CCPs ivarjaw bejn l-Istati Membri, in-nuqqas ta’ uniformità riżultanti fil-kundizzjonijiet jagħmel ukoll il-forniment transfruntier tas-servizzi tas-CCP potenzjalment inqas sikur u jiswa aktar milli jkun mixtieq u jirrappreżenta ostaklu għall-integrazzjoni tas-suq finanzjarju Ewropew.

L-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet minn CCP tkun permessa biss, jekk ma jimpattjax fuq l-operat xieraq tas-CCP u fuq l-abilità tagħha li timmaniġja r-riskji, inklużi dawk li joħorġu mill-funzjonijiet esternalizzati. Għaldaqstant, is-CCPs għandhom dejjem jimmonitorjaw u jkollhom kontroll sħiħ tal-funzjonijiet esternalizzati u kontinwament jimmaniġjaw ir-riskji li jaffaċċaw. F’termini prattiċi, l-ebda funzjoni ta’ mmaniġjar tar-riskji ma hi se titħalla tiġi esternalizzati.

Ammont minimu ta’ kapital irid ikun meħtieġ għall-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attivitajiet tas-CCP. Il-kapital proprju ta’ CCP hu wkoll l-aħħar riżorsa f’każ ta’ inadempjenza ta’ membri tagħha wieħed jew iżjed, wara li l-marġini miġbura mill-membru/i inadempjenti, il-fond tal-inadempjenza u kwalunkwe riżorsi finanzjarji addizzjonali oħra jkunu ġew eżawriti. Jekk CCP tiddeċiedi li tuża parti mill-kapital tagħha bħala riżorsa finanzjarja addizzjonali għal skopijiet ta’ mmaniġjar tar-riskji, allura dan il-porzjon irid jiżdied mal-kapital meħtieġ għat-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet ta’ CCP fuq bażi kontinwa.

Ir-Regolament se jirrikjedi li CCP ikollha fond tal-inadempjenza mutwalizzat li għalih ikollhom jikkontribwixxu l-membri tas-CCP. Fond tal-inadempjenza jippermetti l-mutwalizzazzjoni tat-telf u għaldaqstant jirrappreżenta linja addizzjonali ta’ difiża li CCP tista’ tuża f’każ ta’ insolvenza ta’ membru tagħha wieħed jew iżjed.

Ir-Regolament jintroduċi wkoll regoli importanti dwar is-segregazzjoni u l-portabilità tal-pożizzjonijiet u tal-kollateral korrispondenti. Dawn huma kruċjali għat-tnaqqis effettiv tar- riskju ta’ kreditu tal-kontraparti permezz tal-użu tas-CCPs, għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi fost is-CCPs Ewropej u għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar. Dan qiegħed isir bħala risposta għal talba mill-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom għal iżjed armonizzazzjoni u protezzjoni f’dan il-qasam. Iwieġeb ukoll għal kwistjonijiet aċċennati mill-waqgħa ta’ Lehman.

4.3.5. Titolu V (Interoperabilità)

L-interoperabilità hi għodda essenzjali għall-kisba ta’ integrazzjoni effettiva tas-suq ta’ wara n-negozjar fl-Ewropa. Madankollu, l-interoperabilità tista’ tesponi lis-CCPs għal riskji addizzjonali. Għal din ir-raġuni, l-approvazzjoni regolatorja hi meħtieġa qabel id-dħul f’arranġament interoperabbli. Is-CCPs għandhom jikkunsidraw u jimmaniġġjaw bir-reqqa r-riskji addizzjonali li ġġib magħha l-interoperabilità u jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar is-sodezza tas-sistemi u l-proċeduri adottati. Fid-dawl tal-kumplessità tas-swieq tad-derivati u l-istadju bikri tal-iżvilupp tal-ikklerjar mis-CCP tad-derivati OTC, għad mhuwiex il-mument li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet dwar l-interoperabilità għal strumenti minbarra titoli ta’ flus. Madankollu, din l-esklużjoni ma għandhiex tillimita l-possibilità tas-CCPs li jidħlu f’dawn l-arranġamenti b’mod sikur, bla ħsara għall-kundizzjonijiet ipprovduti fir-Regolament.

4.3.6. Titolu VI (Reġistrazzjoni u sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet)

Kif imsemmi hawn fuq (it-taqsima 4.3.2) ir-Regolament jipprovdi għal rekwiżit ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet tad-derivati OTC għaż-żieda tat-trasparenza ta’ dan is-suq. L-informazzjoni għandha tiġi rrappurtata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Dawn tal-aħħar għandhom għaldaqstant iżommu informazzjoni regolatorja li tkun rilevanti għal numru ta’ regolaturi. Fid-dawl tar-rwol ċentrali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fil-ġbir tal-informazzjoni regolatorja, ir-Regolament jagħti lill-AETS s-setgħat li jirreġistraw ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jieħdu lura r-reġistrazzjoni u jwettqu s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. L-għoti ta’ setgħat ta’ sorveljanza lill-awtoritajiet fl-Istat Membru fejn jiġi stabilit repożitorju tat-tranżazzjonijiet joħloq sitwazzjoni żbilanċjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, peress li m’hemmx implikazzjonijiet ta’ responsabilitajiet fiskali konnessi mas-sorveljenza ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet, m’hemmx bżonn ta’ approċċ superviżorju nazzjonali. Ir-rwol tal-AETS għandu jiżgura wkoll aċċess ħieles għall-awtoritajiet Ewropej kollha rilevanti u kontraparti unika li tirrappreżenta l-Ewropa sabiex titratta mal-awtoritajiet kompetenti ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet f’pajjiżi terzi.

4.3.7. Titolu VII (Rekwi żiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet)

Ir-Regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet sabiex jiggarantixxu l-konformità tagħhom ma’ sett ta’ standards. Dawn huma ddisinjati biex jiżguraw li l-informazzjoni li għandhom ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għal skopijiet regolatorji tkun affidabbli, sigura u protetta. B’mod partikolari, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal rekwiżiti organizzazzjonali u operazzjonali u jiżguraw is-salvagwardjar u t-trasparenza xierqa tad-dejta.

Sabiex ikunu rreġistrati, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iridi ikunu stabiliti fl-UE. Madankollu, repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabilit f’pajjiż terz jista’ jkun rikonoxxut mill-AETS jekk jilħaq numru ta’ rekwiżiti ddeżinjati biex jiġi stabilit li tali repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun soġġett għal regoli ekwivalenti u sorveljanza xierqa f’dak il-pajjiż terz. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda ostaklu legali fis-seħħ li jipprevjeni skambju reċiproku effikaċi tal-informazzjoni u aċċess ħieles għad-dejta miżmuma f’repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’pajjiż terz, ir-Regolament jipprevedi l-bżonn li jiġi konkluż ftehim internazzjonali għal dak il-għan. Ir-Regolament jistipula li jekk tali ftehim ma jkunx fis-seħħ, repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabilit f’pajjiż terz ma jkunx jista’ jiġi rikonoxxut mill-AETS.

5. DISPO ŻIZZJONIJIET FINALI

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika lill-AETS u fir-reġistru, u l-kriterji għad-deċiżjoni tal-AETS dwar l-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar, dwar il-livell limitu tal-informazzjoni u l-ikklerjar, dwar id-durata massima ta’ kuntratt, dwar il-likwidità, dwar il-kontenut minimu tar-regoli ta’ governanza, dwar id-dettalji taż-żamma tar-rekords, dwar il-kontenut minimu tal-pjan tal-kontinwità tal-operat u s-servizzi garantiti, dwar il-perċentwali u l-firxa ta’ żmien għar-rekwiżiti tal-marġini, dwar il-kundizzjonijiet estremi tas-suq, dwar il-kollateral likwidu ħafna u t-tnaqqisiet imposti (haircuts), dwar l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna u l-limiti ta’ konċentrazzjoni, dwar id-dettalji tal-prestazzjoni tat-testijiet, dwar id-dettalji dwar l-applikazzjoni ta’ repożitorju tan-negozju għar-reġistrazzjoni tal-AETS, dwar il-multi u dwar id-dettalji dwar l-informazzjoni li repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli, kif imsemmi f’dan ir-Regolament. L-AETS għandha tabbozza standards tekniċi regolatorji għal dawn l-atti delegati u twettaq valutazzjonijiet tal-impatt xierqa.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tiddetermina l-format tar-rapporti, iż-żamma tar-rekords u l-format għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Skont l-Artikolu 291 TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tal-Kummissjoni għandhom jiġu stipulati minn qabel permezz ta’ Regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-Regolament il-ġdid, tibqa’ tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, għajr għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, li ma hijiex applikabbli.

6. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2010/0250 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[17],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Fuq it-talba tal-Kummissjoni, rapport ippubblikat fil-25 ta’ Frar 2009 minn grupp ta’ esperti ta’ livell għoli ppresedut minn J. de Larosière kkonkluda li l-qafas superviżorju kien jeħtieġ jissaħħaħ biex jitnaqqas ir-riskju u s-severità tal-kriżi finanzjarja futura u rrakkomanda riformi estensivi għall-istruttura tas-superviżjoni tas-settur finanzjarji fl-Ewropa, inkluż il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, li tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, waħda dwar is-settur tat-titoli, waħda dwar is-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol u waħda dwar is-settur bankarju, u l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar id-Riskju Sistemiku.

(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”[18], ipproponiet it-tisħiħ tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għas-servizzi finanzjarji. Fil-Komunikazzjonijiet tagħha tat-3 ta’ Lulju 2009[19], il-Kummissjoni vvalutat ir-rwol tad-derivati fil-kriżi finanzjarja, u fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2009[20], il-Kummissjoni ddeskriviet l-azzjonijiet li għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tnaqqas ir-riskji assoċjati mad-derivati.

(3) Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat proposti għal tliet Regolamenti li jistabilixxu s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, inkluż il-ħolqien ta’ tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għall-istabiliment ta’ standards u prattiki komuni regolatorji u superviżorji ta’ kwalità għolja. Dawn huma l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) stabilita bir-Regolament .../...UE..., l-Awtorità Ewroepa tat-Titoli u s-Swieq (AETS) stabilita bir-Regolament .../...UE..., u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX) stabilita bir-Regolament .../...UE....

(4) Id-derivati barra l-Borża (OTC) huma nieqsa mit-trasparenza minħabba li dawn huma kuntratti nnegozjati privatament u kwalunkwe informazzjoni dwarhom normalment hija disponibbli biss għall-partijiet kontraenti. Dawn joħolqu nisġa kumplessa ta’ interdipendenza li tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati n-natura u l-livell tar-riskji involuti. Il-kriżi finanzjarja wriet li dawn il-karatteristiċi jżidu l-inċertezza fi żminijiet ta’ tensjoni fis-suq u għaldaqstant, huma ta’ riskju għall-istabilità finanzjarja. Dan ir-Regolament jistabilixxi l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis ta’ dawn ir-riskji u t-titjib tat-trasparenza tal-kuntratt derivati.

(5) Fis-samit tas-26 ta’ Settembru 2009 f’Pittsburgh, il-Mexxejja tal-G20 qablu li l-kuntratti tad-derivati OTC standardizzati kollha għandhom jiġu kklerjati permezz ta’ kontropartijiet ċentrali (CCP) sa mhux iżjed tard mill-aħħar tal-2012 u li l-kuntratti tad-derivati OTC għandhom jiġu rapportati lil repożitorji tat-tranżazzjonijiet. F’Ġunju 2010, il-Mexxejja tal-G20 f'Toronto rriaffermaw l-impenn tagħhom u ntrabtu wkoll li jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri qawwija biex tittejjeb it-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja tad-derivati barra l-Borża b'mod konsistenti internazzjonalment u nondiskriminatorju. Il-Kummissjoni ser tfittex tiżgura li dawn l-impenji jkunu implimentati bl-istess mod mis-sieħba internazzjonali tal-Unjoni.

(6) Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2009, qabel mal-bżonn ta’ titjib sostanzjali fil-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontraparti u bl-importanza tat-titjib tat-trasparenza, l-effiċjenza u l-integrità għal tranżazzjonijiet derivati. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar "Swieq tad-derivati: azzjonijiet futuri ta’ politika" appellat għall-ikklerjar u rapportar obbligatorju tad-derivati OTC.

(7) L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) taġixxi fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament billi tissalvagwardja l-istabilità tas-swieq finanzjarji f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u s-soluzzjoni ta’ tilwim bejniethom. Hija inkarigata wkoll bl-iżvilupp ta’ standards tekniċi regolatorji vinkolanti u għandha rwol ċentrali fl-awtorizzazzjoni u l-monitorapp tal-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(8) Regoli uniformi huma meħtieġa għall-kuntratti tad-derivati stabiliti fl-Anness I, it-Taqsima C, in-numri (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE[21] li jkunu nnegozjati barra l-Borża.

(9) L-inċentivi għall-promozzjoni tal-użu tas-CCPs ma rriżultawx li kienu biżżejjed biex jiżguraw li d-derivati OTC standardizzati jiġu filfatt ikklerjati. Ir-rekwiżiti mandatorji għall-ikklerjar mis-CCP għal dawk id-derivati OTC li jistgħu jiġu kklerjati huwa għaldaqstant neċessarju.

(10) Huwa probabbli li l-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali diverġenti li jistgħu joħolqu ostakli għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern u li jkunu ta’ detriment għall-parteċipanti fis-suq u l-istabilità finanzjarja. Applikazzjoni uniformi tal-obbligu tal-ikklerjar fl-Unjoni hija neċessarja wkoll sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi fost il-parteċipanti fis-suq.

(11) L-iżgurar li l-obbligu tal-ikklerjar inaqqas ir-riskju sistemiku jirrikjedi proċess ta’ identifikazzjoni tal-klassijiet eliġibbli tad-derivati li għandhom ikunu soġġetti għal dak l-obbligu. Dak il-proċess għandu jqis li mhux id-derivati OTC kollha kklerjati minn CCP jistgħu jitqiesu idonji għall-ikklerjar madatorju mis-CCP.

(12) Dan ir-Regolament jistipula l-kriterji għad-determinazzjoni tal-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar. Fid-dawl tar-rwol kruċjali tagħha, l-AETS għandha tiddeċiedi jekk klassi tad-derivati tissodisfax il-kriterji tal-eliġibilità u minn meta l-obbligu tal-ikklerjar ikun effettiv.

(13) Biex jiġi kklerjat kuntratt tad-derivati OTC, irid ikun hemm il-kunsens taż-żewġ partijiet f’dak il-kuntratt. Għaldaqstant, l-eżenzjonijiet għall-obbligu tal-ikklerjar għandhom jiġu strettament imfassla għax inaqqsu l-effikaċja tal-obbligu u l-benefiċċji tal-ikklerjar mis-CCP u jistgħu jwasslu għal arbitraġġ regolatorju bejn il-gruppi tal-parteċipanti fis-suq.

(14) Id-derivati OTC li mhumiex meqjusa idonji għall-ikklerjar mis-CCP xorta waħda jinvolvu riskju ta’ kreditu tal-kontraparti, u għalhekk għandhom jiġu stabiliti regoli għall-immaniġjar ta’ dak ir-riskju. Dawk ir-regoli għandhom ikunu applikabbli biss għall-parteċipanti fis-suq li jkunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(15) Ir-regoli dwar l-obbligi tal-ikklerjar u r-rapportar u r-regoli dwar it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għall-kuntratti tad-derivati OTC li ma jiġux ikklerjati minn CCP għandhom japplikaw għall-kontropartijiet finanzjarji, jiġifieri d-ditti ta’ investiment kif stipulat fid-Direttiva 2004/39/KE, istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefiniti fid-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni)[22], impriżi tal-assigurazzjoni kif iddefinit fid-Direttiva 73/239/KEE [NB: li għandha tiġi rrevokata permezz tas-Solvenza II fl-2012], impriżi tal-assigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja[23], impriżi tar-riassigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 2005/68/KE, impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif iddefiniti fid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)[24], istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali kif iddefiniti fid-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali[25] u maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv kif iddefiniti fid-Direttiva 2010/.../UE.

(16) Fejn xieraq, ir-regoli appliklabbli għall-kontropartijiet finanzjarji gġandhom japplikaw ukoll għall-kontropartijiet mhux finanzjarji Huwa rikonoxxut li l-kontropartijiet mhux finanzjarji jużaw il-kuntratti OTC sabiex ikopru lilhom innfushom kontra r-riskji kummerċjali direttament marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Konsegwentement, fid-determinazzjoni ta’ jekk kontraparti mhux finanzjarja għandhiex tkun soġġetta għall-obbligi tal-ikklerjar, il-kunsiderazzjoni għandha tingħata għall-fini li għaliha l-kontraparti mhux finanzjarja tuża derivati OTC u għad-daqs tal-iskoperturi li jkollha f’dawk l-istrumenti. Meta tistabilixxi livell limitu għall-obbligu tal-ikklerjar, l-AETS għandha tikkonsulta l-awtoritajiet rilevanti kollha, bħal pereżempju r-regolaturi responsabbli għas-swieq tal-komoditajiet, sabiex jiġu żgurat li jitqiesu bis-sħiħ il-partikolaritajiet ta' dawn is-setturi. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Diċembru 2013. il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-importanza sistemika tat-tranżazzjonijiet tad-ditti mhux finanzjarji fid-derivati OTC f’setturi differenti, inkluż fis-settur tal-enerġija.

(17) Kuntratt li persuna tidħol fih permezz ta’ fond, kemm jekk immaniġjat minn maniġer ta’ fond jew le, għandu jitqies fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(18) Il-banek ċentrali u korpi nazzjonali oħra li jwettqu funzjonijiet simili, korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-immaniġjar tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih, u banek multilaterali tal-iżvilupp elenkati fit-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu[26] għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament sabiex tiġi evitat il-limitazzjoni tas-setgħat tagħhom li jintervjenu biex jistabilizzaw is-suq, jekk u meta jkun meħtieġ.

(19) Billi mhux il-parteċipanti kollha fis-suq li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar ikunu kapaċi jsiru membri tal-ikklerjar tas-CCP, huma għandu jkollhom il-possibilità ta’ aċċess għas-CCPs bħala klijenti.

(20) L-introduzzjoni ta' obbligu tal-ikklerjar flimkien ma' proċess li jistabilixxi liema CCPs jistgħu jintużaw għall-fini ta’ dan l-obbligu tista’ twassal għal distorsjonijiet bla ħsieb għall-kompetizzjoni fis-suq tad-derivati OTC. Pereżempju, CCP tista’ tirrifjuta li tikklerja tranżazzjonijiet eżegwiti f'ċerti postijiet tan-negozjar għaliex is-CCP tkun proprjetà ta’ post tan-negozjar kompetitur. Biex jiġu evitati prattiki diskriminatorji bħal dawn, is-CCPs għandhom jaċċettaw li jikklerjaw it-tranżazzjonijiet imwettqa f’postijiet differenti, safejn dawn tal-aħħar jikkonformaw mar-rekwiżiti operazzjonali u tekniċi stabiliti mis-CCP. Ġeneralment, il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tas-suq tad-derivati OTC u għandha, fejn neċessarju, tintervjeni sabiex tipprevjeni li tali distorsjonijiet għall-kompetizzjoni jokkorru fis-Suq Intern.

(21) Sabiex jiġu identifikati l-klassijiet rilevanti ta’ derivati OTC li għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, il-livelli limitu u l-kontropartijiet mhux finanzjarji rilevanti sistemikament, jeħtieġ dejta affidabbli. Għalhekk, għall-finijiet regolatorji, huwa importanti li jiġi stabilit rekwiżit tar-rapportar uniformi tad-dejta dwar id-derivati OTC fil-livell tal-Unjoni.

(22) Huwa importanti li l-parteċipanti fis-suq jirrapportaw lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet id-dettalji kollha dwar il-kuntratti tad-derivati OTC li jidħlu fihom. Konsegwentement, l-informazzjoni dwar ir-riskji inerenti fis-swieq tad-derivati OTC ser tkun ċentralment maħżuna u faċilment aċċessibbli mill-AETS, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti u l-banek ċentrali rilevanti tas-SEBĊ.

(23) Sabiex tkun possibbli li tinkiseb idea komprensiva dwar is-suq, għandhom jiġu rrapportat lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kemm il-kuntratti klerjati kif ukoll dawk mhux klerjati.

(24) L-obbligu li jiġu rrappurtati kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tal-kuntratt, għandu japplika għall-kontropartijiet oriġinali f’ kuntratt u għal kwalunkwe entità oħra li tirrapporta f’isem il-kontropartijiet oriġinali. Kontraparti jew l-impjegati tagħha li tirrapporta d-dettalji sħaħ ta’ kuntratt lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’isem kontraparti oħra, skont dan ir-Regolament, ma għandhiex tikser xi restrizzjoni tad-divulgazzjoni.

(25) Għandu jkun hemm penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward tal-obbligi tal-ikklerjar u r-rapportar. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw dawk il-penali b’mod li ma jnaqqasx l-effikaċja ta’ dawk ir-regoli.

(26) L-awtorizzazzjoni ta’ CCP għandha tkun soġġetta għal ammont minimu ta’ kapital inizjali. Kapital, flimkien mal-qligħ miżmum u r-riżervi ta' CCP, għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs u l-attività tas-CCP f’kull ħin sabiex jiżguraw li din tkun kapitalizzata adegwatement kontra riskji operazzjonali jew residwi u li tkun kapaċi li twettaq stralċ ordinat jew ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħha jekk dan ikun meħtieġ.

(27) Peress li dan ir-Regolament jintroduċi obbligu legali għall-ikklerjar permezz ta’ CCPs speċifiċi għal skopijiet regolatorji, hu essenzjali li jiġi żgurat li dawk is-CCPs ikunu siguri u sodi u jikkonformaw f'kull waqt mar-rekwiżiti organizzazzjonali, tal-kondotta tal-operazzjonijiet u prudenzjali stretti stabiliti b’dan ir-Regolament. Għandhom japplikaw għall-ikklerjar tal-istrumenti finanzjarji kollha li s-CCPs jitrattaw magħhom, sabiex jiżguraw applikazzjoni uniformi.

(28) Għalhek ikun neċessarju, għal finijiet regolatorji u ta’ armonizzazzjoni, li jiġi żgurat li l-kontropartijiet finanzjarji jużaw biss CCPs li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(29) Regoli diretti dwar l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs huma korollarju essenzjali għall-obbligu tal-ikklerjar tad-derivati OTC. Huwa xieraq li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jżommu r-responsabilità għall-aspetti kollha tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CCPs, inkluż il-verifika li s-CCP applikanta tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u mad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli [il-finalità tas-saldu fis-sistemi tas-saldu b’pagament u titoli][27], fid-dawl tal-fatt li dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jibqgħu fl-aqwa pożizzjoni biex jeżaminaw kif joperaw is-CCPs fuq bażi ta’ kuljum, biex iwettqu eżamijiet regolari u jieħdu l-azzjoni xierqa, fejn ikun meħtieġ.

(30) Meta CCP tissogra insolvenza, ir-responsabilità fiskali tista’ tkun predominanti tal-Istat Membru fejn hi stabilita. Għaldaqstant l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ dik is-CCP għandha l-ewwel tiġi eżerċitata mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, billi l-membri tal-ikklerjar tas-CCP jistgħu jkunu stabiliti fi Stati Membri differenti u se jkunu l-ewwel li jiġu milquta mill-inadempjenza tas-CCP, huwa imperattiv li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha jkunu involuti fil-proċess tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni u li l-mekkaniżmi tal-kooperazzjoni xierqa, inklużi l-kulleġġi, ikunu fis-seħħ. Dan għandu jevita miżuri jew prattiki nazzjonali diverġenti u ostakli fis-suq intern. L-AETS għandha tkun parteċipant f’kull kulleġġ sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u korretta ta’ dan ir-Regolament.

(31) Hu meħtieġ li jiġu rinfurzati d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u t-tisħiħ tal-obbligi tal-assistenza u l-kooperazzjoni bejniethom. Minħabba żieda fl-attività transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom sabiex jiżguraw l-infurzar effikaċi ta’ dan ir-Regolament, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn il-ksur jew il-ksur suspettat jistgħu jkunu ta’ tħassib għall-awtoritajiet f’żewġ Stati Membri jew iżjed. Għall-iskambju tal-informazzjoni, jeħtieġ segretezza professjonali stretta. Huwa essenzjali, minħabba l-impatt wiesa’ tal-kuntratti tad-derivati OTC, li awtoritajiet relevanti oħra, bħall-awtoritajiet fiskali u r-regolaturi tal-enerġija, ikollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja biex jaqdu dmirijiethom.

(32) Fid-dawl tan-natura globali tas-swieq finanzjarji, l-AETS għandha tkun responsabbli direttament għar-rikonoxximent tas-CCPs stabiliti f’pajjiżi terzi u għaldaqstant biex tippermettilhom jipprovdu s-servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni, sakemm il-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet il-qafas legali u superviżorju ta’ dak il-pajjiż terz bħala ekwivalenti għall-qafas tal-Unjoni u li ċerti kondizzjonijiet oħra jkunu ssodisfati. F’dan il-kuntest, ftehimiet mas-sieħba internazzjonali ewlenin tal-Unjoni ser ikunu ta’ importanza partikoari sabiex jiġi żgurat kuntest ekwu globali u tiġi żgurata l-istabilità finanzjarja.

(33) CCP għandu jkollha arranġamenti ta’ governanza robusti, maniġment superjuri ta’ reputazzjoni tajba u membri indipendenti fuq il-bord tagħha, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tagħha. Madankollu, l-arranġamenti differenti ta’ governanza u l-istrutturi tas-sjieda ta’ CCP jistgħu jinfluwenzaw ir-rieda jew l-abilità tas-CCP għall-ikklerjar ta’ ċertu prodotti. Għalhekk huwa xieraq li l-membri indipendenti tal-bord u l-kumitat tar-riskju li jrid jiġi stabilit mis-CCP, jindirizzaw kwalunkwe konflitt ta’ interess potenzjali li tista’ taffaċċa CCP. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti jeħtieġu jkunu rappreżentati b’mod xieraq għax id-deċiżjonijiet meħuda mis-CCP jistgħu jolqtuhom. (34) CCP tista’ testernalizza funzjonijiet apparti l-funzjonijiet tagħha tal-immaniġjar tar-riskju, imma fejn dawk il-funzjonijiet esternalizzati ma jħallux impatt fuq l-operat xierqa tas-CCP u l-abilità tagħha li timmaniġja r-riskji.

(35) Ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni għal CCP għandhom għalhekk ikunu trasparenti, proporzjonati, u mhux diskriminatorji u għandhom jippermettu l-aċċess mill-bogħod safejn dan ma jesponix lis-CCP għal riskji addizzjonali.

(36) Il-klijenti tal-membri tal-ikklerjar li jikklerjaw id-derivati OTC tagħhom mas-CCPs għandhom jingħataw livell għoli ta’ protezzjoni. Il-livell fattwali ta’ protezzjoni jiddependi mil-livell ta’ segregazzjoni li jagħżlu dawk il-klijenti. L-intermedjarji għandhom jissegregaw l-assi tagħhom minn dawk tal-klijenti tagħhom. Għalhekk, is-CCPs għandhom iżommu r-rekords aġġornati u faċilment identifikabbli.

(37) CCP għandu jkollha qafas għall-immaniġjar tar-riskji sod biex jiġu mmaniġjati r-riskji tal-kreditu, riskji tal-likwidità, operazjonali u riskji oħra, inklużi r-riskji li jkollhom għal entitajiet oħra b’konsegwenza tal-interdipendenzi. CCP għandu jkollha proċeduri u mekkaniżmi adegwati fis-seħħ biex tittratta l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta' kontaġju ta’ tali inadempjenza, is-CCP għandu jkollha fis-seħħ rekwiżiti stretti ta’ parteċipazzjoni, tiġbor marġini inizjali xierqa, iżżomm fond tal-inadempjenza u riżorsi oħra finanzjarji biex tkopri telfiet potenzjali.

(38) L-appelli għall-manutenzjoni tal-marġini u t-telf impost fuq il-kollateral jista’ jkollhom effetti proċikliċi. Is-CCPs u l-awtoritajiet kompetenti għandhom għaldaqstant jadottaw miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-effetti proċikliċi possibbli fi prattiki tal-immaniġjar tar-riskji adottati mis-CCPs, sa kemm is-sodezza tas-CCP u s-sigurtà finanzjarja ma tiġix affetwata b’mod negattiv.

(39) L-immaniġjar tal-iskoperturi huwa parti essenzjali tal-proċess tal-ikklerjar. Għandu jingħata l-aċċess għas-sorsi tal-ipprezzar rilevanti u l-użu tagħhom biex jitfornew servizzi tal-ikklerjar inġenerali. Dawn is-sorsi tal-ipprezzar għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, dawk relatati mal-indiċijiet li jkunu użati bħala referenzi għal derivati jew strumenti finanzjarji oħra.

(40) Il-marġini huma l-ewwel linja ta’ difiża għal CCP. Għalkemm is-CCPs għandhom jinvestu l-marġini rċevuti b’mod sikur u prudenti, għandhom jagħmlu sforzi partikolari sabiex jiżguraw protezzjoni adegwata tal-marġini sabiex jiggarantixxu li dawn jiġu rritornati fil-ħin lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti jew lil CCP interoperabbli meta s-CCP li tiġbor dawn il-marġini tkun inadempjenti.

(41) Il-"European Code of Conduct for Clearing and Settlement" (Kodiċi tal-Kondotta Ewropea għall-Ikklerjar u s-Saldu) tas-7 ta’ Novembru 2006[28] stabilixxa kwadru volontarju għat-twaqqif ta’ konnessjonijiet bejn is-CCPs u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, is-settur ta’ wara n-negozjar jibqa' frammentat skont il-linji nazzjonali, u jwassal għal kost ogħla għan-negozji transfruntieri u t-tfixkil tal-armonizzjoni. Għaldaqstat hu neċessarju li jiġu stabiliti l-kundizzjonijiet għall-istabiliment ta’ arranġamenti interoperabbli bejn is-CCPs safejn dawn ma jesponux lis-CCPs rilevanti għal riskji li ma jkunux immaniġjati kif xieraq.

(42) L-arranġamenti tal-interoperabilità huma għodod importanti għal integrazzjoni akbar għas-suq ta' wara n-negozjar fl-Unjoni u għandha tiġi pprovduta regolazzjoni. Madankollu, l-arranġamenti tal-interoperabilità tista’ tesponi lis-CCPs għal riskji addizzjonali. Fid-dawl tal-komplessità addizzjonali involuta fl-arranġamenti tal-interoperabilità bejn is-CCPs li jikklerjaw il-kuntratti tad-derivati OTC, huwa xieraq li f’dan l-istadju jiġi ristrett l-ambitu tal-arranġamenti tal-interoperabilità għat-titoli ta’ flus. Madankollu, sat-30 ta’ Settembru 2014, l-AETS għandha tissottometti rapport lill-Kummissjoni dwar jekk ikunx xieraq it-twessigħ ta’ dak l-ambitu biex jinkludi strumenti finanzjarji oħra.

(43) Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġbru d-dejta għal skopijiet regolatorji li tkun rilevanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha. Fid-dawl tal-fatt li s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ma jkollha l-ebda implikazzjoni fiskali u li bosta awtoritajiet madwar l-Istati Membri ser jeħtieġu jaċċessaw id-dejta miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-AETS għandha tassumi r-responsabilità għar-reġistrazzjoni, l-irtirar u s-sorveljanza tar-repożitorji tan-negożjar.

(44) Peress li r-regolaturi, is-CCPs u parteċipanti oħra fis-suq joqogħdu fuq id-dejta miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi żgurat li dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti taż-żamma tar-rekords u tal-immaniġjar tad-dejta.

(45) It-trasparenza tal-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi pprovduti mis-CCPs u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet hi meħtieġa sabiex tippermetti lill-parteċipanti fis-suq li jagħmlu għażla infurmata.

(46) L-AETS għandha tkun kapaċi tipproponi lill-Kummissjoni biex timponi pagamenti ta’ penali perjodiċi. Dawk il-pagamenti ta’ penali perjodiċi għandhom iservu biex ksur stabilit mill-AETS jitwaqqaf, biex informazzjoni li tintalab mill-AETS tingħata u biex ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u persuni oħra joqgħodu għal investigazzjoni. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ deterrent u biex ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġġiegħlu jikkonformaw mar-Regolament, il-Kummissjoni għandha wkoll tkun kapaċi timponi multi, fuq talba tal-AETS, fejn dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament ikunu nkisru intenzjonalment jew negliġentement. Il-multa għandha tkunu dissważiva u proporzjonali għan-natura u s-serjetà tal-ksur, id-durata tal-ksur u l-kapaċità ekonomika tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet konċernat.

(47) Sabiex tistħarreġ effikaċement ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, l-AETS għandu jkollha d-dritt tikkonduċi investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post.

(48) Huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-AETS għandhom jipproteġu d-dritt tal-privatezza tal-persuni fiżiċi meta jipproċessaw id-dejta personali skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data[29].

(49) Huwa importanti li tiġi żgurata konverġenza internazzjonali tar-rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Dan ir-Regolament isegwi r-rakkomandazzjonijiet żviluppati mis-CPSS-IOSCO[30] u SEBĊ-KRTE[31] u joħloq qafas tal-Unjoni li fih is-CCPs ikunu jistgħu joperaw b’mod sikur. L-AETS għandha tqis dawn l-iżviluppi meta tfassal l-istandards tekniċi regolatorji kif ukoll il-linji gwidi u r-rakkomandazzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament.

(50) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat fir-rigward tad-dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika lill-AETS u fir-reġistru, u l-kriterji għad-deċiżjoni tal-AETS dwar l-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar, dwar il-livell limitu tal-informazzjoni u l-ikklerjar, dwar id-durata massima ta’ kuntratt, dwar il-likwidità, dwar il-kontenut minimu tar-regoli ta’ governanza, dwar id-dettalji taż-żamma tar-rekords, dwar il-kontenut minimu tal-pjan tal-kontinwità tal-operat u s-servizzi garantiti, dwar il-perċentwali u l-firxa ta’ żmien għar-rekwiżiti tal-marġini, dwar il-kundizzjonijiet estremi tas-suq, dwar il-kollateral likwidu ħafna u t-tnaqqisiet imposti (haircuts), dwar l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna u l-limiti ta’ konċentrazzjoni, dwar id-dettalji tal-prestazzjoni tat-testijiet, dwar id-dettalji dwar l-applikazzjoni ta’ repożitorju tan-negozju għar-reġistrazzjoni tal-AETS, dwar il-multi u dwar id-dettalji dwar l-informazzjoni li repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli, kif imsemmi f’dan ir-Regolament. Meta tiddefenixxi l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tuża l-kompetenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti (AETS, ABE, AEAPX). Fid-dawl tal-kompetenza tal-AETS rigward kwistjonijiet dwar titoli u s-swieq tat-titoli, l-AETS għandu jkollha rwol ċentrali f'li tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar it-tħejjija tal-atti delegati. Madankollu, fejn xieraq, l-AETS għandha tikkonsulta mill-qrib maż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra.

(51) Skont l-Artikolu 291 TFUE, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi tal-Kummissjoni għandhom jiġu stipulati minn qabel permezz ta’ Regolament adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-Regolament il-ġdid, tibqa’ tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, għajr għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, li ma hijiex applikabbli.

(52) Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stipulati rekwiżiti uniformi għall-kuntratti tad-derivati barra l-Borża (OTC) u wkoll li jiġu stipulati rekwiżiti uniformi għat-twettiq tal-attivitajiet tal-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħaba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stiplat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(53) Fid-dawl tar-regoli rigward is-sistemi interoperabbli, tqies xieraq li tiġi emendata id-Direttiva 98/26/KE biex tipproteġi d-drittijiet ta’ operatur tas-sistema li jipprovdi titolu kollateral lil operatur tas-sistema riċeventi fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra dak l-operatur tas-sistema riċeventi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Titolu I Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1 Suġġett u ambitu

1. Dan ir-Regolament jistabilixxi rekwiżiti uniformi għall-kuntratti tad-derivati stabiliti fl-Anness I it-Taqsima C in-numri (4) sa (10) tad-Direttiva 2004/39/KE li jkunu nnegozjati barra l-Borża u jistabilixxi rekwiżiti uniformi għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kontropartijiet ċentrali, kontropartijiet finanzjarji u għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Għandu japplika għal kontropartijiet mhux finanzjarji fejn ikun hekk previst.

3. It-Titolu V għandu japplika biss għal titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, kif iddefinit fl-Artikolu 4(1) il-punt 18 (a) u (b) u il-punt 19 tad-Direttiva 2004/39/KE .

4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika:

(a) għall-Membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u korpi nazzjonali oħra li jwettqu funzjonijiet simili u korpi pubbliċi oħra li jintervjenu jew inkarigati biex jintervjenu fl-immaniġjar tad-dejn pubbliku;

(b) għall-banek ta’ żvilupp multilaterali, kif imniżżla taħt it-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI għad-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(1) 'kontraparti ċentrali (CCP)' tfisser entità li tintervjeni b’mod legali bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati fi ħdan suq finanzjarju wieħed jew iżjed, u ssir ix-xerrej għal kull bejjiegħ u l-bejjiegħ għal kull xerrej u li tkun responsabbli għall-operat ta’ sistema tal-ikklerjar;

(2) 'repożitorju tat-tranżazzjonijiet' tfisser entità li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tad-derivati OTC;

(3) 'ikklerjar' tfisser il-proċess biex jiġu stabiliti pożizzjonijiet tas-saldu, inkluż il-kalkolu tal-pożizzjonijiet netti, u l-proċess tal-iċċekkjar ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji, flus jew it-tnejn li huma, jkunu disponibbli biex jiżguraw l-iskoperturi li joħorġu minn tranżazzjoni;

(4) 'klassi ta’ derivati’ tfisser numru ta’ kuntratti tad-derivati OTC li għandhom karatteristiċi essenzjali komuni;

(5) 'derivati barra l-Borża (OTC)' tfisser kuntratti derivati li l-eżkuzzjoni tagħhom ma sseħħx fuq suq regolat kif iddefinit mill-Artikolu 4 (1) il-punt 14 tad-Direttiva 2004/39/KE;

(6) 'kontraparti finanzjarja' tfisser ditti tal-investiment kif stabiliti fid-Direttiva 2004/39/KE, istituzzjonijiet tal-kreditu kif iddefiniti fid-Direttiva 2006/48/KE, impriżi tal-assigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 73/239/KEE, impriżi tal-assigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/83/KE, impriżi ta’ riassigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttiva 2005/68/KE, impriżi għal investimenti kollettivi f’titoli trasferibbli (UCITS) kif iddefiniti fid-Direttiva 2009/65/KE, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif iddefiniti Direttiva 2003/41/KE u maniġers ta’ fondi tal-investiment alternattiv kif iddefiniti fid-Direttiva 2010/.../UE;

(7) 'kontraparti mhux finanzjarja' tfisser impriża stabilita fl-Unjoni minbarra l-entitajiet imsemmija fil-punt (6);

(8) 'riskju ta’ kreditu tal-kontraparti' tfisser ir-riskju li l-kontraparti fi tranżazzjoni tkun inadempjenti qabel is-saldu finali tal-flussi tal-flus tat-tranżazzjoni;

(9) 'arranġament tal-interoperabilità' tfisser arranġament bejn żewġ CCPs jew iżjed li jinvolvu eżekuzzjoni trasversali ta’ tranżazzjonijiet;

(10) 'awtorità kompetenti' tfisser l-awtorità ddeżinjata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 18;

(11) 'membru tal-ikklerjar' tfisser impriża li tipparteċipa f’CCP u li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi finanzjarji li joħorġu minn dik il-parteċipazzjoni;

(12) 'klijent' tfisser impriża b’relazzjoni kuntrattwali ma’ membru tal-ikklerjar li jippermetti lil dik l-impriża li tikklerja t-tranżazzjonijiet tagħha ma’ dik is-CCP;

(13) ‘parteċipazzjoni kwalifikata’ tfisser kwalunkwe parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jirrappreżenta 10% jew iżjed tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabilit fl-Artikolu 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat[32], filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet dwar l-aggregazzjoni tagħhom kif stabilit fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tagħmiha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-maniġment tas-CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet li fih teżisti dik il-parteċipazzjoni;

(14) ‘impriża prinċipali’ tfisser impriża skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE[33];

(15) ‘sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja skont it-tifsir tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE, inkluża kwalunkwe sussidjarja ta’ impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali;

(16) ‘kontroll’ tfisser kontroll kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(17) ‘konnessjonijiet mill-qrib’ tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi huma konnessi permezz ta’:

(a) parteċipazzjoni li tfisser il-proprjetà, diretta jew permezz ta’ kontroll, ta’ 20% jew iżjed tad-drittijiet tal-vot jew kapital ta’ impriża,

(b) kontroll li jfisser ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 83/349/KEE, jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u impriża, kwalunkwe impriża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja li tkun meqjusa wkoll bħala sussidjarja tal-impriża prinċipali li tkun il-kap ta’ dawk l-impriżi.Sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew iżjed ikunu konnessi b’mod permanenti ma’ persuna waħda permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll għandha titqies ukoll li tikkostitwixxi konnessjoni mill-qrib bejn tali persuni.

(18) 'kapital' tfisser kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn[34] sakemm dan ikun tħallas totalment, u l-kontijiet tal-primjum tal-ishma relatati, sakemm jassorbi kompletament it-telfiet f’sitwazzjonijiet ta’ negozju avvjat, u sakemm fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni jkun ikklassifikat wara li jitqiesu l-pretensjonijiet l-oħra;

(19) 'riservi' tfisser riservi kif stabilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji[35] u profitti u telf riportati b’konsegwenza tal-applikazzjoni tal-profitti jew it-telf finali;

(20) 'il-bord' tfisser il-bord amministrattiv jew superviżorju, jew it-tnejn li huma, skont id-dritt nazzjonali dwar il-kumpaniji;

(21) 'membru indipendenti tal-bord' tfisser membru tal-bord li ma għandu l-ebda negozju, familja jew l-ebda relazzjoni li tqajjem konflitt ta’ interess mas-CCP, l-azzjonist(i) li għandhom kontroll tagħha jew il-maniġment jew il-membri tal-ikklerjar tagħha jew il-maniġment;

(22) 'maniġment superjuri' tfisser il-persuna jew persuni li effettivmant jidderieġu n-negozju tas-CCP u l-membru jew membri eżekuttiv/i tal-bord.

Titolu IIIkklerjar, rapportar u mitigazzjoni tar-riskju tad-derivati OTC

Artikolu 3 Obbligu tal-ikklerjar

1. Kontraparti finanzjarja għandha tikklerja l-kuntratti tad-derivati OTC kollha li huma meqjusa eliġibbli skont l-Artikolu 4 u li huma konklużi ma’ kontropartijiet finanzjarji oħra fis-CCPs rilevanti mniżżla fir-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 4(4).

Dak l-obbligu tal-ikklerjar għandu japplika wkoll għal kontropartijiet finanzjarji u għall-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2) li jidħlu f’kuntratti tad-derivati OTC eliġibbli ma’ entitajiet ta’ terzi pajjiżi.

2. Għall-finijiet tal-konformità mal-obbligu tal-ikklerjar taħt il-paragrafu 1, il-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom isiru jew membri tal-ikklerjar jew klijenti.

Artikolu 4 Eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar

1. Meta awtorità kompetenti tkun awtorizzat CCP sabiex tikklerja klassi ta’ derivati skont l-Artikolu 10 jew 11, għandha minnufih tinnotifika lill-AETS b’dik l-awtorizzazzjoni u titlob deċiżjoni dwar l-eliġibilità għall-obbligu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 3.

2. L-AETS, wara li tirċievi n-notifika u t-talba msemmija fil-paragrafu 1, għandha, fi żmien sitt xhur, tindirizza deċiżjoni lill-awtorità kompetenti rikjedenti fejn tiddikjara li ġej:

(a) jekk dik il-klassi ta’ derivati tkunx eliġibbli għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu3;

(b) id-data li minnha jibda l-obbligu tal-ikklerjar.

3. L-AETS għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-kriterji li ġejjin:

(a) tnaqqis tar-riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja;

(b) il-likwidità tal-kuntratti;

(c) id-disponibilità tal-informazzjoni dwar l-ipprezzar;

(d) l-abilità tas-CCP li timmaniġġa l-volum tal-kuntratti;

(e) il-livell ta’ protezzjoni għall-klijent ipprovdut mis-CCP.

Qabel ma tieħu deċiżjoni, l-AETS għandha twettaq konsultazzjoni pubblika u, fejn xierqa, tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi.

4. L-AETS għandha minnufih tippubblika kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 2 f’reġistru. Dan ir-reġistru għandu jkun fih il-klassijiet eliġibbli tad-derivati u s-CCPs awtorizzati li jikklerjawhom. L-AETS għandha regolarment taġġorna dak ir-reġistru.

L-AETS għandha regolarment teżamina d-deċiżjonijiet tagħha u għandha temendahom fejn ikun meħtieġ.

5. L-AETS għandha, fuq l-inizjattiva proprja tagħha u b’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (BERS), tidentifika u tinnotifika lill-Kummissjoni l-klassijiet ta’ kuntratti derivati li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru pubbliku tagħha, iżda li għalihom l-ebda CCP tkun għadha ma rċeviet awtorizzazzjoni.

6. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1;

(b) il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3;

(c) id-dettalji li għandhom jiġu inklużi fir-reġistru msemmi fil-paragrafu 4.

Id-dettalji fil-paragrafu 4 għandhom bħala minimu b’mod korrett u inekwivoku jidentifikaw il-klassi ta’ derivati soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

L-istandards regolatorji abbozzati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġi adottati skont l-Artikoli [7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 5 Aċċess għal CCP

CCP li tkun ġiet awtorizzata biex tikklerja kuntratti tad-derivati OTC eliġibbli għandha taċċetta li tikklerja dawn il-kuntratti fuq bażi mhux diskriminatorja, irrispettivament mill-post tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 6 Obbligu ta’ rapportar

1. Il-kontropartijiet finanzjarji għandhom jirrapportaw lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 51 id-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt tad-derivat OTC li jkunu daħlu fih u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni. Id-dettalji għandhom jiġu rrappurtati mhux iżjed tard mill-jum tax-xogħol wara l-eżekuzzjoni, l-ikklerjar, jew il-modifika tal-kuntratt.

Entitajiet oħra jistgħu jirrapportaw kwalunkwe modifika jew terminazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 f’isem il-kontropartijiet oriġinali, sa kemm id-dettalji kollha tal-kuntratt jiġu rrappurtati mingħajr dupplikazzjoni.

2. Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx jista’ jirreġistra d-dettalji ta’ kuntratt tad-derivati OTC, il-kontropartijiet finanzjarji għandhom jirrapportaw id-dettalji tal-pożizzjonijiet tagħhom f’dawn il-kuntratti lill-awtorità kompetenti ddeżinjata skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE.

Id-dettalji li għandhom jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti għandhom ikunu mill-inqas dawk li jiġu rrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

3. Kontraparti li tkun soġġetta għall-obbligu tar-rapportar tista’ tiddelega r-rapportar tad-dettalji tal-kuntratt tad-derivati OTC lill-kontraparti l-oħra.

Kontraparti li tirrapporta d-dettalji sħaħ ta’ kuntratt lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet f’isem kontraparti oħra ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni imposta minn dak il-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

L-ebda obbligazzjoni li tirriżulta minn dik id-divulgazzjoni ma għandha tappartjeni għall-entità relatriċi jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha.

4. Is-setgħat huma ddelegati lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina d-dettalji u t-tipi ta’ rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-klassijiet differenti tad-derivati.

Dawk ir-rapporti għandu jkun fihom mill-inqas:

(a) il-partijiet fil-kuntratt u, meta jkunu differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnhom għandhom ikunu identifkati b’mod xieraq;

(b) il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt, inklużi t-tip, l-element sottostanti, il-maturità u l-valur nozzjonali jiġu rrappurtati.

L-istandards tekniċi regolatorji abbozzati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġi adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji abbozzati għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

5. Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, is-setgħat huma kkonferiti lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-format u l-frekwenza tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għall-klassijiet differenti tad-derivati. L-istandards implimentatorji abbozzati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikolu 7e] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tiżviluppa standards tekniċi implimentatorji abbozzati għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 7 Kontropartijiet mhux finanzjarji

1. Meta kontraparti mhux finanzjarja tassumi pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivati OTC li jeċċedu l-livell limitu ta’ informazzjoni li għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafu 3(a), għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti ddeżinjata skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE, u tipprovdi ġustifikazzjoni għat-teħid ta’ dawk il-pożizzjonijiet.

Dik il-kontraparti mhux finanzjarja għandha tkun soġġetta għall-obbligu tar-rapportar stabilit fl-Artikolu 6(1).

2. Meta kontraparti mhux finanzjarja tassumi pożizzjonijiet f’kuntratti tad-derivati OTC li jeċċedu l-livell limitu tal-ikklerjar li għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafu 3(b), għandha tkun soġġetta għall-obbligu tal-ikklerjar stabilit fl-Artikolu 3 fir-rigward tal-kuntratti tad-derivati OTC eliġibbli kollha tagħha.

L-awtorità kompetenti ddeżinjata skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE għandha tiżgura li l-obbligu skont l-ewwel subparagrafu jintlaħaq.

3. Jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi li jispeċifikaw:

(a) il-livell limitu tal-informazzjoni;

(b) il-livell limitu tal-ikklerjar.

Dawk il-livelli limitu għandhom jiġu ddeterminati filwaqt li tiġi kkunsidrata r-rilevenza sistemika tas-somma tal-pożizzjonijiet netti u l-iskoperturi mill-kontraparti għal kull klassi ta’ derivati.

L-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku ("BERS") u awtoritajiet oħra rilevanti, għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012.

4. Fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-kuntratti tad-derivati OTC li tkun daħlet fihom kontraparti mhux finanzjarja li huma oġġettivament miżurabbli bħala konnessi direttament mal-attività kummerċjali ta’ dik il-kontraparti ma għandhomx jiġu kkunsidrati.

5. Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-AETS, il-BERS u awtoritajiet oħra rilevanti, għandha perjodikament teżamina l-livelli limitu stabiliti fil-paragrafu 3 u temendahom, fejn neċessarju.

Artikolu 8 Tekniċi ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivati OTC mhux ikklerjati minn CCP

1. Il-kontropartijiet finanzjarji jew il-kontropartijiet mhux finanzjarji msemmija fl-Artikolu 7(2), li jidħlu f’kuntratt tad-derivati OTC mhux ikklerjat minn CCP għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri u arranġamenti fis-seħħ għall-kejl, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u tal-kreditu, inklużi mill-inqas:

(a) fejn possibbli, mezzi elettroniċi li jiżguraw il-konferma fil-ħin tat-termini tal-kuntratt tad-derivati OTC;

(b) proċessi robusti, reżiljenti u awditjabbli sabiex jiġu rikonċiljati l-portafolji, sabiex jiġi mmaniġjat ir-riskju assoċjat u sabiex jiġu identifikati tilwimiet bejn il-partijiet fi stadju bikri u sabiex jiġu riżolti, u għall-monitoraġġ tal-valur tal-kuntratti pendenti.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-valur tal-kuntratti pendenti għandu jkun ipprezzat skont il-valur fis-suq fuq bażi ta’ kuljum u l-proċeduri tal-immaniġjar tar-riskji għandhom jirrikjedu l-iskambju segregat fil-ħin, akkurat u xieraq tal-kollateral jew il-parteċipazzjoni xierqa u proporzjonata fil-kapital.

2. Is-setgħat huma delegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw id-dewmien massimu bejn il-konklużjoni ta’ kuntratt tad-derivati OTC u l-konferma msemmija fil-paragrafu 1(a).

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozz lill-Kummissjoni għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

3. Jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-arraġamenti u l-livelli ta’ kollateral u r-rekwiżit kapitali għall-konformità mal-paragrafu 1(b) u t-tieni subparagrafru tal-paragrafu 1.

Skont in-natura legali tal-kontraparti, l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont jew l-Artikoli [7 sa 7d] tar-Regolament UE…/…[ ABE], l-Artikoli [7 sa 7d] tar-Regolament UE…/…[AETS] jew l-Artikoli [7 sa 7d] tar-Regolament UE…/…[ AEAPX].

L-ABE, l-AETS u l-AEAPX għandhom jissottomettu, b’mod konġunt, abbozz komuni lill-Kummissjoni għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 9 Penali

1. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tar-regoli skont dan it-Titolu u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom jinkludu mill-inqas multi amministrattivi. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta’ kontropartijiet finanzjarji, u fejn xieraq, kontropartijiet mhux finanzjarji jiddivulgaw kull penali li tkun ġiet imposta għal ksur tal-Artikoli 3 sa 8 lill-pubbliku, sakemm din id-divulgazzjoni ma tipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji jew tikkawża ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti.

Sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom mingħajr dewmien.

3. Il-Kummissjoni, bl-assistenza tal-AETS, għandha tivverifika li l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 u l-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 7 (1) u (2) jkunu applikati b’mod effettiv u konsistenti.

Titolu IIIA wtorizzazzjoni u supervizjoni tas-CCPs

Kapitolu 1Kundizzjonijiet u Proċeduri għall-Awtorizzazzjoni ta’ CCP

Artikolu 10 Awtorizzazzjoni ta’ CCP

1. Meta CCP, li tkun persuna ġuridika stabilita fl-Unjoni u jkollha aċċess għal likwidità adegwata, ikollha l-intenzjoni li twettaq is-servizzi u l-attivitajiet tagħha, hi għandha tapplika għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabilita.

Tali likwidità tista’ tirriżulta minn aċċess għal likwidità ta’ bank ċentrali jew għal-likwidità ta’ bank kummerċjali ta’ sodezza kreditizja u affidabilità, jew taħlita tat-tnejn. Aċċess għal-likwidità jista' jirriżulta minn awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/48/KE jew arranġamenti xierqa oħra.

2. L-awtorizzazzjoni għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

3. L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika s-servizzi jew l-attivitajiet li s-CCP tkun awtorizzata li tipprovdi jew twettaq inklużi l-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji koperti mill-awtorizzazzjoni.

4. CCP għandha tikkonforma f’kull ħin mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-bidu.

CCP għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-awtorità bi kwalunkwe bidliet materjali li jaffetwaw il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-bidu.

5. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għal-likwidità adegwata msemmija fil-paragrafu 1.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-ABE għandha, b’konsultazzjoni mal-AETS, tissottometti abbozz lill-Kummissjoni għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 11 Estensjoni tal-attivitajiet u servizzi

1. CCP li tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha għal servizzi jew attivitajiet addizzjonali mhux koperti mill-awtorizzazzjoni tal-bidu għandha tissottometti talba għall-estensjoni. L-offerta ta’ servizzi tal-ikklerjar f’munita differenti jew fi strumenti finanzjarji li b’mod sinifikanti jvarjaw fil-karatteristiċi tar-riskju tagħhom minn dawk li għalihom is-CCP tkun ġiet diġà awtorizzata għandha titqies bħala estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

L-estensjoni ta’ awtorizzazzjoni għandha ssegwi l-proċedura skont l-Artikolu 13.

2. Meta CCP tkun tixtieq testendi n-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra dak li ġiet stabilita fih, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabiliment għandu minnufih jinnotifika lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ieħor.

Artikolu 12 Rekwiżiti kapitali

1. CCP għandu jkollha kapital permanenti, disponibbli u separat ta’ mill-inqas EUR 5 miljuni li għandu jiġu awtorizzat skont l-Artikolu 10.

2. Il-kapital, flimkien mal-qligħ miżmum u r-riservi ta’ CCP, għandu dejjem ikun suffiċjenti sabiex jiżgura stralċ jew ristrutturar ordnat tal-attivitajiet fuq perjodu ta’ żmien xieraq u li s-CCP tkun protetta kif xieraq kontra riskji operazzjonali u residwi.

3. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw il-kapital, il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CCP imsemmija fil-paragrafu 2.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha, b’konsultazzjoni mal-ABE, tissottometti abbozz lill-Kummissjoni għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 13 Proċedura għall-għoti u ċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni

1. L-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta tkun kompletament sodisfatta li s-CCP applikanti tikkonforma mar-rekwi żiti kollha stabiliti f’dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti adottati skont id-Direttiva 98/26/KE, u b’segwitu tal-opinjoni pożittiva konġunta tal-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 15 u l-opinjoni tal-AETS.

2. Is-CCP applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti sabiex tkun sodisfatta li s-CCP applikanti stabilixxiet, fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni tal-bidu, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jintlaħqu l-obbligi tagħha stabiliti f’dan ir-Regolament.

3. Fi żmien sitt xhur tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-CCP applikanti bil-miktub dwar jekk ingħatatx l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 14 Kulleġġi

1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabiliment ta’ CCP għandha twaqqaf u tippresjedi kulleġġ li jiffaċilita t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 10, 11, 46 u 48.

Il-kulleġġ għandu jkun jikkonsisti minn:

(a) AETS;

(b) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabiliment tas-CCP;

(c) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP stabilita fit-tliet Stati Membri bl-ikbar kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tas-CCP imsemmi fl-Artikolu 40 fuq bażi aggregata;

(d) l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-swieq regolati, jew faċilitajiet tal-kummerċ multilaterali, servuti mis-CCP jew mit-tnejn;

(e) l-awtoritajiet kompetenti li jissuperizzaw is-CCPs li magħhom ikunu ġew stabiliti arranġamenti tal-interoperabilità;

(f) l-awtorità responsabbli għall-ħarsien tas-CCP u l-banek ċentrali tal-ħruġ tal-iżjed muniti rilevanti tal-istrumenti finanzjarji klerjati.

2. Il-kulleġġ għandu, mingħajr preġudizzju għar-responsabilitajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, jiżgura:

(a) il-preparazzjoni tal-opinjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 15;

(b) l-iskambju tal-informazzjoni, inklużi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 21;

(c) ftehim dwar kif jiġu fdati b’mod volontarju l-kompiti fost il-membri tiegħu;

(d) id-determinazzjoni ta’ programmi ta’ eżaminazzjoni superviżorja bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju tas-CCP;

(e) it-titjib tal-effiċjenza tas-superviżjoni permezz tat-tneħħija ta’ duplikazzjoni mhux meħtieġa ta’ rekwiżiti superviżorji;

(f) konsistenza fl-applikazzjoni ta’ prattiki superviżorji;

(g) id-determinazzjoni ta’ proċeduri u pjanijiet ta’ kontinġenza sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif imsemmija fl-Artikolu 22.

3. It-twaqqif u l-funzjonament tal-kulleġġ għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub bejn il-membri kollha tiegħu.

Dak il-ftehim għandu jiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-kulleġġ u jista’ jiddetermina l-kompiti fdati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabiliment ta’ CCP jew membru ieħor tal-kulleġġ.

Artikolu 15 Opinjoni konġunta

1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabilita għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju tas-CCP u tissottometti rapport lill-kulleġġ.

Il-kulleġġ għandu jilħaq opinjoni konġunta dwar dak ir-rapport fi żmien xahrejn minn meta jirċevieh.

2. L-AETS għandha tiffaċilita l-adozzjoni ta’ opinjoni konġunta skont is-setgħat tagħha tar-risolviment tan-nuqqas ta’ qbil taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament …/… [Regolament AETS] u l-funzjoni ġenerali tagħha ta’ kooordinazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-istess Regolament. Ma għandu jkollha l-ebda drittijiet ta’ votazzjoni fuq opinjonijiet konġunti tal-kulleġġ.

Artikolu 16 Irtirar tal-awtorizzazzjoni

1. L-awtorità kompetenti għandha tirtira l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) meta s-CCP ma tkunx għamlet użu tal-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, b’mod espress tirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma tkunx ipprovdiet servizzi jew ma tkun wettqet l-ebda attività fis-sitt xhur preċedenti;

(b) meta s-CCP tkun kisbet l-awtorizzazzjoni billi tkun għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezzi irregolari oħra;

(c) meta s-CCP ma tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet li bihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d) meta s-CCP tkun kisret serjament u sistematikament ir-rekwiżiti stabiliti f’dan ir-Regolament;

2. L-AETS u kwalunkwe membru ieħor tal-kulleġġ jistgħu, fi kwalunkwe żmien, jitolbu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn is-CCP tkun stabilita teżamina jekk is-CCP tkunx għadha konformi mal-kundizzjonijiet li taħthom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni.

3. L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar għal servizz partikolari, attività, jew strument finanzjarju.

Artikolu 17 Eżami u evalwazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mill-inqas fuq ba żi annwali, jeżaminaw l-arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi implimentati minn CCP fir-rigward tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u jevalwaw is-suq, ir-riskji operazzjonali u tal-likwidità li għalihom is-CCP tkun, jew tista’ tkun, esposta.

L-eżami u evalwazzjoni għandhom jikkunsidraw id-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CCP.

Kapitolu 2Superviżjoni u sorveljanza tas-CCPs

Artikolu 18 Awtoritajiet kompetenti

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni, superviżjoni u sorveljanza tas-CCPs stabiliti fit-territorju tiegħu u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-AETS bihom.

Meta Stat Membru jaħtar iżjed minn awtorità kompetenti waħda, għandu b’mod ċar jiddetermina r-rwoli rispettivi u għandu jaħtar awtorità waħda biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni, l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri skont l-Artikoli 19 sa 22.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat superviżorji u investigatorji meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri amministrattivi xierqa, b’konformità mad-dritt nazzjonali, ikunu jistgħu jittieħdu jew jiġu imposti fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi responsabbli meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jkunux ġew osservati.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

4. L-AETS għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 fuq is-sit tal-internet tagħha.

Kapitolu 3Kooperazzjoni

Artikolu 19 Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u mal-AETS.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fit-twettiq tal-obbligi ġenerali tagħhom, jikkunsidraw kif dovut l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabilità tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra konċernati, b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet tal-emerġenza msemmija fl-Artikolu 22, ibbażati fuq l-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien.

Artikolu 20 Segretezza professjonali

1. L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 18 AETS, jew l-awdituri u l-esperti mogħtija l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS.

L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li jistgħu jirċievu tul il-perkors tad-doveri tagħhom ma tista’ tiġi ddivulgata lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’mod li s-CCP, repożitorju tat-tranżazzjonijiet individwali jew kwalunkwe persuna oħra ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali jew id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament.

2. Meta CCP tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun qed tiġi stralċjata b’mod obbligatorju, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax partijiet terzi tista’ tiġi ddivulgata fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proċedimenti.

3. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tal-obbligi tagħhom u għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet oħra, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għall-iskop li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilhom jew fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-awtorità kompetenti jew xi awtorità oħra, korp jew persuna li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet oħra.

4. Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali rċevuta, skambjata jew trażmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Madankollu, dawk il-kundizzjonijiet ma għandhomx jipprevjenu l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti u l-banek ċentrali rilevanti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra applikabbli għal ditti tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu, fondi ta’ pensjoni, impriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ("UCITS"), maniġers ta’ fondi tal-investiment alternattiv ("AIFM"), intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni, swieq regolati jew operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew xi awtorità jew korp ieħor jew persuna fiżika jew ġuridika li tkun ikkomunikat l-informazzjoni.

5. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jipprevjenu l-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrażmettu informazzjoni kunfidenzjali, skont id-dritt nazzjonali, li ma tkunx ġiet irċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Artikolu 21 Skambju ta’ informazzjoni

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-AETS u lil entità oħra bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tad-doveri tagħhom taħt dan ir-Regolament.

2. L-awtoritajiet kompetenti u korpi oħra jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fit-twettiq tad-doveri tagħhom taħt dan ir-Regolament għandhom jużawha biss tul il-perkors tad-doveri tagħhom.

3. L-AETS għandha tittrażmetti informazzjoni kunfidenzjali rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-CCPs. L-awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħhom stabiliti f’dan ir-Regolament lill-AETS u awtoritajiet kompetenti oħra.

4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-banek ċentrali tas-SEBĊ fejn tali informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq ta' dmirijiethom.

Artikolu 22 Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

L-awtorità kompetenti jew kwalunkwe awtorità oħra għandha tinforma lill-AETS, il-kulleġġ u awtoritajiet rilevanti oħra mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CCP, inkluż l-iżviluppi fi swieq finanzjarji, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq u l-istabilità tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe Stat Membru fejn is-CCP jew wieħed mill-membri tal-ikklerjar tagħha jkun stabilit.

Kapitolu 4Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

Artikolu 23 Pajjiżi terzi

1. CCP stabilita f’pajjiż terz tista’ tipprovdi servizzi tal-ikklerjar lil entitajiet stabiliti fl-Unjoni biss meta dik is-CCP tkun rikonoxxuta mill-AETS.

2. L-AETS għandha tirrikonoxxi CCP minn pajjiż terz, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-Kummissjoni tkun adottat Deċiżjoni skont il-paragrafu 3;

(b) is-CCP tkun awtorizzata u soġġetta għal superviżjoni effettiva f’dak il-pajjiż terz;

(c) ikunu ġew stabiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni fil-paragrafu 4.

3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta Deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 69(2), li tiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-CCPs awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u li dawn is-CCPs ikunu soġġetti għal superviżjoni effettiva u infurzar f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

4. L-AETS għandha tistabilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ pajjiżi terzi li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 3. Dawn l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a) il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi konċernati;

(b) il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji.

Titolu IV Rekwiżiti għas-CCPs

Kapitolu 1Rekwiżiti organizzazzjonali

Artikolu 24 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. CCP għandu jkollha arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzazzjonali ċara b’linji ta’ responsabilità ddefiniti sew, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, l-immaniġjar, il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji li għalihom hi jew tista’ tkun esposta, u mekkaniżmi tal-kontroll interni adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi.

2. CCP għandha tadotta politiki u proċeduri li jkunu effettivi biżżejjed sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tal-maniġers u l-impjegati tagħha mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3. CCP għandha żżomm u topera struttura organizzazzjonali li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha. Għandu jħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

4. CCP għandha żżomm separazzjoni ċara bejn il-linji tar-rapportar għall-immaniġjar tar-riskju u dawk għal operazzjonijiet oħra tas-CCP.

5. CCP għandha tadotta, timplimenta u żżomm politika ta’ rimunerazzjoni li tippromwovi l-immaniġjar tar-riskji sod u effikaċi u li ma toħloqx inċentivi għar-rilassament tal-istandards tar-riskji.

6. CCP għandha żżomm sistemi tat-teknoloġija informatika b’mod adegwat li jitrattaw mal-kumplessità, il-varjetà u t-tip ta’ servizzi u attivitajiet imwettqa sabiex jiġu żgurati standards għolja ta’ sigurtà u l-integrità u ż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

7. CCP għandha tagħmel l-arranġamenti ta’ governanza tagħha u r-regoli li jirregolaw is-CCP disponibbli għall-pubbliku.

8. Is-CCP għandha tkun soġġetta għal awditjar frekwenti u indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawn l-awditi għandhom ikunu komunikati lill-bord u magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti.

9. Jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut minimu tar-regoli u l-arranġamenti ta’ governanza msemmija fil-paragrafi (1) sa (8).

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 25 Maniġment Superjuri u l-Bord

1. Il-maniġment superjuri għandu jkollu reputazzjoni u esperjenza tajba bi żżejjed sabiex jiżgura l-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP.

2. CCP għandu jkollha bord li mill-inqas terz, iżda mhux iżjed minn żewġ terzi, tal-membri tiegħu jkunu indipendenti. Il-kumpens tal-membri independenti u l-membri l-oħra mhux eżekuttivi tal-bord ma għandux ikun konness mal-prestazzjoni tan-negozju tas-CCP.

Il-membri tal-bord, inklużi l-membri indipendenti tiegħu, għandu jkollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollhom biżżejjed esperjenza f’servizzi finanzjarji, immaniġjar tar-riskju u servizzi tal-ikklerjar.

3. CCP għandha tiddetermina b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabilitajiet tal-bord u għandha tagħmel il-minuti tal-laqgħat tal-bord disponibbli għall-awtorità kompetenti.

Artikolu 26 Kumitat tar-riskju

1. CCP għandha tistabilixxi kumitat tar-riskju, li għandu jkun kompost minn rappre żentanti tal-membri tal-ikklerjar tagħha u membri indipendenti tal-bord. Il-kumitat tar-riskju jista’ jistieden lill-impjegati tas-CCP biex jattendu laqgħat tal-kumitat tar-riskju f’kapaċità mingħajr vot. Il-parir tal-kumitat tar-riskju għandu jkun indipendenti minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment tas-CCP.

2. CCP għandha b’mod ċar tiddetermina l-mandat, l-arranġamenti ta’ governanza sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħha, il-proċeduri operazzjonali, il-kriterja tal-ammissjoni u l-mekkaniżmu li bih jiġu eletti l-membri tal-kumitat tar-riskju. L-arranġamenti tal-governanza għandhom ikunu pubblikament disponibbli u għandhom, mill-inqas, jiddeterminaw li l-kumitat tar-riskju jkun ippresedut minn membru tal-bord indipendenti, jirrapporta direttament lill-bord u jżomm laqgħat regolari.

3. Il-kumitat tar-riskju għandu jagħti parir lill-bord bi kwalunkwe arranġamenti li jistgħu jolqtu l-immaniġjar tar-riskji tas-CCP, bħal, iżda mhux limitati għal, bidla sinifikanti fil-mudell tar-riskju tagħha, il-proċeduri f’każ ta’ inadempjenza, il-kriterja għall-aċċettazzjoni ta’ membri tal-ikklerjar jew l-ikklerjar ta’ klassijiet ġodda ta’ strumenti. Il-parir tal-kumitat tar-riskju mhuwiex meħtieġ għall-operazzjonijiet ta’ kuljum tas-CCP jew f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

4. Mingħajr preġudizzjoni għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu informati kif dovut, il-membri tal-kumitat tar-riskju għandhom ikunu marbuta bil-kunfidenzjalità. Meta l-president tal-kumitat tar-riskju jiddetermina li membru attwalment jew potenzjalment għandu konflitt ta’ interess fuq kwistjoni partikolari, dak il-membru ma għandux jitħalla jivvota fuq dik il-kwistjoni.

5. CCP għandha minnufih tinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-bord jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tar-riskju.

6. CCP għandha tippermetti lill-klijenti tal-membri tal-ikklerjar li jkunu membri tal-kumitat tar-riskju jew, alternattivament, għandha tistabilixxi mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni xierqa li jiżguraw li l-interessi tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar ikunu stabiliti b’mod xieraq.

Artikolu 27 Żamma ta’ rekords

1. CCP għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin, ir-rekords kollha dwar is-servizzi u l-attività pprovduti sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti li timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti skont dan ir-Regolament.

2. CCP għandha żżomm, għal perjodu ta’ mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-informazzjoni kollha dwar il-kuntratti kollha li tkun ipproċessat. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tippermetti l-identifikazzjoni tat-termini oriġinali ta’ tranżazzjoni qabel l-ikklerjar minn dik is-CCP.

3. CCP għandha tagħmel ir-rekords u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-informazzjoni kollha dwar il-pożizzjonijiet ta’ kuntratti klerjati, irrispettivament mill-post fejn ikunu twettqu t-tranżazzjonijiet, disponibbli meta mitluba lill-awtorità kompetenti u lill-AETS.

4. Jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

5. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, qed jiġu kkonferiti setgħat lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-format tar-rekords u l-informazzjoni li għandha tinżamm.

L-istandards tekniċi tal-implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-[Artikolu 7e] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi dwar dawk l-istandards tekniċi regolatorji tal-implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 28 Azzjonisti u membri b’parteċipazzjoni kwalifikatorja

1. L-awtorità kompetenti ma għandhiex tawtorizza CCP sakemm ma tkunx ġiet informata bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri, kemm jekk diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li għandhom parteċipazzjoni kwalifikatorja u l-ammonti ta’ dawn il-parteċipazzjonijiet.

2. L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni lil CCP meta ma tkunx sodisfatta dwar l-adattezza tal-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fis-CCP, meta tikkunsidra l-bżonn li jiġi żgurat l-immaniġjar sod u prudenti ta’ CCP.

3. Meta jeżistu konnessjonijiet mill-qrib bejn is-CCP u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta dawk il-konnessjonijiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

4. Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jeżerċitaw influwenza li aktarx li tkun ta’ preġudizzju għall-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm din is-sitwazzjoni.

5. L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika jew iżjed minn persuna waħda li magħha/magħhom is-CCP ikollha konnessjonijiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar tagħhom, jipprevjenu l-eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 29 Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1. CCP għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidliet fil-maniġment tagħha, u għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni meħtieġa kollha sabiex jiġi vvalutat jekk il-membri tal-bord ikunux ta’ reputazzjoni tajba u esperjenzati biżżejjed.

Meta l-komportament ta’ membru tal-bord aktarx li jkun ta’ preġudizzju għall-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa, inkluż it-tneħħija ta’ dak il-membru mill-bord.

2. Kwalunkwe persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew dawk il-persuni li jaġixxu flimkien (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-akkwirent propost’), li ħadu deċiżjoni li jiksbu, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP jew li jkomplu jżidu, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP li b’konsegwenza ta’ dan il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jeċċedi 10%, 20%, 30% jew 50% jew b’tali mod li s-CCP ssir is-sussidjarja (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala l-akkwiżizzjoni proposta), għandhom l-ewwel jinnotifikaw bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti tas-CCP li fihom qed ifittxu li jiksbu jew iżidu parteċipazzjoni kwalifikatorja, li tindika d-daqs tal-parteċipazzjoni intiża u l-informazzjoni rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 30(4).

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikatorja f’CCP għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwarha, u tindika d-daqs tal-parteċipazzjoni maħsuba. Tali persuna għandha bl-istess mod tinnotifika lill-awtorità kompetenti meta tkun ħadet deċiżjoni għat-tnaqqis tal-parteċipazzjoni kwalifikatorja tagħha sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital jaqa’ taħt 10%, 20 %, 30 % jew 50 % jew b’tali mod li s-CCP ma tibqax tkun sussidjarja tagħha.

L-awtorità kompetenti għandha, minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn tax-xogħol wara l-irċevuta tan-notifika kif imsemmi fil-paragrafu 2, kif ukoll wara li tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3; tirrikonoxxi l-irċevuta tagħha bil-miktub lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ.

L-awtorità kompetenti għandu jkollha massimu ta’ sittin jum tax-xogħol mid-data tar-rikonoxximent bil-miktub tal-irċevuta tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa li jridu jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 30(4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-perjodu ta’ valutazzjoni), għat-twettiq tal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 30(1) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ 'il-valutazzjoni').

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ bid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta’ valutazzjoni fiż-żmien tar-rikonoxximent tal-irċevuta.

3. L-awtorità kompetenti tista’, waqt il-perjodu ta’ valutazzjoni, fejn ikun meħtieġ, u mhux iżjed tard mill-50 jum tax-xogħol tal-perjodu ta’ valutazzjoni, titlob kwalunkwe informazzjoni oħra li hi meħtieġa biex titlesta l-valutazzjoni. Din it-talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-irċevuta ta’ risposta għaliha mill-akkwirent propost, il-perjodu ta’ valutazzjoni għandu jkun interrott. L-interruzzjoni ma għandhiex teċċedi 20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talbiet oħra mill-awtorità kompetenti għat-tlestija jew il-kjarifika tal-informazzjoni għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma jistgħux jirriżultaw f’interruzzjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

4. L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-interruzzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 sa tletin jum tax-xogħol meta l-akkwirent propost jew il-bejjiegħ ikun:

(a) jinsab jew hu rregolat barra l-Unjoni; jew

(b) persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont dan ir-Regolament jew id-Direttivi 73/239/KEE, 85/611/KEE, 92/49/KEE, 2002/83/KE, 2003/41/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE, 2006/48/KE, 2009/65/KE jew 2010/.../UE (AIFM).

5. Meta l-awtorità kompetenti, mat-tlestija tal-valutazzjoni, tiddeċiedi li topponi l-akkwiżizzjoni proposta, għandha fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma taqbeż il-perjodu ta’ valutazzjoni, tinforma lill-akkwirent propost bil-miktub u tipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Soġġett għad-dritt nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista’ ssir aċċessibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità kompetenti li tagħmel tali divulgazzjoni fin-nuqqas ta’ talba mill-akkwirent propost.

6. Meta l-awtorità kompetenti ma topponix l-akkwiżizzjoni proposta fiż-żmien tal-perjodu tal-valutazzjoni, din għandha titqies li ġiet approvata.

7. L-awtorità kompetenti tista’ tistipula perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta u testendih safejn dan ikun xieraq.

8. L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għal notifika lil, u approvazzjoni minn, l-awtorità kompetenti ta’ akkwisti diretti jew indiretti ta’ drittijiet ta’ votazzjoni jew kapial li huma iżjed stretti minn dawk stabiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 30 Valutazzjoni

1. Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 29(2) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(3), l-awtorità kompetenti għandha, sabiex tiżgura l-immaniġjar sod u prudenti tas-CCP li fiha hu propost l-akkwist, u wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq is-CCP, tevalwa l-adattezza tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

(a) ir-reputazzjoni u s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost;

(b) ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ kwalunkwe persuna li se tidderieġi n-negozju tas-CCP b’konsegwenza tal-akkwiżizzjoni proposta;

(c) jekk is-CCP hix se tkun kapaċi tikkonforma u tkompli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabiliti f’dan ir-Regolament;

(d) jekk hemmx raġunijiet raġonevoli għalxiex tissuspetta li, b’rabta mal-akkwiżizzjoni proposta, hux qed jitwettaq jew twettaq jew sar tentattiv ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE[36], jew li l-akkwiżizzjoni proposta tistax iżżid ir-riskju tagħha.

Fil-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lit-tip ta’ negozju segwit u previst fis-CCP li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni.

Meta tiġi vvalutata l-abilità ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-grupp li minnha se ssir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effikaċi, li effettivament tiġi skambjata informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti.

2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwiżizzjoni proposta biss meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli għalxiex jagħmlu dan fuq il-bażi tal-kriterji stabiliti fil-paragrafu 1 jew meta l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompleta.

3. L-Istati Membri ma għandhom la jimponu kwalunkwe kundizzjonijiet preċedenti fir-rigward tal-livell ta’ parteċipazzjoni li għandu jinkiseb u lanqas ma jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jeżaminaw l-akkwiżizzjoni proposta f’termini tal-bżonnijiet ekonomiċi tas-suq.

4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli lista li tispeċifika l-informazzjoni li hi meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien tan-notifika msemmija fl-Artikolu 29(2). L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonali u adattata għan-natura tal-akkwirent propost u l-akkwiżizzjoni proposta. L-Istati Membri ma għandhomx jitolbu informazzjoni li mhix rilevanti għall-valutazzjoni prudenzjali.

5. Minkejja l-Artikolu 29(2), (3) u (4), fejn żewġ proposti jew iżjed għall-kisba jew iż-żieda ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikatorji fl-istess CCP ikunu ġew notifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha titratta l-akkwirenti proposti b’mod mhux diskriminatorju.

6. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jaħdmu b’konsultazzjoni sħiħa ma’ xulxin għat-twettiq tal-valutazzjoni meta l-akkwirent propost ikun wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(b) l-impriża prinċipali ta’ istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(c) persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla istituzzjoni tal-kreditu, impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni, ditta tal-investiment, operatur tas-suq, operatur ta’ sistema tas-saldu tas-sigurtà, kumpanija maniġerjali UCITS jew AIFM awtorizzata fi Stat Membru ieħor.

7. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien dovut, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni li hi essenzjali għall-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha lil xulxin u għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha essenzjali b’inizjattiva tagħhom. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li awtorizzat is-CCP li fiha tkun proposta l-akkwiżizzjoni għandha tindika kwalunkwe fehmiet jew riservi espressi mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.

Artikolu 31 Konflitti ta’ interess

1. CCP għandha żżomm u topera arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effettivi bil-miktub sabiex tidentifika u timmaniġja kwalunkwe konflitti ta’ interess potenzjali bejnha, inklużi l-maniġers, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa magħhom permezz tal-kontroll jew konnessjonijiet mill-qrib u l-membri tal-ikklerjar tagħhom jew il-klijenti tagħhom jew bejniethom. Għandha żżomm u timplimenta proċeduri ta’ riżoluzzjoni xierqa kull meta jqumu konflitti ta’ interess possibbli.

2. Meta l-arranġamenti organizzazzjonali jew amministrattivi ta’ CCP biex jimmaniġjaw konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji tal-ħsara għall-interessi ta’ membru tal-ikklerjar jew klijent se jiġu evitati, is-CCP għandha tiddivulga b’mod ċar in-natura ġenerali jew sorsi ta’ konflitti ta’ interess għall-membru tal-ikklerjar qabel ma jiġu aċċettati tranżazzjonijiet ġodda minn dak il-membru tal-ikklerjar. Meta l-klijent mhux magħruf lis-CCP, is-CCP għandha tinforma lill-membru tal-ikklerjar li l-klijent tagħha jkun kkonċernat.

3. Meta s-CCP tkun impriża prinċipali jew sussidjarja, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jikkunsidraw ukoll kwalunkwe ċirkostanzi, li tagħhom is-CCP hi jew għandha tkun konxja, li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li joħroġ b’konsegwenza tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ impriżi oħra li magħhom għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja.

4. L-arranġamenti bil-miktub stabiliti skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li jwassal għal riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi ta’membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed jew għall-klijenti;

(b) il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu ġestiti tali konflitti.

5. CCP għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tagħha u għandha tipprevjeni l-użu ta’ dik l-informazzjoni miżmuma għal attivitajiet tan-negozju oħra. Informazzjoni sensittiva rreġistrata f’CCP waħda ma għandhiex tintuża għal użu kummerċjali minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li għandha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja mas-CCP.

Artikolu 32 Kontinwità tal-operat

1. CCP għandha tistabilixxi, timplimenta u żżomm politika ta’ kontinwità tal-operat xierqa u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tagħha, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u l-qadi tal-obbligi tas-CCP. Tali pjan għandu mill-inqas jippermetti l-irkupru tat-tranżazzjonijiet kollha fiż-żmien tat-taqlib sabiex jippermetti lis-CCP tkompli topera b’ċertezza u tlesti s-saldu komplut fid-data skedata.

2. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw il-kontenut minimu tal-pjan ta’ kontinwità tal-operat u l-livell minimu tas-servizzi li l-pjan ta’ rkupru minn diżastru għandu jiggarantixxi.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 33 Esternalizzazzjoni

1. Meta CCP testernalizza funzjonijiet operazzjonali, servizzi jew attivitajiet, għandha tibqa’ kompletament responsabbli għat-twettiq tal-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tikkonforma dejjem mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabilità;

(b) ir-relazzjoni u l-obbligi tas-CCP lejn il-membri tal-ikklerjar tagħha jew fejn rilevanti, il-klijenti tagħhom ma tinbidilx;

(c) il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-CCP effettivament ma jitbiddlux;

(d) l-esternalizzazzjoni ma tipprevjenix l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet superviżorji u sorveljanti;

(e) l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-deprivazzjoni tas-CCP mis-sistemi u kontrolli neċessarji għall-immaniġjar tar-riskji li tiffaċċja;

(f) is-CCP iżżomm il-kompetenza meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-adegwatezza organizzazzjonali u kapitali tal-fornitur tas-servizz; u biex tissupervizza l-funzjonijiet esternalizzati effikaċement u timmaniġja r-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni u trid dejjem tissupervizza dawn il-funzjonijiet u timmaniġja dawk ir-riskji;

(g) is-CCP jkollha aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tal-funzjonijiet esternalizzati;

(h) il-fornitur tas-servizzi jikkoopera mal-awtorità kompetenti b’rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(i) il-fornitur tas-servizzi jipproteġi kwalunkwe informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali relatata mas-CCP u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha.

2. L-awtorità kompetenti għandha tirrikjedi li s-CCP talloka b’mod ċar u tistabilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħha, u dawk tal-fornitur tas-servizzi, bi ftehim bil-miktub.

3. CCP għandha, fuq talba, tagħmel disponibbli l--informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta l-konformità tat-twettiq tal-attivitajiet esternalizzati mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Kapitolu 2Regoli tal-Kondotta tal-Operat

Artikolu 34 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Meta tipprovdi servizzi lill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, lill-klijenti tagħha, CCP għandha taġixxi b’mod ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti u l-immaniġjar tajjeb tar-riskji.

2. CCP għandu jkollha regoli trasparenti biex tittratta l-ilmenti.

Artikolu 35 Rekwiżiti tal-parteċipazzjoni

1. CCP għandha tistabilixxi l-kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar ammissibbli u l-ktiterji tal-ammissjoni. Dawn il-kriterji għandhom ikunu mhux diskriminatorji, trasparenti u oġġettivi sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għas-CCP u għandhom jiżguraw li l-membri tal-ikklerjar ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u kapaċità operazzjonali biex jilħqu l-obbligi riżultanti mill-parteċipazzjoni f’CCP. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom ikun il-kontroll tar-riskju għas-CCP.

2. CCP għandha tiżgura li l-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq fuq bażi kontinwa u għandu jkollha aċċess fil-ħin għall-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni. CCP għandha twettaq, għall-inqas darba fis-sena, reviżjoni komprensiva tal-konformità mad-dispożizzjonijiet f’dan l-artikolu mill-membri tal-ikklerjar tagħha.

3. Membri tal-ikklerjar li jikklerjaw tranżazzjonijiet f’isem il-klijenti tagħhom għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali meħtieġa u kapaċità operazzjonali għat-twettiq ta’ din l-attività. Il-membri tal-ikklerjar għandhom, meta mitluba, jinformaw lis-CCP dwar il-kriterji u l-arranġamenti li jadottaw biex jippermettu li l-klijenti tagħhom jaċċessaw is-servizzi tas-CCP.

4. CCP għandu jkollha proċeduri oġġettivi u transparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat ta’ membri tal-ikklerjar li ma jkunux għadhom jissodisfaw l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

5. CCP tista’ tirrifjuta biss l-aċċess għal membri tal-ikklerjar li jissodisfaw l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 meta jkun ġustifikat kif dovut bil-miktub u bbażat fuq analiżi tar-riskju komprensiv.

6. CCP tista’ timponi obbligi addizzjonali speċifiċi fuq il-membri tal-ikklerjar, bħal, iżda mhux limitati għal, il-parteċipazzjoni f’irkanti tal-pożizzjoni ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti. Dawn l-obbligi addizzjonali għandhom ikunu proporzjonali għar-riskju li jkollu membru tal-ikklerjar u ma għandhomx jirrestrinġu l-parteċipazzjoni għal ċertu kategoriji ta’ membri tal-ikklerjar.

Artikolu 36 Trasparenza

1. CCP għandha pubblikament tiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi pprovduti. Għandha tiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi tas-servizzi u funzjonijiet singoli pprovduti separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Għandha tippermetti l-membri tal-ikklerjar tagħha u, fejn rilevanti, il-klijenti tagħhom, aċċess separat għal servizzi speċifiċi.

2. CCP għandha tiddivulga lill-membri tal-ikklerjar u l-klijenti r-riskji assoċjati mas-servizzi pprovduti.

3. CCP għandha pubblikament tiddivulga l-informazzjoni dwar il-prezz użata għall-kalkolu tal-iskoperturi tagħha fi tmiem il-jum mal-membri tal-ikklerjar tagħha u l-volumi tat-tranżazzjonijiet klerjati għal kull klassi ta’ strumenti.

Artikolu 37 Segregazzjoni u portabilità

1. CCP għandha żżomm ir-rekords u l-kontijiet li jippermettuha, fi kwalunkwe ħin u mingħajr dewmien, li tidentifika u tissegrega l-assi u l-pożizzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar wieħed mill-assi u l-pożizzjonijiet ta’ kwalunkwe membru tal-ikklerjar ieħor mill-assi tagħha stess.

2. CCP għandha tirrikjedi li kull membru tal-ikklerjar jiddistingwi u jissegrega f’kontijiet mas-CCP l-assi u l-pożizzjonijiet ta’ dak il-membru tal-ikklerjar minn dak tal-klijenti tagħha. CCP għandha tippermetti lill-klijenti tagħha li jkollhom segregazzjoni iżjed dettaljata tal-assi u l-pożizzjonijiet tagħhom. Is-CCP għandha pubblikament tiddivulga r-riskji u l-kostijiet assoċjati mal-livelli differenti tas-segregazzjoni.

3. Skont il-livell tas-segregazzjoni magħżul minn klijent, is-CCP għandha tiżgura li tkun kapaċi titrasferixxi meta mitluba f’avveniment ikkawżat minn xi ħaġa predefinita, mingħajr il-kunsens tal-membru tal-ikklerjar u f’perjodu tat-trasferiment predefinit, l-assi u l-pożizzjonijiet tagħha lil membru tal-ikklerjar ieħor. Dak il-membru tal-ikklerjar l-ieħor għandu jkun obbligat biss meta jkun daħal qabel f’relazzjoni kuntrattwali għal dak il-għan.

4. Sakemm dak il-klijent ma jkunx espost għall-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li permezz tagħha għandu aċċess għas-CCP jew ta’ xi klijent ieħor, l-Anness III, il-Parti 2, il-punt 6 tad-Direttiva 2006/48/KE għandu japplika.

5. Ir-rekwiżiti stabiliti fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jipprevalixxu fuq kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kunfliġġenti tal-Istati Membri li jipprevjenu l-partijiet milli josservawhom.

Kapitolu 3Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 38 Maniġjar tal-iskoperturi

CCP għandha tkejjel u tivvaluta l-likwidità tagħha u l-iskoperturi tal-kreditu tagħha għal kull membru tal-ikklerjar u, fejn rilevanti, għal CCP oħra li magħha tkun ikkonkludiet arranġament interoperabbli, fuq bażi ta’ kważi ħin reali. CCP għandu jkollha aċċess fil-ħin u fuq bażi mhux diskriminatorja għas-sorsi tal-ipprezzar rilevanti sabiex tkun tista’ tkejjel l-iskoperturi tagħha b’mod effettiv.

Artikolu 39 Rekwiżiti tal-marġini

1. CCP għandha timponi, tixtri u tiġbor marġini sabiex tillimita l-iskopertura tal-kreditu tagħha mill-membri tal-ikklerjar tagħha, u fejn rilevanti, minn CCPs li għandhom arranġamenti interoperabbli. Dawn il-marġini għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-iskoperturi potenzjali li s-CCP tistma li ser iseħħu sal-likwidazzjoni tal-pożizzjonijiet rilevanti. Għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru t-telfiet li jirriżultaw minn tal-inqas 99 fil-mija tal-movimenti fl-iskoperturi fuq firxa taż-żmien xierqa u għandhom jiżguraw li CCP tikkollateralizza b’mod sħiħ l-iskoperturi tagħha mal-membri tal-ikklerjar kollha tagħha, u fejn rilevanti mas-CCPs li jkollhom arranġamenti interoperabbli, mill-inqas fuq bażi ta’ kuljum.

2. CCP għandha tadotta mudelli u parametri fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini tagħha li jaqbdu l-karatteristiċi tar-riskju tal-prodotti klerjati u li jikkunsidraw l-intervall bejn il-ġbir tal-marġini, il-likwidità tas-suq u l-possibilità ta’ bidliet tul id-durata tat-tranżazzjoni. Il-mudelli u l-parametri għandhom ikunu vvalididati mill-awtorità kompetenti u soġġetti għal opinjoni konġunta tal-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 15.

3. CCP għandha ssejjaħ u tiġbor il-marġini fuq bażi ta’ kuljum, bħala minimu meta jinkisru l-livelli limitu predefiniti.

4. CCP għandha tissegrega l-marġini li ddaħħlu minn kull membru tal-ikklerjar u, fejn rilevanti, minn CCPs li jkollhom arranġamenti interoperabbli u għandha tiżgura l-protezzjoni tal-marġini li ddaħħlu kontra l-inadempjenza ta’ membri tal-ikklerjar oħra, l-istituzzjoni fejn ikunu depożitati, jew tas-CCP innifisha u minn kwalunkwe telf ieħor li tista’ tesperjenza s-CCP.

5. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-perċentwal xieraq u l-firxa taż-żmien, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li għandhom jitqiesu għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 40 Fond tal-inadempjenza

1. CCP għandha żżomm fond tal-inadempjenza biex ikopri telf riżultanti mill-inadempjenza, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew iżjed.

2. CCP għandha tistabilixxi d-daqs minimu tal-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u l-kriterji għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar singoli. Il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu proporzjonali għall-iskoperturi ta’ kull membru tal-ikklerjar, sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-inqas jippermettu li s-CCP tkun tiflaħ l-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li għalih ikollha l-ikbar skoperturi jew tat-tieni jew it-tielet l-ikbar membru tal-ikklerjar, jekk is-somma tal-iskoperturi tagħhom tkun ikbar.

3. CCP tista’ tistabilixxi iżjed minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti li tikklerja.

Artikolu 41 Kontrolli tar-riskju oħra

1. Minbarra l-kapital meħtieġ skont l-Artikolu 12, CCP għandha żżomm biżżejjed riżorsi finanzjarji disponibbli li jkopru telf potenzjali li jeċċedi t-telf li jiġi kopert minn rekwiżiti tal-marġini u l-fond tal-inadempjenza. Dawn ir-riżorsi jistgħu jinkludu kwalunkwe fond tal-ikklerjar ieħor ipprovdut minn membri tal-ikklerjar jew partijiet oħra, arranġamenti tal-kondiviżjoni tat-telf, arranġamenti tal-assigurazzjoni, il-fondi proprji ta’ CCP, garanziji ta’ superjuri jew dispożizzjonijiet simili. Dawn ir-riżorsi għandhom ikunu liberament disponibbli għas-CCP u ma għandhomx jintużaw biex ikopru t-telf operatorju.

2. CCP għandha tiżviluppa xenarji ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli, li jinkludu l-iżjed perjodi volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li għalihom is-CCP tipprovdi s-servizzi tagħha. Il-fond tal-inadempjenza msemmi fl-Artikolu 40 u r-riżorsi finanzjarji l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandhom f’kull ħin jippermettu lis-CCP tkun tiflaħ għall-inadempjenza taż-żewġ membri tal-ikklerjar li lejhom ikollha l-ikbar skoperturi u għandhom jippermettu lis-CCP li jkunu jifilħu bejgħ għal għarrieda ta’ riżorsi finanzjarji u tnaqqisiet rapidi fil-likwidità tas-suq.

3. CCP għandha tikseb il-linji tal-kreditu meħtieġa jew arranġamenti simili sabieix tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha f’każ li r-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha ma jkunux disponibbli minnufih. Kull membru tal-ikklerjar, impriża prinċipali jew sussidjarja tal-membru tal-ikklerjar ma jistgħux jipprovdu iżjed minn 25 fil-mija tal-linji tal-kreditu meħtieġa mis-CCP.

4. CCP tista’ titlob lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex jipprovdu fondi addizzjonali f’każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ieħor. Il-membri tal-ikklerjar ta’ CCP għandu jkollhom skoperturi limitati lejn is-CCP.

5. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni sabiex taddotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw il-kundizzjonijiet estremi msemmija fil-paragrafu 2 li s-CCP għandha tkun tiflaħ għalihom.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 7 sa 7d tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 42 Kaskata tal-inadempjenza

1. CCP għandha tuża l-marġini li jiddaħħlu minn membru tal-ikklerjar inadempjenti qabel riżorsi finanzjarji oħra biex jiġi kopert it-telf.

2. Meta l-marġini li ddaħħlu mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf imġarrab mis-CCP, is-CCP għandha tuża l-kontribuzzjoni tal-fond tal-inadempjenza tal-membru tal-inadempjenza biex tkopri dan it-telf.

3. CCP għandha tuża biss il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u kontribuzzjonijiet oħra tal-membri tal-ikklerjar mhux tal-inadempjenza wara li tkun eżawrixxiet il-kontribuzzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u, fejn rilevanti, il-fondi tas-CCP stess imsemmija fl-Artikolu 41(1).

4. CCP ma għandhiex tkun permessa li tuża l-marġini li ddaħħlu minn membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti biex tkopri t-telf riżultanti mill-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed.

Artikolu 43 Rekwiżiti tal-kollateral

1. CCP għandha taċċetta biss kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq sabiex tkopri l-iskopertura tagħha għall-membri tal-ikklerjar tagħha. Għandha tapplika t-tnaqqisiet imposti (haircuts) xierqa għal valuri tal-assi li jirriflettu l-potenzjal għall-valur tagħhom li jonqos fuq l-intervall bejn l-aħħar rivalutazzjoni tagħhom u ż-żmien li sa fih jistgħu raġonevolment jiġu preżunti li ġew likwidati. Għandha tikkunsidra r-riskju tal-likwidità wara l-inadempjenza ta’ parteċipant fis-suq u r-riskju tal-konċentrazzjoni fuq ċertu assi li jista’ jirriżulta fit-twaqqif tal-kollateral aċċettabbli u t-tnaqqisiet imposti rilevanti.

2. CCP tista’ taċċetta, meta dan ikun xieraq u prudenti biżżejjed, dak li fuqu hu bbażat il-kuntratt tad-derivati jew l-istrument finanzjarju li joriġinaw mill-iskopertura tas-CCP bħala kollateral sabiex tkopri r-rekwiżiti tal-marġini tagħha.

3. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw it-tip ta’ kollateral li jista’ jitqies bħala likwidu ħafna u t-tnaqqisiet imposti msemmija fil-paragrafu 1.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mas-SEBĊ, għandha tissottometti abbozzi fuq dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 44 Politika ta’ investiment

1. CCP għandha tinvesti r-ri żorsi finanzjarji tagħha fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna biss b’riskju minimu tas-suq u ta’ kreditu. L-investimenti għandhom ikunu kapaċi li jkunu likwidati b’mod rapidu b’effett avvers minimu fuq il-prezz.

2. Strumenti finanzjarji li jiddaħħlu bħala marġini għandhom jiġu ddepożitati mal-operaturi ta’ sistemi tas-saldu tat-titoli li jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għas-CCPs u l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti. CCP għandu jkollha aċċess minnufih għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ.

3. CCP ma għandhiex tinvesti l-kapital tagħha jew is-somom riżultanti mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 39, 40 u 41 fit-titoli tagħha stess jew dawk tal-impriża prinċipali jew sussidjarja.

4. CCP għandha tikkunsidra l-iskoperturi tar-riskju tal-kreditu globali tagħha għal individwi b'obbligazzjoni meta tagħmel id-deċiżjoni tal-investiment tagħha u għandha tiżgura li l-iskoperturi tar-riskju globali tagħha għal kwalunkwe indiviwdu b'obbligazzjoni tibqa’ skont limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.

5. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji likwidi ħafna msemmija fil-paragrafu 1 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti abbozzi fuq dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 45 Proċeduri ta’ inadempjenza

1. CCP għandu jkollha fis-seħħ proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta membru tal-ikklerjar ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabiliti fl-Artikolu 35 fil-limitu taż-żmien u skont il-proċeduri stabiliti mis-CCP. Is-CCP għandha tiddeskrivi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ li l-insolvenza ta’ membru tal-ikklerjar ma tkunx stabilita mis-CCP.

2. CCP għandha tieħu azzjoni minnufih biex iżżomm telf u pressjonijiet ta’ likwidità li jirriżultaw minn inadempjenzi u għandha tiżgura li l-għeluq totali ta’ kwalunkwe pożizzjonijiet tal-membru tal-ikklerjar ma jfixkilx l-operazzjonijiet tagħha jew jesponi l-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għal telf li ma jistax jiġi antiċipat jew ikkontrollat.

3. Is-CCP għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha immedjatament tinforma lill-awtorità responsabbli għas-superviżjoni tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti meta s-CCP tqis li l-membru tal-ikklerjar mhux se jkun kapaċi li jissodisfa l-obbligi futuri tiegħu u meta s-CCP jkollha l-intenzjoni li tiddikjara l-inadempjenza tiegħu.

4. CCP għandha tistabilixxi li l-proċeduri tal-inadempjenza tagħha huma infurzabbli. Għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li jkollha s-setgħat legali biex tillikwida l-pożizzjonijiet proprjetarji tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti u biex tittrasferixxi jew tillikwida l-pożizzjonijiet tal-klijent tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.

Artikolu 46 Reviżjoni tal-mudelli, ittestjar tal-istress u ttestjar retrospettiv

1. CCP għandha regolarment tirrevedi l-mudelli u l-parametri adottati biex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti tal-marġini tagħha, il-kontribuzzjonijiet tal-fond inadempjenti, ir-rekwiżiti tal-kollaterali u mekkaniżmi oħra tal-kontroll tar-riskju. Għandha tissoġġetta l-mudelli għal testijiet tal-istress rigorużi u frekwenti biex tivvaluta r-reżiljenza tagħhom f'kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli u għandha twettaq ittestjar retrospettiv biex tivvaluta l-affidabilità tal-metodoloġija adottata. Is-CCP għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bir-riżultati tat-testijiet imwettqa u għandha tikseb il-validazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe bidla fil-mudelli u l-parametri.

2. CCP għandha regolarment tittestja l-aspetti ewlenin tal-proċeduri tal-inadempjenza tagħha u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tiżgura li l-membri tal-ikklerjar kollha jifhmuhom u jkollhom arranġamenti xierqa fis-seħħ sabiex jirrispondu għal avveniment ta’ inadempjenza.

3. CCP għandha pubblikament tiddivulga l-informazzjoni ewlenija fuq il-mudell tal-immaniġjar tar-riskji tagħha u l-preżunzjonijiet adottati għat-twettiq tat-testijiet tal-istress imsemmija fil-paragrafu 1.

4. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw dan li ġej:

(a) it-tip ta’ testijiet li għandhom jitwettqu għal klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji u portafolji;

(b) l-involviment tal-membri tal-ikklerjar jew partijiet oħra fit-testijiet;

(c) il-frekwenza tat-testijiet;

(d) il-firxa taż-żmien tat-testijiet;

(e) l-informazzjoni prinċipali msemmija fil-paragrafu 3.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tissottometti abbozzi fuq dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 47 Saldu

1. CCP għandha, meta disponibbli, tuża flus tal-bank ċentrali biex issalda t-tranżazzjonijiet tagħha. Meta l-flus tal-bank ċentrali ma jkunux aċċessibbli, għandhom jittieħdu passi biex b'mod strett jiġu llimitati r-riskji tal-kreditu u tal-likwidità.

2. CCP għandha tiddikjara b’mod ċar l-obbligi tagħha fir-rigward tal-kunsenji ta' strumenti finanzjarji, inklużi jekk ikollhiex obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenja ta' strument finanzjarju jew li tindennizza l-parteċipanti għal telf imġarrab fil-proċess tal-kunsenja.

3. Meta CCP jkollha obbligu li tagħmel jew tirċievi kunsenji ta’ strumenti finanzjarji, is-CCP għandha telimina r-riskju prinċipali permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kunsenja kontra ħlas sal-limitu possibbli.

Titolu VArranġamenti tal-interoperabilità

Artikolu 48 Arranġamenti tal-Interoperabilità

1. CCP tista’ tidħol f'arranġament tal-interoperabilità ma’ CCP oħra meta jkunu ntlaħqu r-rekwiżiti skont l-Artikoli 49 u 50.

2. Meta jiġi stabilit arranġament tal-interoperabilità ma’ CCP oħra għall-iskop tal-provvista tas-servizzi għal post partikolari tan-negozjar, is-CCP għandu jkollha aċċess mhux diskriminatorju għad-dejta li tkun teħtieġ għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha minn dak il-post partikolari tan-negozjar u għas-sistema tas-saldu rilevanti.

3. Id-dħul f’arranġament tal-interoperabilità jew l-aċċess għal għotja ta' dejta jew sistema tas-saldu msemmija fil-paragrafi 1 u 2, għandha tkun ristretta direttament jew indirettament biex tikkontrolla kwalunkwe riskju li joriġina minn dak l-arranġament jew l-aċċess.

.

Artikolu 49 Maniġjar tar-riskji

1. CCPs li jidħlu f’arranġament tal-interoperabilità għandhom:

(a) ikollhom fis-seħħ politiki, proċeduri u sistemi xierqa sabiex b’mod effettiv jidentifikaw, jimmonitorjaw u jimmaniġjaw ir-riskji addizzjonali li joħorġu mill-arranġament sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi tagħhom fil-ħin;

(b) jaqblu fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inkluż il-liġi applikabbli li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom.;

(c) jidentifikaw, jimmonitorjaw u b’mod effettiv jimmaniġjaw riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità sabiex l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ta’ CCP waħda ma taffetwax CCP interoperabbli;

(d) jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw interdipendenzi u korrelazzjonijiet potenzjali li joħorġu minn arranġament tal-interoperabilità li jista’ jaffetwa r-riskji tal-kreditu u tal-likwidità relatati ma’ konċentrazzjonijiet ta’ membru tal-ikklerjar, u riżorsi finanzjarji ppuljati.

Għall-finijiet tal-punt (b), is-CCPs għandhom jużaw l-istess regoli li jikkonċernaw il-mument tad-dħul tal-ordnijiet tat-trasferiment fis-sistemi rispettivi tagħhom u l-mument tal-irrevokabilità, kif stabilit fid-Direttiva 98/26/KE fejn rilevanti.

Għall-finijiet tal-punt (c), it-termini tal-arranġament għandhom jiddeskrivu l-proċess għall-immaniġjar tal-konsegwenzi tal-inadempjenza meta waħda mis-CCPs li magħha jkun ġie konkluż arranġament tal-interoperabilità tkun inadempjenti.

Għall-finijiet tal-punt (d), is-CCPs għandu jkollhom kontrolli sodi dwar ir-riipotekazzjoni tal-kollateral tal-membri tal-ikklerjar taħt l-arranġament, jekk permessi mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. L-arranġament għandu jiddeskrivi kif dawn ir-riskji ġew indirizzati filwaqt li jikkunsidra kopertura suffiċjenti u l-bżonn li jiġi llimitat it-tniġġis.

2. Meta l-mudelli tal-immaniġjar tar-riskji użati mis-CCPs biex ikopru l-iskopertura tagħhom għall-membri tal-ikklerjar tagħhom kif ukoll l-iskoperturi reċiproċi tagħhom ikunu differenti, is-CCPs għandhom jidentifikaw dawk id-differenzi, jivvalutaw ir-riskji li jistgħu joħorġu minnhom u jieħdu l-miżuri, inklużi li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji addizzjonali, li jistgħu jillimitaw l-impatt tagħhom fuq l-arranaġament tal-interoperabilità kif ukoll il-konsegwenzi potenzjali tagħhom f'termini ta’ riskji ta’ tniġġis u li jiżguraw li dawn id-differenzi ma jaffetwawx l-abilità ta’ kull CCP biex timmaniġja l-konsegwenzi tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar.

Artikolu 50 Approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabilità

1. Arranġament tal-interoperabilità għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tas-CCPs involuti. Il-proċedura fl-Artikolu 13 għandha tapplika.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu biss approvazzjoni tal-arranġament tal-interoperabilità, meta r-rekwiżiti stabiliti fl-Artikolu 49 jintlaħqu u l-kundizzjonijiet tekniċi għall-ikklerjar ta’ tranżazzjonijiet taħt it-termini tal-arranġament jippermettu funzjonament mingħajr ostakli u ordnat tas-swieq finanzjarji u li l-arranġament ma jxekkilx l-effikaċja tas-superviżjoni.

3. Fejn awtorità kompetenti tqis li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux ġew issodisfati, hi għandha tipprovdi spjegazzjonijiet bil-miktub dwar il-kunsiderazzjonijiet tagħha tar-riskju għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra u s-CCPs involuti. Għandha wkoll tinnotifika lill-AETS, li għandha toħroġ opinjoni dwar il-validità effettiva tal-kunsiderazzjonijiet tar-riskju bħala bażijiet għal ċaħda ta’ arranġament tal-interoperabilità. L-opinjoni tal-AETS għandha tkun disponibbli għas-CCPs kollha involuti. Fejn il-valutazzjoni tal-AETS ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti, din l-awtorità għandha tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-AETS.

4. Sat-30 ta’ Ġunju 2012, l-AETS għandha toħroġ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġu stabiliti valutazzjonijiet konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-arranġamenti tal-interoperabilità, skont il-proċedura stabilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament …/… [Regolament AETS]

Titolu VIR eġistrazzjoni u sorveljanza tar-registrazzjoni tar-repożitorji tat-trażazzjonijiet

Kapitolu 1Kundizzjonijiet u Proċeduri għar-Reġistrazzjoni ta’ Repożitorju tat-tranżazzjonijiet

Artikolu 51 Reġistrazzjoni ta’ Repożitorju tat-tranżazzjonijiet

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jirreġistra mal-AETS għall-finijiet tal-Artikolu 6.

2. Sabiex jiġi rreġistrat, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika stabilita fl-Unjoni u għandu jilħaq ir-rekwiżiti tat-Titolu VII.

3. Ir-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.

4. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrat għandu jikkonforma f'kull waqt mal-kundizzjonijiet tal-bidu għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidliet materjali għall-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

Artikolu 52 Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS.

2. L-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-AETS għandha tistabilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tevalwa applikazzjoni bħala kompluta, l-AETS għandha tinnotifika b'dan lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

3. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċfikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS msemmija fil-paragrafu 1.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

4. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, qed jiġu kkonferiti setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards implimentatorji li jiddeterminaw il-format tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS.

L-istandards tal-implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 7e tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 53 Eżaminazzjoni tal-applikazzjoni

1. L-AETS għandha, fi żmien erbgħin jum tax-xogħol min-notifika msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 52(2) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bbażata fuq il-konformità tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet mar-rekwiżiti stabiliti fl-Artikoli 64 sa 67 u tadotta Deċiżjoni rraġunata b’mod sħiħ għal reġistrazzjoni jew ċaħda.

2. Id-Deċiżjoni maħruġa mill-AETS skont il-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum tax-xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 54 Notifika tad-Deċiżjoni

1. Meta l-AETS tadotta Deċiżjoni biex tirreġistra, tirrifjuta reġistrazzjoni jew tirtira reġistrazzjoni, għandha tinnotifika r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi żmien 5 ijiem tax-xogħol bi spjegazzjoni raġunata b'mod sħiħ tad-Deċiżjoni tagħha.

2. L-AETS għandha tikkomunika kwalunkwe Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

3. L-AETS għandha tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha lista tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien 5 ijiem tax-xogħol wara l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 55 Multi

1. Fuq talba tal-AETS, il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ deċiżjoni timponi fuq repożitorju tat-tranżazzjonijiet multa, meta, intenzjonalment jew b’negliġenza, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun kiser l-Artikoli 63(1), 64, 65, 66 u 67 il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-multi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dissważivi u proporzjonali għan-natura u s-serjetà tal-ksur, id-dewmien tal-ksur u l-kapaċità ekonomika tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat. L-ammont tal-multa ma għandux jaqbeż 20 fil-mija tal-introjtu jew fatturat annwali tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tas-sena tan-negozju preċedenti.

3. Minkejja l-paragrafu 2, meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun direttament jew indirettament kiseb benefiċċju kwantifikabbli mill-ksur, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas daqs dak il-benefiċċju.

4. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jikkonċernaw:

(a) kriterji dettaljati biex jiġi stabilit l-ammont tal-multa;

(b) il-proċeduri għal inkjesti, miżuri u rapportar assoċjati, kif ukoll ir-regoli ta' proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' difiża, aċċess għall-fajl, rappreżentazzjoni legali, kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet temporali u l-kwantifikazzjoni u l-ġbir tal-multi.

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012.

Artikolu 56 Pagamenti ta’ penali perjodiċi

1. Fuq talba tal-AETS, il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni, timponi pagamenti ta' penali perjodiċi fuq kwalunkwe persuna impjegata minn jew għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew marbuta miegħu, sabiex iġġielha:

(a) iġġib fi tmiemu l-ksur;

(b) tipprovdi informazzjoni kompluta u korretta li l-AETS tkun intalbet skont l-Artikolu 61(2);

(c) toqgħod għal investigazzjoni u b’mod partikolari li tipproduċi rekords sħaħ, dejta, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u li tlesti u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f'investigazzjoni varata mill-AETS skont l-Artikolu 61(2);

(d) toqgħod għal spezzjoni fuq il-post ordnata mill-AETS skont l-Artikolu 61(2).

2. Il-pagamenti tal-penali perjodiċi pprovduti għandhom ikunu effettivi u proporzjonali. L-ammont tal-pagamenti tal-penali perjodiċi għandu jiġi impost għal kull jum ta’ dewmien. Ma għandux jeċċedi 5 % tad-dħul medju ta’ kuljum fis-sena tan-negozju preċedenti u għandu jiġi kkalkulat mid-data stipulata fid-deċiżjoni.

Artikolu 57 Smigħ tal-persuni kkonċernati

1. Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar multa jew pagament ta’ penali perjodiku kif previst fl-Artikoli 55 u 56, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni konċernati l-opportunità li jinstemgħu fuq il-kwistjonijiet li dwarhom tkun oġġezzjonat il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-persuni konċernati kienu kapaċi jikkumentaw.

2. Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni konċernati għandhom jiġu rispettati b'mod sħiħ fil-proċedimenti.

Dawk il-persuni għandhom ikunu intitolati jkollhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni.

Artikolu 58 Dispożizzjonijiet komuni għal multi u pagamenti ta’ penali perjodiċi

1. Il-Kummissjoni għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u pagament ta’ penali perjodiku li tkun ġiet imposta skont l-Artikoli 55 u 56.

2. Multi u pagamenti tal-penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 55 u 56 huma ta' natura amministrattiva.

Artikolu 59 Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni mhux limitata li tistħarreġ id-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament ta’ penali pejodiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament tal-penali perjodiku impost.

Artikolu 60 Irtirar tar-reġistrazzjoni

1. L-AETS għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun b’mod espliċitu rrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b) ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c) ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx għadu jilħaq il-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie rreġistrat;

(d) ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun b’mod serju jew ripetutament kiser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet iwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet issodisfata, tista’ titlob lill-AETS biex teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni humiex issodisfati. Meta l-AETS tiddeċiedi li ma tirtirax ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet konċernat, għandha tipprovdi raġunijiet sħaħ.

Artikolu 61 Sorveljanza ta’ Repożitorji tat-tranżazzjonijiet

1. L-AETS għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikoli 64 sa 67.

2. Sabiex twettaq l-obbligi stabiliti fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63, l-AETS għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

(a) li taċċessa kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma u li tirċievi jew tieħu kopja tiegħu;

(b) li titlob informazzjoni minn kwalunkwe persuna u, jekk meħtieġ, li ssejjaħ u tinterroga persuna bl-għan li tikseb l-informazzjoni;

(c) li twettaq spezzjonijiet fuq il-post imħabbra jew għal għarrieda;

(d) li tirrekjedi rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-dejta.

Kapitolu 2Relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi

Artikolu 62 Ftehimiet internazzjonali

Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tissottometti proposti lill-Kunsill għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiż terz wieħed jew iżjed dwar l-aċċess reċiproku għall-kuntratti tad-derivati OTC miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet li huma stabiliti f'terzi pajjiżi, u l-iskambju tal-informazzjoni dwarhom, meta dik l-informazzjoni tkun rilevanti għat-twettiq tad-doveri tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament.

Artikolu 63 Ekwivalenza u rikonoxximent

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet stabilit f’pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet tiegħu lil entitajiet stabiliti fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 6 biss meta dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun rikonoxxut mill-AETS.

2. L-AETS għandha tirrikonoxxi repożitorju tat-tranżazzjonijiet minn pajjiż terz, meta jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun awtorizzat fi u jkun soġġett għal sorveljanza effettiva f’dak il-pajjiż terz;

(b) il-Kummissjoni tkun adottat Deċiżjoni skont il-paragrafu 3;

(c) l-Unjoni tkun daħlet fi ftehim internazzjonali ma’ dak il-pajjiż terz, kif imsemmi fl-Artikolu 62;

(d) ikunu ġew stabiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont il-paragrafu 4 sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Unjoni jkollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa.

3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta Deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 69(2), li tiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti li jorbtu legalment li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabiliti f’dan ir-Regolament u li dawn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma soġġetti għal superviżjoni effettiva u infurzar f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa.

4. L-AETS għandha tistabilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti ta’ terzi pajjiżi li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ġew ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 3. Tali arranġamenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-Unjoni jkollhom aċċess immedjat u kontinwu għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-obbligi tagħhom. Dawk l-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a) il-mekkaniżmu għall-kambju tal-informazzjoni bejn l-AETS, kwalunkwe awtoritajiet oħra tal-Unjoni li jeżerċitaw responsabilitajiet skont dan ir-Regolament u l-awtoritajiet kompetenti ta’ terzi pajjiżi kkonċernati;

(b) il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji.

Titolu VIIR ekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

Artikolu 64 Rekwiżiti ġenerali

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludi struttura organizzazzjonali ċara b’linji tar-responsabilità definiti b’mod ċar, trasparenti u konsistenti u mekkaniżmi tal-kontroll intern xierqa, inklużi proċeduri amministrattivi sodi u tal-kontabilità, li jipprevjenu n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.

2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabilixxi politiki u proċeduri xierqa li jkunu biżżejjed biex jiżguraw il-konformità, inkluż mill-maniġers u l-impjegati tagħhom tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jżomm u jopera struttura organizzazzjonali xierqa li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament ordnat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tiegħu. Għandu jħaddem sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonali.

4. Il-maniġment superjuri u l-membri tal-bord ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollhom reputazzjoni u esperjenza tajba biżżejjed li jiżguraw l-immaniġjar tajjeb u prudenti tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

5. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkollu rekwiżiti oġġettivi, mhux diskriminatorji u li huma pubblikament divulgati għal aċċess u parteċipazzjoni. Il-kriterji li jirrestrinġu l-aċċess għandhom ikunu permessi biss safejn l-għan tagħhom hu l-kontroll tar-riskju għad-dejta miżmuma minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

6. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu pubblikament jiddivulga l-prezzijiet u l-tariffi assoċjati mas-servizzi pprovduti. Għandha tiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi tas-servizzi u funzjonijiet singoli pprovduti separatament, inklużi skontijiet u ribassi u l-kundizzjonijiet li jibbenefikaw minn dak it-tnaqqis. Għandu jippermetti lill-entitajiet tar-rapportar li jaċċessaw servizzi speċifiċi separatament. Il-prezzijiet u t-tariffi imposti minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandhom ikunu relatati mal-kostijiet.

Artikolu 65 Affidabilità operazzjonali

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jidentifika s-sorsi tar-riskju operazzjonali u jimminimizzahom permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi, kontroll u proċeduri xierqa. Dawn is-sistemi għandhom ikunu affidabbli u siguri, u għandu jkollhom kapaċità xierqa għall-immaniġjar tal-informazzjoni rċevuta.

2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabilixxi, jimplimenta u jżomm politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru bl-għan li jiżgura l-preservazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu, l-irkupru fil-ħin tal-operazzjonijiet u s-sodisfar tal-obbligi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Tali pjan għandu mill-inqas jipprovdi għat-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ riserva.

Artikolu 66 Salvagwardjar u reġistrar

1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiżgura l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni riċevuta taħt l-Artikolu 6.

2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu minnufih jirreġistra l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 6 u għandu jżommha għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti. Għandu jħaddem proċeduri taż-żamma tar-rekords puntwali u effiċjenti sabiex jiddokumenta l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata.

3. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkalkula l-pożizzjonijiet skont il-klassi tad-derivati u permezz tar-rapportar tal-entità fuq il-bażi tad-dettalji tal-kuntratti derivati rapportati skont l-Artikolu 6.

4. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jippermetti lill-partijiet f'kuntratt li jaċċessaw u jikkoreġu l-informazzjoni fuq dak il-kuntratt fil-ħinijiet kollha.

5. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jieħu l-passi raġonevoli kollha għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe użu ħażin tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi tiegħu u għandu jipprevjeni l-użu ta' dik l-informazzjoni miżmuma għal attivitajiet oħra tan-negozju.

L-informazzjoni kundifenzjali rreġistrata f’repożitorju tat-tranżazzjonijiet wieħed ma għandhiex tintuża għal użu kummerċjali minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li jkollha relazzjoni ta’ impriża prinċipali jew sussidjarja mar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

Artikolu 67 Trasparenza u disponibilità tad-dejta

1. Repo żitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jippubblika pożizzjonijiet aggregati skont il-klassi ta’ derivati rappurtati lilu.

2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-entitajiet li ġejjin:

(a) AETS;

(b) l-awtoritajiet kompetenti li jissupervizzaw l-impriżi soġġetti għall-obbligu tar-rapportar taħt l-Artikolu 6;

(c) l-awtorità kompetenti li tissupervizza s-CCPs li jaċċessaw ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(d) il-banek ċentrali rilevanti tas-SEBĊ.

3. L-AETS għandha taqsam l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tad-doveri tagħha mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra.

4. Qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi (1) u (2).

L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont [l-Artikoli 7 sa 7d] tar-Regolament …/… [Regolament AETS].

L-AETS għandha tissottometti abbozzi għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Ġunju 2012.

Titolu VIIID ispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali

Artikolu 68 Rapporti u Reviżjoni

1. Sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha teżamina u tirrapporta fuq l-arranġamenti istituzzjonali u superviżorji skont it-Titolu III u b'mod partikolari r-rwol u r-responsabilitajiet tal-AETS. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa.

Sal-istess data, il-Kummissjoni għandha, b’koordinament mal-AETS u l-awtoritajiet settorjali rilevanti, tivvaluta l-importanza sistemika tat-tranżazzjonijiet tad-ditti mhux finanzjarji fid-derivati OTC.

2. L-AETS għandha tissottometti rapporti lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar skont it-Titolu II u dwar l-estensjoni tal-ambitu tal-arranġamenti tal-interoperabilità skont it-Titolu V għal tranżazzjonijiet oħra fi klassijiet ta’ strumenti finanzjarji minn titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus.

Dawk ir-rapporti għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni sa mhux iżjed tard mit-30 ta’ Settembru 2014.

3. Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-AETS, u wara li titlob il-valutazzjoni tas-SEBĊ, tħejji rapport annwali li jivaluta kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi u kostijiet tal-arranġamenti tal-interoperabilità.

Ir-rapport għandu jiffoka mill-inqas fuq in-numru u l-kumplessità ta’ dawn l-arranġament, u l-adegwatezza ta’ sistemi u mudell tal-immaniġjar tar-riskji. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa.

Is-SEBĊ għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tiegħu ta’ kwalunkwe implikazzjoni possibbli ta’ riskji sistemiċi u kostijiet tal-arranġamenti tal-interoperabilità.

Artikolu 69 Proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Titoli Ewropew stabilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE[37].

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3. Il-perjodu stabilit fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabilit għal tliet xhur.

Artikolu 70 Emenda għad-Direttiva 98/26/KE

Fl-Arikolu 9(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

"Meta operatur ta’ sistema jkun ipprovda titolu kollaterali lil operatur ta’ sistema ieħor b’rabta ma' sistema interoperabbli, id-drittijiet tal-operatur tas-sistema li jipprovdi għal dak it-titolu kollaterali ma għandhomx jiġu affetwati minn proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-operatur ta’ sistema riċevitur."

Artikolu 71 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1. CCP li tkun ġiet awtorizzata fl-Istat Membru fejn hi stabilita biex tipprovdi servizzi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandha tikseb l-awtorizzazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-Regolament sa mhux i żjed tard minn [ sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ].

2. Kuntratti derivati li ġew konklużi qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal dak it-tip partikolari ta’ kuntratt għandhom jiġu rappurtati lil dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fi żmien 120 jum mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dak ir-repożitorju mill-AETS.

Artikolu 72 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi […],

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] COM(2009) 114.http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0114:FIN:MT:PDF.

[2] “L-iżgurar ta' swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi”, COM(2009)332. Id-dokument huwa disponibbli fi: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0332:FIN:MT:PDF.

[3] Il-Komunikazzjoni hi akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, li fih ħarsa ġenerali ta’ (i) swieq tad-derivati u (ii) segmenti tas-suq tad-derivati OTC, kif ukoll valutazzjoni tal-effikaċja tal-miżuri attwali għat-tnaqqis tar-riskji, notevolment fir-rigward tas-CDS. Id-dokument huwa disponibbli fi: http://ec.europa.eu/internal_market/docs/derivatives/report_en.pdf.

[4] “L-iżgurar ta' swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi: Azzjonijiet futuri ta' politika”, COM(2009)563. Disponibbli fi: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2009:0563:FIN:MT:PDF.

[5] http://www.g20.org/Documents/pittsburgh_summit_leaders_statement_250909.pdf

[6] L-ittra ta’ impenn u l-lista ta’ firmatarji tagħha huma disponibbli fis-sit tal-internet tad-DĠ MARKT f’http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/derivatives/index_en.htm#cds.

[7] Rispettivament il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej, il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej, u l-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

[8] Rispettivament l-Autorité des marchés financiers, Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht u l- Financial Services Authority.

[9] Rispettivament il-Committee on Payment and Settlement Systems and the International Organisation of Securities Commissions (il-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli).

[10] Rispettivament il-Commodity Futures Trading Commission u s-Securities and Exchange Commission.

[11] http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2009/derivatives_en.htm.

[12] http://circa.europa.eu/Public/irc/markt/markt_consultations/library?l=/financial_services/derivatives_ derivatives&vm=detailed&sb=Title.

[13] http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2009/derivatives/summaryderivcons_en.pdf.

[14] Ir-reġistrazzjonijiet u d-dokumenti tal-konferenza huma disponibbli fis-sit tal-internet tad-DĠ MARKT http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/derivatives/index_en.htm#conference.

[15] Ir-risposti mhux kunfidenzjali jistgħu jinkisbu minn:http://circa.europa.eu/Public/irc/markt/markt_consultations/library?l=/financial_services/infrastructures&vm=detailed&sb=Title

[16] Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tinstab fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/index_en.htm.

[17] ĠU C , , p. .

[18] "Nixprunaw l-irkupru Ewropew", (COM 2009) 114 finali.

[19] “L-iżgurar ta' swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi”, COM(2009)332.

[20] "L-iżgurar ta' swieq tad-derivati effiċjenti, sikuri u sodi: Azzjonijiet futuri ta' politika”, COM(2009)563.

[21] ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

[22] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

[23] ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.

[24] ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

[25] ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.

[26] ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

[27] ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

[28] http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/docs/code/code_en.pdf

[29] ĠU L 281, 23.1.1995, p. 31.

[30] Il-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (Committee on Payment and Settlement Systems, CPSS) tal-banek ċentrali tal-pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Grupp ta’ Għaxra (Group of Ten) u l-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (Technical Committee of the International Organization of Securities Commissions).

[31] Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej.

[32] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

[33] ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

[34] ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

[35] ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

[36] ĠU L 309, 25.11.2005, p.15.

[37] ĠU L 191, 13.7.2001, p.45.

Top