Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE /* KUMM/2011/0658 finali - 2011/0300 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Hemm bżonn isiru sforzi kbar
għall-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija
tal-Ewropa u għall-interkonnessjoni transkonfinali tan-netwerks biex jintlaħqu
l-għanijiet ewlenin tal-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni tal-kompetittività,
is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista. Għaldaqstant, il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija
għall-2020 u wara[1],
adottata fis-17 ta’ Novembru 2010, appellat għal politika ġdida
tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija li tikkoordina u tottimizza
l-iżvilupp tan-netwerk fuq skala kontinentali. Hija kkonfermat b’mod
partikolari l-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-politika u tal-qafas ta’
finanzjament eżistenti tan-Netwerks trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E). Din il-politika ġdida hija kruċjali biex
tiżgura li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri ssir operazzjonali, li s-suq
intern tal-enerġija jiġi kkompletat u li r-reġjuni iżolati jkunu konnessi, li
r-rotot alternattivi tal-provvista jew tat-trażmissjoni u s-sorsi tal-enerġija
jimmaterjalizzaw ruħhom u li jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija rinnovabbli li
jikkompetu mas-sorsi tradizzjonali tal-enerġija, kif enfasizzat fil-Kunsill
Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011. Fid-29 ta’ Ġunju 2011,
il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” dwar
il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (2014-2020)[2], li tipproponi li tinħoloq
Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” biex tiġi promossa t-tlestija ta’
infrastrutturi prijoritarji tal-enerġija, tat-trasport u diġitali b’fond uniku
ta’ EUR 40 biljun, li minnhom EUR 9.1 biljun huma ddedikati
għall-enerġija[3]. Din il-proposta tistabbilixxi r-regoli
għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej
tal-eneġija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija skont
it-Trattat, jiġifieri dawk li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern
tal-enerġija, li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, li jiġu promossi
l-effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli
tal-enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija. B’mod iktar speċifiku, l-għan ta’ dan
ir-Regolament huwa li s-suq intern tal-enerġija jiġi integrat kompletament,
inkluż billi jiġi żgurat li ebda Stat Membru ma jkun iżolat min-netwerk
Ewropew, li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni
tal-ambjent billi jippermetti lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha ta’ tnaqqis ta’
20 % f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra[4], ta’ żieda ta’ 20 %
fl-effiċjenza fl-enerġija u żieda ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli
fil-konsum finali tal-enerġija sal-2020, filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà
tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri. B’dawn l-għanijiet fil-mira tagħha, din
il-proposta tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv,
u tippromwovi benefiċċji għall-Unjoni Ewropea kollha f’termini ta’
kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Għal dan l-għan, din l-inizjattiva
tidentifika, għall-perjodu li jwassal għall-2020 u wara, għadd limitat ta’
kurituri u oqsma prijoritarji trans-Ewropej li jkopru n-netwerks tal-elettriku
u l-gass kif ukoll l-infrastruttura tat-trasport taż-żejt u d-diossidu
tal-karbonju, li għalihom hemm l-ikbar ħtieġa ta’ azzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Imbagħad hija għandha l-għan li timplimenta dawn il-prijoritajiet billi: –
tissimplifika l-proċeduri għall-għoti tal-permessi
biex jitnaqqas b’mod sinifikanti d-dewmien tagħhom f’dak li jirrigwarda
l-proġetti ta’ interess komuni u biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u
l-aċċettazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawn
il-proġetti; –
tiffaċilita t-trattament regolatorju tal-proġetti
ta’ interess komuni fl-elettriku u l-gass billi l-ispejjeż jiġu allokati abbażi
tal-benefiċċji pprovduti u billi jiġi żgurat li d-dħul permess jkun
f’konformità mar-riskji meħuda; –
tiżgura l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’
interess komuni billi jiġi provdut appoġġ finanzjarju bbażat fuq is-suq u
appoġġ finanzjarju dirett tal-UE. Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju dirett
tal-UE, il-proposta tipprovdi l-bażi għall-eliġibbiltà ta’ proġetti ta'
interess komuni għall-għajnuna finanzjarja tal-UE taħt il-Faċilità “Nikkollegaw
l-Ewropa”, li hija suġġetta għal proposta leġiżlattiva separata. Din il-proposta hija prijorità strateġika
fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011. Kuntest ġenerali L-isfida tal-interkonnessjoni
tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna u l-adattament tagħha għall-ħtiġijiet
il-ġodda hija sfida sinifikanti, urġenti, u tikkonċerna s-setturi tal-enerġija
kollha. In-netwerks tal-elettriku għandhom jiġu
aġġornati u mmodernizzati biex ilaħħqu maż-żieda fid-domanda għall-elettriku
minħabba bidla maġġuri fil-katina u t-taħlita tal-valur tal-enerġija. globali.
Il-grids għandhom ukoll jiġu estiżi u aġġornati urġentement, inkluż permezz ta’
awtostradi tal-elettriku, biex titrawwem l-integrazzjoni fis-suq u jinżammu
l-livelli eżistenti tas-sigurtà tas-sistema, iżda speċjalment għat-trasport u
l-bilanċ tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, li mistenni iktar milli
jirdoppja fil-perjodu 2007-2020. Fl-istess ħin, ma huwiex se jkun possibbli li
jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli tal-UE 2020
jekk in-netwerks ma jsirux iktar innovattivi u intelliġenti kemm fil-livell
tat-trażmissjoni kif ukoll tad-distribuzzjoni, b’mod partikolari permezz
tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-gass naturali se jibqa’ jkollu, sakemm tiġi
garantita l-provvista tiegħu, rwol ewlieni fit-taħlita tal-enerġija tal-UE
fl-għexieren ta’ snin li ġejjin u se jsir iktar importanti bħala l-fjuwil ta’
riżerva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli. Fuq żmien medju,
l-eżawriment tar-riżorsi indiġeni konvenzjonali tal-gass naturali jirrikjedi
importazzjonijiet addizzjonali u diversifikati. In-netwerks tal-gass qed
jiffaċċjaw rekwiżiti ta’ flessibbiltà addizzjonali fis-sistema, il-ħtieġa ta’
pipelines bidirezzjonali, kapaċitajiet imtejba ta’ ħżin u provvista flessibbli,
inklużi l-gass likwifikat (LNG - Liquefied Natural Gas) u l-gass naturali
kkompressat (CNG - Compressed Natural Gas). Meta wieħed iqis ir-rwol taż-żejt fit-taħlita
tal-enerġija fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, iż-żamma ta’ provvisti mingħajr
interruzzjoni taż-żejt mhux maħdum fil-pajjiżi tal-UE fil-Lvant Ċentrali
tal-Ewropa li ma għandhomx kosta, li attwalment jiddependu fuq rotot
tal-provvista limitati, hija ta’ importanza strateġika. Finalment, it-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin
tal-karbonju (CCS - Carbon Capture and Storage) jippermettu t-tnaqqis
tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fuq skala kbira filwaqt li jibqgħu
jintużaw il-fjuwils fossili, li se jibqħu sors importanti għall-ġenerazzjoni
tal-elettriku fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. L-iżvilupp futur ta’ netwerk
transkonfinali għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju jirrikjedi li jittieħdu
passi issa għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura fil-livell Ewropew. Fir-rapport tagħha għall-Kunsill tal-Enerġija
ta’ Ġunju 2011[5],
il-Kummissjoni stmat li l-ħtiġijiet tal-investiment totali fl-infrastrutturi
tal-enerġija ta’ importanza Ewropea sal-2020 jammontaw għal madwar
EUR 200 biljun: –
Madwar EUR 140 biljun għal sistemi
tat-trażmissjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli, kemm fuq l-art kif ukoll
barra mill-kosta, għall-ħżin, u għal applikazzjonijiet tal-grid intelliġenti
fil-livell tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni; –
Madwar EUR 70 biljun għal pipelines
tat-trażmissjoni tal-gass bi pressa għolja (li jidħlu fl-UE u bejn
l-Istati Membri tal-UE), għall-ħżin, għal terminals tal-gass naturali
likwifikat/ikkompressat (LNG/CNG) u infrastruttura tal-flussi fid-direzzjoni
opposta; –
Madwar EUR 2.5 biljun
għall-infrastruttura tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju. Il-volumi ta’ investimenti għall-perjodu
mill-2011 sal-2020 se jiġu miżjuda bi 30 % għall-gass u sa 100 %
għall-elettriku meta mqabbla mal-livelli attwali. Din l-isfida u din l-urġenza
b’rabta mal-investimenti jiddistingwu b’mod ċar l-infrastrutturi tal-enerġija
minn infrastrutturi f’setturi oħra, għaliex in-netwerks tal-enerġija huma
prekundizzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u l-klima għall-2020 u
l-għanijiet tal-klima iktar fit-tul. L-ostakli ewlenin identifikati li,
f’ċirkostanzi fejn nippreżumu li kollox jibqa’ kif inhu issa, se jipprekludu
dawn l-investimenti milli jseħħu jew idewmuhom ħafna wara l-iskadenza tal-2020
huma problemi relatati mal-għoti tal-permessi (proċeduri twal u ineffettivi
għall-għoti tal-permessi, flimkien ma’ oppożizzjoni min-naħa tal-pubbliku),
ir-regolamentazzjoni (qafas mhux immirat lejn ir-realizzazzjoni
tal-prijoritajiet tal-infrastruttura Ewropea) u l-finanzjament (kapaċitajiet
ta’ finanzjament limitati tal-operaturi, nuqqas ta’ strumenti ta’ finanzjament
adattati u ta’ appoġġ suffiċjenti). Dispożizzjonijiet eżistenti Il-qafas tat-TEN-E ġie żviluppat u ffurmat
fis-snin 90 permezz tal-Linji Gwida suċċessivi tat-TEN-E u r-Regolament ta’
finanzjament korrispondenti. Il-linji gwida għal Netwerks trans-Ewropej
tal-Enerġija tal-2006[6]
elenkaw madwar 550 proġett eliġibbli għal appoġġ mill-Komunità, u
kklassifikawhom fit-tliet kategoriji li ġejjin: proġetti ta’ interess Ewropew
(total ta’ 42); proġetti prijoritarji u proġetti ta’ interess komuni. Dawn
il-proġetti jkopru biss l-infrastruttura tal-elettriku u l-gass. Ir-rapport
dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tat-TEN-E fil-perjodu 2007-2009[7], ippubblikat f’April 2010,
ikkonkluda li din il-politika, għalkemm tat kontribut pożittiv għal proġetti
partikolari billi tathom viżibbiltà politika, kienet nieqsa minn iffukar, flessibbiltà
u approċċ minn fuq għal isfel biex ikunu jistgħu jimtlew il-lakuni identifikati
fl-infrastruttura. Ir-Regolament ta’ finanzjament tat-TEN[8], adottat
fl-20 ta’ Ġunju 2007, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet
għall-kofinanzjament tal-proġetti tat-TEN-E, b’baġit ta’
EUR 155 miljun għall-perjodu 2007-2013. Madankollu, ir-riżorsi
finanzjarji u l-konfigurazzjoni tal-Programm tat-TEN-E rriżultaw li huma
inadegwati fid-dawl tal-bidla paradigmatika għal sistema ta’ enerġija b’livell
baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għaldaqstant għall-evoluzzjoni u
l-investimenti kbar fl-infrastrutturi tal-enerġija li huma meħtieġa fis-snin li
ġejjin (baġit limitat, l-ebda strumenti ta’ mitigazzjoni tar-riskju, l-ebda
finanzjament barra mill-UE, nuqqas ta’ sinerġiji ma’ fondi oħra tal-UE). Il-Pjan Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru[9], stabbilit fil-kuntest
tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, alloka għall-ewwel darba ammonti sinifikanti
ta’ darba biss (madwar EUR 3.85 biljun) għal għadd limitat ta’
proġetti eliġibbli fil-qasam tal-infrastrutturi tal-elettriku u l-gass,
proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija mir-riħ barra mill-kosta u tas-CCS. Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra
tal-UE Din l-inizjattiva tifforma parti
mill-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[10], li tpoġġi l-infrastrutturi
tal-enerġija fuq quddiem nett, bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Ewropa
b’użu effiċjenti tar-riżorsi”. Hija enfasizzat
il-ħtieġa li n-netwerks tal-Ewropa jiġu aġġornati urġentement biex tinkiseb “supergrid
intelliġenti” Ewropea, billi tinterkonnettjahom fil-livell kontinentali, b’mod
partikolari biex jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-prijoritajiet identifikati u l-miżuri proposti
f’din l-inizjattiva fir-rigward tal-għoti tal-permessi, ir-regolazzjoni u
l-finanzjament huma kompletament konformi ma’ dawn l-għanijiet. Il-proposta għandha l-għan li tissostitwixxi
l-linji gwida tat-TEN-E eżistenti, u flimkien mal-Faċilità “Nikkollegaw
l-Ewropa” (CEF – Connecting Europe Facility), hija tifforma pakkett loġiku li
ġie żviluppat bil-għan li jiġi ssostitwit ir-Regolament ta’ finanzjament
tat-TEN attwali. Din l-inizjattiva hija wkoll kontribut vitali
għall-ksib kosteffiċjenti taż-żewġ miri vinkolanti ta’ 20 % ta’ sorsi
tal-enerġija rinnovabbli u ta’ tnaqqis ta’ 20 %[11] tal-emissjoni tal-gassijiet
b’effett ta’ serra sal-2020, u għandha l-għan li tkun konformi mal-perkors
stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan Direzzjonali għal
ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 u
l-għan fit-tul tal-UE li jinkiseb tnaqqis ta’ 80-95 % fl-emissjonijiet
tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990[12]. Skont l-Artikolu 11 tat-TFUE, il-proposta
tintegra r-rekwiżiti eżistenti għall-protezzjoni tal-ambjent fil-kuntest
tal-infrastruttura tal-enerġija. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Konsultazzjoni, ġbir ta’ dejta u użu ta’
kompetenzi Din il-proposta ġiet żviluppata abbażi ta’
firxa wiesgħa ta’ kontributi minn Stati Membri u partijiet interessati
pprovduti f’diversi okkażjonijiet (konferenzi ta’ livell għoli, workshops,
stħarriġ), inklużi żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-għoti tal-permessi u
dwar l-użu ta’ bonds ta’ proġetti għal proġetti ta’ infrastruttura[13]. L-impatt tad-diversi għażliet
ta’ politika proposti ġew analizzati f’żewġ valutazzjonijiet tal-impatt
imwettqa fl-2010 u l-2011 li għalihom intużaw ir-riżultati ta’ diversi mudelli
u ħafna studji, li minnhom tlieta ġew speċifikament ikkummissjonati biex
jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ investiment, l-għoti tal-permessi u kwistjonijiet
relatati mal-finanzjament. Iż-żewġ valutazzjonijiet tal-impatt indirizzaw
l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-għażliet, filwaqt li kkunsidraw
il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Valutazzjoni tal-impatt L-ewwel valutazzjoni tal-impatt (IA – Impact
Assessment) fl-2010 iffukat fuq il-kamp ta' applikazzjoni tal-inizjattiva
l-ġdida f’termini tas-setturi tal-enerġija koperti, it-tfassil tagħha f’termini
tal-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u tal-għażla tal-proġetti ta' interess
komuni, il-forma ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali u l-prinċipji
ġenerali fir-rigward tal-għoti tal-permessi. L-IA tal-2011, li hija bbażata fuq din l-ewwel
analiżi, tanalizza f’ħafna iżjed dettall l-għażliet ta’ politika fl-oqsma
tal-għoti tal-permessi u l-konsultazzjoni pubblika, ir-regolamentazzjoni u
l-finanzjament li għandhom japplikaw għall-proġetti ta’ interess komuni
magħżula għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-infrastruttura
identifikati preċedentement. Għal kull wieħed mid-diversi ostakli identifikati,
hija tivvaluta s-soluzzjonijiet disponibbli, effikaċi u kosteffiċjenti. Għoti tal-permessi u konsultazzjoni
pubblika L-analiżi tqabbel tliet għażliet: stabbiliment
ta’ reġim ta’ interess komuni; regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tul ta’ żmien
tal-proċess tal-għoti tal-permessi, b’mod partikolari “one-stop shop” komplut u
limitu taż-żmien; kombinazzjoni taż-żewġ għażliet preċedenti. Fir-rigward tal-miżuri marbuta mad-Direttiva
dwar il-Ħabitats, l-impatt fuq il-flora u l-fawna lokali tar-reġim ta’ interess
Ewropew komuni huwa mistenni li jkun rilevanti biss għal subsett żgħir ħafna
ta’ proġetti ta' interess komuni identifikati bħala possibbilment f’kunflitt
maż-żoni ta’ Natura 2000, li huma, madankollu, kruċjali għall-ksib
tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija u l-klima. L-impatt globali tal-aħħar għażla ta’ politika
huwa kkunsidrat bħala l-iżjed wieħed pożittiv minnhom kollha, għaliex tiwassal
għat-tlestija fil-ħin ta’ kważi l-proġetti kollha ta' interess komuni meħtieġa
sal-2020, sakemm ikun hemm fis-seħħ miżuri xierqa dwar ir-regolamentazzjoni u
l-finanzjament. L-impatti ambjentali, l-impatti soċjali fuq l-impjiegi u
l-impatti ekonomiċi fuq il-PDG huma mistennija li jkunu iżjed b’saħħithom taħt
din l-għażla ta’ politika għaliex jiġu kkompletati l-proġetti kollha ta'
interess komuni, filwaqt li t-tfaddil mill-ispiża amministrattiva jkun
sinifikanti. Kwistjonijiet regolatorji L-analiżi tqabbel tliet għażliet: allokazzjoni
transkonfinali tal-ispiża; inċentivi ta’ investiment; kombinazzjoni taż-żewġ
għażliet preċedenti. L-analiżi turi li huma meħtieġa kemm
mekkaniżmu transkonfinali ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż ex ante kif
ukoll inċentivi li jirriflettu r-riskji meħuda mill-operatur, biex tiġi żgurata
l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni li jiffaċċjaw sfidi
fir-rigward tal-vijabbiltà tagħhom. L-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali
globali tagħhom huwa kbir u pożittiv. Finanzjament Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-firxa
sħiħa ta’ miżuri possibbli fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura,
l-analiżi tindirizza wkoll erba’ għażliet ta’ finanzjament, anke jekk dawn se
jissarrfu f’miżuri ta’ politika fis-CEF: użu ta’ strumenti għall-qsim
tar-riskju (inklużi bonds u garanziji tal-proġetti); użu ta’ strumenti ta’
kapital b’riskju (inklużi parteċipazzjonijiet f’ishma); użu ta’ appoġġ
għall-għotjiet għal studji u kostruzzjoni ta’ proġetti; kombinazzjoni ta’
għotjiet, qsim tar-riskju u strumenti ta’ kapital b’riskju. L-impatt globali tal-aħħar għażla ta’ politika
huwa l-iżjed pożittiv, għaliex jakkumula l-impatti pożittivi tal-għażliet
individwali u jipprovdi għodda flessibbli ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u
appoġġ finanzjarju dirett, li jwassal għal sinerġiji u gwadanni f’termini ta’
effiċjenza billi joffri l-iżjed soluzzjoni kosteffettiva għal riskji speċifiċi
tal-proġetti. Din l-għażla ta’ politika tirrifletti wkoll l-miżuri proposti
taħt il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta għar-Regolament tagħti prijorità
lil 12-il kuritur u qasam strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija
trans-Ewropea. Hija tistabbilixxi regoli li jidentifikaw, fi ħdan sett ta’ kategoriji
definiti tal-infrastruttura tal-enerġija, proġetti ta’ interess komuni (PCIs –
Projects of Common Interest), li huma meħtieġa biex jimplimentaw dawn
il-prijoritajiet. Għal dan il-għan, hija tistabbilixxi proċess ta’ għażla
bbażat fuq gruppi esperti reġjonali u rwol konsultattiv għall-Aġenzija
għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) fl-elettriku u l-gass,
filwaqt li d-deċiżjoni finali fuq lista ta’ proġetti ta’ interess komuni
tal-Unjoni kollha, aġġornata kull sentejn, tittieħed mill-Kummissjoni.
Il-gruppi ta’ esperti reġjonali u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tal-Enerġija
huma fdati bil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PCIs.
Il-Kummissjoni tista’ tinnomina koordinaturi Ewropej għal PCIs li jiffaċċjaw
diffikultajiet. Il-proposta tistabbilixxi reġim ta’ interess
komuni għall-PCIs, u tagħti responsabbiltajiet speċifiċi lil awtorità
kompetenti nazzjonali waħda fi ħdan kull Stat Membru biex tikkoordina u
tissorvelja l-proċess ta’ għoti tal-permessi għall-PCIs, tistabbilixxi
standards minimi għat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u
tistabbilixxi t-tul ta’ żmien massimu permess tal-proċess għall-għoti
tal-permessi. Il-proposta tippermetti wkoll li l-PCIs jiġu implimentati taħt
ċerti kundizzjonijiet għal raġunijiet ta’ “interess pubbliku imperattiv
prevalenti” kif definit fid-Direttivi 92/43/KE u 2000/60/KE. Dawn
il-miżuri huma proporzjonati peress li l-għan tagħhom huwa l-allinjament minimu
tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali meħtieġ biex jiffaċilita l-implimentazzjoni
tal-PCIs, fil-biċċa l-kbira tagħhom transkonfinali. L-Istati Membri huma liberi
li jfasslu l-proċeduri interni speċifiċi tagħhom f’konformità mas-sistemi
legali nazzjonali tagħhom bil-għan li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan
ir-Regolament. Ir-Regolament propost jipprovdi metodoloġija u
proċess għall-elaborazzjoni ta’ analiżi armonizzata tal-benefiċċji u l-ispejjeż
tas-sistema kollha tal-enerġija fir-rigward tal-PCIs fl-elettriku u l-gass.
Abbażi ta’ din il-metodoloġija, hija tagħti responsabbiltà lill-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali u lill-ACER biex jallokaw l-ispejjeż għal PCIs
transkonfinali f’dawn is-setturi skont il-benefiċċji fl-Istati Membri
direttament jew indirettament ikkonċernati b’dawn il-PCIs. L-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali huma mitluba wkoll jagħtu inċentivi xierqa permezz ta’
tariffi għall-implimentazzjoni ta’ PCIs li jiffaċċjaw riskji ogħla għal
raġunijiet ġustifikati. Finalment, ir-Regolament jiddetermina
l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-PCIs għal għajnuna finanzjarja
tal-Unjoni taħt il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, għaż-żewġ studji
(aċċessibbli għall-PCIs kollha minbarra dwak fis-settur taż-żejt) u xogħlijiet
(aċċessibbli għall-PCIs kollha fis-settur tal-grids intelliġenti u tad-diossidu
tal-karbonju, u għal PCIs fl-elettriku u l-gass li jissodisfaw ċerti
kundizzjonijiet, speċjalment meta tkun ingħatat deċiżjoni ta’ allokazzjoni
transkonfinali tal-ispejjeż). Bażi legali Il-proposta hija bbażata fuq
l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont
l-Artikolu 171(1), “l-Unjoni għandha tistabbilixxi sensiela ta’ linji
gwida dwar il-miri, prioritatjiet u l-linji ġenerali tal-miżuri kontemplati
fl-isfera tan-networks trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw
proġetti ta’ interess komuni”. L-Artikolu 172 jispeċifika li l-linji gwida
u miżuri oħra msemmija fl-Artikolu 171(1) għandhom jiġu adottati skont
il-proċedura ta' kodeċiżjoni. Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għal
din il-proposta sakemm il-politika tal-enerġija ma taqax taħt il-kompetenza
esklużiva tal-Unjoni. L-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-enerġija għandha
natura jew impatti trans-Ewropej jew mill-inqas transkonfinali.
Ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri mhijiex adattata u
l-amministrazzjonijiet nazzjonali individwali ma għandhom l-ebda kompetenza
biex jittrattaw dawn l-infrastrutturi inġenerali. Minn perspettiva ekonomika,
l-aħjar mod biex isiru żviluppi fin-netwerk tal-enerġija huwa billi jiġu
ppjanati b’perspettiva Ewropea, li tkopri kemm l-azzjoni tal-UE u kif ukoll dik
tal-Istati Membri filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi rispettivi tagħhom.
Għaldaqstant ir-Regolament proposta jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Prinċipju tal-proporzjonalità u għażla
ta’ strument legali Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa
meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira, meta wieħed iqis l-għanijiet
tal-politika tal-enerġija u l-klima maqbula fil-livell tal-Unjoni u l-ostakli
għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-enerġija adegwati. L-istrument magħżul
huwa Regolament, li għandu applikazzjoni diretta u li huwa vinkolanti fl-intier
tiegħu. Tali miżura hija meħtieġa biex tiżgura implimentazzjoni fil-ħin
tal-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija sal-2020. B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ qafas
għall-għoti tal-permessi mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali u
limiti taż-żmien ċari, li fihom il-proċess tal-għoti tal-permessi jista’
jitwettaq skont speċifiċitajiet nazzjonali, huwa proporzjonali għall-għan
tal-aċċellerazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi. 4. IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI L-implikazzjonijiet baġitarji kollha ta’ din
il-proposta huma ttrattati skont id-dikjarazzjoni finanzjarja legali
tal-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkolegaw l-Ewropa”. 5. ELEMENTI FAKULTATTIVI Revoka ta’ leġiżlazzjoni eżistenti L-adozzjoni tal-proposta għandha twassal
għar-revoka tad-Deċiżjoni 1364/2006/KE
mill-1 ta’ Jannar 2014. Madankollu, din mhijiex se taffettwa
l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-għajnuna finanzjarja mogħtija
mill-Kummissjoni abbażi tas-sejħiet għall-proposti mnedija taħt ir-Regolament
ta’ finanzjament tat-TEN eżistenti għall-proġetti fil-mira ta’ din
id-Deċiżjoni, jew għall-proġetti tat-TEN-E li jkunu qed jibbenefikaw minn
appoġġ permezz tal-fondi strutturali. Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) Din il-proposta tikkonċerna kwistjoni relatata
maż-ŻEE u għaldaqstant għandha tkun applikabbli għaliha. 2011/0300 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-infrastruttura
tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat
lill-parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew[14],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
tar-Reġjuni[15],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura
leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titnieda strateġija ġdida “Ewropa
2020”. Waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020[16] hija t-tkabbir sostenibbli li
għandu jsir billi tiġi promossa ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi, iktar
ekoloġika u iktar kompetittiva. L-istrateġija poġġiet l-infrastrutturi
tal-enerġija fuq quddiem nett bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Ewropa
b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”, billi enfasizzat il-ħtieġa li n-netwerks
tal-Ewropa jiġu aġġornati urġentement, billi tinterkonnettjahom fil-livell
kontinentali, b’mod partikolari biex jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija
rinnovabbli. (2)
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata
“Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan
dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat”[17], segwita mill-konklużjonijiet
tal-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
tat-28 ta’ Frar 2011 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tas-6 ta’ Lulju 2011, appellat għal politika tal-infrastruttura
tal-enerġija ġdida għall-ottimizzazzjoni tal-iżvilupp tan-netwerk fil-livell
Ewropew għall-perjodu li jwassal għall-2020 u wara, sabiex l-Unjoni tkun tista’
tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha tal-politika dwar l-enerġija ta’
kompetittività, sostenibbiltà u sigurtà tal-provvista. (3)
Il-Kunsill Ewropew
tal-4 ta’ Frar 2011 enfasizza l-ħtieġa li tiġi modernizzata u
estiża l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u li ssir l-interkonnessjoni
transkonfinali tan-netwerks, sabiex tintwera s-solidarjetà bejn l-Istati
Membri, sabiex jiġu pprovduti rotot alternattivi tal-provvista jew tat-tranżitu
u sorsi tal-enerġija alternattivi u sabiex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija
rinnovabbli li jikkompetu mas-sorsi tradizzjonali. Huwa insista li ebda Stat
Membru tal-UE ma għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u
l-elettriku wara l-2015 jew jara s-sigurtà tal-enerġija tiegħu tiġi pperikolata
minħabba n-nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa. (4)
Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 tistabbilixxi
l-linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej[18]. L-għanijiet ta’ dawn il-Linji
Gwida (TEN-E) huma li jappoġġjaw l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija
tal-Unjoni filwaqt li jinkoraġġixxu l-produzzjoni, it-trasportazzjoni,
id-distribuzzjoni u l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-enerġija, li jnaqqsu
l-iżolament tar-reġjuni żvantaġġjati u tal-gżejjer, li jiżguraw u
jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tal-UE anke permezz tal-kooperazzjoni
ma’ partijiet terzi, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u
l-protezzjoni tal-ambjent. (5)
L-evalwazzjoni tal-qafas attwali tat-TEN-E wriet
b’mod ċar li din il-politika, għalkemm tati kontribut pożittiv għal proġetti
partikolari billi tagħtihom viżibbiltà politika, hija nieqsa minn viżjoni,
iffukar u flessibbiltà biex ikunu jistgħu jimtlew il-lakuni identifikati
fl-infrastruttura. (6)
L-aċċellerazzjoni fir-restawr tal-infrastruttura
tal-enerġija eżistenti u fl-użu tal-infrastruttura l-ġdida hija essenzjali biex
jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni, li
huma li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija, li tiġi garantita s-sigurtà
tal-provvista, speċjalment tal-gass u ż-żejt, li jitnaqqsu l-emissjonijiet
tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 %[19],
li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija jiżdied għal
20 %[20],
u li tinkiseb żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija sal-2020. Fl-istess
ħin, l-Unjoni għandha tipprepara l-infrastruttura tagħha
għad-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija fit-tul sal-2050. (7)
Minkejja l-eżistenza legali tiegħu, kif definit
fid-Direttivi 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern
fil-qasam tal-elettriku[21]
u 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern
tal-gass naturali[22],
is-suq intern fl-enerġija għadu frammentat minħabba n-nuqqas ta’
interkonnessjonijiet bejn in-netwerks nazzjonali tal-enerġija. Madankollu,
netwerks integrati fl-Unjoni kollha huma vitali biex jiżguraw suq integrat
kompetittiv u li jiffunzjona tajjeb għall-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi u
l-iżvilupp sostenibbli. (8)
L-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni għandha
tiġi aġġornata għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u kkawżati
mill-bniedem, ta’ effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u ta’ theddid
għas-sigurtà tagħha u għall-finijiet taż-żieda fir-reżistenza kontrihom,
speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura kritika Ewropea kif stabbilit
fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE
tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni
tal-infrastruttura kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib
tal-ħarsien tagħhom[23]. (9)
L-importanza tal-grids intelliġenti fil-ksib
tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni ġiet rikonoxxuta
fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill,
lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Grids
intelliġenti:” nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom"[24]. (10)
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Il-Politika
tal-UE dwar l-Enerġija: Kooperazzjoni ma’ Pajjiżi lil hinn mill-Fruntieri
Tagħna”[25]
enfasizzat il-ħtieġa li l-Unjoni tinkludi l-promozzjoni tal-iżvilupp
tal-infrastruttura tal-enerġija fir-relazzjonijiet esterni tagħha bil-għan li
tappoġġja l-iżvilupp soċjoekonomiku lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni.
L-Unjoni għandha tiffaċilita l-proġetti ta’ infrastruttura li jikkonnettjaw
in-netwerks tal-enerġija tal-Unjoni man-netwerks ta’ pajjiżi terzi, b’mod
partikolari f’pajjiżi tal-viċinat u f’pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbilixxiet
kooperazzjoni speċifikament dwar l-enerġija. (11)
Il-ħtiġijiet tal-investiment sal-2020
fl-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-gass b’rilevanza Ewropea
ġew stmati għal madwar EUR 200 biljun. Iż-żieda
sinifikanti fil-volumi tal-investiment imqabbla mat-tendenzi fil-passat u
l-urġenza biex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura
tal-enerġija jirrikjedu approċċ ġdid fil-mod li bih l-infrastrutturi
tal-enerġija, u speċjalment dawk ta’ natura transkonfinali, jiġu rregolati u
ffinanzjati. (12)
Id-dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni
lill-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
tal-10 ta’ Ġunju 2011“Ħtiġijiet u rekwiżiti ta' ffinanzjar
tal-investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija”[26] enfasizza li madwar nofs
l-investimenti totali meħtieġa għad-deċennju li jwassal għall-2020 jinsabu
f’riskju li ma jitwettqu qatt jew li ma jitwettqux fil-ħin minħabba ostakli
marbuta mal-għoti tal-permessi, mar-regolamentazzjoni u mal-finanzjament. (13)
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli
għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej
tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija skont
it-Trattat, jiġifieri dawk li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern
tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, li jiġu promossi l-effiċjenza
fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u
rinnovabbli tal-enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-netwerks
tal-enerġija. B’dawn l-għanijiet fil-mira tagħha, din il-proposta
tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u ġġib
magħha benefiċċji għall-Unjoni kollha f’termini ta’ kompetittività u koeżjoni
ekonomika, soċjali u territorjali (14)
Il-Kummissjoni identifikat, wara konsultazzjonijiet
mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, 12-il prijorità
strateġika tal-infrastruttura enerġija trans-Ewropea, li l-implimentazzjoni
tagħhom sal-2020 hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika dwar
l-enerġija u l-klima tal-Unjoni. Dawn
il-prijoritajiet ikopru reġjuni ġeografiċi jew oqsma tematiċi differenti
fil-qasam tat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, it-trażmissjoni tal-gass,
il-ħżin u l-infrastruttura tal-gass naturali likwifikat jew ikkompressat,
it-trasport tad-diossidu tal-karbonju u l-infrastruttura taż-żejt. (15)
L-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni
għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni, trasparenti u oġġettivi fid-dawl
tal-kontribut tagħhom għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija. Għall-elettriku u l-gass, il-proġetti proposti
għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan disponibbli tal-iżvilupp tan-netwerk għal
għaxar snin. Il-pjan għandu jikkunsidra b'mod
partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar
rigward il-ħtieġa li jiġu integrati s-swieq periferali tal-enerġija. (16)
Fid-dawl tal-konformità mal-Artikolu 172
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti
gruppi reġjonali bil-għan li jipproponu proġetti ta' interess komuni li se
jkunu approvati mill-Istati Membri. Sabiex
jiġi żgurat kunsens wiesa', dawn il-gruppi reġjonali għandhom jiżguraw
kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji
nazzjonali, il-promoturi tal-proġetti u partijiet interessati rilevanti. Il-kooperazzjoni għandha tistrieħ kemm jista' jkun
fuq strutturi eżistenti ta’ kooperazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji
nazzjonali u operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u strutturi oħra stabbiliti
mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. (17)
Il-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni
għandha tkun limitata għall-proġetti li l-iktar jikkontribwixxu
għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji strateġiċi
tal-infrastruttura tal-enerġija. Dan
jirrikjedi li d-deċiżjoni dwar il-lista tittieħed mill-Kummissjoni, filwaqt li
jiġi rispettat id-dritt tal-Istati Membri li japprovaw proġetti ta’ interess
komuni marbuta mat-territorju tagħhom. Skont
analiżi li twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta,
l-għadd ta’ dawn il-proġetti huwa stmat għal madwar 100 fil-qasam tal-elettriku
u 50 fil-qasam tal-gass. (18)
Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu
implimentati mill-iktar fis possibbli u għandhom ikunu mmonitorjati u evalwati
mill-qrib, filwaqt li l-piż amministrattiv tal-promoturi tal-proġetti għandu
jinżamm f’livell minimu. Il-Kummissjoni
għandha tinnomina koordinaturi Ewropej għall-proġetti li jkunu qed jiffaċċjaw
diffikultajiet partikolari. (19)
Il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni ma għandhomx
iwasslu għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs jew
għall-kumplessità ta’ proġett u lanqas ma għandhom joħolqu ostakli
għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej u l-aċċess għas-suq. Il-Kunsill
Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 enfasizza l-ħtieġa li jiġu
identifikati u mneħħija l-ostakli għall-investiment, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni
tal-proċeduri tal-ippjanar u l-konsultazzjoni. Dawn il-konklużjonijiet ġew
imsaħħa fil-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 li reġa’
enfasizza l-importanza li jiġu ssimplifikati u mtejba l-proċeduri ta’
awtorizzazzjoni filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali. (20)
Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jingħataw
“status prijoritarju” fil-livell nazzjonali, biex jiġi żgurat trattament
amministrattiv rapidu. Il-proġetti ta' interess komuni għandhom jiġu
kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma fl-interess pubbliku.
L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal proġetti li għandhom impatt negattiv
fuq l-ambjent abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti, meta
jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha stipulati fid-Direttivi 92/43/KE u
2000/60KE. (21)
L-istabbiliment ta’ awtorità kompetenti waħda
fil-livell nazzjonali li tintegra jew tikkoordina l-proċeduri kollha
għall-għoti tal-permessi (“one-stop shop”) għandu jnaqqas il-kumplessità, iżid
l-effiċjenza u t-trasparenza u jgħin biex titjieb il-kooperazzjoni fost
l-Istati Membri. (22)
Minkejja l-eżistenza ta’ standards stabbiliti
għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’
natura ambjentali, jinħtieġu miżuri oħra biex jiġu żgurati l-ogħla standards
possibbli ta’ trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward
tal-kwistjonjiet kollha relatati mal-proċess tal-għoti tal-permessi għal
proġetti ta’ interess komuni. (23)
L-implimentazzjoni korretta u koordinata
tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE kif emendata u tal-Konvenzjonijiet ta’
Aarhus u ta’ Espoo għandha tiżgura l-armonizzazzoni tal-prinċipji ewlenin
tal-valutazzjoni tal-effetti ambjentali, inkluż f’kuntest transkonfinali.
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tagħhom dwar proġetti
ta’ interess komuni, u jipprovdu valutazzjonijiet konġunti meta jkun possibbli. (24)
Minħabba l-urġenza li jiġu żviluppati
infrastrutturi tal-enerġija, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti
tal-permessi għandha tkun akkumpjanata minn skadenza ċara biex tittieħed
id-deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi fir-rigward
tal-kostruzzjoni tal-proġett. Dan il-limitu taż-żmien għandu jistimola
definizzjoni u ttrattar aktar effiċjenti tal-proċeduri, u fl-ebda ċirkostanza
ma għandu jwassal għal kompromess tal-istandards għolja għall-protezzjoni
tal-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. (25)
Dan ir-Regolament, u b’mod partikolari
d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-permessi, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku
u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, għandu japplika mingħajr
preġudizzju għal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni, inklużi
d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u
d-dispożizzjonijiet adottati skont il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Ambjent
Marittimu. (26)
Il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’
proġett infrastrutturali abbażi ta’ metodoloġija armonizzata għall-analiżi
tas-sistema kollha tal-enerġija, fil-qafas tal-pjanijiet ta’ għaxar snin
għall-iżvilupp tan-netwerk ippreparati min-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistema
ta’ Trażmissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet
għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku[27] u r-Regolament (KE)
Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess
għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali[28], u riveduta mill-Aġenzija
għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija skont ir-Regolament (KE)
Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija
għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija[29], għandha tkun il-bażi
tad-diskussjoni fuq l-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż. (27)
F’suq intern tal-enerġija li dejjem qed isir iktar
integrat, hemm bżonn regoli ċari u trasparenti għall-allokazzjoni
transkonfinali tal-ispejjeż biex jiġi aċċellerat l-investiment
fl-infrastruttura transkonfinali. Il-Kunsill
Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 fakkar fl-importanza li jiġi promoss
qafas regolatorju li jattira l-investimenti fin-netwerks, b’tariffi stabbiliti
f’livelli konsistenti mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament u l-allokazzjoni xierqa
tal-ispiża għal investimenti transkonfinali, filwaqt li jittejbu
l-kompetizzjoni u l-kompetittività, speċjalment tal-industrija Ewropea, u
filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-konsumaturi. (28)
Il-leġiżlazzjoni eżistenti tas-suq intern
tal-enerġija titlob li t-tariffi għall-aċċess għan-netwerks tal-gass u
tal-elettriku għandhom jipprovdu inċentivi xierqa għall-investiment. Meta
japplikaw il-leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-enerġija l-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-inċentivi għal proġetti ta’
interess komuni, inklużi l-inċentivi fit-tul, jirriflettu l-livell ta’ riskju
speċifiku tal-proġett. Dan japplika b'mod partikolari għat-teknoloġiji
innovattivi tat-trażmissjoni fil-qasam tal-elettriku biex jippermettu
għall-integrazzjoni fuq skala wiesgħa tal-enerġija rinnovabbli, tar-riżorsi
tal-enerġija mqassma jew tar-rispons għad-domanda f'netwerks interkonnessi, u
biex l-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-gass joffru kapaċità avvanzata jew
flessibbiltà addizzjonali għas-suq biex jippermettu kummerċ f'perjodi qosra jew
provvista ta' riżerva f'każ ta' interruzzjonijiet fil-provvista. (29)
Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
(EEPR)[30]
wera l-valur miżjud tal-ingranaġġ ta’ finanzjament privat permezz ta’ għajnuna
finanzjarja sinifikanti tal-Unjoni li tippermetti l-implimentazzjoni ta’
proġetti ta’ sinifikat Ewropew. Il-Kunsill Ewropew
tal-4 ta’ Frar 2011 irrikonoxxa li xi proġetti relatati
mal-infrastruttura tal-enerġija jistgħu jirrikjedu finanzjament pubbliku
limitat għall-ingranaġġ tal-finanzjament privat. Fid-dawl
tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u r-restrizzjonijiet baġitarji, għandu jiġi
żviluppat appoġġ immirat, permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji, taħt
il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, li jattira investituri ġodda lejn
il-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija, filwaqt li
l-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni tinżamm f’livell minimu. (30)
Il-proġetti ta’ interess komuni fl-oqsma
tal-elettriku, il-gass u d-diossidu tal-karbonju għandhom ikunu eliġibbli biex
jirċievu għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għal studji u, taħt ċerti
kundizzjonijiet, għal xogħlijiet taħt il-proposta għal Regolament għal Faċilità
“Nikkollegaw l-Ewropa” (iktar ’il quddiem ir-Regolament tas-CEF), fil-forma ta’
għotjiet jew fil-forma ta’ strumenti finanzjarji innovattivi. Dan għandu
jiżgura li jiġi pprovdut appoġġ personalizzat lil dawk il-proġetti ta’ interess
komuni li ma jkunux vijabbli taħt il-qafas regolatorju u l-kundizzjonijiet
tas-suq eżistenti. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tiżgura s-sinerġiji
meħtieġa mal-finanzjament mill-istrumenti ta' politiki oħra tal-Unjoni.
Partikolarment, il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” se tiffinanzja
l-infrastruttura tal-enerġija ta' rilevanza Ewropea, filwaqt li l-Fondi
Strutturali se jiffinanzjaw in-netwerks internazzjonali intelliġenti
tad-distribuzzjoni tal-enerġija ta' importanza lokali jew reġjonali. B'hekk,
iż-żewġ sorsi ta' finanzjament se jikkumplimentaw lil xulxin. (31)
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE
għandha tiġi mħassra. (32)
Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri
l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija u
l-konnessjoni ma’ dawn in-netwerks, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti
mill-Istati Membri u għaldaqstant jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni,
l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà
kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont
il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan
ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak
l-għan. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I –
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament
jistabbilixxi l-linji gwida għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà
tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija
stabbiliti fl-Anness I. 2. B’mod partikolari, dan
ir-Regolament:; (a)
jistabbilixxi r-regoli li jidentifikaw proġetti ta’
interess komuni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-kurituri u l-oqsma
prijoritarji u li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija
fl-elettriku, il-gass, iż-żejt, u d-diossidu tal-karbonju stabbiliti
fl-Anness II; (b)
jiffaċilita l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ proġetti
ta’ interess komuni billi jħaffef l-għoti tal-permessi u jtejjeb
il-parteċipazzjoni tal-pubbliku; (c)
jipprovdi regoli għal allokazzjoni tal-ispejjeż
transkonfinali u inċentivi marbuta mar-riskju għal proġetti ta’ interess
komuni; (d)
jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà
ta’ proġetti ta’ interess komuni għal għajnuna finanzjarja tal-Unjoni taħt
ir-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità
“Nikkollegaw l-Ewropa”]. Artikolu 2
Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra
d-definizzjonijiet provduti fid-Direttivi 2009/28/KE, 2009/72/KE
u2009/73/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009, u
(KE) Nru 715/2009, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: 1. “infrastruttura tal-enerġija”
tfisser kwalunkwe tagħmir fiżiku ddiżinjat biex jippermetti t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni
tal-elettriku jew gass, it-trasport taż-żejt jew id-diossidu tal-karbonju, jew
il-ħżin tal-elettriku jew tal-gass, li jkun jinsab fl-Unjoni jew li jikkonettja
lill-Unjoni ma’ pajjiż jew pajjiżi terzi; 2. “deċiżjoni komprensiva”
tfisser id-deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti li tagħti jew tirrifjuta
awtorizzazzjoni għall-bini tal-infrastruttura tal-enerġija relatata ma’
proġett, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjonijiet sussegwenti meħuda
fil-kuntest tal-għoti tal-aċċess għal proprjetà, tal-proċeduri ta’ appell
amministrattiv jew ġudizzjarju; 3. “proġett” tfisser linji,
pipelines, faċilitajiet, tagħmir, installazzjonijiet u kategoriji ta’
infrastruttura relatata, kemm jekk uniċi jew iżjed minn wieħed, kif stabbiliti
fl-Anness II, li għandhom l-għan li jibnu infrastruttura ġdida
tal-enerġija jew jirrinfurzaw jew jirranġaw l-infrastruttura tal-enerġija
eżistenti; 4. “proġett ta’ interess komuni”
tfisser proġett li jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma
prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I; 5. “promotur ta’ proġett”
tfisser: (a)
operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni jew operatur
ta’ sistema tad-distribuzzjoni jew operatur jew investitur ieħor li jiżviluppa
proġett ta’ interess komuni; jew (b)
jekk ikun hemm diversi operaturi tas-sistema ta’
trażmissjoni, operaturi ta’ sistema tad-distribuzzjoni, operaturi oħra,
investituri jew kull grupp magħmul minn dawn, l-entità b’personalità legali
taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, li tkun intgħażlet b’arranġament
kuntrattwali bejniethom u li jkollha l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi legali
u li terfa’ responsabbiltà finanzjarja għan-nom tal-partijiet fl-arranġament
kuntrattwali. KAPITOLU II –
PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI Artikolu 3
Identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni 1. Il-Kummissjoni għandha
tistabbilixxi lista ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-Unjoni kollha.
Il-lista għandha tiġi riveduta u aġġornata kif ikun meħtieġ kull sentejn.
L-ewwel lista għandha tiġi adottata mhux iktar tard
mill-31 ta’ Lulju 2013. 2. Sabiex il-Kummissjoni
tidentifika proġetti ta’ interess komuni, hija għandha tistabbilixxi Grupp
Reġjonali (“Grupp”), kif definit fit-Taqsima 1 tal-Anness III
imsejjes fuq kull kuritur u qasam ta' prijorità u l-kopertura ġeografika
rispettiva tagħhom kif stabbilit fl-Anness I. 3. Kull Grupp għandu jħejji
l-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni skont il-proċess
stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness III, skont il-kontribut ta' kull
proġett għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji
tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I u skont jekk
jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4. Kull proposta individwali għal proġett għandha tkun teħtieġ
l-approvazzjoni tal-Istat/i Membru/i, li l-proġett ikun marbut mat-territorju
tiegħu/tagħhom. 4. Għal proġetti tal-elettriku u
l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2
tal-Anness II, kull Grupp għandu jissottometti, mhux iżjed tard minn sitt
xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni msemmija
fil-paragrafu 1, il-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni
lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“Aġenzija”). Għall-proġetti tat-trasport taż-żejt u d-diossidu
tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 3 u 4
tal-Anness II, kull Grupp għandu jissottometti, mhux iżjed tard minn sitt
xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1,
il-lista proposta tiegħu ta’ proġetti ta’ interess komuni lill-Kummissjoni. 5. Għall-proġetti
tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 u 2
tal-Anness II, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni, fi
żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-listi proposti ta’ proġetti ta’ interess
komuni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, dwar il-listi
proposti ta’ proġetti ta’ interess komuni, b’mod partikolari billi tikkunsidra
l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu
4 fost il-Gruppi, u r-riżultati tal-analiżi mwettqa
mill-ENTSOs għall-Elettriku u tal-Gass f’konformità mal-punt 2.6
tal-Anness III. 6. Għall-proġetti tat-trasport
taż-żejt u tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbilti
fil-punti 3 u 4 tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tevalwa
l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4. Għall-proġetti tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija
stabbilta fil-punt 4 tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha
tikkunsidra l-potenzjal għall-estensjoni futura biex tinkludi Stati Membri
addizzjonali. 7. Abbażi tad-deċiżjoni ta’
adozzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-proġetti ta’ interess
komuni għandhom isiru parti integrali mill-pjanijiet ta’ investiment reġjonali
rilevanti skont l-Artikolu 12 tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u
(KE) Nru 715/2009 u tal-pjanijiet nazzjonali ta’ għaxar snin
għall-iżvilupp rilevanti skont l-Artikolu 22 tad-Direttivi 72/2009/KE
u 73/2009/KE u pjanijiet ta’ infrastruttura nazzjonali oħra kkonċernati, kif
xieraq. Il-proġetti għandhom jingħataw l-ogħla prijorità possibbli f’kull
wieħed minn dawn il-pjanijiet.. Artikolu 4
Kriterji għal proġetti ta' interess komuni 1. Il-proġetti ta’ interess
komuni għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin: (a)
il-proġett ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni
tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti
fl-Anness I; u (b)
il-proġett juri vijabbiltà ekonomika, soċjali u
ambjentali; u (c)
il-proġett ikun jinvolvi mill-inqas żewġ Stati
Membri, permezz tal-qsim dirett tal-fruntieri ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed
jew inkella billi jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jkollu
impatt transkonfinali sinifikanti kif stabbilit fil-punt 1
tal-Anness IV; 2. Barra minn hekk, il-kriterji
speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-proġetti ta’ interess komuni li
jaqgħu f’kategoriji speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija: (a)
fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trażmissjoni
u l-ħżin tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a)
sa (d) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti
għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin: –
integrazzjoni tas-suq, kompetizzjoni u flessibbiltà
tas-sistema; –
sostenibbiltà, inter alia permezz
tat-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’ċentri tal-konsum
ewlenin u siti tal-ħżin; –
interoperabbiltà u operazzjoni ta’ sistema sigura; (b)
fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-gass li
jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, il-proġett
għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji
speċifiċi li ġejjin: –
integrazzjoni tas-suq, interoperabbiltà u
flessibbiltà tas-sistema; –
sigurtà tal-provvista; inter alia permezz
tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista, provvista ta’ kontropartijiet u
rotot; –
kompetizzjoni, inter alia permezz
tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u permezz tal-provvosta ta’
kontropartijiet u rotot; –
sostenibbiltà; (c)
fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-grids
intelliġenti tal-elettriku li jaqgħu fil-kategorija stabbilita
fil-punt 1(e) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod
sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-funzjonijiet speċifiċi li ġejjin: –
integrazzjoni u involviment tal-utenti tan-netwerk
fir-rigward ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda f’dak li jirrigwarda l-provvista u
d-domanda għall-elettriku; –
effiċjenza u interoperabbiltà tat-trażmissjoni u
d-distribuzzjoni tal-elettriku fl-operat ta' kuljum tan-netwerk; –
sigurtà tan-netwerk, kontroll tas-sistema u kwalità
tal-provvista; –
ippjanar ottimizzat ta’ investimenti kosteffiċjenti
fin-netwerks fil-futur; –
funzjonament tas-suq u servizzi għall-klijenti; –
involviment tal-utenti fil-ġestjoni tal-użu
tal-enerġija tagħhom; (d)
fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport
taż-żejt li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 3
tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti
għat-tliet kriterji speċifiċi li ġejjin: –
sigurtà tal-provvista li tnaqqas id-dipendenza fuq
sors wieħed jew rotta waħda ta’ provvista; –
użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi permezz
ta’ mitigazzjoni tar-riskji ambjentali; –
interoperabbiltà; (e)
fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport
tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 4
tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti
għat-tliet kriterji speċifiċi li ġejjin: –
evitar ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju
bi spiża baxxa filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; –
żieda tar-reżistenza u sigurtà tat-trasport
tad-diossidu tal-karbonju; –
użu effiċjenti tar-riżorsi, billi jiġu konnessi
diversi sorsi u siti tal-ħżin tas-CO2 permezz ta’ infrastruttura
komuni u billi jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji ambjentali. 3. Fir-rigward ta’ proġetti li
jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1 sa 3 tal-Anness II,
il-kriterji elenkati f’dan l-Artikolu għandhom jiġu vvalutati skont
l-indikaturi stabbiliti fil-punti 2 sa 5 tal-Anness IV. 4. Fil-klassifikazzjoni
tal-proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istess prijorità,
għandha tingħata wkoll l-attenzjoni dovuta lill-urġenza ta’ kull wieħed
mill-proġetti proposti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija
li huma l-integrazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni, is-sostenibbiltà u s-sigurtà
tal-provvista, l-għadd ta’ Stati Membri milquta minn kull proġett propost, u
l-kumplimentarjetà tiegħu fir-rigward ta’ proġetti oħra proposti.
Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 1(e)
tal-Anness II, għandha tingħata wkoll attenzjoni lil għadd ta’ utenti
milquta mill-proġett, il-konsum annwali tal-enerġija u s-sehem ta’ ġenerazzjoni
minn riżorsi mhux spedibbli fiż-żona koperta minn dawn l-utenti. Artikolu 5
Implimentazzjoni u Monitoraġġ 1. Il-promoturi ta' proġett
għandhom jimplimentaw proġetti ta’ interess komuni skont pjan ta’
implimentazzjoni li jinkludi skeda taż-żmien għall-istudji dwar il-fattibbiltà
u t-tfassil, l-approvazzjoni regolatorja, il-bini u l-ikkummissjonar, u
l-iskeda tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikolu 11(3). L-operaturi
ta’ sistema tat-trażmissjoni, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni jew
operaturi oħra għandhom iħaddmu proġetti ta’ interess komuni fiż-żona tagħhom. 2. L-Aġenzija
u l-Gruppi għandhom jimmonitorjaw il-progress miksub fl-implimentazzjoni
tal-proġetti ta’ interess komuni. Il-Gruppi jistgħu jitolbu informazzjoni
addizzjonali, ipprovduta f’konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5, jivverifikaw
l-informazzjoni provduta fuq il-post u jsejħu laqgħat mal-partijiet rilevanti.
Il-Gruppi jistgħu wkoll jitolbu lill-Aġenzija tieħu miżuri biex tiffaċilita
l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni. 3. Sal-31 ta’ Marzu
ta’ kull sena wara s-sena tal-għażla bħala proġett ta’ interess komuni skont
l-Artikolu 4, il-promoturi ta' proġett għandhom jissottomettu rapport
annwali, għal kull proġett li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1
u 2 tal-Anness II, lill-Aġenzija jew, għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punti 3 u 4 tal-Anness II lill-Grupp rispettiv. Dan
ir-rapport għandu jipprovdi dettalji dwar: (f)
il-progress miksub għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni
u l-ikkummissjonar tal-proġett, speċjalment fir-rigward ta’ proċeduri tal-għoti
tal-permessi u l-konsultazzjoni; (g)
fejn huwa rilevanti, id-dewmien meta mqabbel
mal-pjan ta’ implimentazzjoni u diffikultajiet oħra ffaċċjati. 4. Fi żmien tliet xhur
mill-wasla tar-rapporti annwali, l-Aġenzija għandha tissottometti lill-Gruppi
rapport konsolidat għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, li jevalwa l-progress
miksub u jipproponi miżuri, fejn xieraq, biex jingħelbu d-dewmien u
d-diffikultajiet li jinstabu. L-evalwazzjoni għandha tinkludi wkoll, skont
id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) u (9) tar-Regolament (KE)
Nru 713/2009, l-implimentazzjoni konsistenti tal-pjanijiet ta’ żvilupp
tan-netwerk fl-Unjoni fir-rigward tal-kurituri u l-oqsma tal-prijoritarji
tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I. 5. Kull
sena, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati msemmija fl-Artikolu
9 għandhom, fil-laqgħa ta’ wara l-wasla tar-rapporti
annwali msemmija fil-paragrafu 3, jirrapurtaw lill-Grupp rispettiv dwar
l-istatus u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’
interess komuni li jkunu jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom. 6. Jekk
l-ikkummissjonar ta’ proġett ta’ interess komuni jiddewwem b’iżjed minn sentejn
meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni
suffiċjenti: (a)
Il-promotur ta’ proġett ta’ dak il-proġett għandu
jaċċetta l-investimenti minn operatur jew investitur wieħed jew iktar
għall-implimentazzjoni tal-proġett. L-operatur tas-sistemi, li l-investiment
ikun jinsab fiż-żona tiegħu, għandu jipprovdi lill-operatur(i) jew
l-investitur(i) li jkun(u) qed jimplimenta(w) proġett l-informazzjoni kollha
meħtieġa għat-twettiq tal-investiment, għandu jikkonnettja assi ġodda
man-netwerk tat-trażmissjoni u, b’mod ġenerali, għandu jagħmel l-almu kollu
tiegħu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-investiment u l-operat u
l-manutenzjoni tal-proġett ta’ interess komuni b’mod sigur, affidabbli u
effiċjenti. (b)
il-Kummissjoni tista’ tniedi sejħa għal proposti
lil kwalunkwe promotur ta’ proġett biex jibni l-proġett skont skeda taż-żmien
maqbula. 7. Proġett ta’ interess komuni
jista’ jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni skont
il-proċedura stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1), jekk: (a)
L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema
kollha tal-enerġija mwettqa mill-ENTSOs skont il-punt 6
tal-Anness III ma tagħtix riżultat pożittiv għall-proġett; (b)
Il-proġett ma jibqax inkluż fil-pjan ta’ għaxar
snin għall-iżvilupp tan-netwerk; (c)
L-inklużjoni fil-lista msemmija
fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata
li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni; (d)
Il-proġett ma jkunx f’konformità mal-leġiżlazzjoni
eżistenti tal-Unjoni. Proġetti, li jitneħħew mil-lista tal-Unjoni,
jitilfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan ir-Regolament
għal proġetti ta’ interess komuni. Dan l-artikolu ma għandux ikun ta’
preġudizzju għal kwalunkwe finanzjament tal-Unjoni mħallas lill-proġett qabel
id-deċiżjoni li dan jitneħħa mil-lista. Artikolu 6
Koordinaturi Ewropej 1. Meta proġett ta’ interess
komuni jesperjenza diffikultajiet ta’ implimentazzjoni sinifikanti,
il-Kummissjoni tista’ tagħżel koordinatur Ewropew għal perjodu massimu ta’ sena
li jista’ jiġġedded darbtejn. 2. Il-koordinatur Ewropew għandu
jwettaq il-kompiti li ġejjin: (a)
jippromwovi l-proġett(i) li għalih/hom ikun
intgħażel bħala koordinatur Ewropew u jippromovi d-djalogu transkonfinali bejn
il-promoturi ta’ proġett u l-partijiet interessati kollha kkonċernati; (b)
jassisti l-partijiet kollha kif inhu meħtieġ
fil-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati kkonċernati fil-ksib tal-permessi
meħtieġa għall-proġett(i); (c)
jiżgura li jingħataw appoġġ u direzzjoni strateġika
xierqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni
tal-proġett(i); (d)
jissottometti rapport lill-Kummissjoni kull sena
dwar il-progress tal-proġett(i) u dwar kwalunkwe diffikultajiet u ostakli li
aktarx li jtawlu b’mod sinifikanti d-data tal-ikkummissjonar tal-proġett(i).
Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-rapport lill-Gruppi kkonċernati u
lill-Parlament Ewropew. 3. Il-koordinatur Ewropew għandu
jintgħażel abbażi tal-esperjenza tiegħu fir-rigward tal-kompiti speċifiċi
assenjati lilu għall-proġett(i) kkonċernat/i. 4. Id-deċiżjoni li jintgħażel
koordinatur Ewropew għandha tispeċifika t-termini ta’ referenza li jipprovdu
dettalji dwar it-tul taż-żmien tal-mandat, il-kompiti speċifiċi u l-iskadenza
taż-żmien korrispondenti u l-metodoloġija li għandha tiġi segwita. L-isforz ta’
koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u l-ispejjeż stmati
tal-proġett(i). 5. L-Istati Membri kkonċernati
għandhom jikkooperaw mal-koordinatur Ewropew fit-twettiq tal-kompiti
tiegħu/tagħha msemmija fil-paragrafi 2 u 4. KAPITOLU III
– Għoti tal-permessi u parteċipazzjoni tal-pubbliku Artikolu 7
Reġim ta’ interess komuni 1. Għall-finijiet tal-tħaffif
tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi u t-titjib tal-parteċipazzjoni
tal-pubbliku, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu
applikabbli għall-proġetti kollha ta’ interess komuni. Artikolu 8
"Status ta' prijorità" ta’ proġetti ta’ interess komuni 1. Il-proġetti ta’ interess
komuni għandhom jiġu allokati l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali
possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċeduri għall-għoti tal-permessi,
fejn u bil-mod li dan it-trattament ikun previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
applikabbli għat-tip ta’ infrastruttura tal-enerġija korrispondenti. 2. L-adozzjoni tal-lista ta’
proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni għandha tistabbilixxi l-interess
pubbliku u n-neċessità ta’ dawn il-proġetti fl-Istati Membri kkonċernati u
għandha tiġi rikonoxxuta mill-partijiet kollha kkonċernati. 3. Bil-għan li jiġi żgurat
ipproċessar amministrattiv effiċjenti tal-fajls marbuta ma’ proġetti ta’
interess komuni, il-promoturi ta’ proġett u l-awtoritajiet kollha għandhom
jiżguraw li jingħata l-iżjed trattament preferenzjali possibbli lil dawn
il-fajls fir-rigward tar-riżorsi allokati. 4. Bil-għan li jintlaħqu
l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 11
u li jitnaqqas il-piż amministrattiv għat-tlestija tal-proġetti ta' interess
komuni, l-Istati Membri għandhom, fi żmien disa' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament, jieħdu l-miżuri biex itejbu l-proċeduri tal-valutazzjoni
ambjentali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li
jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan
ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida biex tappoġġja lill-Istati
Membri fid-definizzjoni ta' miżuri adegwati u biex tiżgura l-applikazzjoni
koerenti tal-proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali mitluba skont
il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-proġetti ta' interess komuni. 5. Fir-rigward tal-impatti ambjentali indirizzati
fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KE u l-Artikolu 4(7)
tad-Direttiva 2000/60/KE, il-proġetti ta' interess komuni għandhom jiġu
kkunsidrati li huma ta' interess pubbliku, u jistgħu
jiġu kkunsidrati bħala "interest pubbliku prevalenti", sakemm
il-kundizzjonijiet previsti kollha f'dawn id-Direttivi jiġu ssodisfati. Jekk tkun meħtieġa l-opinjoni tal-Kummissjoni
skont id-Direttiva 92/43/KE, skont l-Artikolu 9, il-Kummissjoni u
l-awtorità kompetenti għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni dwar l-"interess
pubbliku prevalenti" ta' proġett tittieħed fil-limitu taż-żmien skont
il-paragrafu 1 tal-Artikolu 11. Artikolu 9
Organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi 1. Fi żmien sitt xhur mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jagħżel awtorità
kompetenti nazzjonali waħda li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u
l-koordinazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta' interess
komuni u għall-implimentazzjoni tal-kompiti rilevanti tal-proċess tal-għoti
tal-permessi kif definit f'dan il-Kapitolu. 2. L-awtorità kompetenti għandha
tagħti d-deċiżjoni komprensiva, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti rilevanti
fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik internazzjonali, fil-limitu taż-żmien
imsemmi fl-Artikolu 11(1) skont waħda
mill-iskemi li ġejjin: (a)
skema integrata: id-deċiżjoni komprensiva meħuda
mill-awtorità kompetenti hija l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li
tirriżulta mill-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi. Meta
awtoritajiet oħra jkunu kkonċernati mill-proġett, skont il-leġizlazzjoni
nazzjonali dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala input għall-proċedura
li għandha tiġi kkunsidrata mill-awtorità kompetenti. (b)
skema koordinata: Id-deċiżjoni komprensiva tista'
tinkludi bosta deċiżjonijiet individwali legalment vinkolanti meħuda
mill-Awtorità Kompetenti u minn awtoritajiet oħra kkonċernati. L-awtorità
kompetenti għandha, fuq il-bażi ta' każ b'każ, tistabbilixxi limitu taż-żmien
raġonevoli li matulu għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet individwali. L-awtorità
kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni individwali f'isem awtorità nazzjonali oħra
kkonċernata, jekk id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tasalx fil-limitu
taż-żmien u jekk id-dewmien ma jkunx jista' jiġi ġġustifikat b'mod adegwat.
L-awtorità kompetenti tista' tħassar deċiżjoni individwali ta' awtorità
nazzjonali oħra jekk tikkunsidra li d-deċiżjoni mhijiex ssostanzjata biżżejjed
fir-rigward tal-evidenza ppreżentata mill-awtorità kkonċernata. L-awtorità
kompetenti għandha tiżgura li r-rekwiżiti rilevanti skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali
u tal-Unjoni jiġu rrispettati u għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.b'mod
korrett 3. Jekk proġett ta' interess
komuni jitlob li d-deċiżjonijiet jittieħdu f'żewġ Stati Membri jew iktar,
l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jieħu l-passi neċessarji kollha
għal kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom, inkluż
il-konformità mal-Konvenzjoni Espoo u d-dispożizzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 11(3). L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex
jipprovdu proċeduri konġunti, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjoni
tal-impatti ambjentali. 4. L-Istati Membri għandhom
jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li appelli li jikkontestaw il-legalità
sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjoni komprensiva jiġu ttrattati bl-iżjed
mod effiċjenti possibbli. Artikolu 10
Trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku 1. Sabiex iżżid it-trasparenza
għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, l-awtorità kompetenti għandha,
fi żmien disa’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tippubblika manwal
ta’ proċeduri għall-proċess għall-għoti tal-permessi applikabbli għal proġetti
ta’ interess komuni. Il-manwal għandu jiġi aġġornat kif ikun meħtieġ u jkun
disponibbli għall-pubbliku. Il-manwal għandu mill-inqas jinkludi
l-informazzjoni speċifikata fil-punt 1 tal-Anness VI. 2. Mingħajr preġudizzju għal
kwalunkwe rekwiżit abbażi tal-Konvenzjonijiet Aarhus u Espoo u l-leġiżlazzjoni
rilevanti tal-Unjoni, il-partijiet kollha involuti fil-proċess għall-għoti
tal-permess għandhom jimxu fuq il-prinċipji tal-parteċipazzjoni al-pubbliku
stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness VI. 3. Il-promotur ta’ proġett
għandu jelabora u jissottometti, fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċess
għall-għoti tal-permessi skont il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 11, kunċett dwar il-parteċipazzjoni
tal-pubbliku lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha titlob
modifiki jew tapprova l-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi żmien
xahar. Il-kunċett għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni speċifikata
fil-punt 3 tal-Anness VI. 4. Mill-inqas konsultazzjoni pubblika
waħda għandha titwettaq mill-promotur ta’ proġett, jew, fejn dan huwa stabbilit
bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-awtorità kompetenti, qabel is-sottomissjoni
tal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti skont
il-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 11. Il-konsultazzjoni
pubbliku għandha tipprovdi lill-partijiet interessati msemmija
fil-punt (2)(a) tal-Anness VI, dwar il-proġett fi stadju bikri u
tidentifika l-iżjed post jew perkors xierqa u l-kwistjonijiet rilevanti li
għandhom jiġu indirizzati fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-modalitajiet minimi
ta’ din il-konsultazzjoni pubblika huma speċifikati fil-punt 4
tal-Anness VI. Rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet
relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku qabel is-sottomissjoni tal-fajl
tal-applikazzjoni għandu jiġi ppreparat mill-promotur ta' proġett u sottomess
flimkien mal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti, li għandha
tikkunsidra dawn ir-riżultati meta tieħu d-deċiżjoni komprensiva. 5. Għal proġetti li jaqsmu
l-fruntieri ta’ żewġ Stati Membri jew iżjed, il-konsultazzjonijiet pubbliċi,
skont il-paragrafu 4, f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati
għandhom isiru f’mhux iżjed minn xahrejn mid-data li fiha tkun inbdiet l-ewwel
konsultazzjoni tal-pubbliku f’wieħed minn dawn l-Istati Membri. 6. Għal proġetti li x’aktarx
ikollhom impatti negattivi transkonfinali sinifikanti fi Stat Membru wieħed jew
iżjed tal-viċinat, fejn ikunu applikabbli l-Artikolu 7
tad-Direttiva 85/337/KEE u l-Konvenzjoni Espoo, l-informazzjoni rilevanti
għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i
tal-viċinat. L-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i tal-viċinat għandha
tindika jekk tixtieqx tipparteċipa fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika
rilevanti. 7. Il-promotur ta’ proġett, jew,
fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi dan, l-awtorità kompetenti, għandhom
jistabbilixxu u jaġġornaw regolarment sit elettroniku ta’ proġett li fih
jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti dwar il-proġett, li għandha tkun
konnessa mas-sit elettroniku tal-Kummissjoni u li għandha tissodisfa
r-rekwiżiti speċifikati fil-punt 5 tal-Anness VI. Informazzjoni
kummerċjalment sensittiva għandha tinżamm kunfidenzjali. Barra minn dan, il-promoturi ta’ proġett għandhom
jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni
xierqa oħra, li għalihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess liberu. Artikolu 11
Tul taż-żmien u
implimentazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi 1. Il-perjodu ta’ żmien
tal-proċess għall-għoti tal-permessi għandu jikkonsisti minn żewġ fażijiet u ma
għandux jaqbeż perjodu ta’ tliet snin: (a)
il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, li tkopri
l-perjodu bejn il-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi u l-aċċettazzjoni
tal-fajl ta’ applikazzjoni sottomess mill-awtorità kompetenti, ma għandhiex
taqbeż sentejn. Bil-għan li jiġi stabbilit il-bidu tal-proċess
għall-għoti tal-permessi, il-promotur(i) ta’ proġett għandu/hom jinnotifika/w
il-proġett lill-awtorità kompetenti tal-Istat(i) kkonċernat(i) bil-miktub, u
għandu/hom jinkludi/u deskrizzjoni raġonevolment dettaljata tal-proġett. Mhux
iżjed minn ġimagħtejn wara l-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti għandha
taċċetta, jew jekk tqis li l-proġett ma laħaqx biżżejjed maturità biex jidħol
fil-proċess għall-għoti tal-permess, tiċħad in-notifika bil-miktub. F’każ ta’
ċaħda, l-awtorità kompetenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha. Id-data
tal-iffirmar tal-aċċettazzzjoni tan-notifika mill-awtorità kompetenti għandha
sservi bħala l-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permess. Fejn ikunu kkonċernati
żewġ Istati Membri jew iżjed, l-aċċettazzjoni tan-notifika mill-aħħar awtorità
kompetenti kkonċernata għandha sservi bħala d-data tal-bidu tal-proċess
tal-għoti tal-permessi. (b)
Il-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi,
li tkopri l-perjodu mill-aċċettazzjoni tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess
sakemm l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni komprensiva, ma għandhiex taqbeż
sena. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data iktar kmieni għal-limitu
taż-żmien jekk dan jitqies xieraq. 2. Fi żmien xahar mill-bidu
tal-proċess tal-għoti tal-permessi, skont il-paragrafu 1(a), l-awtorità
kompetenti għandha tidentifika, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet
l-oħra kkonċernati, il-kamp ta' applikazzjoni tal-materjal u l-livell ta’
dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-promotur ta’ proġett,
bħala parti mill-fajl tal-applikazzjoni, biex japplika għad-deċiżjoni
komprensiva. Il-lista ta’ verifika msemmija fil-punt 1(e)
tal-Anness VI għandha sservi bħala bażi għal din l-identifikazzjoni. Għal
dan l-għan, għandha ssir mill-inqas laqgħa waħda bejn l-awtorità kompetenti u
l-promotur tal-proġett, u jekk jitqies xieraq mill-awtorità kompetenti, awtoritajiet
u partijiet interessati oħra kkonċernati. Deskrizzjoni ta’ applikazzjoni
dettaljata, li għandha tinkludi r-riżultati ta’ din il-laqgħa, għandha tiġi
trażmessa lill-promotur ta’ proġett mhux iżjed tard minn xahar wara l-laqgħa. 3. Fi
żmien tliet xhur mill-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi skont
il-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti għandha telabora, b’kooperazzjoni
mill-qrib mal-promotur ta’ proġett u awtoritajiet oħra kkonċernati u wara li
tikkunsidra r-riżultati tal-attivitajiet imwettqa skont il-paragrafu 2,
skeda dettaljata għall-proċess għall-għoti tal-permessi, li tidentifika bħala
minimu dawn li ġejjin: (a)
id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom
jinkisbu; (b)
l-awtoritajiet, il-partijiet interessati, u
l-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat; (c)
l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul
taż-żmien tagħha; (d)
tragwardi ewlenin li għandhom jintlaħqu u
l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li għandha tittieħed; (e)
ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u ħtiġijiet
ta’ riżorsi addizzjonali possibbli. Għal proġetti li jaqsmu l-fruntiera bejn żewġ
Stati Membri jew iżjed, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati
għandhom jallinjaw l-iskedi ta’ żmien tagħhom u jelaboraw skeda konġunta. 4. Il-promotur ta’ proġett
għandu jiżgura l-kompletezza u n-natura adegwata tal-fajl tal-applikazzjoni, u
għandu jitlob l-opinjoni tal-awtorità kompetenti dwar dan mill-iktar fis
possibbli matul il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni. Il-promotur ta’ proġett
għandu jikkoopera mal-awtorità kompetenti biex jiġu rispettati l-iskadenzi u
l-iskeda dettaljata kif definit fil-paragrafu 3. 5. Fi żmien xahar mill-wasla
tal-fajl tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha, jekk ikun meħtieġ,
tagħmel talbiet ulterjuri għal informazzjoni nieqsa li għandha tiġi sottomessa
mill-promotur ta’ proġett, li jista’ jindirizza biss is-suġġetti identifikati
fid-deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni. Fi żmien xahar mill-wasla
tal-fajl tal-applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta
l-applikazzjoni bil-miktub. Sussegwentament, talbiet għal informazzjoni
addizzjonali jistgħu jsiru jekk ikunu ġustifikati minn ċirkostanzi ġodda u
spjegati kif dovut mill-awtorità kompetenti. 6. F’każ ta’ skadenza tal-limitu
ta’ żmien għad-deċiżjoni komprensiva, l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta
lill-Grupp kompetenti l-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu biex
jikkonkludu l-proċess tal-għoti tal-permess bl-inqas dewmien possibbli.
Il-Grupp jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti tirrapporta regolarment dwar
il-progress miksub f’dan ir-rigward. 7. Il-limiti ta' żmien
fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq se jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi
li joħorġu mil-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni. KAPITOLU IV –
Trattament regolatorju Artikolu 12
Analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija 1. Fi żmien xahar mid-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass
għandhom jissottomettu lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni l-metodoloġija
rispettiva tagħhom, inkluż fuq l-immudellar tan-netwerk u tas-suq, għal analiżi
tal-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ sistema tal-enerġija armonizzata li taqa’
fil-kategoriji msemmija fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II.
Il-metodoloġija għandha tiġi elaborata f'konformità mal-prinċipji stabbiliti
fl-Anness V. 2. Fi żmien tliet xhur mid-data
tal-wasla tal-metodoloġija, l-Aġenzija, wara li tikkonsulta formalment
l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti
kollha, għandha tipprovdi opinjoni lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija. 3. Fi żmien tliet xhur
mill-wasla tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni
dwar il-metodoloġija. 4. Fi żmien tliet xhur mid-data
tal-wasla tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO
għall-Gass għandhom jadattaw il-metodoloġija tagħhom skont dan u
jissottomettuha lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. 5. Fi żmien ġimagħtejn
mill-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO
għall-Gass għandhom jippubblikaw il-metodoloġija fuq is-siti elettroniċi
tagħhom. Huma għandhom jittrażmettu s-settijiet ta’ dejta tal-input
korrispondenti, kif definiti fil-punt 1 tal-Anness V, u dejta oħra
rilevanti dwar in-netwerk, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża
biżżejjed, skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-ftehimiet dwar
il-kunfidenzjalità rilevanti, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija, meta mitluba
jagħmlu dan. Id-dejta għandha tkun valida fid-data tat-talba. Il-Kummissjoni u
l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-dejta li
taslilhom, min-naħa tagħhom stess u min-naħa ta’ kwalunkwe parti li twettaq
xogħol analitiku għalihom abbażi ta’ dik id-dejta. 6. Il-metodoloġija għandha tiġi
aġġornata u mtejba regolarment billi tiġi segwita l-proċedura stabbilita
fil-paragrafi 1 sa 5. L-Aġenzija, wara li tikkonsulta formalment
l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti
kollha u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornament u titjib
bil-ġustifikazzjoni u t-termini ta’ żmien dovuti. 7. Il-metodoloġija għandha tiġi
applikata għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż taħt il-pjanijiet ta’
għaxar snin sussegwenti kollha għall-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku jew
tal-gass żviluppati mill-ENTSOs għall-Elettriku u għall-Gass skont
l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 714/2009 u r-Regolament
(KE) 715/2009. 8. Sal-31 ta’ Diċembru 2016,
l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jissottomettu b'mod
konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell komuni għas-suq u għan-netwerk
tal-elettriku u tal-gass li jinkludi kemm it-trażmissjoni u l-ħżin
tal-elettriku u l-gass u li jkopru l-kurituri u l-oqsma ta' prijorità indikati
fl-Anness I u elaborati f'konformità mal-prinċipji stabbiliti
fl-Aneess V. Wara l-approvazzjoni ta’ dan il-mudell mill-Kummissjoni skont
il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4, dawn għandhom jiġu inklużi
fil-metodoloġija. Artikolu 13
Permess għal investimenti b’impatti transkonfinali 1. L-ispejjeż tal-investiment
marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni li jaqa' fil-kategoriji stabbiliti
fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II għandhom jiġu koperti
mill-operatur(i) tas-sistema tat-trażmissjoni tal-Istat(i) Membru/i li
l-proġett jipprovdilu/hom impatt pożittiv nett, u għandhom jitħallsu mill-utenti
tan-netwerks permezz ta’ tariffi għall-aċċess għan-netwerks. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma
għandhomx japplikaw għal proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew eżenzjoni
skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17
tar-Regolament (KE) 714/2009. 2. L-awtoritajiet regolatorji
nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż attwali magħmula minn operatur ta’
sistema tat-trażmissjoni jew promotur ieħor ta’ proġett bħala riżultat
tal-investimenti u l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż korrispondenti
msemmija fil-paragrafu 3 meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi skont
l-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva 2009/72/KE u
l-Artikolu 41(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, sakemm dawn l-ispejjeż
jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli. 3. Mingħajr preġudizzju
għall-investimenti fi proġetti ta’ interess komuni permezz ta’ ftehim reċiproku
bejn l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni kkonċernata, l-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali għandhom japprovaw l-investimenti u jiddeċiedu b’mod
konġunt dwar l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż korrispondenti għal
proġetti ta’ interess komuni jew pakketti għalihom kif ukoll dwar l-inklużjoni
tal-ispejjeż tal-investimenti fit-tariffi tat-trażmissjoni. 4. Il-promotur(i) ta’ proġett
ta’ interess komuni li jaqa'/jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti
fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II għandu/hom iżommu
l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati infurmati regolarment
bil-progress ta’ dak il-proġett u l-identifikazzjoni tal-ispejjeż u l-impatti
assoċjati miegħu. Hekk kif proġett ta’ interess komuni magħżul skont l-Artikolu 3 u li jaqa’
fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II
ikun laħaq biżżejjed maturità, il-promotur ta’ proġett għandu jissottometti
talba ta’ investiment, inkluża allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali,
lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti, akkompanjata minn dawn li
ġejjin: (a)
analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż abbażi
tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu 12; u (b)
pjan ta’ negozju li jevalwa l-vijabbiltà
finanzjarja tal-proġett, inkluża s-soluzzjoni ta’ finanzjament magħżula, u għal
proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategorija msemmija fil-punt 2
tal-Anness I, ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq. Jekk proġett jiġi promoss minn diversi operaturi
jew investituri, dawn għandhom jissottomettu t-talba tagħhom b'mod konġunt. Għal proġett li jinsabu fil-lista ta’ proġetti ta’
interess komuni tal-Unjoni, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu
t-talba tagħhom sat-30 ta’ Settembru 2013. Kopja ta’ kull talba ta’ investiment għandha tiġi
trażmessa għal skopijiet ta’ informazzjoni u mingħajr dewmien mill-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija malli tasal. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija
għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. 5. Fi żmien sitt xhur mid-data
li fiha tkun waslet l-aħħar talba mingħand l-aħħar awtorità regolatorja
nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, wara
konsultazzjoni mal-promotur(i) tal-proġett ikkonċernat(i), jieħdu deċiżjoni
konġunta dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-investiment li għandhom jiġu
koperti minn kull operatur tas-sistema għal dak il-proġett, kif ukoll dwar
l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi tan-netwerks. L-awtoritajiet regolatorji
nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jallokaw biss parti mill-ispejjeż jew li
jallokaw l-ispejjeż fuq pakkett ta’ diversi proġetti ta’ interess komuni. Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir
allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispejjeż
ekonomiċi, soċjali u ambjentali u l-benefiċċji tal-proġett(i) fl-Istati Membri
kkonċernati u l-possibbiltà li jkun hemm bżonn appoġġ finanzjarju. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata, mingħajr
dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija, flimkien
mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. B’mod partikolari,
l-informazzjoni għandha tinkludi raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom ikunu
ġew allokati l-ispejjeż fost l-Istati Membri, bħalma huma dawn li ġejjin: (a)
evalwazzjoni tal-impatti identifikati, inklużi dawk
li jikkonċernaw it-tariffi tan-netwerks, fuq kull wieħed mill-Istati Membri
kkonċernati; (b)
evalwazzjoni tal-pjan ta’ negozju msemmi
fil-paragrafu 4(b); (c)
esternalitajiet pożittivi reġjonali jew mifruxa
fl-Unjoni kollha ġġenerati mill-proġett; (d)
ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-promotur(i) ta’
proġett ikkonċernat(i). Id-deċiżjoni tal-allokazzjoni għandha tiġi
ppubblikata. 6. Meta l-awtoritajiet
regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar it-talba ta’
investiment fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet it-talba mingħand
l-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, dawn għandhom jinfurmaw
lill-Aġenzija mingħajr dewmien. F’dan il-każ jew fuq talba konġunta
mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati, id-deċiżjoni dwar
it-talba ta’ investiment inkluża l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż
imsemmija fil-paragrafu 4, kif ukoll il-metodu ta’ kif l-ispiża
tal-investimenti jkunu riflessi fit-tariffi għandha tittieħed mill-Aġenzija fi
żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Aġenzija. Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha
tikkonsulta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati u l-promotur(i)
ta’ proġett. Il-perjodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’
jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn meta jkun hemm bżonn iżjed informazzjoni
mill-Aġenzija. Dak il-perjodu addizzjonali għandu jibda fil-jum wara l-wasla
tal-informazzjoni kompluta. Id-deċiżjoni tal-allokazzjoni għandha tiġi
ppubblikata. 7. Kopja tad-deċiżjonijiet
kollha, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward ta’ kull
deċiżjoni, għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-Aġenzija
lill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi sottomessa f’forma aggregata.
Il-Kummissjoni għandha żżomm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni
kummerċjalment sensittiva. 8. Din l-allokazzjoni
tal-ispejjeż ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-operaturi tas-sistema
tat-trażmissjoni li japplikaw u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li
japprovaw bidliet għal aċċess għal netwerks skont
l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72/KE u tad-Direttiva 2009/73/KE,
l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u
l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Artikolu 14
Inċentivi 1. Meta promotur ta’ proġett
jieħu riskji akbar għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni, l-operat jew
il-manutenzjoni ta’ proġett ta' interess komuni li jaqa' taħt il-kategoriji
stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness II, minbarra għall-proġetti ta'
ħżin tal-elettriku ppumpjat bl-ilma (hydro-pumped electricity storage
projects), meta mqabbla mar-riskji li jittieħdu normalment minn proġett ta’
infrastruttura komparabbli, u meta dawn ir-riskji ma jkunux koperti b’eżenzjoni
skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17
tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali
għandhom jiżguraw li jingħataw inċentivi xierqa lil dak il-proġett
fl-applikazzjoni tal-Artikolu 37(8) tad-Direttiva 2009/72/KE,
l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 14
tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE)
Nru 715/2009. 2. Id-deċiżjoni
tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-għoti ta’ dawn l-inċentivi
għandha tikkunsidra r-riżultati tal-analiżi tal-benefiċċju tal-ispejjeż abbażi
tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu 12 u b’mod partikolari l-esternalitajiet pożittivi reġjonali jew fl-Unjoni
kollha ġġenerati mill-proġett. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha
għandhom janalizzaw iktar ir-riskji speċifiċi meħuda mill-promotur(i) ta’
proġett, il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju meħuda u l-ġustifikazzjoni ta’
dan il-profil tar-riskju fid-dawl tal-impatt pożittiv nett ipprovdut
mill-proġett, meta mqabbel ma’ alternattiva ta’ riskju baxx. Ir-riskji
eliġibbli għandhom jinkludu b’mod partikolari riskji marbuta ma’ teknoloġiji
ta’ trażmissjoni ġodda, kemm fuq l-art kif ukoll barra mill-kosta, riskji
relatati mal-insuffiċjenza fil-kopertura tal-ispejjeż u riskji relatati
mal-iżvilupp. 3. L-inċentiv
mogħti bid-deċiżjoni għandu jikkunsidra n-natura speċifika tar-riskju sostnut u
jkun ikopri: (a)
regoli għal investiment antiċipatorju; jew (b)
regoli għar-rikonoxximent ta’ spejjeż sostnuti
b’mod effiċjenti qabel l-ikkummissjonar tal-proġett; jew (c)
regoli għall-provvista ta’ ritorn addizzjonali fuq
il-kapital investit għall-proġett; jew (d)
kwalunkwe miżura oħra li hija meqjusa meħtieġa u
xierqa. 4. Sal-31 ta’ Diċembru 2013,
l-Aġenzija għandha toħroġ gwida skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE)
Nru 713/2009: (a)
rigward l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1
abbażi ta’ punt ta’ riferiment tal-aħjar prattika minn awtoritajiet regolatorji
nazzjonali; (b)
rigward metodoloġija komuni li tevalwa r-riskji
ogħla meħuda għal investimenti fi proġetti ta’ trażmissjoni tal-elettriku u
l-gass. 5. Sal-31 ta’ Lulju 2013,
kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippubblika l-metodoloġija tagħha
u l-kriterji użati għall-evalwazzjoni ta’ investimenti fi proġetti
tal-elettriku u l-gass u r-riskji akbar li jieħdu huma. 6. Il-Kummissjoni tista’ toħroġ
linji gwida dwar l-inċentivi stabbiliti f’dan l-Artikolu skont
l-Artikolu 18(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u
l-Artikolu 23 (1) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. KAPITOLU V –
Finanzjament Artikolu 15
Eliġibbiltà ta’ proġetti għal għajnuna finanzjarja
mill-Unjoni 1. Proġetti ta’ interess komuni
li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1, 2 u 4 tal-Anness II
huma eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal
studji u strumenti finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw
l-Ewropa”]. 2. Proġetti ta’ interess komuni
li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2
tal-Anness II, minbarra proġetti ta’ ħżin tal-elettriku ppumpjat bl-ilma,
għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal appoġġ finanzjarju mill-Unjoni fil-forma
ta’ għotjiet għal xogħlijiet skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw
l-Ewropa”], jekk jitwettqu skont il-proċedura msemmija fil-paragrafu 6(b)
tal-Artikolu 5 jew jekk jiġu
ssodisfati l-kriterji li ġejjin: (a)
l-analiżi speċifika tal-benefiċċji u l-ispejjeż
għall-proġett skont il-paragrafu 4(a) tal-Artikolu 13
tipprovdi provi li jikkonċernaw l-eżistenza ta’
esternalitajiet pożittivi sinifikanti, bħas-sigurtà tal-provvista,
is-solidarjetà jew l-innovazzjoni; u (b)
il-proġett ma jkunx kummerċjalment vijabbli skont
il-pjan tan-negozju u evalwazzjonijiet oħra mwettqa, speċjalment minn
investituri jew kredituri possibbli. Id-deċiżjoni dwar l-inċentivi u
l-ġustifikazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 14 għandha tittieħed meta tiġi evalwata
l-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett; u (c)
il-proġett ikun irċieva deċiżjoni tal-allokazzjoni
ta’ spejjeż transkonfinali skont Artikolu 13 jew, għal proġetti li jkunu rċevew eżenzjoni skont l-Artikolu 36
tad-Direttiva 2009/73/KE jew l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE)
Nru 714/2009, opinjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti
u l-Aġenzija dwar il-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett. 3. Proġetti
ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(e) u 4
tal-Anness II għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal appoġġ finanzjarju
mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet skont id-dispożizzjonijiet
tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità
“Nikkollegaw l-Ewropa”], jekk il-promoturi tal-proġett ikkonċernati jkunu
jistgħu juru b’mod ċar l-esternalitajiet pożittivi sinifikanti ġġenerati
mill-proġetti u n-nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali tagħhom. KAPITOLU VI –
Dispożizzjonijiet Finali Artikolu 16
Rapportar u evalwazzjoni Mhux iktar tard mill-2017, il-Kummissjoni
għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjonu ta' proġetti ta' interess
komuni. Dan ir-rapport għandu jipprovdi evalwazzjoni: (a)
tal-progress miksub għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni
u l-ikkummissjonar ta’ proġetti ta’ interess komuni magħżula skont l-Artikolu 3,
u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni u diffikultajiet oħra
ffaċċjati; (b)
tal-fondi użati u żburżati mill-Unjoni għal
proġetti ta’ interess komuni skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw
l-Ewropa”], imqabbla mal-valur totali tal-proġetti ta’ interess komuni
ffinanzjati; (c)
li tikkonċerna s-setturi tal-elettriku u l-gass,
l-evoluzzjoni tal-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri,
l-evoluzzjoni korrispondenti tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll l-għadd ta’
avvenimenti ta’ falliment tas-sistema tan-netwerk, il-kawżi tagħhom u l-ispiża
ekonomika relatata; (d)
li tikkonċerna l-għoti tal-permessi u
l-parteċipazzjoni tal-pubbliku: –
it-tul ta’ żmien totali medju u massimu ta’
proċeduri tal-awtorizzazzjoni għal proġetti ta’ interess komuni, inkluż it-tul
ta’ żmien ta’ kull pass tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, imqabbla maż-żmien
previst mit-tragwardi ewlenin tal-bidu msemmija fl-Artikolu 11(3); –
il-livell ta’ oppożizzjoni ffaċċjata minn proġetti
ta’ interess komuni (speċjalment għadd ta’ osservazzjonijiet bil-miktub waqt
proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, għadd ta’ azzjonijiet għal rikors legali); (e)
li tikkonċerna t-trattament regolatorju: –
l-għadd ta’ proġetti ta’ interess komuni li ngħataw
deċiżjoni ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż transkonfinali skont l-Artikolu 13; –
l-għadd u t-tip ta’ proġetti ta’ interess komuni li
jkunu rċevew inċentivi speċifiċi skont l-Artikolu 14; Artikolu 17
Informazzjoni u pubbliċità Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi
pjattaforma trasparenti tal-infrastruttura li tkun faċilment aċċessibbli
mill-pubbliku ġenerali. Din il-pjattaforma għandu jkun fiha l-informazzjoni li
ġejja: (a)
informazzjoni ġenerali, aġġornata regolarment,
inkluża informazzjoni ġeografika, għal kull proġett ta’ interess komuni; (b)
il-pjan ta’ implimentazzjoni għal kull proġett ta’
interess komuni; (c)
ir-riżultati ewlenin tal-analiżi tal-benefiċċji u
l-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija elaborata skont l-Artikolu
12 għall-proġetti ta’ interess komuni kkonċernati,
minbarra informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Artikolu 18
Dispożizzjonijiet tranżitorji Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa
l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifikazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja
mogħtija mill-Kummissjoni abbażi ta’ sejħiet imnedija skont ir-Regolament (KE)
Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[31] għal proġetti elenkati
fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni 1364/2006/KE jew fid-dawl tal-miri,
ibbażati fuq il-kategoriji rilevanti tan-nefqa għat-TEN-E, kif definiti
fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[32]. Artikolu 19
Revoka Id-Deċiżjoni 1364/2006/KE hija hawnhekk
imħassra mill-1 ta’ Jannar 2014. Ma għandhom jirriżultaw l-ebda
drittijiet taħt dan ir-Regolament għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u
III għad-Deċiżjoni 1364/2006/KE. Artikolu 20
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ
fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu japplika
mill-1 ta’ Jannar 2013. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President ANNESS I KURITURI U OQSMA PRIJORITARJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA Dan ir-Regolament għandu japplika
għall-kurituri u l-oqsma ta’ prijorità tal-infrastruttura tal-enerġija
trans-Ewropej li ġejjin:
1.
Kurituri prijoritarji tal-elettriku
(1)
Il-Grid Barra mill-Kosta tal-Ibħra
tat-Tramuntana (“NSOG” - Northern Seas Offshore Grid):
grid tal-elettriku integrata barra mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana,
il-Baħar Irlandiż, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin
għat-trasport tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija barra mill-kosta
rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin u għaż-żieda tal-kambju tal-elettriku
transkonfinali. Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka,
Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja,
ir-Renju Unit; (2)
Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana
Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI tal-Punent - Elettriku ”): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tar-reġjun u ma’ pajjiżi
terzi tal-Mediterran, speċjalment biex jintegraw l-elettriku minn sorsi
tal-enerġija rinnovabbli. Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, Franza,
il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Malta,
il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit; (3)
Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana
Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa (“NSI tal-Lvant -
Elettriku”): interkonnessjonijiet u linji interni
fid-direzzjonijiet ta’ Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent biex ilestu s-suq
intern u jintegraw ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija,
il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija,
l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja; (4)
Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku
tal-Enerġija fl-elettriku (“BEMIP tal-Elettriku”): interkonnessjonijiet
bejn l-Istati Membri fir-reġjun Baltiku u r-rinfurzar ta’ infrastrutturi
tal-grid interni skont dan, biex jintemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi u biex
titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun; Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja,
il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.
2.
Kurituri prijoritarji tal-gass
(5)
Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana
Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI tal-Punent - Gass”): kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni għal flussi tal-gass
Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa biex ikomplu jiddiversifikaw
ir-rotot tal-provvista u jżidu l-kapaċità ta’ kunsinna ta’ gass fi żmien qasir. Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, Franza,
il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi,
il-Portugall, Spanja, ir-Renju Unit; (6)
Interkonnessjonijiet tal-gass
Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa (“NSI tal-Lvant
- Gass”): konnessjonijiet tal-gass reġjonali bejn
ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Ibħra Adrijatiku u tal-Eġew u l-Baħar l-Iswed,
speċjalment biex itejbu d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-gass; Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija,
il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija,
l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja (7)
Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (“SGC”): trażmissjoni ta’ gass mill-Baċir tal-Kaspju, l-Asja Ċentrali, il-Lvant
Nofsani u l-Baċir Mediterranju tal-Lvant lill-Unjoni sabiex ittejjeb
id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass. Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija,
il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija,
il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja; (8)
Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku
tal-Enerġija fil-gass (“BEMIP tal-Gass”): infrastruttura
li ttemm l-iżolament tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja u d-dipendenza
tagħhom fuq fornitur wieħed u għaż-żieda tad-diversifikazzjoni tal-fornituri
fir-reġjun tal-Baħar Baltiku; Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja,
il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.
3.
Kurituri prijoritarji taż-żejt
(9)
Konnessjonijiet tal-provvista taż-żejt fil-Lvant
Ċentrali tal-Ewropa (“OSC”): interoperabbiltà
tan-netwerk tal-pipelines taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa għaż-żieda
tas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tar-riskji ambjentali. Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija,
ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja.
4.
Oqsma tematiċi prijoritarji
(10)
Użu tal-grids intelliġenti: adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti fl-Unjoni li jintegraw
b’mod effiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha għan-netwerk
tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku
minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew distribwiti u jitolbu rispons
mill-konsumaturi; Stati Membri kkonċernati: kollha; (11)
Awtostradi tal-elettriku: l-ewwel awtostradi tal-elettriku sal-2020, fid-dawl tal-bini ta’ sistema
ta’ awtostradi tal-elettriku fl-Unjoni. Stati Membri kkonċernati: kollha; (12)
Netwerk transkonfinali tad-diossidu
tal-karbonju: żvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport
tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi tal-viċinat
biex ikunu jistgħu jsiru l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Stati Membri kkonċernati: kollha. ANNESS II KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA Il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija
li għandhom jiġu żviluppati sabiex jimplimentaw il-prijoritajiet
tal-infrastruttura tal-enerġija elenkati fl-Anness I huma dawn li ġejjin: (1)
fir-rigward tal-elettriku: (a)
linji tat-trażmissjoni fl-għoli ta’ vultaġġ għoli,
jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 220 kV jew iżjed, u kejbils
tat-trażmissjoni taħt l-art u tas-sottomarini, jekk ikunu ġew iddisinjati għal
vultaġġ ta’ 150 kV jew iżjed; (b)
fir-rigward b’mod partikolari ta’ awtostradi
tal-elettriku; kwalunkwe tagħmir fiżiku ddisinjat li jippermetti t-trasport
tal-elettriku fuq il-livell ta’ vultaġġ għoli u għoli ħafna, fid-dawl
tal-konnessjoni ta’ ammonti kbar ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku jew ħżin li
jinsabu fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi
b’konsum tal-elettriku fuq skala kbira fi Stat Membru wieħed jew f’diversi
Stati Membri; (c)
faċilitajiet tal-ħżin tal-elettriku li jintużaw
għall-ħżin tal-elettriku fuq bażi temporanja jew permanenti f’infrastruttura
taħt l-art jew fuq l-art jew f’siti ġeoloġiċi, sakemm dawn ikunu konnessi
direttament ma’ linji ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli maħsuba għal vultaġġ ta’
110 kV jew iżjed; (d)
kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali
għas-sistemi definiti f’(a) sa (c) biex joperaw b’mod sigur u effiċjenti,
inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha
tal-vultaġġ; (e)
kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni, kemm
fil-livell tat-trażmissjoni u kif ukoll tad-distribuzzjoni b’vultaġġ medju, li
jimmiraw lejn komunikazzjoni diġitali bidirezzjonali, f’ħin reali jew viċin
il-ħin reali, monitoraġġ interattiv u intelliġenti u ġestjoni tal-ġenerazzjoni,
it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-elettriku fi ħdan netwerk
tal-elettriku bl-għan li jiġi żviluppat netwerk li b’mod effiċjenti jintegra
l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha konnessi miegħu – ġeneraturi,
konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn – sabiex jiġu żgurati sistema
tal-elettriku ekonomikament suffiċjenti, sostenibbli, b’telf baxx u bi kwalità
għolja u s-sigurtà tal-provvista u s-sikurezza; (2)
fir-rigward tal-gass: (a)
pipelines tat-trażmissjoni għat-trasport ta’ gass
naturali u bijogass li jiffurmaw parti minn netwerk li jinkludi primarjament
pipelines bi pressa għolja, minbarra pipelines bi pressa għolja użati għal
distribuzzjoni upstream jew lokali ta’ gass naturali, (b)
faċilitajiet ta’ ħżin taħt l-art konnessi
mal-imsemmija pipelines tal-gass bi pressa għolja, (c)
faċilitajiet ta' riċeviment, ħżin u
rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għal gass naturali likwifikati (LNG) jew
gass naturali kkompressat (CNG); (d)
kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali
biex is-sistema topera b’mod sigur u effiċjenti jew biex tippermetti kapaċità
bidirezzjonali; (3)
fir-rigward taż-żejt: (a)
pipelines użati għat-trasport ta’ żejt mhux maħdum; (b)
stazzjonijiet tal-ippumpjar u faċilitajiet ta’ ħżin
meħtieġa għall-operat ta’ pipelines ta’ żejt mhux maħdum; (c)
kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali
għas-sistema inkwistjoni biex topera b’mod adattat, sigur u effiċjenti, inklużi
sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll u strumenti tal-fluss
fid-direzzjoni opposta; (4)
fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju: (a)
pipelines dedikati, minbarra netwerk ta’ pipelines
upstream, użati għat-trasport ta’ diossidu tal-kabonju minn iżjed minn sors
wieħed, jiġifieri installazzjonijiet industrijali (inklużi impjanti
tal-enerġija) li jipproduċu gass tad-diossidu tal-kabonju mill-kombustjoni jew
reazzjonijiet kimiċi oħra li jinvolvu komposti fossili jew mhux fossili li
fihom il-karbonju, għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu
tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE; (b)
faċilitajiet għal-likwifikazzjoni u l-ħżin
temporanju ta’ diossidu tal-karbonju fid-dawl ta’ iżjed trasport tagħhom. Dan
ma jinkludix infrastruttura f’formazzjoni ġeoloġika użata għal ħżin ġeoloġiku
permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE u
faċilitajiet assoċjati tal-wiċċ u tal-injezzjoni. (c)
kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali
biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, sigur u b’effiċjenza, inklużi
sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll. ANNESS III IDENTIFIKAZZJONI REĠJONALI TA’ PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI
1.
Regoli għall-gruppi reġjonali
(1)
Għall-proġetti relatati mal-elettriku li jaqgħu
fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness II, kull Grupp għandu
jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji
nazzjonali, operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni li jaqdu l-obbligu tagħhom
li jikkooperaw f’livell reġjonali f’konformità mal-Artikolu 6
tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE)
Nru 714/2009 u promoturi ta’ proġetti kkonċernati minn kull waħda mill-prijoritajiet
rilevanti indikati fl-Anness 1, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija u
l-ENTSO tal-Elettriku. Għall-proġetti relatati mal-gass li jaqgħu
fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, kull Grupp għandu
jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, awtoritajiet regolatorji
nazzjonali, operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni li jaqdu l-obbligu tagħhom
li jikkooperaw f’livell reġjonali f’konformità mal-Artikolu 7
tad-Direttiva 2009/73/KE u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE)
Nru 715/2009 u promoturi ta’ proġetti kkonċernati minn kull waħda
mill-prijoritajiet rilevanti indikati fl-Anness I, kif ukoll
il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-ENTSO tal-Gass. Għall-proġetti relatati mat-trasport taż-żejt u
d-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fl-Anness II(3)
u (4), kull Grupp għandu jkun magħmul mill-Istati Membri, promoturi ta’
proġetti kkonċernati minn kull waħda mill-prijoritajiet rilevanti indikati
fl-Anness 1 u l-Kummissjoni. (2)
Kull Grupp għandu jorganizza l-ħidma tiegħu
f’konformità mal-isforzi għall-kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 6
tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE,
l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 12
tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u strutturi eżistenti oħra ta’
kooperazzjoni reġjonali. (3)
Kull Grupp għandu jistieden, kif ikun xieraq
bl-għan li tiġi implimentata l-prijorità rilevanti indikata fl-Anness I,
rappreżentanti ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, ta' awtoritajiet
regolatorji, ta' promoturi ta’ proġetti, u operaturi ta’ sistemi
tat-trażmissjoni minn pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi potenzjalment
kandidati, il-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni
Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, rappreżentanti minn istituzzjonijiet u korpi
tal-Komunità tal-Enerġija, pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u
pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbilixxiet kooperazzjoni speċifikament dwar
l-enerġija. (4)
Kull Grupp għandu jikkonsulta l-organizzazzjonijiet
li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-produtturi,
l-operaturi ta' sistema ta’ distribuzzjoni, il-fornituri u għall-kompiti
stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 5, organizzazzjonijiet
tal-protezzjoni ambjentali. Il-Grupp jista’ jorganizza seduti jew
konsultazzjonijiet meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.
2.
Proċess ta’ identifikazzjoni reġonali
(1)
Kull promotur ta’ proġett għandu jressaq
applikazzjoni għall-għażla ta’ proġett bħala proġett ta’ interess komuni
lill-membri tal-Grupp rispettiv, li tkun tinkludi valutazzjoni tal-proġett(i)
tiegħu fir-rigward tal-kontribut għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet
stabbiliti fl-Anness I, l-issodisfar tal-kriterji rilevanti definiti
fl-Artikolu 6, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-evalwazzjoni
tal-proġett. (2)
Ir-riċevituri kollha għandhom iżommu
l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. (3)
Il-proġetti proposti għall-ħżin u t-trażmissjoni
tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 1(a) sa (d) tal-Anness II
għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk
tal-elettriku disponibbli, u żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont
l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 714/2009. (4)
Għal-listi kollha ta’ proġetti ta’ interess komuni
fl-Unjoni, adottati wara l-1 ta’ Awwissu 2013, il-proposti għal
proġetti għall-ħżin u t-trażmissjoni tal-gass li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II għandhom ikunu parti mill-aħħar
pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-gass disponibbli, żviluppat
mill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 715/2009. (5)
Il-proposti għal proġetti għat-trasport
tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fil-punt 4
tal-Anness II għandhom jiġu ppreżentati bħala parti minn pjan, żviluppat
minn iktar minn żewġ Stati Membri, għall-iżvilupp ta’ infrastruttura
għat-trasport u l-ħżin transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju, li għandu jiġi
ppreżentat mill-Istati Membri kkonċernati jew minn entitajiet indikati minn dawk
l-Istati Membri lill-Kummissjoni. (6)
Meta jevalwa l-proposti għal proġetti tal-elettriku
u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2
tal-Anness II, kull Grupp għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi
magħmula, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4, f’konformità
mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 12, dwar
il-proposti għal proġetti tal-elettriku u l-gass li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) u 2 tal-Anness II fl-aħħar pjan ta’
għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-gass jew tal-elettriku disponibbli,
żviluppat mill-ENTSOs tal-Elettriku u tal-Gass skont l-Artikolu 8
tar-Regolamenti (KE) 714/2009 u (KE) 715/2009. ANNESS IV REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI TA’ INTERESS
KOMUNI (1)
Proġett b’impatt transkonfinali sinifikanti huwa
proġett fit-territorju ta’ Stat Membru, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li
ġejjin: (a)
għat-trażmissjoni tal-elettriku, il-proġett ibiddel
il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’
Stat Membru wieħed jew iżjed jew fi kwalunkwe sezzjoni trażversali rilevanti
oħra tal-istess kuritur ta' trażmissjoni b’mill-inqas 500 Megawatt meta
mqabbla mas-sitwazzjoni mingħajr ikkummissjonar tal-proġett; (b)
għall-ħżin tal-elettriku, il-proġett għandu
jipprovdi kapaċità ta’ ħżin li tippermetti ġenerazzjoni annwali tal-elettriku
ta’ mill-inqas 500 Gigawatt fis-siegħa; (c)
għat-trażmissjoni tal-gass, il-proġett għandu jkun
jikkonċerna investiment fil-kapaċitajiet ta’ flussi fid-direzzjoni opposta jew
jibdel il-kapaċità ta’ trażmissjoni tal-gass fil-fruntiera/i tal-Istat Membru
kkonċernat b’mill-inqas 10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel
l-ikkummissjonar tal-proġett; (d)
għall-ħżin tal-gass jew tal-gass naturali
likwifikat/kompressat, il-proġett għandu jkollu l-għan li jipprovdi direttament
jew indirettament lil mill-inqas żewġ Stati Membri jew li jissodisfa
l-istandard tal-infrastruttura (regola N-1) fil-livell reġjonali skont
l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010; (e)
għall-grids intelliġenti, il-proġett għandu jkun
iddisinjat għal tagħmir u installazzjonijiet ta’ vultaġġ għoli u vultaġġ medju
maħsub għal vultaġġ ta’ 10 kV jew iżjed. Huwa għandu jkun jinvolvi
operaturi ta’ sistemi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni minn mill-inqas żewġ Stati
Membri, li jkopru mill-inqas 100 000 utent li jiġġeneraw jew
jikkunsmaw l-elettriku jew li jagħmlu t-tnejn li huma f’żona tal-konsum ta’
mill-inqas 300 Gigawatthours/sena, li minnhom mill-inqas 20 %
joriġinaw minn riżorsi mhux spedibbli. (2)
Fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punti 1(a) sa (d) tal-Anness II, il-kriterji elenkati
fl-Artikolu 4 għandhom jitkejlu kif ġej: (a)
L-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u
l-flessibbiltà tas-sistema għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi magħmula
fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku
disponibbli, speċjalment permezz ta’: –
il-kalkolu tal-impatt, f’dak li jirrigwarda
l-proġetti transkonfinali, fuq il-kapaċità tal-grid li tittrasferixxi fluss
tal-elettriku fiż-żewġ direzzjonijiet, imkejjel f’termini tal-ammont ta’
elettriku (f’megawatt), jew, għall-proġetti b’impatt transkonfinali
sinifikanti, l-impatt fuq il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid fil-fruntieri
bejn Stati Membri rilevanti, bejn Stati Membri rilevanti u pajjiżi terzi jew fi
ħdan Stati Membri rilevanti u fuq l-operazzjonijiet ta’ bilanċ tad-domanda u
l-provvista u tan-netwerk fl-Istati Membri rilevanti; –
l-evalwazzjoni tal-impatt, għall-qasam tal-analiżi
kif definita fil-punt 10 tal-Anness V, f’termini tal-ispejjeż
għall-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni fis-sistema kollha tal-enerġija u
l-evoluzzjoni fil-prezzijiet tas-suq ipprovduti minn proġett f’xenarji
differenti ta’ ppjanar, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari
l-varjazzjonijiet indotti fuq l-ordni ta’ mertu. (b)
It-trażmissjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija
rinnovabbli għal ċentri tal-konsum ewlenin u siti tal-ħżin għandha titkejjel
f’konformità mal-analiżi magħmula fl-aħħar pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp
tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment billi: –
għat-trażmissjoni tal-elettriku, jiġi stmat
l-ammont tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli
(bit-teknoloġija, f’megawatts), li huma konnessi u trażmessi minħabba
l-proġett, komparat mal-ammont tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni totali ppjanata
minn dawn it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat
fl-2020 skont il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli kif
definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/28/KE. –
għall-ħżin tal-elettriku, tiġi mqabbla l-kapaċità
ġdida pprovduta mill-proġett mal-kapaċità totali eżistenti għall-istess
teknoloġija tal-ħżin fil-qasam tal-analiżi kif definita fil-punt 10
tal-Anness V. (c)
L-interoperabbiltà u l-operat sigur tas-sistemi
għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi magħmula fl-aħħar pjan ta’ għaxar
snin għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment billi
jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq it-telf tal-aspettativa tat-tagħbija għall-qasam
tal-analiżi kif definit fil-punt 10 tal-Anness V f’termini ta’
adegwatezza ta’ ġenerazzjoni u trażmissjoni għal sett ta’ perjodi ta’ tagħbija
tipiċi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-avvenimenti estremi tat-temp mistennija
minħabba t-tibdil fil-klima u l-impatt tagħhom fuq ir-reżistenza
tal-infrastruttura. In-nefqa totali għall-proġett fuq iċ-ċiklu
tal-ħajja tekniku tiegħu għandha tiġi kkunsidrata meta jiġu kkalkulati dawn
l-indikaturi. (3)
Fir-rigward ta’ proġett li jaqgħu fil-kategoriji
stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu
4 għandhom jitkejlu kif ġej: (a)
L-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-suq
għandhom jitkejlu billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett
mal-integrazzjoni tal-oqsma tas-suq u l-konverġenza tal-prezzijiet,
mal-flessibbiltà globali tas-sistema, inkluż il-livell ta’ kapaċità offrut għal
flussi fid-direzzjoni opposta taħt diversi xenarji. (b)
Il-kompetizzjoni għandha titkejjel abbażi
tad-diversifikazzjoni, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess għal sorsi indiġeni
tal-provvista, li jikkunsidraw suċċessivament id-diversifikazzjoni tas-sorsi,
kontropartijiet u rotot u l-impatt tal-kapaċità ġdida fuq l-indiċi HHI
kkalkulat fil-livell tal-kapaċità għall-qasam tal-analiżi kif definit
fil-punt 10 tal-Anness V. (c)
Is-sigurtà tal-provvista tal-gass għandha titkejjel
billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għar-reżistenza fuq
perjodu ta’ żmien qasir u twil tas-sistema u tittejjeb il-flessibbiltà li
jifdal tas-sistema biex tittratta t-tħarbit fil-provvista taħt diversi xenarji,
kif ukoll il-kapaċità addizzjonali provduta mill-proġett imkejjel b’rabta
mal-istandard tal-infrastruttura (regola N-1) fil-livell reġjonali skont
l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010. (d)
Is-sostenibbiltà għandha titkejjel bħala
l-kontribut ta’ proġett biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, tiġi appoġġjata
r-riżerva ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli jew għal trasportazzjoni
ta’ elettriku għal gass u bijogass, filwaqt li jiġu kkunsidrati it-tibdiliet
mistennija fil-kundizzjonijiet klimatiċi. (4)
Fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu fil-kategorija
stabbilita fil-punt 1(e) tal-Anness II, kull funzjoni elenkata fl-Artikolu
4 għandha tiġi evalwata skont il-kriterji li ġejjin: (a)
Livell ta’ sostenebbiltà: Dan il-kriterju għandu
jitkejjel billi jiġi vvalutat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet
b'effett ta' serra, u l-impatt ambjentali tal-infrastruttura tal-grid
tal-elettriku; (b)
Il-kapaċità ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni
tal-grids li jikkonnettjaw u jġibu l-elettriku minn u lejn l-utenti: Dan
il-kriterji għandu jitkejjel billi tiġi stmata l-kapaċità installata
tar-riżorsi tal-enerġija distribwiti fin-netwerks tad-distribuzzjoni,
l-injezzjoni massima permissibbli tal-elettriku mingħajr riskji ta’ konġestjoni
f’netwerks tat-trażmissjoni, u l-enerġija mhux miġbuda minn sorsi rinnovabbli
minħabba riskji ta’ konġestjoni jew sigurtà; (c)
Konnettività tan-netwerk u aċċess għall-kategoriji
kollha ta’ utenti tan-netwerk: Dan il-kriterju għandu jiġi evalwat billi jiġu
vvalutati l-metodi adottati għall-kalkolu ta’ imposti u tariffi, kif ukoll
l-istruttura tagħhom, għal ġeneraturi, konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn li
huma, u l-flessibbiltà operazzjonali provduta għall-ibbilanċjar dinamiku
tal-elettriku fin-netwerk; (d)
Sigurtà u kwalità tal-provvista: Dan il-kriterju
għandu jiġi evalwat billi jiġi vvalutat il-proporzjon tal-kapaċità
tal-ġenerazzjoni u l-ogħla domanda li huma disponibbli b’mod affidabbli,
is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, l-istabbiltà
tas-sistema tal-elettriku, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-interuzzjonijiet
għal kull klijent, inkluż ix-xkiel relatat mal-klima, u l-prestazzjoni
tal-kwalità tal-vultaġġ; (e)
Effiċjenza u kwalità tas-servizz fil-provvista
tal-elettriku u l-operat tal-grid: Dan il-kriterju għandu jiġi stmat billi jiġi
vvalutat il-livell tat-telf fin-netwerks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni,
il-proporzjon bejn domanda tal-elettriku minima u massima f’perjodu ta’ żmien
definit, il-parteċipazzjoni tan-naħa tad-domanda fi swieq tal-elettriku u
f’miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, l-utilizzazzjoni tal-perċentwal (jiġifieri
tagħbija medja) ta’ komponenti ta’ netwerk tal-elettriku, id-disponibbiltà ta’
komponenti tan-netwerk (marbuta ma’ manutenzjoni ppjanata u mhux ippjanata) u
l-impatt tiegħu fuq il-prestazzjonijiet tan-netwerk, u d-disponibbiltà attwali
tal-kapaċità tan-netwerk fir-rigward tal-valur standard tiegħu; (f)
Kontribuzzjoni għal swieq tal-elettriku
transkonfinali bil-kontroll tal-fluss tat-tagħbija għat-tnaqqis
tat-trasferiment f’ċirku u għaż-żieda tal-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni:
Dan il-kriterju għandu jiġi stmat billi jiġi vvalutat il-proporzjon bejn
il-kapaċità tal-interkonnessjoni ta’ Stat Membru u d-domanda tal-elettriku
tiegħu, l-isfruttament tal-kapaċitajiet tal-interkonnessjoni, u l-kirjiet ta’
konġestjoni fl-interkonnessjonijiet. (5)
Fir-rigward ta’ proġetti relatati mat-trasport
taż-żejt li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fil-punt 3
tal-Anness II, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jitkejlu kif
ġej: (a)
Is-sigurtà tal-provvista taż-żejt għandha titkejjel
billi jiġi evalwat il-valur addizzjonali tal-kapaċità ġdida offruta minn
proġett għar-reżistenza fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil tas-sistema u
l-flessibbiltà li jifdal tas-sistema biex tittratta tħarbit fil-provvista taħt
diversi xenarji. (b)
L-interoperabbiltà għandha titkejjel billi jiġi
evalwat sa liema limitu l-proġett itejjeb l-operat tan-netwerk taż-żejt, b’mod
partikolari billi jipprovdi l-possibbiltà ta’ flussi fid-direzzjoni opposta. (c)
L-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi għandu
jiġi evalwat permezz ta’ evalwazzjoni tal-limitu safejn il-proġett jagħmel użu
minn infrastruttura diġà eżistenti u jikkontribwixxi biex jiġu mminimizzati
l-piż u r-riskji relatati mal-ambjent u l-klima. ANNESS V ANALIŻI TAL-BENEFIĊĊJI U L-ISPEJJEŻ TAS-SISTEMA TAL-ENERĠIJA Il-metodoloġija għal analiżi tal-benefiċċji u
l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija armonizzata għal proġetti ta’ interess
komuni għandha tissodisfa l-prinċipji li ġejjin stabbiliti f’dan l-Anness. (1)
Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq sett ta’
dejta ta’ input komuni li jirrapreżenta s-sistemi tal-elettriku u l-gass
tal-Unjoni fis-snin n+5, n+10, n+15, u n+20, fejn n hija s-sena li fiha
titwettaq l-analiżi. Dan is-sett ta’ dejta għandu jkun fih mill-inqas: (a)
Fl-elettriku: xenarji għal kapaċitiajiet
tad-domanda u tal-ġenerazzjoni skont it-tip ta’ fjuwil (tal-bijomassa,
ġeotermali, idro, tal-gass, nukleari, taż-żejt, tal-fjulwil, tar-riħ,
fotovoltajku solari, solari kkonċentrat, teknoloġiji oħra rinnovabbli) u
l-lokazzjoni ġeografika tagħhom, prezzijiet tal-fjulwil (inklużi tal-bijomassa,
tal-faħam, tal-gass u taż-żejt), prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, il-kompożizzjoni
tat-trażmissjoni u, jekk rilevanti, in-netwerk ta’ distribuzzjoni, u
l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda kollha
sinifikanti tal-ġenerazzjoni (inkluża l-kapaċità mgħammra għall-qbid
tad-diossidu tal-karbonju), il-ħżin u t-trażmissjoni li għalihom ttieħdet
deċiżjoni ta’ investiment finali u li waslu biex jiġu kkummissjonati sal-aħħar
tas-sena n+5; (b)
Fil-gass: xenarji għal domanda, importazzjonijiet,
prezzijiet tal-fjulwil (inklużi faħam, gass u żejt), prezzijiet tad-diossidu
tal-karbonju, il-kompożizzjoni tan-netwerk tat-trażmissjoni u l-evoluzzjoni
tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda kollha li għalihom tkun
ittieħdet deċiżjoni tal-investiment finali u li waslu biex jiġu kkummissjonati
sal-aħħar tas-sena n+5; (2)
Is-sett tad-dejta għandu jirrifletti
l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fid-data
tal-analiżi. Is-settijiet tad-dejta użati għall-elettriku u l-gass
rispettivament għandhom ikunu kompatibbli, speċjalment fir-rigward tal-preżunzjonijiet
dwar il-prezzijiet u l-volumi f’kull suq. Is-sett tad-dejta għandu jkun
elaborat wara li jiġu kkonsultati formalment l-Istati Membri u
l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti
kollha. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw l-aċċess għad-dejta
kummerċjali meħtieġa mingħand partijiet terzi meta applikabbli. (3)
Il-metodoloġija għandha tagħti gwida għall-iżvilupp
u l-użu tal-immudellar tan-netwerk u s-suq meħtieġ għall-analiżi tal-benefiċċji
u l-ispejjeż. (4)
L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha tkun
ibbażata fuq evalwazzjoni armonizzata tal-benefiċċji u l-ispejjeż
għall-kategoriji differenti tal-proġetti analizzati, u tkopri mill-inqas
il-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1. (5)
L-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha
mill-inqas tikkunsidra l-ispejjeż li ġejjin: in-nefqa tal-kapital, in-nefqa
operazzjonali u ta’ manutenzjoni fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett u
l-ispejjeż għad-dekummissjonament u l-ġestjoni tal-iskart, fejn ikun rilevanti.
Il-metodoloġija għandha tagħti gwida fuq ir-rati ta’ skont li għandhom jintużaw
għall-kalkoli. (6)
Għat-trażmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, l-analiżi
tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha għall-inqas tikkunsidra
l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness III. F'konformità mal-metodi
applikati għall-elaborazzjoni tal-aħħar pjan disponibbli tal-iżvilupp
tan-netwerk għal għaxar snin fl-elettriku, hija għandha tikkunsidra b'mod
partikolari l-impatti tal-proġett f'dawn li ġejjin: (a)
Il-kompetizzjoni f’termini tas-saħħa tas-suq ta’
operaturi differenti, u l-konverġenza tal-prezzijiet bejn Stati Membri
differenti; (b)
L-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni u
d-distribuzzjoni tal-elettriku, inklużi l-ispejjeż għall-awtokonsum tal-impjant
tal-enerġija u dawk marbuta mal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra
u telf tat-trażmissjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett; (c)
L-ispejjeż futuri għal investiment ta’ ġenerazzjoni
u trażmissjoni ġdid fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett; (d)
Il-flessibbiltà operazzjonali; li tinkludi
l-ottimizzazzjoni tar-regolazzjoni tal-enerġija u servizzi anċillari; (e)
Ir-reżistenza tas-sistema, li tinkludi r-reżistenza
kontra d-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment għal
infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti fid-Direttiva 2008/114/KE. (7)
Għall-gass, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji
għandha mill-inqas tikkunsidra r-riżultati tal-ittestjar tas-suq,
bħall-istaġuni miftuħa, l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness III
u l-impatti li ġejjin: (a)
Il-kompetizzjoni f’termini tas-saħħa tas-suq ta’
operaturi differenti, u l-konverġenza tal-prezzijiet bejn Stati Membri
differenti; (b)
Ir-reżistenza tas-sistema, li tinkludi r-reżistenza
kontra d-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment
għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti
fid-Direttiva 2008/114/KE; (c)
Il-probabbiltà u l-kwantità ta’ enerġija mhux
provduta u ż-żieda fis-sigurtà u l-kwalità tal-provvista; (d)
Il-kontribut għall-integrazzjoni ta’ oqsma
differenti tas-suq tal-gass; (e)
Il-flessibbiltà ta’ u l-konġestjoni fin-netwerk
tal-gass. (8)
Għall-grids intelliġenti, l-analiżi tal-ispejjeż u
l-benefiċċji għandha tikkunsidra l-impatti fuq l-indikaturi definiti
fl-Anness III. (9)
Il-metodu dettaljat użat biex jikkunsidra
l-indikaturi msemmija fil-punti 6 sa 8 għandu jiġi elaborat wara li
jikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet
interessati rilevanti kollha. (10)
Il-metodoloġija għandha tiddefinixxi qasam ta’
analiżi għall-analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ kull proġett individwali
u għall-analiżi fil-livell reġjonali jew tal-Unjoni kollha. Il-qasam
għall-analiżi ta’ proġett individwali għandu jkopri l-Istati Membri kollha u
pajjiżi terzi, li fuq it-territorju tagħhom għandu jinbena l-proġett, l-Istati
Membri kollha tal-viċinat u l-Istati Membri l-oħra kollha milquta b’mod
sinifikanti mill-proġett. (11)
Il-metodoloġija għandha tiddefinixxi l-analiżi li
għandha titwettaq, abbażi tas-sett ta’ dejta tal-input rilevanti, billi
tikkalkula r-riżultati tal-funzjoni oġġettiva b’kull proġett u mingħajru.
L-analiżi għandha tidentifika l-Istati Membri li fihom il-proġett għandu
impatti pożittivi netti (benefiċjarji) u dawk l-Istati Membri li fihom
il-proġett għandu impatt negattiv (dawk li jsofru l-ispejjeż). Kull analiżi
tal-benefiċċji u l-ispejjeż għandha tinkludi analiżi ta’ sensittività li
tikkonċerna s-sett ta’ dejta tal-input, id-data tal-ikkummissjonar ta’ proġetti
differenti fl-istess qasam tal-analiżi u parametri rilevanti oħra. (12)
L-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni u
d-distribuzzjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa
għall-elaborazzjoni tal-metodoloġija, inkluż l-immudellar rilevanti tan-netwerk
u s-suq. Kull operatur ta’ sistema tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni li
jiġbor informazzjoni għan-nom ta’ operaturi oħra ta’ sistema tat-trażmissjoni
jew tad-distribuzzjoni għandu jagħti lura r-riżultati tal-ġbir tad-dejta
lill-operaturi ta’ sistema tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni li jkunu qed
jipparteċipaw. Għall-mudell komuni għas-suq u għan-netwerk tal-elettriku u
tal-gass stabbilit fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 12, is-sett ta' input ta' dejta msemmi fil-punt 1 għandu jkopri
s-snin n+10, n+20 u n+30, u l-mudell għandu jippermetti li ssir
valutazzjoni sħiħa tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, b'mod
partikolari l-inklużjoni ta' spejjeż esterni bħal dawk relatati
mal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-emissjonijiet
tat-tniġġis konvenzjonali tal-arja jew is-sigurtà tal-provvista. ANNESS VI LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU (13)
Il-manwal tal-proċeduri għandu mill-inqas
jispeċifika: (a)
il-leġiżlazzjoni rilevanti li fuqha jiġu bbażati
d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet għat-tipi differenti ta’ proġetti ta’ interess
komuni rilevanti, inkluża l-leġiżlazzjoni ambjentali; (b)
id-deċiżjonijiet u opinjonijiet rilevanti li
għandhom jinkisbu; (c)
l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-Awtorità
Kompetenti, awtoritajiet oħra u partijiet interessati ewlenin ikkonċernati; (d)
il-fluss tax-xogħol, li jiddeskrivi kull stadju
fil-proċess, inkluż perjodu taż-żmien indikattiv; (e)
informazzjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni,
l-istruttura u l-livell ta’ dettall tad-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi
mal-applikazzjoni għad-deċiżjonijiet, inkluża lista ta’ verifika; (f)
l-istadji u l-mezzi għall-pubbliku ġenerali biex
jipparteċipa fil-proċess. (14)
Biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku
fil-proċess tal-għoti tal-permessi, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li
ġejjin: (a)
Il-partijiet interessati milquta minn proġett ta’
interess komuni, inklużi awtoritajiet rilevanti, sidien ta’ artijiet u
ċittadini li jgħixu fil-viċinat tal-proġett, il-pubbliku ġenerali u
assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew gruppi tagħhom, għandhom jiġu
informati u kkonsultati b’mod estensiv fi stadju bikri u b’mod miftuħ u
trasparenti. Fejn huwa rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tappoġġja b’mod
attiv l-attivitajiet meħuda mill-promotur ta’ proġett. (b)
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li
l-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika għal proġetti ta’ interess komuni jkunu
kkonċentrati fejn huwa possibbli. Kull konsultazzjoni pubblika għandha tkopri
s-suġġetti kollha rilevanti għall-istadju partikolari tal-proċedura, u suġġett
partikolari rilevanti għal dak l-istadju partikolari ma għandux jiġi indirizzat
f’iżjed minn konsultazzjoni pubblika waħda. Is-suġġetti indirizzati
f’konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu indikati b’mod ċar fin-notifika
tal-konsultazzjoni pubblika. (c)
Il-kummenti u l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu
ammissibbli mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika sad-data tal-iskadenza biss. (15)
Il-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandu
mill-inqas jinkludi informazzjoni dwar: (a)
il-partijiet interessati kkonċernati u indirizzati; (b)
il-miżuri previsti; (c)
il-limitu ta’ żmien; (d)
ir-riżorsi umani allokati għall-kompiti rispettivi. (16)
Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għandha
titwettaq qabel is-sottomissjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni, il-partijiet
rilevanti għandhom mill-inqas: (a)
jippubblikaw fuljett ta’ informazzjoni ta’ mhux
iżjed minn 15–il paġna, li jagħti ħarsa ġenerali, b’mod ċar u konċiż, lejn
l-iskop u l-iskeda ta’ żmien preliminari tal-proġett, li jagħti mill-inqas
tliet rotot alternattivi kkunsidrati, l-impatti mistennija, inklużi dawk ta’
natura transkonfinali, u miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli; (b)
jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha milquta
dwar il-proġett permezz tas-sit elettroniku msemmi fl-Artikolu 10(7) u mezzi
oħra ta’ informazzjoni xierqa; (c)
jistiednu, bil-miktub, lill-partijiet interessati
milquta għal laqgħat apposta, li fihom għandu jiġi diskuss it-tħassib tagħhom. (17)
Is-sit elettroniku tal-proġett għandu jagħmel
disponibbli bħala minimu dawn li ġejjin: (a)
sommarju mhux tekniku li jiġi aġġornat regolarment
ta’ mhux iżjed minn 50 paġna li jirrifletti l-istat attwali tal-proġett u
jindika b’mod ċar, fil-każ ta’ aġġornamenti, il-bidliet fil-verżjonijiet
preċedenti; (b)
l-ippjanar tal-proġett u tal-konsultazzjoni
pubblika, b’indikazzjoni ċara tad-dati u l-postijiet tal-konsultazzjonijiet u
s-seduti pubbliċi; (c)
id-dettalji tal-kuntatt bl-għan li jinkiseb is-sett
sħiħ tad-dokumenti ta’ applikazzjoni; (d)
id-dettalji tal-kuntatt bl-għan li jiġu trażmessi
kummenti u oġġezzjonijiet waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi; (e)
il-manwal tal-proċeduri skont l-Artikolu 10(1). [1] COM(2010)677 [2] COM(2011) 500/I finali u COM(2011) 500/II finali (Dokumenti ta'
Politika) [3] L-ammonti kollha bil-prezzijiet tal-2011 [4] 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu korretti [5] SEC(2011)755 [6] Deċiżjoni
Nru 1364/2006/KE [7] COM(2010)203 u SEC(2010)505 [8] Regolament (KE) Nru 680/2007 [9] Regolament (KE) Nru 663/2009 [10] COM(2010)2020 [11] 30 % jekk il-kundizzjonijiet
ikunu korretti [12] COM(2011) 112 flimkien ma’ SEC(2011)288 [13] Ara t-Taqsima 1.2.1 tal-valutazzjoni tal-impatt mehmuża. [14] ĠU C , , p. . [15] ĠU C , , p. . [16] COM(2010)2020 [17] COM(2010) 677 [18] ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1. [19] 30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu korretti [20] Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija
minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16. [21] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55. [22] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94. [23] ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75 [24] COM(2011)
202 finali [25] COM (2011) 539 [26] SEC(2011)755 [27] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15 [28] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36 [29] ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1 [30] ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31 [31] ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1. [32] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.