5.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 146/19


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-10 ta’ April 2008

dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intelletwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1329)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/416/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 165 tiegħu,

Billi:

(1)

Huma u jvaraw mill-ġdid l-Istrateġija ta’ Liżbona fis-sena 2005, il-Kapijiet ta’ l-Istati jew tal-Gvernijiet enfasizzaw ir-rwol ewlieni li rabtiet aħjar bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, inklużi universitajiet, u l-industrija jista’ jkollhom fil-faċilitazzjoni tal-moviment u l-użu ta’ ideat f’soċjetà dinamika msejsa fuq l-għarfien u fit-titjib tal-kompetittività u l-welfare.

(2)

Għandu jsir sforz sabiex l-għarfien jinbidel aħjar f’benefiċċji soċjo-ekonomiċi. Għalhekk, jeħtieġ illi l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi jxerrdu u jisfruttaw b’mod aktar effettiv ir-riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi bil-għan li dawn jiġu tradotti fi prodotti u servizzi ġodda. Il-mezzi sabiex dan iseħħ jinkludu b’mod partikolari l-kollaborazzjoni bejn l-akkademji u l-industrija – riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali li titwettaq jew tiġi mħallsa b’mod konġunt mas-settur privat – il-liċenzjar u l-ħolqien ta’ derivati.

(3)

L-isfruttar effettiv tar-riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi jiddependi mill-ġestjoni tajba tal-proprjetà intellettwali (jiġifieri l-għarfien fis-sens l-aktar wiesa’, li jinkludi pereżempju invenzjonijiet, softwer, databases u mikroorganiżmi, sew jekk dawn huma protetti bi strumenti legali bħal privattivi u sew jekk le), mill-iżvilupp ta’ kultura intraprenditorjali u ħiliet assoċjati ġewwa organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll fuq komunikazzjoni u interazzjoni aħjar bejn is-settur pubbliku u dak privat.

(4)

Is-sehem attiv ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fil-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u fit-trasferiment ta’ l-għarfien huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ benefiċċji soċjo-ekonomiċi, u sabiex jiġu attirati studenti, xjentisti u aktar finanzjament għar-riċerka.

(5)

Fis-snin reċenti, l-Istati Membri ħadu inizjattivi sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ l-għarfien fuq il-livell nazzjonali, iżda diskrepanzi sinifikanti bejn l-oqfsa regolatorji nazzjonali, il-politiki u l-prattiki, kif ukoll varjazzjonijiet fl-istandards għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali ġewwa organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, iżommu jew ifixklu t-trasferiment trans-nazzjonali ta’ l-għarfien madwar l-Ewropa u r-realizzazzjoni ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka.

(6)

Wara l-Komunikazzjoni u l-Linji ta’ Gwida tal-Kummissjoni (1) tas-sena 2007, li stabbilixxew approċċi għal qafas komuni Ewropew għat-trasferiment ta’ l-għarfien, il-Kunsill Ewropew għalhekk stieden lill-Kummissjoni, f’Ġunju 2007, sabiex tiżviluppa gwida għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali minn organizzazzjonjiet pubbliċi ta’ riċerka fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom b’linji ta’ gwida tal-politika għall-iżvilupp jew l-aġġornament ta’ linji ta’ gwida u oqfsa nazzjonali, u Kodiċi ta’ Prattika għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, sabiex jittejjeb il-mod li bih l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi jiġġestixxu it-trasferiment tal-proprjetà intellettwali u ta’ l-għarfien.

(8)

Il-kollaborazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-attivitajiet tat-trasferiment ta’ għarfien bejn il-Komunità u pajjiżi terzi għandhom ikunu bbażati fuq rakkomandazzjonjiiet u prattika ċari u uniformi li jiżguraw aċċess ekwu u ġust għal proprjetà intellettwali maħluqa permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka, għall-benefiċċju reċiproku ta’ s-sħab kollha involuti. Il-Kodiċi ta’ Prattika hawn anness għandu jintuża bħala referenza f’dak il-kuntest.

(9)

Ġew identifikati diversi prattiki tajbin li għandhom jgħinu lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni. Qiegħed jitħalla f’idejn kull Stat Membru sabiex jagħżel il-proċeduri u l-prattiki mfassla bl-aħjar mod sabiex jiġi żgurat illi l-prinċipji f’din ir-Rakkomandazzjoni jiġu segwiti, wara li jitqies dak li jkun l-aktar effettiv fil-kuntest ta’ dak l-Istat Membru, billi l-prattiki li huma effettivi ġewwa Stat Membru wieħed jistgħu ma jkunux daqstant effettivi ġewwa ieħor. Għandha titqies ukoll il-gwida eżistenti li ngħatat fuq il-livell Komunitarju u dak ta’ l-OECD.

(10)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-impatt tagħha, u għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ prattika tajba fir-rigward tat-trasferiment ta’ l-għarfien.

B’DAN TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM:

(1)

Jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi kollha jidentifikaw it-trasferiment ta’ l-għarfien bħala missjoni strateġika;

(2)

Jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi sabiex jistabbilixxu u jippromwovu politiki u proċeduri għall-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali skond il-“Kodiċi ta’ Prattika” stabbilit fl-Anness I;

(3)

Isostnu l-iżvilupp ta’ kapaċità u ħiliet fit-trasferiment ta’ l-għarfien f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll miżuri sabiex iżidu l-kuxjenza u l-ħiliet ta’ l-istudenti – partikolarment fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija – fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, it-trasferiment ta’ l-għarfien u l-intraprenditorija;

(4)

Jippromwovu t-tixrid wiesa’ ta’ għarfien miksub b’fondi pubbliċi, billi jieħdu passi sabiex jinkoraġġixxu aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka, filwaqt illi jagħmluha possibbli, fejn xieraq, illi l-proprjetà intellettwali relatata tiġi protetta;

(5)

Jikkooperaw u jieħdu passi sabiex itejjbu l-koerenza tas-sistemi ta’ proprjetà rispettivi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’tali mod illi jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien trans-konfinali fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(6)

Jużaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni bħala bażi sabiex jintroduċu jew jadattaw linji ta’ gwida u leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment ta’ l-għarfien minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, kif ukoll għall-konklużjoni ta’ ftehim dwar kooperazzjoni fir-riċerka ma’ terzi pajjiżi, jew għal kwalunkwe miżura oħra għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien, jew meta jkunu qegħdin joħolqu politiki relatati jew skemi ta’ finanzjament ġodda, fir-rispett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

(7)

Jieħdu passi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni l-aktar wiesà possibbli tal-Kodiċi ta’ Prattika, sew jekk direttament u sew jekk permezz tar-regoli stabbiliti minn korpi nazzjonali u reġjonali għall-finanzjament tar-riċerka;

(8)

Jiżguraw trattament ekwu u ġust tal-parteċipanti minn Stati Membru u minn pajjiżi terzi fi proġetti internazzjonali tar-riċerka dwar il-proprjetà ta’ u l-aċċess għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għall-benefiċċju reċiproku tas-sħab kollha involuti;

(9)

Jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali, li l-kompiti tiegħu għandhom jinkludu l-koordinazzjoni ta’ miżuri dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u s-settur privat, inkluż it-trattament ta’ kwistjonijiet transnazzjonali, b’rabta ma’ punti ta’ kuntatt simili fi Stati Membri oħrajn;

(10)

Jeżaminaw u jagħmlu użu mill-aħjar prattiki stabbiliti fl-Anness II, filwaqt li jqisu l-kuntest nazzjonali;

(11)

Jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju 2010 u kull sentejn wara dik id-data dwar il-miżuri meħuda fuq il-bażi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, kif ukoll l-impatt tagħhom.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2007) 182.


ANNESS I

Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta’ trasferiment ta’ l-għarfien

Dan il-Kodiċi ta’ Prattika jikkonsisti fi tliet gruppi ewlenin ta’ prinċipji.

Il-prinċipji għal politika interna dwar il-proprjetà intelletwali (minn hawn ‘il quddiem “IP”) jikkostitwixxu s-sett bażiku ta’ prinċipji li għandhom jimplimentaw l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi sabiex jiġġestixxu b’mod effettiv il-proprjetà intellettwali li tirriżulta mill-attivitajiet – tagħhom biss jew b’kollaborazzjoni ma’ terzi – fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.

Il-prinċipji għal politika dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien (minn hawn ‘il quddiem “KT”) jikkomplementaw lil dawk marbuta mal-politika dwar l-IP billi jiffokaw b’mod aktar speċifiku fuq it-trasferiment u l-isfruttar attiv ta’ din il-proprjetà intellettwali, sew jekk tkun protetta minn drittijiet ta’ l-IP u sew jekk le.

Il-prinċipji dwar ir-riċerka kollaborattiva u kuntrattwali huma maħsuba sabiex jikkonċernaw kull tip ta’ attività ta’ riċerka li titwettaq jew tiġi mħallsa b’mod konġunt bejn organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u s-settur privat, inkluża b’mod partikolari r-riċerka kollaborattiva (fejn il-partijiet kollha jwettqu kompiti ta’ R&D) u r-riċerka kuntrattwali (fejn l-R&D jitwettqu minn organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika fuq il-bażi ta’ kuntratt mogħti minn kumpanija privata).

Prinċipji għal politika interna dwar il-proprjetà intellettwali

1.

L-iżvilupp ta’ politika dwar l-IP bħala parti mill-istrateġija fuq terminu twil u l-missjoni ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, u l-promozzjoni interna u esterna tagħha, filwaqt li jiġi stabbilit punt ta’ kuntatt wieħed responsabbli.

2.

Dik il-politika għandha tistabbilixxi regoli ċari għall-persunal u għall-istudenti b’mod partikolari dwar l-iżvelar ta’ ideat ġodda li għandhom potenzjal għal interess kummerċjali, il-proprjetà tar-riżultati tar-riċerka, iż-żamma ta’ rekords, il-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess u l-involviment ta’ partijiet terzi.

3.

Il-promozzjoni ta’ l-identifikazzjoni, l-isfruttar u, fejn xieraq, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, skond l-istrateġija u l-missjoni ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u bil-għan li jinkisbu l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi massimi. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu adottati strateġiji differenti – posibbilment b’differenzi fl-oqsma xjentifiċi/tekniċi rispettivi –, pereżempju l-approċċ tal-“proprjetà pubblika” jew l-approċċ ta’ “innovazzjoni miftuħa”.

4.

L-għoti ta’ inċentivi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-persunal rilevanti kollu jieħu sehem attiv fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-IP. Dawn l-inċentivi m’għandhomx ikunu biss ta’ natura finanzjarja iżda għandhom jippromwovu wkoll il-progress fil-karriera, billi jittieħed qjies ta’ l-aspetti tal-proprjetà intellettwali u tat-trasferiment ta’ l-għarfien fil-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni, minbarra l-kriterji akkademiċi.

5.

Jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ portafolli koerenti ta’ proprjetà intellettwali mill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika – pereżempju f’oqsma teknoloġiċi speċifiċi – u, fejn xieraq, il-ħolqien ta’ ġabriet ta’ privattivi/IP li jinkludu proprjetà intellettwali ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn. Dan jistà jiffaċilita l-isfruttar, permezz ta’ massa kritika u tnaqqis fl-ispiża tat-tranżazzjoni għal partijiet terzi.

6.

It-tkattir ta’ kuxjenza u ħiliet bażiċi fir-rigward tal-proprjetà intellettwali u t-trasferiment ta’ l-għarfien permezz ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ għal studenti kif ukoll għal persunal li jwettaq ir-riċerka, u l-assigurazzjoni li l-persunal responsabbli għall-ġestjoni ta’ l-IP/KT ikollu l-ħiliet meħtieġa u jirċievi taħriġ adegwat.

7.

L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika dwar il-pubblikazzjoni/tixrid li tippromwovi tixrid wiesa’ ta’ riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp (pereżempju permezz ta’ pubblikazzjoni b’aċċess miftuħ), filwaqt li jkun aċċettat dewmien li huwa possibbli fejn tkun maħsuba l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, għalkemm dan għandu jinżamm fil-minimu.

Prinċipji għal politika dwar it-trasferiment ta’ l-għarfien

8.

Sabiex issir il-promozzjoni ta’ l-użu tar-riżultati tar-riċerka li ssir minn fondi pubbliċi u jinkiseb l-impatt soċjo-ekonomiku massimu tagħhom, għandhom jitqiesu t-tipi ta’ mekkaniżmi għall-isfruttar kollha possibbli (bħal liċenzjar jew il-ħolqien ta’ derivati) u ta’ s-sħab għall-isfruttar kollha possibbli (bħal derivati jew kumpaniji eżistenti, organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn, investituri, jew servizzi jew aġenziji għas-sostenn ta’ l-innovazzjoni), u għandhom jintgħażlu dawk li huma l-aktar xierqa.

9.

Filwaqt illi politika proattiva ta’ l-IP/KT tista’ tiġġenera dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, dan m’għandux jitqies bħala l-għan primarju.

10.

L-assigurazzjoni li l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika għandha aċċess għal jew għandha fil-pussess tagħha servizzi għat-trasferiment ta’ l-għarfien professjonali inklużi konsulenti legali, finanzjarji, kummerċjali kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-infurzar, minbarra persunal b’esperjenza teknika.

11.

L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika ta’ liċenzjar, sabiex jiġu armoniżżati l-prattiki ġewwa l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u tiġi assigurata l-ġustizzja fil-ftehim kollha. B’mod partikolari, it-trasferimenti tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprejtà intellettwali li tappartjeni lill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika u l-għoti ta’ liċenzji esklussivi (1) għandhom ikunu vvalutati b’attenzjoni, speċjalment b’rigward għal partijiet terzi li mhumiex Ewropej. Il-liċenzji għall-finijiet ta’ sfruttar għandhom jinvolvu kumpens xieraq, finanzjarju jew mod ieħor.

12.

L-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika għall-ħolqien ta’ derivati, li tippermetti u tinkoraġġixxi lill-persunal ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika sabiex jieħu sehem fil-ħolqien ta’ derivti fejn xieraq, u li tiċċara relazzjonijiet fuq terminu twil bejn derivati u l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika.

13.

L-istabbiliment ta’ prinċipji ċari dwar il-qsim ta’ qligħ finanzjarju minn dħul mit-trasferiment ta’ l-għarfien bejn l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, id-dipartiment u dawk li jagħmlu l-invenzjoni.

14.

Il-monitoraġġ tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u ta’ l-attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien u kisbiet relatati, u l-promozzjoni regolari tagħhom. Ir-riżultati tar-riċerka ta’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika, kull ħila esperta u drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati għandhom isiru aktar viżibbli għas-settur privat, sabiex ikun hemm il-promozzjoni ta’ l-isfruttar tagħhom.

Prinċipji dwar ir-riċerka kollaborattiva u kuntrattwali (2)

15.

Ir-regoli li jiggvernaw l-attivitijiet ta’ riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali għandhom ikunu kompatibbli mal-missjoni ta’ kull parti. Għandhom iqisu l-livell ta’ finanzjament privat u jkunu skond l-għanijiet ta’ l-attivitajiet tar-riċerka, b’mod partikolari sabiex jinkiseb l-impatt kummerċjali u soċjo-ekonomiku massimu tar-riċerka, sabiex jiġi sostnut l-għan ta’ l-organizzazjoni ta’ riċerka pubblika li tattira finanzjament privat għar-riċerka, sabiex tinżamm pożizzjoni dwar il-proprjetà intellettwali li tippermetti riċerka akkademika u kollaborattiva ulterjuri, u jiġi evitat it-tfixkil fit-tixrid tar-riżultati ta’ l-R&D.

16.

Il-kwistjonijiet marbuta ma’ l-IP għandhom jiġu ċċarati fuq il-livell tal-ġestjoni u kmieni kemm jista’ jkun fil-proġett tar-riċerka, idealment qabel ma jibda. Kwistjonijiet li huma marbuta ma’ l-IP jinkludu l-allokazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprjetà intellettwali li tinħoloq fil-qafas tal-proġett (minn hawn ‘il quddiem “informazzjoni ġdida” (“foreground”)), l-identifikazzjoni tal-proprjetà intellettwali li tkun fil-pussess tal-partijiet qabel ma jinbeda l-proġett (minn hawn ‘il quddiem “informazzjoni anterjuri”) u li hija meħtieġa sabiex jiġi esegwit il-proġett jew għall-finijiet ta’ sfruttar, id-drittijiet ta’ l-aċċess (3) għal informazzjoni ġdida u informazzjoni anterjuri għal dawn il-finijiet u l-qsim tal-qligħ.

17.

Fi proġett ta’ riċerka kollaborattiva, il-proprjetà ta’ l-informazzjoni ġdida għandha tibqa’ għand il-parti li kisbitha, iżda tista’ tiġi allokata lill-partijiet differenti fuq il-bażi ta’ ftehim kuntrattwali milħuq minn qabel, li jirrifletti b’mod adegwat l-interessi, il-kompiti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew mod ieħor rispettivi tal-partijiet, għall-proġett. Fil-każ ta’ riċerka kuntrattwali, l-informazzjoni ġdida miksuba mill-organizzazzjoni ta’ riċerka pubblika tappartjeni lill-parti tas-settur privat. Il-proprjetà ta’ l-informazzjoni anterjuri m’għandhiex tiġi affettwata mill-proġett.

18.

Id-drittijiet ta’ l-aċċess (3) għandhom ikunu ċċarati mill-partijiet kemm jista’ jkun kmieni kmieni fil-proġett ta’ riċerka, idealment qabel dan jinbeda. Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-proġett ta’ riċerka jew għall-isfruttar ta’ informazzoni ġdida ta’ parti, għandu jkun disponibbli l-aċċess għall-informazzjoni ġdida jew anterjuri tal-partijiet l-oħra, b’kundizzjonijiet li għandhom jirriflettu adegwatament l-interessi, il-kompiti u l-kontributi finanzjarji u ta’ tipi oħra tal-partijiet rispettivament.


(1)  B’rigward għar-riżultati ta’ l-R&D li jista’ jkollhom bosta oqsma ta’ applikazzjoni, l-għoti ta’ liċenzji esklussivi mingħajr ebda limitazzjoni għal qasam ta’ użu speċifiku għandu jiġi evitat. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-PRO għandu jirriżerva drittijiet adegwati sabiex jiffaċilita t-tixrid u r-riċerka ulterjuri.

(2)  Meta PRO jwettaq riċerka kollaborattiva jew kuntrattwali ma’ siaħeb industrijali, il-Kummissjoni awtomatikament (i.e. bla rekwiżit ta’ notifika) tqis li l-ebda għajnuna indiretta mill-Istat ma hija konċessa lis-sieħeb industrijali permezz tal-PRO jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna mill-Istat għall-R&D (ĠU C 323 tat-30.12.2006 – b’mod partikolari l-punti 3.2.1 u 3.2.2 tiegħu).

(3)  Id-drittijiet ta’ l-aċċess jirreferu għal drittijiet mogħtija mill-partijiet lil xulxin, b’differenza minn liċenzji li jingħataw lil partijiet terzi. Għandhom jistabbilixxu min mill-partijiet jista’ juża’ liema biċċiet ta’ informazzjoni ġdida/anterjuri, għall-finijiet ta’ riċerka u/jew għall-finijiet ta’ sfruttar, u b’liema kundizzjonijiet.


ANNESS II

Prattiki ta’ awtoritajiet pubbliċi identifikati li jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien minn universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn

It-Trasferiment ta’ l-Għarfien bħala missjoni strateġika ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi

1.

It-trasferiment ta’ l-għarfien bejn universitajiet u l-industrija hija stabbilita bħala prijorità politika u operazzjonali permanenti għall-korpi kollha ta’ finanzjament pubbliku tar-riċerka ġewwa Stat Membru, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak reġjonali.

2.

Is-suġġett jaqa’ b’mod ċar taħt ir-responsabbilità ta’ ministeru, li huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ inizjattivi għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien ma’ ministeri oħrajn.

3.

Kull ministeru u korp governattiv reġjonali li jwettaq attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien jaħtar uffiċjal responsabbli għall-monitoraġġ ta’ l-impatt tagħhom. Dawn jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw informazzjoni u jiddiskutu meżżi sabiex itejbu t-trasferiment ta’ l-għarfien.

Politiki għall-ġestjoni tal-Proprjetà Intellettwali

4.

Il-ġestjoni tajba tal-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn fondi pubbliċi hija promossa, bil-ħtieġa li din titwettaq skond prinċipji stabbiliti wara li jitqiesu l-interessi leġittimi ta’ l-industrija (pereżempju restrizzjonijiet temporanji ta’ kunfidenzjalità).

5.

Il-politika dwar ir-riċerka tippromwovi dipendenza fuq is-settur privat biex jgħin sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet teknoloġiċi u sabiex jistabbilixxi investiment privat fir-riċerka u jinkoraġġixxi l-isfruttar ta’ riżultati ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi.

Kapaċitajiet u ħiliet għat-trasferiment ta’ l-għarfien

6.

Huma disponibbli għall-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u l-persunal tagħhom biżżejjed riżorsi u inċentivi sabiex jieħdu sehem f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien.

7.

Jittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata d-disponibilità u jiġi ffaċilitat l-impjieg ta’ persunal imħarreġ (bħal uffiċjali għat-trasferiment tat-teknoloġija) minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi.

8.

Jitqiegħed għad-dispożizzjoni sett ta’ kuntratti li jservu ta’ eżempju, kif ukoll għodda għat-teħid tad-deċiżjonijiet li tgħin sabiex jintgħażel il-mudell l-aktar xieraq, skond numru ta’ parametri.

9.

Qabel ma jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda għall-promozzjoni tat-trasferiment ta’ l-għarfien (bħal skemi ta’ mobilità jew finanzjament), jiġu kkonsultati gruppi rilevanti ta’ partijiet interessati, inklużi negozji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs) u industriji kbar kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi.

10.

Il-ġmiegħ flimkien ta’ riżorsi bejn organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fuq il-livell lokali jew reġjonali huwa promoss fejn dawn m’għandhomx il-massa kritika ta’ spiża fir-riċerka sabiex jiġġustifikaw uffiċju għalihom weħidhom għat-trasferiment ta’ l-għarfien jew amministratur tal-proprjetà intellettwali.

11.

Jiġu mnedija programmi li jsostnu derivati tar-riċerka, li jinkludu t-taħriġ fl-intrapriża u li jinvolvu interazzjoni qawwija ta’ organizzazzjonijet ta’ riċerka pubbliċi ma’ inkubaturi lokali, min jipprovdi l-finanzjament, aġenziji għas-sostenn tan-negozju, eċċ.

12.

Jitqiegħed għad-dispożizzjoni finanzjament mill-gvern għas-sostenn tat-trasferiment ta’ l-għarfien u l-parteċipazzjoni tan-negozji f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi, inkluż billi jiġu impjegati esperti.

Koerenza fil-kooperazzjoni trans-nazzjonali

13.

Sabiex issir promozzjoni tat-trasferiment trans-nazzjonali ta’ l-għarfien u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ma’ partijiet minn pajjiżi oħra, il-proprjetarju ta’ proprjetà intellettwali minn riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi jiġi identifikat permezz ta’ regoli ċari u din l-informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe kundizzjoni għall-finanzjament li tista’ taffettwa t-trasferiment ta’ l-għarfien, tkun faċilment disponibbli. Il-proprjetà istituzzjonali – pjuttost mis-sistema ta’ “privileġġ tal-professur” – titqies bħala s-sistema legali li tapplika awtomatikament għad-dritt tal-proprjetà fuq il-proprjetà intellettwali f’organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE.

14.

Meta jiġu ffirmati ftehim internazzjonali għall-kooperazzjoni fir-riċerka, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ proġetti ffinanzjati skond l-iskemi taż-żewġ pajjiżi jagħtu lill-parteċipanti kollha drittijiet simili, speċjalment b’rigward għall-aċċess għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-restrizzjonijiet relatati dwar l-użu.

It-tixrid ta’ l-għarfien

15.

L-aċċess miftuħ huwa implimentat minn korpi pubbliċi għall-finanzjament tar-riċerka b’rigward għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi li huma riżultat ta’ riċerka mħallsa minn fondi pubbliċi u li huma riveduti minn esperti ta’ l-istess livell.

16.

L-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka huwa promoss, skond il-Prinċipji u Linji ta’ gwida għal Aċċess għad-Data ta’ Riċerka minn Finanzjament Pubbliku, ta’ l-OECD, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet marbuta ma’ l-isfruttar kummerċjali.

17.

Jiġu żviluppati faċilitajiet ta’ arkivji għar-riżultati ta’ riċerka (bħal repożitorji li għandhom il-bażi tagħhom fuq l-Internet) permezz ta’ fondi pubbliċi b’konnessjoni ma’ politiki għal aċċess miftuħ.

Il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjonai

18.

Jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex jiġi mmonitorjat u rivedut il-progress li jsir minn organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ riċerka pubbliċi f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ l-għarfien, pereżempju permezz ta’ rapporti annwali ta’ l-organizzazzjonijiet pubbliċi individwali ta’ riċerka. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ l-aħjar prattiki, titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra.