EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0039

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni - Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen {SEG(2009) 101} {SEG(2009) 102}

/* KUMM/2009/0039 finali */

52009DC0039

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni - Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen {SEG(2009) 101} {SEG(2009) 102} /* KUMM/2009/0039 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 28.1.2009

KUMM(2009) 39 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen

{SE G(2009) 101}{SEG(2009) 102}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen

1. Sinteżi eżekuttiva

L-għeluq b’suċċess tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen fi tmiem is-sena 2009 huwa prijorità ewlenija għall-UE. Issa li ġie adottat il-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija, l-UE trid iżżid il-kuntatti tagħha ma’ pajjiżi terzi, kemm fil-qafas tan-NU kif ukoll lil hinn minnu.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi proposti konkreti sabiex jinkiseb dan il-għan. Hija tindirizza tliet sfidi ewlenin: il-miri u l-azzjonijiet; il-finanzjament; u l-bini ta’ suq dinji effettiv tal-karbonju. Hija twieġeb ukoll għat-talba magħmula f’Ġunju 2008 mill-Kunsill Ewropew biex tiġi ppreżentata strateġija komprensiva sabiex jiżdiedu l-finanzi u l-flussi tal-investiment kemm għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll għall-adattament.

Sabiex iż-żieda medja fit-temperatura dinjija tkun illimitata għal mhux iktar minn 2(C iktar mil-livelli preindustrijali, fl-2020 il-pajjiżi żviluppati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom għal 30% inqas mil-livelli tal-1990. L-UE tat l-eżempju billi mpenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’20% sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, kemm jekk jintlaħaq ftehim internazzjonali kif ukoll jekk le. S’issa dan huwa fiċ-ċert l-iktar impenn ambizzjuż meħud minn kwalunkwe pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi fid-dinja għall-perjodu ta’ wara l-2012.

L-UE hija lesta li tagħmel iktar minn hekk u li tiffirma għal mira ta’ tnaqqis li tlaħħaq it-30% fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali komprensiv u ambizzjuż biżżejjed li jipprovdi għal tnaqqis simili minn pajjiżi żviluppati oħrajn, u għal azzjonijiet xierqa mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għandhom jillimitaw it-tkabbir tal-emissjonijiet tagħhom għal 15 sa 30% inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess. Se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji miżjuda b’mod sinifikanti sabiex tiġi appoġġata l-azzjoni meħtieġa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: dawn għandhom jiġu minn sorsi domestiċi, mis-suq dinji tal-karbonju, kif ukoll mill-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi żviluppati. Ħafna minn dawn l-investimenti se jkollhom benefiċċji kemm ta' malajr kif ukoll fit-tul f'termini tat-tibdil fil-klima u tal-irkupru ekonomiku, u, fi kwalunkwe każ, dawn għandhom ikunu inqas mill-ispejjeż tan-nuqqas ta’ azzjoni.

Suq dinji tal-karbonju jista’, u għandu jinbena billi jingħaqdu s-sistemi domestiċi tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet li jkunu jistgħu jitqabblu. Dan se jippromwovi tnaqqis tal-emissjonijiet li jkun effettiv f’termini tan-nefqa. L-UE għandha tfittex li tikseb il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi oħrajn sabiex tiżgura suq li jkun mifrux mal-pajjiżi kollha tal-OECD sal-2015 u suq li jkun jerġa’ iktar wiesa’ sal-2020.

2. Daħla

L-għan miftiehem tal-UE huwa li żżomm iż-żieda medja fit-temperatura dinjija taħt iż-2ºC meta mqabbla mal-livelli preindustrijali. Jekk jinqabżu ż-2ºC se jiżdiedu l-iskarsezza tal-ikel u tal-ilma u l-maltempati qawwija ħafna u se tiżdied b’mod sinifikanti t-theddida għall-ekosistemi uniċi. Jekk ikomplu x-xejriet attwali tal-emissjonijiet, il-limitu ta’ 2°C jista’ jinqabeż diġà fl-2050. Li wieħed iżomm il-livell taħt iż-2°C xorta waħda se jkun jeħtieġ sforzi sinifikanti t’adattament. Fid-dawl ta’ xi sejbiet ġodda tar-riċerka, għadd dejjem jikber ta’ xjentisti qed jitolbu li l-livell tal-gassijiet b’effett tas-serra (il-GHGs) fl-atmosfera jiġi stabbilizzat f’livell ferm aktar baxx minn dak li kien qed jiġi rrakkomandat qabel, jiġifieri f'livell baxx ta' 350 ppmv f’ekwivalenti tas-CO2. Huwa importanti ferm li jintlaħaq riżultat ambizzjuż f’Kopenħagen li jħalli lok għal livell iktar baxx ta’ stabbilizzazzjoni.

L-inerzja fiżika bażika tas-sistema dinjija tal-klima tfisser li jekk ma nagħtux każ tat-twissijiet xjentifiċi se jkun hemm konsegwenzi li qatt ma kien hemm bħalhom, li jiswew ħafna u li potenzjalment ma jistgħux jiġu kkontrollati. Fl-istess ħin, hemm opportunità biex flimkien nindirizzaw it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u r-reċessjoni ekonomika attwali. Li wieħed jittratta t-tibdil fil-klima se jkun jeħtieġ investiment sinifikanti mill-pubbliku u mill-privat, u se jgħin biex tiġi żgurata l-bidla għal ekonomija li tuża ftit karbonju, u b’hekk jinfetħu possibbiltajiet ġodda għat-tkabbir u għall-impjiegi u jkun promoss l-iżvilupp sostenibbli. B’mod globali, l-gvernijiet qed iħabbru programmi kbar ta’ investiment li jħeġġu l-investimenti fl-użu baxx tal-karbonju, irawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir u jżidu s-sigurtà tal-enerġija, bħall-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku li ġie adottat dan l-aħħar. L-azzjonijiet sabiex tiġi ttrattata l-kriżi finanzjarja jistgħu jgħinu biex il-ftit opportunitajiet li baqagħlna jintużaw biex iż-żieda tibqa' inqas minn 2°C.

Fil- livell internazzjonali , il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali tal-2007 beda proċess sabiex, waqt il-konferenza tan-NU ta’ Diċembru 2009 f’Kopenħagen ikun konkluż ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tibdil fil-klima għall-perjodu ta’ wara l-2012. Il-ftehim jeħtieġ li jistabbilixxi miri u azzjonijiet konkreti ġodda sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHGs u sabiex tiġi pprovduta l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli billi tissaħħaħ ħilet il-pajjiżi li jadattaw għat-tibdil fil-klima li ma jistax jiġi evitat filwaqt li jqanqlu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku, jnaqqsu l-faqar u jipprovdu aċċess għal servizzi sostenibbli tal-enerġija (il-“viżjoni komuni”). Wara l-konferenza tan-NU ta’ Diċembru 2008 f’Poznan, it-taħditiet daħlu f’fażi ta’ negozjati totali.

Fil- livell domestiku , kemm il-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw qed iżidu azzjonijiethom. Qed jiġu stabbiliti l-miri u s-swieq tal-karbonju. F’Diċembru, l-UE adottat il-pakkett ambizzjuż tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija, li jimplimenta l-mira indipendenti tal-UE li, sal-2020, tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-GHGs b’20% inqas mil-livelli tal-1990, u li jwessa’ u jtejjeb is-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (l-ETS tal-UE). L-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti tal-Amerika poġġiet it-trattament tat-tibdil fil-klima bħala prijorità ewlenija. Fl-istess ħin, l-Awstralja wkoll ħabbret l-impenji tagħha għat-terminu medju taż-żmien favur il-klima, b’attenzjoni partikulari fuq l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Dawn is-sistemi tal-iskambju tal-kwoti jistgħu jiffurmaw il-qalba ta' suq tal-karbonju li jkun tassew dinji.

3. Il-miri u l-azzjonijiet

Sabiex ikun hemm ċans raġonevoli li ma jinqabiżx il-limitu ta’ 2°C, sal-2050 l-emissjonijiet dinjin tal-GHGs iridu jitnaqqsu għal inqas minn 50% tal-livelli tal-1990. Barra minn hekk, l-emissjonijiet dinjin tal-GHGs, minbarra l-emissjonijiet mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija, iridu jilħqu l-ogħla punt tagħhom qabel l-2020. Il-pajjiżi żviluppati jridu jkunu minn ta’ quddiem nett fl-ilħiq ta’ dan l-għan dinji u jridu juru li ekonomija li tuża ftit karbonju hija possibbli u tista’ tintlaħaq f’termini tan-nefqa. Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm kontribut sinifikanti min-naħa tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u b’mod partikulari min-naħa tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament, minħabba li ħafna minnhom malajr qed isiru emittenti importanti. Għal dan il-għan, trid tissaħħaħ b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni sabiex jiġu pprovduti l-kapaċità, it-teknoloġija u l-finanzi meħtieġa.

3.1. Miri ġodda għat-tnaqqis tal-GHGs fil-pajjiżi żviluppati

Il-ftehim ta’ Kopenħagen għandu jistabbilixxi aktar impenji sħaħ favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ekonomija kollha min-naħa tal-pajjiżi żviluppati. L-UE tat l-eżempju billi mpenjat ruħha li, sal-2020, tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’mod awtonomu b’20% meta mqabbel mal-livelli tal-1990. S’issa dan huwa fiċ-ċert l-iktar impenn ambizzjuż meħud minn kwalunkwe pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi għall-perjodu ta’ wara l-2012. L-UE hija lesta li tagħmel iktar minn hekk u li tiffirma għal mira ta’ tnaqqis li tlaħħaq it-30% fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali komprensiv u ambizzjuż jekk ikun hemm tnaqqis simili minn pajjiżi żviluppati oħrajn u kontributi xierqa mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament skont ir-responsabbiltajiet u l-ħiliet tagħhom.

L-UE pproponiet li, bħala grupp, il-pajjiżi żviluppati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’ammont li jkun konsistenti mat-tieni għan. Ir-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-Bord ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) jindika li, għall-pajjiżi żviluppati, dan se jkun jeħtieġ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ bejn il-25 u l-40% sal-2020 u ta’ bejn it-80 u l-95% sal-2050. Il-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu kapaċi jiksbu l-miri tagħhom tat-tnaqqis parzjalment permezz tal-azzjoni domestika u parzjalment billi jużaw il-krediti li ġejjin mit-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, kif muri fl-Istampa nru 1.

L-istampa nru 1: L-emissjonijiet tal-pajjiżi żviluppati

[pic]

Il-mira globali tal-pajjiżi żviluppati trid tkun imqassma b’tali mod li tkun ġusta u li tiżgura li l-isforzi jkunu jistgħu jitqabblu. Il-parametri li ġejjin huma meqjusin bħala parametri ewlenin:

- Il-PGD għal kull ras: dan jirrifletti l-kapaċità li jsir il-ħlas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi u li jinxtraw il-krediti li ġejjin mit-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

- L-emissjonijiet tal-GHGs għal kull unità tal-PGD: dawn jagħtu idea tal-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi tal-GHGs;

- Ix-xejra tal-emissjonijiet tal-GHGs bejn l-1990 u l-2005: b’hekk tingħaraf azzjoni domestika bikrija sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

- Ix-xejriet fil-popolazzjoni matul il-perjodu mill-1990 sal-2005: filwaqt li titqies ir-rabta bejn id-daqs tal-popolazzjoni u l-emissjonijiet totali tal-GHGs.

Is-sena ta’ bażi aċċettata fi Kjoto, l-1990, għandha tintuża bħala l-punt ta’ referenza storiku meta jkunu qed jiġu deċiżi aktar kontributi għall-isforz għat-tnaqqis dinji tal-emissjonijiet wara l-2012. Fl-2020, l-isforz totali għall-grupp tal-pajjiżi żviluppati għandu jkun ta’ 30% inqas mil-livelli tal-1990. Huma u jiġu deċiżi l-miri tal-emissjonijiet tal-pajjiżi individwali għall-ġejjieni, jistgħu jintużaw snin iktar riċenti sabiex jittieħed vantaġġ mill-istatistika iktar preċiża, kif għamlet l-UE fil-pakkett tagħha dwar il-Klima u l-Enerġija li fih intużat is-sena 2005. Madanakollu, dan ma għandux jintuża sabiex jitnaqqsu l-isforzi favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

L-impenji li jorbtu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ma għandhomx ikunu llimitati biss għall-pajjiżi li għandhom miri skont il-Protokoll ta' Kjoto. Il-ftehim ta’ Kopenħagen għandu jistabbilixxi mpenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal tal-anqas il-pajjiżi kollha mniżżlin fl-Anness I tal-UNFCCC, il-pajjiżi kollha membri tal-OECD u l-Istati Membri attwali kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li huma kandidati potenzjali tal-UE.

Huma u jiġu stabbiliti l-miri għal wara l-2012, iridu jitqiesu l-ammonti żejda possibbli tad-drittijiet tal-emissjonijiet ta’ qabel l-2012 sabiex jiġi żgurat li, wara l-2012, tintlaħaq il-mira ta’ 30% permezz ta’ tnaqqis ta’ veru. Bl-istess mod, ir-regoli dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija ma għandhomx idgħajfu l-integrità ambjentali tal-mira ta’ 30%. Għandhom jittejbu l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tat-tnaqqis kif ukoll l-analiżi reċiproka regolari tal-politiki dwar il-klima.

3.2. Azzjoni sabiex jitrażżnu l-emissjonijiet dejjem jiżdiedu tal-GHGs fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

Qed jidher dejjem iktar ċar li t-tibdil fil-klima se jkollu l-impatti l-iktar serji fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi bħall-għargħar, in-nixfa u t-tneħħija tal-foresti. Għalhekk, għalkemm il-pajjiżi żviluppati għandhom ikomplu jkunu minn ta' quddiem nett fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, b'mod partikulari fil-ġejjieni immedjat, huwa fl-interess tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jagħtu kontribut għall-għan ta’ 2°C huma wkoll.

Madanakollu, l-emissjonijiet tal-GHGs fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla u jekk mhux se jiġu indirizzati, se jegħlbu l-isforzi tal-pajjiżi żviluppati biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-GHGs. Sabiex jintlaħaq l-għan ta’ 2°C, rapport xjentifiku maħruġ dan l-aħħar juri li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jkollhom jillimitaw, bħala grupp, iż-żieda fl-emissjonijiet tagħhom tal-GHGs permezz ta' azzjonijiet xierqa nazzjonali għal 15 sa 30% inqas mill-ammont ta’ referenza sal-2020. Dawn l-istimi jħallu barra l-impatt tat-tnaqqis li jirriżulta fit-trasferiment tal-krediti tal-karbonju għall-pajjiżi żviluppati kif muri fl-Istampa nru 2. Azzjonijiet xierqa għandhom jinkludu t-tnaqqis ta’ malajr tal-emissjonijiet mit-tneħħija tal-foresti tropikali. Sal-2020, it-tneħħija grossa tal-foresti tropikali għandha titnaqqas b’mill-inqas 50% meta mqabbla mal-livelli attwali u sal-2030, għandu jitwaqqaf it-tnaqqir globali tal-foresti.

Iċ-ċirkustanzi u l-istadji ta’ żvilupp differenti nazzjonali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġu azzjonijiet u livelli ta’ ambizzjoni ddifferenzjati. Dawn jistgħu jinkisbu billi wieħed jibni fuq l-istrateġiji nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Matul il-ftit snin li għaddew, għadd ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, fosthom iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t'Isfel u l-Brażil, fasslu strateġiji nazzjonali ta’ mitigazzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp. Matul din is-sena, dawn il-pajjiżi u ekonomiji oħrajn li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament għandhom jaġġornaw l-istrateġiji tagħhom u juru l-livell globali ta’ ambizzjoni tagħhom sal-2020.

Taħt il-ftehim ta’ Kopenħagen, il-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw, ħlief għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (il-PAŻ) għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw strateġiji għall-iżvilupp li juża ftit karbonju sa tmiem is-sena 2011. Dawn l-istrateġiji għandhom jistabbilixxu mogħdija kredibbli sabiex jiġu llimitati l-emissjonijiet tal-pajjiż permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali xierqa ta’ mitigazzjoni li jkopru l-oqsma emittenti kollha ewlenin, b'mod speċjali l-qasam tal-enerġija, l-industriji tat-trasport u dawk ewlenin li jużaw ħafna enerġija, u fejn hu rilevanti, l-foresti u l-agrikultura. L-istrateġiji għandhom jidentifikaw l-appoġġ meħtieġ sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet proposti li jwasslu għal spejjeż dejjem jiżdiedu li ma jistax isostnihom il-pajjiż innifsu. Strateġiji għall-iżvilupp li juża ftit karbonju li jkunu b’saħħithom u li jkunu jistgħu jiġu vverifikati għandhom ikunu prerekwiżit għall-aċċess għall-appoġġ internazzjonali għall-azzjoni ta’ mitigazzjoni. Minbarra l-finanzjament, se jkun meħtieġ jitrawwem il-bini tal-kapaċità f’ħafna mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex dawn ikunu jistgħu jħejju u jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp li juża ftit karbonju.

L-istampa nru 2: L-emissjonijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

[pic]

Sabiex ikun żgurat livell għoli biżżejjed ta’ ambizzjoni, it-taħditiet dwar l-istrateġiji konkreti, il-proposti għall-azzjoni u l-appoġġ għandhom ikunu marbutin ma’ analiżi teknika indipendenti u megħjuna minnha. L-approċċi settorjali jistgħu jintużaw bħala għodda fl-analiżi u fl-iżvilupp tal-għażliet tal-mitigazzjoni, filwaqt li jitqies it-tagħrif tekniku mis-settur privat. Mekkaniżmu ġdid ta’ faċilitazzjoni għall-appoġġ għall-mitigazzjoni għandu jipprovdi pjattaforma sabiex l-azzjoni proposta tkun ibbilanċjata b’mekkaniżmi xierqa ta’ appoġġ bilaterali u multilaterali, bbażati fuq valutazzjoni teknika. Dan għandu jivvaluta wkoll jekk il-livell globali ta’ ambizzjoni li jfittex li jilħaq il-pjan huwiex konformi mal-kapaċità tal-pajjiż li jieħu azzjoni u huwiex xieraq sabiex jinkiseb it-tnaqqis globali tal-emissjonijiet meta mqabbel mal-ammont ta’ referenza tal-grupp tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Fejn meħtieġ, dan għandu jistħarreġ dwar l-għażliet sabiex jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni.

L-azzjoni tal-pajjiż li qed jiżviluppa għandha tiddaħħal f’reġistru internazzjonali. Dan ir-reġistru għandu jelenka l-azzjoni mittieħda u juri l-benefiċċji tal-mitigazzjoni, filwaqt li juża metodi ta’ kejl, ta’ rrappurtar u ta’ verifika trasparenti u b’saħħithom. Il-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima se tanalizza l-isforzi tal-mitigazzjoni li jirriżultaw tal-grupp tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħala grupp sħiħ u tista’ tiddeċiedi li titlob lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw isaħħu l-isforzi tagħhom tal-mitigazzjoni u lill-pajjiżi żviluppati biex iżidu l-appoġġ tagħhom.

3.3. Nindirizzaw l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, mit-trasport marittimu u mill-gassijiet iffluworinati

L-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu

L-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu huma sors kbir ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra, sors li qed jikber b’mod mgħaġġel, iżda s’issa dawn tħallew barra mill-qafas internazzjonali tat-tibdil fil-klima u l-Kummissjoni temmen li l-emissjonijiet minn dawn l-oqsma għandhom jiġu inklużi fih.

Bħala parti mill-ftehim ta' Kopenħagen, l-UNFCCC għandha tistabbilixxi miri sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ dawn l-oqsma fuq il-klima għal livell li jkun inqas minn dawk tal-2005 sal-2020, u għal livell li jkun ferm inqas mil-livelli tal-1990 sal-2050. Minħabba n-natura dinjija tal-avjazzjoni internazzjonali u tat-trasport marittimu, għandhom jittieħdu miżuri dinjin sabiex jiġi indirizzat l-impatt tagħhom fuq il-klima. L-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' dawn it-tip ta’ miżuri dinjin sa tmiem l-2010. Miżuri bbażati fuq is-suq, inkluż l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, jistgħu jiżguraw tnaqqis tal-emissjonijiet li jkun effettiv f’termini tan-nefqa. L-azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet għandha tqis l-impatt negattiv nett possibbli fuq ir-reġjuni iżolati, il-gżejjer imbegħdin u l-PAŻ. Jekk sa tmiem l-2010 ma jkun hemm l-ebda ftehim fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO), l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu se jingħaddu mal-ammont totali nazzjonali skont il-ftehim ta’ Kopenħagen, li se jiżgura azzjoni li tista’ titqabbel min-naħa tal-pajjiżi żviluppati kollha.

L-UE inkludiet l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni fis-sistema tagħha tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport marittimu, attwalment qed jiġu eżaminati diversi miżuri bbażati fuq is-suq. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim dwar regoli effettivi dinjin sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHGs minn dan il-qasam, l-UE għandha tiftiehem dwar il-miżuri tagħha stess.

Nindirizzaw il-gassijiet iffluworinati

It-tneħħija gradwali mgħaġġla tal-HCFCs matul l-għaxar snin li ġejjin skont il-Protokoll ta’ Montreal tista’ twassal għal żieda mgħaġġla fl-emissjonijiet tal-HFC, li ħafna minnhom huma GHGs qawwija ħafna. Parti mill-ftehim ta’ Kopenħagen għandu jinkludi arranġament internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-HFC. Dan se jħeġġeġ lill-industrija biex iżżid ir-riċerka intensifikata dwar l-HFCs b’potenzjal baxx ta’ tisħin dinji u dwar alternattivi li ma jkunux jinkludu l-HFC, u biex iżżid l-iżvilupp tagħhom.

4. Il-finanzjament tal-iżvilupp li juża ftit karbonju u tal-adattament

Il-ftehim komprensiv ta’ Kopenħagen għandu jissejjes fuq riżorsi finanzjarji adegwati li jippermettu li jiġi implimentat. Il-ftehim ta’ Kopenħagen għandu jiżgura li l-għanijiet dwar it-tibdil fil-klima jinkisbu b'mod effettiv f’termini tan-nefqa, b’mod speċjali fil-qagħda ekonomika attwali. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li suq dinji effettiv tal-karbonju jista’ jnaqqas l-ispejjeż bil-kbir fil-pajjiżi żviluppati u f’dawk li qegħdin jiżviluppaw, iżda jeħtieġ li jiżdiedu, jingħataw direzzjoni ġdida u jittejbu kemm jista’ jkun b’mod sinifikanti l-finanzi u l-investiment. L-istruttura finanzjarja internazzjonali biex jiġu appoġġati l-isforzi biex jiġi ttrattat it-tibdil fil-klima trid issegwi l-prinċipji ta’ tmexxija soda li tkabbar kemm jista’ jkun l-effettività, l-adegwatezza, l-effiċjenza, l-ugwalità, ir-responsabbilità, il-koerenza u l-prevedibbiltà. Il-prijoritajiet tal-infiq fil-kuntest tal-ftehim ta’ Kopenħagen għandhom jiffukaw fuq azzjoni effettiva ta’ mitigazzjoni permezz ta’ inċentivi bbażati fuq ir-rendiment u fuq l-adattament fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Is-sorsi potenzjali tal-finanzjament jinkludu, per eżempju, il-finanzjament min-naħa tal-pubbliku u tal-privat, u l-użu ta’ sussidji u ta’ self mogħtija skont l-isforzi internazzjonali, bilaterali u multilaterali. Il-kontribuzzjonijiet tal-UE se jkunu kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-istrumenti finanzjarji u l-istituzzjonijiet sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima għandhom ikunu koerenti u għandhom jikkumplimentaw il-korpi internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji eżistenti u għandhom iqisu d-dibattitu attwali dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

4.1. Il-finanzjament tat-tnaqqis tal-emissjonijiet

Il-finanzjament dinji

L-investiment sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet dinjin għandu jiżdied minn sena għall-oħra. Riċerka li saret dan l-aħħar miċ-ĊKR u minn istituti indipendenti oħrajn stmat l-investimenti globali netti dejjem jiżdiedu għal madwar 175 biljun Euro sal-2020. Huwa stmat li aktar minn nofs dan l-ammont se jkollu jiġi investit fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, inkluż fil-qasam tal-forestrija. L-investiment f’oqsma bħall-effiċjenza tal-enerġija u t-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju se jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir u se jtejbu l-iffrankar tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija. L-investiment fi tneħħija mnaqqsa tal-foresti se jħares il-bijodiversità dinjija u jiżgura żvilupp sostenibbli lokali fit-tul. Dan għandu jitqies ukoll fil-kuntest tal-ispejjeż tan-nuqqas ta’ azzjoni (bejn 5 u 20% tal-PGD dinji skont ir-rapport "Stern").

Il-finanzjament fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

L-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp li juża ftit karbonju se jkollhom jipprovdu stima tal-ispejjeż netti addizzjonali tal-investiment għall-mitigazzjoni u l-għażliet vijabbli tal-politika ta’ mitigazzjoni u finanzjament sabiex jiġu xprunati t-tali investimenti.

Għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jeżistu s-sorsi ta’ finanzjament li ġejjin:

- Sorsi domestiċi: Sal-2020, ħafna mill-azzjonijiet identifikati fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp li juża ftit karbonju għandhom spejjeż baxxi li jiżdiedu jewinkella saħansitra joħolqu benefiċċju nett fit-terminu medju taż-żmien, iżda jeħtieġu investiment bil-quddiem. Per eżempju, huwa stmat li aktar minn nofs it-tnaqqis fil-qasam tal-enerġija jista’ jseħħ permezz ta’ miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija. Il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri se jkollu jiġi primarjament mis-settur privat u mill-familji, u l-politiki tal-gvern jistgħu jixprunaw dawn il-finanzi. Dan se jwassal għal investiment domestiku sostanzjali u se jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku li jkun sikur fl-enerġija. Il-programmi ta’ self internazzjonali wkoll jistgħu jgħinu sabiex jintuża l-kapital privat internazzjonali.

- Sorsi esterni: L-istrateġiji għall-iżvilupp li juża ftit karbonju se jkollhom jidentifikaw azzjoni ta’ mitigazzjoni li tmur lil hinn mill-għażliet ta’ benefiċċju nett fit-terminu qasir taż-żmien / li ma tiswiex wisq u li teħtieġ finanzjament li jmur lil hinn mill-kapaċitajiet domestiċi tal-pajjiż rispettiv li qiegħed jiżviluppa. L-appoġġ għall-ispejjeż dejjem jiżdiedu tat-tali investiment għandu jiġi mill-firxa kollha tas-sorsi u tal-mekkaniżmi innovattivi tal-finanzjament, inklużi l-fondi pubbliċi u l-mekkaniżmi internazzjonali għall-ikkreditar tal-karbonju. Huwa stmat li dawn il-mekkaniżmi ta’ kkreditar jistgħu jipprovdu terz jew iktar tal-investimenti addizzjonali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

4.2. Nindirizzaw u niffinanzjaw l-adattament għat-tibdil fil-klima li ma jistax jiġi evitat

Il-ftehim ta’ Kopenħagen għandu jipprovdi qafas għal azzjoni dwar l-adattament li għandu jinkludi dawn l-elementi:

– Il-ħtieġa li kulħadd jadatta ruħu : Għandu jkun ipprovdut appoġġ lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli u lill-ifqar nies għal dan il-għan. Huwa biss billi wieħed jantiċipa effetti negattivi potenzjali kmieni biżżejjed u billi wieħed jadatta skont dan li tista’ tiġi evitata ħsara li tiswa ħafna flus.

– Impenn sabiex l-adattament ikun integrat b’mod sistematiku fl-istrateġiji nazzjonali : Dan għandu jkun responsabbiltà maqsuma kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

– It-titjib tal-għodod sabiex jiġu ddefiniti u implimentati l-istrateġiji ta’ adattament , inklużi l-metodoloġiji u t-teknoloġiji għall-adattament, il-bini tal-kapaċità u rwol imsaħħaħ għall-proċess tal-UNFCCC billi jinġabru flimkien il-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jkun żgurat approċċ iktar ikkoordinat għall-ġestjoni tar-riskji / għat-tnaqqis tar-riskju ta’ xi diżastru.

Sabiex tinġabar flimkien l-esperjenza, l-UE għandha tirrakkomanda li jitwaqqaf bord tekniku dwar l-adattament taħt l-UNFCCC. Il-pajjiżi kollha għandhom ikunu meħtieġa jfasslu abbozz ta’ strateġiji komprensivi nazzjonali għall-adattament. Politiki effettivi tal-adattament se jkollhom imorru lil hinn mill-bżonnijiet urġenti u immedjati tal-adattament. Għandu jkun hemm bidla mill-approċċi bbażati fuq il-proġetti għal integrazzjoni strateġika fit-tul fl-istrateġija usa’ tal-ippjanar u l-iżvilupp ta’ pajjiż. L-esperjenza miksuba f’dan ir-rigward permezz tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima (il-GCCA) se tkun utli. Għandu jkun ipprovdut appoġġ finanzjarju u teknoloġiku lill-pajjiżi l-iktar vulnerabbli, b’mod partikulari lill-PAŻ u lill-Istati li huma gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw.

L-ispejjeż tal-bini tal-kapaċità u tal-azzjoni prijoritarja fil-pajjiżi l-iktar vulnerabbli jistgħu jkunu koperti, fil-parti l-kbira tagħhom, mill-Fond eżistenti għall-Adattament. Iżda għalkemm l-istimi tal-ispejjeż addizzjonali tal-adattament ivarjaw ferm, il-Fond għall-Adattament mhux se jkun biżżejjed biex jappoġġa l-adattament fil-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw. Għalhekk se jkollhom jintużaw sorsi innovattivi tal-finanzjament sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-adattament. Bl-istess mod bħall-mitigazzjoni, l-għażliet tal-finanzjament għandhom ikunu mfasslin skont l-investiment reali. Is-Segretarjat tal-UNFCCC stima li, fl-2030, l-ispejjeż tal-adattament fil-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jvarjaw minn 23 sa 54 biljun Euro fis-sena. Għadd kbir ta' miżuri bikrin se joħolqu saħansitra benefiċċju nett għall-ekonomija, bħal, per eżempju, l-miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma f’żoni li jsofru minn nuqqasijiet tal-ilma. Għandha tiġi mistħarrġa riżerva multilaterali ta’ poloz tal-assigurazzjoni sabiex jiġi kopert it-telf minħabba d-diżastri sabiex tikkumplimenta l-mekkaniżmi eżistenti ta’ finanzjament f’każ ta’ diżastri naturali li għandhom x’jaqsmu mal-klima. Il-Kummissjoni Ewropea diġà hija involuta fit-tnedija ta’ dawn it-tipi ta’ skemi.

4.3. Il-finanzjament tar-riċerka dinjija, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-wiri

Għandha tingħata spinta kbira lir-riċerka, lill-iżvilupp u lill-wiri tat-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju u tal-adattament fl-oqsma u fl-attivitajiet ekonomiċi kollha. Din għandha tibni fuq il-ħtiġijiet identifikati fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp li juża ftit karbonju u fil-valutazzjonijiet imwettqin mill-Mekkaniżmu ta’ faċilitazzjoni għall-appoġġ għall-mitigazzjoni, u tista’ tinkludi l-bini tal-kapaċità, il-kooperazzjoni mmirata lejn ix-xjenza u t-teknoloġija, it-tnaqqis tax-xkiel għall-aċċess għas-suq għal prodotti u servizzi ambjentali u l-koordinazzjoni mtejba tar-riċerka dinjija.

Għal dawn l-attivitajiet kollha, se jkun meħtieġ finanzjament pubbliku addizzjonali. Huwa mixtieq li, mad-dinja kollha, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-wiri (ir-RŻ&W) li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija jiġu mill-inqas irduppjati sal-2012 u jiżdiedu b’erba’ darbiet mil-livell attwali sal-2020, b’bidla sinifikanti fl-enfasi favur it-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju, b’mod speċjali s-sorsi tal-enerġija li tista’ tiġġedded. Bl-istess mod, fil-livell internazzjonali għandha tissaħħaħ ir-riċerka dwar l-impatti, l-adattament u l-għażliet l-oħrajn tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Impenn biex dan iseħħ għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Kopenħagen. Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-Istati Membri sabiex tippromwovi, b’mod koerenti, fis-setturi kollha l-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija għar-riċerka kollha li għandha x'taqsam mal-klima, inklużi t-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju.

Sabiex jitgħaġġel l-iżvilupp tat-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju u li huma stateġikament importanti, u tingħata spinta biex dawn jibdew jintużaw, l-UE qed timplimenta l-Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (il-Pjan SET). L-UE qed tippjana li toħloq ukoll waħda mill-ewwel Komunitajiet tagħha tal-għarfien u l-innovazzjoni dwar il-mitigazzjoni tal-klima u l-adattament għaliha bħala parti mill-Istitut Ewropew tal-innovazzjoni u t-teknoloġija (l-IET), f’konformità mal-għanijiet usa’ tal-politika tar-RŻ&W tal-UE. Taħt l-ETS riveduta tal-UE, 300 miljun kwota qed jitwarrbu sabiex jgħinu biex jiġu stimulati l-bini ta’ impjanti tal-wiri tal-qbid u l-ħżin ġeoloġiku tal-karbonju, kif ukoll it-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija li tista' tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħejji Komunikazzjoni dwar il-finanzjament tat-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju.

Fl-aħħar nett, iridu jsiru aktar sforzi, inkluż permezz tal-edukazzjoni fil-forom kollha tagħha, sabiex jitjieb il-fehim dwar l-evoluzzjoni tal-klima u l-impatti tagħha fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-ekosistemi.

4.4. Sorsi ta’ finanzjament internazzjonali innovattivi

Il-pajjiżi żviluppati se jagħtu kontribut permezz tal-fondi pubbliċi u permezz tal-użu ta' mekkaniżmi għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-kontributi finanzjarji pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jitqabblu u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju li min iniġġes irid iħallas u fuq il-ħila ekonomika ta’ kull pajjiż. L-iskala tal-kontributi għandha tkun innegozjata u għandha tifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Kopenħagen.

Ġew identifikati żewġ għażliet prinċipali sabiex jinħoloq finanzjament innovattiv. L-ewwel għażla tiddeċiedi dwar l-impenn finanzjarju ta’ kull sena tal-pajjiżi żviluppati abbażi ta’ formola miftehma. Din it-tip ta’ formola tista’ tissejjes fuq kombinazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes irid iħallas (jiġifieri l-ammont totali ta’ emissjonijiet li jistgħu jsiru) u l-ħila tal-pajjiż li jħallas (jiġifieri l-PGD għal kull ras). Fit-tieni għażla, minn kull pajjiż żviluppat jitwarrab ċertu perċentwal tal-emissjonijiet li jistgħu jsiru. Imbagħad, dawn il-kwoti tal-emissjonijiet jinbiegħu b’irkant lill-gvernijiet fil-livell internazzjonali. Dan il-perċentwal jista’ kulma jmur jiżdied f'konformità mad-dħul għal kull ras.

L-ewwel għażla tipprovdi ċertezza dwar l-ammont totali ta’ fondi mwegħdin. Il-pajjiżi jistgħu jiġbru l-kontributi finanzjarji b’mod individwali, u jonfquhom b’mod iddeċentralizzat billi jużaw il-mezzi bilaterali u multilaterali kollha li jeżistu. Madanakollu, dan ikun jeħtieġ sistema b’saħħitha u trasparenti tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-fondi pubbliċi addizzjonali għall-azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-klima. Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-impenji tal-finanzjament, lill-pajjiżi li ma jipprovdux l-ammont miftiehem jista’ jinżammilhom għadd korrispondenti ta’ drittijiet tal-emissjonijiet. It-tieni għażla mhux bil-fors toħloq livelli prevedibbli tal-finanzjament minħabba li l-gvernijiet jistgħu jużaw ukoll il-krediti tal-karbonju mill-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif minflok. Din se tkun teħtieġ ukoll struttura ċċentralizzata ta’ tmexxija fil-livell tan-NU sabiex jiġi organizzat il-proċess tal-bejgħ b'irkant, sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-infiq u sabiex jitqassmu sew il-fondi għall-mitigazzjoni u għall-adattament.

Għall-UE, se jinħoloq dħul pubbliku addizzjonali sinifikanti mill-bejgħ b’irkant tal-kwoti fl-ETS tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jużaw xi wħud minn dan id-dħul sabiex jirrispettaw l-obbligi finanzjarji internazzjonali tagħhom skont il-ftehim dwar it-tibdil fil-klima tal-ġejjieni taħt iż-żewġ għażliet.

Iż-żewġ strumenti jistgħu jingħaqdu ma’ finanzjament li jista’ jiġi minn strument dinji biex jiġu indirizzati l-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu (per eż. d-dħul mill-bejgħ b’irkant tal-kwoti skont sistema dinjija ta’ limiti massimi u skambji li tapplika għal dawk l-oqsma).

Għandu jiġi mistħarreġ kif il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ħlief għall-PAŻ u għall-Istati li huma gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw (is-SIDS), jistgħu jagħtu kontribut li dejjem jiżdied biż-żmien, f’konformità mal-kapaċità finanzjarja tagħhom.

4.5. Il-finanzjament ta’ azzjoni bikrija

Fis-snin eżatt ta’ wara li jintlaħaq ftehim ġdid, il-bini tal-kapaċità sabiex ikun żgurat li tkun żviluppata l-kapaċità istituzzjonali sabiex jinġabru flimkien it-tnaqqis u l-adattament effiċjenti se jkollu importanza kbira.

Azzjoni bikrija tgħin biex l-adattament u l-bidla għal ekonomija li tuża ftit karbonju jitwettqu bla xkiel. L-UE għandha tistħarreġ il-possibbiltà li jiġi żviluppat mekkaniżmu ta’ forniment bil-quddiem sabiex jingħataw fondi sostanzjali ta’ malajr lill-ifqar pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Din se tkun inizjattiva li tgħaqqad fil-perjodu ta’ bidla bejn l-2010 u l-implimentazzjoni sħiħa tal-istruttura finanzjarja l-ġdida li dwarha għandu jintlaħaq ftehim f’Kopenħagen. Ibbażat fuq il-ħruġ ta’ bonds, il-Mekkaniżmu dinji għall-finanzjament tal-klima (il-GCFM) se jippermetti l-infiq bikri għal azzjonijiet prijoritarji li għandhom x’jaqsmu mal-klima. Dawn il-fondi se jippermettu, b’mod partikulari, li jkun hemm reazzjoni immedjata għall-ħtiġijiet urġenti tal-adattament li jagħtu dħul għoli bħat-tnaqqis tar-riskju ta’ xi diżastru. Parti mill-fondi miġburin jistgħu jappoġġaw ukoll attivitajiet tal-mitigazzjoni, b’mod partikulari dawk li joħolqu sinerġiji bejn il-mitigazzjoni u l-adattament bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tneħħija tal-foresti. Il-GFCM jimmira li jiġor madwar biljun Euro fis-sena fil-perjodu mill-2010 sal-2014, dejjem jekk l-Istati Membri jwiegħdu ammonti xierqa.

4.6. It-tmexxija tal-flussi internazzjonali finanzjarji għat-tibdil fil-klima

Minħabba li aktarx ikun hemm għadd ta’ sorsi ta’ finanzjament għall-adattament, se jkun meħtieġ li jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni. Forum ta' livell għoli dwar il-finanzjament internazzjonali tal-klima għandu jiġbor flimkien lin-nies ewlenin li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u f’dak privat u fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Huwa se janalizza b’mod regolari d-disponibbiltà u l-infiq tal-fondi u jipprovdi rakkomandazzjonijiet għat-titjib. Dan il-forum għandu jaħdem mill-qrib mal-Mekkaniżmi ta’ faċilitazzjoni għall-appoġġ għall-mitigazzjoni.

5. Il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-GHGs u ż-żieda fid-dħul f'suq dinji tal-karbonju

5.1. Is-sistemi domestiċi ta’ limiti massimi u skambji

Is-sistemi domestiċi ta’ limiti massimi u skambji huma wieħed mill-istrumenti l-iktar promettenti li jistgħu jużaw il-pajjiżi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-GHGs, b’mod partikulari f’oqsma b’emittenti pjuttost kbar. Il-limiti massimi fuq l-emissjonijiet jiżguraw li dawn is-sistemi huma effettivi għall-ambjent, u l-flessibbiltà mogħtija mill-iskambju tal-kwoti tagħmilhom effiċjenti f’termini tan-nefqa. Is-swieq domestiċi tal-karbonju jistgħu u għandhom ikunu marbutin flimkien sabiex jibnu suq dinji effettiv, u b’hekk titnaqqas l-ispiża tal-mitigazzjoni. Il-ftehim ta’ Kopenħagen jista’ jappoġġa s-suq emerġenti tal-karbonju billi jiġu stabbiliti miri dinjin u għal kull pajjiż.

L-UE għandha l-esperjenza ta’ “min jagħmel l-ewwel pass” fit-twaqqif tal-ETS tal-UE bħala l-ikbar sistema ta’ limiti massimi u skambji fid-dinja. L-interess f’din is-sistema qed jiżdied b’rata mgħaġġla f’għadd ta’ pajjiżi żviluppati oħrajn. Fl-istess waqt li għaddejjin in-negozjati tan-NU, l-UE għandha tippromwovi l-ħolqien ta’ suq b’saħħtu tal-karbonju fil-pajjiżi kollha tal-OECD sal-2015, li sal-2020 għandu jitwessa’ wkoll għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament.

Bħala pass importanti biex jintlaħaq dan il-għan, l-UE għandha taħdem b’mod attiv mal-amministrazzjoni l-ġdida u mal-leġiżlaturi l-ġodda tal-Istati Uniti tal-Amerika. Il-President Obama diġà wera li beħsiebu jistabbilixxi sistema Amerikana qawwija ta’ limiti massimi u skambji. Il-Kummissjoni se tfittex li twaqqaf grupp ta' ħidma t'esperti mill-UE u mill-Amerika dwar id-disinn tas-swieq tal-karbonju. Proċessi bilaterali simili għandhom jitwaqqfu ma’ pajjiżi żviluppati oħrajn u ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament.

Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw se jkollhom jagħtu kontributi dejjem ikbar għall-isforzi dinjin tal-mitigazzjoni u għalhekk għandhom, biż-żmien, jadottaw u jimplimentaw sistemi domestiċi ta’ limiti massimi u skambji li jistgħu jixprunaw azzjoni effiċjenti tagħhom stess. L-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma interessati biex jiksbu l-esperjenza fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, b’mod partikulari sabiex iwaqqfu strutturi sodi ta’ tmexxija u istituzzjonijiet domestiċi b’saħħithom u sabiex tissaħħaħ ħilithom li jimmonitorjaw l-emissjonijiet u jirrappurtaw dwarhom. F’dan il-kuntest għandhom jiġu kkonsultati l-partijiet interessati mis-settur privat u l-partijiet interessati l-oħra.

5.2. It-titjib tal-mekkaniżmi ta’ kumpens ibbażati fuq in-NU

Il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (is-CDM) tal-Protokoll ta’ Kjoto ippermetta lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jieħdu sehem fis-suq tal-karbonju. Attwalment, huwa mfassal bħala mekkaniżmu ta’ kumpens ibbażat fuq il-proġetti li fih il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jistgħu jbiegħu l-krediti li jirrappreżentaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub minn proġett speċifiku. Dawn il-krediti mbagħad jistgħu jinxtraw minn pajjiż żviluppat sabiex dan ikun konformi mal-mira nazzjonali tiegħu ta’ tnaqqis. Il-proġetti tas-CDM jipprovdu finanzjament għat-teknoloġiji n-nodfa u jibnu l-kapaċità għall-politiki dwar il-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Sabiex ikun żgurat li ħafna mit-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-UE jitwettaq b’mod domestiku, u sabiex titjieb l-integrità ambjentali, l-ETS tal-UE tillimita l-użu tal-krediti tas-CDM abbażi ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi. Fil-kuntest tal-UNFCCC, is-CDM għandha tiġi rriformata, hekk li jingħataw krediti biss dawk il-proġetti li jwasslu għal tnaqqis addizzjonali ta’ veru u li jmorru lil hinn mill-għażliet li ma jiswewx wisq. Barra minn hekk, għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma avvanzati u għas-setturi ekonomiċi li huma kompetittivi ferm, is-CDM ibbażat fuq il-proġetti għandu jitneħħa b’mod gradwali sabiex tinbeda l-mixja lejn mekkaniżmu għall-ikkreditar tas-suq tal-karbonju li jkun settorjali. Dawn it-tipi ta’ mekkaniżmi jistgħu jkunu għodda effiċjenti sabiex iħeġġu l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji li jużaw ftit karbonju fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u sabiex iwittu t-triq għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ limiti massimi u skambji. Sabiex tiżgura bidla koerenti, l-UE għandha tfittex li ssib bażi komuni mal-Istati Uniti tal-Amerika u ma’ pajjiżi oħra li jkunu qed jimplimentaw sistemi ta’ limiti massimi u skambji u li jkunu qed joħolqu d-domanda għall-krediti ta’ kumpens b’mod ikkoordinat.

6. Il-ftehim ta’ Kopenħagen, bażi għall-politiki fit-tul

L-UE għandha timmira li tiżgura li l-ftehim ta’ Kopenħagen iqiegħed il-pedamenti għal qafas internazzjonali fit-tul li jżid l-ambizzjoni globali u li jżid il-kontributi kemm tal-pajjiżi żviluppati kif ukoll ta’ dawk li qegħdin jiżviluppaw, immexxi mill-għarfien xjentifiku. Għaldaqstant, analiżi perjodika tal-progress globali u tal-adegwatezza tal-impenji u tal-azzjoni għandha tifforma parti integali mill-ftehim, inkluża analiżi komprensiva fl-2016. Abbażi ta’ dan, l-għan dinji għandu jkun ivvalutat mill-ġdid u għandhom ikunu stabbiliti impenji, azzjonijiet u flussi finanzjarji oħrajn għat-terminu medju taż-żmien f’konformità mal-aħħar sejbiet xjentifiċi. Jekk, fil-kuntest ta’ analiżi komprensiva tal-ftehim ta' Kopenħagen fl-2016, l-isforzi tal-mitigazzjoni tal-pajjiżi żviluppati u ta’ dawk li qegħdin jiżviluppaw flimkien ma jkunux biżżejjed, il-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima għandha tistabbilixxi livelli nazzjonali ġodda ta’ ambizzjoni għall-perjodu ta’ impenji ta’ wara.

7. Il-passi li jmiss u l-konklużjonijiet

Matul ix-xhur li ġejjin, l-UE se jkollha tiġbor flimkien ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex tiżgura djalogu u kooperazzjoni intensivi mal-pajjiżi terzi. Waħda mill-isfidi ewlenin għan-negozjati tal-2009 se tkun li jkun żgurat sforz adegwat u li jista’ jitqabbel min-naħa tal-pajjiżi żviluppati, flimkien ma’ kontribut li jagħmel sens min-naħa tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bl-appoġġ tal-pajjiżi żviluppati. Dan huwa essenzjali sabiex tinkiseb effettività ambjentali globali u sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-kompetittività. Il-kuntatti bilaterali fi ħdan il-proċess tal-UNFCCC, il-laqgħat li jmiss tal-G8, is-segwitu tal-proċess tal-ekonomiji l-kbar u t-taħditiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi terzi ewlenin għandhom jistħarrġu l-kontributi konkreti għall-ftehim ta’ Kopenħagen kemm min-naħa tal-pajjiżi żviluppati kif ukoll min-naħa tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ir-riżultat ta’ dawn it-taħditiet għandu jippermetti lill-pajjiżi żviluppati biex jimpenjaw irwieħhom li jilħqu miri ambizzjużi biżżejjed ta’ tnaqqis f’Kopenħagen u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament biex jipproponu strateġiji ambizzjużi għall-iżvilupp li juża ftit karbonju, jewinkella azzjoni li tagħmel sens li tkun tifforma parti minn dawn l-istrateġiji. It-tiswir tal-kontribut tal-UE għal dawn il-proċessi wkoll għandu jiġi mitħaddet fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2009.

Bħala konklużjoni, qed ikun propost li l-UE għandha:

1. Tistqarr mill-ġdid id-determinazzjoni tagħha li tasal għal ftehim internazzjonali komprensiv u ambizzjuż f’Kopenħagen f’Diċembru 2009;

2. Taħdem ma’ pajjiżi żviluppati oħrajn bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar sett ta’ miri għat-tnaqqis tal-GHGs, li jkunu żgurati sforzi li jkunu jistgħu jitqabblu, ibbażati fuq il-kriterji mogħtija f’din il-Komunikazzjoni, sabiex b’mod kollettiv, naslu għal tnaqqis ta’ 30% tal-emissjonijiet fl-2020 meta mqabbel mal-1990.

3. Taħdem mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-iktar ma’ dawk li huma iktar avvanzati ekonomikament, sabiex dawn jieħdu azzjonijiet xierqa li sal-2020, b’mod kollettiv, iwasslu għal devjazzjoni ta’ 15 sa 30% inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess;

4. Tagħraf li, sabiex wieħed iżomm il-livell taħt iż-2°C, se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-adattament, iżda li dan sejjer jistimula wkoll l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku u se jwassal għal żvilupp sostenibbli fit-tul. Tiddikjara r-rieda tagħha li tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali biex tappoġġa l-azzjonijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikulari ta’ dawk li huma l-iktar vulnerabbli u dawk li huma l-ifqar, per eżempju permezz tal-Mekkaniżmu dinji għall-finanzjament tal-klima.

5. Tipproponi li tidħol fi sħubijiet bilaterali mal-Istati Uniti tal-Amerika u ma' pajjiżi żviluppati oħrajn sabiex tinqasam l-esperjenza dwar id-disinn ta’ sistemi domestiċi tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u sabiex ikun iffaċilitat il-ħolqien ta’ suq b’saħħtu tal-karbonju fil-pajjiżi kollha tal-OECD sal-2015. Sal-2020, dan is-suq għandu jitwessa’ wkoll għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li huma iktar avvanzati ekonomikament.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill japprova l-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u jieħu nota tal-gwida mogħtija f'din il-Komunikazzjoni. Hija tinsab lesta li tkompli t-taħditiet fil-Kunsill u li tagħmel il-proposti xierqa kollha.

Top