EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0462

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta’ Lulju 2023.
BM vs LO.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) – Forum actoris – Kundizzjoni – Residenza abitwali tal-parti li tressaq it-talba fl-Istat Membru tal-qorti adita matul il-perijodu kollu immedjatament qabel it-tressiq tat-talba.
Kawża C-462/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:553

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) – Forum actoris – Kundizzjoni – Residenza abitwali tal-parti li tressaq it-talba fl-Istat Membru tal-qorti adita matul il-perijodu kollu immedjatament qabel it-tressiq tat-talba”

Fil-Kawża C‑462/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

BM

vs

LO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LO, minn B. Ackermann, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, S. Duarte Afonso u J. Ramos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-sitt inċiż l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243 u rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BM u l-konjuġi tiegħu LO dwar talba għax-xoljiment taż-żwieġ tagħhom imressqa quddiem il-qrati Ġermaniżi.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija fformulata kif ġej:

“[I]l-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji gżat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

[…]”

5

Intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

(a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

[…]”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

6

BM, ċittadin Ġermaniż, u LO, ċittadina Pollakka, iżżewġu fil-Polonja matul is-sena 2000. Huma għexu hemm ma’ wliedhom sa mill-inqas Ġunju 2012.

7

Fis‑27 ta’ Ottubru 2013, BM fetaħ proċedura ta’ divorzju quddiem l-Amtsgericht Hamm (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamm, il-Ġermanja), fejn sostna li huwa kien telaq mid-dar matrimonjali fix-xahar ta’ Ġunju 2012 u kien stabbilixxa ruħu, minn dak iż-żmien, fid-dar tal-ġenituri tiegħu, fil-belt tat-twelid tiegħu fil-Ġermanja.

8

LO qajmet eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, essenzjalment minħabba li BM kien, wara li telaq mid-dar matrimonjali, żamm residenza abitwali fil-Polonja matul il-parti l-kbira tas-sena 2013.

9

Fid-dawl tal-provi prodotti mill-partijiet fil-kawża prinċipali, l-Amtsgericht Hamm (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamm) laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ LO u ċaħdet it-talba għal divorzju ta’ BM bħala inammissibbli.

10

Dik is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja).

11

Dik il-qorti, essenzjalment, iddeċidiet li, għalkemm kien minnu li BM kien kiseb residenza abitwali fil-Ġermanja fid-data tat-tressiq tat-talba għal divorzju, jiġifieri fis‑27 ta’ Ottubru 2013, huwa ma kienx wera li kellu tali residenza abitwali f’dan l-Istat Membru matul is-sitt xhur kollha li jippreċedu din id-data, jiġifieri mis‑27 ta’ April 2013, kuntrarjament għal dak li jidher li jeżiġi s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

12

Adita b’appell ippreżentat minn BM kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm), il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li l-eżitu ta’ dan l-appell jiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ħames u lis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-parti li tressaq it-talba għandhiex tiġġustifika residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita sa mill-bidu tad-dekorrenza tat-termini stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jew jekk sempliċi residenza hijiex biżżejjed, sakemm din tal-aħħar tikseb natura abitwali sa mhux iktar tard mid-data tat-tressiq tat-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

13

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja l-formulazzjoni tal-ħames u tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, l-interpretazzjoni teleoloġika u restrittiva tal-forum actoris stabbilit f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi pprivileġġata, sabiex ma jiġux kompromessi d-drittijiet tal-konjuġi li kontrih titressaq it-talba. Dan l-approċċ għandu jwassal sabiex jitqies li l-parti li tressaq it-talba għandha turi li kisbet residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita sa mill-bidu tad-dekorrenza tat-terminu rilevanti. Din l-interpretazzjoni għandha tikkontribwixxi wkoll għal prevedibbiltà aħjar u għal applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, ċerti elementi tal-kuntest isostnu tali interpretazzjoni. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari għall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola u Franċiża tar-Rapport ta’ spjega ta’ A. Borrás dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ “Brussell II” (ĠU 1998, C 221, p. 27).

14

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-interpretazzjoni li hija tipproponi li tingħata lill-ħames u lis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija kontroversjali, b’mod partikolari fi ħdan id-duttrina legali bil-Ġermaniż, u, fi kwalunkwe każ, ma ġietx deċiża mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma tista’ tiġi dedotta b’mod ċar minnha.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-perijodu ta’ stennija ta’ sena jew ta’ sitt xhur imsemmi fil-ħames u s-sitt inċiżi tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 2201/2003] jibda jiddekorri għall-applikant biss minn meta huwa jkun stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat Membru tal-qorti adita jew huwa biżżejjed li fil-bidu tal-perijodu ta’ stennija rilevanti jkun hemm biss sempliċi residenza tal-applikant fl-Istat tal-qorti adita u li r-residenza tiegħu, biss wara dan, issir residenza abitwali matul il-perijodu sal-preżentata tal-applikazzjoni?”

Fuq id‑domanda preliminari

16

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali ġiet eżaminata fir-rigward tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-konstatazzjoni li BM ma kienx kiseb residenza abitwali fil-Ġermanja fis‑27 ta’ April 2013 ma kienet ivvizzjata minn ebda żball. Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li tirreferi biss għal din id-dispożizzjoni.

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali għall-fatt li l-parti li tressaq it-talba, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, tipproduċi l-prova li kisbet residenza abitwali fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha, jew għall-fatt li din il-parti turi li r-residenza li hija kisbet f’dan l-istess Stat Membru saret residenza abitwali matul il-perijodu minimu ta’ sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha.

18

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ. Dawn il-kriterji oġġettivi, alternattivi u esklużivi jissodisfaw il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kunflitti fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, OE (Residenza abitwali ta’ konjuġi –Kriterju ta’ nazzjonalità), C‑522/20, EU:C:2022:87, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan ir-rigward, filwaqt li l-ewwel sar-raba’ inċiżi tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferu espliċitament għall-kriterji tar-residenza abitwali tal-konjuġi u għal dik tal-parti li kontriha titressaq it-talba, is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jawtorizza l-applikazzjoni tar-regola tal-ġurisdizzjoni tal-forum actoris (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, OE (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Kriterju ta’ nazzjonalità), C‑522/20, EU:C:2022:87, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni hija intiża li tiżgura bilanċ bejn, minn naħa, il-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi tipproteġi d-drittijiet tal-konjuġi li, wara l-kriżi matrimonjali, ikun telaq mill-Istat Membru tar-residenza abitwali komuni, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali, b’mod partikolari dik tal-konjuġi l-ieħor, billi tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni reali bejn il-parti li tressaq it-talba u l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, OE (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Kriterju ta’ nazzjonalità), C‑522/20, EU:C:2022:87, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fil-fatt, is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikonoxxi lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab ir-residenza abitwali tal-parti li tressaq it-talba l-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata jekk, skont din id-dispożizzjoni, il-parti li tressaq it-talba kienet “residenti” fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal “mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni” u fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, din il-parti tkun ċittadina tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, OE (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Kriterju ta’ nazzjonalità), C‑522/20, EU:C:2022:87, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma hemm l-ebda dubju li, skont din id-dispożizzjoni, fid-data tat-tressiq tat-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, il-parti li tressaqha għandu jiġġustifika “residenza abitwali” fl-Istat Membru tal-qorti adita, kif għamel, fil-kawża prinċipali, BM quddiem l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm).

23

F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jitfakkar li l-ġurisdizzjoni internazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, sa fejn hija ddeterminata mill-kriterju tar-“residenza abitwali”, teskludi li din il-ġurisdizzjoni internazzjonali tkun tiddependi minn kriterju bbażat fuq is-sempliċi residenza ta’ wieħed jew l-ieħor mill-konjuġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 46).

24

Minn dan isegwi li konjuġi li jkollu l-intenzjoni jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu neċessarjament juri li għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin fid-data tat-tressiq tat-talba tiegħu għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, aspett li ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ.

25

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm dubju dwar jekk il-kundizzjoni li l-parti li tressaq it-talba għandha tkun “residenti [fl-Istat Membru kkonċernat] mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni”, imsemmija fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, tfissirx li din il-parti għandha sempliċement tiġġustifika li hija kienet stabbilixxiet ir-residenza tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, sakemm, matul il-perijodu minimu ta’ sitt xhur immedjatament qabel it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, din ir-residenza tkun saret residenza abitwali jew, għall-kuntrarju, li din il-parti għandha tiġġustifika residenza abitwali mill-bidu u matul dan il-perijodu minimu ta’ sitt xhur immedjatament qabel it-talba tagħha.

26

Fl-assenza, fir-Regolament Nru 2201/2003, ta’ definizzjoni jew ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” u, b’mod partikolari, ta’ dak ta’ “residenza”, jeħtieġ li tiġi mfittxija interpretazzjoni awtonoma u uniformi ta’ dawn il-kunċetti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u l-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmuhom kif ukoll l-għanijiet ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, huwa minnu li mill-formulazzjoni tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-parti li tressaq it-talba għandu jkollha residenza abitwali hija suġġetta għall-kundizzjoni li din il-parti tkun “residenti hemm” mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali. Kif jammettu l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea, ir-riferiment għal sempliċi residenza ma jimplikax neċessarjament li l-parti li tressaq it-talba għandha tiġġustifika residenza abitwali għall-perijodu minimu kollu ta’ sitt xhur immedjatament qabel it-talba tagħha.

28

Madankollu, fid-dawl tal-kuntest tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll tal-għanijiet imfittxija minnu, ir-rekwiżit li l-parti li tressaq it-talba għandha tirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina għal mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba ma jistax jiġi interpretat indipendentement mill-kriterju tar-“residenza abitwali” stabbilit ukoll f’din id-dispożizzjoni.

29

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li juniformizza, fi ħdan l-Unjoni, il-kriterji għall-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet matrimonjali, li huma kollha bbażati, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fuq il-kunċett ta’ “residenza abitwali”. Fl-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “residenza” ma jistax ikollu natura differenti skont jekk jintużax fit-tieni inċiż jew fis-sitt inċiż tagħha, indipendentement mill-fatt li, għall-kuntrarju tal-verżjonijiet l-oħra ta’ dan it-tieni inċiż redatti bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni meta ġie adottat l-imsemmi regolament, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ma tużax dan il-kunċett b’mod iżolat.

30

Issa, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, għandha ġurisdizzjoni l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu “il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm”. F’dan ir-rigward, l-użu tal-espressjoni “għadu/għadha residenti hemm”, li tinsab fil-verżjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni redatti bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni meta ġie adottat dan l-istess regolament, bl-eċċezzjoni tal-lingwa Ġermaniża, jimplika rabta ta’ kontinwità temporali bejn din ir-residenza u “l-aħħar” residenza abitwali tal-konjuġi, b’tali mod li l-konjuġi li baqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat iżomm ir-residenza abitwali tiegħu hemmhekk, mingħajr ma dan jiġi invalidat mill-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjoni.

31

Konsegwentement, fil-kuntest speċifiku tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali previst fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “residenza” u dak ta’ “residenza abitwali”, distinzjoni li jkollha l-konsegwenza li ddgħajjef il-kriterju ta’ determinazzjoni ta’ din il-ġurisdizzjoni.

32

Fit-tieni lok, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Portugiż, ir-rekwiżit li l-parti li titlob ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali turi li kisbet residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita sa mill-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu minimu ta’ sitt xhur, previst fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza taċ-ċertezza legali, filwaqt li jitħarsu l-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni u l-possibbiltà li jinkiseb ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali, mingħajr ma tiġi ffavorita indebitament il-parti li tressaq it-talba, minkejja li l-forum actoris jikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni li hija diġà favorevoli għaliha, ħaġa li l-interpretazzjoni alternattiva iktar flessibbli ta’ din id-dispożizzjoni, sostnuta minn BM quddiem il-qorti tar-rinviju, ma tistax tiggarantixxi.

33

B’hekk, l-ewwel nett, dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li, b’differenza mill-kriterji l-oħra ta’ ġurisdizzjoni elenkati fl-ewwel erba’ inċiżi tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kriterju previst fis-sitt inċiż tiegħu la huwa suġġett għall-kunsens tal-konjuġi u lanqas għall-eżistenza ta’ rabta partikolari mal-post fejn għandhom jew kellhom ħajja komuni. Għaldaqstant, il-fatt li l-parti li tressaq it-talba tkun meħtieġa turi li ilha tirrisjedi abitwalment fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita sa minn tal-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha huwa marbut mal-ħtieġa li din il-parti tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi, għall-perijodu kkonċernat kollu, li hija għandha rabta ta’ konnessjoni reali ma’ dan l-Istat Membru, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

34

Sussegwentement, l-għanijiet ta’ prevedibbiltà kif ukoll ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi fl-Unjoni li jirregolaw l-istabbiliment tal-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam matrimonjali, elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma jkunux jistgħu jintlaħqu jekk il-parti li tressaq it-talba tkun sempliċement meħtieġa tiġġustifika residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita għal perijodu ftit jew wisq qasir matul il-perijodu minimu ta’ sitt xhur immedjatament qabel it-talba tagħha għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, in-natura suffiċjenti tat-tul tar-residenza abitwali meħtieġa mill-parti li tressaq it-talba fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita tkun tvarja, mid-definizzjoni tagħha stess, skont il-każ inkwistjoni u l-evalwazzjoni tal-każ minn kull qorti nazzjonali adita.

35

Għall-kuntrarju, l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jintlaħqu mir-rekwiżit li l-parti li tressaq it-talba turi li kisbet residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita sa mill-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu minimu ta’ sitt xhur previst fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

36

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-għan ta’ bilanċ bejn, minn naħa, il-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, għan imfittex mir-Regolament Nru 2201/2003 u mfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jimponix fuq il-parti li tressaq it-talba piż sproporzjonat ta’ natura li jiddisswadiha milli tibbaża ruħha fuq il-kap ta’ ġurisdizzjoni previst fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

37

Minn dan isegwi li, konformement mal-kriterju ta’ ġurisdizzjoni li fuqu huwa bbażat is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-konjuġi li jkollu l-intenzjoni jinvoka din id-dispożizzjoni għandu neċessarjament jiġġustifika residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita sa mill-bidu tal-perijodu minimu ta’ sitt xhur imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali għall-fatt li l-parti li tressaq it-talba, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, tipproduċi l-prova li hija kisbet residenza abitwali fl-imsemmi Stat Membru sa mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha.

Fuq l‑ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali għall-fatt li l-parti li tressaq it-talba, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, tipproduċi l-prova li hija kisbet residenza abitwali fl-imsemmi Stat Membru sa mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top