EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CN0501

Kawża C-501/20: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fis-6 ta’ Ottubru 2020 – M P A vs LC D N M T

ĠU C 423, 7.12.2020, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fis-6 ta’ Ottubru 2020 – M P A vs LC D N M T

(Kawża C-501/20)

(2020/C 423/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M P A

Konvenuti: LC D N M T

Domandi preliminari

1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 (1) u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 (2), fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li, minħabba l-funzjonijiet li jwettqu fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea, jirrisjedu fi Stat terz li fih igawdu l-istatus ta’ membri tal-persunal diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea meta r-residenza tagħhom f’dak l-Istat hija marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni?

2)

Fil-każ li, għall-finijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi tiddependi fuq l-istatus tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea fi Stat terz, x’impatt ikollu dan fuq id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-ulied minuri fit-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003?

3)

Fil-każ li jkun ikkunsidrat li l-ulied minuri ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat terz, huwa possibbli li jittieħed kont, għall-iskopijiet li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm, ir-residenza tagħha fi Spanja qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, in-nazzjonalità Spanjola tal-ulied minuri u l-fatt li dawn tal-aħħar twieldu fi Spanja?

4)

Fil-każ li jiġi stabbilit li r-residenza abitwali tal-ġenituri u l-ulied minuri ma hijiex fi Stat Membru u fid-dawl tal-fatt li, taħt ir-Regolament Nru 2201/2003, ma hemm l-ebda Stat Membru ieħor kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq it-talbiet, il-fatt li l-konvenut huwa ċittadin ta’ Stat Membru jipprekludi l-applikazzjoni tal-klawżola residwali prevista fl-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament Nru 2201/2003?

5)

Fil-każ li jiġi stabbilit li r-residenza abitwali tal-ġenituri u l-ulied minuri ma hijiex fi Stat Membru, kif għandu jiġi interpretat il-forum necessitatis imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għall-iskop li jiġi ddeterminat il-manteniment tal-ulied minuri? B’mod partikolari, liema huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li proċedura ma tistax tinbeda jew titmexxa b’mod raġonevoli, jew tkun impossibbli fi Stat terz li miegħu t-tilwima għandha konnessjoni mill-qrib (f’dan il-każ, it-Togo)? Il-parti hija meħtieġa turi li ppreżentat mingħajr suċċess jew għamlet tentattiv li tressaq il-proċeduri f’dak l-Istat? In-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet fit-tilwima tikkostitwixxi rabta suffiċjenti mal-Istat Membru (tal-qorti adita)?

6)

F’każ bħal dak preżenti, li fih il-konjuġi għandhom rabtiet qawwija mal-Istati Membri (nazzjonalità, residenza preċedenti), ikun kontra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jekk l-applikazzjoni tar-regolamenti ma tindika ebda Stat Membru kompetenti?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6., p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, ĠU 2013, L 8, p. 19, u ĠU 2013, L 281, p. 29).


Top