EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0539
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS On security of energy supply and international cooperation - "The EU Energy Policy: Engaging with Partners beyond Our Borders"
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - "Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna"
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - "Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna"
/* KUMM/2011/0539 finali */
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - "Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna" Daħla L-enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva hija ta’ importanza fundamentali għall-ekonomija, għall-industrija u għaċ-ċittadini tal-UE, u għaldaqstant hija wkoll mira ewlenija tal-politika tal-UE. Għal dan il-għan, l-UE teħtieġ l-istrumenti xierqa biex taġixxi fuq il-livell Ewropew, kif ukoll biex issewgi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Il-politika barranija tal-enerġija tal-UE hija essenzjali għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija. L-esperjenza mgħoddija wriet li r-relazzjonijiet bilaterali fir-rigward tal-enerġija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ta' provvista jew tranżitu jistgħu jwasslu għall-framentazzjoni tas-suq intern pjuttost milli jsaħħu l-provvista u l-kompetittività tal-enerġija fl-UE. Il-qafas regolatorju li ġie implimentat progressivament fuq il-livell tal-UE jġib miegħu konsegwenzi importanti għall-pajjiżi msieħba, pereżempju fl-oqsma tal-aċċess għan-netwerk, is-sigurtà u d-dispożizzjonijiet għall-kompetizzjoni. Bl-iskadenza tal-2014 stipulata mill-Kunsill Ewropew għall-ikkompletar tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass, jeħtieġ urġentement li niftħu beraħ l-aspett estern tiegħu. L-enerġija hija negozju globali. L-UE timporta 'l fuq minn 60 % tal-gass tagħha, u aktar minn 80 % miż-żejt tagħha. Qiegħda tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni dejjem eħrex għar-riżorsi tal-fjuwils fossili, inkluż minn pajjiżi b'ekonomija emerġenti u mill-produtturi tal-enerġija nfushom. Il-popolazzjoni dejjem tikber, u l-livelli dejjem telgħin tal-għajxien, kapaċi jżidu d-domanda globali għall-enerġija b'40 % sal-2030. Il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija jheddu s-sistemi tal-klima, kif ukoll l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Id-domanda dejjem tikber għall-enerġija tkompli ttella' l-prezzijiet globali, twaqqa' lil ħafna nies fil-'faqar enerġetiku', u toħloq l-inkwiet f'pajjiżi fejn is-sussidji għall-fjuwils fossili huma prevalenti. F'din ir-realtà kumplessa, l-UE jeħtiġilha tieħu pożizzjoni qawwija, effettiva u ekwa fuq il-palk internazzjonali, sabiex tiżgura l-enerġija li għandha bżonn filwaqt li trawwem swieq tal-enerġija ħelsin u trasparenti, u tikkontribwixxi lejn iktar sigurtà u sostenibbiltà fil-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Jeħtieġu wkoll soluzzjonijiet internazzjonali fis-settur tal-enerġija, sabiex jintlaħqu l-għanijiet globali u tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra. Mill-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'l hawn (dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija[1]), l-oqfsa politiċi u legali għall-politika tal-enerġija tal-UE tbiddlu sew. It-Trattat ta’ Liżbona stabbilixxa għanijiet ċari għall-politika tal-enerġija tal-UE, u l-istrateġija Ewropa 2020 kompliet tiżviluppahom[2]. Huwa ċar li l-UE ma tistax tilħaq dawn l-għanijiet mingħajr ma tindirizza d-dimensjoni esterna b'mod xieraq. Minflok, l-UE għandha tibni fuq is-saħħa tas-suq, twessa' r-rabtiet bejn in-netwerk Ewropew tal-enerġija u l-pajjiżi ġirien[3], u toħloq żona regolatorja usa' li tkun ta’ ġid għall-partijiet kollha. Qabelxejn, dan se jitlob skambju regolari ta’ tagħrif dwar il-ftehimiet ta’ bejn il-gvernijiet konklużi u ppjanati mill-Istati Membri. Eżempji riċenti wrew il-merti ta’ dan l-approċċ Ewropew. Il-Kunsill għaraf il-ħtieġa għal inizjattivi ġodda, bil-għan li jiġu żviluppati sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku fil-qasam tal-enerġija, b'operaturi ewlenin fl-aspetti kollha ta’ interess komuni, inkluż fis-sigurtà tal-enerġija, l-investimenti fis-sostenibbiltà u fil-protezzjoni ambjentali, it-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, l-effiċenzja enerġetika u s-sigurtà nukleari. Din il-Komunikazzjoni tipproponi mezzi konkreti biex titwessa' l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, lil hinn mis-sempliċi sigurtà fiżika tal-importazzjonijiet. Hija kompatibbli mal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea ta' Diċembru 2003, kif irreveduta mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008, u tkompli tibni fuqha[4]. Sħubijiet bħal dawn, u l-impenn tal-UE f'fora dinjija bħall-G-20, għandhom irawmu politiki tal-enerġija iktar sostenibbli f'pajjiżi terzi, filwaqt li jtejbu t-trasparenza tas-suq u jħaffu l-volatilità tas-suq internazzjonali, fit-triq lejn suq dinji tal-enerġija li jkun inqas vulnerabbli għax-xokkijiet u għat-tfixkil tal-provvista. B'dan il-mod, il-politika segwita għandha tgħin biex issaħħaħ ir-reżistenza tal-UE għal ġrajjiet barranin li jolqtu l-provvista tal-enerġija tagħha. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk l-inqas żviluppati, l-UE tista' tagħti kontribut siewi għall-iżvilupp ekonomiku u għat-taffija tal-faqar billi tagħmel l-enerġija sostenibbli, u l-aċċess għaliha, prijorità tal-politika tal-iżvilupp tagħha. L-UE tinsab f'qagħda unika biex trawwem miżuri ta’ riforma, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi, u politiki ta’ enerġija sostenibbli, hija u tindirizza dan l-intopp ewlieni għall-iżvilupp. Darba wara l-oħra, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini tal-UE sejħu għal leħen komuni tal-UE meta tiġi biex tesprimi ruħha fir-rigward tar-relazzjonijiet barranin fil-qasam tal-enerġija. L-UE wriet li meta taġixxi għalenija, kapaċi tikseb riżultati li l-ebda Stat Membru ma jkun jista' jilħaq waħdu. Dawn il-vantaġġi ta’ min jiġu sfruttati iktar, u jissarrfu f'approċċ sistematiku. Jeħtieġ urġentement li mmiddu iktar passi biex insaħħu l-koerenza bejn l-azzjoni tal-UE u dik tal-Istati Membri, speċjalment minħabba l-importanza tal-enerġija fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-UE ma' għadd ta’ pajjiżi terzi. L-istrateġija "Enerġija 2020"[5] identifikat bħala prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija. Fi Frar li għadda, il-Kunsill Ewropew reġa' saħaq fuq dan il-messaġġ. L-approċċ komprensiv spjegat f'dan il-dokument għandu l-għan li jilħaq dawn l-aspettattivi. B'hekk, din il-Komunikazzjoni tipproponi li tkompli tiġi żviluppata politika barranija fil-qasam tal-enerġija, bil-prijoritajiet li ġejjin: - It-tfassil tad-dimensjoni barranija tas-suq intern tal-enerġija tal-UE; - It-tisħiħ tas-sħubijiet għall-enerġija bi provvista żgurata, sikura, sostenibbli u kompetittiva; - It-titjib tal-aċċess għall-enerġija sostenibbli għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; - Il-promozzjoni aħjar tal-politiki tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha. IT-TFASSIL TAD-DIMENSJONI BARRANIJA TAS-SUQ INTERN TAL-ENERġIJA TAL-UE Il-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE jiddependi minn livelli għoljin ta’ importazzjonijiet, u għaldaqstant jiddependi minn swieq ħielsa u trasparenti. Fin-nuqqas ta’ dawn, l-UE tkun vulnerabbli għall-volatilità politika u tal-prezzijiet. Is-sigurtà tal-provvista tiddependi, minn naħa, mis-sigurtà tas-suq kollu. Il-politika barranija fil-qasam tal-enerġija jeħtieġ li tirrifletti l-karattru interkonness tas-suq intern, kif ukoll l-interdipendenza tal-Istati Membri tal-UE. Koordinazzjoni fis-suq intern: insaħħu l-influwenza tal-UE u tal-Istati Membri Il-ftehimiet bilaterali ta’ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u l-provvista tal-enerġija lejn l-UE. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Il-mekkaniżmu propost, li jwieġeb għat-talba mingħand il-Kunsill Ewropew[6], se jwessa' u jikkomplementa l-proċedura ta’ notifika li diġà tapplika għall-ftehimiet dwar il-gass[7]. Se jipprovdi wkoll għal strument strutturat għall-iskambjar tal-informazzjoni fuq il-livell tal-UE kemm qabel kif ukoll wara n-negozjati mal-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lesta li tagħti l-appoġġ legali tagħha lill-Istati Membri li jinnegozjaw ftehimiet li jolqtu direttament il-leġiżlazzjoni tas-suq intern[8]. F'każijiet speċifiċi, il-Kummissjoni tista' tagħti valutazzjoni ex-ante tal-konformità ta’ ftehim intergovernattiv ġejjien mal-liġi tal-UE, qabel ma jiġi ffirmat tali ftehim. Is-saħħa tas-suq intern tal-enerġija tal-UE ta’ min tiġi sfruttata aħjar, b'mod li tiffaċilita proġetti kbar ta’ infrastruttura li jqabbdu n-netwerk tal-UE ma' pajjiżi terzi, partikularment pajjiżi għaddejjin minn inċertezzi politiċi, kummerċjali jew legali. Approċċ tal-UE jista' jgħin biex jitnaqqsu dawn ir-riskji. In-negozjar ta’ mandati għall-UE jista' jkun meħtieġ fejn il-ftehimiet ikollhom relevanza kbira għall-għanijiet tal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija, u fejn ikun hemm valur miżjud ċar u komuni għall-UE. L-adozzjoni riċenti mill-Kunsill[9] ta’ mandat li jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim mal-Ażerbajġan u t-Turkmenistan għall-qafas legali ta’ sistema ta’ pajplajns Trans-Kaspjani tal-gass toffri eżempju immedjat tal-vantaġġi tal-azzjoni fuq il-livell tal-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fil-ġejjieni, jista' jiġi kkunsidrat approċċ simili li jistabbilixxi qafas li jipprovdi bażi legali u politika xierqa għall-importazzjoni tal-elettriku rinnovabbli min-Nofsinhar tal-Mediterran[10]. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu għal aktar trasparenza u għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ta' bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija In-negozjar ta’ ftehimiet fuq il-livell tal-UE ma' pajjiżi terzi fejn ikun meħtieġ għall-ksib tal-għanijiet ewlenin tal-UE, pereżempju biex jiġu ffaċilitati proġetti kbar ta' infrastruttura | L-integrazzjoni tan-netwerk: id-diversifikazzjoni tal-għejun u r-rotot tal-provvisti - L-UE teħtieġ twessa' u tiddiversifika r-rabtiet bejn in-netwerk Ewropew u l-pajjiżi ġirien. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara"[11], il-Kummissjoni fasslet pjan għal netwerk integrat tal-enerġija li jieħu inkonsiderazzjoni l-interkonnessjonijiet ewlenin mal-pajjiżi terzi. It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-gass fl-UE, u t-tħassib fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, isejħu għal pajplajns ġodda għall-importazzjoni tal-gass, flimkien ma' infrastrutturi ġodda oħra, bħal terminali tal-LNG (gass naturali likwifikat). Prijorità infrastrutturali ewlenija tal-UE hija li tiftaħ il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, li huwa rotta ta’ provvista għal madwar 10-20 % tad-domanda stmata ta’ gass sal-2020. L-UE għandha turi li lesta tintrabat mar-reġjuni tal-Kaspju u tal-Lvant Nofsani fuq żmien twil, kemm politikament kif ukoll ekonomikament. Għandha tgħin ukoll lill-pajjiżi ewlenin tal-provvista, bħall-Ażerbajġan, it-Turkmenistan, l-Iraq u oħrajn, speċjalment fir-reġjun tal-Ażja Ċentrali, fl-iżvilupp tas-setturi tal-enerġija tagħhom b'mod effiċjenti u sostenibbli, kif ukoll fil-ħolqien tal-mudelli korrispondenti ta’ kummerċ u investiment mal-UE. Bħala parti mill-Kuritur tan-Nofsinhar, il-ftehim propost dwar l-infrastruttura u t-trażmissjoni Trans-Kaspjani tal-gass bejn l-UE, l-Ażerbajġan u t-Turkmenistan għandu jwitti t-triq għall-bini ta’ infrastruttura fiżika għall-provvista ta' gass naturali Turkmeni minn naħa għall-oħra tal-Baħar Kaspju. Madwar 20 % mill-provvista tal-gass tal-UE tgħaddi mill-Ukraina. L-UE għandha tappoġġa l-isforzi għar-riabbilitazzjoni tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Gass tal-Ukraina, filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza u l-qafas legali. Għandha timmira li l-Ukraina tiġi integrata aktar malajr fil-Komunità tal-Enerġija. L-UE għandha taħdem ukoll biex tistabbilixxi kooperazzjoni tripartita, fuq livell politiku u amministrattiv, mar-Russja u mal-Ukraina, bil-għan li jiġu żgurati provvisti stabbli u bla tfixkil mill-Kuritur tal-Lvant. L-importanza tal-Mediterran fil-provvisti tal-enerġija għall-UE qiegħda tikber, kemm fejn jidħlu l-fjuwils fossili kif ukoll, potenzjalment, għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għaldaqstant, l-UE għandha timpenja ruħha b'mod iktar attiv biex tippromovi l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran. F'dak li jirrigwarda s-settur taż-żejt, l-implimentazzjoni tal-Kuritur Ewro-Ażjatiku għat-Trasport taż-Żejt hija prijorità minn ta' quddiem, u għandu joffri aċċess dirett għaż-żejt mhux raffinat. L-istabbiltà tal-provvisti taż-żejt mhux raffinat permezz tal-pajplajn ta’ Druzhba għandha tiġi indirizzata fid-djalogu mar-Russja. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali ewlenin iddefiniti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara" Id-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotti tal-provvisti tal-gass u taż-żejt, inkluż billi jinfetaħ urġentement il-Kuritur tan-Nofsinhar It-trawwim tal-vjabbiltà u tal-funzjonament kontinwu tal-infrastruttura eżistenti taż-żejt u tal-gass fil-Lvant, u l-appoġġ tar-riabilitazzjoni tan-netwerk tal-Ukraina tat-trażmissjoni tal-gass sal-2020 L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni tripartita, fuq livell politiku u amministrattiv, mar-Russja u mal-Ukraina, bil-għan li jiġu żgurati provvisti stabbli u bla tfixkil mill-Kuritur tal-Lvant It-trawwim tal-kooperazzjoni fir-rigward ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-iktar fil-qafas tal-Pjan Solari għall-Mediterran, bil-varar ta’ proġetti pilota ta’ impjanti solari fis-snin 2011-2012 | L-integrazzjoni tas-suq mal-pajjiżi ġirien: approċċ komprensiv iżda differenzjat - Il-Kummissjoni u r-Rapprenżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ntrabtu li jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija[12], bil-għan li jissaħħu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija mas-sħab fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-mira hija li jinkiseb suq integrat tal-enerġija mal-pajjiżi kollha tal-viċinat, imsejjes fuq il-konverġenza regolatorja. Għandhom jintużaw l-istrumenti eżistenti tal-UE sabiex iħeġġu kundizzjonijiet kompetittivi ekwi fost il-fornituri tal-UE u barra minnha. Madankollu, ikun jeħtieġ approċċ differenzjat biex jinbnew sħubijiet ibbilanċjati li jirriflettu r-rieda tal-pajjiżi li jqarrbu l-qafas regolatorju tagħhom ma' dak tal-UE, kif ukoll, fejn relevanti, li jimplimentaw l-ipprezzar tal-karbonju bħala element ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-produtturi tal-enerġija[13]. Il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inkluża n-Norveġja, diġà jiffurmaw parti mis-suq intern tal-UE. Għandha tinbena wkoll il-kooperazzjoni mal-Iżvizzera. Għandha tingħata prijorità lin-negozjati attwali ta’ ftehim immirat lejn l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq tal-elettriku, u għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll lit-twessigħ ta’ dawn in-negozjati lejn oqsma oħra, bħas-sorsi rinnovabbli u l-gass naturali. It-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija huwa l-punt ta’ referenza għall-parti l-kbira tal-ġirien tal-UE li jixtiequ jsiru parti mis-sistema Ewropea tal-enerġija. Bl-adeżjoni riċenti tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukraina, il-Komunità tal-Enerġija għandha l-potenzjal li tqabbad is-suq tal-UE ma' disa' pajjiżi ġirien. L-ambitu regolatorju għandu jitwessa' progressivament, u jiġi akkumpanjat minn implimentazzjoni u infurzar effettivi, kif ukoll ma' għajnuna konkreta għar-riforma ta’ dawn is-swieq[14]. It-twessigħ tal-Komunità tal-Enerġija għandu jiġi kkunsidrat għal dawk il-pajjiżi li jkunu kkonkludew jew beħsiebhom jinnegozjaw Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-UE, u li juru r-rieda u l-ħila li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE. It-Turkija dalwaqt tkun imqabbda man-netwerk tal-elettriku tal-UE, u tista' ssir ċentru ( hub ) ewlieni u pajjiż ta’ tranżitu tal-gass għall-UE. Progressi fin-negozjati għall-adeżjoni tat-Turkija fit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, u progressi lejn il-ftuħ ta’ kapitolu dwar l-enerġija fin-negozjati għall-adeżjoni fl-UE, għandhom jgħinu biex tiżdied il-kooperazzjoni u biex jiġi stabbilit qafas sod għat-trasport tal-gass minn naħa għal oħra tat-Turkija. B'mod parallel, l-Inizjattiva ta’ Baku u l-Pjattaforma tal-Partenarjat tal-Lvant għas-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija għandhom jibqgħu oqfsa ewlenin għad-djalogu reġjonali dwar l-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tal-Lvant, li għandhom igawdu wkoll mill-appoġġ tal-programm INOGATE tal-UE[15]. Is-sitwazzjoni tal-enerġija fin-Nofsinhar tal-Mediterran titlob ambizzjoni speċjali. Id-domanda tal-enerġija fir-reġjun mistennija tirdoppja sal-2020. Teħtieġ riforma urġenti tas-suq sabiex tixpruna l-investiment f'enerġija nadifa u effiċjenti, kif ukoll f'teknoloġija tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Bħala l-ewwel pass, l-UE lesta li taħdem fuq l-iżvilupp ta’ ''Sħubija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran għall-Enerġija", li jiffoka qabelxejn fuq l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli[16]. It-taħditiet esploratorji u promettenti ma' sħab fir-reġjun, bħall-Marokk u l-Alġerija, jagħtuna x'nifhmu li din l-inizjattiva sabet interess u li jixirqilha tiġi esplorata fil-fond. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tħeġġeġ proġetti konġunti mmexxija mill-industrija mal-pajjiżi kollha ġirien, f'setturi ewlenin ta’ interess komuni: l-elettriku rinnovabbli, l-effiċenzja fil-konsum tal-enerġija, u l-ġestjoni tan-naħa tad-domanda, b'enfażi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjieg. Biex tgħin f'dan il-proċess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li ttejjeb il-kundizzjonijiet offruti mid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli[17] għall-proġetti konġunti ma' pajjiżi membri tal-Komunità tal-Enerġija u pajjiżi terzi oħra, jekk dan jista' jsir mingħajr ma jhedded l-addizzjonalità u l-livell ta’ ambizzjoni tal-miri għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi s-sehem tal-pajjiżi ġirien f'inizjattivi tal-UE, bħal dawk ta’ "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti" u l-"Patt tas-Sindki". L-UE għandha tikkunsidra wkoll li toffri sħubijiet bilaterali komprensivi lil dawk il-pajjiżi interessati li jimpenjaw ruħhom għal iktar integrazzjoni. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Il-konklużjoni tan-negozjati mal-Iżvizzera, skont id-direttivi ta’ negozjar adottati, bil-għan tal-integrazzjoni sħiħa tas-swieq tal-elettriku L-intensifikar tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi li għaddejjin bil-proċess tal-adeżjoni fl-UE It-tfannid u t-twessigħ tal-validità tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija lil hinn mill-2016, b'enfażi fuq l-implimentazzjoni effettiva Proposta lill-partijiet imsieħba ta’ Sħubija reġjonali bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran fil-qasam tal-Enerġija, li tiffoka għall-ewwel fuq l-iżvilupp tas-suq tal-elettriku u tal-enerġija rinnovabbli f'dawn il-pajjiżi sal-2020 It-tħeġġiġ tal-pajjiżi terzi biex jimplimentaw politiki ambizzjużi ta’ effiċjenza fil-konsum tal-enerġija, ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, u ta’ pprezzar tal-karbonju, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għas-settur tal-elettriku | Id-djalogu bejn l-UE u r-Russja fil-qasam tal-enerġija: mis-sħubija għall-integrazzjoni - Ir-Russja għandha rwol importanti u uniku fis-suq tal-enerġija tal-Ewropa. Il-mira komuni tagħna għandha tkun il-konverġenza miżjuda taż-żewġ swieq tal-enerġija, b'rikonoxximent tal-fatt li l-Federazzjoni Russa tista' tkattar il-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha, kif ukoll il-fatt li l-UE tista' ttejjeb il-kompetittività fis-suq tal-enerġija tagħha. Il-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tal-enerġija teħtieġ bażi legali ġdida u mill-aktar soda. Għaldaqsant, in-negozjati dwar il-Ftehim Ġdid bejn l-UE u r-Russja[18] jeħtiġilhom jindirizzaw suġġetti essenzjali, bħalma huma l-aċċess għar-riżorsi tal-enerġija, għan-netwerks u għas-swieq tal-esportazzjoni, il-protezzjoni tal-investiment, ir-reċiproċità, il-prevenzjoni tal-kriżi u l-kooperazzjoni f'każ ta’ kriżi, kundizzjonijiet indaqs, u l-ipprezzar tar-riżorsi tal-enerġija. Iċ-ċertezza legali hija meħtieġa wkoll fi kwistjonijiet nukleari, fejn il-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Euratom u r-Russja fil-qasam tal-enerġija nukleari bħalissa qiegħed jitħejja. Fir-reġjun Baltiku, fejn jeħtieġ li n-netwerks tal-Istati Baltiċi jiġu sinkronizzati mas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, l-UE għandha taħdem lejn il-konklużjoni ta’ ftehim tekniku bejn l-UE, ir-Russja u l-Belarus rigward ir-regoli għall-ġestjoni tan-netwerks tal-elettriku fir-reġjun. Id-Djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar l-Enerġija jsejjaħ għal iktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Id-Djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar l-Enerġija ġie imsaħħaħ riċentement bl-iffirmar ta' Mekkaniżmu mtejjeb ta' Twissija Bikrija (li għandu jkompli jtejjeb il-koordinazzjoni fil-każ ta’ emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda), bit-twaqqif ta’ Kunsill Konsultattiv tal-Gass tal-UE u r-Russja, u b'diskussjonijiet intensivi dwar żviluppi infrastrutturali tal-ġejjieni, inkluż il-qafas regolatorju. Imsejjes fuq dawn l-isforzi, Pjan Direzzjonali konġunt bejn l-UE u r-Russja għall-Enerġija għandu jidentifika l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni fit-tul. Dawn l-attivitajiet se jappoġġaw ir-riformi tas-swieq, u se jgħinu biex itejbu l-klima tal-investiment għall-kumpaniji tal-enerġija tal-UE fil-Federazzjoni Russja. Għandhom jippermettu koordinazzjoni aħjar fid-diskussjonijiet dwar proġetti infrastrutturali kbar, bl-involviment ta’ ħafna Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi. Id-djalogu dwar is-sikurezza nukleari għandu jiġi intensifikat, u bi qbil mas-Sħubija tal-UE u r-Russja għall-Modernizzazzjoni[19], għandha titwessa' l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, fuq l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija, u f'teknoloġiji oħra ta' enerġija sostenibbli. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: L-intensifikazzjoni prijoritarja tan-negozjati dwar dawk l-aspetti tal-Ftehim il-Ġdid li jolqtu l-enerġija L-intensifikazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Sħubija bejn l-UE u r-Russja għall-Modernizzazzjoni, bi proġetti konġunti konkreti dwar teknoloġiji effiċjenti tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni L-impenn, mar-Russja, lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija EU 2050 Il-konklużjoni ta’ ftehim tekniku bejn l-UE, ir-Russja u l-Belarus dwar ir-regoli tekniċi għall-ġestjoni tan-netwerk tal-elettriku fir-reġjun Baltiku | IT-TISħIħ TAS-SħUBIJIET GħALL-ENERġIJA BI PROVVISTA żGURATA, SIKURA, SOSTENIBBLI U KOMPETITTIVA - Bħala konsumatriċi u importatriċi ewlenija tal-enerġija u fornitriċi ewlenija tat-teknoloġija, l-UE għandha interess fl-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-imsieħba tagħha madwar id-dinja. Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tibni sħubijiet stabbli u fit-tul mal-fornituri ewlenin u potenzjali tagħha, kif ukoll mal-pajjiżi konsumaturi, inklużi l-ekonomiji emerġenti. L-UE għandha xi wħud mill-ogħla standards fid-dinja ta’ trasparenza u regolamentazzjoni tas-suq, kif ukoll standards għoljin ta' sikurezza nukleari, taż-żejt u tal-gass. Permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-UE tista' tgħin lil pajjiżi oħra jtellgħu l-istandards tagħhom. Sħubijiet mal-fornituri tal-enerġija Is-sħubijiet tal-UE mal-fornituri ewlenin tal-enerġija tagħha għandhom ikunu ta’ ġid reċiproku, u jirriflettu l-interdipendenza. Għandhom jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-kooperazzjoni regolatorja, is-sigurtà u s-sikurezza tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-effiċjenza tal-konsum tal-enerġija, l-aċċess għas-suq u l-protezzjoni tal-investiment, permezz ta’ strumenti u ftehimiet xierqa ta’ kooperazzjoni. L-ambitu tas-sħubijiet għandu jitwessa' biex jinkludi wkoll l-użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, u l-valutazzjoni konġunta tal-prospettivi tal-provvista u d-domanda tal-enerġija fit-tul. Minbarra r-Russja, approċċ komprensiv jista' jiġi rifless aħjar fil-kooperazzjoni eżistenti ma' fornituri ewlenin oħra tal-idrokarburi[20]: - Id-Djalogu dwar l-Enerġija li ilu għaddej bejn l-UE u n-Norveġja fuq il-livell ministerjali jimmira diġà lejn il-koordinazzjoni tal-politiki tal-enerġija f'sens wiesa'. In-Norveġja, marbuta mal-UE permezz taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija msieħba essenzjali għall-Unjoni f'firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika tal-enerġija inġenerali u tas-sigurtà tal-provvista. Din is-sħubija għandha l-potenzjal li tittejjeb u titwessa'. - Bl-istess mod, huwa fl-interess tal-Unjoni li twessa' u ttella' l-profil tal-kooperazzjoni tagħha fil-qasam tal-enerġja mal-Alġerija. Iż-żewġ naħat beħsiebhom ilestu ħidmithom, mingħajr dewmien, fuq Memorandum ta’ Fehim dwar l-enerġija, bil-potenzjal li jixpruna l-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-enerġija lil hinn mill-aspetti tradizzjonali tal-kummerċ fil-gass u fiż-żejt, speċifikament lejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-kummerċ tal-enerġija rinnovabbli. - B'mod simili, is-sħubija tal-UE mal-Għarabja Sawdija fil-qasam tal-enerġija toffri potenzjal promettenti għat-twessigħ tal-ambitu tal-kooperazzjoni bilaterali lil hinn mis-settur taż-żejt. - Wara t-tiġrif tar-reġim ta’ Gaddafi, l-UE tinsab lesta li toffri lil-Libja sħubija komprensiva fil-qasam tal-enerġija bħal mal-pajjiżi l-oħra tal-Afrika ta’ Fuq. Il-kooperazzjoni futura bejn l-UE u l-Libja fil-qasam tal-enerġija tkun tħaddan firxa wiesgħa ta’ aspetti, li jinkludu wkoll l-enerġija rinnovabbli u l-ġestjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-enerġija, u tfittex li tħaffef l-integrazzjoni sħiħa tal-Libja fl-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjunali u ta’ bejn l-UE u l-Mediterran. Barra minn hekk, l-UE ser tappoġġja l-isforzi tal-impriżi Ewropej biex jgħinu jirkupraw il-potenzjal tal-Libja għall-esportazzjoni tal-provvisti taż-żejt u tal-gass. L-UE għandha kooperazzjoni stabbilita sew mal-OPEC u mal-biċċa l-kbira mill-membri tagħha. Minbarra dawn il-fornituri tradizzjonali, ir-reġjuni tal-Kaspju, l-Ażja Ċentrali u l-Golf għandhom potenzjal sinifikanti għad-diversifikazzjoni tal-politika tal-UE, u l-istess jgħodd għar-reġjun tal-Artiku, kif ukoll pajjiżi bħall-Iraq, il-Brażil, il-Veneżwela, il-Kanada, in-Niġerja u produtturi Afrikani oħrajn. Fil-qofol ta’ dawn l-isforzi għandu jkun hemm ukoll il-governanza tajba tal-enerġija, inklużi l-prinċipji tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi[21]; it-tneħħija gradwali tas-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixu l-konsum ta’ ħala; u prattiki ta’ produzzjoni sostenibbli, bħat-tnaqqis tal-ivvampjar tal-gass. Il-kontribut sinifikanti tal-gass naturali likwifikat (LNG) lejn il-provvista tal-enerġija tal-UE, u l-impatt fundamentali tiegħu fuq is-suq dinji tal-gass, jitolbu kooperazzjoni mal-fornituri ewlenin, bħall-Qatar, l-Awstralja, u t-Trinidad u t-Tobago, kif ukoll mal-konsumaturi ewlenin attwali u tal-ġejjieni, bħall-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja, bil-għan li s-suq dinji jsir iktar trasparenti u flessibbli. L-għanijiet tal-UE għall-konsum baxx tal-karbonju jsejħu għal tip ġdid ta’ sħubija b'potenzjal għall-provvisti tal-enerġija rinnovabbli. Is-sħubijiet ma' pajjiżi li jipproduċu u jikkonsmaw il-bijofjuwils, bħall-Brażil, l-Istati Uniti u produtturi oħra fl-Afrika u fl-Ażja, għandhom jimmiraw li jippromwovu rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi. Is-sħubijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tfannid tad-djalogi eżistenti ma' fornituri ewlenin tal-enerġija, u l-istabbiliment ta' djalogi ġodda ma' produtturi emerġenti tal-enerġija, biex jinkludu pereżempju l-enerġija rinnovabbli u l-LNG Aktar enfasi, fid-djalogi kollha, fuq il-governanza tajba tal-enerġija u l-investiment, l-enerġija sostenibbli, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija | Is-sħubijiet ma' ekonomiji industrijalizzati u li jikbru b'ritmu mgħaġġel - Id-djalogu tal-UE ma' konsumaturi oħra kbar tal-enerġija –pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji emerġenti– għandu jiffoka fuq il-ħolqien ta’ swieq globali tal-enerġija trasparenti u prevedibbli, fuq it-trawwim tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u fuq it-tkattir tal-isforzi għar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika. L-istandards internazzjonali, it-tikkettar tal-prodotti (eż. l-inizjattiva EU Energy Star[22]) u ċ-ċertifikazzjoni huma kwistjonijiet speċjalment relevanti għall-ħidma konġunta, fid-dawl tal-importanza tagħhom għall-ixprunar tal-kummerċjalizzazzjoni u l-aċċess għas-suq, l-implimentazzjoni u l-aċċess għat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Id-djalogi kostruttuvi diġà għaddejjin maċ-Ċina, mar-Russja u mal-Istati Uniti joffru eżempji tajbin ta’ tali kooperazzjoni mal-pajjiżi konsumaturi. Proġetti internazzjonali fuq skala kbira, bħall-ITER, huma mezz kif jista’ jinkiseb impatt qawwi fil-kooperazzjoni teknoloġika. Fid-dawl tal-iskala u tal-ambitu tal-Inizjattivi Industrijali Ewropew tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija[23], ikun hemm lok għall-opportunitajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-attivitajiet tal-UE, pereżempju n-Netwerk tal-Proġett ta’ Dimostrazzjoni Ewropew tal-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju, għandhom jorbtu ma' inizjattivi dinjija relevanti għall-iskambju tal-aqwa prassi u għat-tħeġġiġ tal-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji. Biex tinżamm stabbli l-pożizzjoni tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, il-kooperazzjoni teknoloġika mal-imsieħba tagħna għandha tkun reċiproka, b'mod speċifiku fejn jidħol l-aċċess għall-programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll fejn jidħlu t-trattament ekwu u l-ħarsien tal-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi konsumaturi għandha twieġeb ukoll għall-isfidi li qegħdin jixirfu. Pereżempju, il-ħżin tal-enerġija u l-elettriku rinnovabbli u applikazzjonijiet avvanzati oħra għall-enerġija jeħtieġu firxa wiesgħa ħafna ta' materja prima, inklużi minerali skarsi tal-art li l-forniment tagħhom bħalissa jinsab fi stadju kritiku. Minbarra l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-aċċess għal din il-materja prima, teħtieġ riċerka għall-iżvilupp ta' sostituti għall-użu ta’ materja prima, jew inkella t-tnaqqis tal-użu ta’ materja prima li ġġib magħha inċertezzi ġodda f'dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista, it-tossiċità jew l-impatt fuq l-ambjent. Azzjoni koordinata mill-UE ma' pajjiżi bl-aktar teknoloġija avvanzata, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġappun, għandha ġġib dawn l-isforzi 'l quddiem. Fost il-pajjiżi industrijalizzati, id-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti, u b'mod speċifiku l-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti mwaqqaf fl-2009, huwa ta’ importanza kbira għall-politika tal-enerġija tal-UE. Imsejjes fuq l-esperjenza mgħoddija, dan id-djalogu għandu jiffoka dejjem aktar fuq il-promozzjoni ta’ swieq dinjija tal-enerġija stabbli, affidabbli u trasparenti, fuq il-koordinazzjoni ta’ reġimi regolatorji u ta’ programmi ta’ riċerka biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa u effiċjenti, u fuq l-iżvilupp ta’ standards komuni. Biex igawdu bis-sħiħ minn din il-kooperazzjoni, iż-żewġ naħat jeħtiġilhom jużaw u jkomplu jkattru l-kooperazzjoni fl-oqfsa eżistenti, fosthom il-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku (TEC) fuq l-avvanzar tal-mobbiltà-e, u l-isforzi tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti lejn il-promozzjoni ta’ grilji u ħżin tal-enerġija intelliġenti, fost oqsma oħra. Ir-rwol sinifikanti ta’ pajjiżi fl-Ażja, bħall-Ġappun, jeħtieġ li jiġi rifless kif xieraq fl-isforzi esterni tal-UE. L-UE u l-Ġappun għandhom jagħtu nifs ġdid lill-attivitajiet konġunti tagħhom għall-ksib tal-għanijiet fis-sigurtà, is-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-enerġija. Ir-riċerka u l-innovazzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija, id-definizzjoni ta’ standards internazzjonali, il-grilji intelliġenti u s-sikurezza nukleari, għandhom ikunu fil-qofol tal-isforzi tal-UE mal-Ġappun. Iċ-Ċina diġà hija l-ikbar konsumatur tal-enerġija fid-dinja. B'iktar minn nofs it-tkabbir fid-domanda globali għall-enerġija tul il-25 sena li ġejjin mistenni jiġi miċ-Ċina u mill-Indja[24], il-bilanċ fis-swieq tal-enerġija qiegħed jinbidel malajr. Dan isejjaħ għal risposta qawwija mill-UE biex tindirizza l-isfidi li tali tibdil iġib miegħu. Tul l-aħħar ftit snin, inbena djalogu b'suċċess bejn l-UE u ċ-Ċina. Kemm l-Ewropa kif ukoll iċ-Ċina għandhom interess qawwi filli jtejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-enerġija fiċ-Ċina, kif ukoll li jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għall-impriżi tal-UE. Il-kwistjonijiet għall-kooperazzjoni ġejjiena jinkludu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-faħam nadif, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-grilji intelliġenti, ir-riċerka fil-fużjoni u s-sikurezza nukleari, b'qies għall-urbanizzazzjoni mgħaġġla li għaddejja minnha ċ-Ċina. Id-domanda għall-enerġija fil-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti qiegħda tikber b'rata liema bħalha u li ħadd ma seta' basar. Ma' pajjiżi bħall-Indja u l-Brażil, l-UE għandha tiżviluppa attivitajiet ta’ interess komuni, pereżempju fuq il-politika tal-enerġija u kwistjonijiet regolatorji, l-istipular ta’ standards u r-riċerka u innovazzjoni teknoloġika, inkluż fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, il-bijofjuwils sostenibbli, il-faħam nadif, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-grilji intelliġenti u l-fużjoni. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Stedina lill-Istati Uniti, il-Ġappun u pajjiżi industrijalizzati oħra msieħba, sabiex jaqsmu l-isforzi tagħhom ma' dawk tal-UE bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp ta’ politiki ambizzjużi dwar it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluża l-kooperazzjoni regolatorja, proġetti konġunti ta’ R&Ż, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, u l-ħidma konġunta fuq materjali b'rendiment aħjar u fuq standards għat-teknoloġiji kritiċi u emerġenti, kif diġà qed jitfittex mal-Istati Uniti taħt l-awspiċju tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti It-tfassil ta’ pjanijiet direzzjonali fit-tul għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju flimkien ma' msieħba ewlenin, bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, sabiex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni teknoloġika, industrijali u ta’ riċerka Il-proposta ta’ inizjattiva trilaterali mal-Ġappun u l-Istati Uniti dwar ir-riċerka fuq materjali kritiċi għall-applikazzjonijiet tal-enerġija, b'mod partikulari f'żoni ta’ sfidi teknoloġiċi ewlenin, bħas-sostituzzjoni ta’ minerali skarsi tal-art L-għoti ta' iktar importanza lill-prinċipju ta’ reċiproċità fil-kooperazzjoni marbuta max-xjenza u teknoloġija tal-enerġija, kif previst fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[25]; it-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-laboratorji nazzjonali tal-enerġija tal-Istati Uniti u l-laboratorji tal-UE, inkluż iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni It-tħejjija ta’ approċċi konġunti bejn l-UE u l-Istati Membri lejn iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t'Isfel, imfasslin biex jippromwovu l-politiki u t-teknoloġiji fl-oqsma tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-ġestjoni tad-domanda, u l-aġġornament tad-djalogi bilaterali li għaddejjin sabiex iħaddnu rotot sostenibbli ta’ modernizzazzjoni u aspetti tas-sigurtà tal-enerġija | Qafas stabbli u prevedibbli għall-kummerċ u l-investiment - L-UE għandha tkompli ddaħħal prinċipji kruċjali għall-kummerċ u l-investiment, bħan-non-diskriminazzjoni u l-aċċess għas-suq, u żżid l-infurzar tagħhom permezz ta' proċeduri effettivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, kemm fi ftehimiet bilaterali kif ukoll f'oqfsa legali multilaterali. Dawn ir-regoli għandhom jiġu nnegozjati biex jaqblu mar-relazzjonijiet u l-interessi speċifiċi tal-pajjiżi individwali jew ta’ gruppi ta’ pajjiżi fil-qasam tal-enerġija. Dawn il-prinċipji jridu jiġi kkomplementati b'regoli li jikkonċernaw l-aċċess reċiproku u ekwivalenti għar-riżorsi u n-netwerks tal-enerġija f'dawn il-pajjiżi, kif ukoll il-protezzjoni tal-investiment, il-konverġenza regolatorja fil-politiki tal-ipprezzar, kriterji ta' sostenibbiltà, u mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kriżi. Qed isiru sforzi importanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment tal-UE, inkluż it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u fil-qafas tad-WTO. Jeħtieġ urġentement li titkattar il-ħidma fuq kuntest legali komprensiv u koerenti għar-relazzjonijiet tal-UE ma' fornituri ewlenin u pajjiżi ta’ tranżitu. Dan huwa essenzjali għat-tkomplija tal-konverġenza regolatorja mal-ġirien tal-UE. Fil-qafas tal-proċess tal-Karta tal-Enerġija, il-ħidma għandha tiffoka mill-ġdid fuq l-oqsma fil-qofol tal-mandat tagħha: il-kummerċ, it-tranżitu u l-protezzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, biex jibqa' relevanti, it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija għandu jfittex li jitwessa' biex jilqa' wkoll pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Imbiegħed. L-UE tqis li jkun ta’ ġid reċiproku li r-Russja tiżvolġi rwol sħiħ f'dan il-qafas multilaterali. B'mod parallel, l-UE jeħtiġilha trawwem kundizzjonijiet indaqs għall-investiment fl-enerġija sostenibbli, billi tindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ ostakoli għall-kummerċ u l-investiment f'dan is-settur, bl-għodda mill-Istrateġija tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq[26]. It-tnaqqis u t-tneħħija ta’ tali ostakoli huma importanti wkoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà finanzjarja għat-teknoloġiji u jitħeġġeġ l-investiment fit-tul, bil-protezzjoni xierqa tal-investituri u rikumpensi għall-innovazzjoni, bil-għan li t-trasferenza u l-implimentazzjoni tat-teknoloġija jsiru realtà. L-UE għandha tintrabat attivament ukoll li tistipula standards globali għall-kummerċ u l-investiment sostenibbli fl-enerġija l-'ħadra'. Teħtieġ koerenza aħjar bejn il-politika tal-enerġija tal-UE u bejn il-politika industrijali fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tissielet biex tippromovi u tifformalizza b'mod sistematiku l-involviment tal-industrija tal-UE fid-djalogi tagħha mal-imsieħba strateġiċi fil-qasam tal-enerġija. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Appoġġ lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija sabiex terġa' tiffoka ħidmitha fuq il-qofol tal-mandat tagħha (il-kummerċ, it-tranżitu u l-investiment), kif ukoll sabiex twessa' l-firxa ġeografika tagħha Sejħa għal sehem sistematiku tal-industrija fid-djalogu tal-UE mal-pajjiżi msiebħa strateġiċi fil-qasam tal-enerġija, inkluż bit-twaqqif ta’ fora kummerċjali ddedikati | It-trawwim tal-ogħla standards tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-ambjent - Fl-istrateġiji esterni, għandhom jiġu riflessi livelli għoljin ta’ sigurtà u sikurezza nukleari fl-UE, b'mod l-iktar urġenti għall-impjanti tal-enerġija nukleari li jinsabu, jew li huma ppjanati, fil-viċinat tal-UE. Għandhom jitqiesu wkoll miżuri li jiżguraw li tali impjanti tal-enerġija nukleari jilħqu l-ogħla livell tas-sikurezza nukleari, verifikabbli b'inizjattivi konġunti ta’ valutazzjonijiet tas-sikurezza u tar-riskji. Il-ftehimiet bilaterali tal-Euratom mal-biċċa l-kbira mill-fornituri ewlenin tal-materjali nukleari tal-UE jippermettu l-ġarr tal-materjali u t-trasferimenti tat-teknoloġija taħt salvagwardji internazzjonali. Din il-ħidma għandha titfannad bir-reviżjoni tal-ftehimiet mal-Kanada u mal-Awstralja, b'negozjati dwar il-ftehim mal-Afrika t'Isfel u l-Federazzjoni Russa, u bil-varar tan-negozjati maċ-Ċina. Kull ftehim nukleari ġdid għandu jfittex li jkun konformi mal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza u tas-sigurtà. L-UE għandha tkattar l-isforzi tagħha fl-oqfsa multilaterali, inkluż fil-qafas tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), sabix tiżgura li l-ogħla standards tas-sikurezza nukleari jsiru legalment vinkolati mad-dinja kollha. It-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari huwa pass essenzjali f'dan ir-rigward. F'dak li jirrigwarda l-proġetti tal-enerġija ta’ pajjiżi terzi li jolqtu l-UE, l-UE tistenna li l-pajjiżi terzi jikkonformaw mal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u tal-ħarsien tal-ambjent, partikolarment, b'valutazzjonijiet konsistenti u trasparenti tal-impatti transkonfinali fuq l-ambjent. B'mod simili, l-UE hija impenjata li ssir iż-żona tal-aqwa prassi fis-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u tal-gass 'il barra mix-xtut. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji proposti konkreti biex tappoġġja dan l-impenn kemm fi ħdan l-UE kif ukoll internazzjonalment. L-għan huwa li jittellgħu l-istandards internazzjonali tas-sikurezza, speċifikament fi ħdan il-G-20, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-OPEC u l-Forum Internazzjonali tar-Regolaturi. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-twessigħ tal-valutazzjoni tas-sikurezza nukleari lejn il-ġirien tal-UE, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari sabiex titrawwem il-konverġenza fl-oqfsa regolatorji u l-istandards Ir-reviżjoni tal-użu tal-ftehimiet tal-Euratom u t-twessigħ tal-ambitu tagħhom, kif ikun relevanti, biex ikopru wkoll kwistjonijiet marbutin mal-provvista tal-fjuwil nukleari, l-iskart nukleari, l-istandards tas-sikurezza, ir-riċerka nukleari, u l-għajnuna finanzjarja għall-kooperazzjoni teknika It-tħeġġiġ, fid-diskuzzjonijiet multilaterali, ta’ standards internazzjonali tas-sikurezza nukleari li jkunu legalment vinkolanti, inkluż fil-qafas tal-IAEA L-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ fora ta’ kooperazzjoni reġjunali għar-regolatorji tal-attivitajiet 'il barra mix-xtut, abbażi tal-esperjenza mill-Forum ta’ Regolaturi Offshore tal-Baħar tat-Tramuntana Il-ħolqien ta’ forum mal-imsieħba interessati fil-Mediterran, għat-trawwim attiv tal-ogħla standards tas-sikurezza għall-attivitajiet taż-żejt u tal-gass 'il barra mix-xtut tal-reġjun L-indirizzar tas-sikurezza tal-attivitajiet 'il barra mix-xtut ma' produtturi tal-idrokarburi fil-kuntest tal-OPEC | IT-TITJIB TAL-AċċESS GħALL-ENERġIJA SOSTENIBBLI GħALL-PAJJIżI LI QEGħDIN JIżVILUPPAW - Iż-żieda fil-popolazzjoni u fid-domanda tal-enerġija, l-iktar fil-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti, qiegħda tikkontribwixxi għal prezzijiet instabbli tal-enerġija, tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija, u emissjonijiet dejjem ikbar tal-gassijiet serra. Politiki għall-enerġija sostenibbli, żieda fl-użu tat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u ta’ użu effiċjenti tal-enerġija, u qafas iktar sostenibbli, trasparenti u non-diskriminatorju għall-investiment, inkluż għall-enerġija rinnovabbli, se jikkontribwixxu lkoll għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija, aktar sigurtà tal-provvista, u tnaqqis tat-tensjonijiet fis-swieq dinjija tal-enerġija. Illum, 1.4 biljun ruħ mad-dinja kollha, l-iktar fl-Afrika Subsaħarjana u fin-Nofsinhar tal-Ażja, għadhom mingħajr aċċess għall-elettriku, u 2.7 biljun ruħ għadhom jiddependu mill-użi tradizzjonali tal-bijomassa għat-tisjir. Ir-rata baxxa ta’ aċċess għal servizzi tal-elettriku li wieħed jista' joqgħod fuqhom hija intopp ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li l-użu mifrux tal-fjuwil tal-injam fl-ifran tradizzjonali, u l-użu insostenibbli tal-faħam, jikkaġunaw problemi serji tas-saħħa u jwasslu għall-qerda tal-foresti. L-enerġija għandi rwol kruċjali fit-triq lejn il-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, u hija mutur ewlieni fil-qerda tal-faqar u fit-tkabbir inklussiv. Madankollu, l-aċċess għas-servizzi moderni tal-enerġija jibqa' waħda mill-isfidi l-kbar tal-iżvilupp sostenibbli, u għaldaqstant jinsab fil-qalba tal-politiki ta’ żvilupp tal-Kummissjoni[27]. Il-pajjiżi l-inqas żviluppati u bi dħul baxx jikkontribwixxu biss frazzjoni żgħira tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fid-dinja. L-Afrika, pereżempju, bi 15 % tal-popolazzjoni dinjija, tirrappreżenta inqas minn 4 % tal-emissjonijiet dinjija tas-CO2. Użu iktar mifrux ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'dawn il-pajjiżi, għandhom jikkontribwixxu biex iżidu s-sostenibbiltà tal-ekonomiji tagħhom, mingħajr ma jitqiegħdu limiti għall-ambizzjonijiet ekonomiċi tal-ifqar ċittadini tad-dinja. Revoluzzjoni ta’ enerġija ħadra fl-Afrika tkun tista' tipprovdi impjiegi lokali u possibbiltajiet ġodda ta' dħul. Il-varjazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt tħalli impatt sostanzjali fuq l-ekonomiji li qed jiżviluppaw. L-elettriku rinnovabbli, il-ġestjoni tad-domanda tal-enerġija, iktar trasparenza tas-suq u iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jistgħu jtaffu l-impatt ta’ xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt fil-ġejjieni. Bit-trawwim tal-integrazzjoni reġjunali u l-kummerċ tal-elettriku, kif ukoll bl-ipprezzar ġust u effiċjenti, l-UE tista' tgħin biex ittejjeb l-affidabbiltà u l-aċċessibbiltà finanzjarja tal-provvisti tal-enerġija, u tista' tikkontribwixxi lejn tkabbir inklussiv u sostenibbli. Fl-Afrika, l-isforzi tal-UE għandhom ikunu mixħuta bis-sħiħ lejn il-ksib tal-miri tas-Sħubija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika dwar l-Enerġija, jiġifieri l-aċċess għal servizzi moderni tal-enerġija, l-interkonnessjonijiet reġjunali, u l-enerġija rinnovabbli. L-Inizjattiva tal-Enerġija tal-UE[28] se tkompli titwessa' u tiġi adattata biex tqis l-isfidi dinjija, bħat-tibdil fil-klima. Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-iżvilupp tal-UE[29] tisħaq fuq kemm l-enerġija sostenibbli hija mutur ewlieni tal-iżvilupp. L-UE tinsab f'qagħda unika biex tipprovdi għajnuna fil-qasam tal-enerġija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Għandhom isiru iktar sforzi biex l-enerġija tiddaħħal bis-sħiħ fl-attivitajiet marbutin mal-iżvilupp, filwaqt li jitħeġġew fil-pajjiżi kkonċernati politiki komprensivi tal-enerġija, miżuri ta' riforma, kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment, l-iżvilupp ta' infrastrutturi u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tkattir tal-isforzi lejn il-ksib tal-miri tal-enerġija UE-Afrika 2020, jiġifieri l-provvista affidabbli u sikura tal-enerġija, u aktar aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli, kif miftiehem bejn l-UE u ministri mill-Afrika fi Vjenna f'Settembru 2010 It-tqabbid ta’ azzjoni fuq il-livell reġjunali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikularment fl-Afrika, sabiex isiru riformi tal-oqfsa legali u regolatorji, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet imsejsa fuq is-suq li jiġbdu l-investimenti tas-settur privat u jsaħħu l-kummerċ reġjunali fl-enerġija Il-mobbilizzazzjoni ta’ riżorsi mill-assistenza tal-UE għall-iżvilupp, sabiex jiġu xprunati proġetti ta’ investiment kemm fuq skala żgħira –jiżdied l-aċċess għas-servizzi tal-enerġija fiż-żoni rurali–, kif ukoll fuq skala kbira –jissaħħu il-kompetittività fl-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, permezz ta’ interkonnessjonijiet u proġetti kbar ta’ ġenerazzjoni– L-integrazzjoni tal-enerġija fl-istrumenti kollha ta’ politika tal-iżvilupp tal-UE, u d-disinn ta’ skemi ta’ għajnuna u strumenti finanzjarji skont il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur, billi tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-ħiliet u lit-trasferiment tat-teknoloġija (inkluż permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni), tiġi xprunata l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jitrawmu l-inizjattivi privati, u jitkattar kemm jista' jkun il-valur miżjud lokali L-iffaċilitar tal-aċċess tal-pajjiżi l-inqas żviluppati għall-finanzjament marbut mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, speċifikament billi jsir kontribut fil-qafas tan-negozjati tal-UNFCCC lejn id-definizzjoni ta' Mekkaniżmu ġdid għall-Iżvilupp Nadif, li jkun iktar adattat għall-ħtiġijiet ta' aċċess għall-enerġija u ta' żvilupp sostenibbli | IL-PROMOZZJONI AħJAR TAL-POLITIKI TAL-UE LIL HINN MILL-FRUNTIERI TAGħHA - L-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet ippreżentati hawn fuq issejjaħ għal iktar passi biex tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjoni tal-UE u biex jitgħaqqdu l-isforzi, inklużi dawk finanzjarji, favur l-interessi u l-prijoritajiet maqsumin mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, teħtieġ sistema ġdida ta’ sħubijiet fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi msieħba ewlenin tal-UE. Approċċ strateġiku lejn is-sħubijiet fil-qasam tal-enerġija Sistema komprensiva ta’ sħubijiet tal-UE fil-qasam tal-enerġija tirrikjedi d-differenzjazzjoni u l-flessibbiltà fl-ambitu tagħha, kif ukoll strumenti adattati għal kull pajjiż jew organizzazzjoni. It-tabella t'hawn taħt turi kif l-ambitu tal-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tal-enerġija jeħtieġ jiġi adattat u differenzjat skont it-tipi differenti ta’ relazzjonijiet li għandna mal-imsieħba tagħna (relazzjoni ta’ integrazzjoni tas-suq, relazzjoni konsumatur/fornitur, relazzjoni konsumatur/konsumatur), u liema strumenti legali u politiċi għandhom jintużaw. Ta’ min wieħed jiftakar li bosta pajjiżi jistgħu jaqgħu f'iktar minn kategorija waħda, u li n-natura tar-relazzjoni tista' tevolvi maż-żmien. Mal-ġirien tagħna / sħab fl-integrazzjoni tas-suq | Mal-fornituri ewlenin tal-enerġija tagħna u l-pajjiżi tat-tranżitu | Mal-operaturi dinjija ewlenin fil-qasam tal-enerġija | Mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw | Ambitu | Il-kwistjonijiet kollha koperti mill-politika tal-enerġija tal-UE | Firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni, bħas-sigurtà tal-provvista u d-domanda, il-kooperazzjoni industrijali, kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment | Fokus fuq kwistjonijiet prijoritarji, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-istandards | Strateġiji għall-iżvilupp ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-aċċess għall-enerġija, oqfsa politiċi u regolatorji, il-promozzjoni tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli | Strumenti | It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija | Djalogi strateġiċi dwar l-enerġija | Kooperazzjoni ad hoc dwar l-enerġija | Kooperazzjoni ad hoc dwar l-enerġija | Strumenti taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, strumenti ta' risposta għall-kriżijiet, u/jew ftehimiet speċifiċi ta' sħubija u kooperazzjoni li jkopru l-enerġija, fost l-oħrajn It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija | Strumenti applikabbli oħra | Strumenti taħt il-politika tal-iżvilupp tal-UE, u fejn relevanti, strumenti ta’ risposta għall-kriżijiet | Ftehimiet kummerċjali | L-UE se timpenja ruħha, skont il-bżonn, fi djalogu ma' kull wieħed mill-imsieħba ewlenin tagħna, biex tiddiskuti aspettattivi u interessi reċiproċi fi sħubijiet fil-qasam tal-enerġija. It-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri Approċċ iktar koerenti bejn l-UE u l-Istati Membri diġà qiegħed iġib il-benefiċċji tiegħu fl-organizzazzjonijiet multilaterali tal-enerġija. Madankollu, dan jista' jkompli jissaħħaħ b'koordinazzjoni mtejba bejn l-istrateġiji esterni tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tal-Enerġija, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ta’ servizzi relevanti tal-UE, bl-appoġġ ta' reviżjonijiet konġunti regolari tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, fuq bażi nazzjonali jew reġjunali. Fi ħdan il-fora internazzjonali ewlenin, bħala regola, l-UE u l-Istati Membri għandhom jesprimu ruħhom b'leħen wieħed. F'każijiet bħal dawn, il-prinċipji tal-kooperazzjoni sinċiera, inkluż id-dmir li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentazzjoni barranija tal-Unjoni, għandhom japplikaw bis-sħiħ. Dan huwa speċifikament relevanti fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), kif ukoll tal-Forum Internazzjonali tal-Enerġija (IEF), is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC), u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA). Hekk kif il-G-8 u l-G-20 joħorġu bi prijoritajiet iktar espliċiti fil-politika tal-enerġija tagħhom, huwa importanti li l-UE ssemma' leħinha fuq aspetti strateġiċi bħas-sikurezza tat-tħaffir 'il barra mix-xtut, is-sikurezza nukleari, l-instabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt, il-governanza tas-suq, u s-sussidji għall-fjuwils fossili. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-twaqqif ta’ Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tal-Enerġija Il-promozzjoni ta’ azzjoni konkreta dwar is-sikurezza tat-tħaffir 'il barra mix-xtut, is-sikurezza nukleari u strateġiji ta’ żvilupp ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, fuq l-aġenda tal-G-8 u tal-G-20; u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jindirizzaw l-instabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija L-isfruttament ta’ iktar sinerġiji mal-ħidma tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija fuq it-tbassir marbut mal-enerġija, l-analiżi tas-suq u l-kollaborazzjoni teknoloġika L-iżgurar tas-sehem attiv u r-rwol minn ta’ quddiem tal-UE fid-dibattitu globali dwar il-governanza tal-enerġija, permezz tal-preżenza regolari tagħha f'inizjattivi u oqfsa internazzjonali relevanti | L-ottimizzar tal-għajnuna esterna tal-UE fis-settur tal-enerġija - L-enerġija hija element ewlieni tal-programmi ta’ għajnuna esterna tal-UE. Id-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE għal wara l-2013 jipprovdu opportunità biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet marbutin mal-enerġija jkunu prezenti fl-istrumenti kollha tar-relazzjonijiet barranin tal-UE, kemm tematiċi kif ukoll ġeografiċi, bi qbil mal-prijoritajiet stipulati f'din il-Komunikazzjoni. Biex jiġu evitati sforzi doppji, l-UE għandha tkompli tikkoordina l-appoġġ tagħha ma' dak tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), banek Ewropej oħrajn ta’ żvilupp, u l-Bank Dinji. L-UE se tissielet biex tkattar is-sinerġiji bejn id-diversi kontributi Ewropej, kif kien il-każ fil-finanzjament tax-Xelter ta’ Chernobyl. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-banek Ewropej tal-iżvilupp biex tiżgura li l-istrumenti finanzjarji tagħhom ikunu iktar konsistenti mal-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tikkunsidra, kif ikun xieraq, il-ħolqien ta’ bażi tad-dejta ta’ proġetti tal-enerġija fil-pajjiżi msieħba, iffinanzjati mill-UE, mill-Istati Membri, mill-BEI, mill-EBRD u oħrajn. Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: L-integrazzjoni ta’ "is-sigurtà, l-aċċess u s-sostenibbiltà tal-enerġija" fl-oqfsa finanzjarji esterni tal-UE għal wara l-2013 Il-promozzjoni tal-allinjament tal-istrumenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji tla-UE mal-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE fil-qasam tal-enerġija, bil-għan li jittejbu l-viżibbiltà u l-impatt tal-intervenzjoni tal-UE fil-pajjiżi terzi Il-ħolqien ta’ għodda għall-qsim tat-tagħrif, iddisinjata biex tiġbor u turi d-dejta relevanti dwar il-programmi u l-proġetti tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi | KONKLUżJONI - Il-politika tal-enerġija tal-UE tissejjes fuq it-tliet għanijiet li ġejjin: is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà. Id-dimensjoni esterna tiżvolġi rwol kruċjali għat-tlieta li huma. Politika barranija fil-qasam tal-enerġija li tkun konsistenti u koordinata sew hija essenzjali għall-ikkompletar tas-suq intern, kif ukoll għall-ksib ta’ miri ewlenin ta’ politika, inkluż fil-kooperazzjoni internazzjonali. Politika barranija fil-qasam tal-enerġija li tkun koerenti, dinamika u proattiva hija essenzjali biex l-UE u l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu pożizzjoni minn ta’ quddiem fil-ġeopolitika tal-enerġija. B'dan il-mod ikunu jistgħu jippromwovu l-interessi tagħhom (fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali) fir-rigward tal-enerġija lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Is-suq intern tal-enerġija tal-UE, qafas legali sod għall-kummerċ, l-investiment u s-sikurezza tal-enerġija, is-suq tal-karbonju tal-UE bir-rabtiet internazzjonali tiegħu, u l-finanzjament tal-UE għall-infrastruttura, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp, jagħtu ħafna qawwa lill-UE, u jġibu magħhom il-potenzjal għal sħubijiet li jkunu ta’ ġid għall-UE, għall-Istati Membri u għall-imsieħba barranin. Sabiex tislet l-ikbar vantaġġ minn dan il-potenzjal, u sabiex tafferma l-interessi tal-UE u l-Istati Membri b'mod aktar effettiv fi swieq dinjija tal-enerġija li jinbidlu l-ħin kollu, din il-Komunikazzjoni tipproponi għadd ta' azzjonijiet u għanijiet strateġiċi, bi qbil mal-interessi tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jiġu koordinati bis-sħiħ mal-Istati Membri kollha, u għandhom ikunu konsistenti ma' politiki oħra tal-UE (u fejn possibbli, ikunu ta’ ġid reċiproku), bħar-relazzjonijiet barranin, il-kummerċ, l-iżvilupp, it-tkabbir, il-kompetizzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-ambjent u l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Is-sħubijiet tal-enerġija għandhom ifittxu l-komplementarità, kif ukoll rabtiet li jkunu ta’ ġid reċiproku għall-politiki tal-enerġija, u relazzjoni usa' bejn l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba relevanti. Tali approċċ komprensiv ikun jiżgura li l-isforzi biex jittejbu s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija tal-UE jkunu konsisteni mal-iżvilupp tal-kooperazzjoni politika u ekonomika, li tissejjes fuq, u fejn tista' tipprova ssaħħaħ, il-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. B'mod simili, dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu riflessi fil-ħidma tar-Rappreżentant Għoli u tal-EEAS, u d-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi msieħba strateġiċi għandu jingħatalhom rwol attiv fl-implimentazzjoni tagħhom. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti mhux biss se jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE. Tista' tikkontribwixxi wkoll lejn il-ksib ta’ iktar sigurtà, stabbiltà u ġid mal-pjaneta kollha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw dan l-approċċ propost. Tistenna bil-ħerqa wkoll li tkompli d-djalogu mal-partijiet interessati kollha, sabiex l-ambizzjoni ta’ politika barranija tal-UE fil-qasam tal-enerġija ssir realtà. [1] COM(2006) 590 finali. [2] COM(2010) 2020 finali. [3] Il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent, u s-16-il pajjiż ġar skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat. [4] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/78367.pdf u http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/104630.pdf. [5] COM(2010) 639 finali. [6] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2010 (EUCO 2/11). [7] Ir-Regolament (KE) 994/2010. Barra minn dan, it-Trattat tal-Euratom jipprovdi għan-notifika u l-verifika ex-ante tal-ftehimiet bilaterali konklużi mill-Istati Membri f'dan il-qasam. Għall-kuntratti kummerċjali għall-provvista ta’ materjal nukleari konklużi mill-utilitajiet tal-UE, it-Trattat tal-Euratom jirrikjedi li l-Aġenzija tal-Provvista tal-Euratom tkun parti għall-kuntratti, u li tiżvolġi rwol fis-sigurtà tal-provvista tal-fjuwils nukleari. [8] Kif sar b'suċċess waqt in-negozjati tal-Ftehim Intergovernattiv ta’ Nabucco, u n-negozjati ta’ bejn il-Polonja u r-Russja fir-rigward tal-pajplajn Yamal. [9] Approvazzjoni finali pendenti. [10] Ara wkoll it-taqsima 1.3. [11] COM(2010) 677 finali. [12] Il-Komunikazzjoni konġunta "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni", COM(2011) 303. [13] Il-modalitajiet tas-sehem tal-pajjiżi terzi fl-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u fin-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (ENTSOs) huma marbutin mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-UE. [14] COM(2011) 105 finali. [15] Il-programm INOGATE jappoġġa l-kooperazzjoni fil-politika tal-enerġija bejn l-UE u l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-Ażja Ċentrali. [16] Kif inhu propost fil-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, "Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran", COM(2011) 200 finali. [17] Id-Direttiva 2009/28/KE. [18] Il-Ftehim Ġdid bejn l-UE u r-Russja se jkollu l-għan li jistipula qafas komprensiv għall-kooperazzjoni, u għandu jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja li ilu fis-seħħ mill-1997. [19] Varat fil-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja, l-1 ta’ Ġunju 2010. [20] Ir-Russja, in-Norveġja u l-Alġerija jkopru l-85 % tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tal-UE, u kważi 50 % tal-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat tal-UE. Il-pajjiżi tal-OPEC ikopru madwar 36 % tal-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat tal-UE. [21] L-EITI tappoġġa l-governanza mtejba fil-pajjiżi mogħnija bir-riżorsi, permezz tal-verifika u l-pubblikazzjoni bis-sħiħ tal-ħlasijiet tal-impriżi u tad-dħul tal-gvernijiet miż-żejt, mill-gass u mill-minjieri. [22] www.eu-energystar.org. [23] COM(2007) 723. [24] L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, World Energy Outlook 2010. [25] Inizjattiva Emblematika tal-istrateġija Ewropa 2020. [26] COM(2007) 183 finali. [27] SEC(2009) 534. [28] L-Inizjattiva tal-UE dwar l-Enerġija għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli, li hija l-istruttura umbrella għall-koordinament tal-iżvilupp tal-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE, tnediet fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg fl-2002. [29] COM(2010) 629 finali.