EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0638

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Frar 2023.
T.C. et vs M.C. u Prokurator Prokuratury Okręgowej we Wrocławiu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Sekwestru internazzjonali ta’ minuri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Rekwiżit ta’ ħeffa tal-proċedura ta’ ritorn – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, mogħtija ipso jure, fuq talba ta’ entità pubblika awtorizzata, intiża li tippermetti lil din l-entità tippreżenta appell ta’ kassazzjoni u l-eżami tiegħu mill-qorti kompetenti – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-638/22 PPU.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:103

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Sekwestru internazzjonali ta’ minuri – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980 – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Rekwiżit ta’ ħeffa tal-proċedura ta’ ritorn – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni definittiva li tordna ritorn, mogħtija ipso jure, fuq talba ta’ entità pubblika awtorizzata, intiża li tippermetti lil din l-entità tippreżenta appell ta’ kassazzjoni u l-eżami tiegħu mill-qorti kompetenti – Inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-638/22 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

T.C.,

Rzecznik Praw Dziecka,

Prokurator Generalny

fil-preżenza ta’:

M.C.,

Prokurator Prokuratury Okręgowej we Wrocławiu

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), President tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T.C., minn I. Antkowiak, adwokat, M. Bieszczad, radca prawny, u D. Kosobucki, adwokat,

għal M.C., minn A. Śliwicka, adwokat,

għall-Prokurator Generalny, minn S. Bańko, R. Hernand u E. Tkacz,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u E. Timmermans, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. S. Schillemans, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243 u r-rettifika ĠU 2013, L 82, p. 63), kif ukoll tal-Artikoli 22 u 24, tal-Artikolu 27(6) u tal-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 178, p. 1) moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura, mibdija minn T.C., li huwa missier ta’ żewġ ulied minuri, intiża għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fl-Irlanda ta’ dawn l-ulied, imneħħija mill-Polonja minn M.C., li hija ommhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, iffirmata f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980”), għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, li b’mod partikolari tipproteġi lill-wild minuri, fil-livell internazzjonali, mill-effetti dannużi ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali u li tistabbilixxi proċeduri bl-għan li jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-wild minuri fl-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu. Din il-konvenzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983, ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

4

Skont l-Artikolu 1(a) ta’ din il-konvenzjoni, din għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri mneħħija jew miżmuma illegalment f’kull Stat kontraenti.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“L-Istati kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw, fil-limiti tat-territorju tagħhom, it-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, huma għandhom jirrikorru għall-proċeduri ta’ urġenza tagħhom.”

6

L-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni jipprevedi li:

“It-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali meta:

a)

iseħħu bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja, vestit f’persuna, istituzzjoni jew organu ieħor, individwalment jew b’mod konġunt, mid-dritt tal-Istat fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu; u

b)

dan id-dritt kien eżerċitat effettivament individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun hekk eżerċitat li kieku ma seħħewx dawn l-avvenimenti.

[…]”

7

L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprevedi:

“L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ kull Stat kontraenti għandhom jipproċedu b’urġenza fir-rigward tar-ritorn tal-minuri.”

8

L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 12 ta’ din il-konvenzjoni huma fformulati kif ġej:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm inġustament fis-sens tal-Artikolu 3 u meta jkun għadda perijodu ta’ inqas minn sena mit-tneħħija jew miż-żamma fil-mument li fih titressaq it-talba quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat kontraenti li fih ikun jinsab il-minuri, l-awtorità adita għandha tordna r-ritorn immedjat tiegħu.

L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta l-proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il-perijodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-wild kemm-il darba ma jiġix pruvat li l-wild ikun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.”

9

Skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il-persuna, istituzzjoni jew entità oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

[…]

b)

jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2201/2003

10

Il-premessi 17 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(17)

F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġust[i] ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati tal-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skont kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji [tal-Karta]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 [tal-Karta].”

11

L-Artikolu 11(1) u (3) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi [tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.”

Ir‑Regolament 2019/1111

12

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2019/1111 jipprevedi:

“Fejn persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li jallega ksur tad-drittijiet ta’ kustodja japplika, direttament jew bl-assistenza ta’ Awtorità Ċentrali, lill-qorti fi Stat Membru għal deċiżjoni fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 li tordna r-ritorn ta’ minuri taħt is-16-il sena li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali, l-Artikoli 23 sa 29, u l-Kapitolu VI, ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw u jikkumplementaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

13

L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Qorti li tirċievi applikazzjoni għar-ritorn ta’ minuri msemmija fl-Artikolu 21 għandha taġixxi b’mod rapidu fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċeduri rapidi disponibbli skont il-liġi nazzjonali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 qorti ġenerali għandha, ħlief fejn ċirkostanzi eċċezzjonali ma jippermettux dan, tagħti d-deċiżjoni tagħha mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li tiġi invokata.

3.   Ħlief fejn ċirkostanzi eċċezzjonali ma jippermettux dan, qorti ta’ istanza ogħla għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jkunu ttieħdu l-passi proċedurali meħtieġa kollha u l-qorti tkun f’pożizzjoni li teżamina l-appell, jew permezz ta’ seduta jew b’xi mod ieħor.”

14

L-Artikolu 27(6) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri tista’ tiġi ddikjarata infurzabbli proviżorjament, minkejja xi appell, fejn ir-ritorn tal-minuri qabel ma tkun meħtieġa d-deċiżjoni dwar l-appell tkun meħtieġa fl-aħjar interessi tal-minuri.”

15

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Awtorità kompetenti għall-infurzar li lilha tkun saret applikazzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ minuri għal Stat Membru ieħor, għandha taġixxi b’mod rapidu fl-ipproċessar tal-applikazzjoni.

2.   Meta deċiżjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx ġiet infurzata fi żmien sitt ġimgħat mid-data meta jkunu nbdew il-proċedimenti ta’ infurzar, il-parti li tfittex l-infurzar jew l-Awtorità Ċentrali tal-Istat Membru tal-infurzar għandu jkollha d-dritt li titlob dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-dewmien mill-awtorità kompetenti tal-infurzar.”

16

Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 2019/1111:

“1.   Dan ir-Regolament japplika biss għall-azzjonijiet legali meħuda, għall-istrumenti awtentiċi li ġew formalment imfassla jew irreġistrati u għall-ftehimiet irreġistrati fi jew wara l-1 ta’ Awwissu 2022.

2.   Ir-[Regolament Nru 2201/2003] għandu jkompli japplika għad-deċiżjonijiet fil-kawżi li saru’, għall-istrumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għall-ftehimiet li saru infurzabbli fi Stat Membru fejn kienu ġew konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2022 u li jaqgħu fil-kamp ta applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

Id-dritt nazzjonali Pollakk

17

L-Artikolu 388(1) tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprevedi:

“Meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tkun ta’ natura li tikkawża dannu irreparabbli lil parti, il-qorti tat-tieni istanza tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-proċedura tal-appell tintemm. Meta appell jiġi miċħud, il-qorti tat-tieni grad tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.”

18

L-Artikolu 5182(1) ta’ dan il-kodiċi jistipula:

“Fil-kawżi li jirrigwardaw l-irtirar ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt tutela, imressqa abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, il-qorti tat-tieni grad hija s-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja).”

19

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi:

“21.   Appell ta’ kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat ukoll fil-proċeduri li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt kustodja mibdija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980.

22.   Fil-kawżi msemmija fl-Artikolu 21, il-Prokurator Generalny [(il-Prosekutur Ġenerali)], ir-Rzecznik Praw Dziecka [(il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Minuri)] u r-Rzecznik Praw Obywatelskich [(l-Ombudsman)] ukoll jistgħu jippreżentaw appell fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni tkun saret definittiva.”

20

L-ustawa o zmianie ustawy Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li temenda l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ April 2022 (Dz. U. tal-2022, pożizzjoni 1098), li daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2022”), emendat il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili billi inkludiet diversi dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

21

B’hekk, l-Artikolu 3881 ta’ dan il-kodiċi, imdaħħla f’dan tal-aħħar bil-Liġi tal-2022, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-kawżi li jikkonċernaw it-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt kustodja mressqa abbażi tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1980], l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jkun jikkonċerna t-tneħħija ta’ persuna suġġetta għall-awtorità tal-ġenituri jew taħt għandu jiġi sospiż ipso jure meta persuna msemmija fil-paragrafu 22 tal-Artikolu 5191, tkun ressqet talba għal dan il-għan quddiem il-qorti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 5182,fi żmien ġimagħtejn mill-jum li fih dan id-digriet ikun sar definittiv.

2.   Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet, imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tintemm jekk il-persuna msemmija fil-paragrafu 22 tal-Artikolu 5191 ma tippreżentax appell ta’ kassazzjoni fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan id-digriet ikun sar definittiv.

3.   Meta l-persuna msemmija fil- paragrafu 22 tal-Artikolu 5191 tippreżenta appell ta’ kassazzjoni fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-digriet imsemmi fil-paragrafu 1 ikun sar definittiv, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet għandha tiġi estiża ipso jure sat-tmiem tal-proċedura ta’ kassazzjoni.

4.   Il-persuna li tkun ressqet talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tirtira din it-talba fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan id-digriet ikun sar definittiv, sakemm persuna msemmija fil-paragrafu 22 tal-Artikolu 5191 ma tkunx ippreżentat appell ta’ kassazzjoni.

5.   Wara l-irtirar tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digriet imsemmija fil-paragrafu 1, din id-deċiżjoni tikseb saħħa eżekuttiva.”

22

L-Artikolu 3883 tal-imsemmi kodiċi, imdaħħal f’dan tal-aħħar bil-Liġi tal-2022, jipprevedi:

“Il-preżentata ta’ appell straordinarju msemmi fl-Artikolu 89 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym [(il-Liġi dwar il-Qorti Suprema)] tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2021, pożizzjoni 1904, u tal-2022, pożizzjoni 480), fi proċedura li tirrigwarda l-irtirar ta’ persuna suġġetta għall-awtorità parentali jew taħt tutela, mibdija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, tissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar ta’ persuna suġġetta għall-awtorità parentali jew taħt tutela sat-tmiem ta’ din il-proċedura ta’ appell.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23

T.C. u M.C., it-tnejn ta’ nazzjonalità Pollakka, huma l-ġenituri tal-ulied minuri N.C. u M.C. (1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“ulied minuri”), imwielda fl-Irlanda fl-2011 u fl-2017 rispettivament. Din il-familja ilha tirrisjedi għal diversi snin f’dan l-Istat Membru, fejn T.C. u M.C. għandhom impjieg stabbli. Fil-preżent, din tal-aħħar tinsab fuq leave tal-mard għal żmien twil.

24

Matul is-sajf tas-sena 2021, M.C. bil-kunsens ta’ T.C., siefret għall-vaganzi fil-Polonja mal-ulied minuri. Fix-xahar ta’ Settembru 2021, M.C. informat lil T.C. li hija kienet ser tibqa’ b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru ma’ dawn it-tfal. T.C. qatt ma ta l-kunsens tiegħu għal tali ċaqliq permanenti ta’ dawn tal-aħħar

25

Fit-18 ta’ Novembru 2021, T.C. ippreżenta rikors quddiem is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław, il-Polonja) intiż sabiex M.C. tiġi ordnata tirritorna l-ulied minuri lejn l-Irlanda, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Ġunju 2022, din il-qorti ordnat lil M.C. sabiex tiżgura dan ir-ritorn f’terminu ta’ sebat ijiem mid-data li fiha dan id-digriet isir definittiv.

26

M.C. appellat minn dan id-digriet quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), il-qorti tar-rinviju, li, permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Settembru 2022, ċaħdet dan l-appell bħala infondat, billi kkunsidrat li ebda raġuni għar-rifjut tar-ritorn tal-ulied minuri fl-Irlanda ma setgħet tiġi invokata minn M.C. Dan l-aħħar digriet kiseb saħħa eżekuttiva fit-28 ta’ Settembru 2022, mingħajr ma M.C. irrispettat l-ordni li jiġi żgurat ir-ritorn ta’ dawn l-ulied minuri fl-Irlanda.

27

Fid-29 ta’ Settembru 2022, T.C. talab lill-qorti tar-rinviju tikkomunikalu kopja ta’ dan id-digriet tal-21 ta’ Settembru 2022, flimkien ma’ indikazzjoni dwar is-saħħa eżekuttiva tiegħu.

28

Fit-30 ta’ Settembru 2022 u fil-5 ta’ Ottubru 2022, l-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal u l-prosekutur ġenerali ppreżentaw rispettivament, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, talbiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digrieti definittivi tal-15 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Settembru 2022.

29

Fil-21 ta’ Novembru 2022, l-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal u l-Prosekutur Ġenerali ppreżentaw appelli ta’ kassazzjoni kontra d-digriet tal-21 ta’ Settembru 2022 quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

30

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, bħala regola ġenerali, id-deċiżjonijiet dwar il-mertu mogħtija minn qorti tat-tieni istanza huma definittivi u eżekuttivi, anki jekk huma s-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-2022, l-unika deroga għal din ir-regola kienet dik prevista fl-Artikolu 388 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Dan l-artikolu jippermetti lill-qorti tat-tieni istanza tissospendi s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni finali sa tmiem il-proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ tikkawża dannu irreparabbli lil xi parti.

31

Issa, skont l-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, imdaħħal f’dan tal-aħħar bil-Liġi tal-2022, il-prosekutur ġenerali, l-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal u l-Ombudsman (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet awtorizzati”) issa għandhom il-possibbiltà li jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ wild minuri skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, meta jressqu talba quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) f’terminu li ma jaqbiżx iż-żewġ ġimgħat mid-data li fiha din id-deċiżjoni tkun saret definittiva. Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet awtorizzati ma humiex obbligati jimmotivaw it-talba tagħhom. Tali talba twassal għal sospensjoni ipso jure għal perijodu ta’ mill-inqas xahrejn.

32

Fil-fatt, meta dawn l-awtoritajiet ma jkunux ippreżentaw appell fil-kassazzjoni minn deċiżjoni ta’ ritorn quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) matul dan il-perijodu, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha tintemm. Min-naħa l-oħra, jekk tali appell jiġi ppreżentat matul l-imsemmi perijodu, din is-sospensjoni hija, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, estiża ipso jure sat-tmiem tal-proċedura quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

33

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tiċħad dan l-appell ta’ kassazzjoni, l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu mill-ġdid l-imsemmija sospensjoni abbażi tal-Artikolu 3883 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, billi jippreżentaw appell straordinarju skont dan l-artikolu.

34

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, mar-rekwiżit ta’ ħeffa li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003, u b’mod partikolari mal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament.

35

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li l-leġiżlazzjoni Pollakka fis-seħħ tipprevedi, essenzjalment, li entitajiet li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala qorti għandhom il-possibbiltà li jikkawżaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà jkun suġġett għal kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju. Tali ċirkustanza tqajjem, skont l-imsemmija qorti, kwistjonijiet dwar il-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din iċċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-partijiet fi proċedura ta’ ritorn.

36

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-2022 tippreċedi biss bi ftit jiem dik tal-implimentazzjoni tar-Regolament 2019/1111, li jsaħħaħ l-obbligu ta’ ħeffa li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali tad-dispożizzjonijiet introdotti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili permezz ta’ din il-liġi.

37

Fl-aħħar, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li r-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi l-imsemmija liġi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex obbligata tħalli din tal-aħħar mhux applikata, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 11(3) tar-[Regolament Nru 2201/2003] u l-Artikoli 22, 24, 27(6) u 28(1) u (2) tar-[Regolament 2019/1111], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li skonthom f’kawżi dwar it-teħid ta’ persuni li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew li huma suġġetti għal kustodja, immexxija fuq il-bażi tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980], l-eżekuzzjoni ta’ digriet dwar it-teħid ta’ persuni li jaqgħu taħt l-awtorità tal-ġenituri jew li huma suġġetti għal kustodja hija sospiża bil-liġi, fuq talba tal-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali), ix-Rzecznik Praw Dziecka (il-Kummissarju għad-Drittijiet tat-Tfal) jew ix-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman) magħmula lis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) sa mhux iktar minn ġimgħatejn mill-jum meta dan id-digriet isir definittiv?”

Fuq it‑talba għall‑applikazzjoni tal‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

39

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti invokat raġunijiet marbuta mal-interess superjuri tal-ulied minuri. B’mod partikolari, ir-relazzjoni ġenitur/ulied kif ukoll il-benesseri ta’ dawn it-tfal jirriskjaw li jbatu dannu irreparabbli, minħabba s-sitwazzjoni ta’ tneħħija tal-imsemmija ulied minn missierhom, estiż minħabba l-eżerċizzju, mill-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal u mill-prosekutur ġenerali, tal-possibbiltà tagħhom li jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fl-Irlanda.

41

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, li ġie adottat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, li sar l-Artikolu 67 TFUE, u ta’ dawk tar-Regolament 2019/1111, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 81(3) TFUE. Dawn l-atti jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

42

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar l-urġenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ulied minuri huma sseparati minn missierhom għal iktar minn sena u li l-estensjoni ta’ din is-sitwazzjoni tista’ tippreġudika serjament ir-relazzjoni futura ta’ dawn l-ulied minuri ma’ missierhom.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fis‑26 ta’ Ottubru 2022, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

44

Il-Prosekutur Ġenerali u, essenzjalment, M.C. jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

45

L-ewwel nett, skont il-Prosekutur Ġenerali, id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ipotetika u ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, dan tal-aħħar ikun diġà deċiż b’mod definittiv u din il-qorti ma tgawdi minn ebda ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-digrieti definittivi ta’ ritorn mogħtija fl-ewwel u fit-tieni istanza, peress li din is-sospensjoni tagħżel ipso jure.

46

It-tieni, il-Prosekutur Ġenerali jsostni li din id-domanda hija inammissibbli sa fejn l-imsemmija qorti titlob l-interpretazzjoni tar-Regolament 2019/1111 filwaqt li, f’dan il-każ, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ratione temporis.

47

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża prinċipali u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata), C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 24 u il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2022, Varhoven administrativen sad (Tħassir tad-dispożizzjoni kkontestata), C‑289/21, EU:C:2022:920, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kliem “jagħtu s-sentenza”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jinkludu l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju. Dan il-kliem għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat li numru ta’ domandi proċedurali jitqiesu li huma inammissibbli u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2019, Procureur-Generaal bij de Hoge Raad der Nederlanden, C‑678/18, EU:C:2019:998, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet waqt is-seduta jirriżulta, minn naħa, li T.C. ressaq quddiem il-qorti tar-rinviju talba intiża għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal-21 ta’ Settembru 2022, li permezz tiegħu din il-qorti ordnat ir-ritorn tal-ulied minuri fl-Irlanda. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, l-imsemmija qorti għandha tilqa’ t-talbiet għas-sospensjoni ta’ din l-eżekuzzjoni mressqa mill-prosekutur ġenerali u mill-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talbiet kontradittorji ppreżentati, minn naħa, minn T.C. kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal. Dawn it-talbiet jirriflettu l-eżistenza ta’ “tilwima” bejn dawn il-partijiet, li tirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-digriet ta’ ritorn tal-21 ta’ Settembru 2022, u li fuqha din il-qorti hija mitluba, fil-kuntest tal-imsemmija talbiet, tagħti sentenza, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

52

It-tieni, fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju u r-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li din id-domanda hija intiża sabiex tippermetti lil din il-qorti tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2201/2003 u 2019/1111 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-Artikolu 3881 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022, u jekk hija għandhiex, jekk ikun il-każ, tħalli inapplikat dan l-artikolu. B’dan il-mod, l-imsemmija qorti turi b’mod suffiċjenti li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-imsemmija domanda hija “neċessarja”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-eventwali sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn inkwistjoni.

53

Fit-tieni lok, l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Avukat Ġenerali bbażat fuq il-fatt li, f’dan il-każ, ir-Regolament 2019/1111 ma huwiex applikabbli ratione temporis. Fil-fatt, meta ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi preliminari magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30 kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger, C‑16/18, EU:C:2019:1110, punt 21).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

55

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-domanda magħmula tirrigwarda kemm l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 kif ukoll dawk tar-Regolament 2019/1111, huwa biss l-ewwel wieħed minn dawn ir-regolamenti li huwa applikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament 2019/1111 jirriżulta li r-Regolament Nru 2201/2003 jibqa’ japplika, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/1111, għall-azzjonijiet imressqa qabel l-1 ta’ Awwissu 2022. F’dan il-każ, kif ġie indikat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, T.C. ippreżenta ir-rikors tiegħu quddiem is-Sąd Okręgowy we Wrocławiu (il-Qorti Reġjonali ta’ Wrocław) fit-18 ta’ Novembru 2021.

56

F’dan ir-rigward, għalkemm it-talba ta’ T.C. intiża sabiex tinkiseb l-eżekuzzjoni tad-digriet ta’ ritorn tal-21 ta’ Settembru 2022 tressqet wara l-1 ta’ Awwissu 2022, xorta jibqa’ l-fatt li mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din it-talba ma tikkostitwixxix proċedura indipendenti, iżda stadju tal-proċedura ta’ ritorn, li għandha bħala oriġini r-rikors ta’ T.C. li ġie ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2021, intiż sabiex jiġi ordnat ir-ritorn tal-ulied minuri fl-Irlanda.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil awtoritajiet li ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti l-fakultà li jiksbu s-sospensjoni ipso jure, għal mill-inqas xahrejn, tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, mingħajr ma jkollhom għalfejn jimmotivaw is-sospensjoni tagħhom.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li qorti adita b’talba għar-ritorn ta’ minuri għandha taġixxi malajr fil-kuntest tal-proċedura relatata ma’ din it-talba, bl-użu tal-proċeduri l-iktar mgħaġġla previsti mid-dritt nazzjonali. Ħlief meta dan ma jkunx possibbli minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, din il-qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li tkun ġiet adita.

59

Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67).

60

L-ewwel, mill-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 u, b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “bil-ħeffa” u “l-aktar […] ħfief”, jirriżulta li, meta minuri jkun tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, il-qrati kompetenti tal-Istati Membri huma obbligati li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn tal-minuri kkonċernata f’terminu partikolarment qasir u strett. Tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, issir mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li dawn il-qrati jiġu aditi, billi tuża l-iktar proċeduri mħaffa previsti mid-dritt nazzjonali. Deroga minn din ir-regola hija possibbli biss f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”.

61

Sussegwentement, tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 u, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

62

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkompleta u jippreċiża, b’mod partikolari fl-Artikolu 11 tiegħu, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li jirregolaw il-proċedura ta’ ritorn tal-ulied minuri mneħħija b’mod illeċitu. Għalhekk, l-Artikoli 8 sa 11 ta’ din il-konvenzjoni u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu ġabra normattiva indiviżibbli li tapplika għall-proċeduri ta’ ritorn ta’ ulied minuri mneħħija b’mod illeċitu fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 ((Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punti 7778).

63

Minħabba s-sovrapożizzjoni u r-rabta stretta li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u dawk tal-imsemmija konvenzjoni, dawn tal-aħħar jistgħu għalhekk ikollhom effett fuq is-sens, il-portata u l-effettività tar-regoli tal-istess regolament (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 85).

64

B’hekk, l-ewwel, skont il-preambolu u l-Artikolu 1(a) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din tal-aħħar issegwi l-għan ta’ ritorn immedjat tal-wild ikkonċernat lejn il-post ta’ residenza abitwali tiegħu. It-tieni, it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni tobbliga lill-awtoritajiet tal-Istati kontraenti jirrikorru, għall-ipproċessar ta’ talba għar-ritorn, għall-proċeduri ta’ urġenza tagħhom. It-tielet, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-imsemmija konvenzjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ kull Stat kontraenti għandhom jipproċedu b’urġenza għar-ritorn tal-wild minuri. Ir-raba’, l-Artikolu 13 tal-istess konvenzjoni jistabbilixxi b’mod restrittiv il-każijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat kontraenti rikjest ma hijiex obbligata tordna r-ritorn tal-wild minuri. B’mod partikolari, skont il-punt(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, din l-awtorità ma hijiex obbligata tordna r-ritorn ta’ wild minuri meta l-persuna, l-istituzzjoni, jew l-organu li jopponi r-ritorn tiegħu jistabbilixxu li hemm riskju gravi li r-ritorn tal-wild minuri jesponih għal periklu fiżiku jew psikoloġiku, jew b’xi mod ieħor ipoġġih f’sitwazzjoni intollerabbli.

65

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li, skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, minn naħa, meta wild minuri jkun tneħħa b’mod illeċitu mir-residenza abitwali tiegħu, ir-ritorn ta’ dan il-wild minuri għandu jseħħ immedjatament skont il-proċeduri ta’ urġenza previsti mid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskju gravi għall-imsemmi wild minuri, li dan ir-ritorn jista’ ma jiġix ordnat.

66

Fl-aħħar, l-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 11(3) tiegħu, isostnu wkoll il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 60 u 65 ta’ din is-sentenza.

67

Għalhekk, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2201/2003 jitlaq mill-kunċett li l-aħjar interess tal-wild minuri għandu jipprevali. L-imsemmi regolament huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiddisswadi l-ħtif ta’ minuri bejn Stati Membri u, fil-każ ta’ ħtif, li jinkiseb ir-ritorn tal-wild minuri mingħajr dewmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punti 5152).

68

It-tieni, kif tiddikjara l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, fil-każ ta’ tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild minuri, ir-ritorn ta’ dan tal-aħħar għandu jseħħ mingħajr dewmien. Il-qrati tal-Istati Membri liema jew li minnhom il‑minuri ġew imneħħija jew miżmuma illeċitament għandhom ikun jistgħu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifiċi, debitament iġġustifikati.

69

It-tielet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament huwa l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante, jiġifieri tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tal-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2016, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 61).

70

Ir-raba’, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li proċedura ta’ ritorn hija, min-natura tagħha, proċedura mħaffa, peress li hija intiża li tiżgura, kif jipprevedi l-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-ritorn immedjat tal-wild (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 57).

71

Għalhekk, minn interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li din id-dispożizzjoni, minn naħa, timponi fuq qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għar-ritorn ta’ wild minuri mneħħi b’mod illeċitu mill-post tar-residenza abitwali tiegħu li tiddeċiedi dwar din it-talba, bħala prinċipju, mhux iktar tard minn sitt ġimgħat wara li tiġi adita, bl-użu tal-proċeduri l-iktar mgħaġġla previsti mid-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, huwa biss f’każijiet preċiżi u eċċezzjonali, debitament iġġustifikati, li r-ritorn ta’ wild minuri mneħħi b’mod illeċitu jista’ ma jiġix ordnat.

72

Ċertament, l-obbligi li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 11(3) jirrigwardaw il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ħtieġa ta’ effettività u ta’ ħeffa li tirregola l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn hija imposta fuq l-awtoritajiet nazzjonali wkoll fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 11(3) jitlef l-effett utli jekk id-dritt nazzjonali jippermetti li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni finali li tordna r-ritorn ta’ minuri.

73

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tad-dritt sostantiv u proċedurali ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 82).

74

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi jimponi obbligi intiżi għall-adozzjoni u, għaldaqstant, għall-eżekuzzjoni fl-iqsar żmien possibbli ta’ deċiżjoni li tippermetti ritorn immedjat tal-wild minuri fil-post tar-residenza abitwali tiegħu wara ħtif illeċitu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jiżgura, kif jirriżulta mill-premessa 33 tiegħu, li jiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, u, b’mod partikolari, dak tad-drittijiet fundamentali tal-wild minuri, kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta.

75

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja u għandu jinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tagħha. Għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità għal wild, espressa fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Belgische Staat (Refuġjata minuri miżżewġa), C‑230/21, EU:C:2022:887, punt 48).

76

Issa, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sa fejn hija tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni. L-Artikolu 53 tal-Karta jżid għal dan il-għan li ebda dispożizzjoni tagħha ma għandha tiġi interpretata fis-sens li tillimita jew tippreġudika, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, CJ (Deċiżjoni ta’ konsenja ddifferita minħabba proċeduri kriminali), C‑492/22 PPU, EU:C:2022:964, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata.

77

Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 25), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, fil-kawżi li jirrigwardaw deċiżjonijiet mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, in-natura adegwata ta’ miżura għandha b’mod partikolari tiġi evalwata skont il-ħeffa tal-implimentazzjoni tagħha. Dawn il-kawżi jeħtieġu trattament urġenti, peress li l-mogħdija taż-żmien jista’ jkollha konsegwenzi irreparabbli fuq ir-relazzjonijiet bejn it-tfal u l-ġenitur li ma jirrisjedix magħhom. Id-dewmien fil-proċedura jista’, waħdu, jippermetti li jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet ma kkonformawx ruħhom mal-obbligi pożittivi tagħhom taħt il-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, tat-28 ta’ April 2015, Ferrari vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2015:0428JUD000171410, § 49).

78

Fit-tieni lok, huwa fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 mogħtija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza li għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

79

Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont din il-leġiżlazzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn hija sospiża ipso jure matul perijodu ta’ mill-inqas xahrejn meta waħda mill-awtoritajiet awtorizzati jressqu talba f’dan is-sens quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) f’terminu ta’ ġimagħtejn mid-data li fiha din id-deċiżjoni saret definittiva.

80

Barra minn hekk, jekk, wara t-tressiq ta’ din it-talba, din l-awtorità tippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra l-imsemmija deċiżjoni, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar tiġi estiża ipso jure sat-tmiem tal-proċedura ta’ appell quddiem din il-qorti.

81

B’hekk, l-ewwel nett, t-tressiq tal-imsemmija talba għandha l-effett li tissospendi, matul perijodu ta’ mill-inqas xahrejn, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ta’ wild minuri fil-post tar-residenza abitwali tiegħu, minkejja li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva. Dan ir-ritorn jista’ jiġi sospiż għal perijodu ta’ żmien ħafna itwal fil-każ fejn l-awtoritajiet awtorizzati jiddeċiedu li jippreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra l-imsemmija deċiżjoni. Il-preżentazzjoni ta’ tali talba, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ ħeffa li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, sa fejn għandha l-effett li tissospendi ipso jure l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn, tista’ għalhekk tneħħi l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet jistgħu mill-ġdid jiksbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn abbażi tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, imdaħħal f’dan tal-aħħar bil-Liġi tal-2022, billi jippreżentaw appell straordinarju skont dan l-artikolu.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li sospensjoni ta’ perijodu ta’ xahrejn tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn definittiva teċċedi, waħedha, it-terminu li fih, skont l-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, din id-deċiżjoni għandha tiġi adottata.

83

It-tieni, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn hija sospiża, ipso jure, għas-sempliċi talba tal-awtoritajiet awtorizzati. Dawn l-awtoritajiet, li barra minn hekk ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti, ma humiex obbligati jimmotivaw it-talba tagħhom u s-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) hija obbligata li tilqagħha mingħajr ma tkun tista’ teżerċita stħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija ta’ natura li tiggarantixxi li, kif tfakkar fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, ir-ritorn tal-wild minuri fil-post tar-residenza abitwali tiegħu jista’ jiġi sospiż biss f’każijiet preċiżi u eċċezzjonali u, fi kwalunkwe każ, ma jiżgurax li tali sospensjoni tkun debitament immotivata.

84

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi li awtorità pubblika tkun tista’ tipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta d-dritt għal rimedju effettiv stabbilit minn dan l-artikolu jkun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horaţiu-Vasile Cruduleci (C-205/15, EU:C:2016:499, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 7273, u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 36).

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 57 ta’ din is-sentenza tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

86

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Gvern Pollakk li skontu, essenzjalment, tali leġiżlazzjoni hija indispensabbli sabiex tippermetti lill-awtoritajiet awtorizzati jippreżentaw appell fil-kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u sabiex b’hekk jevitaw li l-ulied minuri kkonċernati jbatu dannu irreparabbli li jirriżulta min-natura eżekuttiva ta’ deċiżjoni ta’ ritorn definittiva, fil-każ li din ikollha tiġi annullata minn din il-qorti.

87

Fil-fatt, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, minn naħa, qabel l-introduzzjoni, mil-Liġi tal-2022, tal-Artikolu 3881 fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-Artikolu 388 ta’ dan il-kodiċi kien diġà jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn definittiva, jekk ikun il-każ fuq talba ta’ waħda mill-awtoritajiet awtorizzati, meta din il-qorti tqis li l-wild minuri kkonċernat seta’ jiġi espost għal riskju gravi ta’ perikolu fiżiku f’każ ta’ perikolu fiżiku.

88

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dan il-wild minuri kontra tali riskju hija, bħala prinċipju, diġà żgurata mill-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst vs Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell), C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 34), u dan anki meta l-eżistenza ta’ riskju gravi, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, tiġi allegata.

89

Konsegwentement, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 84 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikoli 24 u 47 tal-Karta, ma jirriżultax li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu grad addizzjonali ta’ qorti kontra deċiżjoni ta’ ritorn, meta din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura li diġà tipprevedi żewġ istanzi ta’ qorti u li din il-proċedura tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ riskji fil-każ ta’ ritorn tal-wild minuri kkonċernat. A fortiori, dan id-dritt ma jippermettix lill-Istati Membri li jżidu mar-rikorsi ppreżentati kontra tali deċiżjoni effett sospensiv ipso jure, kuntrarjament għal dak li jidher li jipprevedi l-Artikolu 1(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-2022.

90

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-konsegwenzi tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 85 ta’ din is-sentenza għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi lill-qorti nazzjonali inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tas-sentenzi ta’ Qorti Kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53).

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-regolament għandu portata ġenerali u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, minħabba n-natura tiegħu stess u l-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, huwa kapaċi jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, C‑253/00, EU:C:2002:497, punt 27).

92

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż, li ma huwa akkumpanjat minn ebda kundizzjoni għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta’ ħeffa li għalih huma suġġetti l-proċeduri intiżi għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata li tiggarantixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effett sħiħ ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreġudika t-twettiq tal-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni.

93

Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil awtoritajiet li ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti l-fakultà li jiksbu s-sospensjoni ipso jure, għal mill-inqas xahrejn, tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, mingħajr ma jkollhom għalfejn jimmotivaw it-talba għas-sospensjoni tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil awtoritajiet li ma għandhomx il-kwalità ta’ qorti l-fakultà li jiksbu s-sospensjoni ipso jure, għal mill-inqas xahrejn, tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, iffirmata f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980, mingħajr ma jkollhom għalfejn jimmotivaw it-talba għas-sospensjoni tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top