EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0401(03)

Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

1.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 82/1


LINJI GWIDA KOMUNITARJI DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-ĦARSIEN TA' L-AMBJENT

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 82/01)

WERREJ

1.

Introduzzjoni

1.1.

Il-politika ta' l-għajnuna mill-Istat u l-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa

1.2.

Politika ta' għajnuna mill-Istat u ħarsien ambjentali

1.3.

It-test ta' l-ibbilanċjar u l-applikazzjoni tiegħu fl-għajnuna għall-ħarsien ambjentali

1.3.1.

Pjan ta’ Azzjoni ta' l-Għajnuna mill-Istat: għajnuna anqas u mmirata aħjar, test ta' l-ibbilanċjar għall-evalwazzjoni ta' l-għajnuna

1.3.2.

L-għan ta' interess komuni indirizzat fil-Linji gwida

1.3.3.

Strument xieraq

1.3.4.

L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

1.3.5.

Proporzjonalità ta' l-għajnuna

1.3.6.

L-effetti negattivi ta' l-għajnuna ambjentali għandhom ikunu limitati sabiex il-bilanċ globali jkun wieħed pożittiv

1.4.

L-implimentazzjoni tat-test ta' l-ibbilanċjar: preżunzjonijiet legali u l-ħtieġa għal evalwazzjoni aktar dettaljata

1.5.

Raġunijiet għal miżuri speċifiċi koperti minn dawn il-Linji gwida

1.5.1.

Għajnuna għal impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

1.5.2.

Għajnuna għax-xiri ta' vetturi ġodda għat-trasport li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

1.5.3.

Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji futuri

1.5.4.

Għajnuna għal studji dwar l- ambjent

1.5.5.

Għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

1.5.6.

Għajnuna għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu

1.5.7.

Għajnuna għall-koġenerazzjoni u għajnuna għat-tisħin distrettwali (DH)

1.5.8.

L-għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

1.5.9.

Għajnuna għar-rijabilitazzjoni ta' siti kontaminati

1.5.10.

L-għajnuna għar-rilokazzjoni ta' l-impriżi

1.5.11.

Għajnuna involuta fl-iskemi ta' permessi negozjabbli

1.5.12.

Għajnuna f'forma ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali

2.

Ambitu ta' l-applikazzjoni u definizzjonijiet

2.1.

Ambitu ta' l-applikazzjoni tal-Linji gwida

2.2.

Definizzjonijiet

3.

Kompatibbiltà ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87 (3) tat-Trattat tal-KE

3.1.

Kompatibbiltà ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE

3.1.1.

Għajnuna għal impriżi li jtejbu lil'hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

3.1.2.

Għajnuna għax-xiri ta' vetturi ġodda għat-trasport li jtejbu lil'hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

3.1.3.

Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji futuri

3.1.4.

Għajnuna għal studji dwar l- ambjent

3.1.5.

Għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

3.1.5.1.

Għajnuna għall-investiment

3.1.5.2.

Għajnuna għall-operazzjoni

3.1.6.

Għajnuna għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu

3.1.6.1.

Għajnuna għall-investiment

3.1.6.2.

Għajnuna għall-operazzjoni

3.1.7.

Għajnuna għall-koġenerazzjoni

3.1.7.1.

Għajnuna għall-investiment

3.1.7.2.

Għajnuna għall-operazzjoni

3.1.8.

Għajnuna għat-tisħin distrettwali

3.1.9.

L-għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

3.1.10.

Għajnuna għar-rijabilitazzjoni ta' siti kontaminati

3.1.11.

L-għajnuna għar-rilokazzjoni ta' l-impriżi

3.1.12.

Għajnuna involuta fl-iskemi ta' permessi negozjabbli

3.2.

L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

3.3.

Il-kompatibbiltà ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE

4.

Għajnuna f'forma ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali

5.

Il-Kompatibbiltà ta' l-għajnuna hija suġġetta għal evalwazzjoni dettaljata

5.1.

Miżuri suġġetti għal evalwazzjoni dettaljata

5.2.

Kriterji għall-evalwazzjoni ekonomika ta' każijiet individwali

5.2.1.

Effetti pożittivi ta' l-għajnuna

5.2.1.1.

Eżistenza ta' falliment tas-suq

5.2.1.2.

Strument xieraq

5.2.1.3.

L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

5.2.1.4.

Proporzjonalità ta' l-għajnuna

5.2.2.

Analiżi tat-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

5.2.2.1.

Inċentivi dinamiċi/crowding out

5.2.2.2.

Iż-żamma fil-wiċċ ta' ditti ineffiċjenti

5.2.2.3.

Saħħa fis-suq/imġiba li teskludi

5.2.2.4.

Effetti fuq il-kummerċ u l-post

5.2.3.

Ibbilanċjar u deċiżjonijiet

6.

Akkumulazzjoni

7.

Dispożizzjonijiet finali

7.1.

Rappurtar Annwali

7.2.

It-trasparenza

7.3.

Monitoraġġ u valutazzjoni

7.4.

Miżuri xierqa

7.5.

Applikazzjoni, validità u reviżjoni

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Il-politika ta' l-għajnuna mill-Istat u l-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa

(1)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 sejjaħ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex jaħdmu fuq azzjonijiet sabiex tkun żviluppata politika Ewropea integrata u sostenibbli dwar il-klima u l-enerġija. Il-Kunsill iddikjara li, fost oħrajn: “Meta jitqies li l-produzzjoni u l-użu ta' l-enerġija huma l-għejun ewlenin għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra, tinħtieġ strateġija integrata għall-politika ta' l-enerġija u l-klima sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-integrazzjoni għandha tinkiseb b'appoġġ reċiproku. B'dan il-ħsieb, il-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa (EPE) għandha tfittex it-tliet għanijiet li ġejjin, filwaqt li tirrispetta l-għażla ta' l-Istati Membri ta' taħlit ta' enerġija u sovranità fuq l-għejun ta' l-enerġija primarji u bi spirtu ta' solidarjetà fost l-Istati Membri:

iż-żieda fis-sigurtà tal-provvista;

li tkun żgurata l-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' enerġija bi prezz li jista' jintlaħaq;

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.”

(2)

Bħala stadju ewlieni fil-ħolqien ta' din il-Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa, il-Kunsill Ewropew appoġġja Pjan ta' Azzjoni komprensiv għall-Enerġija għall-perjodu 2007-2009 u stieden b'mod partikolari lill-Kummissjoni sabiex tressaq il-proposti mitluba fil-Pjan ta' Azzjoni malajr kemm jista' jkun. Waħda minn dawn il-proposti tirrigwarda r-reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali.

(3)

Il-Kunsill Ewropew ħa impenn sod u indipendenti għall-UE sabiex jikseb mill-inqas 20 % ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett serra sa l-2020 meta mqabbel ma' l-1990. Saħaq ukoll dwar il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fl-UE sabiex jinkiseb l-għan li jkunu iffrankati 20 % tal-konsum ta' l-enerġija ta' l-UE mqabbla ma' l-antiċipazzjonijiet għas-sena 2020, u approva mira, li torbot, ta' sehem ta' 20 % ta' enerġiji li jiġġeddu f'konsum globali ta' enerġija fl-UE sa l-2020 kif ukoll mira minima, li torbot, ta' 10 % li għandha tinkiseb mill-Istati Membri kollha għas-sehem mill-bijofjuwils fil-konsum globali tal-petrol u d-diżil għat-trasport fl-UE sa l-2020.

(4)

Dawn il-linji gwida l-ġodda jikkostitwixxu wieħed mill-istrumenti sabiex ikun implimentat il-Pjan ta' Azzjoni u l-aspetti ambjentali tal-miri marbuta ma' l-enerġija u t-titbdil fil-klima deċiżi mill-Kunsill Ewropew.

1.2.   Politika ta' għajnuna mill-Istat u ħarsien ambjentali

(5)

Fil-“Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mill-Istat inqas u mmirata aħjar:Roadmap għar-riforma fl-għajnuna mill-Istat 2005-2009” (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat”) il-Kummissjoni innotat li miżuri ta' għajnuna mill-Istati kultant jistgħu jkunu għodod effettivi sabiex jinkisbu għanijiet ta' interess komuni. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista' tikkoreġi fallimenti tas-suq, biex b'hekk ittejjeb il-funzjonament tas-swieq u tkattar il-kompetittività. Tista' tgħin ukoll sabiex ikun promoss l-iżvilupp sostenibbli, irrispettivament mill-korrezzjoni ta' fallimenti tas-suq (2). Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Għajnuna mill-Istat enfisizza wkoll li l-ħarsien ambjentali jista' jipprovdi opportunitajiet għall-innovazzjoni, joħloq swieq ġodda u jkabbar il-kompetittività permezz ta' effiċjenza tar-riżorsi u investimenti ġodda. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista' tikkontribwixxi lejn dawn l-għanijiet, biex b'hekk tkun qed tikkontribwixxi lejn l-għanijiet prinċipali ta' l-Istrateġija ta' Liżbona ta' aktar tkabbir sostenibbli u impjiegi. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni ta’ l-Ambjent tal-Komunità (3) (minn hawn 'il quddiem “is-Sitt Programm ta' Azzjoni ta’ l-Ambjent”) tidentifika l-oqsma ta' prijorità għal azzjonijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent (4).

(6)

L-għan ewlieni tal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ħarsien ambjentali huwa li jkun żgurat li l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat jirriżultaw f'livell ta' ħarsien ambjentali ogħla milli kien ikun hemm mingħajr l-għajnuna, u li jkun żgurat li l-effetti pożittivi ta' l-għajnuna jkunu akbar mill-effetti negattivi tagħha f'termini ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas (minn hawn 'il quddiem “PPP”) stabbilit bl-Artikolu 174 tat-Trattat tal-KE.

(7)

L-attivitajiet ekonomiċi jistgħu joħolqu effetti negattivi fuq l-ambjent partikolarment minħabba t-tniġġis. F'ċerti każijiet in-nuqqas ta' intervenzjoni mill-gvern, l-impriżi jistgħu jevitaw li jħallsu l-ispejjeż kollha tal-ħsara ambjentali li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom. B'riżultat ta' dan, is-suq jonqos mill-allokazzjoni ta' riżorsi b'mod effiċjenti, minħabba li l-effetti esterni (negattivi) tal-produzzjoni ma jiġux ikkunsidrati mill-produttur, iżda jaqgħu fuq is-soċjetà in ġenerali.

(8)

Skond il-prinċipju li min jinkwina jħallas, dawn l-esternalitajiet negattivi jistgħu jkunu indirizzati billi jkun żgurat li min jinkwina jħallas għat-tniġġiż li jagħmel, u dan jimplika l-internalizzazzjoni sħiħa ta' l-ispejjeż ambjentali fuq min iniġġeż. Dan huwa maħsub biex jiżgura li l-ispejjeż privati (li jitħallsu mill-impriża) jirriflettu l-ispejjeż soċjali reali ta' l-attività ekonomika. Għalhekk, implimentazzjoni sħiħa tal-PPP twassal għall-korrezzjoni tal-falliment tas-suq. Il-PPP jista' jkun implimentat billi jiġu stabbiliti standards ambjentali mandatorji jew bi strumenti bbażati fuq is-suq (5). Xi wħud mill-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jinvolvu l-għoti ta' għajnuna mill-Istat lill-impriżi kollha soġġetti għalihom jew lil xi wħud minnhom.

(9)

Għalkemm attwalment hemm limiti għall-applikazzjoni tal-PPP, dan il-falliment fir-regolamentazzjoni m'għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jimponu rekwiżiti għall-ħarsien ambjentali li jmorru lil hinn mil-livell tar-rekwiżiti Komunitarji u li jnaqqsu l-esternalitajiet negattivi sa l-ogħla livell possibbli.

(10)

Sabiex iżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-użu ta' l-għajnuna mill-Istat sabiex joħolqu inċentivi fuq livell individwali sabiex jintlaħaq livell ogħla ta' ħarsien ambjentali minn dak meħtieġ mill-istandards Komunitarji jew biex iżidu l-ħarsien ta' l-ambjent fin-nuqqas ta' standards Komunitarji. Jistgħu jistabbilixxu wkoll standards nazzjonali jew tassazzjoni ambjentali f'livell ogħla minn dak meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew jistgħu jużaw it-tassazzjoni ambjentali biex jimplimentaw il-PPP b'mod unilaterali fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja.

(11)

Il-Kummissjoni tqis bħala meħtieġa r-reviżjoni tal-linji gwida ta' l-għajnuna mill-Istat dwar il-ħarsien ambjentali sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari sabiex tkun żgurata għajnuna immirata aħjar, analiżi ekonomiku aħjar u proċeduri aktar effettivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis neċessarju li jitqiesu l-iżviluppi fil-politika ambjentali u t-teknoloġiji ambjentali u li jkunu aġġustati r-regoli fid-dawl ta' l-esperjenza.

(12)

Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-linji gwida fl-evalwazzjoni ta' l-għajnuna ambjentali, biex b'hekk tkabbar iċ-ċertezza legali u t-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. L-għajnuna għall-ħarsien ambjentali ser tkun primarjament ġustifikata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Dawn il-linji gwida jissostitwixxu l-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (6) li daħlu fis-seħħ fl-2001.

(13)

Linji gwida jingħataw għal żewġ tipi ta' evalwazzjonijiet: evalwazzjoni standard għal miżuri li jinvolvu l-għajnuna taħt ċertu limitu jew għajnuna mogħtija lill-istalazzjonijiet b'ħiliet ta' produzzjoni taħt ċertu limitu (Kapitolu 3) u evalwazzjoni dettaljata għal miħuri li jinvolvu għajnuna 'l fuq minn dak il-limitu u għajnuna mogħtija lill-istallazzjonijiet b'ħiliet ta' produzzjoni 'il fuq minn dak il-limitu kif ukoll għall-għajnuna mogħtija lil impjanti ġodda li jipproduċu enerġija li tiġġedded fejn l-ammont ta' l-għajnuna huwa bbażat fuq kalkolu ta' l-ispejjeż esterni evitati (Kapitolu 5).

(14)

Dawn il-Linji gwida ser japplikaw għall-miżuri kollha notifikati lill-Kummissjoni (sew jekk minħabba li l-miżura mhix koperta minn regolament ta' eżenzjoni ġenerali (minn hawn 'il quddiem “BER” — block exemption regulation), jew obbligu impost minn BER li l-għajnuna tkun notifikata individwalment, u sew minħabba li Stat Membru jiddeċiedi li jinnotifika miżura li setgħet fil-prinċipju tiġi eżentata taħt BER), kif ukoll għall-evalwazzjoni ta' l-għajnuna kollha mhix notifikata wara l-pubblikazzjoni ta' dawn il-Linji gwida.

1.3.   It-test ta' l-ibbilanċjar u l-applikazzjoni tiegħu fl-għajnuna għall-ħarsien ambjentali

1.3.1.   Pjan ta’ Azzjoni ta' l-Għajnuna mill-Istat: għajnuna anqas u mmirata aħjar, test ta' l-ibbilanċjar għall-evalwazzjoni ta' l-għajnuna

(15)

Fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ħabbret li “Sabiex tikkontribwixxi bl-aħjar mod għall-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi kif imnedija mill-ġdid, il-Kummissjoni, fejn rilevanti, se ssaħħaħ l-istrateġija ekonomika tagħha għall-analiżi ta' l-għajnuna mill-Istat. Strateġija ekonomika hija strument maħsuba sabiex tiżgura attenzjoni u timmira aħjar ċerti għajnuna mill-Istat lejn l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona kif imnedija mill-ġdid”.

(16)

Fl-evalwazzjoni ta' jekk miżura ta' għajnuna tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tibbilanċja l-impatt pożittiv tal-miżura ta' għajnuna fil-kisba ta' għan ta' interess komuni kontra l-effetti potenzjalment negattivi tagħha, bħad-distorsjoni tal-kummerċ u l-kompetizzjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, li jibni fuq prattika eżistenti, ifformalizza dan l-eżerċizzju ta' bbilanċjar f'dak li ġie msejjaħ “test ta' l-ibbilanċjar” (7). Dan jopera fi tliet stadji; l-ewwel żewġ passi jindirizzaw l-effetti pożittivi ta' l-għajnuna mill-Istat u t-tielet jindirizza l-effetti negattivi u l-ibbilanċjar li jirriżulta ta' l-effetti pożittivi u negattivi. It-test ta' l-ibbilanċjar huwa strutturat kif ġej:

1)

Il-miżura ta' l-għajnuna hija mmirata lejn għan ta' interess komuni li huwa definit sewwa? (per eżempju, it-tkabbir, ix-xogħol, il-koeżjoni, l-ambjent, is-sigurtà ta' l-enerġija). Fil-kuntest tal-Linji gwida preżenti, l-għan rilevanti ta' interess komuni huwa l-protezzjoni ta' l-ambjent.

2)

L-għajnuna hija mfassla tajjeb sabiex tirriżulta fl-għan ta' interess komuni, fi kliem ieħor, l-għajnuna proposta tindirizza l-falliment tas-suq jew għan ieħor?

a)

L-għajnuna mill-Istat hija strument xieraq ta' politika?

b)

Jeżisti effett ta' inċentiv, jiġifieri l-għajnuna tibdel l-imġiba ta' l-impriżi?

c)

Il-miżura ta' għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri l-istess bidla fl-imġiba tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

3)

Id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati, sabiex il-bilanċ globali jkun pożittiv?

(17)

Dan it-test ta' l-ibbilanċjar huwa applikabbli għat-tfassil ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-evalwazzjoni ta' każijiet.

1.3.2.   L-għan ta' interess komuni indirizzat fil-Linji gwida

(18)

L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2 tat-Trattat ta' l-UE jistipula li l-iżvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-għanijiet fl-Unjoni Ewropea. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-prosperità ekonomika, il-koeżjoni soċjali u livell għoli ta' ħarsien ambjentali. Il-promozzjoni tal-ħarsien ambjentali hija għalhekk għan importanti ta' interess komuni. Flimkien ma' dan, l-Artikolu 6 tat-Trattat tal-KE jsemmi l-ħtieġa li l-ħarsien ambjentali jkun integrat fil-linji kollha ta' politika Komunitarji u l-Artikolu 174(2) tat-Trattat tal-KE jistipula li l-politika ambjentali għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-prekawzjoni, il-prevenzjoni, ir-rettifikazzjoni tat-tniġġis (8) f'ras il-għajn u l-prinċipju li “min iniġġes għandu jħallas”.

(19)

Dawn il-Linji gwida jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' l-għoti ta' għajnuna mill-Istat sabiex ikunu indirizzati il-fallimenti tas-suq li jwasslu għal livell subottimu tal-ħarsien ambjentali.

(20)

L-aktar falliment komuni tas-suq fil-qasam tal-ħarsien ambjentali huwa marbut ma' esternalitajiet negattivi. L-impriżi li jaġixxu fl-interess tagħhom stess m'għandhomx inċentiv biex jikkunsidraw l-esternalitajiet negattivi li jirriżultaw minn produzzjoni la meta jiddeċiedu fuq teknoloġija ta' produzzjoni partikolari, u lanqas meta jiddeċiedu dwar il-livell ta' produzzjoni. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż ta' produzzjoni li huma mħallsa mill-impriża huma inqas mill-ispejjeż li jitħallsu mis-soċjetà. Għalhekk, l-impriżi m'għandhomx inċentiv biex inaqqsu l-livell ta' tniġġiż tagħhom jew biex jieħdu miżuri individwali biex iħarsu l-ambjent.

(21)

Il-gvernijiet li jiffaċċjaw dan il-falliment tas-suq għandhom tendenza li jużaw ir-regolamentazzjoni sabiex jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għall-esternalitajiet negattivi li huma riżultat tal-produzzjoni. Bl-introduzzjoni ta' standards, tassazzjoni, strumenti ekonomiċi u regolamentazzjoni oħra, l-impriżi li jipproduċu t-tniġġis ikollhom iħallsu għad-dannu tat-tniġġis soffert mis-soċjetà skond il-PPP. L-internalizzazzjoni ta' dawn l-esternalitajiet negattivi konsegwentament iżżid l-ispejjeż privati li jitħallsu minn dawk l-impriżi, u għalhekk taffettwa d-dħul tagħhom b'mod negattiv. Barra minn hekk, ladarba l-ħolqien tat-tniġġis mhux mifrux b'mod uniformi fost l-industriji u l-impriżi, l-ispejjeż ta' kwalunkwe regolament li jħares l-ambjent għandhom tendenza jkunu differenzjati, mhux biss bejn l-impriżi, iżda wkoll bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu, barra minn hekk, ikollhom apprezzament differenti tal-ħtieġa li jiddaħħlu miri ambjentali għolja.

(22)

Fl-assenza ta' standards Komunitarji u strumenti bbażati fuq is-suq li jirriflettu bis-sħiħ il-livell tal-PPP (falliment regolatorju), l-Istati Membri għalhekk jistgħu jiddeċiedu li jsegwu, b'mod unilaterali, livell ogħla ta' ħarsien ta' l-ambjent. Dan jista' mbagħad joħloq spejjeż addizzjonali għall-impriżi attivi fit-territorju tagħhom. Għal dik ir-raġuni, flimkien mar-regolamentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-għajnuna mill-Istat bħala inċentiv pożittiv sabiex jinkisbu livelli ogħla ta' ħarsien ambjentali. Dan jista’ jsir b’żewġ manjieri:

inċentivi individwali pożittivi sabiex jitnaqqas it-tniġġis u impatti negattivi oħra fuq l-ambjent: L-ewwelnett, l-Istati Membri jistgħu joħolqu inċentivi pożittivi fuq livell individwali (fil-livell ta' l-impriża) sabiex jeċċedu l-istandards Komunitarji. F'dan il-każ, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna jnaqqas it-tniġġis minħabba li jirċievi l-għajnuna sabiex ibiddel l-imġiba tiegħu, u mhux minħabba li jkollu jħallas għall-prezz ta' dan it-tniġġis. Hawnhekk l-għan ta' l-għajnuna mill-Istat huwa li tindirizza direttament il-falliment tas-suq marbut ma' l-effetti negattivi tat-tniġġis.

inċentivi pożittivi sabiex tiddaħħal regolamentazzjoni ambjentali nazzjonali li teċċedi l-istandards Komunitarji: It-tieni, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regolamentazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-istandards tal-Komunità. Madankollu, dan jista' jwassal għal spejjeż addizzjonali għal ċerti impriżi, u b'hekk jeffettwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż jistgħu ma jirrappreżentawx l-istess piż għall-impriżi kollha meta jitqiesu d-daqs, il-pożizzjoni fis-suq, it-teknoloġija u speċifikazzjonijiet oħra tagħhom. F'dan il-każ, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun neċessarja sabiex jitnaqqas il-piż minn fuq l-impriżi l-aktar effettwati u b'hekk tippermetti lill-Istati Membri jadottaw regolamenti ambjentali nazzjonali li jkunu aktar stretti mill-istandards Komunitarji.

1.3.3.   Strument xieraq

(23)

Hemm rwol għall-intervent tal-gvern sabiex jiżgura ħarsien ambjentali aktar adegwat. Ir-regolamentazzjoni u l-istrument ibbażat fuq is-suq huma l-aktar għodda importanti sabiex jinkisbu l-għanijiet ambjentali. Strumenti moderati, bħall-eco-labels volontarji, u t-tixrid ta' teknoloġiji li jħarsu l-ambjent jista' jkollhom rwol importanti. Madankollu, anke jekk is-sejba tat-taħlita ideali ta' strumenti ta' politika tista' tkun ikkumplikata, l-eżistenza ta' fallimenti tas-suq jew għanijiet politiċi ma tiġġustifikax l-użu ta' l-għajnuna mill-Istat b'mod awtomatiku.

(24)

Skond il-PPP, min iniġġes għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-tniġġis tiegħu, inklużi l-ispejjeż indiretti li terfa' s-soċjetà. Għal dan l-għan, ir-regolamentazzjoni ambjentali tista' tkun strument utli sabiex jiżdied il-piż fuq min iniġġes. Il-ħarsien tal-PPP jiżgura, fit-teorija, li l-falliment tas-suq marbut ma' esternalitajiet negattivi jiġi aġġustat. Konsegwentement, kieku il-PPP kellu jkun implimentat bis-sħiħ, ma jkunx meħtieġ intervent governattiv ulterjuri sabiex jiżgura riżultat effiċjenti fis-suq. Il-PPP jibqa' r-regola ewlenija u l-għajnuna mill-Istat hija fil-fatt it-tieni l-aħjar għażla. L-użu ta' l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-PPP għandu jtaffi l-piż tal-ħlas ta' l-ispejjeż tat-tniġġis minn fuq min iniġġes. Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat tista' ma tkunx strument xieraq f'każijiet bħal dawn.

(25)

Madankollu, partikolarment minħabba n-nuqqas ta' implimentazzjoni sħiħa tal-PPP, il-livell eżistenti ta' ħarsien ambjentali huwa spiss meqjus bħala wieħed mhux sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

a)

l-ewwelnett, l-ispiża esterna ta' l-tniġġiż mhux faċli li tiddeterminaha. Il kalkolu ta' spejjeż addizzjonali għas-soċjetà għat-tipi kollha ta' produzzjonijiet huwa teknikament kumpless, u xi kultant jista' jkun ineffiċjenti li jitqies il-fatt li produtturi differenti għandhom livelli differenti ta' tniġġis jekk l-ispejjeż amministrattivi assoċjati jkunu għoljin ħafna. Sensittivitajiet differenti lejn bidliet fil-prezzijiet tal-konsumatur (elastiċità tal-prezzijiet) għandhom rwol ukoll. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta' l-ispiża ta' l-tniġġiż tista' tvarja bejn individwi u soċjetajiet, skond l-għażliet tas-soċjetà f'dak li jirrigwarda, per eżempju, l-effett ta' politiki kurrenti fuq ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, xi spejjeż huma diffiċli li jiġu espressi mingħajr dubju f'termini ta' flus, bħall-istennija ta' żmien tal-ħajja iqsar jew il-ħsara ambjentali. Għalhekk dejjem ser ikun hemm livell ta' inċertezza involut fil-kalkolu ta' l-ispejjeż tat-tniġġis.

b)

it-tieni, iż-żieda f'daqqa fil-prezz ta' serje ta' prodotti industrijali sabiex tkun internalizzata n-nefqa tat-tniġġis tista' toħloq xokk estern u ġġib tfixkil fl-ekonomija. Il-gvernijiet jistgħu għalhekk iqisu bħala aktar xieraq li jkun hemm progress moderat lejn l-integrazzjoni ta' l-ispiża sħiħa tat-tniġġis f'ċerti proċessi ta' produzzjoni.

(26)

Fil-kuntest ta' livell mhux sodisfaċenti ta' ħarsien ambjentali, għalkemm ma ssolvix il-problemi kollha hawn fuq imsemmija, l-għajnuna mill-Istat tista' tipprovdi inċentivi pożittivi lill-impriżi sabiex iwettqu attivitajiet jew jagħmlu investimenti li m'humiex mandatorji u li altrimenti ma jsirux minn kumpaniji li jfittxu li jagħmlu profitt. B'żieda ma' dan, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun strument xieraq biex jippermetti lill-Istati Membri jadottaw regolament ambjentali nazzjonali li jmur lil'hinn mill-istandards Komunitarji, billi jnaqqas il-piż fuq l-impriżi l-iktar affettwati minn dan ir-Regolament, biex b'hekk jagħmel possibbli r-regolament.

1.3.4.   L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

(27)

L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali għandha twassal lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna biex jibdel l-imġiba tiegħu sabiex il-livell ta' ħarsien ambjentali jkun ogħla milli kieku ma ngħatatx l-għajnuna. Madakollu, investiment li jżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali jistgħu fl-istess ħin iżidu d-dħul (9) u jew inaqqsu l-ispejjeż (10) u għalhekk jistgħu jkunu ekonomikament attraenti. Għallhekk, jeħtieġ li jkun verifikat li l-investiment ikkonċernat ma kienx isir mingħajr għajnuna mill-Istat.

(28)

L-għan huwa li jiġi żgurat li l-impriżi ma jinvolvux irwieħhom, mingħajr l-għajnuna, fl-istess attività minħabba l-benefiċċji intrinsiċi tagħha. L-effett ta' l-inċentiv huwa identifikat permezz ta' analiżi kontrofattwali, bit-tqabbil tal-livelli ta' l-attività intiża bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna. Identifikazzjoni korretta tax-xenarju kontrofattwali hija kruċjali sabiex ikun determinat jekk l-għajnuna mill-Istat għandhiex effett ta' inċentiv jew le. Huwa essenzjali wkoll għall-kalkolu ta' l-investiment jew l-ispejjeż tal-produzzjoni addizzjonali biex jinkiseb il-livell ta' ħarsien ambjentali ogħla.

(29)

L-investimenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-istandards mandatorji Komunitarji. Ladarba fi kwalunkwe każ il-kumpanija jkollha tkun konformi ma' dawn l-istandards, l-għajnuna mill-Istat sabiex jintlaħqu l-istandards mandatorji Komunitarji li diġà huma fis-seħħ ma tistax tkun ġustifikata.

1.3.5.   Proporzjonalità ta' l-għajnuna

(30)

L-għajnuna tkun meqjusa bħala proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx seta' jintlaħaq b'inqas għajnuna. Barra minn hekk, il-proporzjonalità tista' tkun marbuta wkoll mal-grad ta' selettività ta' miżura.

(31)

B'mod partikolari, l-ammont ta' għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb il-ħarsien ambjentali mfittex. Għalhekk, l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna ta' l-investiment huma bbażati fuq l-idea ta' spiża addizzjonali (netta) meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet ambjentali. Dan il-kunċett jimplika li, sabiex jiġi stabbilit kemm tista' tingħata għajnuna, il-benefiċċji ekonomiċi kollha li k-kumpaniji tieħu mill-investiment għandu in prinċipju jitnaqqas mill-ispejjeż addizzjonali ta' investiment.

(32)

Madankollu, huwa diffiċli li jiġu kkalkolati l-benefiċċji ekonomiċi kollha li kumpanija tieħu minn investiment addizzjonali. Pereżempju, skond il-metodolġija għall-kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli stipulati fil-punti 80 sa 84 il-benefiċċji operativi m'humiex ikkunsidrati 'l fuq minn ċertu perjodu inizjali wara l-investiment. Bl-istess mod, ċerti tipi ta' benefiċċji li mhux dejjem jitkejlu faċilment — bħall-“immaġini favur l-ambjent” imsaħħa minn investiment ambjentali — lanqas jiġu kkunsidrati f'dan il-kunstest. B'konsegwenza, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonali l-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna għandha normalment tkun inqas mill-ispejjeż eliġibbli ta' investiment, ara l-Anness. Biss fil-każijiet fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji — sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali — l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibbli għall-investiment. Dan minħabba li taħt dan it-tip ta' ċirkostanzi wieħed jista' jassumi li l-offerti rispettivi jirriflettu l-benefiċċji possibbli kollha li jistgħu joħorġu mill-investiment addizzjonali.

(33)

Barra minn hekk, għal ċerti miżuri, m'huwiex possibbli li jiġi kkalkolat l-ammont ta' għajnuna fuq il-bażi ta' l-ispejjeż addizzjonali; dan huwa l-każ ta' għajnuna fil-forma ta' eżenzjonijiet tat-taxxa ambjentali jew tnaqqis u għajnuna fil-forma ta' skemi ta' permessi negozjabbli. F'dawn il-każi, il-proporzjonalità għandha tkun żgurata permezz ta' kundizzjonijiet u kriterji biex jingħataw l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis li jiżguraw li l-benefiċjarju ma jirċevix vantaġġi eċċessivi, u li s-selettività tal-miżura tkun limitata għal minimu strett.

(34)

L-ispiża tal-kisba ta' ħarsien ambjentali tkun spiss ogħla għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'termini relattivi meta mqabbla mad-daqs ta' l-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-abbiltà ta' l-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju li jagħmlu tajjeb għal dawn l-ispejjeż hija ħafna drabi ristretta minn imperfezzjonijiet tas-suq kapitali. Għal din ir-raġuni, u minħabba r-riskju mnaqqas ta' distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni meta l-benefiċjarju jkun intrapriża zgħira u ta' daqs medju, jista' jkun ġustifikat bonus għall-dawn l-intrapriżi għal xi tipi ta' għajnuna.

(35)

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma inkoraġġiti sabiex jiżguraw l-effettività tan-nefqa fil-kisba tal-benefiċċji ambjentali, per eżempju billi jagħżlu miżuri li għalihom l-ispejjeż esterni evitati jkunu sinifikattivi fir-rabta ma' l-ammont ta' għajnuna. Madankollu, ladarba ma hemm l-ebda rabta diretta bejn l-ispejjeż esterni evitati u l-ispiża merfugħa mill-impriża, spejjeż esterni evitati għandhom jintużaw bħala bażi sabiex ikunu determinati ammonti ta' għajnuna mill-Istat f'każijiet eċċezzjonali biss. Normalment, sabiex ikun żgurat inċentiv adegwat għall-impriża biex din tibdel l-imġiba tagħha, l-ammont ta' għajnuna għandu għalhekk ikun marbut direttament man-nefqa sostnuta mill-impriża.

1.3.6.   L-effetti negattivi ta' l-għajnuna ambjentali għandhom ikunu limitati sabiex il-bilanċ globali jkun wieħed pożittiv

(36)

Jekk l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet ambjentali tkun immirata tajjeb sabiex tibbilanċja biss l-ispejjeż aktar marbuta ma' livell ogħla ta' ħarsien ambjentali, ir-riskju li l-għajnuna tfixkel il-kompetizzjoni jkun normalment limitat sew. Konsegwentement, huwa essenzjali li l-miżuri ta' għajnuna ambjentali mill-Istat ikunu mmirati sewwa. F'każijiet fejn l-għajnuna m'hijiex neċessarja jew proporzjonata biex tikseb l-għan maħsub, hija tfixkel il-kompetizzjoni. Dan, b'mod partikolari, jista' jkun il-każ jekk l-għajnuna twassal għal:

a)

iż-żamma ta' ditti ineffiċjenti;

b)

id-distorsjoni ta' inċentivi dinamiċi/crowding out;

c)

il-ħolqien ta' poter fis-suq jew prattiċi ta' esklużjoni;

d)

it-tibdil artifiċjali tal-kurrenti kummerċjali jew il-post tal-produzzjoni.

(37)

F'ċerti każijiet, l-iskop tal-miżura hija li tintervjeni fil-ħidma tas-suq bil-għan li tiffavorixxi, għall-benefiċċju globali ta' l-ambjent, ċerti produzzjonijiet favur l-ambjent a skapitu ta' oħrajn li jniġġsu iktar. Bħala riżultat ta' dan it-tip ta' miżuri, il-produtturi tal-prodotti iktar favur l-ambjent ikkonċernati jkunu jistgħu jtejbu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq meta mqabbla ma' kompetituri li joffru prodotti inqas favur l-ambjent. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tikkunsidra l-effett ambjentali globali tal-miżura meta tħares lejn l-impatt negattiv tagħha fuq il-pożizzjoni fis-suq, u għalhekk tal-profitti, ta' kumpaniji li ma jirċevux għajnuna. Anqas ma jkun l-effett ambjentali mistenni tal-miżura in kwistjoni, aktar tkun importanti l-verifika ta' l-effett tagħha fuq ishma fis-suq u profitti tat-teknoloġiji li jikkompetu.

1.4.   L-implimentazzjoni tat-test ta' l-ibbilanċjar: preżunzjonijiet legali u l-ħtieġa għal evalwazzjoni aktar dettaljata

(38)

Mingħajr ħsara għall-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (11), il-preżunzjonijiet legali applikati mill-Kummissjoni jvarjaw skond it-tip ta' miżura ta' l-għajnuna mill-Istat notifikata.

(39)

Fil-Kapitolu 3 ta' dawn il-Linji gwida, il-Kummissjoni identifikat serje ta' miżuri li fir-rigward tagħhom tikkunsidra a priori li l-għajnuna mill-Istat ser tindirizza falliment tas-suq li jkun qed ifixkel il-ħarsien ambjentali jew ittejjeb il-livell tal-ħarsien ambjentali. Il-Kummissjoni tistipula wkoll serje ta' kundizzjonijiet u parametri, li huma maħsuba sabiex jassiguraw li l-għajnuna mill-Istat jkollha fil-fatt effett ta' inċentiv, tkun proporzjonata u jkollha impatt negattiv limitat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. It-tielet Kapitolu għalhekk għandu parametri fir-rigward ta' l-attività megħjuna, intensitajiet ta' l-għajnuna u kundizzjonijiet marbuta mal-kompatibbiltà.

(40)

Madankollu, għal ammonti ta' għajnuna 'l fuq minn ċerti limiti kif ukoll għal xi sitwazzjonijiet speċifiċi, huwa meħtieġa skrutinju addizzjonali, minħabba riskji ogħla ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-iskrutinju addizzjonali għandu ġeneralment jikkonsisti f'analiżi fattwali oħra aktar dettaljata tal-miżura skond il-Kapitolu 5. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ddikjarati kompatibbli jekk it-test ta' l-ibbilanċjar skond il-Kapitolu 5 jirriżulta f'evalwazzjoni globali pożittiva. Fil-kuntest ta' din l-analiżi, ebda kriterji ta' kompatibbiltà ma jkunu preżunti sodisfatti mill-bidu. L-eżenzjoni mit-taxxa u tnaqqis mit-taxxi ambjentali jkunu suġġetti biss għall-valutazzjoni stipulata fil-Kapitolu 4 (12) biss.

(41)

Bħala riżultat ta' din l-evalwazzjoni dettaljata, il-Kummissjoni tista' tapprova l-għajnuna, tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq komuni jew tieħu deċiżjoni ta' kompatibbiltà soġġetta għal kundizzjonijiet.

1.5.   Raġunijiet għal miżuri speċifiċi koperti minn dawn il-Linji gwida

(42)

Il-Kummissjoni identifikat serje ta' miżuri li għalihom l-għajnuna mill-Istat tista', taħt kundizzjonijiet speċifiċi, tkun kompatibbli ma' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

1.5.1.   Għajnuna għal impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

(43)

Din it-tip ta' għajnuna tipprovdi inċentivi individwali lil kumpaniji sabiex jiksbu ħarsien ambjentali ogħla. Normalment, impriża ma jkollhiex inċentiv sabiex tmur lil hinn minn standards mandatorji jekk l-ispiża biex tagħmel dan taqbeż il-benefiċċju għall-impriża. F'każijiet bħal dawn tista' tingħata għajnuna mill-Istat biex tagħti inċentiv lil impriżi sabiex itejbu l-ħarsien ambjentali. Skond l-għan Komunitarju li tissaħħaħ l-eko-innovazzjoni, jista' jkun aċċettat trattament aktar favorevoli għal proġetti ta' eko-innovazzjoni li jindirizzaw il-falliment doppju tas-suq marbut ma' riskji ogħla ta' innovazzjoni, flimkien ma' l-aspett ambjentali tal-proġett. L-għajnuna għal eko-innovazzjoni għalhekk għandha l-għan li taċċellera t-tixrid fis-suq ta' eko-innovazzjonijiet.

1.5.2.   Għajnuna għax-xiri ta' vetturi ġodda għat-trasport li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

(44)

It-trasport huwa responsabbli għal sehem kbir mill-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett serra (madwar 30 %), kif ukoll għat-tniġġis lokali bi trabijiet, partikuli, NOx u SOx. Għalhekk, huwa importanti li jiġu nkoraġġiti modi nodfa tat-trasport, kemm biex tiġi missielta l-bidla fil-klima globali kif ukoll sabiex it-tniġġis lokali jiġi mnaqqas, b'mod partikolari fl-ibliet. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jiġi inkoraġġit l-akkwist ta' vetturi tat-trasport nodfa (inklużi bastimenti nodfa).

1.5.3.   Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji futuri

(45)

Dawn il-Linji gwida ma jawtorizzawx għajnuna sabiex l-impriżi jiġu megħjuna jikkonformaw ma' standards Komunitarji li diġà jinsabu fis-seħħ, għaliex għajnuna bħal din ma twassalx għal livell ta' ħarsien ambjentali ogħla. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat tista' tiżgura implimentazzjoni ħafna aktar mgħaġġla ta' standards Komunitarji li għadhom kif ġew adottati u li għadhom ma daħlux fis-seħħ u b'hekk tikkontribwixxi sabiex jitnaqqas it-tniġġis b'pass aktar mgħaġġel milli kieku kien ikun il-każ mingħajr l-għajnuna. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-għajnuna mill-Istat tista' għalhekk toħloq inċentivi individwali għall-impriżi sabiex jikkontrobilanċjaw l-effetti ta' l-esternalitajiet negattivi marbuta ma' l-tniġġiż.

1.5.4.   Għajnuna għal studji dwar l- ambjent

(46)

L-għajnuna għal kumpaniji għal studji dwar investimenti mmirati li jmorru lil hinn mil-livell ta' ħarsien ambjentali mill-istandards Komunitarji jew li jżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji kif ukoll studji dwar l-ekonomija fuq l-enerġija, u l-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded tindirizza l-falliment tas-suq marbut ma' informazzjoni assimetrika. Spiss impriżi jissottovalutaw il-possibilitajiet u benefiċċji relatati ma' l-ekonomija ta' l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded li jwassal għal investiment baxx.

1.5.5.   Għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

(47)

Din it-tip ta' għajnuna tindirizza l-falliment tas-suq marbut ma' esternalitajiet negattivi billi toħloq inċentivi individwali sabiex jinkisbu miri ambjentali għall-konservazzjoni ta' enerġija u għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett serra. Fil-livell Komunitarju, fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew — Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa (13) ġie stabbilit l-għan li l-gassijiet b'effett serra jitnaqqsu b'mill-inqas 20 % sa' l-2020 meta mqabbla ma' l-1990, kif approvat mill-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw u jimmiraw li jiksbu l-mira globali nazzjonali ta' konservazzjoni indikattiva ta' enerġija ta' 9 % fuq disa' snin skond id-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta' l-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (14).. L-għajnuna mill-Istat tista' tkun xierqa fejn l-investimenti li jirriżultaw mill-konservazzjoni ta' l-enerġija ma jkunux obbligatorji skond l-istandards Komunitarji applikabbli, u fejn ma jkunux vijabbli, jiġifieri fejn l-ispiża tal-konservazzjoni ta' l-enerġija tkun ogħla mill-benefiċċju ekonomiku privat relatat. Fil-każ ta' intrapriżi zgħar u ta' daqs medju, appoġġ aktar favorevoli jista' jkun meħtieġ sabiex jitqies il-fatt li dawk l-intrapriżi spiss jagħmlu stima baxxa tal-benefiċċji marbuta mal-konservazzjoni ta' l-enerġija fuq meded ta' żmien twil, li twassal għal investiment baxx f'miżuri ta' konservazzjoni ta' l-enerġija mill-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju.

1.5.6.   Għajnuna għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu

(48)

Din it-tip ta' għajnuna tindirizza l-falliment tas-suq marbut ma' esternalitajiet negattivi billi toħloq inċentivi individwali sabiex tkabbar is-sehem ta' riżorsi ta' enerġija li jiġġeddu fil-produzzjoni totali ta' enerġija. Aktar użu ta' sorsi ta' enerġija li tiġġedded hija waħda mill-prioritajiet ambjentali tal-Komunità kif ukoll priorità ekonomika u relatata ma' l-enerġija. Dan huwa mistenni jwettaq rwol importanti sabiex jintlaħqu l-miri marbuta mat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra. Fil-livell Komunitarju, fil-Komunikazzjoni mil-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew — Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa, ġie stabbilit l-għan li l-enerġija li tiġġedded tkun tilħaq 20 % tal-konsum globali ta' l-enerġija ta' l-UE sa l-2020. L-għajnuna mill-Istat tista' tkun ġustifikata jekk l-ispiża tal-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded tkun ogħla mill-ispiża ta' produzzjoni bbażata fuq sorsi inqas favur l-ambjent u jekk ma jkun hemm l-ebda standard Komunitarju mandatorju dwar is-sehem ta' enerġija minn għejun li jiġġeddu għall-impriżi individwali. L-ispiża għalja tal-produzzjoni ta' ċerti tipi ta' enerġija li tiġġedded ma tippermettix lill-impriżi li jżommu prezzijiet kompetittivi fis-suq u b'hekk toħloq ostaklu għall-aċċess għas-suq ta' l-enerġija li tiġġedded. Madankollu, minħabba żviluppi teknoloġiċi fil-qasam ta' l-enerġija li tiġġedded u l-internalizzazzjoni ta' l-esternalitajiet ambjentali li qed tikber bil-mod il-mod (li tirriżulta, per eżempju, mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar il-kontroll u l-prevenzjoni integrat tat-tniġġiż (15), il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità ta' l-arja u l-iskema ta' l-iskambju ta' l-emissjonijiet), id-differenza fil-prezz uriet tendenza ta' tnaqqis fl-aħħar snin, biex b'hekk naqqset il-ħtieġa għall-għajnuna.

(49)

Barra minn hekk, kif enfasizzat fir-Rapport tal-Progress tal-Bijofjuwil (16), il-promozzjoni tal-bijofjuwil għandha tkun ta' benefiċċju kemm għas-sigurtà tal-provvista u kif ukoll għall-politika dwar it-tibdil tal-klima b'mod sostenibbli. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun strument xieraq biss għal dawk l-użi ta' għejun ta' enerġija li jiġġeddu meta l-benefiċċju ambjentali u s-sostenibbiltà jkunu evidenti. B'mod iktar partikolari, il-biofjuwils li ma jissodisfawx il-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu (17) m'humiex ser ikunu ikkunsidrarti bħala eliġibbli għal għajnuna mill-Istat. Meta jkunu qed jfasslu s-sistemi ta' appoġġ tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu l-użu ta' biofjuwils li jagħtu vantaġġi addizzjonali — inkluż il-vantaġġi ta' diversifikazzjoni offruti minn biofjuwils prodotti mill-iskart, ir-residwi, il-materjal ta' oriġini ċellulosika u ligno-ċellulosika — billi jikkonsidraw kif xieraq l-ispejjeż differenti tal-produzzjoni ta' l-enerġija minn biofjuwils tradizzjonali fuq naħa waħda u ta' dawn il-biofjuwils li jagħtu vantaġġi addizzjonali fuq in-naħa l-oħra.

(50)

F'dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija mill-ilma ta' min jinnota li l-impatt ambjentali tagħhom jista' jkun doppju. F'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra ta' livell baxx jipprovdu ħafna potenzjal. Għalhekk, jista' jkollhom rwol importanti fit-taħlita globali ta' enerġija. Min-naħa l-oħra, installazzjonijiet ta' dan it-tip għandhom ukoll impatt negattiv, pereżempju fuq sistemi ta' l-ilma u l-bijodiversità (18).

1.5.7.   Għajnuna għall-koġenerazzjoni u għajnuna għat-tisħin distrettwali (DH)

(51)

Dawn it-tipi ta' għajnuna jindirizzaw il-falliment tas-suq marbut ma' esternalitajiet negattivi billi joħolqu inċentivi individwali sabiex jintlaħqu miri ambjentali fil-qasam tal-konservazzjoni ta' l-enerġija. Il-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku (minn hawn 'il quddiem “CHP”) huwa l-mod l-iktar effiċjenti ta' produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin. Bil-produzzjoni ta' l-elettriċiku u s-sħana flimkien, tinħela inqas enerġija fil-produzzjoni. L-istrateġija tal-Komunità deskritta fl-istrateġija tal-Kummissjoni għall-koġenerazzjoni ta' l-1997 tistabbilixxi mira globali indikattiva sabiex tirdoppja s-sehem ta' produzzjoni elettrika mill-koġenerazzjoni għal 18 % sa l-2010. Minn dakinhar l-importanza tas-CHP fl-istrateġija ta' l-enerġija ta' l-UE ġiet enfasizzata bl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta' kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern ta' l-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (19) u b'kapitolu dwar il-koġenerazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Effiċjenza ta' l-Enerġija. Nutilizzaw il-Potenzjal (20). Dan id-dokument jindika wkoll il-potenzjal tas-sħana mill-iskart, pereżempju minn industrija jew utilitajiet, għal applikazzjonijiet utli, pereżempju fit-tisħin distrettwali (minn hawn 'il quddiem “DH”). Barra minn hekk, id-DH jista' jkollu effiċjenza ta' enerġija ogħla mit-tisħin individwali u jista' jipprovdi titjib sinifikanti fil-kwalità ta' l-arja urbana. Għalhekk, jekk kemm-il darba jintwera li d-DH iniġġes inqas u huwa aktar effiċjenti fil-proċess ta' ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni tas-sħana iżda jiswa aktar mit-tisħin individwali, l-għajnuna mill-Istat tista' tingħata bil-ħsieb li tagħti inċentivi sabiex jinkisbu miri ambjentali. Madankollu, bħal fil-każ ta' l-enerġiji li jiġġeddu, l-internalizzazzjoni progressiva ta' l-esternalitajiet ambjentali fl-ispejjeż ta' teknoloġiji oħra jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu l-ħtieġa għall-għajnuna billi jwasslu għal konverġenza gradwali ta' dawn l-ispejjeż ma' dawk tas-CHP u d-DH.

1.5.8.   L-għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

(52)

Dan it-tip ta' għajnuna jfittex li jagħti inċentivi individwali sabiex jintlaħqu miri ambjentali marbuta ma' l-immaniġġjar ta' l-iskart (21). Is-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jidentifika l-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta' l-iskart bħala waħda mill-erba' prioritajiet ewlenin. L-għan ewlieni tagħha hu li tifred il-ħolqien ta' l-iskart mill-attività ekonomika, biex b'hekk it-tkabbir fl-UE ma jwassalx għal aktar u aktar skart. F'dan il-kuntest, l-għajnuna mill-Istat tista' tingħata lill-produttur ta' l-iskart (taħt it-taqsima 3.1.1) kif ukoll lill-impriżi li jimmaniġġjaw jew jirriċiklaw l-iskart iġġenerat minn impriżi oħra (taħt it-taqsima 3.1.9). Madankollu, l-effetti pożittivi fuq l-ambjent għandhom jiġu assigurati, il-PPP m'għandux jiġi maqbuż u m'għandux ikun hemm distorsjoni għall-operazzjoni normali tas-swieq ta' materjali sekondarji.

1.5.9.   Għajnuna għar-rijabilitazzjoni ta' siti kontaminati

(53)

Dan it-tip ta' għajnuna huwa maħsub joħloq inċentiv individwali sabiex jagħmel tajjeb għall-effetti ta' esternalitajiet negattivi, fejn ma jkunx possibbli li min iniġġes jiġi identifikat u mġiegħel iħallas sabiex isewwi l-ħsara ambjentali li jkun ikkawża. F'każijiet bħal dawn, l-għajnuna mill-Istat tista' tkun ġustifikata jekk l-ispiża tar-rijabilitazzjoni tkun ogħla miż-żieda li tirriżulta fil-valur tas-sit.

1.5.10.   L-għajnuna għar-rilokazzjoni ta' l-impriżi

(54)

Dan it-tip ta' investiment għandu l-għan li joħloq inċentivi individwali sabiex inaqqas esternalitajiet negattivi permezz tar-rilokazzjoni ta' impriżi li joħolqu tniġġis kbir lejn żoni fejn tali tniġġis jagħmel inqas ħsara, li tnaqqas l-ispejjeż esterni. F'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni, dawn il-Linji gwida jintroduċu l-possibbiltà ta' l-għoti ta' għajnuna għar-rilokazzjoni ta' stabbilimenti ta' riskju kbir skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikoluż (22) (minn hawn 'il quddiem id-“Direttiva Seveso II”). Inċidenti fl-imgħoddi wrew li l-lokazzjoni ta' stabbiliment kopert mid-Direttiva Seveso II hija ta' importanza kruċjali kemm f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni kif ukoll il-limitazzjoni tal-konsegwenzi ta' inċidenti fuq persuni u l-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista' għalhekk tkun ġustifikata jekk ir-rilokazzjoni issir għal raġunijiet ambjentali. Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna ma tingħatax għal rikolazzjoni għal skopijiet oħra, hija meħtieġa deċiżjoni amministrativa jew legali ta' awtorità pubblika kompetenti jew ftehim bejn l-awtorità pubblika kompetenti u l-impriżi għal rilokazzjoni tal-kumpanija. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jirriflettu kwalunkwi żvantaġġi li tista' ssofri l-kumpanija minħabba bdil ta' post.

1.5.11.   Għajnuna involuta fl-iskemi ta' permessi negozjabbli

(55)

L-iskemi ta' permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat permezz ta' diversi modi, per eżempju meta l-Istati Membri jagħtu permessi u benefiċċji b'valur li jkun anqas minn dak tas-suq u dan ikun imputabbli lill-Istati Membri. Dan it-tip ta' għajnuna jista' jintuża sabiex jindirizza esternalitajiet negattivi billi tippermetti l-introduzzjoni ta' strumenti bbażati fuq is-suq li jkollhom għanijiet ambjentali. Jekk l-ammont globali ta' permessi mogħtija mill-Istat Membru jkun inqas mill-ħtiġijiet globali mistennija ta' l-impriżi, l-effett globali fuq il-livell ta' ħarsien ta' l-ambjent ikun pożittiv. Fil-livell individwali ta' kull impriża, jekk il-konċessjonijiet mogħtija ma jkoprux it-totalità tal-ħtiġijiet mistennija ta' l-impriża, din għandha jew tnaqqas it-tniġġis tagħha (u b'hekk tikkontribwixxi għat-titjib tal-livell ta' ħarsien ambjentali) jew tixtri konċessjonijiet supplimentari fis-suq u b'hekk tħallas kumpens għat-tniġġis tagħha. Sabiex tkun limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma tista' tkun ġustifikata l-ebda allokazzjoni żejda ta' konċessjonijiet u għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għad-dħul.

(56)

Il-kriterji stipulati fil-punt 55 huma l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta' sitwazzjonijiet li jirriżultaw fil-perjodu ta' skambju li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2012. F'dak li jirrigwarda sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-perjodu ta' skambju wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri skond jekk humiex kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonali. Fl-aħħarnett, din għandha tinfurma r-reviżjoni ta' dawn il-Linji Gwida billi jikkunsidraw, b'mod partikolari, id-Direttiva l-ġdida ta' Sistema għall-Iskambju ta' l-Emissjonijiet CO2 ta' l-UE għall-perjodu ta' skambju wara l-2012.

1.5.12.   Għajnuna f'forma ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali

(57)

It-tnaqqis ta' u eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali li jikkonċernaw ċerti setturi jew kategoriji ta' impriżi jistgħu jagħmlu fattibbli l-adozzjoni ta' taxxi iktar għolja għal impriżi li għalhekk jirriżultaw f'titjib globali ta' internalizzazzjoni ta' spejjeż u joħolqu iktar inċentivi għal titjib dwar ħarsien ambjentali. Għalhekk, dan it-tip ta' għajnuna jista' jkun meħtieġ sabiex jindirizza indirettament esternalitajiet negattivi billi tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni jew iż-żamma ta' tassazzjoni ambjentali nazzjonali relattivament għolja. Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, irid jiġi ppruvat li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis huma meħtieġa għall-kategoriji kollha suġġeriti ta' benefiċjarji u li huma proporzjonali fid-daqs. Wieħed jassumi li dan huwa l-każ jekk il-benefiċjarji jħallsu mill-inqas il-minimu tal-livell ta' taxxa tal-Komunità stipulat mid-Direttiva applikabbli, jekk ikun hemm. Alternattivament, il-ħtieġa tiddependi fuq il-firxa ta' l-impatt tat-taxxa nazzjonali fuq l-ispejjeż ta' produzzjoni kif ukoll fuq il-possibilità li t-taxxa titħallas mill-konsumaturi u tnaqqas il-marġini tal-profitti. Il-proporzjonalità tiddependi fuq kemm il-benefiċjarji jistgħu jnaqqsu iktar il-konsum jew l-emissjoni, iħallsu parti mit-taxxa nazzjonali jew jidħlu fi ftehim ambjentali għat-tnaqqis tat-tniġġis (23).

2.   AMBITU TA' L-APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

2.1.   Ambitu ta' l-applikazzjoni tal-Linji gwida

(58)

Dawn il-Linji gwida japplikaw għall-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali. Dawn għandhom jiġu applikati skond linji oħra ta' politika Komunitarja dwar l-għajnuna mill-Istat, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u leġiżlazzjoni adotta skond dawk it-Trattati.

(59)

Dawn il-Linji gwida japplikaw għal għajnuna (24) sabiex ikun appoġġjat il-ħarsien ambjentali fis-setturi kollha regolati mit-Trattat ta' KE. Japplikaw ukoll għal dawk is-setturi li huma soġġetti għal regoli Komunitarji speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat (ipproċessar ta' azzar, bini ta' bastimenti, vetturi bil-mutur, fibri sintetiċi, trasport, faħam, agrikoltura u sajd) sakemm tali regoli speċifiċi ma jipprovdux mod ieħor.

(60)

Id-disinn u l-manifattura ta' prodotti li jħarsu l-ambjent, magni jew mezzi ta' trasport bil-għan li jitħaddmu b'inqas riżorsi naturali u l-azzjoni meħuda fl-impjanti jew unitajiet oħra ta' produzzjoni bl-għan li tiġi mtejba s-sigurtà jew l-iġjene m'humiex koperti minn dawn il-Linji gwida.

(61)

Għall-agrikoltura u s-sajd, dawn il-Linji gwida japplikaw għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali favur impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti. Għall-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd, jekk l-għajnuna tikkonċerna spejjeż eliġibbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill-(KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (25), ir-rata massima ta' għajnuna permessa hija l-ogħla mill-għajnuna pprovduta f'dawn il-linji gwida u mir-rata ta' għajnuna pprovduta f'dak ir-Regolament. Fil-qasam tal-produzzjoni primarja agrikola, dawn il-linji gwida japplikaw biss għal miżuri li m'humiex diġà regolati mil-Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat fis-settur ta' l-agrikoltura u l-forestrija 2007 sa 2013 (26), u fil-qasam tal-produzzjoni primarja tas-sajd u l-akwakultura dawn japplikaw biss fejn ma jkunx hemm dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għajnuna ambjentali.

(62)

Il-finanzjament ta' miżuri ta' ħarsien ambjentali li jirrigwardaw l-infrastruttura tat-trasport ta' l-ajru, it-toroq, il-linji tal-ferrovija, il-kanali ta' l-ilma interni u t-trasport marrittimu, inkluż kwalunkwe proġett ta' interess komuni kif fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 definit fil-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta' netwerk ta' trasport trans-Ewropew (27) m'huwiex kopert minn dawn il-Linji gwida.

(63)

L-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam ambjentali hi soġġetta għar-regoli stabbiliti fil-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (28). Madankollu, l-istadju tat-tifrix fis-suq ta' l-eko-innovazzjoni (l-akkwist ta' assi ta' l-eko-innovazzjoni) huwa kopert minn dawn il-Linji gwida.

(64)

Il-karatteristiċi ta’ l-għajnuna għall-attivitajiet ta' taħriġ ambjentali ma jiġġustifikawx regoli separati għal dawk dwar attivitajiet ta' taħriġ b'mod ġenerali, u għalhekk il-Kummissjoni għandha teżamina tali għajnuna skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ta’ l-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (29).

(65)

Is-servizzi ta' konsultazzjoni għandhom rwol importanti fl-għajnuna lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju sabiex jagħmlu progress fil-ħarsien ambjentali. B'mod partikolari, jistgħu jintużaw sabiex isiru eco-valutazzjonijiet jew biex issir evalwazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi għall-impriża minn investiment li jħares l-ambjent u b'hekk jingħata inċentiv lill-dawk l-intapriżi zgħar u ta' daqs medju li jassumu l-investiment li jappoġġa l-ħarsien ambjentali. Għajnuna lill-intapriżi zgħar u ta' daqs medju għal servizzi ta' pariri/konsultazzjoni fil-qasam ambjentali tista' tingħata taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (30).

(66)

Dawn il-Linji gwida ma japplikawx għal stranded costs kif definiti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi ta' l-għajnuna mill-Istat marbuta ma' l-istranded costs (31).

(67)

Barra minn hekk, safejn id-dispożizzjonijiet relatati mal-konservazzjoni ta' l-enerġija stipulati fit-taqsima 3.1.5 m'humiex applikabbli, dawn il-Linji gwida ma japplikawx għall-Għajnuna mill-Istat għal investiment f'l-infrastruttura relatata mat-tisħin distrettwali li għandu jkun evalwat skond l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(68)

F'xi Stati Membri, il-kumpaniji jistgħu jkunu suġġetti għal taxxi ambjentali u, fl-istess ħin, jipparteċipaw f'skemi ta' permessi ta' skambju. Il-Kummissjoni għadha ma ġabritx esperjenza suffiċjenti fl-evalwazzjoni tal-kumpatibilità tat-tnaqqis ta' taxxi ambjentali f'sitwazzjonijiet bħal dawn. B'konsegwenza, għadu kmieni biex il-Kummissjoni tipprovdi gwida ġenerali dwarha. Minflok, l-evalwazzjoni ta' kull każ, sakemm jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Tratt tal-KE, issir fuq il-bażi ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(69)

Fl-aħħar nett, uħud mill-mezzi li jsostnu l-impjanti ta' l-enerġija mill-karburanti fossili jew installazzjonijiet industrijali oħra attrezzati bl-iżolament tas-CO2, faċilitajiet ta' trasport u ħżin, jew elementi individwali ta' din il-katina għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju, previsti mill-Istati Membri jistgħu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat iżda, meta titqies in-nuqqas ta' esperjenza, huwa wisq kmieni biex jiġu stipulati linji gwida dwar l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe tali għajnuna. Fid-dawl ta' l-importanza strateġika ta' din it-teknoloġija għall-Kommunità f'termini tas-sigurtà ta' l-enerġija, it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gass bl-effett serra u l-ilħiq ta' l-għan miftiehem għal fuq medda ta' żmien li l-bdil fil-klima jkun limitat għal 2 °C ogħla mil-livelli pre-industrijali u fid = dawl ta' l-appoġġ dikjarat tal-Kummissjoni għall-kostruzzjoni ta' impjanti ta' dimostrazzjoni fuq skala industrijali sa l-2015, sakemm ikunu siguri għall-ambjent u jikkontribwixxu għall-ħarsien ta' l-ambjent, il-Kummissjoni jkollha attitudni ġenerali pożittiva lejn l-Għajnuna mill-Istat għal dan it-tip ta' proġetti (32). Il-proġetti jistgħu jipu evalwati skond l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat KE, jew eliġibbli bħala proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat u punt 147 ta' dawn il Linji Gwida.

2.2.   Definizzjonijiet

(70)

Għall-għan ta' dawn il-Linji Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

ħarsien ambjentali tfisser kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tirrimedja jew twaqqaf ħsara lil ambjenti fiżiċi jew riżorsi naturali mwettqa bl-attivitajiet proprji ta' benefiċjarju, sabiex tnaqqas ir-riskju ta' tali ħsara jew twassal għal użu aktar effiċjenti ta' riżorsi naturali, inklużi miżuri ta' li jiffrankaw l-enerġija u l-użu ta' għejun ta' enerġija li jiġġeddu (33).

2)

miżuri ta' konservazzjoni ta' l-enerġija tfisser azzjoni li tippermetti lil impriżi li jnaqqsu l-ammont ta' enerġija użata b'mod partikolari fiċ-ċiklu ta' produzzjoni tagħhom;

3)

Standard Komunitarju tfisser

i)

standard Komunitarju mandatorju li jistabbilixxi l-livelli li għandhom jintlaħqu minn impriżi individwali f'termini ambjentali (34), u

ii)

l-obbligu skond id-Direttiva 2008/1/KE integrati tat-tniġġis sabiex jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli kif stipulat fl-aktar informazzjoni riċenti ppubblikata mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 17(2) ta' dik id-Direttiva.

4)

eko-innovazzjoni tfisser il-forom kollha ta' attività ta' innovazzjoni li jirriżultaw fi jew huma intiżi biex itejbu l-ħarsien ambjentali b'mod sinifikattiv. L-eko-innovazzjoni tinkludi proċessi ġodda ta' produzzjoni, prodotti jew servizzi ġodda, u metodi ġodda ta' tmexxija u negozju, li l-użu jew l-implimentazzjoni tagħhom huma mistennija jimpedixxu jew inaqqsu b'mod sostanzjali r-riskji għall-ambjent, it-tniġġis u impatti negattivi oħra ta' l-użu ta' riżorsi, tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' attivitajiet relatati.

Dawn li ġejjin m'humiex meqjusa bħala innovazzjonijiet:

i)

tibdil jew titjib żgħir,

ii)

żieda fil-produzzjoni jew ħiliet ta' servizzi permezz taż-żieda ta' sistemi ta' produzzjoni jew loġistika li huma simili ħafna ta' dawk li qed jiġu wżati diġà,

iii)

tibdil fil-pratiki ta' negozju, organizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni li huma bbażaat fuq metodi ta' organizzazzjoni li diġà qed jintużaw fl-impriża,

iv)

tibdil fl-istrateġija ta' ġestjoni,

v)

amalgamazzjonijiet u akkwisti,

vi)

waqfa mill-użu ta' proċess,

vii)

sempliċi tibdil jew estensjoni tal-kapital,

viii)

tibdil li jirriżulta purament minn tibdil fil-prezzijiet tal-fatturi ta' produzzjoni, l-adattament ta' prodott għall-klijentela, it-tibdil regolari staġjonali u tibdil ċikliku ieħor,

ix)

il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ġodda jew imtejba ħafna;

5)

sorsi ta' enerġija li jiġġeddu tfisser is-sorsi ta' enerġija li m'humiex fossili u li jiġġeddu li ġejjin: ir-riħ, l-enerġija solari, l-enerġija ġeotermali, il-mewġ, il-marea, l-installazzjonijiet ta' idro-enerġija, il-biomassa, il-gass mil-landfills, il-gass minn impjanti li jittrattaw l-iskart u il-biogassijiet;

6)

bijomassa tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u ta' l-annimali), il-forestrija u l-industriji li għandhom x'jaqsmu magħhom, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta' l-iskart industrijali u muniċipali;

7)

bijokarburanti tfisser il-karburant likwidu jew gassus tat-trasport prodott mill-biomassa;

8)

biofjuwils sostenibbli tfisser biofjuwils li jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu (35).

9)

produzzjoni minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu tfisser l-enerġija prodotta minn impjanti li jużaw biss sorsi ta' enerġija li jiġġeddu kif ukoll il-proporzjon, f'termini ta' valur kalorifiku ta' l-enerġija, prodotta minn sorsi ta' enerġija li jiġġeddu f'impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta' enerġija konvenzjonali. Tinkludi l-elettriku li jiġġedded użat fil-mili tas-sistemi ta' ħżin, iżda teskludi l-elettriku prodott bħala riżultat ta' sistemi ta' ħżin;

10)

koġenerazzjoni tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termali u elettrika u/jew mekkanika;

11)

koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta' l-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE u li tissodisfa l-valuri armonizzati ta' referenza għall-effiċjenza stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE tal-21 ta' Diċembru 2006 li tistabilixxi valuri armonizzat ta' referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta' elettriku u sħana fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill (36);

12)

tisħin distrettwali tfisser il-provvista ta' sħana, fil-forma ta' fwar jew ilma sħun, minn sors ċentrali ta' produzzjoni permezz ta' sistema ta' trażmissjoni u distribuzzjoni f'diversi immobbli, għal finijiet ta' tisħin;

13)

tisħin distrettwali b'effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tfisser tisħin distrettwali li fir-rigward tal-parti tal-ġenerazzjoni jew jissodisfaw il-kriterji ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew, fil-każ ta' bojlers ta' tisħin biss, jissodisfaw il-valuri ta' referenza għall-produzzjoni tas-sħana separata stipulati fid-Deċiżjoni 2007/74/KE;

14)

taxxa ambjentali tfisser taxxa li l-bażi taxxabbli speċifika għaliha jkollha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi biex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew biex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw aħjar l-ambjent;

15)

livell minimu Komunitarju ta' taxxa tfisser il-livell minimu ta' tassazzjoni pprovdut fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għall-prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku, il-livell minimu Komunitarju ta' taxxa għandu jitqies bħala l-livell minimu ta' tassazzjoni stipulat fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (37).

16)

intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, (minn issa 'l quddiem “SMEs”) intrapriżi żgħar u intrapriżi ta' daqs medju (jew “impriżi”) ifissru dawk l-impriżi li jaqgħu taħt it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 jew kwalunkwe regolament li jissostitwixxih;

17)

intrapriżi kbar u impriżi kbar tfisser impriżi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

18)

għajnuna tfisser kwalunkwe miżura li twettaq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu-87(1) tat-Trattat ta' KE;

19)

intensità ta' l-għajnuna tfisser l-ammont ta' l-għajnuna gross espress bħala perċentwali ta' l-ispejjeż eliġibbli. Iċ-ċifri kollha użati għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi dritt ieħor. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra li ma tkunx għotja, l-ammont ta’ l-għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti f’għotja ta’ l-għajnuna. Għajnuna li titħallas f'diversi pagamenti għandha tiġi kkalkulata fil-valur tagħha fi żmien l-għotja. Ir-rata ta' imgħax li għandha tintuża għal skopijiet ta' skont u għall-kalkolu ta' l-ammont ta' għajnuna f'self b'rata ta' imgħax baxxa għandha tkun ir-rata ta' referenza applikabbli fi żmien l-għotja. L-intensità ta' l-għajnuna hija kkalkulata għal kull benefiċjarju;

20)

il-benefiċċji ta' l-operazzjoni jfissru għall-iskop tal-kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli, b'mod partikolari l-ekonomija ta' l-ispejjeż jew produzzjoni anċillari addizzjonali direttament marbuta ma' l-investiment addizzjonali għall-ħarsien ambjentali u, fejn applikabbli, il-benefiċċji li jiżdiedu minn miżuri oħra ta' appoġġ kemm jekk ikunu Għajnuna mill-Istat u kemm jekk le. (għajnuna għall-operazzjoni li tingħata għall-istess spejjeż eliġibbli, tariffi feed-in jew miżuri oħra ta' appoġġ). B'kuntrast ma' dan, il-profitti li jirriżultaw mill-bejgħ mill-impriża ta' permessi ta' skambju taħt is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ma jistgħux jiġu meqjusa bħala benefiċċji għall-operazzjoni;

21)

spejjeż ta' operazzjoni jfisser għall-iskop tal-kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli, b'mod partikolari l-ispejjeż addizzjonali ta' produzzjoni li jirriżultaw minn investiment barrani għall-ħarsien ta' l-ambjent;

22)

assi tanġibbli jfisser għall-iskop tal-kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli l-investimenti fl-art illi huma strettament meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, l-investimenti fil-bini, fl-impjanti u fit-tagħmir maħsuba sabiex inaqqsu jew jeliminaw it-tniġġis u l-inkonvenjenzi, u l-investimenti sabiex il-metodi ta' produzzjoni jiġu adattati bil-ħsieb li jitħares l-ambjent.

23)

assi intanġibbli jfisser għall-iskop ta' kalkolu ta' spejjeż eliġibbli, infiq fuq it-trasferiment tat-teknoloġija permezz ta' l-akkwist tal-liċenzji għall-operazzjoni jew tan-know-how, kemm jekk soġġetta għal privattiva u kif ukoll jekk m'hijiex, fejn jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

i)

l'assi intanġibbli konċernat għandu jkun meqjus bħala assi illi titlef il-valur,

ii)

għandu jiġi mixtri fuq termini tas-suq, minn impriża illi fiha l-akkwirent ma jkollu l-ebda poter ta' kontroll dirett jew indirett,

iii)

għandu jiġi inkluż fl-assi ta' l-impriża, u jibqa' fl-istabbiliment tad-destinatarju ta' l-għajnuna u jintuża hemmhekk għal ta' l-inqas ħames snin. Din il-kondizzjoni ma tapplikax jekk dan l-attiv intanġibbli jkun teknikament skadut. Jekk jinbiegħ f'dawk il-ħames snin, id-dħul mill-bejgħ għandu jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli u l-ammont sħiħ ta' l-għajnuna jew parti minnu għandhom, fejn hu xieraq, jiġu rimborsati;

24)

l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż tfisser il-prinċipju illi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu inklużi fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-impriżi;

25)

il-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas tfisser li l-ispejjeż ta' miżuri sabiex ikun indirizzat it-tniġġis għandhom ikunu sostnuti minn min iniġġes, għajr fejn il-persuna responsabbli għat-tniġġis ma tkunx tista' tiġi identifikata jew ma tkunx tista' tinstab responsabbli taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali jew ma tkunx tista' tiġi mġiegħla terfa' l-ispejjeż tar-rijabilitazzjoni. It-tniġġis f'dan il-kuntest huwa l-ħsara kkawżata minn min iniġġes billi b'mod dirett jew indirett jagħmel ħsara lill-ambjent, jew billi joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għal din il-ħsara (38), lill-ambjent fiżiku ta' madwarna jew lir-riżorsi naturali.

26)

inkwinatur tfisser xi ħadd li direttament jew indirettament jagħmel ħsara lill-ambjent jew joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għal ħsara bħal din (39).

27)

sit kontaminat tfisser sit fejn ikun hemm preżenza konfermata, ikkawżata mill-bniedem, ta' sustanzi perikolużi ta' tali livell li joħolqu riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent meta jiġi kkunsidrat l-użu approvat ta' l-art fil-preżent u fil-futur.

3.   KOMPATIBBILTÀ TA' L-GĦAJNUNA TAĦT L-ARTIKOLU 87(3) TAT-TRATTAT TAL-KE

3.1.   Kompatibbiltà ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE

(71)

L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, jekk, fuq il-bażi tat-test ta' l-ibbilanċjar, twassal għal aktar attivitajiet ta' ħarsien ambjentali mingħajr ma tfixkel negattivament il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. F'dan il-kuntest, it-tul ta' żmien ta' l-iskemi ta' l-għajnuna għandu jkun soġġett għal termini raġonevoli mingħajr ħsara għall-possibbiltà li Stat Membru jinnotifika mill-ġdid miżura wara li jkun skada t-terminu ta' żmien stipulat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw notifiki ta' l-għajnuna permezz ta' evalwazzjonijiet rigorużi ta' miżuri ta' għajnuna simili fl-imgħoddi li juru l-effett ta' l-għajnuna bħala inċentiv.

(72)

Il-miżuri jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli fil-punti 73 sa 146 taħt l-Artikolu 87(3)(c).

3.1.1.   Għajnuna għal impriżi li jtejbu lil'hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

(73)

Għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-impriżi jtejbu fuq l-istandards Komunitarji jew fuq il-ħarsien ambjentali jew iżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji għandha titqies kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 sa 84 u t-taqsima 3.2.

(74)

L-investiment megħjun għandu jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

L-investiment jippermetti lill-benefiċjarju jżid il-livell ta' ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu permezz billi jeċċedi l-istandards Komunitarji applikabbli, irrispettivament mill-preżenza ta' standards nazzjonali mandatorji li huma aktar stretti mill-istandard Komunitarju, jew

b)

L-investiment jippermetti lill-benefiċjarju jżid il-livell ta' ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu fl-assenza ta' standards Komunitarji.

(75)

L-għajnuna tista' ma tingħatax fejn it-titjib iwassal lill-intrapriżi sabiex jikkonformaw ma' l-istandards Komunitarji diġà adottati u li għadhom m'humiex fis-seħħ (40).

L-intensità ta' l-għajnuna

(76)

L-intensità ta' l-għajnuna ma tistax taqbeż il-50 % ta' l-ispejjeż ta' investiment eliġibbli kif definit fil-punti 80 sa 84.

(77)

Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali li l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibblit għall-investiment kif definit fil-punti 80 sa 84. Proċess ta' offerti ta' dan it-tip għandu jkun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' intrapriżi. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta' l-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

(78)

Fejn l-investiment ikun jirrigwarda l-akkwist ta' assi ta' eko-innovazzjoni jew it-tnedija ta' proġett ta' eko-innovazzjoni, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiġi miżjuda b'għaxar punti perċentwali, kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-assi jew il-proġett ta' eko-innovazzjoni għandha tkun ġdida jew imtejba sostanzjalment meta mqabbla ma' l-aktar stat avvanzat fl-industrija fil-Komunità. L-innovazzjoni, per eżempju, tista' tintwera mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' deskrizzjoni preċiża ta' l-innovazzjoni u tal-kundizzjonijiet tas-suq għall-introduzzjoni jew id-diffużjoni tagħha, li tqabbilha ma' l-aktar proċessi avvanzati jew l-aktar tekniki ta' organizzazzjoni avvanzati ġeneralment użati minn impriżi oħra fl-istess industrija;

b)

il-benefiċċju ambjentali mistenni għandu jkun ogħla, u b'mod sinifikattiv, mit-titjib li jirriżulta mill-evoluzzjoni ġenerali tax-xogħol kurrenti l-aktar avvanzat f'attivitajiet komparabbli (41).

c)

Il-karattru innovattiv ta' dawn l-assi jew proġetti jinvolvi grad ċar ta' riskju, f'termini teknoloġiċi, tas-suq jew finanzjarji, li huwa ogħla mir-riskju ġeneralment assoċjat ma' assi jew proġetti paragunabbli li m'humiex innovattivi. Ir-riskju jista' jintwera mill-Istat Membru, per eżempju, f'termini ta': spejjeż meta relatati mal-fatturat ta' l-intrapriża, iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp, il-benefiċċji mistennija mill-eko-innovazzjoni meta mqabbla ma' l-ispejjeż u l-probabbiltà ta' falliment.

(79)

Fejn l-għajnuna għall-investiment għal impriżi li jtejbu fuq l-istandards Komunitarji jew fuq il-livell ta' ħarsien ambjentali fl-assenza ta' tali standards Komunitarji tkun ser tingħata lil SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'għaxar punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għall-impriżi għal titjib fuq l-istandards Komunitarji jew sabiex il-livell ta' ħarsien ambjentali jogħla fl-assenza ta' standards Komunitarji

minbarra għall-eko-innovazzjoni

Intensità ta' l-għajnuna għall-għajnuna li teċċedi l-istandards Komunitarji jew sabiex il-livell ta' ħarsien ambjentali jogħla fl-assenza ta' standards Komunitarji

fil-qasam ta' l-eko-innovazzjoni

Intrapriżi żgħar

70 %

80 %

Intrapriżi ta' daqs medju

60 %

70 %

Intrapriżi kbar

50 %

60 %

Kalkolu ta' l-ispejjeż eliġibbli — metodoloġija

(80)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż ta' investiment barrani meħtieġ biex jinkiseb livell ogħla ta' ħarsien ambjentali milli meħtieġ mill-istandards Komunitarji u għandhom jiġu kkalkolati f'żewġ fażijiet. L-ewwel, l-ispejjeż ta' l-investiment direttament relatat mal-ħarsien ambjentali jkun stabbilit b'referenza għas-sitwazzjoni kontrofattwali, fejn xieraq. It-tieni, il-benefiċċji ta' operazzjoni jitnaqqsu u l-ispejjeż ta' operazzjoni jipu miżjuda.

(81)

L-identifikazzjoni tal-parti mill-investiment marbuta direttament mal-ħarsien ambjentali:

a)

fejn l-ispiża ta' l-investiment fil-ħarsien ambjentali tista' tkun faċilment identifikata fin-nefqa totali ta' l-investiment, din in-nefqa preċiża marbuta mal-ħarsien ambjentali tikkostitwixxi l-ispejjeż eliġibbli (42).

b)

fil-każijiet l-oħra kolla l-ispejjeż ta' investiment addizzjonali għandhom jiġu stabbiliti b'paragun ta' l-investiment mas-sitwazzjoni kontrofattwali fin-nuqqas ta' Għajnuna mill-Istat. Il-kontrofattwali korretta hija l-ispejjeż ta' investiment teknikament kumparabbli li jipprovdi grad inqas ta' ħarsien ambjentali (ekwivalenti għall-istandards mandatorji tal-Komunità, jekk jeżistu) u dan jitwettaq b'mod kredibbli mingħajr għajnuna (“investiment ta' referenza”). Investiment teknikament kumparabbli jfisser investiment bl-istess ħiliet ta' produzzjoni u l-karatteristiċi tekniċi l-oħra kolla (minbarra dawn direttament relatati ma' l-investiment addizzjonali għall-ħarsien ambjentali). Barra minn hekk, investiment ta' referenza ta' dan it-tip għandu, mill-perspettiva ta' negozju, ikun alternattiva kredibbli għal investiment taħt evalwazzjoni.

(82)

L-identifikazzjoni ta' benefiċċji/spejjeż ta' l-operazzjoni: ħlief fejn speċifkat mod ieħor f'dan il-kapitolu, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala netti minn kwalunkwe benefiċċji u spejjeż ta' l-operazzjoni marbuta ma' l-investiment addizzjonali għall-ħarsien ambjentali u li jirriżultaw fl-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment. Dan ifisser li benefiċċji operazzjonali bħal dawn iridu jitnaqqsu u spejjeż operazzjonali jistgħu jiżdiedu ma' l-ispejjeż żejda ta' investiment.

(83)

L-investiment eliġibbli jista' jieħu l-forma ta' investiment f'assi tanġibbli u/jew intanġibbli.

(84)

Fil-każ ta' investimenti li għandhom l-għan li jiksbu livell ta' ħarsien ambjentali għola minn dak ta' Standards Komunitarji, il-kontrofattwali għandha tiġi magħżula kif ġej:

a)

meta l-impriża tkun qiegħda taddatta għall-istandards nazzjonali adottati fl-assenza ta' standards Komunitarji, l-ispejjeż eliġibbli jikkonsistu fl-ispejjeż ta' l-investiment addizzjonali meħtieġa sabiex jintlaħaq il-livell tal-ħarsien ambjentali meħtieġ mill-istandards nazzjonali;

b)

fejn l-impriża tkun qed tadatta għal jew tmur lil hinn minn standards nazzjonali li huma aktar stretti mill-istandards Komunitarji rilevanti jew tagħmel titjib fuq l-istandards Komunitarji, l-ispejjeż eliġibbli jikkonsistu fl-ispejjeż addizjonali ta' investiment meħtieġa sabiex jinkiseb livell ta' ħarsien ambjentali ogħla mil-livell meħtieġ skond l-istandards Komunitarji. L-ispejjeż ta' l-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħaq il-livell ta' protezzjoni meħtieġ min-normi tal-Komunità mhuwiex eliġibbli;

c)

meta ma jkun hemm ebda standard, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż ta' l-investiment meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ta' ħarsien ambjentali ogħla minn dak illi l-impriża jew l-impriżi in kwistjoni kienu jilħqu fin-nuqqas ta' kwalunkwe għajnuna ambjentali.

3.1.2.   Għajnuna għax-xiri ta' vetturi ġodda għat-trasport li jtejbu lil'hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji

(85)

Ir-regoli ġenerali stipulati fil-punti 73 sa 84 japplikaw għall-għajnuna għal impriżi li jtejbu fuq l-istandards Komunitarji jew li jgħollu il-livell tal-ħarsien ambjentali fl-assenza ta' standards Komunitarji fis-settur tat-trasport. Permezz ta' deroga mill-punt 75, għajnuna għall-akkwist ta' vetturi ġodda tat-trasport għat-triq, għal-linji tal-ferrovija, għall-kanali ta' l-ilma interni u għat-trasport marittimu li huma konformi ma' l-istandards Komunitarji li ġew adottati hija permissibbli, meta dan l-akkwist isir qabel ma' dawn jidħlu fis-seħħ u fejn l-istandards Komunitarji ġodda, meta jsiru mandatorji, ma jkunux applikabbli b'lura għal vetturi diġà mixtrija.

(86)

Għal operazzjonijiet ta' adattament b'għan ta' ħarsien ambjentali fis-settur tat-trasport l-ispejjeż eliġibbli huma l-ispejjeż netti totali involuti b'konformità mad-definizzjoni ta' l-ispejjeż eliġibbli stipulata fil-punti 80 sa 84 jekk il-mezzi eżistenti tat-trasport jiġu aġġornati għal standards ambjentali li ma kinux għadhom fis-seħħ fid-data meta dawk il-mezzi tat-trasport bdew joperaw jew jekk il-mezzi tat-trasport ma jkunux soġġetti għal standards ambjentali.

3.1.3.   Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji futuri

(87)

L-għajnuna sabiex jikkonformaw ma' l-istandards Komunitarji ġodda li jtejbu l-livell ta' ħarsien ambjentali u li għadhom m'humiex fis-seħħ għandha tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE jekk l-istandards Komunitarji jkunu ġew adottati, u dan bil-kundizzjoni li l-investiment jiġi implimentat u finalizzat mill-inqas sena qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-istandard.

L-intensità ta' l-għajnuna

(88)

L-intesitajiet massimi ta' għajnuna huma 25 % għall-intrapriżi żgħar, 20 % għall-intrapriżi ta' daqs medju u 15 % għall-intrapriżi kbar jew l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jsiru iktar minn tliet snin qabel id-data mandatorja ta' traspożizzjoni jew id-data ta' dħul fis-seħħ. L-intesità ta' għajnuna hija 20 % għall-intrapriżi żgħar, 15 % għall-intrapriżi ta' daqs medju u 10 % għall-intrapriżi kbar jew l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jsiru bejn sena u tliet snin qabel id-data mandatorja ta' traspożizzjoni jew id-data ta' dħul fis-seħħ.

 

Intensità ta' l-għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji meta l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jseħħu:

Iktar minn tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-istandard

Bejn sena u tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-istandard

Intrapriżi żgħar

25 %

20 %

Intrapriżi ta' daqs medju

20 %

15 %

Intrapriżi kbar

15 %

10 %

Spejjeż Eliġibbli

(89)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l-investiment meħtieġa sabiex jinkiseb il-livell ta' ħarsien ambjentali meħtieġ mill-istandard Komunitarju meta mqabbel mal-livell eżistenti ta' ħarsien ambjentali meħtieġ qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan l-istandard.

(90)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta' kwalunkwe benefiċċji ta' l-operazzjoni u ta' l-ispejjeż marbuta ma' l-investiment addizzjonali għall-immaniġġjar ta' l-iskart u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81, 82 u 83.

3.1.4.   Għajnuna għal studji dwar l- ambjent

(91)

Għajnuna għal kumpaniji għal studji direttament marbuta ma' investiment biex jinkisbu standards taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-taqsima 3.1.1, ta' kisba ta' konservazzjoni ta' l-enerġija taħt il-kondizzjonijiet tat-taqsima 3.1.5, ta' produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-taqsima 3.1.6 għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta' dan il-kapitolu. Dan japplika wkoll f'każijiet fejn, wara r-riżultati ta' studju ta' tħejjija, l-investiment li qed jiġi investigat ma jsirx.

(92)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 50 % ta' l-ispejjeż ta' l-istudju.

(93)

Fejn l-istudju jsir għal SME, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Studji ambjentali

Intrapriżi żgħar

70 %

Intrapriżi ta' daqs medju

60 %

Intrapriżi kbar

50 %

3.1.5.   Għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

(94)

L-għajnuna għall-investiment u/jew għall-operazzjoni li tippermetti lill-impriżi jikkonservaw l-enerġija għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

3.1.5.1.   Għajnuna għall-investiment

L-intensità ta' l-għajnuna

(95)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 60 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-investiment.

(96)

Fejn l-għajnuna għall-investiment għall-konservazzjoni ta' l-enerġija tiġi mogħtija lill-SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

Intrapriżi żgħar

80 %

Intrapriżi ta' daqs medju

70 %

Intrapriżi kbar

60 %

(97)

Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali li l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibblit għall-investiment kif definit fil-punti98. Proċess ta' offerti ta' dan it-tip għandu jkun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' impriżi.. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta' l-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

Spejjeż Eliġibbli

(98)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l investiment meħtieġa sabiex issir il-konservazzjoni ta' l-enerġija f'livell ogħla mil-livell meħtieġ mill-istandards Komunitarji.

Il-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali għandu josserva r-regoli li ġejjin:

a)

Il-parti mill-investiment marbuta direttament mal-konservazzjoni ta' l-enerġija għandha tiġi identifikata skond ir-regoli stabbiliti fil-punti 81 u 83 ta' dawn il-Linji Gwida;

b)

livell ta' konservazzjoni ta' l-enerġija ogħla mill-istandards Komunitarji għandu jiġi identifikat skond ir-regoli stabbili fil-punt 84 ta' dawn il-Linji Gwida;

c)

l-identifikazzjoni ta' benefiċċji/spejjeż ta' l-operat: l-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkolati netti ta' kwalunkwe benefiċċji ta' operazzjoni u spejjeż relatati ma' l-investiment addizzjonali għall-konservazzjoni ta' l-enerġija u li jirriżultaw matul l-ewwel tliet snin ta' ħajja ta' l-investiment fil-każ ta' l-SMEs, l-ewwel erba' snin fil-każ ta' impriżi kbar li m'humiex parti mis-Sistema ta' Skambju ta' Emissjonijiet CO2 ta' l-UE u l-ewwel ħames snin fil-każ ta' impriżi kbar li huma parti mis-Sistema ta' Skambju ta' Emissjonijiet CO2 ta' l-UE. Għall-impriżi kbar dan il-perjodu jista' jitnaqqas għall-ewwel tliet snin ta' ħajja ta' dan l-investiment fejn it-tnaqqis fiż-żmien ta' dan l-investiment jista' jiġi pprovat li ma jaqbiżx it-tliet snin.

3.1.5.2.   Għajnuna għall-operazzjoni

(99)

L-għajnuna għall-operazzjoni għall-konservazzjoni ta' l-enerġija għandha tingħata biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-għajnuna hija limitata biex tikkumpensa l-ispejjeż netti ta' produzzjoni li tirriżulta mill-investiment, filwaqt li tikkunsidra l-benefiċċji li jirriżultaw minn konservazzjoni ta' l-enerġija (43). Fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' għajnuna ta' l-operazzjoni, kwalunkwe għajnuna ta' l-investiment mogħtija lill-impriża inkwistjoni fir-rigward ta' l-impjant il-ġdid għandha titnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni;

b)

l-għajnuna hija soġġetta għal terminu ta' żmien ta' ħames snin.

(100)

Fil-każ ta' għajnuna li titnaqqas gradwalment, l-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex teċċedi il-100 % ta' l-ispejjeż addizzjonali fl-ewwel sena iżda trid tkun naqset b'mod lineari sa żero sa l-aħħar tal-ħames sena. Fil-każ ta' għajnuna li ma titnaqqasx gradwalment, l-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex teċċedi il-50 % ta' l-ispejjeż addizzjonali.

3.1.6.   Għajnuna għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu

(101)

L-għajnuna ambjentali għall-investiment u/jew għall-operazzjoni li tippromwovi l-enerġija minn għejun li jiġġeddu tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, jekk il-kundizzjonijiet fil-punti 102 sa 111 ikunu sodisfatti. L-għajnuna mill-istat tista' tkun iġġustifikata jekk m'hemmx standard Komunitarju mandatorju li jikkonċerna l-parti ta' l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu għal impriżi individwali. L-għajnuna għall-investiment u/jew għajnuna operazzjonali għall-produzzjoni ta' biofjuwils għandha tkun permessa biss f'dak li jirrigwarda l-biofjuwils sostenibbli.

3.1.6.1.   Għajnuna għall-investiment

L-intensità ta' l-għajnuna

(102)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 60 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-investiment.

(103)

Fejn l-għajnuna għall-investiment għal għejun ta' enerġija li jiġġeddu għandha tingħata lil SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu

Intrapriżi żgħar

80 %

Intrapriżi ta' daqs medju

70 %

Intrapriżi kbar

60 %

(104)

Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali li l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibblit għall-investiment kif definit fil-punti 0 sa 105 Proċess ta' offerti ta' dan it-tip għandu jkun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' intrapriżi. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta' l-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

Spejjeż Eliġibbli

(105)

Għall-enerġija li tiġġedded, l-ispejjeż ta' investiment eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l-investiment imħallsa mill-benefiċjarju meta mqabbel ma' impjant ta' l-enerġija konvenzjonali jew ma' sistema ta' tisħin konvenzjonali bl-istess kapaċità fis-sens tal-produzzjoni effettiva ta' l-enerġija.

(106)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta' kwalunkwe benefiċċji ta' l-operazzjoni u ta' l-ispejjeż għall-operazzjoni marbuta ma' l-investiment addizzjonali għal sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81, 82 u sa 83.

3.1.6.2.   Għajnuna għall-operazzjoni

(107)

L-għajnuna għall-operazzjoni għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded tista' tkun ġustifikata sabiex tkopri d-differenza bejn l-ispiża tal-produzzjoni ta' enerġija minn għejun ta' enerġija li jiġġeddu u l-prezz fis-suq tal forma ta' dik l-enerġija kkonċernata. Dan japplika għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded għall-iskopijiet ta' bejgħ fis-suq kif ukoll għall-iskopijiet ta' konsum mill-impriża stess.

(108)

L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna għall-għejun ta' enerġija li jiġġeddu kif ġej:

(109)

Għażla 1

a)

L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna ta' l-operazzjoni sabiex jikkumpensaw għad-differenza bejn l-ispiża ta' produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded, inkluż it-telf fil-valur ta' investimenti addizzjonali għall-ħarsien ta' l-ambjent, u l-prezz tas-suq tal-forma ta' l-enerġija kkonċernata. L-għajnuna ta' l-operazzjoni tista' mbagħad tingħata saż-żmien meta jkun hemm deprezzament sħiħ ta' l-impjant skond ir-regoli normali tal-kontabilità. Kwalunkwe enerġija oħra magħmula mill-impjant ma tikkwalifikax għal għajnuna. Madankollu, l-għajnuna tista' tkopri wkoll rendiment normali fuq il-kapital.

b)

Fejn l-għajnun tingħata skond il-punt (a), kwalunkwe għajnuna ta' l-investiment mogħtija lill-impriża inkwistjoni fir-rigward ta' l-impjant il-ġdid għandha titnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni meta jkun qed jiġi kkalkulat l-ammont ta' l-għajnuna għall-operazzjoni. Meta jinnotifikaw l-iskemi ta' l-għajnuna lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiddikjaraw preċiżament il-mekkaniżmi ta' appoġġ u b'mod partikolari l-metodi sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta' l-għajnuna.

c)

Kuntrarjament għall-parti l-kbira ta' l-għejun ta' enerġija li jiġġeddu, il-biomassa titlob spejjeż relattivament baxxi ta' l-investiment, iżda spejjeż ogħla ta' l-operazzjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, tkun favorevoli lejn għajnuna għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded minn biomass li taqbeż l-ammont ta' investiment fejn l-Istati membru jkunu jistgħu juru li l-ispejjeż totali merfugħa mill-impriżi wara d-deprezzament ta' l-impjant ikunu xorta waħda ogħla mill-prezzijiet fis-suq ta' l-enerġija.

(110)

Għażla 2

a)

L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu appoġġ għall-enerġija illi tiġġedded billi jużaw il-mekkaniżmi tas-suq bħalma huma ċertifikati ħodor jew sejħiet għall-offerti. Dawn il-mekkaniżmi tas-suq jippermettu l-prodotturi kollha ta' l-enerġija illi tiġġedded jibbenefikaw indirettement minn talba ggarantitia għall-enerġija tagħhom bi prezzijiet illi jkunu ogħla mill-prezzijiet tas-suq għall-enerġija konvenzjonali. Il-prezz ta' dawn iċ-ċertifikati ħodor ma jkunx iffissat minn qabel iżda jkun jiddependi fuq il-provvista u d-domanda.

b)

Meta l-mekkaniżmi tas-suq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn is-sistemi jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu juru illi huwa essenzjali li jkun hemm appoġġ sabiex tiġi assigurata l-viabilità ta' l-għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu kkonċernati, illi ma tirriżultax finalment f'kumpens żejjed u ma tiddiswadix lill-produtturi ta' l-enerġija illi tiġġedded milli jsiru aktar kompetittivi. Il-Kummissjoni tawtorizza biss dawn is-sistemi ta' għajnuna għal perjodu massimu ta' għaxar snin.

(111)

Għażla 3

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna operazzjonali skond id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 100.

3.1.7.   Għajnuna għall-koġenerazzjoni

(112)

Investiment ambjentali u/jew għajnuna ta' l-operazzjoni għall-koġenerazzjoni għandhom ikunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat ta' KE, kemm-il darba l-impjant jissodisfa d-definizzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja stipulata fil-punt 70(11), u dan sakemm għall-investiment għal għajnuna:

a)

unità ta' koġenerazzjoni ġdida għandha fuq kollox tagħmel konservazzjoni ta' enerġija primarja b'paragun mal-produzzjoni separata kif definit fid-Direttiva 2004/8/KE u d-Deċiżjoni 2007/74/KE;

b)

t-titjib ta' unità ta' koġenerazzjoni eżistenti jew il-konverżjoni ta' unità ta' ġenerazzjoni ta' l-enerġija eżistenti f'unità ta' koġenerazzjoni għandha twassal għal konservazzjoni ta' enerġija primarja b'paragun mas-sitwazzjoni oriġinali.

(113)

Għal għajnuna operazzjonali, koġenerazzjoni eżistenti għandha tissodisfa kemm id-definizzjoni ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja kif stipulat fil-punt 70(11) u r-rekwiżit li jkun hemm tfaddil globali ta' enerġija ewlenija meta mqabbla mal-produzzjoni separata kid definit bid-Direttiva 2004/8/KE u d-Deċiżjoni 2007/74/KE.

3.1.7.1.   Għajnuna għall-investiment

L-intensità ta' l-għajnuna

(114)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 60 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-investiment.

(115)

Fejn l-għajnuna għall-investiment għall-koġenerazzjoni għandha tiġi mogħtija lill-SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja

Intrapriżi żgħar

80 %

Intrapriżi ta' daqs medju

70 %

Intrapriżi kbar

60 %

(116)

Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb l-akbar tfaddil ta' emerġija, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibblit għall-investiment kif definit fil-punti 117 u 118. Proċess ta' offerti ta' dan it-tip għandu jkun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' kumpaniji. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta' l-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

Spejjeż eliġibbli

(117)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l-investiment meħtieġa sabiex isir impjant ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja meta mqabbel ma' l-investiment ta' referenza.

(118)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta' kwalunkwe benefiċċji ta' l-operazzjoni u ta' l-ispejjeż għall-operazzjoni marbuta ma' l-investiment addizzjonali u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81 sa 83.

3.1.7.2.   Għajnuna għall-operazzjoni

(119)

L-għajnuna ta' l-operazzjoni għal koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tista' tingħata skond ir-regoli għall-għajnuna ta' l-operazzjoni għal enerġija li tiġġedded stipulati fit-taqsima 3.1.6.2:

a)

lil impriżi li jiddistribwixxu l-enerġija elettrika u s-sħana lill-pubbliku fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' din l-enerġija elettrika jew is-sħana taqbeż il-prezz tas-suq. Id-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex neċessarja ser tqis l-ispejjeż u d-dħul illi jirriżulta mill-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-enerġija elettrika jew is-sħana;

b)

għall-użu industrijali tal-produzzjoni kkombinata ta' l-enerġija elettrika u s-sħana fejn jista' jiġi muri illi l-ispiża tal-produzzjoni ta' unità waħda ta' enerġija bl-użu ta' dik it-teknika taqbeż il-prezz tas-suq ta' unità waħda ta' l-enerġija konvenzjonali. L-ispiża tal-produzzjoni tista' tinkludi d-dħul normali fuq il-kapitali ta' l-impjant, iżda kwalunkwe gwadann ta' l-impjant f'termini ta' produzzjoni tas-sħana għandu jiġi mnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni.

3.1.8.   Għajnuna għat-tisħin distrettwali

(120)

L-għajnuna ta' l-investiment ambjentali f'installazzjonijiet (44) tat-tisħin distrettwali li jkunu effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija għandu jkun kunsidrat bħa kompatibbli mas-la kumpattibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, kemm-il darba din twassal għal konservazzjoni ta' l-enerġija primarja u l-installazzjoni tat-tisħin distrettwali benefiċjarja tissodisfa d-definizzjoni ta' tisħin distrettwali b'effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija stipulata fil-punt 70(13) u:

a)

l-operazzjoni konġunta tal-ġenerazzjoni tas-sħana (kif ukoll ta' l-elettriku fil-każ ta' koġenerazzjoni) kif ukoll id-distribuzzjoni tas-sħana jwasslu għal konservazzjoni ta' l-enerġija primarja, jew

b)

l-investiment ikun maħsub għall-użu u d-distribuzzjoni tal-waste heat għall-finijiet tat-tisħin distrettwali.

L-intensità ta' l-għajnuna

(121)

L-intensità ta' l-għajnuna għall-installazzjonjiet tat-tisħin distrettwali m'għandhiex tkun aktar minn 50 % ta' l-ispejjeż ta' l-investiment eliġibbli. Jekk l-għajnuna tkun maħsuba biss għall-parti tal-ġenerazzjoni ta' installazzjoni tat-tisħin distrettwali, l-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali li huma effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija li jużaw għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu jew koġenerazzjoni għandhom ikunu koperti mir-regoli stipulati fit-taqsimiet 3.1.6 u 3.1.7 rispettivament.

(122)

Fejn l-għajnuna għall-investiment għat-tisħin distrettwali li jkun effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija għandha tingħata lill-SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif stipulat f'din it-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għat-tisħin distrettwali effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija b'għejun konvenzjonali ta' l-enerġija

Intrapriżi żgħar

70 %

Intrapriżi ta' daqs medju

60 %

Intrapriżi kbar

50 %

(123)

Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta' offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta' kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-gwadann ambjentali li l-għajnuna tista' tilħaq 100 % ta' l-ispiża eliġibblit għall-investiment kif definit fil-punti 124 ua 125. Proċess ta' offerti ta' dan it-tip għandu jkun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' għadd suffiċjenti ta' intrapriżi.. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta' offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi ta' l-offerta inizjali ppreżentata mill-offerent, u b'hekk teskludi negozjati sussegwenti.

Spejjeż Eliġibbli

(124)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l-investiment meħtieġa sabiex isir investiment li jwassal għal tisħin distrettwali li jkun effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija meta mqabbel ma' l-investiment ta' riferiment.

(125)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta' kwalunkwe benefiċċji ta' l-operazzjoni u ta' l-ispejjeż għall-operazzjoni marbuta ma' l-investiment addizzjonali għall-immaniġġjar ta' l-iskart u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81 sa 83:

3.1.9.   L-għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

(126)

Għajnuna għal investiment ambjentali għall-immaniġġjar ta' l-iskart ta' impriżi oħra, inklużi attivitajiet ta' użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru, għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, kemm-il darba tali immaniġġjar ikun konformi mal-klassifikazzjoni ġerarkika tal-prinċipji ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart (45) u jkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 127.

(127)

L-għajnuna ta' l-investiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart għandha tingħata biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-investiment huwa maħsub sabiex inaqqas it-tniġġis maħluq minn impriżi oħra (“min iniġġes”) u ma jestendix għal tniġġis maħluq mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna;

b)

l-għajnuna m'għandhiex ittaffi b'mod indirett il-piż li għandu jerfa' min iniġġes skond il-liġi Komunitarja, jew xi piż li għandu jitqies bħala spiża normali tal-kumpanija għal min iniġġes;

c)

l-investiment għandu jmur lilhinn minn “dak li hu l-aktar avvanzat” (46) jew għandu juża teknoloġiji konvenzjonali b'mod innovattiv;

d)

altrimenti il-materjal trattat jitneħħa, jew jiġi ttrattat b'mod li jirrispetta anqas l-ambjent;

e)

l-investiment ma jkollux biss l-effett li jżid id-domanda għall-materjal li għandu jiġi riċiklat mingħajr ma jżid l-ġbir ta' dak il-materjal.

L-intensità ta' l-għajnuna

(128)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-investiment.

(129)

Fejn l-għajnuna għal investiment għall-immaniġġjar ta' l-iskart għandha tingħata lil SMEs, l-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'10 punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'20 punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

Intrapriżi żgħar

70 %

Intrapriżi ta' daqs medju

60 %

Intrapriżi kbar

50 %

Spejjeż Eliġibbli

(130)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali ta' l-investiment meħtieġa sabiex isir investiment li jwassal għall-immaniġġjar ta' l-iskart u li huma mħallsa mill-benefiċjarju meta mqabbla ma' l-investiment ta' riferiment, jiġifieri., produzzjoni konvenzjonali li ma tinvolvix l-immaniġġjar ta' l-iskart bl-istess kapaċità. L-ispiża ta' tali investiment ta' riferiment għandha titnaqqas mill-ispiża eliġibbli.

(131)

L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta' kwalunkwe benefiċċji ta' l-operazzjoni u ta' l-ispejjeż marbuta ma' l-investiment addizzjonali għall-immaniġġjar ta' l-iskart u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin tat-tul ta' żmien ta' dan l-investiment (47), kif stipulat fil-punti 81 sa 83.

3.1.10.   Għajnuna għar-rijabilitazzjoni ta' siti kontaminati

(132)

Għajnuna ta' l-investiment għal impriżi li jsewwu l-ħsara ambjentali billi jirrijabilitaw siti kontaminati għandha tkun kunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE (48) kemm-il darba din twassal għal titjib tal-ħarsien ambjentali. Il-ħsara ambjentali kkonċernata tkopri ħsara fil-kwalità tal-ħamrija jew ta' l-ilma tal-wiċċ jew ta' taħt il-wiċċ ta' l-art.

Meta min iniġġes ikun b'mod ċar identifikabbli, dik il-persuna għandha tiffinanzja r-riabilitazzjoni skond il-prinċipju ta' “min iniġġes għandu jħallas”, u l-ebda għajnuna għall-Istat ma tista' tingħata. F'dan il-kuntest, “min iniġġes”, tirreferi għall-persuna responsabbli taħt il-liġi applikabbli f'kull Stat Membru, mingħajr ħsara għall-adozzjoni ta' regoli tal-Komunità f'dan il-qasam.

Meta l-persuna responsabbli għat-tniġġis ma tkunx ġiet identifikata jew ma tkunx tista' tagħmel tajjeb għall-ispiża, il-persuna responsabbli għax-xogħol tista' tirċievi l-għajnuna.

L-intensità ta' l-għajnuna

(133)

L-għajnuna għar-rijabilitazzjoni ta' siti kontaminati tista' tammonta għal 100 % ta' l-ispejjeż eliġibbli.

L-ammont totali ta' l-għajnuna ma tista', taħt l-ebda ċirkostanza, taqbeż l-ispiża attwali ta' l-impriża.

Spejjeż Eliġibbli

(134)

L-ispejjeż eliġibbli huma ekwivalenti għall-ispiża tax-xogħol ta' rijabilitazzjoni li minnha tiġi mnaqqsa iż-żieda fil-valur ta' l-art. L-ispejjeż kollha ta' impriża biex tirrimedja s-sit tagħha, kemm jekk din l-ispiża tista' tidher bħala attiv fiss fil-karta tal-bilanċ tagħha kemm jekk le, jikkwalifikaw bħala investiment eliġibbli fil-każ ta' rimedjazzjoni ta' siti mniġġsa.

3.1.11.   L-għajnuna għar-rilokazzjoni ta' l-impriżi

(135)

L-għajnuna ta' l-investiment għar-rilokazzjoni ta' l-impriżi għal siti ġodda għal raġunijiet ta' ħarsien ambjentali għandha tkun kunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE kemm-il darba jkun sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Il-bidla fil-post trid tkun dettata minn raġunijiet ta' ħarsien jew prevenzjoni ambjentali u teħtieġ li tkun ġiet ordnata b'deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta' awtorità pubblika kompetenti jew miftiehma mill-impriża u l-awtorità pubblika kompetenti.

b)

L-impriża għandha tħares l-istandards ambjentali l-aktar stretti applikabbli fir-reġjun il-ġdid fejn tiġi rilokata.

(136)

Il-benefiċjarju jista' jkun:

a)

impriża stabbilita f'żona urbana jew f'żona speċjali ta' konservazzjoni maħtura skond id-Diretiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 tal-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-flora u fawna selvaġġa (49), li b'mod legali twettaq (jiġifieri tħares ir-rekwiżiti legali kollha inklużi l-istandards ambjentali kollha applikabbli għaliha) attività li toħloq tniġġis serju u għandha, minħabba l-post fejn tinsab, tiċċaqlaq mill-post fejn tkun stabbilita lejn żona aktar xierqa, jew

b)

stabbiliment jew installazzjoni li jaqa' fl-ambitu tad-Direttiva Seveso II.

L-intensità ta' l-għajnuna

(137)

L-intensità ta' l-għajnuna m'għandhiex tkun aktar minn 50 % ta' l-ispejjeż eliġibbli ta' l-investiment. L-intensità ta' l-għajnuna tista' tiżdied b'għaxar punti perċentwali għal intrapriżi ta' daqs medju u b'għoxrin punt perċentwali għal intrapriżi żgħar, kif muri fit-tabella.

 

Intensità ta' l-għajnuna għar-rilokazzjoni

Intrapriżi żgħar

70 %

Intrapriżi ta' daqs medju

60 %

Intrapriżi kbar

50 %

Spejjeż Eliġibbli

(138)

Sabiex l-ammont ta' spejjeż eliġibbli jiġi determinat fil-każ ta' l-għajnuna għar-rilokazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari:

a)

Il-benefiċċji li ġejjin:

i)

id-dħul mill-bejgħ jew kiri ta' l-impjant jew l-art abbandunata;

ii)

il-kumpens imħallas fil-każ ta' esproprjazzjoni;

iii)

kwalunkwe gwadann ieħor marbut mat-trasferiment ta' l-impjant, notevolment gwadanji li jirriżultaw minn titjib, fl-okkażjoni tat-trasferiment, fit-teknoloġija użata u gwadanji ta' kontabilità assoċjati ma' użu aħjar ta' l-impjant;

iv)

investimenti marbuta ma' kwalunkwe żieda fil-kapaċità.

b)

L-ispejjeż li ġejjin:

i)

l-ispejjeż marbuta max-xiri ta' art jew il-kostruzzjoni jew xiri ta' impjant ġdid bl-istess kapaċità ta' l-impjant imwarrab;

ii)

kwalunkwe penalitajiet imposti fuq l-impriża minħabba li tkun waqqfet il-kuntratt tal-kiri ta' l-art jew bini, jekk id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li tkun ordnat ir-rilokazzjoni twassal għat-terminazzjoni bikrija ta' dan il-kuntratt.

3.1.12.   Għajnuna involuta fl-iskemi ta' permessi negozjabbli

(139)

L-iskemi ta' permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat f'diversi modi, per eżempju meta permessi u benefiċċji jingħataw għal prezz li jkun anqas mill-valur tas-suq tagħhom u dan ikun l-għoti jkun imputabbli lill-Istati Membri.

(140)

Għajnuna mill-Istat involuta f'iskemi ta' permessi negozzjabbli tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, kemm-il darba, jiġu sodisfatti, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet fil-punti (a) sa (d) ta' dan il-punt u l-punt 141. Permezz ta' deroga, punt 141 ma japplikax għall-perjodu ta' skambju li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2012 għall-permessi ta' skemi ta' skambju skond id-Direttiva 2003/87/LE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (50) (minn hawn 'l quddiem “EU ETS”) (51):

a)

l-iskemi negozabbli għandhom ikunu stabbiliti b'tali mod li jinkisbu għanijiet ambjentali lil hinn minn dawk maħsuba li għandhom jinkisbu fuq il-bażi ta' standards Komunitarji li huma mandatorji għall-impriżi kkonċernati;

b)

l-allokazzjoni għandha ssir b'mod trasparenti, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u ta' għejun ta' data ta' l-ogħla kwalità disponibbli, u l-ammont totali ta' permessi jew benefiċċji negozzjabbli mogħtija lil kull impriża għal prezz li jkun taħt il-valur tas-suq m'għandux ikun ogħla mill-ħtiġiet mistennija tagħha;

c)

il-metodoloġija ta' l-allokazzjoni m'għandhiex tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti setturi, sakemm dan ma jkunx ġustifikat mil-loġika ambjentali ta' l-iskema nfisha jew fejn tali regoli jkunu meħtieġa għal konsistenza ma' linji oħra ta' politika ambjentali;

d)

b'mod partikolari, bħala prinċipju, parteċipanti ġodda m'għandhomx jirċievu permessi jew benefiċċji b'kundizzjonijiet aktar favorevoli meta mqabbla ma' impriżi eżistenti li huma attivi fl-istess swieq. L-għoti ta' allokazzjonijiet ogħla lil installazzjonijiet eżistenti meta mqabbla ma' parteċipanti ġodda m'għandux iwassal għal ostakoli indebiti għad-dħul fis-suq.

(141)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-Għajnuna mill-Istat involuta f'skema ta' permess ta' tpartit skond il-kriterji li ġejjin:

a)

l-għażla ta' benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti u l-għajnuna għandha tingħata bħala prinċipju bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur/suq relevanti jekk jinsabu f'sitwazzjoni fattwali simili;

b)

irkant bis-sħiħ għandu jwassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull settur jew kategorija ta' benefiċjarji individwali;

c)

iż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma jistgħux jitħallsu mill-klijenti mingħajr ma jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. Din l-analiżi tista' ssir fuq il-bażi ta' stimi jew inter alia l-elastiċità tal-prezz tal-prodott tas-settur ikkonċernat. Dawn l-istimi għandhom isiru fis-suq ġeografiku relevanti. Sabiex jiġi evalwat jekk iż-żieda fl-ispejjeż minn permess ta' skemi ta' skambju ma jistgħax jitħallas mill-konsumaturi, jistgħu jintużaw stimi ta' bejgħ mitluf kid ukoll l-impatt fuq il-profitabilità tal-kumpanija.

d)

m'huwiex possibbli li intrapriżi invidwali fis-settur inaqqsu l-livelli ta' emissjonijiet sabiex il-prezz taċ-ċertifikati jkunu raġunevoli. Konsum li ma jistax jitnaqqas jista' jiġi ppruvat permezz ta' l-għotja ta' livelli ta' emissjonijiet mit-teknika bl-aħjar perfomazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem “ŻEE”) u jużawha bħala benchmark. Kwalunkwe intrapriża li tikseb it-teknika ta' l-aħjar prestazzjoni tista' tibbenefika l-iktar minn għotja ekwivalenti għaż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni mill-iskema ta' permessi ta' skambju bl-użu ta' l-aħjar teknika ta' prestazzjoni, u li ma tistax tiġi mgħoddija lill-konsumaturi. Kwalunkwi intrapriża li għandha prestazzjoni ambjentali agħar tibbenefika minn għotja iktar baxxa, proporzjonali mal-prestazzjoni ambjentali tagħha.

3.2.   L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

(142)

L-għajnuna statali għandha jkollha effett inċentiv. Għajnuna mill-istat għal ħarsien ambjentali għandha tirriżulta f'tibdil ta' mġiba ta' min jirċievi l-għajnuna sabiex il-livell ta' ħarsien ambjentali tiżdied.

(143)

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax effett ta' l-inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet kollha li fihom il-proġett ikun diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna ma' l-awtoritajiet nazzjonali.

(144)

Jekk il-proġett li jkun ingħata għajnuna jkun għadu ma bediex qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna, ir-rekwiżit għall-effett ta' inċentiv jitqies bħala awtomatikament milħuq għall-kategoriji kollha ta' għajnuna mogħtija lil SME, ħlief f'każijiet fejn l-għajnuna trid tiġi evalwata skond l-evalwazzjoni dettaljata fil-Kapitolu 5.

(145)

Għall-proġetti l-oħra kollha megħjuna, il-Kummissjoni għandha titlob li l-effett ta' inċentiv jintwera mill-Istat Membru li jagħmel in-notifika.

(146)

Sabiex jiġi ppruvat l-effett inċentiv, l-Istat Membru kkonċernat jrid juri li mingħajr l-għajnuna, jiġifieri s-sitwazzjoni kontrofattwali, l-alternativa iktar favur l-ambjent ma kienetx tinzamm. Għal dan l-iskop, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni li turi:

a)

li s-sitwazzjoni kontrofattwali hija kredibbli;

b)

li l-ispejjeż eliġibbli ġew ikkalkolati skond il-metodoloġija stipulata fil-punti-81 sa 83 t'hawn fuq, u

c)

li l-investiment ma jkunx profitabbli biżżejjed mingħajr għajnuna mingħajr ma jitqiesu l-benefiċċji assoċjati ma' l-investiment mingħajr għajnuna, ikluż il-valur ta' permessi ta' skambju li jistgħu jsiru disponiblli lill-impriża kkonċernata wara l-investiment favur l-ambjent.

3.3.   Il-kompatibbiltà ta' l-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE

(147)

L-għajnuna sabiex ikun inkoraġġut it-twettiq ta' proġetti importanti ta' interess komuni Ewropew u li huma ta' priorità ambjentali tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE kemm-il darba jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin.

a)

Il-proposta ta' għajnuna tirrigwarda proġett li huwa speċifiku u definit b'mod ċar fid-dawl tat-termini ta' l-implimentazzjoni tiegħu inklużi l-parteċipanti, l-għanijiet u l-effetti tiegħu, u l-mezzi sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Il-Kummissjoni tista' tqis ukoll li grupp ta' proġetti jiffurmaw proġett wieħed flimkien.

b)

Il-proġett għandu jkun fl-interess komuni Ewropew: il-proġett għandu jikkontribwixxi b'mod konkret, eżemplari u identifikabbli għall-interess Komunitarju fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, bħal per eżempju billi jkun ta' importanza kbira għall-istrateġija ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-vantaġġ miksub permezz ta' l-għan tal-proġett m'għandux ikun limitat għall-Istat Membru jew l-Istati Membri li jimplimentawh, iżda għandu jestendi għall-Komunità fl-intier tagħha. Il-proġett għandu jippreżenta kontribuzzjoni sostantiva lejn l-għanijiet Komunitarji. Il-fatt li proġett jitwettaq minn impriżi fi Stati Membri differenti mhux biżżejjed.

c)

L-għajnuna tkun meħtieġa u tirrappreżenta inċentiv għat-twettiq tal-proġett, li għandu jinvolvi livell għoli ta' riskju.

d)

Il-proġett ikun ta' importanza kbira fir-rigward tad-daqs tiegħu: għandu jkun ta' daqs sostanzjali u jipproduċi effetti ambjentali sostanzjali.

(148)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa tali proġetti, l-interess komuni Ewropew għandu jintwera f'termini prattiċi: per eżempju, għandu jintwera li l-proġett jippermetti li jsir progress sinifikanti lejn il-kisba ta' għanijiet ambjentali speċifiċi tal-Komunità.

(149)

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proġetti nnotifikati b'mod aktar favorevoli jekk dawn jinkludu kontribuzzjoni sinifikanti għall-proġett mill-benefiċjarju stess. Għandha wkoll tikkunsidra b'mod aktar favorevoli proġetti nnotifikati li jinvolvu impriżi minn numru sinifikanti ta' Stati Membri.

(150)

Meta l-għajnuna hija kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni tista' tawtorizza għajnuna b'rati ogħla milli altrimenti stipulati f'dawn il-Linji gwida.

4.   GĦAJNUNA F'FORMA TA' TNAQQIS JEW EŻENZJONIJIET MIT-TAXXI AMBJENTALI

(151)

L-għajnuna f'forma ta' tnaqqis jew ta' eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali mogħtija lil impriżi f'kategoriji partikolari għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE kemm-il darba l-għajnuna mill-Istat f'forma ta' miżura tat-taxxa ġġib titjib sinifikanti fil-ħarsien ambjentali u t-tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa ma jimminawx l-għan ġenerali mfittex.

(152)

Sabiex jiġu approvati skond l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, tnaqqis jew eżenzjonijiet minn taxxi armonizzati, b'mod partikolari dawk armonizzati permezz tad-Direttiva 2003/96/KE, għandhom ikunu kompatibbli mal-leġislazzjoni Komunitarja relevanti applikabbli u jkunu konformi mal-limiti u l-kundizzjonijiet stipulati fihom.

(153)

Għajnuna taħt għamla ta' tnaqqis tat-taxxa u eżenzjonijiet armonizzati minn taxxi hija kkunsidrata kumpatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE għal perjodu ta' 10 snin sakemm il-benefiċjarji jħallsu mill-inqas il-livell minimu ta' taxxa stabbilit bid-Direttiva relevanti applikabbli (52).

(154)

Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis jew eżenzjoni minn taxxi ambjentali minbarra dawk imsemmijiet fil-punt 153 (53) hija kkunsidrata kumpatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta' l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE għal perjodu ta' 10 snin sakemm il-kondizzjonoijiet stipulati fil-punti 155 sa 159 jiġu sodisfatti.

(155)

Fl-analiżi ta' skemi ta' taxxa li jinkludu elementi ta' għajnuna mill-Istat f'għamla ta' tnaqqis jew eżenzjonijiet minn din it-tip ta' taxxa, il-Kummissjoni għandha tanalizza b'mod partikolari l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' l-għajnuna u l-effetti tagħha fil-livell tas-setturi ekonomiċi involuti.

(156)

Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tiddependi fuq informazzjoni pprovduta minn Stati Membri. L-informazzjoni għandha tinkludi, minn naħa waħa, is-settur(i) rispettiv(i) jew kategoriji ta' benefiċjarji koperti mill-eżenzjonijiet/tnaqqisd u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ewlenin f'kull settur ikkonċernat u kif it-tassazzjoni tista' tikkontribwixxi għal ħarsien ambjentali. Is-setturi eżentati jridu jkunu deskritti sew u għandha tingħata lista ta' l-ikbar benefiċjarji għal kull settur (notevolment il-profitt, l-ishma fis-suq u d-daqs tal-bażi tat-taxxai). Għal kull settur, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta dwar l-aħjar tekniki ta' prestazzjoni fi ħdan iż-ŻEE f'dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ħsara ambjentali milquta mit-taxxa.

(157)

B'żieda ma' dan, għajnuna f'għamla ta' tnaqqis jew eżenzjoni minn taxxi ambjentali għandha tkun neċessarja u proporzjonali.

(158)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-għajnuna bħala neċessarja jekk jiġu sodisfatti wieħed mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-għażla ta' benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti u l-għajnuna għandha tingħata bħala prinċipju bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur/suq relevanti (54) jekk jinsabu f'sitwazzjoni fattwali simili;

b)

It-taxxa ambjentali mingħajr tnaqqis għandha twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull settur jew kategorija ta' benefiċjarji individwali (55);

c)

Iż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma jistgħux jitħallsu mill-klijenti mingħajr ma jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu stimi ta' elastiċità ta' prezz ta' prodott tas-settur ikkonċernat fis-suq ġeografiku relevanti (56) kif ukoll stimi ta' bejgħ mitluf u/jew profitti li naqsu għall-kumpaniji fis-settur/kategorija kkonċernata.

(159)

Il-Kummissjoni tikkunsidra l-għajnuna bħala proporzjonali jekk jiġu sodisfatti wieħed mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-iskema tistipula l-kriterji li jiżguraw li kull benefiċjarju individwali jħallas proporzjoni tal-livell tat-taxxa nazzjonali li hija ekwivalent bejn wieħed u ieħor għall-prestazzjoni ambjentali ta' kull benefiċjarju individwali meta mqabbel mal-prestazzjoni relatata mat-teknika bl-aħjar prestazzjoni fi ħdan iż-ŻEE. Skond l-iskema ta' għajnuna, kwalunkwe impriża li tikseb it-teknika ta' l-aħjar prestazzjoni tista' tibbenefika l-iktar minn tnaqqis ekwivalenti għaż-żieda fl-ispejjeż ta' produzzjoni mill-iskema ta' permessi ta' skambju bl-użu ta' l-aħjar teknika ta' prestazzjoni, u li ma tistax tiġi mgħoddija lill-konsumaturi. Kwalunkwi impriża li għandha prestazzjoni ambjentali agħar għandha tibbenefika minn għotja iktar baxxa, proporzjonali mal-prestazzjoni ambjentali tagħha.

b)

benefiċjarji ta' għajnuna jħallu mill-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, sakemm ma tiġix iġġustifikata rata iktar baxxa minħabba distorsjoni limitat tal-kompetizzjoni;

c)

it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet huma kondizzjonali fuq il-konklużjoni ta' ftehimiet bejn l-Istati Membri u l-impriżi li jirċievu jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi li fihom l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi jimpenjaw ruħhom li jiksbu l-għanijiet ta' ħarsien ambjentali li għandhom l-istess effett ta' punt (a) jew (b) inkella jkun applikat il-livell minimu ta' taxxa Komunitarja. Dawn il-ftehimiet jew impenji jistgħu jkunu marbuta ma', fost affarijiet oħra, tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija, tnaqqis fl-emissjonijiet jew kwalunkwe miżura ambjentali oħra u għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

i)

is-sustanza tal-ftehim għandha tiġi negozjata minn kull Stat Membru u għandha tispeċifika b'mod partikolari il-miri u tistabilixxi skeda biex dawn jintlaħqu;

ii)

L-Istati Membri għandhom jassiguraw monitoraġġ indipendenti (57) u f'waqtu ta' l-impenji konklużi f'dawn il-ftehimiet.

iii)

dawn il-ftehimiet għandhom ikunu riveduti fid-dawl ta' żviluppi teknoloġiċi u żviluppi oħra perjodikament u jistipulaw arranġamenti effettivi ta' penali li jkunu applikabbli jekk l-impenji ma jintlaħqux.

5.   IL-KOMPATIBBILTÀ TA' L-GĦAJNUNA HIJA SUĠĠETTA GĦAL EVALWAZZJONI DETTALJATA

5.1.   Miżuri suġġetti għal evalwazzjoni dettaljata

(160)

Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni aktar dettaljata ta' kwalunkwe ammonti sostanzjali ta' għajnuna mogħtija taħt skemi awtorizzati u sabiex tiddeċiedi jekk tali għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawha bil-quddiem kwalunkwe każ individwali ta' għajnuna ta' investiment jew ta' operazzjoni mogħtija taħt skema awtorizzata jew individwalment fejn l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin (58).

a)

għal miżuri koperti minn BER: il-każijiet kollha notifikati lill-Kummissjoni insegwitu ta' obbligu ta' notifika ta' għajnuna individwalment kif preskritt fil-BER.

b)

għal miżuri individwali koperti minn dawn il-Linji gwida  (59): il-każijiet kollha li ġejjin:

i)

għajnuna għall-investiment; fejn l-ammont ta' għajnuna jaqbeż EUR 7,5 miljun għal impriża waħda (anke jekk ikun parti minn skema approvata ta' għajnuna);

ii)

għajnuna ta' l-operazzjoni għall-konservazzjoni ta' l-enerġija: fejn l-ammont ta' l-għajnuna jaqbeż EUR 5 miljun għal kull impriża għal ħames snin;

iii)

L-għajnuna ta' operat għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded u/jew produzzjoni kombinata ta' sħana li tiġġedded: meta l-għajnuna tingħata għal installazzjonijiet ta' l-elettriku li jiġġedded f'siti fejn il-kapaċità riżultanti ta' ġenerazzjoni ta' enerġija elettrika li tiġġedded taqbeż il-125 MW;

iv)

għajnuna ta' l-operazzjoni għall-produzzjoni ta' bijofjuwil: meta l-għajnuna tingħata għal installazzjoni tal-produzzjoni ta' bijofjuwil f'siti fejn il-produzzjoni li tirriżulta taqbeż il-150 000 t kull sena;

v)

għajnuna ta' operat għall-koġenerazzjoni: fejn tingħata għajnuna għal installazzjoni ta' koġenerazzjoni bil-kapaċità riżultanti ta' l-elettriku tal-koġenerazzjoni li taqbeż il-200 MW. Għajnuna għall-produzzjoni ta' sħana mill-koġenerazzjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta' notifika bbażata fuq il-kapaċità ta' l-elettriku.

(161)

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-għajnuna għall-operazzjoni lill-impjanti tal-produzzjoni ta' l-enerġija ġodda liema enerġija ser tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta' l-ispejjeż esterni evitati. Fejn jintuża dan il-metodu biex jiġi determinat l-ammont ta' l-għajnuna, il-miżura għandha tiġi notifikata u tkun suġġetta għal evalwazzjoni dettaljata, minkejja l-livelli fil-punt 160(b)(iii). L-ispejjeż esterni evitati huma l-ispejjeż ambjentali addizzjonali li s-soċjetà jkollha tinkorri kieku l-istess kwantità ta' enerġija kellha tiġi prodotta minn impjant ta' produzzjoni illi jopera b'forom konvenzjonali ta' l-enerġija. Dawn għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tad-differenza bejn, min-naħa l-waħda, l-ispejjeż esterni magħmula u mhux imħallsa mill-produtturi ta' l-enerġija illi tiġġedded u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż esterni magħmula u mhux imħallsa mill-produtturi ta' l-enerġija illi ma tiġġeddidx. Sabiex iwettaq dawn il-kalkoli, l-Istat Membru jkollu juża metodu ta' kalkolu li huwa rikonoxxut internazzjonalment u li ġie validat mill-Kummissjoni. Ikollu jforni, fost affarijiet oħra, analiżi komparattiva motivata u kwantifikata ta' l-ispejjeż, flimkien ma' evalwazzjoni ta' l-ispejjeż esterni ta' produtturi ta' l-enerġija li jikkompetu, sabiex juri li l-għajnuna ġenwinament tikkompensa għall-ispejjeż esterni evitati.

(162)

Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta' għajnuna mogħti lill-produtturi illi jeċċedi l-ammont ta' għajnuna li jirriżulta mill-għażla 1 (kif stabbilita fil-paragrafu 109) għal għajnuna ta' l-operazzjoni għal għejun ta' l-enerġija li jiġġeddu għandu jiġi investit mill-ġdid mid-ditti fl-għejun ta' l-enerġija illi jiġġeddu skond it-taqsima 3.1.6.1.

(163)

Sakemm l-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni sħiħa u jipprovdu tagħrif adegwat f'waqtu, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħmel l-almu tagħha biex twettaq l-investigazzjoni fi żmien xieraq. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu l-elementi kollha li huma jqisu bħala utli għall-evalwazzjoni tal-każ. L-Istati Membri jistgħu, b'mod partikolari, jistrieħu fuq evalwazzjonijiet ta' skemi jew miżuri ta' għajnuna mill-Istat ta' l-imgħoddi, stimi ta' impatt imwettqa mill-awtorità li tagħti l-għajnuna u studji oħra marbuta mal-ħarsien ambjentali.

(164)

L-evalwazzjoni dettaljata hija evalwazzjoni proporzjonali, skond il-potenzjal ta' distorsjoni tal-każ. Għaldaqstant, il-fatt li titwettaq evalwazzjoni dettaljata ma jfissirx neċessarjament li jkun hemm ħtieġa li tinfetaħ proċedura ta' investigazzjoni formali, għalkemm dan jista' jkun il-każ għal ċerti miżuri.

5.2.   Kriterji għall-evalwazzjoni ekonomika ta' każijiet individwali

(165)

L-evalwazzjoni dettaljata għandha ssir fuq il-bażi ta' l-elementi pożittivi u negattivi speċifikati fit-taqsimiet 5.2.1 u 5.2.2 li għandhom japplikaw b'mod addizzjonali għall-kriterji stipulati fil-Kapitolu 3. Fi kwalunkwe każ, l-intensitajiet ta' l-għajnuna hemm stipulati m'għandhomx jiġu maqbuża. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni dettaljata għandha ssir fuq il-bażi ta' l-elementi speċifiċi pożitivi u negattivi, meta jkunu relevanti għat-tip jew il-forma ta' għajnuna.

5.2.1.   Effetti pożittivi ta' l-għajnuna

(166)

Il-fatt li l-għajnuna twassal lill-impriżi sabiex ifittxu ħarsien ambjentali li altrimenti ma kinux se jfittxu jikkostitwixxi l-element pożittiv ewlieni li għandu jitqies meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta' l-għajnuna.

5.2.1.1.   Eżistenza ta' falliment tas-suq

(167)

B'mod ġenerali l-Kummissjoni m'hijiex ser tistaqsi jekk dawn l-esternalitajiet negattivi humiex relatati ma' ċerti tipi ta' mġieba jew l-użu ta' ċerti prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk għajnuna mill-Istat hijiex immirata lejn dan il-falliment fis-suq minħabba impatt sostanzjali fuq il-ħarsien ambjentali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari lill-kontribuzzjoni mistennija tal-miżura ta' ħarsien ambjentali (f'termini kwantifikabbli) u l-livell ta' ħarsien ambjentali mmirat, meta mqabbla ma' l-istandards Komunitarji eżistenti u/jew standards fi Stati Membri oħra.

(168)

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll il-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw għajnuna għall-adattament għall-istandards nazzjonali li jkunu ogħla mill-istandards Komunitarji. Il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari n-natura, it-tip u l-post tal-kompetituri ewlenin tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna, l-ispiża ta' l-implimentazzjoni ta' l-istandards nazzjonali (jew skemi ta' taxxa jew skemi ta' permessi negozjabbli rispettivament) għall-benefiċjarju ta' l-għajnuna f'każ li ma tingħata l-ebda għajnuna, u l-ispejjeż komparattivi għall-imlimentazzjoni ta' dawn l-istandards għall-kompetituri ewlenin tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna.

5.2.1.2.   Strument xieraq

(169)

Jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex strument xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta' ħarsien ambjentali jew le huwa element importanti fit-test ta' l-ibbilanċjar, meta jitqies li strumenti oħra li joħolqu inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultati u li l-għajnuna mill-Istat tista' tikkostitwixxi ksur tal-PPP.

(170)

Fl-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà, il-Kummissjoni tqis b'mod partikolari kwalunkwe stima ta' l-impatt tal-miżura proposta li l-Istat Membru seta' għamel, inklużi kunsiderazzjonijiet ta' użu ta' għażliet oħra ta' politika minbarra l-għajnuna mill-Istat, u provi li l-PPP se jkun imħares.

5.2.1.3.   L-effett ta' l-inċentiv u l-ħtieġa ta' għajnuna

(171)

L-għajnuna mill-Istat għandu dejjem ikollha effett ta' inċentiv, meta tkun mogħtija għal raġunijiet ambjentali, jiġifieri jkollha r-riżultat li d-destinatarju jibdel l-imġiba tiegħu sabiex jiżdied il-livell ta' ħarsien ambjentali fid-daqs jew fil-ħeffa. L-għajnuna ma tistax titqies meħtieġa biss minħabba li jiżdied il-livell ta' ħarsien ambjentali. Il-vantaġġi ta' investimenti ġodda jew metodi ta' produzzjoni huma normalment mhux limitati għall-effetti ambjentali tagħhom.

(172)

Flimkien mal-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali deskritt fil-Kapitolu 3, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin fl-analiżi tagħha:

a)

sitwazzjoni kontrofattwali: għandha tingħata prova dwar l-azzjoni(jiet) speċifiċi li kieku ma kienux jittieħdu mill-impriża mingħajr l-għajnuna, pereżempju, investiment ġdid, proċess ta' produzzjoni iktar favur l-ambjent u/jew prodott ġdid li huwa iktar favur l-ambjent;

b)

effett ambjentali mistenni marbut mal-bidla bl-imġieba: Mill-inqas wieħed minn dawn l-elementi jrid ikun preżenti:

i)

Żieda fil-livell ta' ħarsien ambjentali: tnaqqis ta' forma speċifika ta' tniġġis li ma kinitx titnaqqas mingħajr l-għajnuna;

ii)

Żieda fil-ħeffa ta' l-implimentazzjoni ta' standards futuri: tnaqqis fl-tniġġiż li jibda f'punt aktar bikri minħabba l-għajnuna;

c)

vantaġġi ta' produzzjoni: Jekk ikun hemm vantaġġi oħra marbuta ma' l-investiment f'termini ta' żieda fil-kapaċità, il-produttività, it-tnaqqis fl-ispejjeż u żieda fil-kwalità, l-effett ta' inċentiv ikun normalment aktar baxx. Dan huwa b'mod partikolari l-każ jekk il-benefiċċji matul il-ħajja ta' l-investiment huma sostanzjali, possibbilment tant li l-ispejjeż ambjentali addizzjonali jistgħu jiġu rkuprati saħansitra mingħajr għajnuna.

d)

il-kondizzjonijiet tas-suq: f'ċerti swieq, notevolment minħabba l-immaġini tal-prodott u tikkettjar tal-metodi ta' produzzjoni, jista' jkun hemm pressjoni kompetittiva biex jinżamm livell għoli ta' ħarsien ta' l-ambjent. Jekk hemm evidenza li l-livell ta' ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-għajnuna huwa ogħla mill-imġieba normali fis-suq, huwa iktar probabbli li l-għajnuna kellha effett inċentiv;

e)

Standards mandatorji possibbli fil-ġejjieni: Jekk ikun hemm negozjati fil-livell Komunitarji li jdaħħlu standards mandatorji ġodda jew ogħla li l-miżura in kwistjoni tfittex li tilħaq, l-effett ta' l-inċentiv ta' l-għajnuna jkun normalment aktar baxx.

f)

livell ta' riskju: Jekk ikun hemm riskju partikolari li l-investiment ikun inqas produttiv milli mistenni, l-effett ta' l-inċentiv ta' għajnuna jkun normalment ogħla;

g)

livell ta' profitabbiltà: Jekk il-livell ta' profitabilità ta' l-azzjoni mfittxa jkun negattiv fuq il-medda ta' żmien li fih l-investiment ikun deprezzat fl-intier tiegħu jew l-għajnuna ta' l-operazzjoni tkun maħsuba li tidħol fis-seħħ, meta jitqiesu l-vantaġġi u r-riskji kollha identifikati f'dan il-paragrafu, l-għajnuna għandu normalment ikollha effett ta' inċentiv.

(173)

Meta l-impriża tkun qed tadatta għal standard nazzjonali ogħla mill-istandards tal-Komunità jew adottat fin-nuqqas ta' standards tal-Komunità, il-Kummissjoni tivverifika li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna kien jintlaqat sostanzjalment, u ma kienx ikun f'qagħda li jerfa' l-ispejjeż assoċjati ma' l-implimentazzjoni immedjata ta' standards nazzjonali.

5.2.1.4.   Proporzjonalità ta' l-għajnuna

(174)

L-Istat Membru għandu jressaq provi li l-għajnuna hija meħtieġa, li l-ammont qed jinżamm fil-minimu u li l-proċess ta' għażla huwa proporzjonali. Fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni ser tqis l-elementi li ġejjin:

a)

kalkolu preċiż ta' l-ispejjeż eliġibbli: Prova li l-ispejjeż eliġibbli huma verament limitati għall-ispejjeż addizzjonali neċessarji biex jinkiseb il-livell ta' ħarsien ambjentali;

b)

il-proċedura ta’ l-għażla: Il-proċess ta' l-għażla għandu jsir b'mod mhux diskriminatorju, b'mod trasparenti u miftuħ, mingħajr ma jeskludi bla ħtieġa lil kumpaniji li jistgħu jikkompetu bi proġetti sabiex jindirizzaw l-istess għan ambjentali. Il-proċess ta' l-għażla għandu jwassal għall-għażla ta' benefiċjarji li jistgħu jindirizzaw l-għan ambjentali bl-użu ta' l-inqas ammont ta' għajnuna jew bl-aktar mod effiċjenti ta' nfiq;

c)

għajnuna limitata għall-minimu: Prova li l-ammont ta' l-għajnuna m'hijiex iktar min-nuqqas ta' profitabilità mistennija inkluż ritorn żgħir fuq iż-żmien li fih l-investiment jitlef il-valur.

5.2.2.   Analiżi tat-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

(175)

Fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-effetti negattivi tal-miżura ta' għajnuna, il-Kummissjoni tiffoka l-analiżi tagħha tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-impatt prevedibbli li jkollha l-għajnuna ambjentali bejn l-impriżi fis-swieq ta' prodotti effettwati (60).

(176)

Jekk l-għajnuna tkun proporzjonali, partikolarment jekk il-kalkolu ta' investiment addizzjonali jew l-ispejjeż ta' l-operazzjoni jkun ħa kont tal-vantaġġi kollha għall-impriża, l-impatt negattiv ta' l-għajnuna jkun x'aktarx limitat. Madankollu, kif imsemmi fit-taqsima 1.3.6 anke meta l-għajnuna hija neċessarja u proporzjonali sabiex l-impriża speċifika żżid il-ħarsien ambjentali, l-għajnuna tista' tirriżulta f'tibdil fl-imġieba tal-benefiċjarju li tgħawweġ il-kompetizzjoni. Impriża li tfittex li tagħmel profitt normalment iżżid il-livell ta' ħarsien ambjentali lil hinn mill-ħtiġijiet mandatorji biss jekk tqis li dan ser jirriżulta, ta' l-inqas b'mod marġinali, f'xi xorta ta' vantaġġ għall-impriża.

(177)

Bħala punt inizjali, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-probabilità li l-benefiċjarju jkun jista' jżid jew iżomm il-bejgħ bħala riżultat ta' l-għajnuna. Il-Kummissjoni għandha tqis, b'mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

a)

tnaqqis jew kumpens ta' l-ispejjeż ta' unità ta' produzzjoni: Jekk it-tagħmir il-ġdid (61) iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għal kull unità prodotta meta mqabbla mas-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna jew jekk l-għajnuna tikkumpensa parti mill-ispejjeż ta' operazzjoni, huwa probabbli li l-benefiċjarju jżid il-bejgħ. Iktar ma jkun elastiku l-prezz tal-prodott iktar tkun kbira d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

b)

proċess ta' produzzjoni iktar favur l-ambjent: Jekk il-benefiċjarju jikseb proċess ta' produzzjoni iktar favorevoli għall-ambjent u jekk ikun komuni permezz ta' tikketjar jew dehra li jiġi differenzjat il-prodott lejn konsumaturi fuq il-bażi tal-livell ta' ħarsien ambjentali, huwa probabbli li l-benefiċjarju jista' jżid il-bejgħ. Iktar ma tkun kbira l-preferenza tal-konsumatur għal karatteristiċi ta' prodotti ambjentali, iktar tkun kbira d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

c)

Prodott ġdid: Jekk il-benefiċjarju jikseb prodott ġdid jew ta' kwalità ogħla huwa probabbli li jżid il-bejgħ u possibbilment jiggwadanja vantaġġ “ħarrieki”. Iktar ma tkun kbira l-preferenza tal-konsumatur għal karatteristiċi ta' prodotti ambjentali, iktar tkun kbira d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

5.2.2.1.   Inċentivi dinamiċi/crowding out

(178)

Għajnuna mill-istat għal ħarsien ambjentali tista' tintuża b'mod strateġiku biex tippromwovi teknoloġiji innovattivi favur l-ambjent bil-għan li tagħti lill-produtturi domestiċi vantaġġ ħarrieki. B'konsegwenza, l-għajnuna tista' tfixkel l-inċentivi dinamiċi u jwassal għal distorsjoni fl-investimenti fit-teknoloġiji speċifiki fi Stati Membri oħra u jwasslu għal konċentrazzjoni ta' din it-teknoloġija f' Stat Membru wieħed. Iktar ma l-effet ikun għoli iktar il-kompetituri jnaqqsu l-isforz innovattiv tagħhom meta mqabbel mal-kontrofattwali ta' ebda għajnuna.

(179)

Fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni ser tqis l-elementi li ġejjin:

a)

l-ammont ta' l-għajnuna: iktar ma jkun għoli l-ammont ta' l-għajnuna, iktar hemm il-possibbiltà li parti minnha tista' tintuża sabiex ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. B'mod partikolari dan ikun il-każ jekk l-ammont ta' għajnuna jkun għoli meta mqabbel mad-daqs ta' l-attività ġenerali tal-benefiċjarju;

b)

il-frekwenza ta' l-għajnuna: jekk impriża tirċievi għajnuna b'mod ripetittiv, hemm possibbiltà akbar ta' distorsjoni ta' l-inċentivi dinamiċi;

c)

it-tul ta' żmien ta' l-għajnuna: jekk l-għajnuna ta' operat tingħata għal perjodu twil ta' żmien, hemm possibbiltà akbar li tkun distorta l-kompetizzjoni;

d)

it-tnaqqis gradwali ta' l-għajnuna: jekk l-għajnuna ta' l-operazzjoni titnaqqas maż-żmien, l-impriża jkollha inċentiv sabiex ittejjeb l-effiċjenza; u għalhekk id-distorsjoni ta' inċentivi dinamiċi tonqos biż-żmien;

e)

tħejjija sabiex jintlaħqu standards fil-futur: jekk l-għajnuna tippermetti lill-impriża kkonċernata tilħaq l-istandards Komunitarji ġodda mistennija li jkunu adottati fil-futur previst, l-investiment megħjun għandu jnaqqas l-ispejjeż ta' investimenti li l-impriża kien ikollha fi kwalunkwe każ tagħmel;

f)

il-livell ta' l-istandards regolatorji f'rabta ma' l-għanijiet ambjentali: aktar ma l-livell tal-ħtiġiet mandatorji, jkun baxx, aktar ikun għoli r-riskju li l-għajnuna sabiex wieħed imur lil hinn mill-ħtiġiet mandatorji ma tkunx neċessarja u li ser iġġib crowding out ta' l-investimenti jew tintuża b'mod li jwassal għal distorsjoni ta' inċentivi dinamiċi;

g)

riskju ta' sussidji trażversali: fejn l-impriża tkun qed tipproduċi firxa kbira ta' prodotti jew tipproduċi l-istess prodott billi tuża proċess konvenzjonali u proċess li jħares l-ambjent, ir-riskju ta' sussidju trażversali jkun ogħla;

h)

in-newtralità teknoloġika: fejn miżura tiffoka fuq teknoloġija waħda biss, ir-riskju ta' distorsjoni ta' l-inċentivi dinamiċi jkun ogħla;

i)

innovazzjoni li tikkompeti: fejn il-kompetituri barranin jiżviluppaw teknoloġija li jikkompetu (kompetizzjoni ta' innovazzjoni), iktar huwa possibbli li jsir distorsjoni ta' l-inċentivi ta' dinamika.

5.2.2.2.   Iż-żamma fil-wiċċ ta' ditti ineffiċjenti

(180)

L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tista' tkun ġustifikata bħala mekkaniżmu tranżitorju fil-mixja lejn allokazzjoni sħiħa ta' esternalitajiet negattivi ambjentali. Din m'għandhiex tintuża sabiex tagħti sostenn mhux meħtieġ lil impriżi li ma jkunux f'qagħda li jadattaw irwieħhom għal standards u teknoloġiji li jħarsu aktar l-ambjent minħabba l-livelli baxxi ta' effiċjenza tagħhom. Fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni ser tqis l-elementi li ġejjin:

a)

tip ta’ benefiċjarju: fejn il-benefiċjarju jkollu livell ta' produttività relattivament baxx u jkun f'qagħda finanzjarja ħażina, ikun aktar probabbli li l-għajnuna tikkontribwixxi sabiex iżżomm b'mod artifiċjali l-impriża fis-suq;

b)

kapaċità żejda fis-settur indirizzat mill-għajnuna: f'setturi fejn ikun hemm kapaċità żejda, l-għajnuna ta' l-investiment ikollha tendenza li żżomm kapaċità żejda u strutturi ineffiċjenti tas-suq;

c)

imġiba normali fis-settur indirizzat mill-għajnuna: jekk intrapriżi oħra fis-settur ikunu laħqu l-istess livell ta' ħarsien ambjentali mingħajr għajnuna, ikun aktar probabbli li l-għajnuna sservi sabiex iżżomm strutturi ta' kumpaniji ineffiċjenti fis-suq. Għalhekk, iktar ma tkun dgħajfa l-evidenza li PPP hija rispettata mill-benefiċjarju u ikbar il-perċentwali ta' spejjeż ambjentali esterni internalizzati mill-kompetituri tal-benefiċjarji iktar tkun sinifikanti d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

d)

importanza relativa ta' l-għajnuna: iktar ma jkunu kbir it-tnaqqis/kumpens għal spejjeż ta' produzzjoni varjabbli iktar ma tkun kbira d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

e)

il-proċedura ta’ l-għażla: jekk il-proċess ta' għażla jsir b'mod non-diskriminatorju, trasparenti u miftuħ huwa iktar possibbli li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żamma artifiċjali ta' l-impriza fis-suq. Iktar ma tkun mifruxa (f'termini ta' kopertura rilevanti tas-suq) u kompetittiva (f'termini ta' irkant/sejħa għall-offerti) l-allokazzjoni ta' sussidju, inqas ma tkun id-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

f)

selettività: jekk il-miżura li taħta tingħata l-għajnuna tkopri numru ta' benefiċjarji potenzjali relattivament għoli, jekk ikopri l-impriżi kollha fis-suq relevanti u jekk ma jeskludix kumpaniji li jistgħu jindirizzaw l-istess għan ambjentali huwa inqas probabbli li l-għajnuna żżomm kumpanijiet ineffiċjenti fis-suq.

5.2.2.3.   Saħħa fis-suq/imġiba li teskludi

(181)

Għajnuna għal ħarsien ambjentali li tingħata lil benefiċjarju tista' tintuża biex issaħħaħ jew iżżomm is-saħħa fis-suq fis-suq tal-prodott innifsu. Il-Kummissjoni ser tevalwa s-saħħa fis-suq tal-benefiċjarju kkonċernat qabel ma tingħata l-għajnuna, u l-bidla tas-saħħa fis-suq li tista' tkun mistennija bħala riżultat ta' l-għajnuna. Għajnuna għal ħarsien ambjentali mogħtija lil benefiċjarju b'saħħa sostanzjali fis-suq tista' tintuża minn dan il-benefiċjarju sabiex isaħħaħ jew iżomm is-saħħa tiegħu fis-suq, billi jiddiferenzja iżjed il-prodotti tiegħu jew jeskludi r-rivali tiegħu. Ftit hu possibbli li l-Kummissjoni tidentifika kwistjonijiet ta' kompetizzjoni marbuta mas-saħħa fis-suq fi swieq fejn kull benefiċjarju ta' l-għajnuna għandu sehem fis-suq ta' inqas minn 25 % u fi swieq li jkollhom konċentrazzjoni tas-suq bl-Indiċi Herfindahl-Hirschman ta' inqas minn 2 000.

(182)

Fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni ser tqis l-elementi li ġejjin:

a)

saħħa tas-suq tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna u struttura tas-suq: Fejn il-benefiċjarju jkun diġa jiddomina s-suq effettwat (62), il-miżura ta' l-għajnuna tista' ssaħħaħ din id-dominanza billi ddgħajjef iżjed ir-restrizzjoni kompetittiva li jistgħu jużaw il-kompetituri fuq l-impriża benefiċjarja;

b)

dħul ġdid: Fejn l-għajnuna tkun tirrigwarda swieq ta' prodotti jew teknoloġiji li jikkompetu mal-prodotti fejn il-benefiċjarju ta' l-għajnuna jkun stabbilit u jkollu saħħa fis-suq, l-għajnuna tista' tintuża strateġikament sabiex twaqqaf dħul ġdid. Għalhekk, jekk l-għajnuna m'hijiex disponibbli għal applikanti ġodda, ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni jkun ogħla;

c)

differenzjazzjoni tal-prodott u diskriminazzjoni fil-prezz: L-għajnuna jista' jkollha l-effett negattiv li tiffaċilita d-differenzjazzjoni tal-prodott u d-diskriminazzjoni fil-prezz mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna, għad-dannu tal-konsumaturi;

d)

saħħa tax-xerrej: Fejn hemm xerrejja b'saħħithom fis-suq, huwa inqas probabbli li benefiċjarju ta' għajnuna bis-saħħa fis-suq jista' jżid il-prezzijiet f'dak li jirrigwarda x-xerrejja b'saħħithom. Għalhekk, iktar ma tkun qawwija s-saħħa tax-xerrej inqas ikun probabbli li din l-għajnuna tagħmel ħsara lill-konsumaturi.

5.2.2.4.   Effetti fuq il-kummerċ u l-post

(183)

L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali jista' jkollha r-riżultat li xi territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tal-produzzjoni aktar favorevoli, partikolarment minħabba spejjeż ta' produzzjoni komparattivament aktar baxxi b'riżultat ta' l-għajnuna, jew minħabba standards ogħla ta' produzzjoni miksuba permezz ta' l-għajnuna. Dan jista' jkollu r-riżultat li kumpaniji jmorru fit-territorji megħjuna, jew li jkun hemm spostament tal-kummerċ lejn iż-żona megħjuna.

(184)

B'konsegwenza, l-għajnuna titfa l-profitti fuq l-Istati Membri fis-suq tal-prodott ikkonċernat mill-għajnuna kif ukoll fi swieq ta' input.

(185)

In its analysis, the Commission will consider whether there is evidence that the beneficiary had considered other locations for its investment, in which case it is more likely that the aid significantly distorts competition.

5.2.3.   Ibbilanċjar u deċiżjonijiet

(186)

Fid-dawl ta' dawn l-elementi pożittivi u negattivi, il-Kummissjoni ser twieżen l-effetti tal-miżura u tiddetermina jekk id-distorsjonijiet li jirriżultaw ifixklux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Ideally, the positive effects and the negattive effects should be expressed using the same referential (per eżempju. Spejjeż esterni evitati kontra t-telf ta' profitti tal-kompetitur f'unitajiet monetarji).

(187)

In ġenerali, iktar ma jkun għoli l-benefiċċju ambjentali u iktar ma jkun stabbilit b'mod ċar li l-ammont ta' l-għajnuna huwa limitat għall-ammont minimu neċessarju, iktar ikun probabbli li jingħata apprezzament pożittiv. Min-naħa l-oħra iktar ma tkun kbira l-indikazzjoni li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni mill-għajnuna ser tkun sinifikanti, inkaż huwa probabbli apprezzament pożittiv. Jekk l-effetti pożittivi mistennija huma mifruxa u d-distorsjonijiet huma probabbilment ikar sinifikanti, l-apprezzament jiddependi fuq il-firxa li fuqha l-effetti pożittivi huma kkunsidrati li jgħelbu l-effetti negattivi.

(188)

Il-Kummissjoni ma tista' tqajjem ebda oġġezzjonijiet għall-miżura ta' għajnuna notifikata mingħajr ma tibda l-proċedura formali ta' investigazzjoni jew, wara l-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura b'deċiżjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament. Fil-każ li tieħu deċiżjoni soġġetta għal kundizzjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(4) ta' dak ir-Regolament, hija tista' per eżempju tikkunsidra li tapplika l-kundizzjonijiet li ġejjin, li għandhom inaqqsu d-distorsjonijiet jew l-effett fuq il-kummerċ li jirriżultaw u jkunu proporzjonali:

a)

intensitajiet ta' għajnuna iktar baxxi mill-intensitajiet massimi permessi fil-Kapitolu 3;

b)

separazzjoni tal-kontijiet sabiex ikun evitat is-sussidju trażversali minn suq għall-ieħor, meta l-benefiċjarju jkun attiv f'aktar minn suq wieħed;

c)

ħtiġijiet addizzjonali li jridu jiġu sodisfatti biex jitjieb l-effett ambjentali tal-miżura;

d)

l-ebda diskriminazzjoni kontra benefiċjarji potenzjali oħra (selettività mnaqqsa).

6.   AKKUMULAZZJONI

(189)

L-ammonti massimi ta' għajnuna stabbiliti b'dawn il-Linji gwida għandhom japplikaw irrispettivament minn jekk is-sostenn għall-proġett megħjun huwiex iffinanzjat kompletament minn riżorsi ta' l-Istat jew huwiex parzjalment iffinanzjat mill-Komunità.

(190)

L-għajnuna awtorizzata taħt dawn il-Linji gwida ma tistax tiġi kkombinata ma' għajnuniet oħra mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jew ma' forom oħra ta' finanzjament Komunitarju jekk dawn l-għajnuniet flimkien jipproduċu intensità ta' għajnuna ogħla minn dik stabbilita f'dawn il-Linji gwida. Madankollu, fejn in-nefqa eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali tkun eliġibbli fl-intier jew f'parti minnha għal għajnuna għal għanijiet oħra, il-porzjon komuni jkun soġġett għall-massimu ta' l-għajnuna l-aktar favorevoli taħt ir-regoli applikabbli.

(191)

L-għajnuna għall-ħarsien ambjentali m'għandhiex tkun kumulata b'għajnuna de minimis fir-rigward ta' l-istess spejjeż eliġibbli jekk tali kumulu jirriżulta f'intensità ta' għajnuna li taqbeż lil dik stabbilita f'dawn il-Linji gwida.

7.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

7.1.   Rappurtar Annwali

(192)

Skond il-ħtiġijiet tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tat-21 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (63), l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni.

(193)

Lil hinn mir-rekwiżiti stipulati f'dawk id-dispożizzjonijiet, ir-rapporti annwali għall-miżuri ta' għajnuna ambjentali għandu jkollhom, għal kull skema approvata, it-tagħrif li ġej, fir-rigward ta' impriżi kbar:

l-ismijiet tal-benefiċjarji;

l-ammont ta' għajnuna għal kull benefiċjarju;

l-intensità ta' l-għajnuna;

id-deskrizzjoni ta' l-għan tal-miżura u tat-tip ta' ħarsien ambjentali li hija maħsuba tippromwovi;

is-setturi ta' attività fejn ser jitwettqu l-proġetti megħjuna;

spjegazzjoni ta' kif l-effett ta' l-inċentiv ġie rrispettat, partikolarment bl-użu ta' l-indikaturi u l-kriterji msemmija fil-Kapitolu 5 hawn fuq.

(194)

Fil-każ ta' eżenzjonijiet jew tnaqqis ta' taxxa, l-Istat Membru għandu biss jipprovdi t-test(i) leġiżlattivi u/jew regolatorji li jistabbilixxu l-għajnuna, u d-dettalji tal-kategoriji ta' impriżi li jkunu qed jibbenefikaw mit-tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxa u s-setturi ta' l-ekonomija l-aktar effettwati minn dawn l-eżenzjonijiet/tnaqqis ta' taxxa.

(195)

Ir-rapporti annwali għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit ta' l-internet tal-Kummissjoni.

7.2.   It-trasparenza

(196)

Il-Kummissjoni tqis li miżuri ulterjuri huma meħtieġa sabiex itejbu t-trasparenza ta' l-għajnuna mill-Istat fil-Komunità. B'mod partikolari, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni stess ikollhom aċċess faċli għat-test sħiħ ta' l-iskemi kolla ta' għajnuna ambjentali applikabbli.

(197)

Dan jista' jinkiseb faċilment permezz tat-twaqqif ta' siti ta' l-internet konnessi. Għal din ir-raġuni, meta teżamina l-iskemi ta' l-għajnuna ambjentali, il-Kummissjoni ser titlob b'mod sistematiku lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippubblika fuq l-internet it-test sħiħ ta' l-iskemi finali kollha ta' l-għajnuna u biex jikkomunika l-indirizz ta' l-internet tal-pubblikazzjoni lill-Kummissjoni. L-iskema m'għandhiex tkun applikata qabel ma l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq l-internet.

7.3.   Monitoraġġ u valutazzjoni

(198)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinżammu reġistri dettaljati dwar l-għoti ta' għajnuna għall-miżuri ambjentali kollha. Tali reġistri, li għandu jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun stabbilit li l-ispejjeż eliġibbli u l-intensità massima ta' għajnuna permissibbli jkunu ġew osservati, għandhom jinżammu għal għaxar snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna u għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni meta titlobhom.

(199)

Il-Kummissjoni ser titlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu din l-informazzjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' dawn il-Linji gwida erba' snin wara li jiġu ppublikati (64).

7.4.   Miżuri xierqa

(200)

Il-Kummissjoni b'dan tipproponi lill-Istati Membri, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 88(1) tat-Trattat tal-KE, il-miżuri xierqa li ġejjin dwar l-iskemi rispettivi ta' għajnuna ambjentali eżistenti tagħhom:

L-Istati Membri għandhom jemendaw, fejn meħtieġ, tali skemi sabiex iġibuhom konformi ma' dawn il-Linji gwida fi żmien 18-il xahar wara l-pubblikazzjoni, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

i)

L-Istati Membri għandhom jemendaw, fejn meħtieġ, skemi dwar għajnuna taħt il-forma ta' tnaqqis ta' taxxa jew eżenzjoni koperti mid-Direttiva 2003/96/KE qabel il-31 ta' Diċembru 2012;

ii)

il-limitu l-ġdid għall-proġetti individwali msemmi fil-punt 160 għandu japplika mill-ewwel ġurnata wara l-pubblikazzjoni ta' dawn il-Linji gwida fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

iii)

id-dover li jiġu pprovduti rapporti annwali iktar dettaljati għandu japplika għal għajnuna mogħtija taħt skemi ta' għajnuna eżistenti mill-1 ta' Jannar 2009.

(201)

L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għal dawn il-miżuri xierqa proposti fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dawn il-Linji gwida fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta' tweġiba, il-Kummissjoni ser tassumi li l-Istat Membru in kwistjoni ma jaqbila mal-miżuri proposti.

7.5.   Applikazzjoni, validità u reviżjoni

(202)

Dawn il-Linji gwida għandhom japplikaw mill-ewwel ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandhom jissostitwixxu l-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tat-3 ta' Frar 2001 (65).

(203)

Dawn il-Linji gwida jkunu applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2014. Wara l-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' temendahom qabel dik id-data fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet importanti tal-politika tal-kompetizzjoni jew tal-politika ambjentali jew sabiex jittieħed kont ta' linji oħra ta' politika Komunitarja jew impenji internazzjonali. B'mod partikolari, tali emendi jistgħu jkunu meħtieġa fid-dawl ta' ftehimiet internazzjonli futuri fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u — leġiżlazzjoni Ewropea futura dwar it-tibdil fil-klima. Erba' snin wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' dawn il-linji gwida bbażata fuq tagħrif fattwali u r-riżultati ta' konsultazzjonijiet wiesgħa mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi, partikolarment, ta' data pprovduta mill-Istati Membri. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ta' l-Istati Membri.

(204)

Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-Linji gwida għall-proġetti kollha ta' għajnuna nnotifikati illi fir-rigward tagħhom hija tkun mitluba tieħu deċiżjoni wara illi l-linji gwida jkunu ġew pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tal-Linji gwida. Dan jinkludi għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskemi ta' għajnuna approvati u notifikati lill-Kummissjoni skond obbligu ta' notifika individwali ta' tali għajnuna.

(205)

Skond l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat (66), il-Kummissjoni għandha tapplika fil-każ ta' għajnuna mhux notifikata:

a)

dawn il-Linji gwida jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara l-pubblikazzjoni tagħhom;

b)

il-linji gwida applikabbli meta l-għajnuna tkun ingħatat fil-każijiet l-oħra kollha.


(1)  COM(2005) 107 finali.

(2)  Ara l-Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, para 10.

(3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(4)  L-oqsma ta’ prijorità huma: tibdil fil-klima, in-natura u l-biodiversità, l-ambjent u s-saħħa u r-riżorsi naturali u l-iskart. Is-saħħa m'hijiex koperta minn dawn il-linji gwida.

(5)  F'dak li jirrigwarda dan ta' l-aħħar irreferi għall-Green Paper dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta' politika relatati, 28 ta' Marzu 2007, COM(2007) 140 finali.

(6)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(7)  Pjan ta' Azzjoni ta' l-Għajnuna mill-Istat, para. 11 u 20, kif elaborat f'aktar dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-innovazzjoni, KOM (2005) 436 finali 21.9.2005.

(8)  Dan jista' jinkludi attivitajiet bħar-rilaxx ta' tniġġis kimiku fl-ambjent, jew, pereżempju, li jibdel fiżikament l-ambjent ta' l-ilma, u b'hekk ikun qed jinħoloq tkixkil ta' l-ekosistemi jew attivitajiet li jkollhom impatt negattiv fuq l-istatus tar-riżorsi ta' l-ilma.

(9)  Produzzjoni iktar favur l-ambjent tista' tirriżulta pereżempju, f'aktar possibilitajiet ta' reċiklaġġ ta' materjal ta' skart, biex b'hekk tiġġenera dħul addizzjonali. Jista' jkun possibbli wkoll li jiżdied il-prezz jew il-bejgħ ta' prodotti li huma meqjusa bħala iktar favur l-ambjent u għalhekk iktar jidhru attraenti għall-konsumatur.

(10)  Produzzjoni aktar favur l-ambjent tista' partikolarment tirriżulta fi tnaqqis tal-konsum ta' l-enerġija u l-materjali bażiċi.

(11)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(12)  Għajnuna mogħtija taħt forma ta' għajnuna fiskali skond il-Kapitolu 3 tkun suġġetta għal valutazzjoni dettaljata jekk jinqabżu l-limiti fil-Kapitolu 5.

(13)  COM(2007) 1 finali.

(14)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(15)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

(16)  COM(2006) 845 finali.

(17)  COM(2008) 19 finali Ladarba d-Direttiva tigi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni tapplika l-kriterji ta' sostenibbiltà fit-test finali.

(18)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubruu 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Diretiva kif ememdata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1) B'mod partikolari l-Artikolu 4(7) li jistipula kriterji li jippermettu tibdil ġdid ta' korpi ta' l-ilma.

(19)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

(20)  COM(2006) 545 finali.

(21)  L-immaniġġjar ta' l-iskart jinkludi l-utilizzazzjoni mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru.

(22)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(23)  Il-Kummissjoni tista' tevalwa mill-ġdid l-istrateġija lejn dan it-tip ta' għajnuna meta tirrevedi d-Direttiva 2003/96/KE.

(24)  L-għan ta' dawn il-linji gwida mhuwiex li jkun diskuss il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, li jiġi mill-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti tal-Prim'Istanza.

(25)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(26)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(27)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(28)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(29)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regoalment (KE) Nru 1976/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 85) Meta r-Regolament ta' l-Eżenzjoni Ġenerali l-ġdid li jkopri l-għajnuna għat-taħriġ jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid għandu jkun applikabbli.

(30)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1976/2006. Meta jiġi adottat ir-regolament il-ġdid dwar il-block exemptions li jkopru l-għajuna lill-SMEs, japplika r-regolament il-ġdid.

(31)  Adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001 u kkomunikata lill-Istati Membri bl-ittra ref. SG(2001) D/290869 tas-6 ta' Awwissu 2001.

(32)  Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħażna ġeoloġika tad-diossidu tal-karbonju COM(2008) 18 finali.

(33)  Ara b'mod partikolari is-Sitt Programm Qafas ta' Azzjoni Ambjentali.

(34)  B'konsegwentament, l-istandards jew il-miri stabbiliti fil-livell Komunitarju li jorbtu għall-Istati Membri imma mhux għall-impriżi li jorbtu m'humiex meqjusa bħala “standards Komunitarji”.

(35)  COM(2008) 19 finali Ladarba d-Direttiva tigi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni tapplika l-kriterji ta' sostenibbiltà fit-test finali.

(36)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 183.

(37)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

(38)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1975 fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż u l-azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi dwar materji ambjentali (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 1).

(39)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1975 fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż u l-azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi dwar materji ambjentali.

(40)  Madankollu, għajnuna għal adattament minn kmieni għall-istandards futuri u għall-akkwist ta' vetturi ġodda għat-trasport huwa possibbli taħt il-kundizzjonijiet żviluppati fit-taqimiet 3.1.3 u 3.1.2.

(41)  Fl-evalwazzjoni tal-paragrafu 78(b), jekk il-parametri kwantitattivi jistgħu jintużaw sabiex jiġu pparagunati attivitajiet eko-innovattivi ma' attivitajiet standard li m'humiex innovattivi, “ogħla ferm” tfisser li t-titjib marġinali mistenni minn attivitajiet eko-innovattivi, f'termini ta' riskju ambjentali jew tniġġis imnaqqas, jew effiċjenza mtejba fl-enerġija jew fir-riżorsi, għandu jkun mill-inqas darbtejn ogħla mit-titjib marġinali mistenni mill-iżvilupp ġenerali ta' attivitajiet paragunabbli li m'humiex innovattivi.

Fil-każ li l-istrateġija proposta ma tkunx xierqa għal każ speċifiku, jew jekk l-ebda tqabbil kwantitattiv ma jkun possibbli, il-fajl ta' applikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tal-metodu użat fl-evalwazzjoni ta' dan il-kriterju biex b'hekk jiżgura standard komparabbli għal dak tal-metodu propost.

(42)  Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, fejn proċess eżistenti ta' produzzjoni jiġi mtejjeb u fejn il-partijiet stess li jtejjbu l- prestazzjoni ambjentali jistgħu jiġu definiti b'mod ċar.

(43)  Il-kunċett ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni għandu jinftiehem bħala dawk li jkunu netti minn kwalunkwe għajnuna iżda jinkludu livell normali ta' profitt.

(44)  Bl-esklużjoni ta' l-infrastruttura ta' tisħin distrettwali, il-finanzjament li ma jaqax fl-ambitu ta' dawn il-Linji Gwida imma ser ikun evalwat biss taħt l-Artikolu 87(3)(c).

(45)  Il-klassifika mogħtija fil-Komunikazzjoni mil-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta' l-Istrateġija tal-Komunità għall-immaniġġjar ta' l-iskart (COM(96) 399 finali, 30.7.1996). F'din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza illi l-immaniġġjar ta' l-iskart hija prijorità fl-għanijiet tal-Komunità sabiex jitnaqqsu r-riskji lill-ambjent. Il-kunċett ta' trattament ta' l-iskart irid jiġi analizzat minn tliet angoli: l-utilizzazzjoni mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Skart illi l-produzzjoni tiegħu tkun inevitabbli għandu jiġi ttrattat u eliminat mingħajr periklu. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-Istrateġija Tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart (COM(2005) 666), il-Kummissjoni sostniet l-impenn tagħha lejn dawn il-prinċipji u tħalli spazju għal miżuri konkreti lejn il-promozzjoni tal-prevenzjoni u r-riċiklaġġ, bħall-eko-disinn tal-proċessi u l-prodotti jew inċentivi sabiex l-SME's jimplimentaw dispożizzjonijiet ta' prevenzjoni ta' tniġġiż, u reċiklaġġ.

(46)  “Dak li hu l-aktar avvanzat” għandu jfisser proċess li fih l-użu ta' prodott ta' l-iskart sabiex ikun manifatturat prodott aħħari jkun prattika normali u ekonomikament profittabbli. Fejn xieraq, il-kunċett ta' “dak li hu l-aktar avvanzat” għandu jkun interpetat minn perspettiva Komunitarja teknoloġika u ta' suq komuni.

(47)  Jekk l-investimenti jirrigwardaw biss il-ħarsien ambjentali mingħajr ebda benefiċċji ekonomiċi oħra, ma jkun applikat ebda tnaqqis addizzjonali fid-determinazzjoni ta' l-ispejjeż eliġibbli.

(48)  Xogħol ta' rimedjazzjoni mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fuq l-art tagħhom stess mhux, bħala tali, soġġett għall-Artikolu 87 tat-Trattat. Problemi ta' l-għajnuna mill-Istat jistgħu, madankollu, jirriżultaw jekk l-art tiġi mibjugħa wara r-rimedjazzjoni bi prezz li jkun anqas mill-valur tagħha tas-suq. F'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Elementi ta' għajnuna mill-Istat fil-bejgħ ta' artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi” (ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3) għadu applikabbli.

(49)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368)

(50)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/101/KE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 18).

(51)  Il-Kummissjoni evealwat l-għajuna mill-istat involuta fil-Pjanijiet Nazzjoanli ta' Allokazzjoni taħt l-UE ETS għal perjodu ta' skambju li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2012 fuq il-bażi ta'kriterji stipulati fil-punt 140.

(52)  Ara l-punt 70 (15).

(53)  Per eżempju, it-tnaqqis jew eżenzjonijiet minn taxxi li m'humiex koperti mill-leġislazzjoni Komunitarja jew li huma taħt il-livell minimu ta' taxxa tal-Komunità.

(54)  Kif definit fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq relevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5).

(55)  F'dak li jirrigwarda l-prodotti ta' enerġija u elettriku “negozji konċentrat fl-enerġija” kif definit fl Artikolu 17(1))a) tad-Direttiva 2003/96/KE għandha tiġi meqjusa bħala li jissodisfa dan il-kriterju sakemm din id-dispożizzjoni tibqa fis-seħħ.

(56)  Kif definit fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq relevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità.

(57)  Huwa irrelevant għal dawn l-għanijiet jekk il-monitoraġġ isir minn entità pubblika jew privata.

(58)  Din tapplika wkoll irrispettivament jekk l-benefiċjarju individwali jibbenefikax jew le fl-istess ħin minn eżenzjoni tat-taxxa jew tnaqqis evalwat taħt il-Kapitolu 4.

(59)  Eżenzjonijiet tat-taxxa u tnaqqis minn taxxi ambjentali li jaqgħu taħt il-Kapitolu 4 ta' dawn il-linji gwida mhux ser ikunu suġġetti għal evalwazzjoni dettaljata. Madankollu, għajnuna mogħtija taħt forma ta' għajnuna fiskali skond il-Kapitolu 3 tkun suġġetta għal valutazzjoni dettaljata jekk jinqabżu l-limiti f'dan il-punt.

(60)  Numru ta' swieq jistgħu jiġu effettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt ta' l-għajnuna jista' ma jkunx limitat għas-suq li jikkorrispondi għall-attività megħjuna, iżda għal swieq oħra, marbuta magħha minħabba li jkunu konnessi ma dak is-suq jew gtħax ikunu upstream, downstream jew kumplimentari, jew għax il-benefiċjarju jkun diġà preżenti jew se jkun preżenti fil-futur qrib.

(61)  Il-kalkolu ta' l-ispejjeż addizzjonali jistgħu ma jkoprux il-benefiċċji operazzjonali kollha, minħabba li l-benefiċċji ma jitnaqqsux matul il-ħajja ta' l-investiment. Barra minn hekk, ċerti tipi ta' benefiċċji per eżempju dawk marbuta ma' żieda fil-produttività u żieda fil-produzzjoni b'ħiliet li jibqgħu l-istess jistgħu jkunu kkunsidrati diffiċilment.

(62)  Numru ta' swieq jistgħu jiġu effettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt ta' l-għajnuna jista' ma jkunx limitat għas-suq li jikkorrispondi għall-attività megħjuna, iżda għal swieq oħra, marbuta magħha minħabba li jkunu upstream, downstream jew kumplimentari, jew fejn il-benefiċjarju jkun diġà preżenti jew se jkun preżenti fil-futur qrib.

(63)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006, p. 1).

(64)  F'dak il-proċess, jista' jkun li l-Istati Membri jkunu jridu jgħinu lill-Kummissjoni billi jipprovdu l-evalwazzjoni ex post tagħhom ta' l-iskemi u l-miżuri individwali.

(65)  ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3.

(66)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.


ANNESS

TABELLA LI TURI L-INTENSITAJIET TA' L-GĦAJNUNA GĦALL-GĦAJNUNA TA' L-INVESTIMENT BĦALA PARTI MILL-ISPEJJEŻ ELIĠIBBLI

 

Intrapriża zgħira

Intrapriżi ta' daqs medju

Intrapriża kbira

Għajnuna għall-impriżi li huma ogħla mill-istandards tal-Komunità Jew li jżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta' standards tal-Komunità

70 %

80 % jekk eko-innovazzjoni

100 % jekk Proċess ta' offerti

60 %

70 % jekk eko-innovazzjoni

100 % jekk Proċess ta' offerti

50 %

60 % jekk eko-innovazzjoni

100 % jekk Proċess ta' offerti

Għajnuna għal studji dwar l- ambjent

70 %

60 %

50 %

Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji futuri

 

 

 

aktar minn 3 snin

25 %

20 %

15 %

bejn sena u 3 snin

20 %

15 %

10 %

qabel id-dħul fis-seħħ

 

 

 

L-għajnuna għall-immaniġġjar ta' l-iskart

70 %

60 %

50 %

Għajnuna għall-enerġiji li jiġġeddu

80 %

100 % jekk proċess ta' offerti

70 %

100 % jekk proċess ta' offerti

60 %

100 % jekk proċess ta' offerti

Għajnuna għall-konservazzjoni ta' l-enerġija

Għajnuna għal installazzjonijiet ta' koġenerazzjoni

80 %

100 % jekk proċess ta' offerti

70 %

100 % jekk proċess ta' offerti

60 %

100 % jekk proċess ta' offerti

Għajnuna għat-tisħin distrettwali bl-użu ta' enerġija konvenzjonali

70 %

100 % jekk proċess ta' offerti

60 %

100 % jekk proċess ta' offerti

50 %

100 % jekk proċess ta' offerti

Għajnuna għar-rimedjazzjoni ta' siti mniġġsa

100 %

100 %

100 %

Għajnuna għar-rilokazzjoni ta' impriżi

70 %

60 %

50 %


Top