EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0436

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2014.
E. vs B.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 8, 12 u 15 – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Proċedura dwar il-kustodja ta’ wild li abitwalment jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ommu – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni favur qorti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-missier ta’ dan il-wild – Portata.
Kawża C‑436/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2246

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikoli 8, 12 u 15 — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Proċedura dwar il-kustodja ta’ wild li abitwalment jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ ommu — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni favur qorti tal-Istat Membru ta’ residenza tal-missier ta’ dan il-wild — Portata”

Fil-Kawża C‑436/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura

E.

vs

B.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E., minn C. Marín Pedreño, solicitor, kif ukoll minn D. Williams, QC, u M. Gration, barrister,

għal B., minn N. Hansen, solicitor, H. Setright, QC, E. Devereaux u R. Genova Alquacil, avukati,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala agent, u M. Gray, barrister,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 12 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. (iktar ’il quddiem il-“missier”) u B. (iktar ’il quddiem l-“omm”), dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit sabiex jiddeċiedu, b’mod partikolari, dwar id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild tagħhom S. (iktar ’il quddiem “S.”) u dwar id-drittijiet ta’ aċċess tal-missier.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 tipprevedi:

“Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità”.

4

Fit-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “[il-ġurisdizzjoni]”, l-Artikolu 8, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jistipula:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

5

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”, jistipula:

“1.   Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri.

2.   Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida ta’ l-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr [ma] jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

6

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, bit-titolu “Proroga [Estensjoni] ta’ l-ġurisdizzjoni”, fl-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti [...] fejn:

a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.”

7

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jistipula:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [fuq il-mertu] ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

ċ)

ma’ l-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skont il-paragrafu 3.

Trasferiment [ir-rinviju] magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri; jew

ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [fuq il-mertu] ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu', fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

8

Fit-Taqsima 3, intitolata “Id-Disposizzjonijiet komuni”, tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “[il-ġurisdizzjoni]”, l-Artikolu 16 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti”, jistipula:

“1.   Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess;

a)

fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti [att promotur] jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)

jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

9

Fit-Taqsima 1, intitolata “Ir-Rikonoxximent”, tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “[ir-rikonoxximent u l-infurzar]”, l-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”, jistipula:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.

10

Fl-istess Taqsima 1, l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, intitolat “In-nuqqas ta’ reviżjoni nkwantu għas-sustanza [projbizzjoni ta’ reviżjoni fuq il-mertu]”, jipprevedi:

“Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza [fuq il-mertu] tagħha”.

11

Fit-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu III, intitolata “L-infurzabilità ta’ ċerti sentenzi dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess u ċerti sentenzi li jeħtieġu r-ritorn ta’ l-minuri”, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistipula:

“Id-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 40(1)(a) mogħtija f’sentenza nfurzabbli li tkun ingħatat fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti u jkunu nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li ssir opposizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċcertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.

Anke jekk il-liġi nazzjonali ma tipprovdix għall-infurzabilità bl-operat ta’ l-liġi ta’ sentenza li tikkonċedi d-drittijiet ta’ aċċess, il-qorti ta’ l-oriġini tista’ tiddikjara li s-sentenza għandha tiġi nfurzata, minkejja li jkun sar appell”.

12

Fit-Taqsima 6 tal-imsemmi Kapitolu III, intitolata “Disposizzjonijiet oħra”, l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi, fir-rigward tal-“Proċedura ta’ l-Infurzar”:

“Kwalsijasi sentenza maqtugħa minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u ddikjarata li hija nfurzabbli skond it-Taqsima 2 jew li ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) għandha tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-infurzar bl-istess kondizzjonijiet daqs li kieku ġiet maqtugħa f’dak l-Istat Membru.

Partikolarment, sentenza li tkun ġiet iċċertifikata skond l-Artikolu 41(1) jew l-Artikolu 42(1) ma tistax tiġi nfurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma xi sentenza ta’ l-infurzar sussegwenti”.

Id-dritt tar-Renju Unit

13

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 8 tal-liġi dwar it-tfal tal-1989 (Children Act 1989) jippermetti li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales jiddeċiedu dwar ir-residenza (“residence order”) u dwar id-dritt ta’ aċċess (“contact order”), jipprojbixxu ċerti atti (“prohibited steps order”) u li jsolvu diffikultajiet speċifiċi (“specific issue order”), fejn dawn tal-aħħar jistgħu jinkludu deċiżjonijiet dwar ir-ritorn tal-wild lejn it-territorju taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, dwar il-post fejn għandu jattendi l-iskola jew dwar jekk għandux isegwi ċertu trattament mediku.

14

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-liġi tal-familja tal-1986 (Family Law Act 1986):

“Qorti tal-Ingilterra jew ta’ Wales għandha tagħti deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 1(1)(a), fir-rigward ta’ wild, biss jekk:

a)

hija jkollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-[Regolament Nru 2201/2003] [...]”.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa li deċiżjoni mogħtija abbażi tal-Artikolu 1(1)(a) hija deċiżjoni mogħtija minn qorti tal-Ingilterra u ta’ Wales abbażi tal-Artikolu 8 tal-liġi dwar it-tfal tal-1989.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-missier, ta’ nazzjonalità Spanjola, u l-omm, ċittadina tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ġenituri”), kien ilhom jirrisjedu għal diversi snin fi Spanja meta twieled S. fis-27 ta’ Mejju 2005, u li dan tal-aħħar trabba hemmhekk sas-6 ta’ Frar 2010.

17

F’din id-data, peress li l-ġenituri sseparaw matul ix-xahar ta’ Novembru 2009, l-omm ittrasferixxiet ruħha flimkien ma S. lejn ir-Renju Unit. Wara dan it-trasferiment, il-ġenituri ppruvaw mingħajr suċċess jilħqu ftehim dwar it-tqassim tad-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ S., fatt li ta lok għal diversi proċeduri ġudizzjarji fi Spanja u fir-Renju Unit.

18

Fil-21 ta’ Lulju 2010, il-ġenituri waslu għal ftehim (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010”) f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-kustodja, mogħti lill-omm, u d-dritt ta’ aċċess, irrikonoxxut lill-missier. Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-ġenituri, fil-preżenza ta’ Reġistratur tal-Juzgado de Primera Instancia de Torrox (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Torrox, Spanja). Il-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 ġie ppreżentat għall-approvazzjoni quddiem din il-qorti li min-naħa tagħha kkonfermat id-dispożizzjonijiet tiegħu permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010”).

19

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, l-omm ippreżentat rikors abbażi tal-Artikolu 8 tal-liġi dwar it-tfal tal-1989 quddiem il-Principal Registry of the High Court of Justice (England & Wales), Family Division (ir-Renju Unit). Hija talbet li tiġi adottata deċiżjoni dwar ir-residenza (“residence order”), flimkien ma emenda tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 u tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 (“contact order”), kif ukoll deċiżjoni dwar kwistjoni speċifika (“specific issue order”). B’mod partikolari, l-omm talbet tnaqqis tad-drittijiet ta’ aċċess mogħtija lill-missier permezz ta’ dan il-ftehim.

20

Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-missier ippreżenta rikors quddiem din l-istess qorti għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010, skont l-Artikoli 41 u 47 tar-Regolament Nru 2201/2003.

21

Waqt is-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2011 li nżammet quddiem il-High Court, l-omm ammettiet li, fid-dawl tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 u tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010, hija kienet estendiet il-ġurisdizzjoni tal-Juzgado de Primera Instancia de Torrox, u dan abbażi tal-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-regolament. Hija għalhekk iddikjarat li ma kinitx qed topponi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010, li ġiet debitament eżegwita, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010. Fost l-oħrajn, il-modalitajiet preċiżi tad-dritt ta’ aċċess tal-missier kienu ġew stabbiliti fid-dettall sas-6 ta’ Jannar 2013.

22

Fl-20 ta’ Diċembru 2011, l-omm ressqet talba, ibbażata fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Torroxdu, fejn talbet li l-ġurisdizzjoni estiża tiġi ttrasferita lejn il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales. Fid-29 ta’ Frar 2012, il-Juzgado de Primera Instancia de Torrox ħarġet digriet fuq talba tal-omm (iktar ’il quddiem id-“digriet tad-29 ta’ Frar 2012”), li kien jipprovdi li “[s]a fejn id-[deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010] mogħtija f’din il-kwistjoni [kienet] saret res judicata, sa fejn il-kwistjoni [kienet] magħluqa u sa fejn l-ebda kwistjoni familjari oħra bejn il-partijiet ma [kienet] pendenti quddiem il-qorti, ma [kienet] teżisti l-ebda raġuni sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kif mitlub fir-rikors”.

23

Fit-30 ta’ Ġunju 2012, l-omm mill-ġdid ressqet il-kawża quddiem il-High Court u talbitha tiddikjara li issa l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales kellhom il-ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ S., peress li huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu fir-Renju Unit, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-High Court iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni b’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2013.

24

Fil-21 ta’ Mejju 2013, il-qorti tar-rinviju awtorizzat lill-missier jappella minn din id-deċiżjoni tal-High Court tal-25 ta’ Marzu 2013.

25

Fl-istennija tal-eżitu tal-appell hekk ippreżentat, il-High Court tikkunsidra li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tordna modalitajiet iddettaljati ġodda fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess iddisputat bejn il-ġenituri. Peress li kellha dubji dwar jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni fuq il-mertu jew sempliċement ġurisdizzjoni ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 u tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010, il-High Court ma ħadet l-ebda deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara s-6 ta’ Jannar 2013.

26

Fil-kuntest tal-appell il-missier essenzjalment isostni li, bid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2013, il-High Court wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales kellhom ġurisdizzjoni fuq il-mertu. Huwa jsostni li ġurisdizzjoni estiża abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 tkompli tipproduċi l-effetti tagħha wara t-tmiem tal-proċedura kkonċernata u għalhekk tipprovdi l-bażi ta’ ġurisdizzjoni għall-finijiet tat-tressiq sussegwenti ta’ kull proċedura li tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ S. Il-missier jippreċiża wkoll li tali ġurisdizzjoni, li qorti jibqa’ jkollha, tista’ tiġi ttrasferita, abbażi tal-Artikolu 15 tar-Regolament 2201/2013, barra mill-kuntest ta’ proċedura pendenti.

27

L-omm issostni li estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2013 tipproduċi l-effetti tagħha biss sal-għoti tad-deċiżjoni li saret res judicata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura u li l-effetti tagħha ma jinżammux lil hinn mill-għoti tal-imsemmija deċiżjoni. Hija tqis, barra minn hekk, li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2013 japplika biss għal proċeduri partikolari, pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, u mhux għall-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti b’mod ġenerali, b’tali mod li, fl-assenza ta’ proċeduri li għadhom għaddejjin, ma hemmx lok li jsir rinviju abbażi ta’ dik id-dispożizzjoni.

28

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, b’digriet tal-4 ta’ Lulju 2013, il-Juzgado de Primera Instancia de Torrox imponiet sanzjoni ta’ EUR 16 000 fuq l-omm fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 u semmiet il-possibbiltà li S. jitqiegħed fil-kustodja tal-Missier.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (ir-Renju Unit) (Civil division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fejn tkun seħħet estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament [Nru 2201/2013], dik l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tkompli tapplika biss sakemm ikun hemm deċiżjoni finali [li ssir res judicata] f’dik il-proċedura jew tibqa’ tapplika anki wara li tingħata deċiżjoni finali?

2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2013] jippermetti li l-qrati ta’ Stat Membru jittrasferixxu l-ġurisdizzjoni f’ċirkustanzi fejn fil-preżent ma tkun teżisti ebda proċedura legali li tikkonċerna lill-wild?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, estiża, abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, favur qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq, bi qbil bejn il-partijiet, proċedura mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tispiċċax mal-għoti ta’ deċiżjoni li saret res judicata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura jew jekk l-imsemmija ġurisdizzjoni tinżammx lil hinn mill-għoti ta’ tali deċiżjoni.

Fuq ir-rilevanza u l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda.

31

Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti magħmula mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Spanjol intiżi li jikkontestaw ir-rilevanza u l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda. Il-Kummissjoni ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li mid-digriet tad-29 ta’ Frar 2012 jirriżulta li l-Juzgado de Primera Instancia de Torrox iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, u li din id-deċiżjoni għandha tiġi aċċettata mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-Artikolu 21 tal-istess regolament.

32

Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-kawża prinċipali tirrigwarda kemm il-kwistjoni tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 kif ukoll il-projbizzjoni li din tiġi riveduta fuq il-mertu, fis-sens tal-Artikoli 21, 26, 41 u 47 tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li t-talba tal-omm sabiex l-istess deċiżjoni u l-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 jiġu emendati tressqet inqas minn xahrejn wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

33

Madankollu, minn naħa, kif sostnew, waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol u l-ġenituri u kif essenzjalment ammettiet il-Kummissjoni ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-digriet tad-29 ta’ Frar 2012 jinkludi xi deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti Spanjola fuq il-mertu, li għandha tiġi aċċettata mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003.

34

Min-naħa l-oħra, kif sostnew, waqt is-seduta, l-omm u l-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-kawża prinċipali u l-ewwel domanda ma jirrigwardawx, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-kwistjoni tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 kif ukoll il-projbizzjoni li din tiġi rriveduta fuq il-mertu, fis-sens tal-Artikoli 21, 26, 41 u 47 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda jirrigwardaw il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri li tirriżulta mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament.

35

B’mod partikolari, għandu jiġi ppreċiżat li kull kwistjoni dwar il-fondatezza tat-talba tal-omm, jew dwar in-natura eventwalment abbużiva ta’ din it-talba, imressqa quddiem il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales inqas minn xahrejn wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 u li hija intiża sabiex tinkiseb emenda tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2010 u, għaldaqstant, is-sostituzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, għandha tiġi evalwata, skont l-Artikoli 8 sa 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

36

Barra minn hekk, peress li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li, sad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ebda deċiżjoni ulterjuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma tkun ingħatat minn qorti, f’dak li jirrigwarda lil S., u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2010 ma tkun ġiet la emendata u lanqas issostitwita, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar tibqa’, sa dik id-data, kompletament eżekutorja.

Fuq il-mertu

37

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar li għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem u l-għanijiet tagħha kif ukoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet imfittxa mill-leġiżlazzjoni li minnha din tifforma parti (sentenza Van Buggenhout u Van de Mierop, C‑251/12, EU:C:2013:566, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti għandha tiġi ddeterminata, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, “fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess” u, skont l-Artikolu 13(3) tal-istess regolament, “fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament jippreċiża li qorti titqies fil-pussess, bħala prinċipju, “fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti [att promotur] [...] jiġ[i] ppreżentati l-qorti”.

39

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni, l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrikjedi b’mod partikolari li, fid-data ta’ meta qorti tieħu l-pussess, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza abitwali tkun ġiet espressament aċċettata jew xorta oħra b’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedura.

40

Għalhekk, minn kliem l-Artikoli 8(1) u 12(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi vverifikata u ddeterminata f’kull każ partikolari, meta titressaq kawża quddiem qorti, u dan jimplika li din ma tinżammx lil hinn mit-tmiem ta’ proċedura pendenti.

41

Fir-rigward tal-kuntest li minnu jiffurmaw parti l-Artikoli 8(1) u 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li huma l-ewwel nett il-qrati tal-Istat Membru fejn il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu li għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Skont din il-premessa, l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tiġi ddeterminata skont din ir-residenza.

42

Skont din il-premessa 12 u skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, ġurisdizzjonijiet oħra għajr din il-ġurisdizzjoni ġenerali huma ammessi biss f’ċerti każijiet ta’ bdil tar-residenza tal-wild, previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, jew wara ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, imsemmi fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament.

43

Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li, fil-każ ta’ bdil tar-residenza abitwali tal-wild, il-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali ta’ qabel jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom biss biex jemendaw deċiżjoni mogħtija minn dawn il-qrati qabel it-trasferiment u, f’kull każ, ma jżommux din il-ġurisdizzjoni għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur.

44

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet imfittxa mir-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi osservat li l-premessa 12 tiegħu tipprevedi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma kkonċepiti fid-dawl tal-aqwa interessi tal-wild u, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ prossimità u li waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12(3)(b) tal-imsemmi regolament timponi li kull ġurisdizzjoni estiża skont din id-dispożizzjoni tkun estiża fl-imsemmi interess.

45

Minn dan isegwi li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi ddeterminata, qabel kollox, skont l-aqwa interessi tal-wild.

46

Issa, kif ġustament osservaw l-omm, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, għalkemm l-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni aċċettata mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ wild ta’ eta’ żgħira għal proċedura speċifika tista’ tiġi kkunsidrata bħala fl-aqwa interess ta’ dan il-wild, ma jistax jiġi aċċettat li, fil-każijiet kollha, tali ġurisdizzjoni estiża tibqa’, lil hinn minn tmiem il-proċedura li għaliha ġiet estiża u matul it-tfulija kollha tal-persuna kkonċernata, fl-aqwa interess ta’ din tal-aħħar.

47

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, meta quddiem qorti titressaq kawża skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, l-aqwa interess tal-wild jista’ jiġi mħares biss permezz ta’ eżami, f’kull każ partikolari, tal-kwistjoni ta’ jekk l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni mfittxa hijiex konformi ma dan l-aqwa interess.

48

Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmi Artikolu 12(3) huwa intiż li jippermetti li d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jressqu kawża, bi qbil bejniethom u taħt ċerti kundizzjonijiet oħra, quddiem qorti fir-rigward ta’ suġġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri li għall-evalwazzjoni tagħhom din il-qorti, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni, ma jistax jiġi preżunt li tali ftehim jibqa’ validu, fil-każijiet kollha, lil hinn mit-tmiem tal-proċedura mibdija u f’dak li jikkonċerna suġġetti oħra li jistgħu jitfaċċaw iktar ’il quddiem.

49

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li estensjoni tal-ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, hija valida biss għall-proċedura speċifika li fir-rigward tagħha nfetħet il-kawża quddiem il-qorti li ngħatat il-ġurisdizzjoni estiża u li din il-ġurisdizzjoni tispiċċa, favur il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ġenerali skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, mal-għeluq definittiv tal-proċedura li tat lok għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, estiża, abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, favur qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq, bi qbil bejn il-partijiet, proċedura mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tispiċċax mal-għoti ta’ deċiżjoni li saret res judicata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.

Fuq it-tieni domanda

51

Fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li saret fil-każ li l-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, estiża abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, tinżamm lil hinn mill-għeluq definittiv tal-proċedura li tat lok għal din l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, estiża, abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, favur qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq, bi qbil bejn il-partijiet, proċedura mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tispiċċa mal-għoti ta’ deċiżjoni li saret res judicata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top