EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0658

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

/* KUMM/2011/0658 finali - 2011/0300 (COD) */

52011PC0658

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE /* KUMM/2011/0658 finali - 2011/0300 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Hemm bżonn isiru sforzi kbar għall-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u għall-interkonnessjoni transkonfinali tan-netwerks biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista.

Għaldaqstant, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara[1], adottata fis-17 ta’ Novembru 2010, appellat għal politika ġdida tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija li tikkoordina u tottimizza l-iżvilupp tan-netwerk fuq skala kontinentali. Hija kkonfermat b’mod partikolari l-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-politika u tal-qafas ta’ finanzjament eżistenti tan-Netwerks trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E).

Din il-politika ġdida hija kruċjali biex tiżgura li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri ssir operazzjonali, li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat u li r-reġjuni iżolati jkunu konnessi, li r-rotot alternattivi tal-provvista jew tat-trażmissjoni u s-sorsi tal-enerġija jimmaterjalizzaw ruħhom u li jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jikkompetu mas-sorsi tradizzjonali tal-enerġija, kif enfasizzat fil-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011.

Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (2014-2020)[2], li tipproponi li tinħoloq Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” biex tiġi promossa t-tlestija ta’ infrastrutturi prijoritarji tal-enerġija, tat-trasport u diġitali b’fond uniku ta’ EUR 40 biljun, li minnhom EUR 9.1 biljun huma ddedikati għall-enerġija[3].

Din il-proposta tistabbilixxi r-regoli għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-eneġija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija skont it-Trattat, jiġifieri dawk li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, li jiġu promossi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli tal-enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija.

B’mod iktar speċifiku, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li s-suq intern tal-enerġija jiġi integrat kompletament, inkluż billi jiġi żgurat li ebda Stat Membru ma jkun iżolat min-netwerk Ewropew, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent billi jippermetti lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha ta’ tnaqqis ta’ 20 % f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra[4], ta’ żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija u żieda ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija sal-2020, filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri.

B’dawn l-għanijiet fil-mira tagħha, din il-proposta tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u tippromwovi benefiċċji għall-Unjoni Ewropea kollha f’termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Għal dan l-għan, din l-inizjattiva tidentifika, għall-perjodu li jwassal għall-2020 u wara, għadd limitat ta’ kurituri u oqsma prijoritarji trans-Ewropej li jkopru n-netwerks tal-elettriku u l-gass kif ukoll l-infrastruttura tat-trasport taż-żejt u d-diossidu tal-karbonju, li għalihom hemm l-ikbar ħtieġa ta’ azzjoni fl-Unjoni Ewropea. Imbagħad hija għandha l-għan li timplimenta dawn il-prijoritajiet billi:

– tissimplifika l-proċeduri għall-għoti tal-permessi biex jitnaqqas b’mod sinifikanti d-dewmien tagħhom f’dak li jirrigwarda l-proġetti ta’ interess komuni u biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti;

– tiffaċilita t-trattament regolatorju tal-proġetti ta’ interess komuni fl-elettriku u l-gass billi l-ispejjeż jiġu allokati abbażi tal-benefiċċji pprovduti u billi jiġi żgurat li d-dħul permess jkun f’konformità mar-riskji meħuda;

– tiżgura l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni billi jiġi provdut appoġġ finanzjarju bbażat fuq is-suq u appoġġ finanzjarju dirett tal-UE. Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju dirett tal-UE, il-proposta tipprovdi l-bażi għall-eliġibbiltà ta’ proġetti ta' interess komuni għall-għajnuna finanzjarja tal-UE taħt il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, li hija suġġetta għal proposta leġiżlattiva separata.

Din il-proposta hija prijorità strateġika fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011.

Kuntest ġenerali

L-isfida tal-interkonnessjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna u l-adattament tagħha għall-ħtiġijiet il-ġodda hija sfida sinifikanti, urġenti, u tikkonċerna s-setturi tal-enerġija kollha.

In-netwerks tal-elettriku għandhom jiġu aġġornati u mmodernizzati biex ilaħħqu maż-żieda fid-domanda għall-elettriku minħabba bidla maġġuri fil-katina u t-taħlita tal-valur tal-enerġija. globali. Il-grids għandhom ukoll jiġu estiżi u aġġornati urġentement, inkluż permezz ta’ awtostradi tal-elettriku, biex titrawwem l-integrazzjoni fis-suq u jinżammu l-livelli eżistenti tas-sigurtà tas-sistema, iżda speċjalment għat-trasport u l-bilanċ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, li mistenni iktar milli jirdoppja fil-perjodu 2007-2020. Fl-istess ħin, ma huwiex se jkun possibbli li jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli tal-UE 2020 jekk in-netwerks ma jsirux iktar innovattivi u intelliġenti kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni, b’mod partikolari permezz tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Il-gass naturali se jibqa’ jkollu, sakemm tiġi garantita l-provvista tiegħu, rwol ewlieni fit-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-għexieren ta’ snin li ġejjin u se jsir iktar importanti bħala l-fjuwil ta’ riżerva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli. Fuq żmien medju, l-eżawriment tar-riżorsi indiġeni konvenzjonali tal-gass naturali jirrikjedi importazzjonijiet addizzjonali u diversifikati. In-netwerks tal-gass qed jiffaċċjaw rekwiżiti ta’ flessibbiltà addizzjonali fis-sistema, il-ħtieġa ta’ pipelines bidirezzjonali, kapaċitajiet imtejba ta’ ħżin u provvista flessibbli, inklużi l-gass likwifikat (LNG - Liquefied Natural Gas) u l-gass naturali kkompressat (CNG - Compressed Natural Gas).

Meta wieħed iqis ir-rwol taż-żejt fit-taħlita tal-enerġija fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, iż-żamma ta’ provvisti mingħajr interruzzjoni taż-żejt mhux maħdum fil-pajjiżi tal-UE fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa li ma għandhomx kosta, li attwalment jiddependu fuq rotot tal-provvista limitati, hija ta’ importanza strateġika.

Finalment, it-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS - Carbon Capture and Storage) jippermettu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fuq skala kbira filwaqt li jibqgħu jintużaw il-fjuwils fossili, li se jibqħu sors importanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. L-iżvilupp futur ta’ netwerk transkonfinali għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju jirrikjedi li jittieħdu passi issa għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura fil-livell Ewropew.

Fir-rapport tagħha għall-Kunsill tal-Enerġija ta’ Ġunju 2011[5], il-Kummissjoni stmat li l-ħtiġijiet tal-investiment totali fl-infrastrutturi tal-enerġija ta’ importanza Ewropea sal-2020 jammontaw għal madwar EUR 200 biljun:

– Madwar EUR 140 biljun għal sistemi tat-trażmissjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli, kemm fuq l-art kif ukoll barra mill-kosta, għall-ħżin, u għal applikazzjonijiet tal-grid intelliġenti fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni;

– Madwar EUR 70 biljun għal pipelines tat-trażmissjoni tal-gass bi pressa għolja (li jidħlu fl-UE u bejn l-Istati Membri tal-UE), għall-ħżin, għal terminals tal-gass naturali likwifikat/ikkompressat (LNG/CNG) u infrastruttura tal-flussi fid-direzzjoni opposta;

– Madwar EUR 2.5 biljun għall-infrastruttura tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju.

Il-volumi ta’ investimenti għall-perjodu mill-2011 sal-2020 se jiġu miżjuda bi 30 % għall-gass u sa 100 % għall-elettriku meta mqabbla mal-livelli attwali. Din l-isfida u din l-urġenza b’rabta mal-investimenti jiddistingwu b’mod ċar l-infrastrutturi tal-enerġija minn infrastrutturi f’setturi oħra, għaliex in-netwerks tal-enerġija huma prekundizzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima għall-2020 u l-għanijiet tal-klima iktar fit-tul.

L-ostakli ewlenin identifikati li, f’ċirkostanzi fejn nippreżumu li kollox jibqa’ kif inhu issa, se jipprekludu dawn l-investimenti milli jseħħu jew idewmuhom ħafna wara l-iskadenza tal-2020 huma problemi relatati mal-għoti tal-permessi (proċeduri twal u ineffettivi għall-għoti tal-permessi, flimkien ma’ oppożizzjoni min-naħa tal-pubbliku), ir-regolamentazzjoni (qafas mhux immirat lejn ir-realizzazzjoni tal-prijoritajiet tal-infrastruttura Ewropea) u l-finanzjament (kapaċitajiet ta’ finanzjament limitati tal-operaturi, nuqqas ta’ strumenti ta’ finanzjament adattati u ta’ appoġġ suffiċjenti).

Dispożizzjonijiet eżistenti

Il-qafas tat-TEN-E ġie żviluppat u ffurmat fis-snin 90 permezz tal-Linji Gwida suċċessivi tat-TEN-E u r-Regolament ta’ finanzjament korrispondenti. Il-linji gwida għal Netwerks trans-Ewropej tal-Enerġija tal-2006[6] elenkaw madwar 550 proġett eliġibbli għal appoġġ mill-Komunità, u kklassifikawhom fit-tliet kategoriji li ġejjin: proġetti ta’ interess Ewropew (total ta’ 42); proġetti prijoritarji u proġetti ta’ interess komuni. Dawn il-proġetti jkopru biss l-infrastruttura tal-elettriku u l-gass. Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tat-TEN-E fil-perjodu 2007-2009[7], ippubblikat f’April 2010, ikkonkluda li din il-politika, għalkemm tat kontribut pożittiv għal proġetti partikolari billi tathom viżibbiltà politika, kienet nieqsa minn iffukar, flessibbiltà u approċċ minn fuq għal isfel biex ikunu jistgħu jimtlew il-lakuni identifikati fl-infrastruttura.

Ir-Regolament ta’ finanzjament tat-TEN[8], adottat fl-20 ta’ Ġunju 2007, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kofinanzjament tal-proġetti tat-TEN-E, b’baġit ta’ EUR 155 miljun għall-perjodu 2007-2013. Madankollu, ir-riżorsi finanzjarji u l-konfigurazzjoni tal-Programm tat-TEN-E rriżultaw li huma inadegwati fid-dawl tal-bidla paradigmatika għal sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għaldaqstant għall-evoluzzjoni u l-investimenti kbar fl-infrastrutturi tal-enerġija li huma meħtieġa fis-snin li ġejjin (baġit limitat, l-ebda strumenti ta’ mitigazzjoni tar-riskju, l-ebda finanzjament barra mill-UE, nuqqas ta’ sinerġiji ma’ fondi oħra tal-UE).

Il-Pjan Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru[9], stabbilit fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, alloka għall-ewwel darba ammonti sinifikanti ta’ darba biss (madwar EUR 3.85 biljun) għal għadd limitat ta’ proġetti eliġibbli fil-qasam tal-infrastrutturi tal-elettriku u l-gass, proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija mir-riħ barra mill-kosta u tas-CCS.

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-UE

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[10], li tpoġġi l-infrastrutturi tal-enerġija fuq quddiem nett, bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi”. Hija enfasizzat il-ħtieġa li n-netwerks tal-Ewropa jiġu aġġornati urġentement biex tinkiseb “supergrid intelliġenti” Ewropea, billi tinterkonnettjahom fil-livell kontinentali, b’mod partikolari biex jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-prijoritajiet identifikati u l-miżuri proposti f’din l-inizjattiva fir-rigward tal-għoti tal-permessi, ir-regolazzjoni u l-finanzjament huma kompletament konformi ma’ dawn l-għanijiet.

Il-proposta għandha l-għan li tissostitwixxi l-linji gwida tat-TEN-E eżistenti, u flimkien mal-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF – Connecting Europe Facility), hija tifforma pakkett loġiku li ġie żviluppat bil-għan li jiġi ssostitwit ir-Regolament ta’ finanzjament tat-TEN attwali.

Din l-inizjattiva hija wkoll kontribut vitali għall-ksib kosteffiċjenti taż-żewġ miri vinkolanti ta’ 20 % ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta’ tnaqqis ta’ 20 %[11] tal-emissjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020, u għandha l-għan li tkun konformi mal-perkors stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 u l-għan fit-tul tal-UE li jinkiseb tnaqqis ta’ 80-95 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990[12].

Skont l-Artikolu 11 tat-TFUE, il-proposta tintegra r-rekwiżiti eżistenti għall-protezzjoni tal-ambjent fil-kuntest tal-infrastruttura tal-enerġija.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni, ġbir ta’ dejta u użu ta’ kompetenzi

Din il-proposta ġiet żviluppata abbażi ta’ firxa wiesgħa ta’ kontributi minn Stati Membri u partijiet interessati pprovduti f’diversi okkażjonijiet (konferenzi ta’ livell għoli, workshops, stħarriġ), inklużi żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-għoti tal-permessi u dwar l-użu ta’ bonds ta’ proġetti għal proġetti ta’ infrastruttura[13]. L-impatt tad-diversi għażliet ta’ politika proposti ġew analizzati f’żewġ valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa fl-2010 u l-2011 li għalihom intużaw ir-riżultati ta’ diversi mudelli u ħafna studji, li minnhom tlieta ġew speċifikament ikkummissjonati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ investiment, l-għoti tal-permessi u kwistjonijiet relatati mal-finanzjament. Iż-żewġ valutazzjonijiet tal-impatt indirizzaw l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-għażliet, filwaqt li kkunsidraw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

Valutazzjoni tal-impatt

L-ewwel valutazzjoni tal-impatt (IA – Impact Assessment) fl-2010 iffukat fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-inizjattiva l-ġdida f’termini tas-setturi tal-enerġija koperti, it-tfassil tagħha f’termini tal-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u tal-għażla tal-proġetti ta' interess komuni, il-forma ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali u l-prinċipji ġenerali fir-rigward tal-għoti tal-permessi.

L-IA tal-2011, li hija bbażata fuq din l-ewwel analiżi, tanalizza f’ħafna iżjed dettall l-għażliet ta’ politika fl-oqsma tal-għoti tal-permessi u l-konsultazzjoni pubblika, ir-regolamentazzjoni u l-finanzjament li għandhom japplikaw għall-proġetti ta’ interess komuni magħżula għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-infrastruttura identifikati preċedentement. Għal kull wieħed mid-diversi ostakli identifikati, hija tivvaluta s-soluzzjonijiet disponibbli, effikaċi u kosteffiċjenti.

Għoti tal-permessi u konsultazzjoni pubblika

L-analiżi tqabbel tliet għażliet: stabbiliment ta’ reġim ta’ interess komuni; regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tul ta’ żmien tal-proċess tal-għoti tal-permessi, b’mod partikolari “one-stop shop” komplut u limitu taż-żmien; kombinazzjoni taż-żewġ għażliet preċedenti.

Fir-rigward tal-miżuri marbuta mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-impatt fuq il-flora u l-fawna lokali tar-reġim ta’ interess Ewropew komuni huwa mistenni li jkun rilevanti biss għal subsett żgħir ħafna ta’ proġetti ta' interess komuni identifikati bħala possibbilment f’kunflitt maż-żoni ta’ Natura 2000, li huma, madankollu, kruċjali għall-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija u l-klima.

L-impatt globali tal-aħħar għażla ta’ politika huwa kkunsidrat bħala l-iżjed wieħed pożittiv minnhom kollha, għaliex tiwassal għat-tlestija fil-ħin ta’ kważi l-proġetti kollha ta' interess komuni meħtieġa sal-2020, sakemm ikun hemm fis-seħħ miżuri xierqa dwar ir-regolamentazzjoni u l-finanzjament. L-impatti ambjentali, l-impatti soċjali fuq l-impjiegi u l-impatti ekonomiċi fuq il-PDG huma mistennija li jkunu iżjed b’saħħithom taħt din l-għażla ta’ politika għaliex jiġu kkompletati l-proġetti kollha ta' interess komuni, filwaqt li t-tfaddil mill-ispiża amministrattiva jkun sinifikanti.

Kwistjonijiet regolatorji

L-analiżi tqabbel tliet għażliet: allokazzjoni transkonfinali tal-ispiża; inċentivi ta’ investiment; kombinazzjoni taż-żewġ għażliet preċedenti.

L-analiżi turi li huma meħtieġa kemm mekkaniżmu transkonfinali ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż ex ante kif ukoll inċentivi li jirriflettu r-riskji meħuda mill-operatur, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni li jiffaċċjaw sfidi fir-rigward tal-vijabbiltà tagħhom. L-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali globali tagħhom huwa kbir u pożittiv.

Finanzjament

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-firxa sħiħa ta’ miżuri possibbli fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-analiżi tindirizza wkoll erba’ għażliet ta’ finanzjament, anke jekk dawn se jissarrfu f’miżuri ta’ politika fis-CEF: użu ta’ strumenti għall-qsim tar-riskju (inklużi bonds u garanziji tal-proġetti); użu ta’ strumenti ta’ kapital b’riskju (inklużi parteċipazzjonijiet f’ishma); użu ta’ appoġġ għall-għotjiet għal studji u kostruzzjoni ta’ proġetti; kombinazzjoni ta’ għotjiet, qsim tar-riskju u strumenti ta’ kapital b’riskju.

L-impatt globali tal-aħħar għażla ta’ politika huwa l-iżjed pożittiv, għaliex jakkumula l-impatti pożittivi tal-għażliet individwali u jipprovdi għodda flessibbli ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u appoġġ finanzjarju dirett, li jwassal għal sinerġiji u gwadanni f’termini ta’ effiċjenza billi joffri l-iżjed soluzzjoni kosteffettiva għal riskji speċifiċi tal-proġetti. Din l-għażla ta’ politika tirrifletti wkoll l-miżuri proposti taħt il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għar-Regolament tagħti prijorità lil 12-il kuritur u qasam strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. Hija tistabbilixxi regoli li jidentifikaw, fi ħdan sett ta’ kategoriji definiti tal-infrastruttura tal-enerġija, proġetti ta’ interess komuni (PCIs – Projects of Common Interest), li huma meħtieġa biex jimplimentaw dawn il-prijoritajiet. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi proċess ta’ għażla bbażat fuq gruppi esperti reġjonali u rwol konsultattiv għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) fl-elettriku u l-gass, filwaqt li d-deċiżjoni finali fuq lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni kollha, aġġornata kull sentejn, tittieħed mill-Kummissjoni. Il-gruppi ta’ esperti reġjonali u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tal-Enerġija huma fdati bil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PCIs. Il-Kummissjoni tista’ tinnomina koordinaturi Ewropej għal PCIs li jiffaċċjaw diffikultajiet.

Il-proposta tistabbilixxi reġim ta’ interess komuni għall-PCIs, u tagħti responsabbiltajiet speċifiċi lil awtorità kompetenti nazzjonali waħda fi ħdan kull Stat Membru biex tikkoordina u tissorvelja l-proċess ta’ għoti tal-permessi għall-PCIs, tistabbilixxi standards minimi għat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u tistabbilixxi t-tul ta’ żmien massimu permess tal-proċess għall-għoti tal-permessi. Il-proposta tippermetti wkoll li l-PCIs jiġu implimentati taħt ċerti kundizzjonijiet għal raġunijiet ta’ “interess pubbliku imperattiv prevalenti” kif definit fid-Direttivi 92/43/KE u 2000/60/KE. Dawn il-miżuri huma proporzjonati peress li l-għan tagħhom huwa l-allinjament minimu tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali meħtieġ biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-PCIs, fil-biċċa l-kbira tagħhom transkonfinali. L-Istati Membri huma liberi li jfasslu l-proċeduri interni speċifiċi tagħhom f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali tagħhom bil-għan li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Ir-Regolament propost jipprovdi metodoloġija u proċess għall-elaborazzjoni ta’ analiżi armonizzata tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema kollha tal-enerġija fir-rigward tal-PCIs fl-elettriku u l-gass. Abbażi ta’ din il-metodoloġija, hija tagħti responsabbiltà lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-ACER biex jallokaw l-ispejjeż għal PCIs transkonfinali f’dawn is-setturi skont il-benefiċċji fl-Istati Membri direttament jew indirettament ikkonċernati b’dawn il-PCIs. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma mitluba wkoll jagħtu inċentivi xierqa permezz ta’ tariffi għall-implimentazzjoni ta’ PCIs li jiffaċċjaw riskji ogħla għal raġunijiet ġustifikati.

Finalment, ir-Regolament jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-PCIs għal għajnuna finanzjarja tal-Unjoni taħt il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, għaż-żewġ studji (aċċessibbli għall-PCIs kollha minbarra dwak fis-settur taż-żejt) u xogħlijiet (aċċessibbli għall-PCIs kollha fis-settur tal-grids intelliġenti u tad-diossidu tal-karbonju, u għal PCIs fl-elettriku u l-gass li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, speċjalment meta tkun ingħatat deċiżjoni ta’ allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż).

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 171(1), “l-Unjoni għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida dwar il-miri, prioritatjiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati fl-isfera tan-networks trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni”. L-Artikolu 172 jispeċifika li l-linji gwida u miżuri oħra msemmija fl-Artikolu 171(1) għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għal din il-proposta sakemm il-politika tal-enerġija ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-enerġija għandha natura jew impatti trans-Ewropej jew mill-inqas transkonfinali. Ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri mhijiex adattata u l-amministrazzjonijiet nazzjonali individwali ma għandhom l-ebda kompetenza biex jittrattaw dawn l-infrastrutturi inġenerali. Minn perspettiva ekonomika, l-aħjar mod biex isiru żviluppi fin-netwerk tal-enerġija huwa billi jiġu ppjanati b’perspettiva Ewropea, li tkopri kemm l-azzjoni tal-UE u kif ukoll dik tal-Istati Membri filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir-Regolament proposta jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Prinċipju tal-proporzjonalità u għażla ta’ strument legali

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira, meta wieħed iqis l-għanijiet tal-politika tal-enerġija u l-klima maqbula fil-livell tal-Unjoni u l-ostakli għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-enerġija adegwati. L-istrument magħżul huwa Regolament, li għandu applikazzjoni diretta u li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu. Tali miżura hija meħtieġa biex tiżgura implimentazzjoni fil-ħin tal-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija sal-2020.

B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ qafas għall-għoti tal-permessi mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u limiti taż-żmien ċari, li fihom il-proċess tal-għoti tal-permessi jista’ jitwettaq skont speċifiċitajiet nazzjonali, huwa proporzjonali għall-għan tal-aċċellerazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji kollha ta’ din il-proposta huma ttrattati skont id-dikjarazzjoni finanzjarja legali tal-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkolegaw l-Ewropa”.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Revoka ta’ leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta għandha twassal għar-revoka tad-Deċiżjoni 1364/2006/KE mill-1 ta’ Jannar 2014. Madankollu, din mhijiex se taffettwa l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni abbażi tas-sejħiet għall-proposti mnedija taħt ir-Regolament ta’ finanzjament tat-TEN eżistenti għall-proġetti fil-mira ta’ din id-Deċiżjoni, jew għall-proġetti tat-TEN-E li jkunu qed jibbenefikaw minn appoġġ permezz tal-fondi strutturali.

Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

Din il-proposta tikkonċerna kwistjoni relatata maż-ŻEE u għaldaqstant għandha tkun applikabbli għaliha.

2011/0300 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[15],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titnieda strateġija ġdida “Ewropa 2020”. Waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020[16] hija t-tkabbir sostenibbli li għandu jsir billi tiġi promossa ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva. L-istrateġija poġġiet l-infrastrutturi tal-enerġija fuq quddiem nett bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Ewropa b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”, billi enfasizzat il-ħtieġa li n-netwerks tal-Ewropa jiġu aġġornati urġentement, billi tinterkonnettjahom fil-livell kontinentali, b’mod partikolari biex jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(2) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat”[17], segwita mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tat-28 ta’ Frar 2011 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2011, appellat għal politika tal-infrastruttura tal-enerġija ġdida għall-ottimizzazzjoni tal-iżvilupp tan-netwerk fil-livell Ewropew għall-perjodu li jwassal għall-2020 u wara, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha tal-politika dwar l-enerġija ta’ kompetittività, sostenibbiltà u sigurtà tal-provvista.

(3) Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 enfasizza l-ħtieġa li tiġi modernizzata u estiża l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u li ssir l-interkonnessjoni transkonfinali tan-netwerks, sabiex tintwera s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu pprovduti rotot alternattivi tal-provvista jew tat-tranżitu u sorsi tal-enerġija alternattivi u sabiex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jikkompetu mas-sorsi tradizzjonali. Huwa insista li ebda Stat Membru tal-UE ma għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u l-elettriku wara l-2015 jew jara s-sigurtà tal-enerġija tiegħu tiġi pperikolata minħabba n-nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa.

(4) Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 tistabbilixxi l-linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej[18]. L-għanijiet ta’ dawn il-Linji Gwida (TEN-E) huma li jappoġġjaw l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni filwaqt li jinkoraġġixxu l-produzzjoni, it-trasportazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-enerġija, li jnaqqsu l-iżolament tar-reġjuni żvantaġġjati u tal-gżejjer, li jiżguraw u jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tal-UE anke permezz tal-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent.

(5) L-evalwazzjoni tal-qafas attwali tat-TEN-E wriet b’mod ċar li din il-politika, għalkemm tati kontribut pożittiv għal proġetti partikolari billi tagħtihom viżibbiltà politika, hija nieqsa minn viżjoni, iffukar u flessibbiltà biex ikunu jistgħu jimtlew il-lakuni identifikati fl-infrastruttura.

(6) L-aċċellerazzjoni fir-restawr tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti u fl-użu tal-infrastruttura l-ġdida hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni, li huma li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija, li tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista, speċjalment tal-gass u ż-żejt, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 %[19], li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija jiżdied għal 20 %[20], u li tinkiseb żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija sal-2020. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tipprepara l-infrastruttura tagħha għad-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija fit-tul sal-2050.

(7) Minkejja l-eżistenza legali tiegħu, kif definit fid-Direttivi 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku[21] u 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali[22], is-suq intern fl-enerġija għadu frammentat minħabba n-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet bejn in-netwerks nazzjonali tal-enerġija. Madankollu, netwerks integrati fl-Unjoni kollha huma vitali biex jiżguraw suq integrat kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb għall-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli.

(8) L-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni għandha tiġi aġġornata għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, ta’ effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u ta’ theddid għas-sigurtà tagħha u għall-finijiet taż-żieda fir-reżistenza kontrihom, speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura kritika Ewropea kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom[23].

(9) L-importanza tal-grids intelliġenti fil-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni ġiet rikonoxxuta fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Grids intelliġenti:” nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom"[24].

(10) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Il-Politika tal-UE dwar l-Enerġija: Kooperazzjoni ma’ Pajjiżi lil hinn mill-Fruntieri Tagħna”[25] enfasizzat il-ħtieġa li l-Unjoni tinkludi l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija fir-relazzjonijiet esterni tagħha bil-għan li tappoġġja l-iżvilupp soċjoekonomiku lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tiffaċilita l-proġetti ta’ infrastruttura li jikkonnettjaw in-netwerks tal-enerġija tal-Unjoni man-netwerks ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari f’pajjiżi tal-viċinat u f’pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbilixxiet kooperazzjoni speċifikament dwar l-enerġija.

(11) Il-ħtiġijiet tal-investiment sal-2020 fl-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass b’rilevanza Ewropea ġew stmati għal madwar EUR 200 biljun. Iż-żieda sinifikanti fil-volumi tal-investiment imqabbla mat-tendenzi fil-passat u l-urġenza biex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija jirrikjedu approċċ ġdid fil-mod li bih l-infrastrutturi tal-enerġija, u speċjalment dawk ta’ natura transkonfinali, jiġu rregolati u ffinanzjati.

(12) Id-dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni lill-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tal-10 ta’ Ġunju 2011“Ħtiġijiet u rekwiżiti ta' ffinanzjar tal-investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija”[26] enfasizza li madwar nofs l-investimenti totali meħtieġa għad-deċennju li jwassal għall-2020 jinsabu f’riskju li ma jitwettqu qatt jew li ma jitwettqux fil-ħin minħabba ostakli marbuta mal-għoti tal-permessi, mar-regolamentazzjoni u mal-finanzjament.

(13) Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija skont it-Trattat, jiġifieri dawk li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, li jiġu promossi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli tal-enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija. B’dawn l-għanijiet fil-mira tagħha, din il-proposta tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u ġġib magħha benefiċċji għall-Unjoni kollha f’termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

(14) Il-Kummissjoni identifikat, wara konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, 12-il prijorità strateġika tal-infrastruttura enerġija trans-Ewropea, li l-implimentazzjoni tagħhom sal-2020 hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni. Dawn il-prijoritajiet ikopru reġjuni ġeografiċi jew oqsma tematiċi differenti fil-qasam tat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, it-trażmissjoni tal-gass, il-ħżin u l-infrastruttura tal-gass naturali likwifikat jew ikkompressat, it-trasport tad-diossidu tal-karbonju u l-infrastruttura taż-żejt.

(15) L-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni, trasparenti u oġġettivi fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija. Għall-elettriku u l-gass, il-proġetti proposti għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan disponibbli tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin. Il-pjan għandu jikkunsidra b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar rigward il-ħtieġa li jiġu integrati s-swieq periferali tal-enerġija.

(16) Fid-dawl tal-konformità mal-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti gruppi reġjonali bil-għan li jipproponu proġetti ta' interess komuni li se jkunu approvati mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat kunsens wiesa', dawn il-gruppi reġjonali għandhom jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-promoturi tal-proġetti u partijiet interessati rilevanti. Il-kooperazzjoni għandha tistrieħ kemm jista' jkun fuq strutturi eżistenti ta’ kooperazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali u operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u strutturi oħra stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(17) Il-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni għandha tkun limitata għall-proġetti li l-iktar jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija. Dan jirrikjedi li d-deċiżjoni dwar il-lista tittieħed mill-Kummissjoni, filwaqt li jiġi rispettat id-dritt tal-Istati Membri li japprovaw proġetti ta’ interess komuni marbuta mat-territorju tagħhom. Skont analiżi li twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, l-għadd ta’ dawn il-proġetti huwa stmat għal madwar 100 fil-qasam tal-elettriku u 50 fil-qasam tal-gass.

(18) Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli u għandhom ikunu mmonitorjati u evalwati mill-qrib, filwaqt li l-piż amministrattiv tal-promoturi tal-proġetti għandu jinżamm f’livell minimu. Il-Kummissjoni għandha tinnomina koordinaturi Ewropej għall-proġetti li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari.

(19) Il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ma għandhomx iwasslu għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs jew għall-kumplessità ta’ proġett u lanqas ma għandhom joħolqu ostakli għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej u l-aċċess għas-suq. Il-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 enfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati u mneħħija l-ostakli għall-investiment, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ippjanar u l-konsultazzjoni. Dawn il-konklużjonijiet ġew imsaħħa fil-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 li reġa’ enfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati u mtejba l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali.

(20) Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jingħataw “status prijoritarju” fil-livell nazzjonali, biex jiġi żgurat trattament amministrattiv rapidu. Il-proġetti ta' interess komuni għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma fl-interess pubbliku. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal proġetti li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha stipulati fid-Direttivi 92/43/KE u 2000/60KE.

(21) L-istabbiliment ta’ awtorità kompetenti waħda fil-livell nazzjonali li tintegra jew tikkoordina l-proċeduri kollha għall-għoti tal-permessi (“one-stop shop”) għandu jnaqqas il-kumplessità, iżid l-effiċjenza u t-trasparenza u jgħin biex titjieb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

(22) Minkejja l-eżistenza ta’ standards stabbiliti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ambjentali, jinħtieġu miżuri oħra biex jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli ta’ trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-kwistjonjiet kollha relatati mal-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti ta’ interess komuni.

(23) L-implimentazzjoni korretta u koordinata tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE kif emendata u tal-Konvenzjonijiet ta’ Aarhus u ta’ Espoo għandha tiżgura l-armonizzazzoni tal-prinċipji ewlenin tal-valutazzjoni tal-effetti ambjentali, inkluż f’kuntest transkonfinali. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tagħhom dwar proġetti ta’ interess komuni, u jipprovdu valutazzjonijiet konġunti meta jkun possibbli.

(24) Minħabba l-urġenza li jiġu żviluppati infrastrutturi tal-enerġija, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi għandha tkun akkumpjanata minn skadenza ċara biex tittieħed id-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-proġett. Dan il-limitu taż-żmien għandu jistimola definizzjoni u ttrattar aktar effiċjenti tal-proċeduri, u fl-ebda ċirkostanza ma għandu jwassal għal kompromess tal-istandards għolja għall-protezzjoni tal-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

(25) Dan ir-Regolament, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-permessi, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, għandu japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u d-dispożizzjonijiet adottati skont il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Ambjent Marittimu.

(26) Il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ proġett infrastrutturali abbażi ta’ metodoloġija armonizzata għall-analiżi tas-sistema kollha tal-enerġija, fil-qafas tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk ippreparati min-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku[27] u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali[28], u riveduta mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija skont ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija[29], għandha tkun il-bażi tad-diskussjoni fuq l-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż.

(27) F’suq intern tal-enerġija li dejjem qed isir iktar integrat, hemm bżonn regoli ċari u trasparenti għall-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż biex jiġi aċċellerat l-investiment fl-infrastruttura transkonfinali. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 fakkar fl-importanza li jiġi promoss qafas regolatorju li jattira l-investimenti fin-netwerks, b’tariffi stabbiliti f’livelli konsistenti mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament u l-allokazzjoni xierqa tal-ispiża għal investimenti transkonfinali, filwaqt li jittejbu l-kompetizzjoni u l-kompetittività, speċjalment tal-industrija Ewropea, u filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-konsumaturi.

(28) Il-leġiżlazzjoni eżistenti tas-suq intern tal-enerġija titlob li t-tariffi għall-aċċess għan-netwerks tal-gass u tal-elettriku għandhom jipprovdu inċentivi xierqa għall-investiment. Meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-inċentivi għal proġetti ta’ interess komuni, inklużi l-inċentivi fit-tul, jirriflettu l-livell ta’ riskju speċifiku tal-proġett. Dan japplika b'mod partikolari għat-teknoloġiji innovattivi tat-trażmissjoni fil-qasam tal-elettriku biex jippermettu għall-integrazzjoni fuq skala wiesgħa tal-enerġija rinnovabbli, tar-riżorsi tal-enerġija mqassma jew tar-rispons għad-domanda f'netwerks interkonnessi, u biex l-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-gass joffru kapaċità avvanzata jew flessibbiltà addizzjonali għas-suq biex jippermettu kummerċ f'perjodi qosra jew provvista ta' riżerva f'każ ta' interruzzjonijiet fil-provvista.

(29) Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR)[30] wera l-valur miżjud tal-ingranaġġ ta’ finanzjament privat permezz ta’ għajnuna finanzjarja sinifikanti tal-Unjoni li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ sinifikat Ewropew. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 irrikonoxxa li xi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-enerġija jistgħu jirrikjedu finanzjament pubbliku limitat għall-ingranaġġ tal-finanzjament privat. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u r-restrizzjonijiet baġitarji, għandu jiġi żviluppat appoġġ immirat, permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji, taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, li jattira investituri ġodda lejn il-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija, filwaqt li l-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni tinżamm f’livell minimu.

(30) Il-proġetti ta’ interess komuni fl-oqsma tal-elettriku, il-gass u d-diossidu tal-karbonju għandhom ikunu eliġibbli biex jirċievu għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għal studji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal xogħlijiet taħt il-proposta għal Regolament għal Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” (iktar ’il quddiem ir-Regolament tas-CEF), fil-forma ta’ għotjiet jew fil-forma ta’ strumenti finanzjarji innovattivi. Dan għandu jiżgura li jiġi pprovdut appoġġ personalizzat lil dawk il-proġetti ta’ interess komuni li ma jkunux vijabbli taħt il-qafas regolatorju u l-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tiżgura s-sinerġiji meħtieġa mal-finanzjament mill-istrumenti ta' politiki oħra tal-Unjoni. Partikolarment, il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” se tiffinanzja l-infrastruttura tal-enerġija ta' rilevanza Ewropea, filwaqt li l-Fondi Strutturali se jiffinanzjaw in-netwerks internazzjonali intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija ta' importanza lokali jew reġjonali. B'hekk, iż-żewġ sorsi ta' finanzjament se jikkumplimentaw lil xulxin.

(31) Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE għandha tiġi mħassra.

(32) Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija u l-konnessjoni ma’ dawn in-netwerks, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I – DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-linji gwida għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I.

2.           B’mod partikolari, dan ir-Regolament:;

(a) jistabbilixxi r-regoli li jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-kurituri u l-oqsma prijoritarji u li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija fl-elettriku, il-gass, iż-żejt, u d-diossidu tal-karbonju stabbiliti fl-Anness II;

(b) jiffaċilita l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ proġetti ta’ interess komuni billi jħaffef l-għoti tal-permessi u jtejjeb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku;

(c) jipprovdi regoli għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali u inċentivi marbuta mar-riskju għal proġetti ta’ interess komuni;

(d) jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ proġetti ta’ interess komuni għal għajnuna finanzjarja tal-Unjoni taħt ir-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”].

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet provduti fid-Direttivi 2009/28/KE, 2009/72/KE u2009/73/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009, u (KE) Nru 715/2009, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.           “infrastruttura tal-enerġija” tfisser kwalunkwe tagħmir fiżiku ddiżinjat biex jippermetti t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku jew gass, it-trasport taż-żejt jew id-diossidu tal-karbonju, jew il-ħżin tal-elettriku jew tal-gass, li jkun jinsab fl-Unjoni jew li jikkonettja lill-Unjoni ma’ pajjiż jew pajjiżi terzi;

2.           “deċiżjoni komprensiva” tfisser id-deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti li tagħti jew tirrifjuta awtorizzazzjoni għall-bini tal-infrastruttura tal-enerġija relatata ma’ proġett, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti meħuda fil-kuntest tal-għoti tal-aċċess għal proprjetà, tal-proċeduri ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju;

3.           “proġett” tfisser linji, pipelines, faċilitajiet, tagħmir, installazzjonijiet u kategoriji ta’ infrastruttura relatata, kemm jekk uniċi jew iżjed minn wieħed, kif stabbiliti fl-Anness II, li għandhom l-għan li jibnu infrastruttura ġdida tal-enerġija jew jirrinfurzaw jew jirranġaw l-infrastruttura tal-enerġija eżistenti;

4.           “proġett ta’ interess komuni” tfisser proġett li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I;

5.           “promotur ta’ proġett” tfisser:

(a) operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni jew operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni jew operatur jew investitur ieħor li jiżviluppa proġett ta’ interess komuni; jew

(b) jekk ikun hemm diversi operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, operaturi ta’ sistema tad-distribuzzjoni, operaturi oħra, investituri jew kull grupp magħmul minn dawn, l-entità b’personalità legali taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, li tkun intgħażlet b’arranġament kuntrattwali bejniethom u li jkollha l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi legali u li terfa’ responsabbiltà finanzjarja għan-nom tal-partijiet fl-arranġament kuntrattwali.

KAPITOLU II – PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

Artikolu 3 Identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni

1.           Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-Unjoni kollha. Il-lista għandha tiġi riveduta u aġġornata kif ikun meħtieġ kull sentejn. L-ewwel lista għandha tiġi adottata mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2013.

2.           Sabiex il-Kummissjoni tidentifika proġetti ta’ interess komuni, hija għandha tistabbilixxi Grupp Reġjonali (“Grupp”), kif definit fit-Taqsima 1 tal-Anness III imsejjes fuq kull kuritur u qasam ta' prijorità u l-kopertura ġeografika rispettiva tagħhom kif stabbilit fl-Anness I.

3.           Kull Grupp għandu jħejji l-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni skont il-proċess stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness III, skont il-kontribut ta' kull proġett għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I u skont jekk jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4. Kull proposta individwali għal proġett għandha tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat/i Membru/i, li l-proġett ikun marbut mat-territorju tiegħu/tagħhom.

4.           Għal proġetti tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, kull Grupp għandu jissottometti, mhux iżjed tard minn sitt xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“Aġenzija”).

Għall-proġetti tat-trasport taż-żejt u d-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 3 u 4 tal-Anness II, kull Grupp għandu jissottometti, mhux iżjed tard minn sitt xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni lill-Kummissjoni.

5.           Għall-proġetti tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-listi proposti ta’ proġetti ta’ interess komuni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, dwar il-listi proposti ta’ proġetti ta’ interess komuni, b’mod partikolari billi tikkunsidra l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 fost il-Gruppi, u r-riżultati tal-analiżi mwettqa mill-ENTSOs għall-Elettriku u tal-Gass f’konformità mal-punt 2.6 tal-Anness III.

6.           Għall-proġetti tat-trasport taż-żejt u tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbilti fil-punti 3 u 4 tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4. Għall-proġetti tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija stabbilta fil-punt 4 tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-potenzjal għall-estensjoni futura biex tinkludi Stati Membri addizzjonali.

7.           Abbażi tad-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-proġetti ta’ interess komuni għandhom isiru parti integrali mill-pjanijiet ta’ investiment reġjonali rilevanti skont l-Artikolu 12 tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 u tal-pjanijiet nazzjonali ta’ għaxar snin għall-iżvilupp rilevanti skont l-Artikolu 22 tad-Direttivi 72/2009/KE u 73/2009/KE u pjanijiet ta’ infrastruttura nazzjonali oħra kkonċernati, kif xieraq. Il-proġetti għandhom jingħataw l-ogħla prijorità possibbli f’kull wieħed minn dawn il-pjanijiet..

Artikolu 4 Kriterji għal proġetti ta' interess komuni

1.           Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a) il-proġett ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I; u

(b) il-proġett juri vijabbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali; u

(c) il-proġett ikun jinvolvi mill-inqas żewġ Stati Membri, permezz tal-qsim dirett tal-fruntieri ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed jew inkella billi jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jkollu impatt transkonfinali sinifikanti kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness IV;

2.           Barra minn hekk, il-kriterji speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija:

(a) fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

– integrazzjoni tas-suq, kompetizzjoni u flessibbiltà tas-sistema;

– sostenibbiltà, inter alia permezz tat-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’ċentri tal-konsum ewlenin u siti tal-ħżin;

– interoperabbiltà u operazzjoni ta’ sistema sigura;

(b) fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

– integrazzjoni tas-suq, interoperabbiltà u flessibbiltà tas-sistema;

– sigurtà tal-provvista; inter alia permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista, provvista ta’ kontropartijiet u rotot;

– kompetizzjoni, inter alia permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u permezz tal-provvosta ta’ kontropartijiet u rotot;

– sostenibbiltà;

(c) fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-grids intelliġenti tal-elettriku li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 1(e) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-funzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

– integrazzjoni u involviment tal-utenti tan-netwerk fir-rigward ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda f’dak li jirrigwarda l-provvista u d-domanda għall-elettriku;

– effiċjenza u interoperabbiltà tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku fl-operat ta' kuljum tan-netwerk;

– sigurtà tan-netwerk, kontroll tas-sistema u kwalità tal-provvista;

– ippjanar ottimizzat ta’ investimenti kosteffiċjenti fin-netwerks fil-futur;

– funzjonament tas-suq u servizzi għall-klijenti;

– involviment tal-utenti fil-ġestjoni tal-użu tal-enerġija tagħhom;

(d) fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport taż-żejt li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tliet kriterji speċifiċi li ġejjin:

– sigurtà tal-provvista li tnaqqas id-dipendenza fuq sors wieħed jew rotta waħda ta’ provvista;

– użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi permezz ta’ mitigazzjoni tar-riskji ambjentali;

– interoperabbiltà;

(e) fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tliet kriterji speċifiċi li ġejjin:

– evitar ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju bi spiża baxxa filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

– żieda tar-reżistenza u sigurtà tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju;

– użu effiċjenti tar-riżorsi, billi jiġu konnessi diversi sorsi u siti tal-ħżin tas-CO2 permezz ta’ infrastruttura komuni u billi jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji ambjentali.

3.           Fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 sa 3 tal-Anness II, il-kriterji elenkati f’dan l-Artikolu għandhom jiġu vvalutati skont l-indikaturi stabbiliti fil-punti 2 sa 5 tal-Anness IV.

4.           Fil-klassifikazzjoni tal-proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istess prijorità, għandha tingħata wkoll l-attenzjoni dovuta lill-urġenza ta’ kull wieħed mill-proġetti proposti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija li huma l-integrazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista, l-għadd ta’ Stati Membri milquta minn kull proġett propost, u l-kumplimentarjetà tiegħu fir-rigward ta’ proġetti oħra proposti. Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 1(e) tal-Anness II, għandha tingħata wkoll attenzjoni lil għadd ta’ utenti milquta mill-proġett, il-konsum annwali tal-enerġija u s-sehem ta’ ġenerazzjoni minn riżorsi mhux spedibbli fiż-żona koperta minn dawn l-utenti.

Artikolu 5 Implimentazzjoni u Monitoraġġ

1.           Il-promoturi ta' proġett għandhom jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni skont pjan ta’ implimentazzjoni li jinkludi skeda taż-żmien għall-istudji dwar il-fattibbiltà u t-tfassil, l-approvazzjoni regolatorja, il-bini u l-ikkummissjonar, u l-iskeda tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikolu 11(3). L-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jew operaturi oħra għandhom iħaddmu proġetti ta’ interess komuni fiż-żona tagħhom.

2.           L-Aġenzija u l-Gruppi għandhom jimmonitorjaw il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni. Il-Gruppi jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali, ipprovduta f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5, jivverifikaw l-informazzjoni provduta fuq il-post u jsejħu laqgħat mal-partijiet rilevanti. Il-Gruppi jistgħu wkoll jitolbu lill-Aġenzija tieħu miżuri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni.

3.           Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena wara s-sena tal-għażla bħala proġett ta’ interess komuni skont l-Artikolu 4, il-promoturi ta' proġett għandhom jissottomettu rapport annwali, għal kull proġett li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, lill-Aġenzija jew, għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 3 u 4 tal-Anness II lill-Grupp rispettiv. Dan ir-rapport għandu jipprovdi dettalji dwar:

(f) il-progress miksub għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar tal-proġett, speċjalment fir-rigward ta’ proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-konsultazzjoni;

(g) fejn huwa rilevanti, id-dewmien meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni u diffikultajiet oħra ffaċċjati.

4.           Fi żmien tliet xhur mill-wasla tar-rapporti annwali, l-Aġenzija għandha tissottometti lill-Gruppi rapport konsolidat għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, li jevalwa l-progress miksub u jipproponi miżuri, fejn xieraq, biex jingħelbu d-dewmien u d-diffikultajiet li jinstabu. L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009, l-implimentazzjoni konsistenti tal-pjanijiet ta’ żvilupp tan-netwerk fl-Unjoni fir-rigward tal-kurituri u l-oqsma tal-prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I.

5.           Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati msemmija fl-Artikolu 9 għandhom, fil-laqgħa ta’ wara l-wasla tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 3, jirrapurtaw lill-Grupp rispettiv dwar l-istatus u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom.

6.           Jekk l-ikkummissjonar ta’ proġett ta’ interess komuni jiddewwem b’iżjed minn sentejn meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti:

(a) Il-promotur ta’ proġett ta’ dak il-proġett għandu jaċċetta l-investimenti minn operatur jew investitur wieħed jew iktar għall-implimentazzjoni tal-proġett. L-operatur tas-sistemi, li l-investiment ikun jinsab fiż-żona tiegħu, għandu jipprovdi lill-operatur(i) jew l-investitur(i) li jkun(u) qed jimplimenta(w) proġett l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-investiment, għandu jikkonnettja assi ġodda man-netwerk tat-trażmissjoni u, b’mod ġenerali, għandu jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-investiment u l-operat u l-manutenzjoni tal-proġett ta’ interess komuni b’mod sigur, affidabbli u effiċjenti.

(b) il-Kummissjoni tista’ tniedi sejħa għal proposti lil kwalunkwe promotur ta’ proġett biex jibni l-proġett skont skeda taż-żmien maqbula.

7.           Proġett ta’ interess komuni jista’ jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni skont il-proċedura stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1), jekk:

(a) L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema kollha tal-enerġija mwettqa mill-ENTSOs skont il-punt 6 tal-Anness III ma tagħtix riżultat pożittiv għall-proġett;

(b) Il-proġett ma jibqax inkluż fil-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk;

(c) L-inklużjoni fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni;

(d) Il-proġett ma jkunx f’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

Proġetti, li jitneħħew mil-lista tal-Unjoni, jitilfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għal proġetti ta’ interess komuni. Dan l-artikolu ma għandux ikun ta’ preġudizzju għal kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni mħallas lill-proġett qabel id-deċiżjoni li dan jitneħħa mil-lista.

Artikolu 6 Koordinaturi Ewropej

1.           Meta proġett ta’ interess komuni jesperjenza diffikultajiet ta’ implimentazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tagħżel koordinatur Ewropew għal perjodu massimu ta’ sena li jista’ jiġġedded darbtejn.

2.           Il-koordinatur Ewropew għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) jippromwovi l-proġett(i) li għalih/hom ikun intgħażel bħala koordinatur Ewropew u jippromovi d-djalogu transkonfinali bejn il-promoturi ta’ proġett u l-partijiet interessati kollha kkonċernati;

(b) jassisti l-partijiet kollha kif inhu meħtieġ fil-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati kkonċernati fil-ksib tal-permessi meħtieġa għall-proġett(i);

(c) jiżgura li jingħataw appoġġ u direzzjoni strateġika xierqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett(i);

(d) jissottometti rapport lill-Kummissjoni kull sena dwar il-progress tal-proġett(i) u dwar kwalunkwe diffikultajiet u ostakli li aktarx li jtawlu b’mod sinifikanti d-data tal-ikkummissjonar tal-proġett(i). Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-rapport lill-Gruppi kkonċernati u lill-Parlament Ewropew.

3.           Il-koordinatur Ewropew għandu jintgħażel abbażi tal-esperjenza tiegħu fir-rigward tal-kompiti speċifiċi assenjati lilu għall-proġett(i) kkonċernat/i.

4.           Id-deċiżjoni li jintgħażel koordinatur Ewropew għandha tispeċifika t-termini ta’ referenza li jipprovdu dettalji dwar it-tul taż-żmien tal-mandat, il-kompiti speċifiċi u l-iskadenza taż-żmien korrispondenti u l-metodoloġija li għandha tiġi segwita. L-isforz ta’ koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u l-ispejjeż stmati tal-proġett(i).

5.           L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw mal-koordinatur Ewropew fit-twettiq tal-kompiti tiegħu/tagħha msemmija fil-paragrafi 2 u 4.

KAPITOLU III – Għoti tal-permessi u parteċipazzjoni tal-pubbliku

Artikolu 7 Reġim ta’ interess komuni

1.           Għall-finijiet tal-tħaffif tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi u t-titjib tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu applikabbli għall-proġetti kollha ta’ interess komuni.

Artikolu 8 "Status ta' prijorità" ta’ proġetti ta’ interess komuni

1.           Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu allokati l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċeduri għall-għoti tal-permessi, fejn u bil-mod li dan it-trattament ikun previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tip ta’ infrastruttura tal-enerġija korrispondenti.

2.           L-adozzjoni tal-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni għandha tistabbilixxi l-interess pubbliku u n-neċessità ta’ dawn il-proġetti fl-Istati Membri kkonċernati u għandha tiġi rikonoxxuta mill-partijiet kollha kkonċernati.

3.           Bil-għan li jiġi żgurat ipproċessar amministrattiv effiċjenti tal-fajls marbuta ma’ proġetti ta’ interess komuni, il-promoturi ta’ proġett u l-awtoritajiet kollha għandhom jiżguraw li jingħata l-iżjed trattament preferenzjali possibbli lil dawn il-fajls fir-rigward tar-riżorsi allokati.

4.           Bil-għan li jintlaħqu l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 11 u li jitnaqqas il-piż amministrattiv għat-tlestija tal-proġetti ta' interess komuni, l-Istati Membri għandhom, fi żmien disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jieħdu l-miżuri biex itejbu l-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida biex tappoġġja lill-Istati Membri fid-definizzjoni ta' miżuri adegwati u biex tiżgura l-applikazzjoni koerenti tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali mitluba skont il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-proġetti ta' interess komuni.

5.           Fir-rigward tal-impatti ambjentali indirizzati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KE u l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE, il-proġetti ta' interess komuni għandhom jiġu kkunsidrati li huma ta' interess pubbliku, u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala "interest pubbliku prevalenti", sakemm il-kundizzjonijiet previsti kollha f'dawn id-Direttivi jiġu ssodisfati.

Jekk tkun meħtieġa l-opinjoni tal-Kummissjoni skont id-Direttiva 92/43/KE, skont l-Artikolu 9, il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni dwar l-"interess pubbliku prevalenti" ta' proġett tittieħed fil-limitu taż-żmien skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 11.

Artikolu 9 Organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi

1.           Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jagħżel awtorità kompetenti nazzjonali waħda li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta' interess komuni u għall-implimentazzjoni tal-kompiti rilevanti tal-proċess tal-għoti tal-permessi kif definit f'dan il-Kapitolu.

2.           L-awtorità kompetenti għandha tagħti d-deċiżjoni komprensiva, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik internazzjonali, fil-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 11(1) skont waħda mill-iskemi li ġejjin:

(a) skema integrata: id-deċiżjoni komprensiva meħuda mill-awtorità kompetenti hija l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li tirriżulta mill-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi. Meta awtoritajiet oħra jkunu kkonċernati mill-proġett, skont il-leġizlazzjoni nazzjonali dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala input għall-proċedura li għandha tiġi kkunsidrata mill-awtorità kompetenti.

(b) skema koordinata: Id-deċiżjoni komprensiva tista' tinkludi bosta deċiżjonijiet individwali legalment vinkolanti meħuda mill-Awtorità Kompetenti u minn awtoritajiet oħra kkonċernati. L-awtorità kompetenti għandha, fuq il-bażi ta' każ b'każ, tistabbilixxi limitu taż-żmien raġonevoli li matulu għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet individwali. L-awtorità kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni individwali f'isem awtorità nazzjonali oħra kkonċernata, jekk id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tasalx fil-limitu taż-żmien u jekk id-dewmien ma jkunx jista' jiġi ġġustifikat b'mod adegwat. L-awtorità kompetenti tista' tħassar deċiżjoni individwali ta' awtorità nazzjonali oħra jekk tikkunsidra li d-deċiżjoni mhijiex ssostanzjata biżżejjed fir-rigward tal-evidenza ppreżentata mill-awtorità kkonċernata. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-rekwiżiti rilevanti skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni jiġu rrispettati u għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.b'mod korrett

3.           Jekk proġett ta' interess komuni jitlob li d-deċiżjonijiet jittieħdu f'żewġ Stati Membri jew iktar, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jieħu l-passi neċessarji kollha għal kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom, inkluż il-konformità mal-Konvenzjoni Espoo u d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3). L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu proċeduri konġunti, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali.

4.           L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li appelli li jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjoni komprensiva jiġu ttrattati bl-iżjed mod effiċjenti possibbli.

Artikolu 10 Trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku

1.           Sabiex iżżid it-trasparenza għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien disa’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tippubblika manwal ta’ proċeduri għall-proċess għall-għoti tal-permessi applikabbli għal proġetti ta’ interess komuni. Il-manwal għandu jiġi aġġornat kif ikun meħtieġ u jkun disponibbli għall-pubbliku. Il-manwal għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni speċifikata fil-punt 1 tal-Anness VI.

2.           Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit abbażi tal-Konvenzjonijiet Aarhus u Espoo u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-partijiet kollha involuti fil-proċess għall-għoti tal-permess għandhom jimxu fuq il-prinċipji tal-parteċipazzjoni al-pubbliku stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI.

3.           Il-promotur ta’ proġett għandu jelabora u jissottometti, fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi skont il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 11, kunċett dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha titlob modifiki jew tapprova l-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi żmien xahar. Il-kunċett għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni speċifikata fil-punt 3 tal-Anness VI.

4.           Mill-inqas konsultazzjoni pubblika waħda għandha titwettaq mill-promotur ta’ proġett, jew, fejn dan huwa stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-awtorità kompetenti, qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 11. Il-konsultazzjoni pubbliku għandha tipprovdi lill-partijiet interessati msemmija fil-punt (2)(a) tal-Anness VI, dwar il-proġett fi stadju bikri u tidentifika l-iżjed post jew perkors xierqa u l-kwistjonijiet rilevanti li għandhom jiġu indirizzati fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-modalitajiet minimi ta’ din il-konsultazzjoni pubblika huma speċifikati fil-punt 4 tal-Anness VI. Rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni għandu jiġi ppreparat mill-promotur ta' proġett u sottomess flimkien mal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti, li għandha tikkunsidra dawn ir-riżultati meta tieħu d-deċiżjoni komprensiva.

5.           Għal proġetti li jaqsmu l-fruntieri ta’ żewġ Stati Membri jew iżjed, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, skont il-paragrafu 4, f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandhom isiru f’mhux iżjed minn xahrejn mid-data li fiha tkun inbdiet l-ewwel konsultazzjoni tal-pubbliku f’wieħed minn dawn l-Istati Membri.

6.           Għal proġetti li x’aktarx ikollhom impatti negattivi transkonfinali sinifikanti fi Stat Membru wieħed jew iżjed tal-viċinat, fejn ikunu applikabbli l-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337/KEE u l-Konvenzjoni Espoo, l-informazzjoni rilevanti għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i tal-viċinat. L-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i tal-viċinat għandha tindika jekk tixtieqx tipparteċipa fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika rilevanti.

7.           Il-promotur ta’ proġett, jew, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi dan, l-awtorità kompetenti, għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw regolarment sit elettroniku ta’ proġett li fih jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti dwar il-proġett, li għandha tkun konnessa mas-sit elettroniku tal-Kummissjoni u li għandha tissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fil-punt 5 tal-Anness VI. Informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tinżamm kunfidenzjali.

Barra minn dan, il-promoturi ta’ proġett għandhom jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni xierqa oħra, li għalihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess liberu.

Artikolu 11 Tul taż-żmien u implimentazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi

1.           Il-perjodu ta’ żmien tal-proċess għall-għoti tal-permessi għandu jikkonsisti minn żewġ fażijiet u ma għandux jaqbeż perjodu ta’ tliet snin:

(a) il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, li tkopri l-perjodu bejn il-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi u l-aċċettazzjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni sottomess mill-awtorità kompetenti, ma għandhiex taqbeż sentejn.

Bil-għan li jiġi stabbilit il-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi, il-promotur(i) ta’ proġett għandu/hom jinnotifika/w il-proġett lill-awtorità kompetenti tal-Istat(i) kkonċernat(i) bil-miktub, u għandu/hom jinkludi/u deskrizzjoni raġonevolment dettaljata tal-proġett. Mhux iżjed minn ġimagħtejn wara l-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta, jew jekk tqis li l-proġett ma laħaqx biżżejjed maturità biex jidħol fil-proċess għall-għoti tal-permess, tiċħad in-notifika bil-miktub. F’każ ta’ ċaħda, l-awtorità kompetenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Id-data tal-iffirmar tal-aċċettazzzjoni tan-notifika mill-awtorità kompetenti għandha sservi bħala l-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permess. Fejn ikunu kkonċernati żewġ Istati Membri jew iżjed, l-aċċettazzjoni tan-notifika mill-aħħar awtorità kompetenti kkonċernata għandha sservi bħala d-data tal-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

(b) Il-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi, li tkopri l-perjodu mill-aċċettazzjoni tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess sakemm l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni komprensiva, ma għandhiex taqbeż sena. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data iktar kmieni għal-limitu taż-żmien jekk dan jitqies xieraq.

2.           Fi żmien xahar mill-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi, skont il-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti għandha tidentifika, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet l-oħra kkonċernati, il-kamp ta' applikazzjoni tal-materjal u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-promotur ta’ proġett, bħala parti mill-fajl tal-applikazzjoni, biex japplika għad-deċiżjoni komprensiva. Il-lista ta’ verifika msemmija fil-punt 1(e) tal-Anness VI għandha sservi bħala bażi għal din l-identifikazzjoni. Għal dan l-għan, għandha ssir mill-inqas laqgħa waħda bejn l-awtorità kompetenti u l-promotur tal-proġett, u jekk jitqies xieraq mill-awtorità kompetenti, awtoritajiet u partijiet interessati oħra kkonċernati. Deskrizzjoni ta’ applikazzjoni dettaljata, li għandha tinkludi r-riżultati ta’ din il-laqgħa, għandha tiġi trażmessa lill-promotur ta’ proġett mhux iżjed tard minn xahar wara l-laqgħa.

3.           Fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi skont il-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti għandha telabora, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-promotur ta’ proġett u awtoritajiet oħra kkonċernati u wara li tikkunsidra r-riżultati tal-attivitajiet imwettqa skont il-paragrafu 2, skeda dettaljata għall-proċess għall-għoti tal-permessi, li tidentifika bħala minimu dawn li ġejjin:

(a) id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(b) l-awtoritajiet, il-partijiet interessati, u l-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat;

(c) l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul taż-żmien tagħha;

(d) tragwardi ewlenin li għandhom jintlaħqu u l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li għandha tittieħed;

(e) ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u ħtiġijiet ta’ riżorsi addizzjonali possibbli.

Għal proġetti li jaqsmu l-fruntiera bejn żewġ Stati Membri jew iżjed, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jallinjaw l-iskedi ta’ żmien tagħhom u jelaboraw skeda konġunta.

4.           Il-promotur ta’ proġett għandu jiżgura l-kompletezza u n-natura adegwata tal-fajl tal-applikazzjoni, u għandu jitlob l-opinjoni tal-awtorità kompetenti dwar dan mill-iktar fis possibbli matul il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni. Il-promotur ta’ proġett għandu jikkoopera mal-awtorità kompetenti biex jiġu rispettati l-iskadenzi u l-iskeda dettaljata kif definit fil-paragrafu 3.

5.           Fi żmien xahar mill-wasla tal-fajl tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha, jekk ikun meħtieġ, tagħmel talbiet ulterjuri għal informazzjoni nieqsa li għandha tiġi sottomessa mill-promotur ta’ proġett, li jista’ jindirizza biss is-suġġetti identifikati fid-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni. Fi żmien xahar mill-wasla tal-fajl tal-applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta l-applikazzjoni bil-miktub. Sussegwentament, talbiet għal informazzjoni addizzjonali jistgħu jsiru jekk ikunu ġustifikati minn ċirkostanzi ġodda u spjegati kif dovut mill-awtorità kompetenti.

6.           F’każ ta’ skadenza tal-limitu ta’ żmien għad-deċiżjoni komprensiva, l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta lill-Grupp kompetenti l-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu biex jikkonkludu l-proċess tal-għoti tal-permess bl-inqas dewmien possibbli. Il-Grupp jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub f’dan ir-rigward.

7.           Il-limiti ta' żmien fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq se jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mil-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni.

KAPITOLU IV – Trattament regolatorju

Artikolu 12 Analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija

1.           Fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jissottomettu lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni l-metodoloġija rispettiva tagħhom, inkluż fuq l-immudellar tan-netwerk u tas-suq, għal analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ sistema tal-enerġija armonizzata li taqa’ fil-kategoriji msemmija fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II. Il-metodoloġija għandha tiġi elaborata f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V.

2.           Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-metodoloġija, l-Aġenzija, wara li tikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija.

3.           Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar il-metodoloġija.

4.           Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jadattaw il-metodoloġija tagħhom skont dan u jissottomettuha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

5.           Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jippubblikaw il-metodoloġija fuq is-siti elettroniċi tagħhom. Huma għandhom jittrażmettu s-settijiet ta’ dejta tal-input korrispondenti, kif definiti fil-punt 1 tal-Anness V, u dejta oħra rilevanti dwar in-netwerk, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed, skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet dwar il-kunfidenzjalità rilevanti, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija, meta mitluba jagħmlu dan. Id-dejta għandha tkun valida fid-data tat-talba. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-dejta li taslilhom, min-naħa tagħhom stess u min-naħa ta’ kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku għalihom abbażi ta’ dik id-dejta.

6.           Il-metodoloġija għandha tiġi aġġornata u mtejba regolarment billi tiġi segwita l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5. L-Aġenzija, wara li tikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornament u titjib bil-ġustifikazzjoni u t-termini ta’ żmien dovuti.

7.           Il-metodoloġija għandha tiġi applikata għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż taħt il-pjanijiet ta’ għaxar snin sussegwenti kollha għall-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku jew tal-gass żviluppati mill-ENTSOs għall-Elettriku u għall-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 714/2009 u r-Regolament (KE) 715/2009.

8.           Sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jissottomettu b'mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell komuni għas-suq u għan-netwerk tal-elettriku u tal-gass li jinkludi kemm it-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku u l-gass u li jkopru l-kurituri u l-oqsma ta' prijorità indikati fl-Anness I u elaborati f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Aneess V. Wara l-approvazzjoni ta’ dan il-mudell mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4, dawn għandhom jiġu inklużi fil-metodoloġija.

Artikolu 13 Permess għal investimenti b’impatti transkonfinali

1.           L-ispejjeż tal-investiment marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni li jaqa' fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II għandhom jiġu koperti mill-operatur(i) tas-sistema tat-trażmissjoni tal-Istat(i) Membru/i li l-proġett jipprovdilu/hom impatt pożittiv nett, u għandhom jitħallsu mill-utenti tan-netwerks permezz ta’ tariffi għall-aċċess għan-netwerks.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) 714/2009.

2.           L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż attwali magħmula minn operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni jew promotur ieħor ta’ proġett bħala riżultat tal-investimenti u l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż korrispondenti msemmija fil-paragrafu 3 meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi skont l-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli.

3.           Mingħajr preġudizzju għall-investimenti fi proġetti ta’ interess komuni permezz ta’ ftehim reċiproku bejn l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom japprovaw l-investimenti u jiddeċiedu b’mod konġunt dwar l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż korrispondenti għal proġetti ta’ interess komuni jew pakketti għalihom kif ukoll dwar l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-investimenti fit-tariffi tat-trażmissjoni.

4.           Il-promotur(i) ta’ proġett ta’ interess komuni li jaqa'/jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II għandu/hom iżommu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati infurmati regolarment bil-progress ta’ dak il-proġett u l-identifikazzjoni tal-ispejjeż u l-impatti assoċjati miegħu. Hekk kif proġett ta’ interess komuni magħżul skont l-Artikolu 3 u li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II ikun laħaq biżżejjed maturità, il-promotur ta’ proġett għandu jissottometti talba ta’ investiment, inkluża allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, akkompanjata minn dawn li ġejjin:

(a) analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu 12; u

(b) pjan ta’ negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, inkluża s-soluzzjoni ta’ finanzjament magħżula, u għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategorija msemmija fil-punt 2 tal-Anness I, ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq.

Jekk proġett jiġi promoss minn diversi operaturi jew investituri, dawn għandhom jissottomettu t-talba tagħhom b'mod konġunt.

Għal proġett li jinsabu fil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu t-talba tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2013.

Kopja ta’ kull talba ta’ investiment għandha tiġi trażmessa għal skopijiet ta’ informazzjoni u mingħajr dewmien mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija malli tasal.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.           Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet l-aħħar talba mingħand l-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, wara konsultazzjoni mal-promotur(i) tal-proġett ikkonċernat(i), jieħdu deċiżjoni konġunta dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-investiment li għandhom jiġu koperti minn kull operatur tas-sistema għal dak il-proġett, kif ukoll dwar l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi tan-netwerks. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jallokaw biss parti mill-ispejjeż jew li jallokaw l-ispejjeż fuq pakkett ta’ diversi proġetti ta’ interess komuni.

Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali u l-benefiċċji tal-proġett(i) fl-Istati Membri kkonċernati u l-possibbiltà li jkun hemm bżonn appoġġ finanzjarju.

Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandha tinkludi raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom ikunu ġew allokati l-ispejjeż fost l-Istati Membri, bħalma huma dawn li ġejjin:

(a) evalwazzjoni tal-impatti identifikati, inklużi dawk li jikkonċernaw it-tariffi tan-netwerks, fuq kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati;

(b) evalwazzjoni tal-pjan ta’ negozju msemmi fil-paragrafu 4(b);

(c) esternalitajiet pożittivi reġjonali jew mifruxa fl-Unjoni kollha ġġenerati mill-proġett;

(d) ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-promotur(i) ta’ proġett ikkonċernat(i).

Id-deċiżjoni tal-allokazzjoni għandha tiġi ppubblikata.

6.           Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar it-talba ta’ investiment fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet it-talba mingħand l-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

F’dan il-każ jew fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati, id-deċiżjoni dwar it-talba ta’ investiment inkluża l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 4, kif ukoll il-metodu ta’ kif l-ispiża tal-investimenti jkunu riflessi fit-tariffi għandha tittieħed mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Aġenzija.

Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati u l-promotur(i) ta’ proġett. Il-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn meta jkun hemm bżonn iżjed informazzjoni mill-Aġenzija. Dak il-perjodu addizzjonali għandu jibda fil-jum wara l-wasla tal-informazzjoni kompluta.

Id-deċiżjoni tal-allokazzjoni għandha tiġi ppubblikata.

7.           Kopja tad-deċiżjonijiet kollha, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward ta’ kull deċiżjoni, għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-Aġenzija lill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi sottomessa f’forma aggregata. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

8.           Din l-allokazzjoni tal-ispejjeż ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni li japplikaw u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li japprovaw bidliet għal aċċess għal netwerks skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72/KE u tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

Artikolu 14 Inċentivi

1.           Meta promotur ta’ proġett jieħu riskji akbar għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni, l-operat jew il-manutenzjoni ta’ proġett ta' interess komuni li jaqa' taħt il-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, minbarra għall-proġetti ta' ħżin tal-elettriku ppumpjat bl-ilma (hydro-pumped electricity storage projects), meta mqabbla mar-riskji li jittieħdu normalment minn proġett ta’ infrastruttura komparabbli, u meta dawn ir-riskji ma jkunux koperti b’eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li jingħataw inċentivi xierqa lil dak il-proġett fl-applikazzjoni tal-Artikolu 37(8) tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

2.           Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-għoti ta’ dawn l-inċentivi għandha tikkunsidra r-riżultati tal-analiżi tal-benefiċċju tal-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu 12 u b’mod partikolari l-esternalitajiet pożittivi reġjonali jew fl-Unjoni kollha ġġenerati mill-proġett. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha għandhom janalizzaw iktar ir-riskji speċifiċi meħuda mill-promotur(i) ta’ proġett, il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju meħuda u l-ġustifikazzjoni ta’ dan il-profil tar-riskju fid-dawl tal-impatt pożittiv nett ipprovdut mill-proġett, meta mqabbel ma’ alternattiva ta’ riskju baxx. Ir-riskji eliġibbli għandhom jinkludu b’mod partikolari riskji marbuta ma’ teknoloġiji ta’ trażmissjoni ġodda, kemm fuq l-art kif ukoll barra mill-kosta, riskji relatati mal-insuffiċjenza fil-kopertura tal-ispejjeż u riskji relatati mal-iżvilupp.

3.           L-inċentiv mogħti bid-deċiżjoni għandu jikkunsidra n-natura speċifika tar-riskju sostnut u jkun ikopri:

(a) regoli għal investiment antiċipatorju; jew

(b) regoli għar-rikonoxximent ta’ spejjeż sostnuti b’mod effiċjenti qabel l-ikkummissjonar tal-proġett; jew

(c) regoli għall-provvista ta’ ritorn addizzjonali fuq il-kapital investit għall-proġett; jew

(d) kwalunkwe miżura oħra li hija meqjusa meħtieġa u xierqa.

4.           Sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-Aġenzija għandha toħroġ gwida skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009:

(a) rigward l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ punt ta’ riferiment tal-aħjar prattika minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

(b) rigward metodoloġija komuni li tevalwa r-riskji ogħla meħuda għal investimenti fi proġetti ta’ trażmissjoni tal-elettriku u l-gass.

5.           Sal-31 ta’ Lulju 2013, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippubblika l-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati għall-evalwazzjoni ta’ investimenti fi proġetti tal-elettriku u l-gass u r-riskji akbar li jieħdu huma.

6.           Il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida dwar l-inċentivi stabbiliti f’dan l-Artikolu skont l-Artikolu 18(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u l-Artikolu 23 (1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

KAPITOLU V – Finanzjament

Artikolu 15 Eliġibbiltà ta’ proġetti għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni

1.           Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1, 2 u 4 tal-Anness II huma eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal studji u strumenti finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”].

2.           Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II, minbarra proġetti ta’ ħżin tal-elettriku ppumpjat bl-ilma, għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”], jekk jitwettqu skont il-proċedura msemmija fil-paragrafu 6(b) tal-Artikolu 5 jew jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:

(a) l-analiżi speċifika tal-benefiċċji u l-ispejjeż għall-proġett skont il-paragrafu 4(a) tal-Artikolu 13 tipprovdi provi li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ esternalitajiet pożittivi sinifikanti, bħas-sigurtà tal-provvista, is-solidarjetà jew l-innovazzjoni; u

(b) il-proġett ma jkunx kummerċjalment vijabbli skont il-pjan tan-negozju u evalwazzjonijiet oħra mwettqa, speċjalment minn investituri jew kredituri possibbli. Id-deċiżjoni dwar l-inċentivi u l-ġustifikazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 14 għandha tittieħed meta tiġi evalwata l-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett; u

(c) il-proġett ikun irċieva deċiżjoni tal-allokazzjoni ta’ spejjeż transkonfinali skont Artikolu 13 jew, għal proġetti li jkunu rċevew eżenzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, opinjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti u l-Aġenzija dwar il-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett.

3.           Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(e) u 4 tal-Anness II għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”], jekk il-promoturi tal-proġett ikkonċernati jkunu jistgħu juru b’mod ċar l-esternalitajiet pożittivi sinifikanti ġġenerati mill-proġetti u n-nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali tagħhom.

KAPITOLU VI – Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 16 Rapportar u evalwazzjoni

Mhux iktar tard mill-2017, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjonu ta' proġetti ta' interess komuni. Dan ir-rapport għandu jipprovdi evalwazzjoni:

(a) tal-progress miksub għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar ta’ proġetti ta’ interess komuni magħżula skont l-Artikolu 3, u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni u diffikultajiet oħra ffaċċjati;

(b) tal-fondi użati u żburżati mill-Unjoni għal proġetti ta’ interess komuni skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”], imqabbla mal-valur totali tal-proġetti ta’ interess komuni ffinanzjati;

(c) li tikkonċerna s-setturi tal-elettriku u l-gass, l-evoluzzjoni tal-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, l-evoluzzjoni korrispondenti tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll l-għadd ta’ avvenimenti ta’ falliment tas-sistema tan-netwerk, il-kawżi tagħhom u l-ispiża ekonomika relatata;

(d) li tikkonċerna l-għoti tal-permessi u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku:

– it-tul ta’ żmien totali medju u massimu ta’ proċeduri tal-awtorizzazzjoni għal proġetti ta’ interess komuni, inkluż it-tul ta’ żmien ta’ kull pass tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, imqabbla maż-żmien previst mit-tragwardi ewlenin tal-bidu msemmija fl-Artikolu 11(3);

– il-livell ta’ oppożizzjoni ffaċċjata minn proġetti ta’ interess komuni (speċjalment għadd ta’ osservazzjonijiet bil-miktub waqt proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, għadd ta’ azzjonijiet għal rikors legali);

(e) li tikkonċerna t-trattament regolatorju:

– l-għadd ta’ proġetti ta’ interess komuni li ngħataw deċiżjoni ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż transkonfinali skont l-Artikolu 13;

– l-għadd u t-tip ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew inċentivi speċifiċi skont l-Artikolu 14;

Artikolu 17 Informazzjoni u pubbliċità

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjattaforma trasparenti tal-infrastruttura li tkun faċilment aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali. Din il-pjattaforma għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a) informazzjoni ġenerali, aġġornata regolarment, inkluża informazzjoni ġeografika, għal kull proġett ta’ interess komuni;

(b) il-pjan ta’ implimentazzjoni għal kull proġett ta’ interess komuni;

(c) ir-riżultati ewlenin tal-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu 12 għall-proġetti ta’ interess komuni kkonċernati, minbarra informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 18 Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifikazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni abbażi ta’ sejħiet imnedija skont ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[31] għal proġetti elenkati fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni 1364/2006/KE jew fid-dawl tal-miri, ibbażati fuq il-kategoriji rilevanti tan-nefqa għat-TEN-E, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[32].

Artikolu 19 Revoka

Id-Deċiżjoni 1364/2006/KE hija hawnhekk imħassra mill-1 ta’ Jannar 2014. Ma għandhom jirriżultaw l-ebda drittijiet taħt dan ir-Regolament għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni 1364/2006/KE.

Artikolu 20 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I

KURITURI U OQSMA PRIJORITARJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kurituri u l-oqsma ta’ prijorità tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropej li ġejjin:

1. Kurituri prijoritarji tal-elettriku

(1) Il-Grid Barra mill-Kosta tal-Ibħra tat-Tramuntana (“NSOG” - Northern Seas Offshore Grid): grid tal-elettriku integrata barra mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Irlandiż, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija barra mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin u għaż-żieda tal-kambju tal-elettriku transkonfinali.

Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, ir-Renju Unit;

(2) Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI tal-Punent - Elettriku ”): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tar-reġjun u ma’ pajjiżi terzi tal-Mediterran, speċjalment biex jintegraw l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Malta, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit;

(3) Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa (“NSI tal-Lvant - Elettriku”): interkonnessjonijiet u linji interni fid-direzzjonijiet ta’ Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent biex ilestu s-suq intern u jintegraw ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja;

(4) Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-elettriku (“BEMIP tal-Elettriku”): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri fir-reġjun Baltiku u r-rinfurzar ta’ infrastrutturi tal-grid interni skont dan, biex jintemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi u biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun;

Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.

2. Kurituri prijoritarji tal-gass

(5) Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI tal-Punent - Gass”): kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni għal flussi tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa biex ikomplu jiddiversifikaw ir-rotot tal-provvista u jżidu l-kapaċità ta’ kunsinna ta’ gass fi żmien qasir.

Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit;

(6) Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa (“NSI tal-Lvant - Gass”): konnessjonijiet tal-gass reġjonali bejn ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Ibħra Adrijatiku u tal-Eġew u l-Baħar l-Iswed, speċjalment biex itejbu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-gass;

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja

(7) Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (“SGC”): trażmissjoni ta’ gass mill-Baċir tal-Kaspju, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Baċir Mediterranju tal-Lvant lill-Unjoni sabiex ittejjeb id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja;

(8) Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fil-gass (“BEMIP tal-Gass”): infrastruttura li ttemm l-iżolament tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja u d-dipendenza tagħhom fuq fornitur wieħed u għaż-żieda tad-diversifikazzjoni tal-fornituri fir-reġjun tal-Baħar Baltiku;

Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.

3. Kurituri prijoritarji taż-żejt

(9) Konnessjonijiet tal-provvista taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa (“OSC”): interoperabbiltà tan-netwerk tal-pipelines taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa għaż-żieda tas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tar-riskji ambjentali.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja.

4. Oqsma tematiċi prijoritarji

(10) Użu tal-grids intelliġenti: adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti fl-Unjoni li jintegraw b’mod effiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha għan-netwerk tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew distribwiti u jitolbu rispons mill-konsumaturi;

Stati Membri kkonċernati: kollha;

(11) Awtostradi tal-elettriku: l-ewwel awtostradi tal-elettriku sal-2020, fid-dawl tal-bini ta’ sistema ta’ awtostradi tal-elettriku fl-Unjoni.

Stati Membri kkonċernati: kollha;

(12) Netwerk transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju: żvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi tal-viċinat biex ikunu jistgħu jsiru l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

Stati Membri kkonċernati: kollha.

ANNESS II

KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li għandhom jiġu żviluppati sabiex jimplimentaw il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija elenkati fl-Anness I huma dawn li ġejjin:

(1) fir-rigward tal-elettriku:

(a) linji tat-trażmissjoni fl-għoli ta’ vultaġġ għoli, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 220 kV jew iżjed, u kejbils tat-trażmissjoni taħt l-art u tas-sottomarini, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew iżjed;

(b) fir-rigward b’mod partikolari ta’ awtostradi tal-elettriku; kwalunkwe tagħmir fiżiku ddisinjat li jippermetti t-trasport tal-elettriku fuq il-livell ta’ vultaġġ għoli u għoli ħafna, fid-dawl tal-konnessjoni ta’ ammonti kbar ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku jew ħżin li jinsabu fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi b’konsum tal-elettriku fuq skala kbira fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri;

(c) faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku li jintużaw għall-ħżin tal-elettriku fuq bażi temporanja jew permanenti f’infrastruttura taħt l-art jew fuq l-art jew f’siti ġeoloġiċi, sakemm dawn ikunu konnessi direttament ma’ linji ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli maħsuba għal vultaġġ ta’ 110 kV jew iżjed;

(d) kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali għas-sistemi definiti f’(a) sa (c) biex joperaw b’mod sigur u effiċjenti, inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ;

(e) kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni, kemm fil-livell tat-trażmissjoni u kif ukoll tad-distribuzzjoni b’vultaġġ medju, li jimmiraw lejn komunikazzjoni diġitali bidirezzjonali, f’ħin reali jew viċin il-ħin reali, monitoraġġ interattiv u intelliġenti u ġestjoni tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-elettriku fi ħdan netwerk tal-elettriku bl-għan li jiġi żviluppat netwerk li b’mod effiċjenti jintegra l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha konnessi miegħu – ġeneraturi, konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn – sabiex jiġu żgurati sistema tal-elettriku ekonomikament suffiċjenti, sostenibbli, b’telf baxx u bi kwalità għolja u s-sigurtà tal-provvista u s-sikurezza;

(2) fir-rigward tal-gass:

(a) pipelines tat-trażmissjoni għat-trasport ta’ gass naturali u bijogass li jiffurmaw parti minn netwerk li jinkludi primarjament pipelines bi pressa għolja, minbarra pipelines bi pressa għolja użati għal distribuzzjoni upstream jew lokali ta’ gass naturali,

(b) faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art konnessi mal-imsemmija pipelines tal-gass bi pressa għolja,

(c) faċilitajiet ta' riċeviment, ħżin u rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għal gass naturali likwifikati (LNG) jew gass naturali kkompressat (CNG);

(d) kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema topera b’mod sigur u effiċjenti jew biex tippermetti kapaċità bidirezzjonali;

(3) fir-rigward taż-żejt:

(a) pipelines użati għat-trasport ta’ żejt mhux maħdum;

(b) stazzjonijiet tal-ippumpjar u faċilitajiet ta’ ħżin meħtieġa għall-operat ta’ pipelines ta’ żejt mhux maħdum;

(c) kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali għas-sistema inkwistjoni biex topera b’mod adattat, sigur u effiċjenti, inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll u strumenti tal-fluss fid-direzzjoni opposta;

(4) fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju:

(a) pipelines dedikati, minbarra netwerk ta’ pipelines upstream, użati għat-trasport ta’ diossidu tal-kabonju minn iżjed minn sors wieħed, jiġifieri installazzjonijiet industrijali (inklużi impjanti tal-enerġija) li jipproduċu gass tad-diossidu tal-kabonju mill-kombustjoni jew reazzjonijiet kimiċi oħra li jinvolvu komposti fossili jew mhux fossili li fihom il-karbonju, għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(b) faċilitajiet għal-likwifikazzjoni u l-ħżin temporanju ta’ diossidu tal-karbonju fid-dawl ta’ iżjed trasport tagħhom. Dan ma jinkludix infrastruttura f’formazzjoni ġeoloġika użata għal ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE u faċilitajiet assoċjati tal-wiċċ u tal-injezzjoni.

(c) kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, sigur u b’effiċjenza, inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.

ANNESS III

IDENTIFIKAZZJONI REĠJONALI TA’ PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

1. Regoli għall-gruppi reġjonali

(1) Għall-proġetti relatati mal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness II, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji nazzjonali, operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni li jaqdu l-obbligu tagħhom li jikkooperaw f’livell reġjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u promoturi ta’ proġetti kkonċernati minn kull waħda mill-prijoritajiet rilevanti indikati fl-Anness 1, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-ENTSO tal-Elettriku.

Għall-proġetti relatati mal-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji nazzjonali, operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni li jaqdu l-obbligu tagħhom li jikkooperaw f’livell reġjonali f’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u promoturi ta’ proġetti kkonċernati minn kull waħda mill-prijoritajiet rilevanti indikati fl-Anness I, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-ENTSO tal-Gass.

Għall-proġetti relatati mat-trasport taż-żejt u d-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fl-Anness II(3) u (4), kull Grupp għandu jkun magħmul mill-Istati Membri, promoturi ta’ proġetti kkonċernati minn kull waħda mill-prijoritajiet rilevanti indikati fl-Anness 1 u l-Kummissjoni.

(2) Kull Grupp għandu jorganizza l-ħidma tiegħu f’konformità mal-isforzi għall-kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u strutturi eżistenti oħra ta’ kooperazzjoni reġjonali.

(3) Kull Grupp għandu jistieden, kif ikun xieraq bl-għan li tiġi implimentata l-prijorità rilevanti indikata fl-Anness I, rappreżentanti ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, ta' awtoritajiet regolatorji, ta' promoturi ta’ proġetti, u operaturi ta’ sistemi tat-trażmissjoni minn pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi potenzjalment kandidati, il-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, rappreżentanti minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità tal-Enerġija, pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbilixxiet kooperazzjoni speċifikament dwar l-enerġija.

(4) Kull Grupp għandu jikkonsulta l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-produtturi, l-operaturi ta' sistema ta’ distribuzzjoni, il-fornituri u għall-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 5, organizzazzjonijiet tal-protezzjoni ambjentali. Il-Grupp jista’ jorganizza seduti jew konsultazzjonijiet meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2. Proċess ta’ identifikazzjoni reġonali

(1) Kull promotur ta’ proġett għandu jressaq applikazzjoni għall-għażla ta’ proġett bħala proġett ta’ interess komuni lill-membri tal-Grupp rispettiv, li tkun tinkludi valutazzjoni tal-proġett(i) tiegħu fir-rigward tal-kontribut għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Anness I, l-issodisfar tal-kriterji rilevanti definiti fl-Artikolu 6, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proġett.

(2) Ir-riċevituri kollha għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(3) Il-proġetti proposti għall-ħżin u t-trażmissjoni tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 1(a) sa (d) tal-Anness II għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, u żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 714/2009.

(4) Għal-listi kollha ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni, adottati wara l-1 ta’ Awwissu 2013, il-proposti għal proġetti għall-ħżin u t-trażmissjoni tal-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-gass disponibbli, żviluppat mill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 715/2009.

(5) Il-proposti għal proġetti għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 4 tal-Anness II għandhom jiġu ppreżentati bħala parti minn pjan, żviluppat minn iktar minn żewġ Stati Membri, għall-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u l-ħżin transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju, li għandu jiġi ppreżentat mill-Istati Membri kkonċernati jew minn entitajiet indikati minn dawk l-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(6) Meta jevalwa l-proposti għal proġetti tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II, kull Grupp għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi magħmula, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 12, dwar il-proposti għal proġetti tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-gass jew tal-elettriku disponibbli, żviluppat mill-ENTSOs tal-Elettriku u tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolamenti (KE) 714/2009 u (KE) 715/2009.

ANNESS IV

REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

(1) Proġett b’impatt transkonfinali sinifikanti huwa proġett fit-territorju ta’ Stat Membru, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) għat-trażmissjoni tal-elettriku, il-proġett ibiddel il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru wieħed jew iżjed jew fi kwalunkwe sezzjoni trażversali rilevanti oħra tal-istess kuritur ta' trażmissjoni b’mill-inqas 500 Megawatt meta mqabbla mas-sitwazzjoni mingħajr ikkummissjonar tal-proġett;

(b) għall-ħżin tal-elettriku, il-proġett għandu jipprovdi kapaċità ta’ ħżin li tippermetti ġenerazzjoni annwali tal-elettriku ta’ mill-inqas 500 Gigawatt fis-siegħa;

(c) għat-trażmissjoni tal-gass, il-proġett għandu jkun jikkonċerna investiment fil-kapaċitajiet ta’ flussi fid-direzzjoni opposta jew jibdel il-kapaċità ta’ trażmissjoni tal-gass fil-fruntiera/i tal-Istat Membru kkonċernat b’mill-inqas 10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel l-ikkummissjonar tal-proġett;

(d) għall-ħżin tal-gass jew tal-gass naturali likwifikat/kompressat, il-proġett għandu jkollu l-għan li jipprovdi direttament jew indirettament lil mill-inqas żewġ Stati Membri jew li jissodisfa l-istandard tal-infrastruttura (regola N-1) fil-livell reġjonali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010;

(e) għall-grids intelliġenti, il-proġett għandu jkun iddisinjat għal tagħmir u installazzjonijiet ta’ vultaġġ għoli u vultaġġ medju maħsub għal vultaġġ ta’ 10 kV jew iżjed. Huwa għandu jkun jinvolvi operaturi ta’ sistemi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni minn mill-inqas żewġ Stati Membri, li jkopru mill-inqas 100 000 utent li jiġġeneraw jew jikkunsmaw l-elettriku jew li jagħmlu t-tnejn li huma f’żona tal-konsum ta’ mill-inqas 300 Gigawatthours/sena, li minnhom mill-inqas 20 % joriġinaw minn riżorsi mhux spedibbli.

(2) Fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jitkejlu kif ġej:

(a) L-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u l-flessibbiltà tas-sistema għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi magħmula fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment permezz ta’:

– il-kalkolu tal-impatt, f’dak li jirrigwarda l-proġetti transkonfinali, fuq il-kapaċità tal-grid li tittrasferixxi fluss tal-elettriku fiż-żewġ direzzjonijiet, imkejjel f’termini tal-ammont ta’ elettriku (f’megawatt), jew, għall-proġetti b’impatt transkonfinali sinifikanti, l-impatt fuq il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid fil-fruntieri bejn Stati Membri rilevanti, bejn Stati Membri rilevanti u pajjiżi terzi jew fi ħdan Stati Membri rilevanti u fuq l-operazzjonijiet ta’ bilanċ tad-domanda u l-provvista u tan-netwerk fl-Istati Membri rilevanti;

– l-evalwazzjoni tal-impatt, għall-qasam tal-analiżi kif definita fil-punt 10 tal-Anness V, f’termini tal-ispejjeż għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni fis-sistema kollha tal-enerġija u l-evoluzzjoni fil-prezzijiet tas-suq ipprovduti minn proġett f’xenarji differenti ta’ ppjanar, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-varjazzjonijiet indotti fuq l-ordni ta’ mertu.

(b) It-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli għal ċentri tal-konsum ewlenin u siti tal-ħżin għandha titkejjel f’konformità mal-analiżi magħmula fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment billi:

– għat-trażmissjoni tal-elettriku, jiġi stmat l-ammont tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (bit-teknoloġija, f’megawatts), li huma konnessi u trażmessi minħabba l-proġett, komparat mal-ammont tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni totali ppjanata minn dawn it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-2020 skont il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/28/KE.

– għall-ħżin tal-elettriku, tiġi mqabbla l-kapaċità ġdida pprovduta mill-proġett mal-kapaċità totali eżistenti għall-istess teknoloġija tal-ħżin fil-qasam tal-analiżi kif definita fil-punt 10 tal-Anness V.

(c) L-interoperabbiltà u l-operat sigur tas-sistemi għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi magħmula fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment billi jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq it-telf tal-aspettativa tat-tagħbija għall-qasam tal-analiżi kif definit fil-punt 10 tal-Anness V f’termini ta’ adegwatezza ta’ ġenerazzjoni u trażmissjoni għal sett ta’ perjodi ta’ tagħbija tipiċi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-avvenimenti estremi tat-temp mistennija minħabba t-tibdil fil-klima u l-impatt tagħhom fuq ir-reżistenza tal-infrastruttura.

In-nefqa totali għall-proġett fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tiegħu għandha tiġi kkunsidrata meta jiġu kkalkulati dawn l-indikaturi.

(3) Fir-rigward ta’ proġett li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jitkejlu kif ġej:

(a) L-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-suq għandhom jitkejlu billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett mal-integrazzjoni tal-oqsma tas-suq u l-konverġenza tal-prezzijiet, mal-flessibbiltà globali tas-sistema, inkluż il-livell ta’ kapaċità offrut għal flussi fid-direzzjoni opposta taħt diversi xenarji.

(b) Il-kompetizzjoni għandha titkejjel abbażi tad-diversifikazzjoni, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess għal sorsi indiġeni tal-provvista, li jikkunsidraw suċċessivament id-diversifikazzjoni tas-sorsi, kontropartijiet u rotot u l-impatt tal-kapaċità ġdida fuq l-indiċi HHI kkalkulat fil-livell tal-kapaċità għall-qasam tal-analiżi kif definit fil-punt 10 tal-Anness V.

(c) Is-sigurtà tal-provvista tal-gass għandha titkejjel billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għar-reżistenza fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil tas-sistema u tittejjeb il-flessibbiltà li jifdal tas-sistema biex tittratta t-tħarbit fil-provvista taħt diversi xenarji, kif ukoll il-kapaċità addizzjonali provduta mill-proġett imkejjel b’rabta mal-istandard tal-infrastruttura (regola N-1) fil-livell reġjonali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010.

(d) Is-sostenibbiltà għandha titkejjel bħala l-kontribut ta’ proġett biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, tiġi appoġġjata r-riżerva ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli jew għal trasportazzjoni ta’ elettriku għal gass u bijogass, filwaqt li jiġu kkunsidrati it-tibdiliet mistennija fil-kundizzjonijiet klimatiċi.

(4) Fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 1(e) tal-Anness II, kull funzjoni elenkata fl-Artikolu 4 għandha tiġi evalwata skont il-kriterji li ġejjin:

(a) Livell ta’ sostenebbiltà: Dan il-kriterju għandu jitkejjel billi jiġi vvalutat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u l-impatt ambjentali tal-infrastruttura tal-grid tal-elettriku;

(b) Il-kapaċità ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni tal-grids li jikkonnettjaw u jġibu l-elettriku minn u lejn l-utenti: Dan il-kriterji għandu jitkejjel billi tiġi stmata l-kapaċità installata tar-riżorsi tal-enerġija distribwiti fin-netwerks tad-distribuzzjoni, l-injezzjoni massima permissibbli tal-elettriku mingħajr riskji ta’ konġestjoni f’netwerks tat-trażmissjoni, u l-enerġija mhux miġbuda minn sorsi rinnovabbli minħabba riskji ta’ konġestjoni jew sigurtà;

(c) Konnettività tan-netwerk u aċċess għall-kategoriji kollha ta’ utenti tan-netwerk: Dan il-kriterju għandu jiġi evalwat billi jiġu vvalutati l-metodi adottati għall-kalkolu ta’ imposti u tariffi, kif ukoll l-istruttura tagħhom, għal ġeneraturi, konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn li huma, u l-flessibbiltà operazzjonali provduta għall-ibbilanċjar dinamiku tal-elettriku fin-netwerk;

(d) Sigurtà u kwalità tal-provvista: Dan il-kriterju għandu jiġi evalwat billi jiġi vvalutat il-proporzjon tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni u l-ogħla domanda li huma disponibbli b’mod affidabbli, is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-interuzzjonijiet għal kull klijent, inkluż ix-xkiel relatat mal-klima, u l-prestazzjoni tal-kwalità tal-vultaġġ;

(e) Effiċjenza u kwalità tas-servizz fil-provvista tal-elettriku u l-operat tal-grid: Dan il-kriterju għandu jiġi stmat billi jiġi vvalutat il-livell tat-telf fin-netwerks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, il-proporzjon bejn domanda tal-elettriku minima u massima f’perjodu ta’ żmien definit, il-parteċipazzjoni tan-naħa tad-domanda fi swieq tal-elettriku u f’miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, l-utilizzazzjoni tal-perċentwal (jiġifieri tagħbija medja) ta’ komponenti ta’ netwerk tal-elettriku, id-disponibbiltà ta’ komponenti tan-netwerk (marbuta ma’ manutenzjoni ppjanata u mhux ippjanata) u l-impatt tiegħu fuq il-prestazzjonijiet tan-netwerk, u d-disponibbiltà attwali tal-kapaċità tan-netwerk fir-rigward tal-valur standard tiegħu;

(f) Kontribuzzjoni għal swieq tal-elettriku transkonfinali bil-kontroll tal-fluss tat-tagħbija għat-tnaqqis tat-trasferiment f’ċirku u għaż-żieda tal-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni: Dan il-kriterju għandu jiġi stmat billi jiġi vvalutat il-proporzjon bejn il-kapaċità tal-interkonnessjoni ta’ Stat Membru u d-domanda tal-elettriku tiegħu, l-isfruttament tal-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni, u l-kirjiet ta’ konġestjoni fl-interkonnessjonijiet.

(5) Fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport taż-żejt li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jitkejlu kif ġej:

(a) Is-sigurtà tal-provvista taż-żejt għandha titkejjel billi jiġi evalwat il-valur addizzjonali tal-kapaċità ġdida offruta minn proġett għar-reżistenza fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil tas-sistema u l-flessibbiltà li jifdal tas-sistema biex tittratta tħarbit fil-provvista taħt diversi xenarji.

(b) L-interoperabbiltà għandha titkejjel billi jiġi evalwat sa liema limitu l-proġett itejjeb l-operat tan-netwerk taż-żejt, b’mod partikolari billi jipprovdi l-possibbiltà ta’ flussi fid-direzzjoni opposta.

(c) L-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi għandu jiġi evalwat permezz ta’ evalwazzjoni tal-limitu safejn il-proġett jagħmel użu minn infrastruttura diġà eżistenti u jikkontribwixxi biex jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji relatati mal-ambjent u l-klima.

ANNESS V

ANALIŻI TAL-BENEFIĊĊJI U L-ISPEJJEŻ TAS-SISTEMA TAL-ENERĠIJA

Il-metodoloġija għal analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija armonizzata għal proġetti ta’ interess komuni għandha tissodisfa l-prinċipji li ġejjin stabbiliti f’dan l-Anness.

(1) Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ dejta ta’ input komuni li jirrapreżenta s-sistemi tal-elettriku u l-gass tal-Unjoni fis-snin n+5, n+10, n+15, u n+20, fejn n hija s-sena li fiha titwettaq l-analiżi. Dan is-sett ta’ dejta għandu jkun fih mill-inqas:

(a) Fl-elettriku: xenarji għal kapaċitiajiet tad-domanda u tal-ġenerazzjoni skont it-tip ta’ fjuwil (tal-bijomassa, ġeotermali, idro, tal-gass, nukleari, taż-żejt, tal-fjulwil, tar-riħ, fotovoltajku solari, solari kkonċentrat, teknoloġiji oħra rinnovabbli) u l-lokazzjoni ġeografika tagħhom, prezzijiet tal-fjulwil (inklużi tal-bijomassa, tal-faħam, tal-gass u taż-żejt), prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, il-kompożizzjoni tat-trażmissjoni u, jekk rilevanti, in-netwerk ta’ distribuzzjoni, u l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda kollha sinifikanti tal-ġenerazzjoni (inkluża l-kapaċità mgħammra għall-qbid tad-diossidu tal-karbonju), il-ħżin u t-trażmissjoni li għalihom ttieħdet deċiżjoni ta’ investiment finali u li waslu biex jiġu kkummissjonati sal-aħħar tas-sena n+5;

(b) Fil-gass: xenarji għal domanda, importazzjonijiet, prezzijiet tal-fjulwil (inklużi faħam, gass u żejt), prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, il-kompożizzjoni tan-netwerk tat-trażmissjoni u l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda kollha li għalihom tkun ittieħdet deċiżjoni tal-investiment finali u li waslu biex jiġu kkummissjonati sal-aħħar tas-sena n+5;

(2) Is-sett tad-dejta għandu jirrifletti l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-analiżi. Is-settijiet tad-dejta użati għall-elettriku u l-gass rispettivament għandhom ikunu kompatibbli, speċjalment fir-rigward tal-preżunzjonijiet dwar il-prezzijiet u l-volumi f’kull suq. Is-sett tad-dejta għandu jkun elaborat wara li jiġu kkonsultati formalment l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw l-aċċess għad-dejta kummerċjali meħtieġa mingħand partijiet terzi meta applikabbli.

(3) Il-metodoloġija għandha tagħti gwida għall-iżvilupp u l-użu tal-immudellar tan-netwerk u s-suq meħtieġ għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż.

(4) L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni armonizzata tal-benefiċċji u l-ispejjeż għall-kategoriji differenti tal-proġetti analizzati, u tkopri mill-inqas il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1.

(5) L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha mill-inqas tikkunsidra l-ispejjeż li ġejjin: in-nefqa tal-kapital, in-nefqa operazzjonali u ta’ manutenzjoni fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett u l-ispejjeż għad-dekummissjonament u l-ġestjoni tal-iskart, fejn ikun rilevanti. Il-metodoloġija għandha tagħti gwida fuq ir-rati ta’ skont li għandhom jintużaw għall-kalkoli.

(6) Għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, l-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha għall-inqas tikkunsidra l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness III. F'konformità mal-metodi applikati għall-elaborazzjoni tal-aħħar pjan disponibbli tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin fl-elettriku, hija għandha tikkunsidra b'mod partikolari l-impatti tal-proġett f'dawn li ġejjin:

(a) Il-kompetizzjoni f’termini tas-saħħa tas-suq ta’ operaturi differenti, u l-konverġenza tal-prezzijiet bejn Stati Membri differenti;

(b) L-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, inklużi l-ispejjeż għall-awtokonsum tal-impjant tal-enerġija u dawk marbuta mal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u telf tat-trażmissjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett;

(c) L-ispejjeż futuri għal investiment ta’ ġenerazzjoni u trażmissjoni ġdid fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett;

(d) Il-flessibbiltà operazzjonali; li tinkludi l-ottimizzazzjoni tar-regolazzjoni tal-enerġija u servizzi anċillari;

(e) Ir-reżistenza tas-sistema, li tinkludi r-reżistenza kontra d-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment għal infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti fid-Direttiva 2008/114/KE.

(7) Għall-gass, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha mill-inqas tikkunsidra r-riżultati tal-ittestjar tas-suq, bħall-istaġuni miftuħa, l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness III u l-impatti li ġejjin:

(a) Il-kompetizzjoni f’termini tas-saħħa tas-suq ta’ operaturi differenti, u l-konverġenza tal-prezzijiet bejn Stati Membri differenti;

(b) Ir-reżistenza tas-sistema, li tinkludi r-reżistenza kontra d-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti fid-Direttiva 2008/114/KE;

(c) Il-probabbiltà u l-kwantità ta’ enerġija mhux provduta u ż-żieda fis-sigurtà u l-kwalità tal-provvista;

(d) Il-kontribut għall-integrazzjoni ta’ oqsma differenti tas-suq tal-gass;

(e) Il-flessibbiltà ta’ u l-konġestjoni fin-netwerk tal-gass.

(8) Għall-grids intelliġenti, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tikkunsidra l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness III.

(9) Il-metodu dettaljat użat biex jikkunsidra l-indikaturi msemmija fil-punti 6 sa 8 għandu jiġi elaborat wara li jikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha.

(10) Il-metodoloġija għandha tiddefinixxi qasam ta’ analiżi għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ kull proġett individwali u għall-analiżi fil-livell reġjonali jew tal-Unjoni kollha. Il-qasam għall-analiżi ta’ proġett individwali għandu jkopri l-Istati Membri kollha u pajjiżi terzi, li fuq it-territorju tagħhom għandu jinbena l-proġett, l-Istati Membri kollha tal-viċinat u l-Istati Membri l-oħra kollha milquta b’mod sinifikanti mill-proġett.

(11) Il-metodoloġija għandha tiddefinixxi l-analiżi li għandha titwettaq, abbażi tas-sett ta’ dejta tal-input rilevanti, billi tikkalkula r-riżultati tal-funzjoni oġġettiva b’kull proġett u mingħajru. L-analiżi għandha tidentifika l-Istati Membri li fihom il-proġett għandu impatti pożittivi netti (benefiċjarji) u dawk l-Istati Membri li fihom il-proġett għandu impatt negattiv (dawk li jsofru l-ispejjeż). Kull analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha tinkludi analiżi ta’ sensittività li tikkonċerna s-sett ta’ dejta tal-input, id-data tal-ikkummissjonar ta’ proġetti differenti fl-istess qasam tal-analiżi u parametri rilevanti oħra.

(12) L-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa għall-elaborazzjoni tal-metodoloġija, inkluż l-immudellar rilevanti tan-netwerk u s-suq. Kull operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni li jiġbor informazzjoni għan-nom ta’ operaturi oħra ta’ sistema tat-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni għandu jagħti lura r-riżultati tal-ġbir tad-dejta lill-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni li jkunu qed jipparteċipaw. Għall-mudell komuni għas-suq u għan-netwerk tal-elettriku u tal-gass stabbilit fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 12, is-sett ta' input ta' dejta msemmi fil-punt 1 għandu jkopri s-snin n+10, n+20 u n+30, u l-mudell għandu jippermetti li ssir valutazzjoni sħiħa tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, b'mod partikolari l-inklużjoni ta' spejjeż esterni bħal dawk relatati mal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-emissjonijiet tat-tniġġis konvenzjonali tal-arja jew is-sigurtà tal-provvista.

ANNESS VI

LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

(13) Il-manwal tal-proċeduri għandu mill-inqas jispeċifika:

(a) il-leġiżlazzjoni rilevanti li fuqha jiġu bbażati d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet għat-tipi differenti ta’ proġetti ta’ interess komuni rilevanti, inkluża l-leġiżlazzjoni ambjentali;

(b) id-deċiżjonijiet u opinjonijiet rilevanti li għandhom jinkisbu;

(c) l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-Awtorità Kompetenti, awtoritajiet oħra u partijiet interessati ewlenin ikkonċernati;

(d) il-fluss tax-xogħol, li jiddeskrivi kull stadju fil-proċess, inkluż perjodu taż-żmien indikattiv;

(e) informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni, l-istruttura u l-livell ta’ dettall tad-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi mal-applikazzjoni għad-deċiżjonijiet, inkluża lista ta’ verifika;

(f) l-istadji u l-mezzi għall-pubbliku ġenerali biex jipparteċipa fil-proċess.

(14) Biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tal-għoti tal-permessi, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li ġejjin:

(a) Il-partijiet interessati milquta minn proġett ta’ interess komuni, inklużi awtoritajiet rilevanti, sidien ta’ artijiet u ċittadini li jgħixu fil-viċinat tal-proġett, il-pubbliku ġenerali u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi tagħhom, għandhom jiġu informati u kkonsultati b’mod estensiv fi stadju bikri u b’mod miftuħ u trasparenti. Fejn huwa rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tappoġġja b’mod attiv l-attivitajiet meħuda mill-promotur ta’ proġett.

(b) L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika għal proġetti ta’ interess komuni jkunu kkonċentrati fejn huwa possibbli. Kull konsultazzjoni pubblika għandha tkopri s-suġġetti kollha rilevanti għall-istadju partikolari tal-proċedura, u suġġett partikolari rilevanti għal dak l-istadju partikolari ma għandux jiġi indirizzat f’iżjed minn konsultazzjoni pubblika waħda. Is-suġġetti indirizzati f’konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu indikati b’mod ċar fin-notifika tal-konsultazzjoni pubblika.

(c) Il-kummenti u l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika sad-data tal-iskadenza biss.

(15) Il-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandu mill-inqas jinkludi informazzjoni dwar:

(a) il-partijiet interessati kkonċernati u indirizzati;

(b) il-miżuri previsti;

(c) il-limitu ta’ żmien;

(d) ir-riżorsi umani allokati għall-kompiti rispettivi.

(16) Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq qabel is-sottomissjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni, il-partijiet rilevanti għandhom mill-inqas:

(a) jippubblikaw fuljett ta’ informazzjoni ta’ mhux iżjed minn 15–il paġna, li jagħti ħarsa ġenerali, b’mod ċar u konċiż, lejn l-iskop u l-iskeda ta’ żmien preliminari tal-proġett, li jagħti mill-inqas tliet rotot alternattivi kkunsidrati, l-impatti mistennija, inklużi dawk ta’ natura transkonfinali, u miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli;

(b) jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha milquta dwar il-proġett permezz tas-sit elettroniku msemmi fl-Artikolu 10(7) u mezzi oħra ta’ informazzjoni xierqa;

(c) jistiednu, bil-miktub, lill-partijiet interessati milquta għal laqgħat apposta, li fihom għandu jiġi diskuss it-tħassib tagħhom.

(17) Is-sit elettroniku tal-proġett għandu jagħmel disponibbli bħala minimu dawn li ġejjin:

(a) sommarju mhux tekniku li jiġi aġġornat regolarment ta’ mhux iżjed minn 50 paġna li jirrifletti l-istat attwali tal-proġett u jindika b’mod ċar, fil-każ ta’ aġġornamenti, il-bidliet fil-verżjonijiet preċedenti;

(b) l-ippjanar tal-proġett u tal-konsultazzjoni pubblika, b’indikazzjoni ċara tad-dati u l-postijiet tal-konsultazzjonijiet u s-seduti pubbliċi;

(c) id-dettalji tal-kuntatt bl-għan li jinkiseb is-sett sħiħ tad-dokumenti ta’ applikazzjoni;

(d) id-dettalji tal-kuntatt bl-għan li jiġu trażmessi kummenti u oġġezzjonijiet waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi;

(e) il-manwal tal-proċeduri skont l-Artikolu 10(1).

[1]                      COM(2010)677

[2]                      COM(2011) 500/I finali u COM(2011) 500/II finali (Dokumenti ta' Politika)

[3]               L-ammonti kollha bil-prezzijiet tal-2011

[4]               30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu korretti

[5]                      SEC(2011)755

[6]                      Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

[7]                      COM(2010)203 u SEC(2010)505

[8]                      Regolament (KE) Nru 680/2007

[9]                      Regolament (KE) Nru 663/2009

[10]                    COM(2010)2020

[11]             30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu korretti

[12]                    COM(2011) 112 flimkien ma’ SEC(2011)288

[13]                    Ara t-Taqsima 1.2.1 tal-valutazzjoni tal-impatt mehmuża.

[14]             ĠU C , , p. .

[15]             ĠU C , , p. .

[16]             COM(2010)2020

[17]             COM(2010) 677

[18]             ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.

[19]             30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu korretti

[20]             Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

[21]             ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

[22]             ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

[23]             ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75

[24]             COM(2011) 202 finali

[25]             COM (2011) 539

[26]             SEC(2011)755

[27]             ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15

[28]             ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36

[29]             ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1

[30]             ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31

[31]             ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

[32]             ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

Top