EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0533

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-24 ta’ Marzu 2022.
Somogy Megyei Kormányhivatal vs Upfield Hungary Kft.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Ittikettar – Dikjarazzjonijiet obbligatorji – Lista ta’ ingredjenti – Isem speċifiku ta’ dawn l-ingredjenti – Żieda ta’ vitamina ma’ prodott tal-ikel – Obbligu li jissemma l-isem speċifiku ta’ din il-vitamina – Nuqqas ta’ obbligu li tissemma l-formula vitaminika użata.
Kawża C-533/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:211

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Ittikettar – Dikjarazzjonijiet obbligatorji – Lista ta’ ingredjenti – Isem speċifiku ta’ dawn l-ingredjenti – Żieda ta’ vitamina ma’ prodott tal-ikel – Obbligu li jissemma l-isem speċifiku ta’ din il-vitamina – Nuqqas ta’ obbligu li tissemma l-formula vitaminika użata”

Fil-Kawża C‑533/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

Somogy Megyei Kormányhivatal

vs

Upfield Hungary Kft.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għal Somogy Megyei Kormányhivatal, minn Sz. Kovács-Tátrai, bħala aġent,

għal Upfield Hungary Kft., minn J. Kovács, ügyved,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sipos kif ukoll minn B. Rous Demiri u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, u fil-ĠU 2022, L 35, p. 26).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Somogy Megyei Kormányhivatal (servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Somogy, l-Ungerija) u Upfield Hungary Kft., dwar deċiżjoni li permezz tagħha dawn is-servizzi ordnaw lil Upfield Hungary temenda l-ittikettar ta’ prodott li hija tikkummerċjalizza fl-Ungerija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1169/2011

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jindika fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.”

4

L-Artikolu 2(2)(f), (n), (o) u (s) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, għall-finijiet tiegħu, it-terminu “ingredjent”, l-espressjoni “isem ġuridiku”, l-espressjoni “isem tradizzjonali” u t-terminu “nutrijent” għandhom rispettivament is-sens li ġej:

“(f)

‘ingredjent’ tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; […]

[…]

(n)

‘isem ġuridiku’ tfisser l-isem ta’ xi ikel preskritt fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għalih jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni bħal dawn, l-isem previst fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru li fih jinbiegħ l-ikel lill-konsumatur finali jew lill-fornituri tal-massa;

(o)

‘isem tradizzjonali’ tfisser xi isem li hu aċċettat bħala l-isem tal-ikel mill-konsumaturi fl-Istat Membru li fih jinbiegħ, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar spjegazzjoni dwaru;

[…]

(s)

‘nutrijent’ tfisser proteina, karboidrat, xaħam, fibra alimentari, sodju, vitamini u minerali elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII ta’ dan ir-Regolament, u sustanzi li jappartjenu lil jew huma komponenti ta’ xi waħda minn dawk il-kategoriji;”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għanijiet ġenerali” jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur.”

7

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

[…]

(b)

il-lista ta’ ingredjenti;

[…]

(l)

dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni.”

8

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Isem tal-ikel”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-isem tal-ikel għandu jkun l-isem ġuridiku tiegħu. Jekk ma jkunx hemm dak l-isem, l-isem tal-ikel għandu jkun l-isem tradizzjonali tiegħu, jew, jekk ma jkollux isem tradizzjonali jew l-isem tradizzjonali ma jintużax, għandu jingħata l-isem deskrittiv tal-ikel.”

9

L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Lista ta’ ingredjenti”, jippreċiża, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-lista ta’ ingredjenti għandha tkun intitolata jew preċeduta minn titolu adattat li jkun magħmul minn jew jinkludi l-kelma ‘ingredjenti’. Għandu jinkludi l-ingredjenti kollha tal-ikel, f’ordni li tonqos skont l-użin, kif innotati meta ntużaw fil-fabbrikazzjoni tal-ikel.

2.   L-ingredjenti għandhom jiġu nnominati bl-isem speċifiku tagħhom, fejn japplika, skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 17 […]”

10

L-Artikolu 30 tal-istess regolament, dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni nutrizzjonali msemmija fl-Artikolu 9(1)(l) tiegħu, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-valur enerġetiku; u

(b)

l-ammonti ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ.

[…]

2.   Il-kontenut tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni obbligatorja msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jkun issupplimentat b’indikazzjoni tal-ammonti ta’ wieħed minn dan li ġej jew aktar:

[…]

(f)

kwalunkwe vitamina jew mineral elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII, u li jkunu preżenti f’ammonti sinifikanti kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness XIII.”

11

L-Anness XIII tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Konsum Referenzjali”, jinkludi Parti A relatata mal-konsum referenzjali ta’ kuljum ta’ vitamini u ta’ minerali għall-adulti, li l-punt 1 tagħha jelenka l-vitamini u l-minerali li jistgħu jiġu ddikjarati u l-valuri ta’ referenza għan-nutrijenti tagħhom. Fost dawn il-vitamini jidhru b’mod partikolari l-vitamina A u l-vitamina D.

Ir-Regolament Nru 1925/2006

12

Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 26), kif emendat mir-Regolament Nru 1169/2011 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1925/2006”, fih Artikolu 3, intitolat “Rekwiżiti għaż-żieda ta’ vitamini u minerali”, li l-paragrafu 1 tiegħu jippreċiża li “[i]l-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f’dan ir-Regolament”.

13

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ittikettar, preżentazzjoni u reklamar”, jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-ittikkettar nutrittiv ta’ prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali u li huma koperti minn dan ir-Regolament għandu jkun obbligatorju. L-informazzjoni li trid tingħata għandha tkun magħmula minn dik speċifikata fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament [Nru 1169/2011] u tal-ammonti totali preżenti tal-vitamini u l-minerali meta jiġu miżjuda mal-ikel.”

14

L-Anness I tal-imsemmi regolament, intitolat “Vitamini u minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel”, jirreferi b’mod partikolari għall-vitamina A u għall-vitamina D.

15

L-Anness II tal-istess regolament jinkludi, fost il-formulazzjonijiet ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel, taħt it-titolu “Vitamina A”, erba’ formulazzjonijiet ta’ vitamini, jiġifieri retinol, aċetat tar-retinil, palmitat tar-retinil u beta-karoten. Dan jinkludi wkoll, taħt it-titolu “Vitamine D”, żewġ formuli tal-vitamini, jiġifieri l-kolekalċiferol u l-ergokalċiferol.

Id-dritt Ungeriż

16

Skont l-Artikolu 10(1) tal-az élelmiszerláncról és hatósági felügyeletéről szóló 2008. évi XLVI. Törvény (il-Liġi Nru XLVI tal-2008 dwar il-katina tal-ikel u s-sorveljanza amministrattiva tagħha mill-awtoritajiet), il-prodotti tal-ikel ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq ħlief jekk l-ittikettar tagħhom ikun fih, bil-lingwa Ungeriża, f’forma li tinftiehem minn kulħadd, ċara u leġġibbli, l-informazzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni stabbilita b’implimentazzjoni diretta ta’ din il-liġi u l-atti legali applikabbli direttament fl-Unjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Upfield Hungary tikkummerċjalizza marġerina fl-Ungerija, prodott magħruf bħala “Flóra ProActiv”, xaħam li jiddellek b’35 % xaħam li fih sterols tal-pjanti miżjuda. L-ittikettar ta’ dan il-prodott jinkludi b’mod partikolari l-kliem “Vitamini (A, D)”.

18

Is-servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Somogy, li huma responsabbli, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, qiesu li din l-indikazzjoni ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 minħabba li dawn jimponu li fuq it-tikketta tal-prodotti tal-ikel, b’mod ġenerali, jissemmew l-isem speċifiku tal-ingredjenti differenti li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni tagħhom u, fil-każ partikolari fejn dawn l-ingredjenti huma vitamini, il-formuli tal-vitamini li jinsabu fihom. Konsegwentement, huma adottaw deċiżjoni li tordna lil Upfield Hungary sabiex temenda l-ittikettar tal-prodott inkwistjoni.

19

Peress li din ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, il-qorti kompetenti annullat din tal-aħħar billi bbażat ruħha fuq żewġ serje ta’ elementi. Minn naħa, huwa qies, essenzjalment, li r-Regolament Nru 1169/2011 ma kienx jiddefinixxi dak li kellu jitqies, b’mod ġenerali, bħala l-“isem speċifiku” tal-ingredjenti li jifformaw parti mill-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel. Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li r-Regolament Nru 1925/2006 lanqas ma jinkludi l-isem tal-vitamini, tal-minerali u tas-sustanzi l-oħra li għalihom jirreferi, filwaqt li jelenka fost l-oħrajn, fl-Anness II tiegħu, il-formuli differenti tal-vitamini A u tal-vitamina D li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, din il-qorti kkonkludiet li ebda wieħed miż-żewġ regolamenti inkwistjoni u ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma kienet tipprekludi l-użu, għall-finijiet tal-ittikettar ta’ prodott tal-ikel, tal-ismijiet “Vitamina A” u “Vitamina D”.

20

Is-servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Somogy għalhekk ippreżentaw appell quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), li insostenn tiegħu huma jsostnu, fl-ewwel lok, li r-Regolament Nru 1169/2011 jimponi, b’mod ġenerali, li fuq it-tikketta jiġu inklużi l-indikazzjoni tal-isem speċifiku ta’ kull wieħed mill-ingredjenti li jifformaw parti mill-kompożizzjoni tagħhom u, fit-tieni lok, li, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ ingredjenti bħall-vitamini A u D, dan l-isem speċifiku jikkorrispondi għall-formula vitaminika li ġiet miżjuda għal prodott tal-ikel partikolari, din il-formula vitaminika li kellha hi stess neċessarjament tagħmel parti minn dawk li l-użu tagħhom hija awtorizzata bis-saħħa tal-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-argument iqajjem il-kwistjoni dwar kif il-kunċett ta’ “isem speċifiku” li jinsab fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jinftiehem fil-preżenza ta’ ingredjenti bħal vitamini. Peress li l-pożizzjoni tal-qrati nazzjonali f’dan ir-rigward ma hijiex uniformi, fil-fehma tagħha huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1169/2011], u speċifikament l-Artikolu 18(2) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ żieda ta’ vitamini ma’ prodotti tal-ikel, il-lista tal-ingredjenti tal-prodotti tal-ikel għandha tinkludi, minbarra l-isem tal-vitamini, ukoll id-deskrizzjoni tagħhom skont il-formulazzjonijiet tal-vitamini li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 18(2) tiegħu, fis-sens li, fil-każ fejn vitamina ġiet miżjuda ma’ prodott tal-ikel, il-lista tal-ingredjenti ta’ dan il-prodott tal-ikel għandha tinkludi, minbarra l-indikazzjoni tal-isem ta’ din il-vitamina, dik tal-formula vitaminika li ntużat.

24

F’dan ir-rigward u preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1169/2011 jiddistingwi l-kunċetti ta’ “ingredjent” u ta’ “nutrijent”.

25

Fil-fatt, l-Artikolu 2(2)(f) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-kunċett ta’ “ingredjent” ifisser “kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula”.

26

B’mod parallel, l-Artikolu 2(2)(s) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li l-kunċett ta’ “nutrijent” jinkludi “proteina, karboidrat, xaħam, fibra alimentari, sodju, vitamini u minerali elenkati fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII” tal-istess regolament.

27

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(1)(b) u (l) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprevedi li l-ingredjenti u n-nutrijenti li huma preżenti fl-ikel prodott jew ikkummerċjalizzat fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu s-suġġett ta’ żewġ indikazzjonijiet obbligatorji distinti fih, jiġifieri “lista tal-ingredjenti” u “dikjarazzjoni nutrizzjonali”.

28

L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dettalji obbligatorji għandha, skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament, tinkludi l-ingredjenti kollha li huma preżenti fil-prodott tal-ikel ikkonċernat.

29

It-tieni waħda minn dawn l-indikazzjonijiet obbligatorji għandha, min-naħa tagħha, tinkludi, skont l-Artikolu 30(1) tal-istess regolament, il-valur enerġetiku u l-kwantità ta’ xaħmijiet, aċidi xaħmijiet saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ li huma preżenti fil-prodott tal-ikel ikkonċernat. Barra minn hekk, hija tista’ tiġi kkompletata, skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, permezz tal-indikazzjoni, b’mod partikolari, tal-vitamini li jkunu preżenti fi kwantità sinjifikattiva f’dan il-prodott tal-ikel.

30

Minn dan isegwi li l-vitamini huma, bħala prinċipju, ikklassifikati bħala nutrijenti mir-Regolament Nru 1169/2011 u li jistgħu, għaldaqstant, jiġu indikati fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali msemmija fl-Artikolu 9(1)(l) u fl-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, meta jkunu fi kwantità sinjifikattiva f’oġġett tal-ikel, mingħajr madankollu ma din l-indikazzjoni tkun obbligatorja.

31

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-klassifikazzjoni ma timplikax li l-vitamini ma jistgħux jikkostitwixxu, fl-istess ħin, ingredjenti fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011.

32

Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “ingredjent” jinkludi, hekk kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, kull prodott, kull sustanza jew kull komponent li ġie “użat” fil-manifattura jew fil-preparazzjoni ta’ prodott tal-ikel u li “għadu preżenti” fil-prodott lest, li jista’ jkun il-każ ta’ vitamina.

33

Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn vitamina tiġi miżjuda fi prodott tal-ikel, hija għandha obbligatorjament tiġi indikata fil-lista tal-ingredjenti prevista fl-Artikolu 9(1)(b) u fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1169/2011. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex neċessarjament tissemma u tiġi kkwantifikata fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali msemmija fl-Artikolu 9(1)(l) u fl-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament.

34

Fir-rigward tal-punt dwar taħt liema isem tali vitamina għandha tiġi inkluża fil-lista tal-ingredjenti li għandhom jidhru fuq il-prodott tal-ikel ikkonċernat, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-ingredjenti li huma preżenti fi prodott tal-ikel għandhom jiġu indikati bl-isem speċifiku tagħhom, jekk ikun il-każ skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament.

35

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-isem tal-ingredjenti għandu jinftiehem bħala l-isem ġuridiku tal-ingredjent ikkonċernat jew, fl-assenza ta’ isem ġuridiku, l-isem tradizzjonali ta’ dan l-ingredjent, jew inkella, fin-nuqqas ta’ tali isem tradizzjonali jew jekk dan ma jintużax, isem deskrittiv.

36

Issa, la r-riferiment għall-“isem speċifiku” li jinsab fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 u lanqas ir-riferimenti għall-“isem ġuridiku”, għall-“isem tradizzjonali” u għall-“isem deskrittiv” li jinsab fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament ma jippermettu, fihom infushom u fl-assenza ta’ dettalji testwali addizzjonali, li jiġi ddeterminat l-isem li taħtu vitamina li ġiet miżjuda fi prodott tal-ikel prodott jew ikkummerċjalizzat fl-Unjoni għandha tiġi indikata fil-lista tal-ingredjenti relatati ma’ dan il-prodott tal-ikel.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, lil hinn mill-kliem tagħhom biss, il-kuntest li jagħmlu parti minnu kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il-Ġermanja vs Esso Raffinage, C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 81).

38

F’dan id-dawl, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jiddefinixxi, rispettivament, taħt (n) u (o), l-espressjonijiet “isem ġuridiku” u “isem tradizzjonali” billi jispeċifikaw li dawn jirreferu, l-ewwel, għal “l-isem ta’ xi ikel preskritt fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għalih jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni bħal dawn, l-isem previst fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru li fih jinbiegħ l-ikel” u, it-tieni, għal “isem li hu aċċettat bħala l-isem tal-ikel mill-konsumaturi fl-Istat Membru li fih jinbiegħ, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar spjegazzjoni dwaru”.

39

It-tieni, dan ir-regolament jirreferi, fl-Artikolu 30(2)(f) tiegħu u għall-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII tiegħu għall-vitamini li jistgħu jiġu indikati u kkwantifikati fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali prevista fl-Artikolu 9(1)(l) tiegħu, fil-każ li jkunu preżenti fi kwantità sinjifikattiva f’prodott tal-ikel prodott jew ikkummerċjalizzat fl-Unjoni. Issa, kif l-Avukat Ġenerali enfasizzat fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, il-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII jelenka l-vitamini inkwistjoni billi jindikahom permezz ta’ ismijiet bħal “Vitamina A”, “Vitamina D” jew ukoll “Vitamina E”, mingħajr madankollu ma jipprevedi li dawn l-ismijiet jikkostitwixxu isem ġuridiku skont id-dritt tal-Unjoni.

40

It-tielet, la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1169/2011 ma jirreferu għal dawn il-vitamini taħt ismijiet oħra.

41

Ir-raba’, ir-Regolament Nru 1925/2006, li jqarreb id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda ta’ vitamini, ta’ minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra għall-prodotti tal-ikel, jipprevedi fl-Artikolu 3(1) tiegħu, li “[i]l-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma’ l-ikel” Kif jirriżulta mill-ewwel minn dawn iż-żewġ annessi, l-ismijiet tad-diversi vitamini inkwistjoni jikkorrispondu għal dawk imsemmija fil-punt 1 tal-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament Nru 1169/2011, kif imfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, madankollu, għandu jiġi osservat li huma biss il-formuli tal-vitamini espressament elenkati fit-tieni wieħed mill-imsemmija annessi li jistgħu jiżdiedu mal-prodotti tal-ikel prodotti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni.

42

Il-ħames, ir-Regolament Nru 1925/2006 madankollu ma għandux l-għan li jirregola l-ittikettar nutrittiv jew, b’mod iktar wiesa’, l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-preżenza ta’ vitamini f’dawn l-prodotti tal-ikel, peress li tali kwistjoni għall-kuntrarju hija rregolata esklużivament, kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, mir-Regolament Nru 1169/2011. Il-formuli tal-vitamini elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006 ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala ismijiet li jiżdiedu ma’ dawk imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, u dan inqas u inqas peress li dan l-anness jippreċiża li dawn huma biss “forom” differenti minn kull waħda mill-vitamini kkonċernati.

43

B’hekk, mid-dispożizzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li huwa taħt l-ismijiet bħal “Vitamina A”, “Vitamina D” jew ukoll “Vitamina E” li l-vitamini preżenti fi kwantità sinjifikattiva fl-oġġetti tal-ikel prodotti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni huma indikati mir-Regolament Nru 1169/2011, għall-finijiet tal-indikazzjoni tagħhom fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali prevista fl-Artikolu 9(1)(l), fl-Artikolu 30 u fl-Anness XIII tiegħu.

44

Hemm lok, sabiex tiġi żgurata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-regolament, li jiġi kkunsidrat li huwa taħt dawn l-istess ismijiet li tali vitamini għandhom ukoll jiġu indikati għall-finijiet tal-indikazzjoni tagħhom fil-lista tal-ingredjenti prevista fl-Artikolu 9(1)(b) u fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament.

45

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1169/2011 għandu b’mod partikolari bħala għan, kif jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(1) tiegħu u tal-Artikolu 3(1) tiegħu, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, b’osservanza tad-differenzi fil-perċezzjoni tagħhom, billi jipprovdilhom il-bażijiet li minnhom huma jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2022, Tesco Stores ČR, C‑881/19, EU:C:2022:15, punti 4344 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Dan l-għan huwa rifless, b’mod partikolari, fir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, li jgħid li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti tal-ikel prodotti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni għandha tkun preċiża, ċara u li tinftiehem faċilment.

47

Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat mhux biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-perċezzjoni possibbli bejn il-konsumaturi, kif imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll billi jittieħed bħala punt ta’ riferiment konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C‑210/96, EU:C:1998:369, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi, C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61).

48

Issa, l-imsemmi għan u l-imsemmi rekwiżit jikkorroboraw l-interpretazzjoni adottata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-fatt li jiġu indikati, b’mod koerenti u esklużiv, il-vitamini taħt l-ismijiet bħal “Vitamina A” jew “Vitamina D” fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali u fil-lista tal-ingredjenti previsti mir-Regolament Nru 1169/2011 huwa ta’ natura li jiżgura informazzjoni preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għal konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

49

Min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn l-ismijiet jintużaw biss fid-dikjarazzjoni nutrizzjonali u li jiżdiedu b’mod parallel il-formuli tal-vitamini rilevanti elenkati fl-Anness II tar-Regolament Nru 1925/2006, bħal “aċetat tar-retinil” jew “kolekaċiferol”, għall-finijiet tal-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-ingredjenti, jirriskja, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura relattivament assenti u mhux magħrufa mill-pubbliku ġenerali tal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-formuli tal-vitamini, li jagħmel tali informazzjoni iktar kumplessa, iktar teknika u, konsegwentement, inqas ċara u li tinftiehem b’mod inqas faċli mill-konsumatur medju.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat, fid-dawl b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 18(2) tiegħu, fis-sens li, fil-każ fejn vitamina ġiet miżjuda ma’ prodott tal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti ta’ dan il-prodott tal-ikel ma għandhiex tinkludi, minbarra l-indikazzjoni tal-isem ta’ din il-vitamina, dik tal-formula vitaminika li ntużat.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, għandu jiġi interpretat, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 18(2) tiegħu, fis-sens li, fil-każ fejn vitamina ġiet miżjuda ma’ prodott tal-ikel, il-lista ta’ ingredjenti ta’ dan il-prodott tal-ikel ma għandhiex tinkludi, minbarra l-indikazzjoni tal-isem ta’ din il-vitamina, dik tal-formula vitaminika li ntużat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top