EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008H0416
Commission Recommendation of 10 April 2008 on the management of intellectual property in knowledge transfer activities and Code of Practice for universities and other public research organisations (notified under document number C(2008) 1329) (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l- 10 ta’ April 2008 dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1329) Test b’relevanza għaż-ŻEE
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l- 10 ta’ April 2008 dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1329) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 146, 5.6.2008, p. 19–24
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Replaced by | 32022H2415 |
5.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 146/19 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
ta' l-10 ta’ April 2008
dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1329)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/416/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 165 tiegħu,
Billi:
(1) |
Huma u jvaraw mill-ġdid l-Istrateġija ta’ Liżbona fis-sena 2005, il-Kapijiet ta’ l-Istati jew tal-Gvernijiet enfasizzaw ir-rwol ewlieni li rabtiet aħjar bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, inklużi universitajiet, u l-industrija jista’ jkollhom fil-faċilitazzjoni tal-moviment u l-użu ta’ ideat f’soċjetà dinamika msejsa fuq l-għarfien u fit-titjib tal-kompetittività u l-welfare. |
(2) |
Għandu jsir sforz sabiex l-għarfien jinbidel aħjar f’benefiċċji soċjo-ekonomiċi. Għalhekk, jeħtieġ illi l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi jxerrdu u jisfruttaw b’mod aktar effettiv ir-riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi bil-għan li dawn jiġu tradotti fi prodotti u servizzi ġodda. Il-mezzi sabiex dan iseħħ jinkludu b’mod partikolari l-kollaborazzjoni bejn l-akkademji u l-industrija – riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali li titwettaq jew tiġi mħallsa b’mod konġunt mas-settur privat – il-liċenzjar u l-ħolqien ta’ derivati. |
(3) |
L-isfruttar effettiv tar-riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi jiddependi mill-ġestjoni tajba tal-proprjetà intellettwali (jiġifieri l-għarfien fis-sens l-aktar wiesa’, li jinkludi pereżempju invenzjonijiet, softwer, databases u mikroorganiżmi, sew jekk dawn huma protetti bi strumenti legali bħal privattivi u sew jekk le), mill-iżvilupp ta’ kultura intraprenditorjali u ħiliet assoċjati ġewwa organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll fuq komunikazzjoni u interazzjoni aħjar bejn is-settur pubbliku u dak privat. |
(4) |
Is-sehem attiv ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fil-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u fit-trasferiment ta’ l-għarfien huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ benefiċċji soċjo-ekonomiċi, u sabiex jiġu attirati studenti, xjentisti u aktar finanzjament għar-riċerka. |
(5) |
Fis-snin reċenti, l-Istati Membri ħadu inizjattivi sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ l-għarfien fuq il-livell nazzjonali, iżda diskrepanzi sinifikanti bejn l-oqfsa regolatorji nazzjonali, il-politiki u l-prattiki, kif ukoll varjazzjonijiet fl-istandards għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali ġewwa organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, iżommu jew ifixklu t-trasferiment trans-nazzjonali ta’ l-għarfien madwar l-Ewropa u r-realizzazzjoni ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka. |
(6) |
Wara l-Komunikazzjoni u l-Linji ta’ Gwida tal-Kummissjoni (1) tas-sena 2007, li stabbilixxew approċċi għal qafas komuni Ewropew għat-trasferiment ta’ l-għarfien, il-Kunsill Ewropew għalhekk stieden lill-Kummissjoni, f’Ġunju 2007, sabiex tiżviluppa gwida għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali minn organizzazzjonjiet pubbliċi ta’ riċerka fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri. |
(7) |
Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom b’linji ta’ gwida tal-politika għall-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ linji ta’ gwida u oqfsa nazzjonali, u Kodiċi ta’ Prattika għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, sabiex jittejjeb il-mod li bih l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi jiġġestixxu it-trasferiment tal-proprjetà intellettwali u ta’ l-għarfien. |
(8) |
Il-kollaborazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-attivitajiet tat-trasferiment ta’ għarfien bejn il-Komunità u pajjiżi terzi għandhom ikunu bbażati fuq rakkomandazzjonjiiet u prattika ċari u uniformi li jiżguraw aċċess ekwu u ġust għal proprjetà intellettwali maħluqa permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka, għall-benefiċċju reċiproku ta’ s-sħab kollha involuti. Il-Kodiċi ta’ Prattika hawn anness għandu jintuża bħala referenza f’dak il-kuntest. |
(9) |
Ġew identifikati diversi prattiki tajbin li għandhom jgħinu lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni. Qiegħed jitħalla f’idejn kull Stat Membru sabiex jagħżel il-proċeduri u l-prattiki mfassla bl-aħjar mod sabiex jiġi żgurat illi l-prinċipji f’din ir-Rakkomandazzjoni jiġu segwiti, wara li jitqies dak li jkun l-aktar effettiv fil-kuntest ta’ dak l-Istat Membru, billi l-prattiki li huma effettivi ġewwa Stat Membru wieħed jistgħu ma jkunux daqstant effettivi ġewwa ieħor. Għandha titqies ukoll il-gwida eżistenti li ngħatat fuq il-livell Komunitarju u dak ta’ l-OECD. |
(10) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-impatt tagħha, u għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ prattika tajba fir-rigward tat-trasferiment ta’ l-għarfien. |
B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM:
(1) |
Jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi kollha jidentifikaw it-trasferiment ta’ l-għarfien bħala missjoni strateġika; |
(2) |
Jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi sabiex jistabbilixxu u jippromwovu politiki u proċeduri għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali skond il-“Kodiċi ta’ Prattika” stabbilit fl-Anness I; |
(3) |
Isostnu l-iżvilupp ta’ kapaċità u ħiliet fit-trasferiment ta’ l-għarfien f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll miżuri sabiex iżidu l-kuxjenza u l-ħiliet ta’ l-istudenti – partikolarment fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija – fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment ta’ l-għarfien u l-intraprenditorija; |
(4) |
Jippromwovu t-tixrid wiesa’ ta’ għarfien miksub b’fondi pubbliċi, billi jieħdu passi sabiex jinkoraġġixxu aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka, filwaqt illi jagħmluha possibbli, fejn xieraq, illi l-proprjetà intellettwali relatata tiġi protetta; |
(5) |
Jikkooperaw u jieħdu passi sabiex itejjbu l-koerenza tas-sistemi ta’ proprjetà rispettivi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’tali mod illi jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien trans-konfinali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp; |
(6) |
Jużaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni bħala bażi sabiex jintroduċu jew jadattaw linji ta’ gwida u leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment ta’ l-għarfien minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar kooperazzjoni fir-riċerka ma’ terzi pajjiżi, jew għal kwalunkwe miżura oħra għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien, jew meta jkunu qegħdin joħolqu politiki relatati jew skemi ta’ finanzjament ġodda, fir-rispett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; |
(7) |
Jieħdu passi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni l-aktar wiesà possibbli tal-Kodiċi ta’ Prattika, sew jekk direttament u sew jekk permezz tar-regoli stabbiliti minn korpi nazzjonali u reġjonali għall-finanzjament tar-riċerka; |
(8) |
Jiżguraw trattament ekwu u ġust tal-parteċipanti minn Stati Membru u minn pajjiżi terzi fi proġetti internazzjonali tar-riċerka dwar il-proprjetà ta’ u l-aċċess għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għall-benefiċċju reċiproku tas-sħab kollha involuti; |
(9) |
Jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali, li l-kompiti tiegħu għandhom jinkludu l-koordinazzjoni ta’ miżuri dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u s-settur privat, inkluż it-trattament ta’ kwistjonijiet transnazzjonali, b’rabta ma’ punti ta’ kuntatt simili fi Stati Membri oħrajn; |
(10) |
Jeżaminaw u jagħmlu użu mill-aħjar prattiki stabbiliti fl-Anness II, filwaqt li jqisu l-kuntest nazzjonali; |
(11) |
Jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju 2010 u kull sentejn wara dik id-data dwar il-miżuri meħuda fuq il-bażi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, kif ukoll l-impatt tagħhom. |
Magħmula fi Brussell, 10 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Janez POTOČNIK
Membru tal-Kummissjoni
(1) COM(2007) 182.
ANNESS I
Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ l-għarfien
Dan il-Kodiċi ta’ Prattika jikkonsisti fi tliet gruppi ewlenin ta’ prinċipji.
Il-prinċipji għal politika interna dwar il-proprjetà intelletwali (minn hawn ‘il quddiem “IP”) jikkostitwixxu s-sett bażiku ta’ prinċipji li għandhom jimplimentaw l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi sabiex jiġġestixxu b’mod effettiv il-proprjetà intellettwali li tirriżulta mill-attivitajiet – tagħhom biss jew b’kollaborazzjoni ma’ terzi – fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.
Il-prinċipji għal politika dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien (minn hawn ‘il quddiem “KT”) jikkomplementaw lil dawk marbuta mal-politika dwar l-IP billi jiffokaw b’mod aktar speċifiku fuq it-trasferiment u l-isfruttar attiv ta’ din il-proprjetà intellettwali, sew jekk tkun protetta minn drittijiet ta’ l-IP u sew jekk le.
Il-prinċipji dwar ir-riċerka kollaborattiva u kuntrattwali huma maħsuba sabiex jikkonċernaw kull tip ta’ attività ta’ riċerka li titwettaq jew tiġi mħallsa b’mod konġunt bejn organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u s-settur privat, inkluża b’mod partikolari r-riċerka kollaborattiva (fejn il-partijiet kollha jwettqu kompiti ta’ R&D) u r-riċerka kuntrattwali (fejn l-R&D jitwettqu minn organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika fuq il-bażi ta’ kuntratt mogħti minn kumpanija privata).
Prinċipji għal politika interna dwar il-proprjetà intellettwali
1. |
L-iżvilupp ta’ politika dwar l-IP bħala parti mill-istrateġija fuq terminu twil u l-missjoni ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, u l-promozzjoni interna u esterna tagħha, filwaqt li jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt wieħed responsabbli. |
2. |
Dik il-politika għandha tistabbilixxi regoli ċari għall-persunal u għall-istudenti b’mod partikolari dwar l-iżvelar ta’ ideat ġodda li għandhom potenzjal għal interess kummerċjali, il-proprjetà tar-riżultati tar-riċerka, iż-żamma ta’ rekords, il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u l-involviment ta’ partijiet terzi. |
3. |
Il-promozzjoni ta’ l-identifikazzjoni, l-isfruttar u, fejn xieraq, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, skond l-istrateġija u l-missjoni ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u bil-għan li jinkisbu l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi massimi. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu adottati strateġiji differenti – posibbilment b’differenzi fl-oqsma xjentifiċi/tekniċi rispettivi –, pereżempju l-approċċ tal-“proprjetà pubblika” jew l-approċċ ta’ “innovazzjoni miftuħa”. |
4. |
L-għoti ta’ inċentivi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-persunal rilevanti kollu jieħu sehem attiv fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-IP. Dawn l-inċentivi m’għandhomx ikunu biss ta’ natura finanzjarja iżda għandhom jippromwovu wkoll il-progress fil-karriera, billi jittieħed qjies ta’ l-aspetti tal-proprjetà intellettwali u tat-trasferiment ta’ l-għarfien fil-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni, minbarra l-kriterji akkademiċi. |
5. |
Jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ portafolli koerenti ta’ proprjetà intellettwali mill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika – pereżempju f’oqsma teknoloġiċi speċifiċi – u, fejn xieraq, il-ħolqien ta’ ġabriet ta’ privattivi/IP li jinkludu proprjetà intellettwali ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn. Dan jistà jiffaċilita l-isfruttar, permezz ta’ massa kritika u tnaqqis fl-ispiża tat-tranżazzjoni għal partijiet terzi. |
6. |
It-tkattir ta’ kuxjenza u ħiliet bażiċi fir-rigward tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment ta’ l-għarfien permezz ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ għal studenti kif ukoll għal persunal li jwettaq ir-riċerka, u l-assigurazzjoni li l-persunal responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-IP/KT ikollu l-ħiliet meħtieġa u jirċievi taħriġ adegwat. |
7. |
L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika dwar il-pubblikazzjoni/tixrid li tippromwovi tixrid wiesa’ ta’ riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp (pereżempju permezz ta’ pubblikazzjoni b’aċċess miftuħ), filwaqt li jkun aċċettat dewmien li huwa possibbli fejn tkun maħsuba l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, għalkemm dan għandu jinżamm fil-minimu. |
Prinċipji għal politika dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien
8. |
Sabiex issir il-promozzjoni ta’ l-użu tar-riżultati tar-riċerka li ssir minn fondi pubbliċi u jinkiseb l-impatt soċjo-ekonomiku massimu tagħhom, għandhom jitqiesu t-tipi ta’ mekkaniżmi għall-isfruttar kollha possibbli (bħal liċenzjar jew il-ħolqien ta’ derivati) u ta’ s-sħab għall-isfruttar kollha possibbli (bħal derivati jew kumpaniji eżistenti, organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn, investituri, jew servizzi jew aġenziji għas-sostenn ta’ l-innovazzjoni), u għandhom jintgħażlu dawk li huma l-aktar xierqa. |
9. |
Filwaqt illi politika proattiva ta’ l-IP/KT tista’ tiġġenera dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, dan m’għandux jitqies bħala l-għan primarju. |
10. |
L-assigurazzjoni li l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika għandha aċċess għal jew għandha fil-pussess tagħha servizzi għat-trasferiment ta’ l-għarfien professjonali inklużi konsulenti legali, finanzjarji, kummerċjali kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-infurzar, minbarra persunal b’esperjenza teknika. |
11. |
L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika ta’ liċenzjar, sabiex jiġu armoniżżati l-prattiki ġewwa l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u tiġi assigurata l-ġustizzja fil-ftehim kollha. B’mod partikolari, it-trasferimenti tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprejtà intellettwali li tappartjeni lill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u l-għoti ta’ liċenzji esklussivi (1) għandhom ikunu vvalutati b’attenzjoni, speċjalment b’rigward għal partijiet terzi li mhumiex Ewropej. Il-liċenzji għall-finijiet ta’ sfruttar għandhom jinvolvu kumpens xieraq, finanzjarju jew mod ieħor. |
12. |
L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika għall-ħolqien ta’ derivati, li tippermetti u tinkoraġġixxi lill-persunal ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika sabiex jieħu sehem fil-ħolqien ta’ derivti fejn xieraq, u li tiċċara relazzjonijiet fuq terminu twil bejn derivati u l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika. |
13. |
L-istabbiliment ta’ prinċipji ċari dwar il-qsim ta’ qligħ finanzjarju minn dħul mit-trasferiment ta’ l-għarfien bejn l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, id-dipartiment u dawk li jagħmlu l-invenzjoni. |
14. |
Il-monitoraġġ tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u ta’ l-attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien u kisbiet relatati, u l-promozzjoni regolari tagħhom. Ir-riżultati tar-riċerka ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, kull ħila esperta u drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati għandhom isiru aktar viżibbli għas-settur privat, sabiex ikun hemm il-promozzjoni ta’ l-isfruttar tagħhom. |
Prinċipji dwar ir-riċerka kollaborattiva u kuntrattwali (2)
15. |
Ir-regoli li jiggvernaw l-attivitijiet ta’ riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali għandhom ikunu kompatibbli mal-missjoni ta’ kull parti. Għandhom iqisu l-livell ta’ finanzjament privat u jkunu skond l-għanijiet ta’ l-attivitajiet tar-riċerka, b’mod partikolari sabiex jinkiseb l-impatt kummerċjali u soċjo-ekonomiku massimu tar-riċerka, sabiex jiġi sostnut l-għan ta’ l-organizzazjoni ta’ riċerka pubblika li tattira finanzjament privat għar-riċerka, sabiex tinżamm pożizzjoni dwar il-proprjetà intellettwali li tippermetti riċerka akkademika u kollaborattiva ulterjuri, u jiġi evitat it-tfixkil fit-tixrid tar-riżultati ta’ l-R&D. |
16. |
Il-kwistjonijiet marbuta ma’ l-IP għandhom jiġu ċċarati fuq il-livell tal-ġestjoni u kmieni kemm jista’ jkun fil-proġett tar-riċerka, idealment qabel ma jibda. Kwistjonijiet li huma marbuta ma’ l-IP jinkludu l-allokazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprjetà intellettwali li tinħoloq fil-qafas tal-proġett (minn hawn ‘il quddiem “informazzjoni ġdida” (“foreground”)), l-identifikazzjoni tal-proprjetà intellettwali li tkun fil-pussess tal-partijiet qabel ma jinbeda l-proġett (minn hawn ‘il quddiem “informazzjoni anterjuri”) u li hija meħtieġa sabiex jiġi esegwit il-proġett jew għall-finijiet ta’ sfruttar, id-drittijiet ta’ l-aċċess (3) għal informazzjoni ġdida u informazzjoni anterjuri għal dawn il-finijiet u l-qsim tal-qligħ. |
17. |
Fi proġett ta’ riċerka kollaborattiva, il-proprjetà ta’ l-informazzjoni ġdida għandha tibqa’ għand il-parti li kisbitha, iżda tista’ tiġi allokata lill-partijiet differenti fuq il-bażi ta’ ftehim kuntrattwali milħuq minn qabel, li jirrifletti b’mod adegwat l-interessi, il-kompiti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew mod ieħor rispettivi tal-partijiet, għall-proġett. Fil-każ ta’ riċerka kuntrattwali, l-informazzjoni ġdida miksuba mill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika tappartjeni lill-parti tas-settur privat. Il-proprjetà ta’ l-informazzjoni anterjuri m’għandhiex tiġi affettwata mill-proġett. |
18. |
Id-drittijiet ta’ l-aċċess (3) għandhom ikunu ċċarati mill-partijiet kemm jista’ jkun kmieni kmieni fil-proġett ta’ riċerka, idealment qabel dan jinbeda. Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proġett ta’ riċerka jew għall-isfruttar ta’ informazzoni ġdida ta’ parti, għandu jkun disponibbli l-aċċess għall-informazzjoni ġdida jew anterjuri tal-partijiet l-oħra, b’kundizzjonijiet li għandhom jirriflettu adegwatament l-interessi, il-kompiti u l-kontributi finanzjarji u ta’ tipi oħra tal-partijiet rispettivament. |
(1) B’rigward għar-riżultati ta’ l-R&D li jista’ jkollhom bosta oqsma ta’ applikazzjoni, l-għoti ta’ liċenzji esklussivi mingħajr ebda limitazzjoni għal qasam ta’ użu speċifiku għandu jiġi evitat. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-PRO għandu jirriżerva drittijiet adegwati sabiex jiffaċilita t-tixrid u r-riċerka ulterjuri.
(2) Meta PRO jwettaq riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali ma’ siaħeb industrijali, il-Kummissjoni awtomatikament (i.e. bla rekwiżit ta’ notifika) tqis li l-ebda għajnuna indiretta mill-Istat ma hija konċessa lis-sieħeb industrijali permezz tal-PRO jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna mill-Istat għall-R&D (ĠU C 323 tat-30.12.2006 – b’mod partikolari l-punti 3.2.1 u 3.2.2 tiegħu).
(3) Id-drittijiet ta’ l-aċċess jirreferu għal drittijiet mogħtija mill-partijiet lil xulxin, b’differenza minn liċenzji li jingħataw lil partijiet terzi. Għandhom jistabbilixxu min mill-partijiet jista’ juża’ liema biċċiet ta’ informazzjoni ġdida/anterjuri, għall-finijiet ta’ riċerka u/jew għall-finijiet ta’ sfruttar, u b’liema kundizzjonijiet.
ANNESS II
Prattiki ta’ awtoritajiet pubbliċi identifikati li jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien minn universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn
It-Trasferiment ta’ l-Għarfien bħala missjoni strateġika ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi
1. |
It-trasferiment ta’ l-għarfien bejn universitajiet u l-industrija hija stabbilita bħala prijorità politika u operazzjonali permanenti għall-korpi kollha ta’ finanzjament pubbliku tar-riċerka ġewwa Stat Membru, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak reġjonali. |
2. |
Is-suġġett jaqa’ b’mod ċar taħt ir-responsabbilità ta’ ministeru, li huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ inizjattivi għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien ma’ ministeri oħrajn. |
3. |
Kull ministeru u korp governattiv reġjonali li jwettaq attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien jaħtar uffiċjal responsabbli għall-monitoraġġ ta’ l-impatt tagħhom. Dawn jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw informazzjoni u jiddiskutu meżżi sabiex itejbu t-trasferiment ta’ l-għarfien. |
Politiki għall-ġestjoni tal-Proprjetà Intellettwali
4. |
Il-ġestjoni tajba tal-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn fondi pubbliċi hija promossa, bil-ħtieġa li din titwettaq skond prinċipji stabbiliti wara li jitqiesu l-interessi leġittimi ta’ l-industrija (pereżempju restrizzjonijiet temporanji ta’ kunfidenzjalità). |
5. |
Il-politika dwar ir-riċerka tippromwovi dipendenza fuq is-settur privat biex jgħin sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet teknoloġiċi u sabiex jistabbilixxi investiment privat fir-riċerka u jinkoraġġixxi l-isfruttar ta’ riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi. |
Kapaċitajiet u ħiliet għat-trasferiment ta’ l-għarfien
6. |
Huma disponibbli għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u l-persunal tagħhom biżżejjed riżorsi u inċentivi sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien. |
7. |
Jittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata d-disponibilità u jiġi ffaċilitat l-impjieg ta’ persunal imħarreġ (bħal uffiċjali għat-trasferiment tat-teknoloġija) minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi. |
8. |
Jitqiegħed għad-dispożizzjoni sett ta’ kuntratti li jservu ta’ eżempju, kif ukoll għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet li tgħin sabiex jintgħażel il-mudell l-aktar xieraq, skond numru ta’ parametri. |
9. |
Qabel ma jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien (bħal skemi ta’ mobilità jew finanzjament), jiġu kkonsultati gruppi rilevanti ta’ partijiet interessati, inklużi negozji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) u industriji kbar kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi. |
10. |
Il-ġmiegħ flimkien ta’ riżorsi bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fuq il-livell lokali jew reġjonali huwa promoss fejn dawn m’għandhomx il-massa kritika ta’ spiża fir-riċerka sabiex jiġġustifikaw uffiċju għalihom weħidhom għat-trasferiment ta’ l-għarfien jew amministratur tal-proprjetà intellettwali. |
11. |
Jiġu mnedija programmi li jsostnu derivati tar-riċerka, li jinkludu t-taħriġ fl-intrapriża u li jinvolvu interazzjoni qawwija ta’ organizzazzjonijet ta’ riċerka pubbliċi ma’ inkubaturi lokali, min jipprovdi l-finanzjament, aġenziji għas-sostenn tan-negozju, eċċ. |
12. |
Jitqiegħed għad-dispożizzjoni finanzjament mill-gvern għas-sostenn tat-trasferiment ta’ l-għarfien u l-parteċipazzjoni tan-negozji f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, inkluż billi jiġu impjegati esperti. |
Koerenza fil-kooperazzjoni trans-nazzjonali
13. |
Sabiex issir promozzjoni tat-trasferiment trans-nazzjonali ta’ l-għarfien u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ma’ partijiet minn pajjiżi oħra, il-proprjetarju ta’ proprjetà intellettwali minn riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi jiġi identifikat permezz ta’ regoli ċari u din l-informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe kundizzjoni għall-finanzjament li tista’ taffettwa t-trasferiment ta’ l-għarfien, tkun faċilment disponibbli. Il-proprjetà istituzzjonali – pjuttost mis-sistema ta’ “privileġġ tal-professur” – titqies bħala s-sistema legali li tapplika awtomatikament għad-dritt tal-proprjetà fuq il-proprjetà intellettwali f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE. |
14. |
Meta jiġu ffirmati ftehim internazzjonali għall-kooperazzjoni fir-riċerka, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ proġetti ffinanzjati skond l-iskemi taż-żewġ pajjiżi jagħtu lill-parteċipanti kollha drittijiet simili, speċjalment b’rigward għall-aċċess għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-restrizzjonijiet relatati dwar l-użu. |
It-tixrid ta’ l-għarfien
15. |
L-aċċess miftuħ huwa implimentat minn korpi pubbliċi għall-finanzjament tar-riċerka b’rigward għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi li huma riżultat ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi u li huma riveduti minn esperti ta’ l-istess livell. |
16. |
L-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka huwa promoss, skond il-Prinċipji u Linji ta’ gwida għal Aċċess għad-Data ta’ Riċerka minn Finanzjament Pubbliku, ta’ l-OECD, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet marbuta ma’ l-isfruttar kummerċjali. |
17. |
Jiġu żviluppati faċilitajiet ta’ arkivji għar-riżultati ta’ riċerka (bħal repożitorji li għandhom il-bażi tagħhom fuq l-Internet) permezz ta’ fondi pubbliċi b’konnessjoni ma’ politiki għal aċċess miftuħ. |
Il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjonai
18. |
Jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi mmonitorjat u rivedut il-progress li jsir minn organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ riċerka pubbliċi f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien, pereżempju permezz ta’ rapporti annwali ta’ l-organizzazzjonijiet pubbliċi individwali ta’ riċerka. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ l-aħjar prattiki, titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. |