EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0626

Kawża C-626/16: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

ĠU C 78, 13.3.2017, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/9


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-626/16)

(2017/C 078/13)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Sanfrutos Cano u A. Tokár, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.

tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Slovakka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a)(b) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

2.

tordna lir-Repubblika Slovakka tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”:

(a)

pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 6 793,80 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja;

(b)

somma f’daqqa ta’ EUR 743,60 kull jum, b’ammont totali minimu ta’ EUR 939 000, għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, pagabbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-25 ta’ April 2013:

sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, jew

sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, jekk din id-data tippreċedi d-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, u

3.

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-25 ta’ April 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, li fiha kkonstatat li, billi awtorizzat l-operat tal-landfill tal-iskart Žilina-Považský Chlmec mingħajr pjan ta’ żvilupp tas-sit u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni finali dwar l-operat kontinwu abbażi ta’ pjan ta’ żvilupp tas-sit approvat, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a)(b) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill].

Matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Slovakka ddikjarat li riedet tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11 peress li għalqet is-sit tal-iskart ta’ Žilina-Považský Chlmec, u kienu diġà ttieħdu ċerti passi f’dan ir-rigward.

Madankollu, l-Unjoni Ewropea kkonkludiet li, minkejja d-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka, il-miżuri meħtieġa mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11 għadhom ma ġewx adottati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq rikors skont l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


Top