EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0142

Kawża C-142/16: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

ĠU C 165, 10.5.2016, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/13


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-142/16)

(2016/C 165/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u E. Manhaevem, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

tiddikjara li, billi ma wettqitx, fl-awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam ta’ Hamburg-Moorburg, evalwazzjoni kompleta u korretta tal-effetti fuq is-sit, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KE (1), tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-belt ta’ Hamburg ħarġet permess taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-ilma għall-impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam ta’ Moorburg li jawtorizza t-tkessiħ tal-impjant permezz tar-riċirkulazzjoni ta’ ilma li ġej mix-xmara Elbe. Fl-evalwazzjoni tal-effetti mwettqa preċedentement kien ġie indikat il-perikolu li t-teħid ta’ ilma għat-tkessiħ mill-Elbe jista’ jikkawża l-mewt tal-ħut li jemigraw kontra l-kurrent tal-Elbe, b’impatt sinjifikattiv fuq is-siti Natura 2000 li jinstabu eqreb għajn ix-xmara, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħhom jinkludu l-ispeċi kkonċernati. Finalment, l-evalwazzjoni tal-effetti nnegat madankollu impatt sinjifikattiv fuq is-siti protetti, sa fejn ikklassifikat bħala miżura ta’ attenwazzjoni tad-dannu sistema ta’ tlugħ għall-ħut installata bejn l-impjant u s-siti protetti inkwistjoni. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-effetti ma twettaqx analiżi tal-effetti kumulattivi possibbli ta’ ċerti impjanti eżistenti jew li fir-rigward tagħhom intalab permess u li jinsabu eqreb għajn ix-xmara minn Moorburg.

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE, proġett jista’ jiġi approvat, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effett tiegħu, fuq is-sit biss jekk ikun jista’ jiġi eskluż li dan jippreġudika l-integrità tas-siti Natura 2000. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-eventwali approvazzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit inkwistjoni ma hijiex korretta, jew hija inkompleta, minn żewġ perspettivi. Fl-ewwel lok, is-sistema ta’ tlugħ għall-ħut ġiet kklassifikata bħala miżura ta’ attenwazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, minkejja li skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Briels (C-521/12 (2)) din tikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, miżura kumpensatorja fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva. L-evalwazzjoni tħalli barra l-eżami tal-effetti kumulattivi possibbli msemmija hawn fuq. Peress li, abbażi ta’ dan, il-belt ta’ Hamburg eskludiet impatt sinjifikattiv fuq is-siti protetti fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, hija naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, bħall-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi u l-interess pubbliku kbir.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

(2)  ECLI:EU:C:2014:330


Top