EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0912

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

ST/9208/2020/INIT

ĠU L 208I, 1.7.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/912/oj

1.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 208/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/912

tat-30 ta’ Ġunju 2020

dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (e) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni (1) li tirrakkomanda restrizzjoni temporanja ta’ vjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+ (2) għal xahar. Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE qablu li jimplimentaw ir-restrizzjoni temporanja ta’ vjaġġar mhux essenzjali. L-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen implimentawha wkoll.

(2)

Fis-26 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea qablu li japplikaw restrizzjoni temporanja kkoordinata ta’ vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(3)

Fit-8 ta’ April 2020 (3) u fit-8 ta’ Mejju 2020 (4), il-Kummissjoni adottat żewġ Komunikazzjonijiet ta’ segwitu, fejn kull waħda minnhom irrakkomandat l-estensjoni tar-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali b’xahar, rispettivament. L-Istati Membri kollha ta’ Schengen kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen (minn hawn ‘il quddiem “l-Istati Membri”) iddeċidew li jimplimentaw dawn l-estensjonijiet, fl-aħħar darba sal-15 ta’ Ġunju 2020.

(4)

Fil-15 ta’ April 2020, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew stabbilixxew “Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19” (5). Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi approċċ f’żewġ stadji li permezz tiegħu l-kontrolli fil-fruntieri interni għandhom jitneħħew b’mod ikkoordinat. Sussegwentement, ir-restrizzjonijiet temporanji fil-fruntieri esterni jiġu gradwalment rilassati u r-residenti mhux tal-UE jitħallew jerġgħu jibdew iwettqu vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. It-tneħħija tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni jenħtieġ li ssir wara jew b’mod parallel mat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni mill-Istati Membri.

(5)

Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri kkonfermaw il-ħtieġa li jkun hemm estensjoni qasira ulterjuri tar-restrizzjonijiet eżistenti fil-fruntieri esterni u l-importanza ta’ approċċ ikkoordinat għat-tneħħija gradwali tagħhom.

(6)

Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni (6) li rrakkomandat li r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2020, u li tistabbilixxi approċċ għal tneħħija gradwali tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020. L-Istati Membri kollha implimentaw l-estensjoni ulterjuri sat-30 ta’ Ġunju.

(7)

Minn dak iż-żmien ‘l hawn saru diskussjonijiet bejn l-Istati Membri dwar il-kriterji u l-metodoloġija li għandhom jiġu applikati.

(8)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà li l-Istati Membri għandhom biex ikomplu japplikaw l-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (7), li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli li jivvalutaw jekk, fuq bażi ta’ każ b’każ, ċittadin ta’ pajjiż terz għandux jitqies bħala theddida għas-saħħa pubblika. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri u l-fornituri tat-trasport.

(9)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni jkunu kkoordinati sabiex jiżguraw żona Schengen li tiffunzjona tajjeb. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jibdew ineħħu r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat. Bħala l-ewwel pass, jenħtieġ li dan japplika fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal din ir-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li din il-lista tiġi aġġornata regolarment.

(10)

Jenħtieġ li deċiżjonijiet dwar it-tneħħija possibbli tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE jqisu s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġewwa l-UE, jiġifieri l-għadd medju ta’ każijiet tal-COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum u għal kull 100 000 abitant.

(11)

Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (“IHR”) adottati mit-Tmienja u ħamsin Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-23 ta’ Mejju 2005 saħħew il-koordinazzjoni fost l-Istati Parti għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li jinkludu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, tat-tħejjija u r-rispons għal emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ interess internazzjonali. Il-Qafas ta’ Monitoraġġ tal-IHR jidentifika kapaċitajiet tas-saħħa pubblika ewlenin li jridu jinżammu mill-Istati Parti tad-WHO. Id-data rrappurtata perjodikament minn pajjiżi taħt dan il-qafas tista’ tinġabar f’punteġġ globali bħala indikatur tal-kapaċità ġenerali għal rispons.

(12)

L-effettività tad-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tiddependi fuq l-implimentazzjoni kkoordinata tagħhom mill-Istati Membri għall-fruntieri esterni kollha. Stat Membru ma għandux jiddeċiedi unilateralment li jneħħi r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal pajjiż terz partikolari qabel ma t-tneħħija tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar tkun ġiet deċiża b’mod ikkoordinat mill-Istati Membri għal dak il-pajjiż. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, bi trasparenza sħiħa, ineħħu b’mod progressiv biss ir-restrizzjonijiet fuq vjaġġar lejn il-pajjiżi elenkati fl-Anness I.

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur, wara li l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk hijiex ser timplimentaha.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(15)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

(16)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (10) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(17)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (12), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (13).

(18)

L-istatus legali ta’ din ir-rakkomandazzjoni kif imfakkar fil-premessi 13 sa 17 huwa mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li l-Istati Membri kollha, fl-interess tal-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, jiddeċiedu dwar it-tneħħija tar-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE b’mod ikkoordinat,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom ineħħu gradwalment ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta’ Lulju 2020 b’mod ikkoordinat fir-rigward tar-residenti tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I.

Sabiex jiġu determinati l-pajjiżi terzi li għalihom għandha titneħħa r-restrizzjoni attwali fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, għandhom japplikaw il-metodoloġija u l-kriterji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020 (14) dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Il-kriterji huma relatati mas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-miżuri ta’ konteniment, inkluż it-tbegħid fiżiku, kif ukoll ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, u huma applikati b’mod kumulattiv.

2.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għandhom jissodisfaw b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

numru ta’ każijiet ġodda tal-COVID-19 qrib jew inqas mill-medja tal-UE kif tinsab fil-15 ta’ Ġunju 2020, għal kull 100 000 abitant fl-14-il jum ta’ qabel;

ix-xejra ta’ każijiet ġodda tul l-istess perijodu meta mqabbla mal-14-il jum ta’ qabel hija stabbli jew qed tonqos; u

ir-rispons ġenerali għall-COVID-19 b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli dwar aspetti bħall-ittestjar, is-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni u s-sorsi tad-data disponibbli u, jekk ikun meħtieġ, għandu jittieħed kont ukoll tal-punteġġ medju totali dwar id-dimensjonijiet kollha tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR). Għandu jittieħed kont ukoll tal-informazzjoni pprovduta mid-Delegazzjonijiet tal-UE abbażi tal-lista ta’ kontroll annessa għall-Komunikazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020.

3.

Meta jiġi deċiż jekk ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE tapplikax għal ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-residenza f’pajjiż terz li għalih ikunu tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali għandha tkun il-fattur determinanti (u mhux in-nazzjonalità).

4.

Il-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I għandha tkun riveduta kull ġimagħtejn u, jekk meħtieġ, aġġornata mill-Kunsill, wara konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew jew jiġu introdotti mill-ġdid totalment jew parzjalment għal pajjiż terz speċifiku diġà elenkat fl-Anness I, skont bidliet f’xi wħud mill-kondizzjonijiet stabbiliti hawn fuq u, bħala konsegwenza, fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. Jeħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr f’każ li s-sitwazzjoni f’pajjiż terz tmur għall-agħar malajr.

5.

Meta restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jibqgħu japplikaw għal pajjiż terz, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar:

(a)

ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom (15);

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul (16), u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, bħar-rekwiżit li persuni bħal dawn ikunu soġġetti għal miżuri ta’ awtoiżolament jew miżuri simili meta jirritornaw minn pajjiż terz li għalih tinżamm ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar, sakemm jimponu l-istess rekwiżiti fuq iċ-ċittadini tagħhom stess.

Barra minn hekk, l-ivvjaġġar essenzjali għandu jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II (17). L-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal dawn il-vjaġġaturi, speċjalment meta l-vjaġġ tagħhom joriġina minn reġjun b’riskju għoli.

Il-lista ta’ kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II tista’ tiġi riveduta mill-Kunsill, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, skont konsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi kif ukoll skont il-valutazzjoni ġenerali tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, abbażi tal-metodoloġija, il-kriterji u l-informazzjoni msemmija hawn fuq.

6.

Sabiex titneħħa r-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I, ir-reċiproċità għandha titqies ukoll b’mod regolari u fuq bażi ta’ każ b’każ.

7.

Stat Membru ma għandux jiddeċiedi li jneħħi r-restrizzjoni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE għal pajjiż terz speċifiku qabel ma t-tneħħija tar-restrizzjoni tkun ġiet ikkoordinata f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

8.

Ir-residenti ta’ Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan/is-Santa Sede għandhom jitqiesu bħala residenti tal-UE għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

9.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri kollha fil-fruntieri esterni kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  COM(2020) 115, 16 ta’ Marzu 2020.

(2)  Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inkluż il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen. Din tkun tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw.

(3)  COM(2020) 148, 8 ta’ April 2020.

(4)  COM(2020) 222, 8 ta’ Mejju 2020.

(5)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication_-_a_european_roadmap_to_lifting_coronavirus_containment_measures_0.pdf

(6)  COM(2020) 399, 11 ta’ Ġunju 2020.

(7)  Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(14)  COM(2020) 399, 11 ta’ Ġunju 2020.

(15)  Kif definit fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(16)  Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(17)  [Ara wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu (COM (2020) 115), tal-11 ta’ Ġunju 2020 (COM(2020) 399), kif ukoll il-Gwida tat-30 ta’ Marzu 2020 (C(2020) 2050, 30 ta’ Marzu 2020).]


ANNESS I

Pajjiżi terzi li r-residenti tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati minn restrizzjoni temporanja fil‐fruntieri esterni fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE

1.

ALĠERIJA

2.

AWSTRALJA

3.

KANADA

4.

GEORGIA

5.

ĠAPPUN

6.

MONTENEGRO

7.

MAROKK

8.

NEW ZEALAND

9.

RWANDA

10.

SERBJA

11.

KOREA T’ISFEL

12.

TAJLANDJA

13.

TUNEŻIJA

14.

URUGWAJ

15.

ĊINA (*1)


(*1)  soġġett għall-konferma tar-reċiproċità.


ANNESS II

Kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali:

i.

Professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

ii.

Ħaddiema fruntaliera;

iii.

Ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura;

iv.

Persunal tat-trasport;

v.

Diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

vi.

Passiġġieri fi tranżitu;

vii.

Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;

viii.

Baħħara

ix.

Persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra

x.

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ studju;

xi.

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jekk l-impjieg tagħhom ikun meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jkunx jista’ jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor.


Top