52011DC0539




KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali - "Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna"

Daħla

L-enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva hija ta’ importanza fundamentali għall-ekonomija, għall-industrija u għaċ-ċittadini tal-UE, u għaldaqstant hija wkoll mira ewlenija tal-politika tal-UE. Għal dan il-għan, l-UE teħtieġ l-istrumenti xierqa biex taġixxi fuq il-livell Ewropew, kif ukoll biex issewgi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

Il-politika barranija tal-enerġija tal-UE hija essenzjali għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija. L-esperjenza mgħoddija wriet li r-relazzjonijiet bilaterali fir-rigward tal-enerġija bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ta' provvista jew tranżitu jistgħu jwasslu għall-framentazzjoni tas-suq intern pjuttost milli jsaħħu l-provvista u l-kompetittività tal-enerġija fl-UE. Il-qafas regolatorju li ġie implimentat progressivament fuq il-livell tal-UE jġib miegħu konsegwenzi importanti għall-pajjiżi msieħba, pereżempju fl-oqsma tal-aċċess għan-netwerk, is-sigurtà u d-dispożizzjonijiet għall-kompetizzjoni. Bl-iskadenza tal-2014 stipulata mill-Kunsill Ewropew għall-ikkompletar tas-suq intern tal-elettriku u tal-gass, jeħtieġ urġentement li niftħu beraħ l-aspett estern tiegħu.

L-enerġija hija negozju globali. L-UE timporta 'l fuq minn 60 % tal-gass tagħha, u aktar minn 80 % miż-żejt tagħha. Qiegħda tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni dejjem eħrex għar-riżorsi tal-fjuwils fossili, inkluż minn pajjiżi b'ekonomija emerġenti u mill-produtturi tal-enerġija nfushom. Il-popolazzjoni dejjem tikber, u l-livelli dejjem telgħin tal-għajxien, kapaċi jżidu d-domanda globali għall-enerġija b'40 % sal-2030. Il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija jheddu s-sistemi tal-klima, kif ukoll l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Id-domanda dejjem tikber għall-enerġija tkompli ttella' l-prezzijiet globali, twaqqa' lil ħafna nies fil-'faqar enerġetiku', u toħloq l-inkwiet f'pajjiżi fejn is-sussidji għall-fjuwils fossili huma prevalenti.

F'din ir-realtà kumplessa, l-UE jeħtiġilha tieħu pożizzjoni qawwija, effettiva u ekwa fuq il-palk internazzjonali, sabiex tiżgura l-enerġija li għandha bżonn filwaqt li trawwem swieq tal-enerġija ħelsin u trasparenti, u tikkontribwixxi lejn iktar sigurtà u sostenibbiltà fil-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Jeħtieġu wkoll soluzzjonijiet internazzjonali fis-settur tal-enerġija, sabiex jintlaħqu l-għanijiet globali u tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra.

Mill-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'l hawn (dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija[1]), l-oqfsa politiċi u legali għall-politika tal-enerġija tal-UE tbiddlu sew. It-Trattat ta’ Liżbona stabbilixxa għanijiet ċari għall-politika tal-enerġija tal-UE, u l-istrateġija Ewropa 2020 kompliet tiżviluppahom[2]. Huwa ċar li l-UE ma tistax tilħaq dawn l-għanijiet mingħajr ma tindirizza d-dimensjoni esterna b'mod xieraq.

Minflok, l-UE għandha tibni fuq is-saħħa tas-suq, twessa' r-rabtiet bejn in-netwerk Ewropew tal-enerġija u l-pajjiżi ġirien[3], u toħloq żona regolatorja usa' li tkun ta’ ġid għall-partijiet kollha. Qabelxejn, dan se jitlob skambju regolari ta’ tagħrif dwar il-ftehimiet ta’ bejn il-gvernijiet konklużi u ppjanati mill-Istati Membri. Eżempji riċenti wrew il-merti ta’ dan l-approċċ Ewropew.

Il-Kunsill għaraf il-ħtieġa għal inizjattivi ġodda, bil-għan li jiġu żviluppati sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku fil-qasam tal-enerġija, b'operaturi ewlenin fl-aspetti kollha ta’ interess komuni, inkluż fis-sigurtà tal-enerġija, l-investimenti fis-sostenibbiltà u fil-protezzjoni ambjentali, it-teknoloġiji b'użu baxx tal-karbonju, l-effiċenzja enerġetika u s-sigurtà nukleari. Din il-Komunikazzjoni tipproponi mezzi konkreti biex titwessa' l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, lil hinn mis-sempliċi sigurtà fiżika tal-importazzjonijiet. Hija kompatibbli mal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea ta' Diċembru 2003, kif irreveduta mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008, u tkompli tibni fuqha[4].

Sħubijiet bħal dawn, u l-impenn tal-UE f'fora dinjija bħall-G-20, għandhom irawmu politiki tal-enerġija iktar sostenibbli f'pajjiżi terzi, filwaqt li jtejbu t-trasparenza tas-suq u jħaffu l-volatilità tas-suq internazzjonali, fit-triq lejn suq dinji tal-enerġija li jkun inqas vulnerabbli għax-xokkijiet u għat-tfixkil tal-provvista. B'dan il-mod, il-politika segwita għandha tgħin biex issaħħaħ ir-reżistenza tal-UE għal ġrajjiet barranin li jolqtu l-provvista tal-enerġija tagħha.

Fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk l-inqas żviluppati, l-UE tista' tagħti kontribut siewi għall-iżvilupp ekonomiku u għat-taffija tal-faqar billi tagħmel l-enerġija sostenibbli, u l-aċċess għaliha, prijorità tal-politika tal-iżvilupp tagħha. L-UE tinsab f'qagħda unika biex trawwem miżuri ta’ riforma, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi, u politiki ta’ enerġija sostenibbli, hija u tindirizza dan l-intopp ewlieni għall-iżvilupp.

Darba wara l-oħra, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini tal-UE sejħu għal leħen komuni tal-UE meta tiġi biex tesprimi ruħha fir-rigward tar-relazzjonijiet barranin fil-qasam tal-enerġija. L-UE wriet li meta taġixxi għalenija, kapaċi tikseb riżultati li l-ebda Stat Membru ma jkun jista' jilħaq waħdu. Dawn il-vantaġġi ta’ min jiġu sfruttati iktar, u jissarrfu f'approċċ sistematiku. Jeħtieġ urġentement li mmiddu iktar passi biex insaħħu l-koerenza bejn l-azzjoni tal-UE u dik tal-Istati Membri, speċjalment minħabba l-importanza tal-enerġija fir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi tal-UE ma' għadd ta’ pajjiżi terzi.

L-istrateġija "Enerġija 2020"[5] identifikat bħala prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija. Fi Frar li għadda, il-Kunsill Ewropew reġa' saħaq fuq dan il-messaġġ. L-approċċ komprensiv spjegat f'dan il-dokument għandu l-għan li jilħaq dawn l-aspettattivi.

B'hekk, din il-Komunikazzjoni tipproponi li tkompli tiġi żviluppata politika barranija fil-qasam tal-enerġija, bil-prijoritajiet li ġejjin:

- It-tfassil tad-dimensjoni barranija tas-suq intern tal-enerġija tal-UE;

- It-tisħiħ tas-sħubijiet għall-enerġija bi provvista żgurata, sikura, sostenibbli u kompetittiva;

- It-titjib tal-aċċess għall-enerġija sostenibbli għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

- Il-promozzjoni aħjar tal-politiki tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha.

IT-TFASSIL TAD-DIMENSJONI BARRANIJA TAS-SUQ INTERN TAL-ENERġIJA TAL-UE

Il-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE jiddependi minn livelli għoljin ta’ importazzjonijiet, u għaldaqstant jiddependi minn swieq ħielsa u trasparenti. Fin-nuqqas ta’ dawn, l-UE tkun vulnerabbli għall-volatilità politika u tal-prezzijiet. Is-sigurtà tal-provvista tiddependi, minn naħa, mis-sigurtà tas-suq kollu. Il-politika barranija fil-qasam tal-enerġija jeħtieġ li tirrifletti l-karattru interkonness tas-suq intern, kif ukoll l-interdipendenza tal-Istati Membri tal-UE.

Koordinazzjoni fis-suq intern: insaħħu l-influwenza tal-UE u tal-Istati Membri

Il-ftehimiet bilaterali ta’ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u l-provvista tal-enerġija lejn l-UE. Dawn il-ftehimiet għandhom ikunu f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Għaldaqstant, flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Il-mekkaniżmu propost, li jwieġeb għat-talba mingħand il-Kunsill Ewropew[6], se jwessa' u jikkomplementa l-proċedura ta’ notifika li diġà tapplika għall-ftehimiet dwar il-gass[7]. Se jipprovdi wkoll għal strument strutturat għall-iskambjar tal-informazzjoni fuq il-livell tal-UE kemm qabel kif ukoll wara n-negozjati mal-pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lesta li tagħti l-appoġġ legali tagħha lill-Istati Membri li jinnegozjaw ftehimiet li jolqtu direttament il-leġiżlazzjoni tas-suq intern[8]. F'każijiet speċifiċi, il-Kummissjoni tista' tagħti valutazzjoni ex-ante tal-konformità ta’ ftehim intergovernattiv ġejjien mal-liġi tal-UE, qabel ma jiġi ffirmat tali ftehim.

Is-saħħa tas-suq intern tal-enerġija tal-UE ta’ min tiġi sfruttata aħjar, b'mod li tiffaċilita proġetti kbar ta’ infrastruttura li jqabbdu n-netwerk tal-UE ma' pajjiżi terzi, partikularment pajjiżi għaddejjin minn inċertezzi politiċi, kummerċjali jew legali. Approċċ tal-UE jista' jgħin biex jitnaqqsu dawn ir-riskji. In-negozjar ta’ mandati għall-UE jista' jkun meħtieġ fejn il-ftehimiet ikollhom relevanza kbira għall-għanijiet tal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija, u fejn ikun hemm valur miżjud ċar u komuni għall-UE. L-adozzjoni riċenti mill-Kunsill[9] ta’ mandat li jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim mal-Ażerbajġan u t-Turkmenistan għall-qafas legali ta’ sistema ta’ pajplajns Trans-Kaspjani tal-gass toffri eżempju immedjat tal-vantaġġi tal-azzjoni fuq il-livell tal-UE għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Fil-ġejjieni, jista' jiġi kkunsidrat approċċ simili li jistabbilixxi qafas li jipprovdi bażi legali u politika xierqa għall-importazzjoni tal-elettriku rinnovabbli min-Nofsinhar tal-Mediterran[10].

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Il-ħolqien ta’ mekkaniżmu għal aktar trasparenza u għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ta' bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija In-negozjar ta’ ftehimiet fuq il-livell tal-UE ma' pajjiżi terzi fejn ikun meħtieġ għall-ksib tal-għanijiet ewlenin tal-UE, pereżempju biex jiġu ffaċilitati proġetti kbar ta' infrastruttura |

L-integrazzjoni tan-netwerk: id-diversifikazzjoni tal-għejun u r-rotot tal-provvisti

- L-UE teħtieġ twessa' u tiddiversifika r-rabtiet bejn in-netwerk Ewropew u l-pajjiżi ġirien. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara"[11], il-Kummissjoni fasslet pjan għal netwerk integrat tal-enerġija li jieħu inkonsiderazzjoni l-interkonnessjonijiet ewlenin mal-pajjiżi terzi.

It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-gass fl-UE, u t-tħassib fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, isejħu għal pajplajns ġodda għall-importazzjoni tal-gass, flimkien ma' infrastrutturi ġodda oħra, bħal terminali tal-LNG (gass naturali likwifikat). Prijorità infrastrutturali ewlenija tal-UE hija li tiftaħ il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar, li huwa rotta ta’ provvista għal madwar 10-20 % tad-domanda stmata ta’ gass sal-2020.

L-UE għandha turi li lesta tintrabat mar-reġjuni tal-Kaspju u tal-Lvant Nofsani fuq żmien twil, kemm politikament kif ukoll ekonomikament. Għandha tgħin ukoll lill-pajjiżi ewlenin tal-provvista, bħall-Ażerbajġan, it-Turkmenistan, l-Iraq u oħrajn, speċjalment fir-reġjun tal-Ażja Ċentrali, fl-iżvilupp tas-setturi tal-enerġija tagħhom b'mod effiċjenti u sostenibbli, kif ukoll fil-ħolqien tal-mudelli korrispondenti ta’ kummerċ u investiment mal-UE.

Bħala parti mill-Kuritur tan-Nofsinhar, il-ftehim propost dwar l-infrastruttura u t-trażmissjoni Trans-Kaspjani tal-gass bejn l-UE, l-Ażerbajġan u t-Turkmenistan għandu jwitti t-triq għall-bini ta’ infrastruttura fiżika għall-provvista ta' gass naturali Turkmeni minn naħa għall-oħra tal-Baħar Kaspju.

Madwar 20 % mill-provvista tal-gass tal-UE tgħaddi mill-Ukraina. L-UE għandha tappoġġa l-isforzi għar-riabbilitazzjoni tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Gass tal-Ukraina, filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza u l-qafas legali. Għandha timmira li l-Ukraina tiġi integrata aktar malajr fil-Komunità tal-Enerġija.

L-UE għandha taħdem ukoll biex tistabbilixxi kooperazzjoni tripartita, fuq livell politiku u amministrattiv, mar-Russja u mal-Ukraina, bil-għan li jiġu żgurati provvisti stabbli u bla tfixkil mill-Kuritur tal-Lvant.

L-importanza tal-Mediterran fil-provvisti tal-enerġija għall-UE qiegħda tikber, kemm fejn jidħlu l-fjuwils fossili kif ukoll, potenzjalment, għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għaldaqstant, l-UE għandha timpenja ruħha b'mod iktar attiv biex tippromovi l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija fir-reġjun tal-Mediterran.

F'dak li jirrigwarda s-settur taż-żejt, l-implimentazzjoni tal-Kuritur Ewro-Ażjatiku għat-Trasport taż-Żejt hija prijorità minn ta' quddiem, u għandu joffri aċċess dirett għaż-żejt mhux raffinat. L-istabbiltà tal-provvisti taż-żejt mhux raffinat permezz tal-pajplajn ta’ Druzhba għandha tiġi indirizzata fid-djalogu mar-Russja.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali ewlenin iddefiniti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara" Id-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotti tal-provvisti tal-gass u taż-żejt, inkluż billi jinfetaħ urġentement il-Kuritur tan-Nofsinhar It-trawwim tal-vjabbiltà u tal-funzjonament kontinwu tal-infrastruttura eżistenti taż-żejt u tal-gass fil-Lvant, u l-appoġġ tar-riabilitazzjoni tan-netwerk tal-Ukraina tat-trażmissjoni tal-gass sal-2020 L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni tripartita, fuq livell politiku u amministrattiv, mar-Russja u mal-Ukraina, bil-għan li jiġu żgurati provvisti stabbli u bla tfixkil mill-Kuritur tal-Lvant It-trawwim tal-kooperazzjoni fir-rigward ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-iktar fil-qafas tal-Pjan Solari għall-Mediterran, bil-varar ta’ proġetti pilota ta’ impjanti solari fis-snin 2011-2012 |

L-integrazzjoni tas-suq mal-pajjiżi ġirien: approċċ komprensiv iżda differenzjat

- Il-Kummissjoni u r-Rapprenżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà ntrabtu li jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija[12], bil-għan li jissaħħu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija mas-sħab fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-mira hija li jinkiseb suq integrat tal-enerġija mal-pajjiżi kollha tal-viċinat, imsejjes fuq il-konverġenza regolatorja. Għandhom jintużaw l-istrumenti eżistenti tal-UE sabiex iħeġġu kundizzjonijiet kompetittivi ekwi fost il-fornituri tal-UE u barra minnha. Madankollu, ikun jeħtieġ approċċ differenzjat biex jinbnew sħubijiet ibbilanċjati li jirriflettu r-rieda tal-pajjiżi li jqarrbu l-qafas regolatorju tagħhom ma' dak tal-UE, kif ukoll, fejn relevanti, li jimplimentaw l-ipprezzar tal-karbonju bħala element ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-produtturi tal-enerġija[13].

Il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inkluża n-Norveġja, diġà jiffurmaw parti mis-suq intern tal-UE. Għandha tinbena wkoll il-kooperazzjoni mal-Iżvizzera. Għandha tingħata prijorità lin-negozjati attwali ta’ ftehim immirat lejn l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq tal-elettriku, u għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll lit-twessigħ ta’ dawn in-negozjati lejn oqsma oħra, bħas-sorsi rinnovabbli u l-gass naturali.

It-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija huwa l-punt ta’ referenza għall-parti l-kbira tal-ġirien tal-UE li jixtiequ jsiru parti mis-sistema Ewropea tal-enerġija. Bl-adeżjoni riċenti tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukraina, il-Komunità tal-Enerġija għandha l-potenzjal li tqabbad is-suq tal-UE ma' disa' pajjiżi ġirien. L-ambitu regolatorju għandu jitwessa' progressivament, u jiġi akkumpanjat minn implimentazzjoni u infurzar effettivi, kif ukoll ma' għajnuna konkreta għar-riforma ta’ dawn is-swieq[14]. It-twessigħ tal-Komunità tal-Enerġija għandu jiġi kkunsidrat għal dawk il-pajjiżi li jkunu kkonkludew jew beħsiebhom jinnegozjaw Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-UE, u li juru r-rieda u l-ħila li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE.

It-Turkija dalwaqt tkun imqabbda man-netwerk tal-elettriku tal-UE, u tista' ssir ċentru ( hub ) ewlieni u pajjiż ta’ tranżitu tal-gass għall-UE. Progressi fin-negozjati għall-adeżjoni tat-Turkija fit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija, u progressi lejn il-ftuħ ta’ kapitolu dwar l-enerġija fin-negozjati għall-adeżjoni fl-UE, għandhom jgħinu biex tiżdied il-kooperazzjoni u biex jiġi stabbilit qafas sod għat-trasport tal-gass minn naħa għal oħra tat-Turkija.

B'mod parallel, l-Inizjattiva ta’ Baku u l-Pjattaforma tal-Partenarjat tal-Lvant għas-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija għandhom jibqgħu oqfsa ewlenin għad-djalogu reġjonali dwar l-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tal-Lvant, li għandhom igawdu wkoll mill-appoġġ tal-programm INOGATE tal-UE[15].

Is-sitwazzjoni tal-enerġija fin-Nofsinhar tal-Mediterran titlob ambizzjoni speċjali. Id-domanda tal-enerġija fir-reġjun mistennija tirdoppja sal-2020. Teħtieġ riforma urġenti tas-suq sabiex tixpruna l-investiment f'enerġija nadifa u effiċjenti, kif ukoll f'teknoloġija tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Bħala l-ewwel pass, l-UE lesta li taħdem fuq l-iżvilupp ta’ ''Sħubija bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran għall-Enerġija", li jiffoka qabelxejn fuq l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli[16]. It-taħditiet esploratorji u promettenti ma' sħab fir-reġjun, bħall-Marokk u l-Alġerija, jagħtuna x'nifhmu li din l-inizjattiva sabet interess u li jixirqilha tiġi esplorata fil-fond.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tħeġġeġ proġetti konġunti mmexxija mill-industrija mal-pajjiżi kollha ġirien, f'setturi ewlenin ta’ interess komuni: l-elettriku rinnovabbli, l-effiċenzja fil-konsum tal-enerġija, u l-ġestjoni tan-naħa tad-domanda, b'enfażi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjieg. Biex tgħin f'dan il-proċess, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li ttejjeb il-kundizzjonijiet offruti mid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli[17] għall-proġetti konġunti ma' pajjiżi membri tal-Komunità tal-Enerġija u pajjiżi terzi oħra, jekk dan jista' jsir mingħajr ma jhedded l-addizzjonalità u l-livell ta’ ambizzjoni tal-miri għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi s-sehem tal-pajjiżi ġirien f'inizjattivi tal-UE, bħal dawk ta’ "Bliet u Komunitajiet Intelliġenti" u l-"Patt tas-Sindki". L-UE għandha tikkunsidra wkoll li toffri sħubijiet bilaterali komprensivi lil dawk il-pajjiżi interessati li jimpenjaw ruħhom għal iktar integrazzjoni.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Il-konklużjoni tan-negozjati mal-Iżvizzera, skont id-direttivi ta’ negozjar adottati, bil-għan tal-integrazzjoni sħiħa tas-swieq tal-elettriku L-intensifikar tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi li għaddejjin bil-proċess tal-adeżjoni fl-UE It-tfannid u t-twessigħ tal-validità tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija lil hinn mill-2016, b'enfażi fuq l-implimentazzjoni effettiva Proposta lill-partijiet imsieħba ta’ Sħubija reġjonali bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Mediterran fil-qasam tal-Enerġija, li tiffoka għall-ewwel fuq l-iżvilupp tas-suq tal-elettriku u tal-enerġija rinnovabbli f'dawn il-pajjiżi sal-2020 It-tħeġġiġ tal-pajjiżi terzi biex jimplimentaw politiki ambizzjużi ta’ effiċjenza fil-konsum tal-enerġija, ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, u ta’ pprezzar tal-karbonju, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għas-settur tal-elettriku |

Id-djalogu bejn l-UE u r-Russja fil-qasam tal-enerġija: mis-sħubija għall-integrazzjoni

- Ir-Russja għandha rwol importanti u uniku fis-suq tal-enerġija tal-Ewropa. Il-mira komuni tagħna għandha tkun il-konverġenza miżjuda taż-żewġ swieq tal-enerġija, b'rikonoxximent tal-fatt li l-Federazzjoni Russa tista' tkattar il-benefiċċji soċjoekonomiċi mill-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha, kif ukoll il-fatt li l-UE tista' ttejjeb il-kompetittività fis-suq tal-enerġija tagħha.

Il-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tal-enerġija teħtieġ bażi legali ġdida u mill-aktar soda. Għaldaqsant, in-negozjati dwar il-Ftehim Ġdid bejn l-UE u r-Russja[18] jeħtiġilhom jindirizzaw suġġetti essenzjali, bħalma huma l-aċċess għar-riżorsi tal-enerġija, għan-netwerks u għas-swieq tal-esportazzjoni, il-protezzjoni tal-investiment, ir-reċiproċità, il-prevenzjoni tal-kriżi u l-kooperazzjoni f'każ ta’ kriżi, kundizzjonijiet indaqs, u l-ipprezzar tar-riżorsi tal-enerġija. Iċ-ċertezza legali hija meħtieġa wkoll fi kwistjonijiet nukleari, fejn il-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Euratom u r-Russja fil-qasam tal-enerġija nukleari bħalissa qiegħed jitħejja. Fir-reġjun Baltiku, fejn jeħtieġ li n-netwerks tal-Istati Baltiċi jiġu sinkronizzati mas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni, l-UE għandha taħdem lejn il-konklużjoni ta’ ftehim tekniku bejn l-UE, ir-Russja u l-Belarus rigward ir-regoli għall-ġestjoni tan-netwerks tal-elettriku fir-reġjun.

Id-Djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar l-Enerġija jsejjaħ għal iktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Id-Djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar l-Enerġija ġie imsaħħaħ riċentement bl-iffirmar ta' Mekkaniżmu mtejjeb ta' Twissija Bikrija (li għandu jkompli jtejjeb il-koordinazzjoni fil-każ ta’ emerġenzi tal-provvista jew tad-domanda), bit-twaqqif ta’ Kunsill Konsultattiv tal-Gass tal-UE u r-Russja, u b'diskussjonijiet intensivi dwar żviluppi infrastrutturali tal-ġejjieni, inkluż il-qafas regolatorju.

Imsejjes fuq dawn l-isforzi, Pjan Direzzjonali konġunt bejn l-UE u r-Russja għall-Enerġija għandu jidentifika l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni fit-tul. Dawn l-attivitajiet se jappoġġaw ir-riformi tas-swieq, u se jgħinu biex itejbu l-klima tal-investiment għall-kumpaniji tal-enerġija tal-UE fil-Federazzjoni Russja. Għandhom jippermettu koordinazzjoni aħjar fid-diskussjonijiet dwar proġetti infrastrutturali kbar, bl-involviment ta’ ħafna Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi. Id-djalogu dwar is-sikurezza nukleari għandu jiġi intensifikat, u bi qbil mas-Sħubija tal-UE u r-Russja għall-Modernizzazzjoni[19], għandha titwessa' l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, fuq l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija, u f'teknoloġiji oħra ta' enerġija sostenibbli.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: L-intensifikazzjoni prijoritarja tan-negozjati dwar dawk l-aspetti tal-Ftehim il-Ġdid li jolqtu l-enerġija L-intensifikazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Sħubija bejn l-UE u r-Russja għall-Modernizzazzjoni, bi proġetti konġunti konkreti dwar teknoloġiji effiċjenti tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni L-impenn, mar-Russja, lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija EU 2050 Il-konklużjoni ta’ ftehim tekniku bejn l-UE, ir-Russja u l-Belarus dwar ir-regoli tekniċi għall-ġestjoni tan-netwerk tal-elettriku fir-reġjun Baltiku |

IT-TISħIħ TAS-SħUBIJIET GħALL-ENERġIJA BI PROVVISTA żGURATA, SIKURA, SOSTENIBBLI U KOMPETITTIVA

- Bħala konsumatriċi u importatriċi ewlenija tal-enerġija u fornitriċi ewlenija tat-teknoloġija, l-UE għandha interess fl-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-imsieħba tagħha madwar id-dinja. Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tibni sħubijiet stabbli u fit-tul mal-fornituri ewlenin u potenzjali tagħha, kif ukoll mal-pajjiżi konsumaturi, inklużi l-ekonomiji emerġenti.

L-UE għandha xi wħud mill-ogħla standards fid-dinja ta’ trasparenza u regolamentazzjoni tas-suq, kif ukoll standards għoljin ta' sikurezza nukleari, taż-żejt u tal-gass. Permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, l-UE tista' tgħin lil pajjiżi oħra jtellgħu l-istandards tagħhom.

Sħubijiet mal-fornituri tal-enerġija

Is-sħubijiet tal-UE mal-fornituri ewlenin tal-enerġija tagħha għandhom ikunu ta’ ġid reċiproku, u jirriflettu l-interdipendenza. Għandhom jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-kooperazzjoni regolatorja, is-sigurtà u s-sikurezza tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-effiċjenza tal-konsum tal-enerġija, l-aċċess għas-suq u l-protezzjoni tal-investiment, permezz ta’ strumenti u ftehimiet xierqa ta’ kooperazzjoni. L-ambitu tas-sħubijiet għandu jitwessa' biex jinkludi wkoll l-użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, u l-valutazzjoni konġunta tal-prospettivi tal-provvista u d-domanda tal-enerġija fit-tul.

Minbarra r-Russja, approċċ komprensiv jista' jiġi rifless aħjar fil-kooperazzjoni eżistenti ma' fornituri ewlenin oħra tal-idrokarburi[20]:

- Id-Djalogu dwar l-Enerġija li ilu għaddej bejn l-UE u n-Norveġja fuq il-livell ministerjali jimmira diġà lejn il-koordinazzjoni tal-politiki tal-enerġija f'sens wiesa'. In-Norveġja, marbuta mal-UE permezz taż-Żona Ekonomika Ewropea, hija msieħba essenzjali għall-Unjoni f'firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika tal-enerġija inġenerali u tas-sigurtà tal-provvista. Din is-sħubija għandha l-potenzjal li tittejjeb u titwessa'.

- Bl-istess mod, huwa fl-interess tal-Unjoni li twessa' u ttella' l-profil tal-kooperazzjoni tagħha fil-qasam tal-enerġja mal-Alġerija. Iż-żewġ naħat beħsiebhom ilestu ħidmithom, mingħajr dewmien, fuq Memorandum ta’ Fehim dwar l-enerġija, bil-potenzjal li jixpruna l-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-enerġija lil hinn mill-aspetti tradizzjonali tal-kummerċ fil-gass u fiż-żejt, speċifikament lejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-kummerċ tal-enerġija rinnovabbli.

- B'mod simili, is-sħubija tal-UE mal-Għarabja Sawdija fil-qasam tal-enerġija toffri potenzjal promettenti għat-twessigħ tal-ambitu tal-kooperazzjoni bilaterali lil hinn mis-settur taż-żejt.

- Wara t-tiġrif tar-reġim ta’ Gaddafi, l-UE tinsab lesta li toffri lil-Libja sħubija komprensiva fil-qasam tal-enerġija bħal mal-pajjiżi l-oħra tal-Afrika ta’ Fuq. Il-kooperazzjoni futura bejn l-UE u l-Libja fil-qasam tal-enerġija tkun tħaddan firxa wiesgħa ta’ aspetti, li jinkludu wkoll l-enerġija rinnovabbli u l-ġestjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-enerġija, u tfittex li tħaffef l-integrazzjoni sħiħa tal-Libja fl-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjunali u ta’ bejn l-UE u l-Mediterran. Barra minn hekk, l-UE ser tappoġġja l-isforzi tal-impriżi Ewropej biex jgħinu jirkupraw il-potenzjal tal-Libja għall-esportazzjoni tal-provvisti taż-żejt u tal-gass.

L-UE għandha kooperazzjoni stabbilita sew mal-OPEC u mal-biċċa l-kbira mill-membri tagħha. Minbarra dawn il-fornituri tradizzjonali, ir-reġjuni tal-Kaspju, l-Ażja Ċentrali u l-Golf għandhom potenzjal sinifikanti għad-diversifikazzjoni tal-politika tal-UE, u l-istess jgħodd għar-reġjun tal-Artiku, kif ukoll pajjiżi bħall-Iraq, il-Brażil, il-Veneżwela, il-Kanada, in-Niġerja u produtturi Afrikani oħrajn.

Fil-qofol ta’ dawn l-isforzi għandu jkun hemm ukoll il-governanza tajba tal-enerġija, inklużi l-prinċipji tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi[21]; it-tneħħija gradwali tas-sussidji ineffiċjenti tal-fjuwils fossili li jinkoraġġixu l-konsum ta’ ħala; u prattiki ta’ produzzjoni sostenibbli, bħat-tnaqqis tal-ivvampjar tal-gass.

Il-kontribut sinifikanti tal-gass naturali likwifikat (LNG) lejn il-provvista tal-enerġija tal-UE, u l-impatt fundamentali tiegħu fuq is-suq dinji tal-gass, jitolbu kooperazzjoni mal-fornituri ewlenin, bħall-Qatar, l-Awstralja, u t-Trinidad u t-Tobago, kif ukoll mal-konsumaturi ewlenin attwali u tal-ġejjieni, bħall-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja, bil-għan li s-suq dinji jsir iktar trasparenti u flessibbli.

L-għanijiet tal-UE għall-konsum baxx tal-karbonju jsejħu għal tip ġdid ta’ sħubija b'potenzjal għall-provvisti tal-enerġija rinnovabbli. Is-sħubijiet ma' pajjiżi li jipproduċu u jikkonsmaw il-bijofjuwils, bħall-Brażil, l-Istati Uniti u produtturi oħra fl-Afrika u fl-Ażja, għandhom jimmiraw li jippromwovu rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi. Is-sħubijiet għandhom jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tfannid tad-djalogi eżistenti ma' fornituri ewlenin tal-enerġija, u l-istabbiliment ta' djalogi ġodda ma' produtturi emerġenti tal-enerġija, biex jinkludu pereżempju l-enerġija rinnovabbli u l-LNG Aktar enfasi, fid-djalogi kollha, fuq il-governanza tajba tal-enerġija u l-investiment, l-enerġija sostenibbli, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija |

Is-sħubijiet ma' ekonomiji industrijalizzati u li jikbru b'ritmu mgħaġġel

- Id-djalogu tal-UE ma' konsumaturi oħra kbar tal-enerġija –pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji emerġenti– għandu jiffoka fuq il-ħolqien ta’ swieq globali tal-enerġija trasparenti u prevedibbli, fuq it-trawwim tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u fuq it-tkattir tal-isforzi għar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika. L-istandards internazzjonali, it-tikkettar tal-prodotti (eż. l-inizjattiva EU Energy Star[22]) u ċ-ċertifikazzjoni huma kwistjonijiet speċjalment relevanti għall-ħidma konġunta, fid-dawl tal-importanza tagħhom għall-ixprunar tal-kummerċjalizzazzjoni u l-aċċess għas-suq, l-implimentazzjoni u l-aċċess għat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Id-djalogi kostruttuvi diġà għaddejjin maċ-Ċina, mar-Russja u mal-Istati Uniti joffru eżempji tajbin ta’ tali kooperazzjoni mal-pajjiżi konsumaturi.

Proġetti internazzjonali fuq skala kbira, bħall-ITER, huma mezz kif jista’ jinkiseb impatt qawwi fil-kooperazzjoni teknoloġika. Fid-dawl tal-iskala u tal-ambitu tal-Inizjattivi Industrijali Ewropew tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija[23], ikun hemm lok għall-opportunitajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-attivitajiet tal-UE, pereżempju n-Netwerk tal-Proġett ta’ Dimostrazzjoni Ewropew tal-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju, għandhom jorbtu ma' inizjattivi dinjija relevanti għall-iskambju tal-aqwa prassi u għat-tħeġġiġ tal-implimentazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji. Biex tinżamm stabbli l-pożizzjoni tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, il-kooperazzjoni teknoloġika mal-imsieħba tagħna għandha tkun reċiproka, b'mod speċifiku fejn jidħol l-aċċess għall-programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll fejn jidħlu t-trattament ekwu u l-ħarsien tal-jeddijiet tal-proprjetà intellettwali.

Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi konsumaturi għandha twieġeb ukoll għall-isfidi li qegħdin jixirfu. Pereżempju, il-ħżin tal-enerġija u l-elettriku rinnovabbli u applikazzjonijiet avvanzati oħra għall-enerġija jeħtieġu firxa wiesgħa ħafna ta' materja prima, inklużi minerali skarsi tal-art li l-forniment tagħhom bħalissa jinsab fi stadju kritiku. Minbarra l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-aċċess għal din il-materja prima, teħtieġ riċerka għall-iżvilupp ta' sostituti għall-użu ta’ materja prima, jew inkella t-tnaqqis tal-użu ta’ materja prima li ġġib magħha inċertezzi ġodda f'dak li jirrigwarda s-sigurtà tal-provvista, it-tossiċità jew l-impatt fuq l-ambjent. Azzjoni koordinata mill-UE ma' pajjiżi bl-aktar teknoloġija avvanzata, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġappun, għandha ġġib dawn l-isforzi 'l quddiem.

Fost il-pajjiżi industrijalizzati, id-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti, u b'mod speċifiku l-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti mwaqqaf fl-2009, huwa ta’ importanza kbira għall-politika tal-enerġija tal-UE. Imsejjes fuq l-esperjenza mgħoddija, dan id-djalogu għandu jiffoka dejjem aktar fuq il-promozzjoni ta’ swieq dinjija tal-enerġija stabbli, affidabbli u trasparenti, fuq il-koordinazzjoni ta’ reġimi regolatorji u ta’ programmi ta’ riċerka biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija nodfa u effiċjenti, u fuq l-iżvilupp ta’ standards komuni. Biex igawdu bis-sħiħ minn din il-kooperazzjoni, iż-żewġ naħat jeħtiġilhom jużaw u jkomplu jkattru l-kooperazzjoni fl-oqfsa eżistenti, fosthom il-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku (TEC) fuq l-avvanzar tal-mobbiltà-e, u l-isforzi tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti lejn il-promozzjoni ta’ grilji u ħżin tal-enerġija intelliġenti, fost oqsma oħra.

Ir-rwol sinifikanti ta’ pajjiżi fl-Ażja, bħall-Ġappun, jeħtieġ li jiġi rifless kif xieraq fl-isforzi esterni tal-UE. L-UE u l-Ġappun għandhom jagħtu nifs ġdid lill-attivitajiet konġunti tagħhom għall-ksib tal-għanijiet fis-sigurtà, is-sostenibbiltà u s-sikurezza tal-enerġija. Ir-riċerka u l-innovazzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija, id-definizzjoni ta’ standards internazzjonali, il-grilji intelliġenti u s-sikurezza nukleari, għandhom ikunu fil-qofol tal-isforzi tal-UE mal-Ġappun.

Iċ-Ċina diġà hija l-ikbar konsumatur tal-enerġija fid-dinja. B'iktar minn nofs it-tkabbir fid-domanda globali għall-enerġija tul il-25 sena li ġejjin mistenni jiġi miċ-Ċina u mill-Indja[24], il-bilanċ fis-swieq tal-enerġija qiegħed jinbidel malajr. Dan isejjaħ għal risposta qawwija mill-UE biex tindirizza l-isfidi li tali tibdil iġib miegħu.

Tul l-aħħar ftit snin, inbena djalogu b'suċċess bejn l-UE u ċ-Ċina. Kemm l-Ewropa kif ukoll iċ-Ċina għandhom interess qawwi filli jtejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-enerġija fiċ-Ċina, kif ukoll li jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għall-impriżi tal-UE. Il-kwistjonijiet għall-kooperazzjoni ġejjiena jinkludu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, il-faħam nadif, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-grilji intelliġenti, ir-riċerka fil-fużjoni u s-sikurezza nukleari, b'qies għall-urbanizzazzjoni mgħaġġla li għaddejja minnha ċ-Ċina.

Id-domanda għall-enerġija fil-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti qiegħda tikber b'rata liema bħalha u li ħadd ma seta' basar. Ma' pajjiżi bħall-Indja u l-Brażil, l-UE għandha tiżviluppa attivitajiet ta’ interess komuni, pereżempju fuq il-politika tal-enerġija u kwistjonijiet regolatorji, l-istipular ta’ standards u r-riċerka u innovazzjoni teknoloġika, inkluż fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, il-bijofjuwils sostenibbli, il-faħam nadif, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-grilji intelliġenti u l-fużjoni.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Stedina lill-Istati Uniti, il-Ġappun u pajjiżi industrijalizzati oħra msieħba, sabiex jaqsmu l-isforzi tagħhom ma' dawk tal-UE bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp ta’ politiki ambizzjużi dwar it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluża l-kooperazzjoni regolatorja, proġetti konġunti ta’ R&Ż, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, u l-ħidma konġunta fuq materjali b'rendiment aħjar u fuq standards għat-teknoloġiji kritiċi u emerġenti, kif diġà qed jitfittex mal-Istati Uniti taħt l-awspiċju tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti It-tfassil ta’ pjanijiet direzzjonali fit-tul għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju flimkien ma' msieħba ewlenin, bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, sabiex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni teknoloġika, industrijali u ta’ riċerka Il-proposta ta’ inizjattiva trilaterali mal-Ġappun u l-Istati Uniti dwar ir-riċerka fuq materjali kritiċi għall-applikazzjonijiet tal-enerġija, b'mod partikulari f'żoni ta’ sfidi teknoloġiċi ewlenin, bħas-sostituzzjoni ta’ minerali skarsi tal-art L-għoti ta' iktar importanza lill-prinċipju ta’ reċiproċità fil-kooperazzjoni marbuta max-xjenza u teknoloġija tal-enerġija, kif previst fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[25]; it-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-laboratorji nazzjonali tal-enerġija tal-Istati Uniti u l-laboratorji tal-UE, inkluż iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni It-tħejjija ta’ approċċi konġunti bejn l-UE u l-Istati Membri lejn iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t'Isfel, imfasslin biex jippromwovu l-politiki u t-teknoloġiji fl-oqsma tal-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u l-ġestjoni tad-domanda, u l-aġġornament tad-djalogi bilaterali li għaddejjin sabiex iħaddnu rotot sostenibbli ta’ modernizzazzjoni u aspetti tas-sigurtà tal-enerġija |

Qafas stabbli u prevedibbli għall-kummerċ u l-investiment

- L-UE għandha tkompli ddaħħal prinċipji kruċjali għall-kummerċ u l-investiment, bħan-non-diskriminazzjoni u l-aċċess għas-suq, u żżid l-infurzar tagħhom permezz ta' proċeduri effettivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, kemm fi ftehimiet bilaterali kif ukoll f'oqfsa legali multilaterali. Dawn ir-regoli għandhom jiġu nnegozjati biex jaqblu mar-relazzjonijiet u l-interessi speċifiċi tal-pajjiżi individwali jew ta’ gruppi ta’ pajjiżi fil-qasam tal-enerġija.

Dawn il-prinċipji jridu jiġi kkomplementati b'regoli li jikkonċernaw l-aċċess reċiproku u ekwivalenti għar-riżorsi u n-netwerks tal-enerġija f'dawn il-pajjiżi, kif ukoll il-protezzjoni tal-investiment, il-konverġenza regolatorja fil-politiki tal-ipprezzar, kriterji ta' sostenibbiltà, u mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-kriżi.

Qed isiru sforzi importanti biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment tal-UE, inkluż it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u fil-qafas tad-WTO. Jeħtieġ urġentement li titkattar il-ħidma fuq kuntest legali komprensiv u koerenti għar-relazzjonijiet tal-UE ma' fornituri ewlenin u pajjiżi ta’ tranżitu. Dan huwa essenzjali għat-tkomplija tal-konverġenza regolatorja mal-ġirien tal-UE.

Fil-qafas tal-proċess tal-Karta tal-Enerġija, il-ħidma għandha tiffoka mill-ġdid fuq l-oqsma fil-qofol tal-mandat tagħha: il-kummerċ, it-tranżitu u l-protezzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, biex jibqa' relevanti, it-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija għandu jfittex li jitwessa' biex jilqa' wkoll pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Imbiegħed. L-UE tqis li jkun ta’ ġid reċiproku li r-Russja tiżvolġi rwol sħiħ f'dan il-qafas multilaterali.

B'mod parallel, l-UE jeħtiġilha trawwem kundizzjonijiet indaqs għall-investiment fl-enerġija sostenibbli, billi tindirizza l-għadd dejjem jikber ta’ ostakoli għall-kummerċ u l-investiment f'dan is-settur, bl-għodda mill-Istrateġija tal-UE għall-Aċċess għas-Swieq[26]. It-tnaqqis u t-tneħħija ta’ tali ostakoli huma importanti wkoll għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà finanzjarja għat-teknoloġiji u jitħeġġeġ l-investiment fit-tul, bil-protezzjoni xierqa tal-investituri u rikumpensi għall-innovazzjoni, bil-għan li t-trasferenza u l-implimentazzjoni tat-teknoloġija jsiru realtà. L-UE għandha tintrabat attivament ukoll li tistipula standards globali għall-kummerċ u l-investiment sostenibbli fl-enerġija l-'ħadra'.

Teħtieġ koerenza aħjar bejn il-politika tal-enerġija tal-UE u bejn il-politika industrijali fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tissielet biex tippromovi u tifformalizza b'mod sistematiku l-involviment tal-industrija tal-UE fid-djalogi tagħha mal-imsieħba strateġiċi fil-qasam tal-enerġija.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: Appoġġ lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija sabiex terġa' tiffoka ħidmitha fuq il-qofol tal-mandat tagħha (il-kummerċ, it-tranżitu u l-investiment), kif ukoll sabiex twessa' l-firxa ġeografika tagħha Sejħa għal sehem sistematiku tal-industrija fid-djalogu tal-UE mal-pajjiżi msiebħa strateġiċi fil-qasam tal-enerġija, inkluż bit-twaqqif ta’ fora kummerċjali ddedikati |

It-trawwim tal-ogħla standards tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-ambjent

- Fl-istrateġiji esterni, għandhom jiġu riflessi livelli għoljin ta’ sigurtà u sikurezza nukleari fl-UE, b'mod l-iktar urġenti għall-impjanti tal-enerġija nukleari li jinsabu, jew li huma ppjanati, fil-viċinat tal-UE. Għandhom jitqiesu wkoll miżuri li jiżguraw li tali impjanti tal-enerġija nukleari jilħqu l-ogħla livell tas-sikurezza nukleari, verifikabbli b'inizjattivi konġunti ta’ valutazzjonijiet tas-sikurezza u tar-riskji.

Il-ftehimiet bilaterali tal-Euratom mal-biċċa l-kbira mill-fornituri ewlenin tal-materjali nukleari tal-UE jippermettu l-ġarr tal-materjali u t-trasferimenti tat-teknoloġija taħt salvagwardji internazzjonali. Din il-ħidma għandha titfannad bir-reviżjoni tal-ftehimiet mal-Kanada u mal-Awstralja, b'negozjati dwar il-ftehim mal-Afrika t'Isfel u l-Federazzjoni Russa, u bil-varar tan-negozjati maċ-Ċina. Kull ftehim nukleari ġdid għandu jfittex li jkun konformi mal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza u tas-sigurtà.

L-UE għandha tkattar l-isforzi tagħha fl-oqfsa multilaterali, inkluż fil-qafas tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), sabix tiżgura li l-ogħla standards tas-sikurezza nukleari jsiru legalment vinkolati mad-dinja kollha. It-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari huwa pass essenzjali f'dan ir-rigward.

F'dak li jirrigwarda l-proġetti tal-enerġija ta’ pajjiżi terzi li jolqtu l-UE, l-UE tistenna li l-pajjiżi terzi jikkonformaw mal-ogħla standards internazzjonali tas-sikurezza nukleari u tal-ħarsien tal-ambjent, partikolarment, b'valutazzjonijiet konsistenti u trasparenti tal-impatti transkonfinali fuq l-ambjent.

B'mod simili, l-UE hija impenjata li ssir iż-żona tal-aqwa prassi fis-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u tal-gass 'il barra mix-xtut. Il-Kummissjoni qiegħda tħejji proposti konkreti biex tappoġġja dan l-impenn kemm fi ħdan l-UE kif ukoll internazzjonalment. L-għan huwa li jittellgħu l-istandards internazzjonali tas-sikurezza, speċifikament fi ħdan il-G-20, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-OPEC u l-Forum Internazzjonali tar-Regolaturi.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-twessigħ tal-valutazzjoni tas-sikurezza nukleari lejn il-ġirien tal-UE, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-sikurezza nukleari sabiex titrawwem il-konverġenza fl-oqfsa regolatorji u l-istandards Ir-reviżjoni tal-użu tal-ftehimiet tal-Euratom u t-twessigħ tal-ambitu tagħhom, kif ikun relevanti, biex ikopru wkoll kwistjonijiet marbutin mal-provvista tal-fjuwil nukleari, l-iskart nukleari, l-istandards tas-sikurezza, ir-riċerka nukleari, u l-għajnuna finanzjarja għall-kooperazzjoni teknika It-tħeġġiġ, fid-diskuzzjonijiet multilaterali, ta’ standards internazzjonali tas-sikurezza nukleari li jkunu legalment vinkolanti, inkluż fil-qafas tal-IAEA L-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ fora ta’ kooperazzjoni reġjunali għar-regolatorji tal-attivitajiet 'il barra mix-xtut, abbażi tal-esperjenza mill-Forum ta’ Regolaturi Offshore tal-Baħar tat-Tramuntana Il-ħolqien ta’ forum mal-imsieħba interessati fil-Mediterran, għat-trawwim attiv tal-ogħla standards tas-sikurezza għall-attivitajiet taż-żejt u tal-gass 'il barra mix-xtut tal-reġjun L-indirizzar tas-sikurezza tal-attivitajiet 'il barra mix-xtut ma' produtturi tal-idrokarburi fil-kuntest tal-OPEC |

IT-TITJIB TAL-AċċESS GħALL-ENERġIJA SOSTENIBBLI GħALL-PAJJIżI LI QEGħDIN JIżVILUPPAW

- Iż-żieda fil-popolazzjoni u fid-domanda tal-enerġija, l-iktar fil-pajjiżi b'ekonomiji emerġenti, qiegħda tikkontribwixxi għal prezzijiet instabbli tal-enerġija, tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija, u emissjonijiet dejjem ikbar tal-gassijiet serra. Politiki għall-enerġija sostenibbli, żieda fl-użu tat-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u ta’ użu effiċjenti tal-enerġija, u qafas iktar sostenibbli, trasparenti u non-diskriminatorju għall-investiment, inkluż għall-enerġija rinnovabbli, se jikkontribwixxu lkoll għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija, aktar sigurtà tal-provvista, u tnaqqis tat-tensjonijiet fis-swieq dinjija tal-enerġija.

Illum, 1.4 biljun ruħ mad-dinja kollha, l-iktar fl-Afrika Subsaħarjana u fin-Nofsinhar tal-Ażja, għadhom mingħajr aċċess għall-elettriku, u 2.7 biljun ruħ għadhom jiddependu mill-użi tradizzjonali tal-bijomassa għat-tisjir. Ir-rata baxxa ta’ aċċess għal servizzi tal-elettriku li wieħed jista' joqgħod fuqhom hija intopp ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li l-użu mifrux tal-fjuwil tal-injam fl-ifran tradizzjonali, u l-użu insostenibbli tal-faħam, jikkaġunaw problemi serji tas-saħħa u jwasslu għall-qerda tal-foresti.

L-enerġija għandi rwol kruċjali fit-triq lejn il-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, u hija mutur ewlieni fil-qerda tal-faqar u fit-tkabbir inklussiv. Madankollu, l-aċċess għas-servizzi moderni tal-enerġija jibqa' waħda mill-isfidi l-kbar tal-iżvilupp sostenibbli, u għaldaqstant jinsab fil-qalba tal-politiki ta’ żvilupp tal-Kummissjoni[27].

Il-pajjiżi l-inqas żviluppati u bi dħul baxx jikkontribwixxu biss frazzjoni żgħira tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fid-dinja. L-Afrika, pereżempju, bi 15 % tal-popolazzjoni dinjija, tirrappreżenta inqas minn 4 % tal-emissjonijiet dinjija tas-CO2. Użu iktar mifrux ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija, u aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'dawn il-pajjiżi, għandhom jikkontribwixxu biex iżidu s-sostenibbiltà tal-ekonomiji tagħhom, mingħajr ma jitqiegħdu limiti għall-ambizzjonijiet ekonomiċi tal-ifqar ċittadini tad-dinja. Revoluzzjoni ta’ enerġija ħadra fl-Afrika tkun tista' tipprovdi impjiegi lokali u possibbiltajiet ġodda ta' dħul.

Il-varjazzjoni fil-prezzijiet taż-żejt tħalli impatt sostanzjali fuq l-ekonomiji li qed jiżviluppaw. L-elettriku rinnovabbli, il-ġestjoni tad-domanda tal-enerġija, iktar trasparenza tas-suq u iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jistgħu jtaffu l-impatt ta’ xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt fil-ġejjieni. Bit-trawwim tal-integrazzjoni reġjunali u l-kummerċ tal-elettriku, kif ukoll bl-ipprezzar ġust u effiċjenti, l-UE tista' tgħin biex ittejjeb l-affidabbiltà u l-aċċessibbiltà finanzjarja tal-provvisti tal-enerġija, u tista' tikkontribwixxi lejn tkabbir inklussiv u sostenibbli.

Fl-Afrika, l-isforzi tal-UE għandhom ikunu mixħuta bis-sħiħ lejn il-ksib tal-miri tas-Sħubija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika dwar l-Enerġija, jiġifieri l-aċċess għal servizzi moderni tal-enerġija, l-interkonnessjonijiet reġjunali, u l-enerġija rinnovabbli. L-Inizjattiva tal-Enerġija tal-UE[28] se tkompli titwessa' u tiġi adattata biex tqis l-isfidi dinjija, bħat-tibdil fil-klima.

Il- Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-iżvilupp tal-UE[29] tisħaq fuq kemm l-enerġija sostenibbli hija mutur ewlieni tal-iżvilupp. L-UE tinsab f'qagħda unika biex tipprovdi għajnuna fil-qasam tal-enerġija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Għandhom isiru iktar sforzi biex l-enerġija tiddaħħal bis-sħiħ fl-attivitajiet marbutin mal-iżvilupp, filwaqt li jitħeġġew fil-pajjiżi kkonċernati politiki komprensivi tal-enerġija, miżuri ta' riforma, kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment, l-iżvilupp ta' infrastrutturi u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-tkattir tal-isforzi lejn il-ksib tal-miri tal-enerġija UE-Afrika 2020, jiġifieri l-provvista affidabbli u sikura tal-enerġija, u aktar aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli, kif miftiehem bejn l-UE u ministri mill-Afrika fi Vjenna f'Settembru 2010 It-tqabbid ta’ azzjoni fuq il-livell reġjunali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikularment fl-Afrika, sabiex isiru riformi tal-oqfsa legali u regolatorji, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet imsejsa fuq is-suq li jiġbdu l-investimenti tas-settur privat u jsaħħu l-kummerċ reġjunali fl-enerġija Il-mobbilizzazzjoni ta’ riżorsi mill-assistenza tal-UE għall-iżvilupp, sabiex jiġu xprunati proġetti ta’ investiment kemm fuq skala żgħira –jiżdied l-aċċess għas-servizzi tal-enerġija fiż-żoni rurali–, kif ukoll fuq skala kbira –jissaħħu il-kompetittività fl-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, permezz ta’ interkonnessjonijiet u proġetti kbar ta’ ġenerazzjoni– L-integrazzjoni tal-enerġija fl-istrumenti kollha ta’ politika tal-iżvilupp tal-UE, u d-disinn ta’ skemi ta’ għajnuna u strumenti finanzjarji skont il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur, billi tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-ħiliet u lit-trasferiment tat-teknoloġija (inkluż permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni), tiġi xprunata l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jitrawmu l-inizjattivi privati, u jitkattar kemm jista' jkun il-valur miżjud lokali L-iffaċilitar tal-aċċess tal-pajjiżi l-inqas żviluppati għall-finanzjament marbut mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, speċifikament billi jsir kontribut fil-qafas tan-negozjati tal-UNFCCC lejn id-definizzjoni ta' Mekkaniżmu ġdid għall-Iżvilupp Nadif, li jkun iktar adattat għall-ħtiġijiet ta' aċċess għall-enerġija u ta' żvilupp sostenibbli |

IL-PROMOZZJONI AħJAR TAL-POLITIKI TAL-UE LIL HINN MILL-FRUNTIERI TAGħHA

- L-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-prijoritajiet ippreżentati hawn fuq issejjaħ għal iktar passi biex tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjoni tal-UE u biex jitgħaqqdu l-isforzi, inklużi dawk finanzjarji, favur l-interessi u l-prijoritajiet maqsumin mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, teħtieġ sistema ġdida ta’ sħubijiet fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi msieħba ewlenin tal-UE.

Approċċ strateġiku lejn is-sħubijiet fil-qasam tal-enerġija

Sistema komprensiva ta’ sħubijiet tal-UE fil-qasam tal-enerġija tirrikjedi d-differenzjazzjoni u l-flessibbiltà fl-ambitu tagħha, kif ukoll strumenti adattati għal kull pajjiż jew organizzazzjoni.

It-tabella t'hawn taħt turi kif l-ambitu tal-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tal-enerġija jeħtieġ jiġi adattat u differenzjat skont it-tipi differenti ta’ relazzjonijiet li għandna mal-imsieħba tagħna (relazzjoni ta’ integrazzjoni tas-suq, relazzjoni konsumatur/fornitur, relazzjoni konsumatur/konsumatur), u liema strumenti legali u politiċi għandhom jintużaw. Ta’ min wieħed jiftakar li bosta pajjiżi jistgħu jaqgħu f'iktar minn kategorija waħda, u li n-natura tar-relazzjoni tista' tevolvi maż-żmien.

Mal-ġirien tagħna / sħab fl-integrazzjoni tas-suq | Mal-fornituri ewlenin tal-enerġija tagħna u l-pajjiżi tat-tranżitu | Mal-operaturi dinjija ewlenin fil-qasam tal-enerġija | Mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw |

Ambitu | Il-kwistjonijiet kollha koperti mill-politika tal-enerġija tal-UE | Firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni, bħas-sigurtà tal-provvista u d-domanda, il-kooperazzjoni industrijali, kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment | Fokus fuq kwistjonijiet prijoritarji, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-istandards | Strateġiji għall-iżvilupp ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-aċċess għall-enerġija, oqfsa politiċi u regolatorji, il-promozzjoni tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli |

Strumenti | It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija | Djalogi strateġiċi dwar l-enerġija | Kooperazzjoni ad hoc dwar l-enerġija | Kooperazzjoni ad hoc dwar l-enerġija |

Strumenti taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, strumenti ta' risposta għall-kriżijiet, u/jew ftehimiet speċifiċi ta' sħubija u kooperazzjoni li jkopru l-enerġija, fost l-oħrajn It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija | Strumenti applikabbli oħra | Strumenti taħt il-politika tal-iżvilupp tal-UE, u fejn relevanti, strumenti ta’ risposta għall-kriżijiet |

Ftehimiet kummerċjali |

L-UE se timpenja ruħha, skont il-bżonn, fi djalogu ma' kull wieħed mill-imsieħba ewlenin tagħna, biex tiddiskuti aspettattivi u interessi reċiproċi fi sħubijiet fil-qasam tal-enerġija.

It-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri

Approċċ iktar koerenti bejn l-UE u l-Istati Membri diġà qiegħed iġib il-benefiċċji tiegħu fl-organizzazzjonijiet multilaterali tal-enerġija. Madankollu, dan jista' jkompli jissaħħaħ b'koordinazzjoni mtejba bejn l-istrateġiji esterni tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tal-Enerġija, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ta’ servizzi relevanti tal-UE, bl-appoġġ ta' reviżjonijiet konġunti regolari tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, fuq bażi nazzjonali jew reġjunali.

Fi ħdan il-fora internazzjonali ewlenin, bħala regola, l-UE u l-Istati Membri għandhom jesprimu ruħhom b'leħen wieħed. F'każijiet bħal dawn, il-prinċipji tal-kooperazzjoni sinċiera, inkluż id-dmir li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentazzjoni barranija tal-Unjoni, għandhom japplikaw bis-sħiħ. Dan huwa speċifikament relevanti fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), kif ukoll tal-Forum Internazzjonali tal-Enerġija (IEF), is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (IPEEC), u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA).

Hekk kif il-G-8 u l-G-20 joħorġu bi prijoritajiet iktar espliċiti fil-politika tal-enerġija tagħhom, huwa importanti li l-UE ssemma' leħinha fuq aspetti strateġiċi bħas-sikurezza tat-tħaffir 'il barra mix-xtut, is-sikurezza nukleari, l-instabbiltà tal-prezzijiet taż-żejt, il-governanza tas-suq, u s-sussidji għall-fjuwils fossili.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: It-twaqqif ta’ Grupp Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-qasam tal-Enerġija Il-promozzjoni ta’ azzjoni konkreta dwar is-sikurezza tat-tħaffir 'il barra mix-xtut, is-sikurezza nukleari u strateġiji ta’ żvilupp ta’ enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, fuq l-aġenda tal-G-8 u tal-G-20; u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jindirizzaw l-instabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija L-isfruttament ta’ iktar sinerġiji mal-ħidma tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija fuq it-tbassir marbut mal-enerġija, l-analiżi tas-suq u l-kollaborazzjoni teknoloġika L-iżgurar tas-sehem attiv u r-rwol minn ta’ quddiem tal-UE fid-dibattitu globali dwar il-governanza tal-enerġija, permezz tal-preżenza regolari tagħha f'inizjattivi u oqfsa internazzjonali relevanti |

L-ottimizzar tal-għajnuna esterna tal-UE fis-settur tal-enerġija

- L-enerġija hija element ewlieni tal-programmi ta’ għajnuna esterna tal-UE. Id-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE għal wara l-2013 jipprovdu opportunità biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet marbutin mal-enerġija jkunu prezenti fl-istrumenti kollha tar-relazzjonijiet barranin tal-UE, kemm tematiċi kif ukoll ġeografiċi, bi qbil mal-prijoritajiet stipulati f'din il-Komunikazzjoni.

Biex jiġu evitati sforzi doppji, l-UE għandha tkompli tikkoordina l-appoġġ tagħha ma' dak tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), banek Ewropej oħrajn ta’ żvilupp, u l-Bank Dinji. L-UE se tissielet biex tkattar is-sinerġiji bejn id-diversi kontributi Ewropej, kif kien il-każ fil-finanzjament tax-Xelter ta’ Chernobyl. Fejn xieraq, il-Kummissjoni se taħdem id f'id mal-banek Ewropej tal-iżvilupp biex tiżgura li l-istrumenti finanzjarji tagħhom ikunu iktar konsistenti mal-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE fil-pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra, kif ikun xieraq, il-ħolqien ta’ bażi tad-dejta ta’ proġetti tal-enerġija fil-pajjiżi msieħba, iffinanzjati mill-UE, mill-Istati Membri, mill-BEI, mill-EBRD u oħrajn.

Azzjonijiet ta’ segwitu ewlenin: L-integrazzjoni ta’ "is-sigurtà, l-aċċess u s-sostenibbiltà tal-enerġija" fl-oqfsa finanzjarji esterni tal-UE għal wara l-2013 Il-promozzjoni tal-allinjament tal-istrumenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji tla-UE mal-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE fil-qasam tal-enerġija, bil-għan li jittejbu l-viżibbiltà u l-impatt tal-intervenzjoni tal-UE fil-pajjiżi terzi Il-ħolqien ta’ għodda għall-qsim tat-tagħrif, iddisinjata biex tiġbor u turi d-dejta relevanti dwar il-programmi u l-proġetti tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi |

KONKLUżJONI

- Il-politika tal-enerġija tal-UE tissejjes fuq it-tliet għanijiet li ġejjin: is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà. Id-dimensjoni esterna tiżvolġi rwol kruċjali għat-tlieta li huma. Politika barranija fil-qasam tal-enerġija li tkun konsistenti u koordinata sew hija essenzjali għall-ikkompletar tas-suq intern, kif ukoll għall-ksib ta’ miri ewlenin ta’ politika, inkluż fil-kooperazzjoni internazzjonali. Politika barranija fil-qasam tal-enerġija li tkun koerenti, dinamika u proattiva hija essenzjali biex l-UE u l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu pożizzjoni minn ta’ quddiem fil-ġeopolitika tal-enerġija. B'dan il-mod ikunu jistgħu jippromwovu l-interessi tagħhom (fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali) fir-rigward tal-enerġija lil hinn mill-fruntieri tal-UE, u jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Is-suq intern tal-enerġija tal-UE, qafas legali sod għall-kummerċ, l-investiment u s-sikurezza tal-enerġija, is-suq tal-karbonju tal-UE bir-rabtiet internazzjonali tiegħu, u l-finanzjament tal-UE għall-infrastruttura, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-iżvilupp, jagħtu ħafna qawwa lill-UE, u jġibu magħhom il-potenzjal għal sħubijiet li jkunu ta’ ġid għall-UE, għall-Istati Membri u għall-imsieħba barranin.

Sabiex tislet l-ikbar vantaġġ minn dan il-potenzjal, u sabiex tafferma l-interessi tal-UE u l-Istati Membri b'mod aktar effettiv fi swieq dinjija tal-enerġija li jinbidlu l-ħin kollu, din il-Komunikazzjoni tipproponi għadd ta' azzjonijiet u għanijiet strateġiċi, bi qbil mal-interessi tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jiġu koordinati bis-sħiħ mal-Istati Membri kollha, u għandhom ikunu konsistenti ma' politiki oħra tal-UE (u fejn possibbli, ikunu ta’ ġid reċiproku), bħar-relazzjonijiet barranin, il-kummerċ, l-iżvilupp, it-tkabbir, il-kompetizzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-ambjent u l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Is-sħubijiet tal-enerġija għandhom ifittxu l-komplementarità, kif ukoll rabtiet li jkunu ta’ ġid reċiproku għall-politiki tal-enerġija, u relazzjoni usa' bejn l-Unjoni u l-pajjiżi msieħba relevanti. Tali approċċ komprensiv ikun jiżgura li l-isforzi biex jittejbu s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-provvista tal-enerġija tal-UE jkunu konsisteni mal-iżvilupp tal-kooperazzjoni politika u ekonomika, li tissejjes fuq, u fejn tista' tipprova ssaħħaħ, il-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. B'mod simili, dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu riflessi fil-ħidma tar-Rappreżentant Għoli u tal-EEAS, u d-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi msieħba strateġiċi għandu jingħatalhom rwol attiv fl-implimentazzjoni tagħhom.

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti mhux biss se jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE. Tista' tikkontribwixxi wkoll lejn il-ksib ta’ iktar sigurtà, stabbiltà u ġid mal-pjaneta kollha.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill japprovaw dan l-approċċ propost. Tistenna bil-ħerqa wkoll li tkompli d-djalogu mal-partijiet interessati kollha, sabiex l-ambizzjoni ta’ politika barranija tal-UE fil-qasam tal-enerġija ssir realtà.

[1] COM(2006) 590 finali.

[2] COM(2010) 2020 finali.

[3] Il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent, u s-16-il pajjiż ġar skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat.

[4] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/78367.pdf

u http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/104630.pdf.

[5] COM(2010) 639 finali.

[6] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2010 (EUCO 2/11).

[7] Ir-Regolament (KE) 994/2010. Barra minn dan, it-Trattat tal-Euratom jipprovdi għan-notifika u l-verifika ex-ante tal-ftehimiet bilaterali konklużi mill-Istati Membri f'dan il-qasam. Għall-kuntratti kummerċjali għall-provvista ta’ materjal nukleari konklużi mill-utilitajiet tal-UE, it-Trattat tal-Euratom jirrikjedi li l-Aġenzija tal-Provvista tal-Euratom tkun parti għall-kuntratti, u li tiżvolġi rwol fis-sigurtà tal-provvista tal-fjuwils nukleari.

[8] Kif sar b'suċċess waqt in-negozjati tal-Ftehim Intergovernattiv ta’ Nabucco, u n-negozjati ta’ bejn il-Polonja u r-Russja fir-rigward tal-pajplajn Yamal.

[9] Approvazzjoni finali pendenti.

[10] Ara wkoll it-taqsima 1.3.

[11] COM(2010) 677 finali.

[12] Il-Komunikazzjoni konġunta "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni", COM(2011) 303.

[13] Il-modalitajiet tas-sehem tal-pajjiżi terzi fl-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u fin-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (ENTSOs) huma marbutin mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni korrispondenti tal-UE.

[14] COM(2011) 105 finali.

[15] Il-programm INOGATE jappoġġa l-kooperazzjoni fil-politika tal-enerġija bejn l-UE u l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu u l-Ażja Ċentrali.

[16] Kif inhu propost fil-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, "Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran", COM(2011) 200 finali.

[17] Id-Direttiva 2009/28/KE.

[18] Il-Ftehim Ġdid bejn l-UE u r-Russja se jkollu l-għan li jistipula qafas komprensiv għall-kooperazzjoni, u għandu jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja li ilu fis-seħħ mill-1997.

[19] Varat fil-Laqgħa Għolja bejn l-UE u r-Russja, l-1 ta’ Ġunju 2010.

[20] Ir-Russja, in-Norveġja u l-Alġerija jkopru l-85 % tal-importazzjonijiet tal-gass naturali tal-UE, u kważi 50 % tal-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat tal-UE. Il-pajjiżi tal-OPEC ikopru madwar 36 % tal-importazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat tal-UE.

[21] L-EITI tappoġġa l-governanza mtejba fil-pajjiżi mogħnija bir-riżorsi, permezz tal-verifika u l-pubblikazzjoni bis-sħiħ tal-ħlasijiet tal-impriżi u tad-dħul tal-gvernijiet miż-żejt, mill-gass u mill-minjieri.

[22] www.eu-energystar.org.

[23] COM(2007) 723.

[24] L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, World Energy Outlook 2010.

[25] Inizjattiva Emblematika tal-istrateġija Ewropa 2020.

[26] COM(2007) 183 finali.

[27] SEC(2009) 534.

[28] L-Inizjattiva tal-UE dwar l-Enerġija għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli, li hija l-istruttura umbrella għall-koordinament tal-iżvilupp tal-enerġija fost l-Istati Membri tal-UE, tnediet fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg fl-2002.

[29] COM(2010) 629 finali.