EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0087

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Lulju 2023.
TT vs AK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tinsab f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l-kawża. – Kundizzjonijiet – Ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – L-aħjar interessi tal-minuri.
Kawża C-87/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:571

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 15 – Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li tinsab f’pożizzjoni aħjar li tisma’ l-kawża. – Kundizzjonijiet – Ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn il-minuri tneħħa illegalment – il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – L-aħjar interessi tal-minuri”

Fil-Kawża C‑87/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneubourg, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

TT

vs

AK

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, L. S. Rossi (Relatriċi), J.-C. Bonichot u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TT, minn Z. Gáliková, M. Hrabovská, advokátky u minn P. Hajek u P. Rosenich, Rechtsanwälte,

għal AK, minn S. Lenzhofer u L. Stelzer Páleníková, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Slovakk, minn S. Ondrášiková u B. Ricziová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Leupold u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TT, ċittadin Slovakk li jirrisjedi fl-Awstrija, u AK, ċittadina Slovakka, dwar il-kustodja taż-żewġ ulied komuni tagħhom residenti fis-Slovakkja ma’ din tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Il‑Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980

3

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”), jgħid:

“Kull Stat kontraenti għandu jaħtar Awtorità Ċentrali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi imposti fuqu mill-Konvenzjoni.”

4

L-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) ta’ din il-konvenzjoni jistipula:

“Il-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li jsostni li minuri ġie mneħħi jew miżmum bi ksur tad-dritt ta’ kustodja jistgħu jmorru jew quddiem l-Awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri, jew quddiem dik ta’ kwalunkwe Stat kontraenti ieħor, għall-assistenza tagħhom sabiex ir-ritorn tal-minuri jiġi żgurat. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

”.

L-applikazzjoni tista’ tkun akkumpanjata jew issupplimentata minn:

[…]

f)

attestazzjoni jew dikjarazzjoni b’affermazzjoni li toriġina mill-awtorità ċentrali, jew minn awtorità kompetenti oħra tal-Istat tar-residenza abitwali, jew minn persuna kkwalifikata, dwar id-dritt tal-Istat f’dan ir-rigward;

[…]”.

5

L-Artikolu 16 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Wara li jkunu ġew informati bit-tneħħija illegali ta’ wild jew biż-żamma tiegħu, fil-kuntest tal-Artikolu 3, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti li lejh tneħħa l-wild jew li fih qiegħed jinżamm ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-mertu tad-drittijiet ta’ kustodja sakemm ma jiġix stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għal ritorn tal-wild ma jkunux issodisfatti, jew sakemm ma jkunx għadda perijodu raġonevoli mingħajr ma tkun saret talba b’applikazzjoni tal-Konvenzjoni.”

Ir‑Regolament Nru 2201/2003

6

Il-premessi 12, 13, 17, u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma redatti kif ġej:

“(12)

Ir-[regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

(13)

Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. Madankollu, f’dan il-każ it-tieni qorti m’għandiex titħalla tittrasferixxi l-każ għal qorti terza.

[…]

(17)

F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġust[a] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l‑25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati tal-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skont kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali […].”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il‑kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill‑ġenituri li għandu jew għandha r‑responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il‑post ta’ residenza ta’ l‑minuri mingħajr il‑kunsens ta’ persuna oħra li għandha r‑responsabbilità ta’ l‑ġenitur.”

8

L-imsemmi regolament jinkorpora l-Kapitolu II, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, li jinkludi, fit-Taqsima 2 tiegħu, li hija stess hija intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, l-Artikoli 8 sa 15 tal-istess regolament.

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi li:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita].

“2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

10

L-Artikolu 10 tar-Regolament, taħt it-titolu “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jipprevedi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri [wild], il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u

(a)

kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma

jew

(b)

il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)

Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentat quddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)

talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii)

każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

(iv)

sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

11

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1sa 3 tiegħu:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [abbażi] [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament [illegalment] imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [illegali], għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

2.   Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja [Konvenzjoni ta’ Den Haag] ta’ l‑1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.”

12

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proroga tal-ġurisdizzjoni”, jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri lill-qorti tal-Istat Membru li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar talba għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ.

13

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprevedi:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

(a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

(b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

(a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

(b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti:

(ċ)

ma’ l-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skontd il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

(a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess [ġiet adita]; jew

(b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri;

(ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

(d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabbiltà bejn il-ġenituri; jew

(e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni. F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

14

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji]”, jipprevedi:

“1.   F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

15

L-Artikolu 60 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

(e) [il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

TT, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, u AK, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, it-tnejn ċittadini Slovakki, huma l-ġenituri ta’ V u M, imwielda barra ż-żwieġ fis-Slovakkja matul is-sena 2012. Skont id-dritt Slovakk, il-kustodja tal-minuri hija konġunta.

17

Matul is-sena 2014, il-familja stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija fejn il-minuri attendew crèche u mbagħad skola. Matul is-sena 2017, filwaqt li komplew jirrisjedu fl-Awstrija, il-minuri marru l-iskola fis-Slovakkja, u għalhekk kuljum kienu qegħdin jaqsmu mid-domiċilju tagħhom fl-Awstrija għall-iskola ġdida tagħhom. Il-minuri kienu jikkomunikaw mal-ġenituri u man-nanniet tagħhom bil-lingwa Slovakka u kienu jafu biss xi kliem bil-lingwa Ġermaniża.

18

TT u AK isseparaw fil-bidu tas-sena 2020. Fix-xahar ta’ Lulju 2020, AK ħadet lill-minuri jgħixu magħha fis-Slovakkja, mingħajr il-kunsens ta’ TT.

19

Abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, il-missier ressaq talba għar-ritorn tal-minuri li, skont l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) ta’ din il-konvenzjoni, tressqet quddiem l-Okresny súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I, is-Slovakkja).

20

Fl-istess ħin, TT ippreżenta rikors quddiem il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck-sur-la-Leitha, l-Awstrija) sabiex jingħata, prinċipalment, il-kustodja esklużiva taż-żewġ ulied. Huwa essenzjalment sostna li, wara li ċaqlaq illegalment lil dawn tal-aħħar mill-Awstrija lejn is-Slovakkja, AK kienet ikkompromettiet l-benesseri tagħhom u twaqqafhom milli jkollhom relazzjonijiet ma’ missierhom.

21

AK opponiet din l-aħħar talba billi qajmet in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita, minħabba li r-residenza abitwali tal-minuri kienet dejjem tinsab fis-Slovakkja u ma kinux integrati soċjalment fil-post fejn kienet tinsab ir-residenza tal-familja fl-Awstrija.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2021, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba ta’ TT billi laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali mqajma minn AK.

23

TT appella quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2021, biddlet id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-omm. Wara talba għal reviżjoni straordinarja, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ digriet tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tat‑23 ta’ Ġunju 2021.

24

Fit‑23 ta’ Settembru 2021, AK adixxiet lill-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck-sur-la-Leitha) sabiex din titlob lil qorti tar-Repubblika Slovakka tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja tat-tfal, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(b), (2)(a) u (5) tar-Regolament Nru 2201/2003. F’dan ir-rigward, AK sostniet, minn naħa waħda, li, minbarra l-proċedura ta’ ritorn mibdija minn TT abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 quddiem l-Okresný súd Bratislava I (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava I), diversi proċeduri, mibdija minn kull wieħed mill-ġenituri, kienu pendenti quddiem l-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V, Slovakkja) u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tad-diversi provi hekk miġbura, il-qrati Slovakki kienu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward taż-żewġ minuri.

25

TT oppona din it-talba billi sostna, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tiġi ttrasferita meta l-qrati tal-Istat Membru l-ieħor, imsejħa sabiex jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, jiġu aditi b’talba għar-ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li għaliha jirreferi l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament.

26

Il-Bezirksgericht Bruck an der Leitha (il-Qorti Distrettwali ta’ Bruck an der Leitha) laqgħet it-talba ta’ AK. Din il-qorti qieset li l-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), li kienet diġà tat diversi deċiżjonijiet dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ TT fir-rigward tat-tfal, kienet f’pożizzjoni aħjar sabiex tisma’ dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward taż-żewġ minuri, li ilhom jirrisjedu ma’ ommhom fis-Slovakkja mix-xahar ta’ Lulju 2020 u li ma kinux soċjalment integrati fl-Awstrija. Barra minn hekk, l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem qorti Awstrijaka ssir diffiċli minħabba l-ħtieġa li jkun hemm interpretu ġuramentat għall-intervisti u għall-miżuri ta’ stħarriġ kollha fl-investigazzjonijiet tal-organi Awstrijaki ta’ għajnuna għal-minuri u għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-esperti fil-psikoloġija tal-minuri maħtura.

27

TT appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg).

28

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja fir-rigward ta’ minuri, hijiex awtorizzata tittrasferixxi din il-ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 15(1)(b) ta’ dan ir-regolament, lil qorti tal-Istat Membru li fih dan il-wild stabbilixxa, fil-frattemp, ir-residenza abitwali tiegħu wara tneħħija illegali. Fit-tieni lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 humiex ta’ natura eżawrjenti jew jekk jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, fid-dawl tal-ispeċifiċità tat-tneħħija illegali.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li [qorti ta’] Stat Membru, li jkoll[ha] l-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-kwistjoni, [t]ista’ wkoll [t]itlob lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, li [hija] [t]qis li tkun f’posizzjoni aħjar sabiex tisma’ l-kawża, jew parti speċifika mill-kawża, teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, anki jekk l-Istat Membru l-ieħor ikun dak li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali wara tneħħija illeċita?

2.

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji ta’ trasferiment tal-ġurisdizzjoni huma stipulati b’mod eżawrjenti, mingħajr ma huma meħtieġa kriterji oħra fir-rigward ta’ proċeduri mibdija skont [l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-]Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ [Den Haag tal‑1980]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar il-kustodja ta’ minuri hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, hijiex awtorizzata titlob it-trasferiment lura ta’ din il-kawża, previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri ttieħed b’mod illeċitu minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa doppja li, minn naħa, it-tneħħija tal-minuri minn AK mill-Awstrija lejn is-Slovakkja, sa fejn seħħet fl-assenza ta’ kunsens ta’ TT, tikkostitwixxi “tneħħija illegali”, fis-sens tal-Artikolu 2(11)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u li, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom immedjatament qabel it-tneħħija illegali tagħhom, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dawn il-minuri, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

32

Wara li saret din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi, fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja.

33

Kif jirriżulta mill-premessa 12 tal-imsemmi regolament, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġew maħsuba bl-għan li jissodisfaw l-aħjar interessi tal-minuri u, għal dan l-għan, jiffavorixxu l-kriterju ta’ prossimità. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu, fil-mument li fih il-qorti tkun adita. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-minuri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, CM (Dritt ta’ aċċess ta’ wild li ċċaqlaq), C‑372/22, EU:C:2023:364, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(8) tapplika bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

35

Issa, skont dan l-Artikolu 10, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija, bħala regola ġenerali, attribwita lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

36

Din id-dispożizzjoni timplimenta wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 intiż sabiex jiskoraġġixxi t-tneħħija jew iż-żamma illegali ta’ minuri bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 tinnewtralizza l-effett li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, iġġib magħha f’każ ta’ ħtif ta’ minuri, jiġifieri t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lejn l-Istat Membru li fih il-minuri jkun kiseb residenza abitwali ġdida, wara l-ħtif tieħu. Peress li dan it-trasferiment ta’ ġurisdizzjoni jista’ jagħti vantaġġ proċedurali lill-awtur tal-att illegali, l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprevedi għalhekk li l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali jżommu, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawża inkwistjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punti 4144, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP, C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 45).

37

L-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi min-naħa tiegħu, il-possibbiltà, b’mod eċċezzjonali, għall-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża, jew ta’ parti speċifika tagħha, lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, jekk din il-qorti tal-aħħar tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, u meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri.

38

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-possibbiltà li jintalab ir-rinviju hekk irrikonoxxut, b’mod eċċezzjonali, mill-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tistax tiġi eżerċitata meta l-qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament u l-qorti li lilha din il-kawża tiġi rrinvijata taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-wild ikkonċernat ikun tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni u tal-kuntest tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar, l-ewwel, li dan l-artikolu jikkompleta r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, bis-saħħa ta’ waħda minn dawn ir-regoli, li tipproċedi, b’mod eċċezzjonali, għar-rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44).

41

It-tieni, dan l-istess Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippreċiża, fil-paragrafi 2 sa 6 tiegħu, il-modalitajiet ta’ tali rinviju. B’hekk, konformement mal-Artikolu 15(5), il-qorti tal-Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn il-qrati tal-Istat Membru l-ieħor ma jkunux iddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni f’terminu ta’ sitt ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew aditi.

42

B’dan il-mod, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea stess ippreveda li l-possibbiltà li jintalab ir-rinviju msemmi fl-Artikolu 15(1) (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tiġi eżerċitata minn qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, CM (Dritt ta’ aċċess għal wild li ċċaqlaq), C‑372/22, EU:C:2023:364, punt 38).

43

It-tielet, mill-formulazzjoni jew mill-kuntest tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 lanqas ma jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandha tirrinunzja milli tinvoka l-possibbiltà li titlob ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament meta l-qorti msejħa, jekk ikun il-każ, sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

44

Għall-kuntrarju, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ tilwima dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri tislet din il-ġurisdizzjoni mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tista’ titqies li hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, tkun, bħala regola ġenerali, qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri jkun tneħħa illegalment. Għaldaqstant, li jiġi eskluż li dan l-Artikolu 15 japplika għal sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jċaħħad minn parti kbira mill-effettività tiegħu l-possibbiltà li qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament għandha, skont l-Artikolu 15(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, li titlob ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

45

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi huma mfassla skont l-aħjar interess tal-minuri, li jikkostitwixxi kunsiderazzjoni primarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, MPA (Residenza abitwali – Stat terz),C‑501/20, EU:C:2022:619, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 33 tiegħu, l-imsemmi regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi jiżgura, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-wild, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tagħha.

46

Mill-bqija, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jgħid li r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jservi l-aħjar interess tal-wild, jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju gwida tal-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tfassil ta’ dan ir-regolament u li għandu jistruttura l-implimentazzjoni tiegħu fil-kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jaqgħu taħtu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 4363).

47

Dan ir-rekwiżit ifisser neċessarjament li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt fundamentali tal-minuri, li huwa stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jkollu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 56).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tneħħija illegali ta’ minuri, wara li tittieħed deċiżjoni unilaterali minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, iċaħħad, l-iktar spiss, lill-minuri mill-possibbiltà li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-ġenitur l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Povse, C‑211/10 PPU, EU:C:2010:400, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, dan il-fatt ma jimplikax li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax tikkonfuta, fid-dawl tal-aħjar interess tal-minuri, il-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 49) u għandha sistematikament tirrinunzja milli teżerċita l-possibbiltà li titlob ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1) (b) ta’ dan ir-regolament meta l-qorti li lejha hija tikkunsidra tali rinviju taqa’ taħt l-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

50

Hija timplika, min-naħa l-oħra, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003, tiżgura ruħha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju previst ma jirriskjax li jkollu effett negattiv fuq ir-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal-minuri kkonċernat jew fuq is-sitwazzjoni materjali tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 5859), u jibbilanċja, b’mod ekwilibrat u raġonevoli, fl-aħjar interess tal-minuri, l-interessi kollha inkwistjoni, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi relatati mal-persuna nnifisha tal-minuri u mal-ambjent soċjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 60). Għalhekk, jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li r-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor imur kontra l-aħjar interessi tal-minuri, tali rinviju għandu jiġi eskluż.

51

Għaldaqstant, ma huwiex kuntrarju għall-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003 li qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri abbażi tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tista’, b’mod eċċezzjonali u wara li tkun ħadet debitament inkunsiderazzjoni, b’mod ibbilanċjat u raġonevoli, l-aħjar interess tal-minuri, titlob ir-rinviju tal-kawża li hija adita biha lil qorti tal-Istat Membru ieħor li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

52

Fit-tielet u l-aħħar lok, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-qorti li lejha huwa previst tali rinviju kienet adottat miżuri provviżorji urġenti dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ missier dan il-minuri abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, kif sostnew il-partijiet fil-kawża prinċipali waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V).

53

Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 20 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punti 6162, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2010 Purrucker, C‑296/10, EU:C:2010:665, punti 6970).

54

Konsegwentement, anki jekk jitqies li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V) ġew adottati abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, xorta jibqa’ l-fatt li din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ (C‑478/17, EU:C:2018:812). Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-qrati aditi miż-żewġ Stati Membri inkwistjoni kellhom it-tnejn li huma ġurisdizzjoni fuq il-mertu fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-possibbiltà li tiġi implimentata, bejn dawn il-qrati, il-possibbiltà li titlob ir-rinviju stabbilit fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

55

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tista’ eċċezzjonalment titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża, previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lil qorti tal-Istat Membru li fih dan il-wild tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

56

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-uniċi kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għall-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li titlob ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huma dawk espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jew jekk din il-qorti għandhiex ukoll tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħall-eżistenza ta’ proċedura għar-ritorn tal-minuri li nbdiet skont l-ewwel inċiż u t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u li għadu ma kienx is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni definittiva.

57

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti ta’ Stat Membru tista’ titlob lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk ikunu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi elenkati, b’mod eżawrjenti, f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri jekk ikun hemm “konnessjoni partikolari” bejn il-minuri u Stat Membru ieħor, jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża tqis li qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u jekk ir-rinviju jservi l-aħjar interess tal-minuri kkonċernat, fis-sens li ma jkunx hemm riskju li dan ikollu effett detrimentali fuq is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 50, 5658, kif ukoll id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u qorti f'posizzjoni aħjar), C‑530/18, EU:C:2019:583, punt 31).

58

Fir-rigward tal-eventwali teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, ta’ talba għal ritorn ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, għandu jitfakkar li, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiħdux preċedenza, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri fl-oqsma rregolati minn dan tal-aħħar, huma għandhom rabta mill-qrib ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li jista’ jkollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 8587, kif ukoll is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 63).

59

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżistenza ta’ talba għal ritorn ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, li ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva fl-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu, ma tistax tostakola, bħala tali, li tiġi eżerċitata l-possibbiltà li jintalab ir-rinviju previst fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. Madankollu, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti kompetenti sabiex tiddetermina jekk it-tliet kundizzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni sabiex tipproċedi għar-rinviju tal-kawża lil qorti tal-Istat Membru l-ieħor humiex issodisfatti.

60

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni konkret ta’ tali ċirkustanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

61

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-minuri għandu jkollu “konnessjoni partikolari” mal-Istat Membru tal-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi, fil-punti (a) sa (e) tiegħu, b’mod eżawrjenti, ħames kriterji alternattivi li jippermettu li jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u qorti f'posizzjoni aħjar), C‑530/18, EU:C:2019:583, punti 2728, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fost dawn il-kriterji hemm dak, imsemmi fil-punt (ċ) tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-wild huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru.

62

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ċittadini Slovakki, b’tali mod li għandhom, konformement mal-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2201/2003, jitqiesu li għandhom konnessjoni partikolari mas-Slovakkja għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, indipendentement anki mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn mibdija minn missierhom skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.

63

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju għandha tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, għandu jitfakkar, l-ewwel, li qorti li għandha l-intenzjoni li tagħmel tali rinviju għandha tiżgura ruħha li dan huwa ta’ natura li jipprovdi valur miżjud reali u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-minuri, meta mqabbel mal-ipoteżi taż-żamma tiegħu quddiemha. F’dan il-kuntest, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru l-ieħor, bħal dawk applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, għal tali evalwazzjoni, id-dritt sostantiv ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor li għandu jiġi applikat mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ li l-kawża tiġi rrinvijata lilha. Fil-fatt, tali teħid inkunsiderazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 5761).

64

It-tieni, meta r-riferiment previst fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriskja, b’mod manifest, li jċaħħad lill-ġenitur li jitlob ir-ritorn tal-minuri mill-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu b’mod effettiv quddiem il-qorti li lejha huwa previst dan ir-rinviju, dan ir-riskju jostakola l-konstatazzjoni li din il-qorti tkun “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

65

F’dan il-każ, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li, fil-każ ta’ rinviju lill-Okresný súd Bratislava V (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava V), TT jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu b’mod effettiv, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

66

It-tielet, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rinviju jista’ jkun ta’ natura li jipprovdi valur miżjud reali u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-minuri meta l-qorti li lejha huwa previst ir-rinviju tkun adottat, fuq talba tal-partijiet fil-kawża prinċipali u skont ir-regoli ta’ proċedura applikabbli, numru ta’ miżuri provviżorji b’urġenza bbażati, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ċertament, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar dispożizzjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tal-elementi hekk miġjuba għall-konjizzjoni tagħha mill-persuni kkonċernati, l-imsemmija qorti tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tifhem iċ-ċirkustanzi fattwali kollha relatati mal-ħajja u mal-bżonnijiet tal-wild ikkonċernat u li tieħu, fid-dawl tal-kriterju ta’ prossimità, id-deċiżjonijiet xierqa fir-rigward tiegħu.

67

Ir-raba’, meta talba għal ritorn, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih il-minuri kkonċernat tneħħa illegalment, ebda qorti ta’ dan l-Istat Membru ma tista’ titqies li hija “f’posizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, qabel ma jkun skada t-terminu ta’ sitt ġimgħat, previst fl-Artikolu 11 ta’ din il-konvenzjoni u fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, id-dewmien sostanzjali tal-qrati tal-imsemmi Stat Membru sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba għal ritorn jista’ jikkostitwixxi element kontra l-konstatazzjoni li dawn il-qrati jinsabu f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar il-mertu tad-dritt ta’ kustodja.

68

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-imsemmija konvenzjoni, wara li jkunu ġew informati bit-tneħħija illegali ta’ minuri, il-qrati tal-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu tneħħa l-minuri ma jistgħux jiddeċiedu fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja sakemm jiġi stabbilit li, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għar-ritorn tal-minuri ma jkunux issodisfatti. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari dan l-element fl-evalwazzjoni tagħha tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

69

Fit-tielet lok, l-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-aħjar interessi tal-minuri, li ma tistax tinjora, fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980, l-impossibbiltà temporanja tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu li jadotta deċiżjoni fuq il-mertu tad-dritt ta’ kustodja, konformi ma’ dan l-interess, qabel ma l-qorti ta’ dan l-Istat Membru, adita bit-talba għar-ritorn ta’ dan il-minuri, tkun, minn tal-inqas, iddeċidiet dwarha.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uniċi kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huma dawk espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Waqt l-eżami ta’ dawk il-kundizzjonijiet dwar, minn naħa, l-eżistenza, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ qorti f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u, min-naħa l-oħra, l-aħjar interess tal-minuri, il-qorti tal-ewwel Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn ta’ dan il-minuri li nbdiet skont l-ewwel inċiż u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 u li għadha ma kienet is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni definittiva fl-Istat Membru li fih l-imsemmi minuri tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament tista’ eċċezzjonalment titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża, previst fl-Artikolu 15(1)(b) tal-imsemmi regolament, lil qorti tal-Istat Membru li fih dan il-minuri tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-uniċi kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li titlob ir-rinviju ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huma dawk espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Waqt l-eżami ta’ dawk il-kundizzjonijiet dwar, minn naħa, l-eżistenza, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ qorti f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u, min-naħa l-oħra, l-aħjar interess tal-minuri, il-qorti tal-ewwel Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ proċedura ta’ ritorn ta’ dan il-minuri li nbdiet skont l-ewwel inċiż u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(f) tal- Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, iffirmata f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980 u li għadha ma kienet is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni definittiva fl-Istat Membru li fih l-imsemmi minuri tneħħa illegalment minn wieħed mill-ġenituri tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top