EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0530

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
EP vs FO.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Ilfov.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Trasferiment tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża – Eċċezzjoni għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild – Rabta partikolari ma’ Stat Membru ieħor – Elementi li jippermettu li tiġi ddeterminata l-qorti l-iktar adatta – Eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali differenti – Aħjar interess tal-wild.
Kawża C-530/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:583

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Trasferiment tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża – Eċċezzjoni għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-qorti tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild – Rabta partikolari ma’ Stat Membru ieħor – Elementi li jippermettu li tiġi ddeterminata l-qorti l-iktar adatta – Eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali differenti –Aħjar interess tal-wild”

Fil-Kawża C‑530/18,

li għandha bħala suġġett domanda preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Ilfov (il-Qorti Ġenerali ta’ Ilfov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

EP

vs

FO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President ta’ Awla, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EP, minn C. D. Giurgiu, avocat,

għal FO, minnu stess,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Liţu u C. Canţăr, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Biolan, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EP, minn naħa, u FO, min-naħa l-oħra, dwar l-għoti tal-kustodja tal-wild minuri tagħhom u l-istabbiliment tal-post ta’ residenza abitwali tiegħu kif ukoll dwar il-ħlas ta’ manteniment għalih.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 2201/2003 tipprovdi:

“Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. […]”

4

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

5

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprovdi:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

ċ)

ma’ l-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skontd il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri;

ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabbiltà bejn il-ġenituri; jew

e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [fuq il-mertu] ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skont il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

EP, ta’ nazzjonalità Rumena, iżżewwġet lil FO, ta’ nazzjonalità Franċiża, matul l-2005. Twieled wild mill-unjoni tagħhom, fi Franza, fit‑13 ta’ Ottubru 2006.

7

EP u FO huma separati de facto mill-2013 u l-wild tagħhom jirrisjedi, minn dak iż-żmien, fir-residenza ta’ ommu, fir-Rumanija.

8

Fit-13 ta’ Jannar 2014, EP, omm il-wild, talbet lill-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea, ir-Rumanija) ix-xoljiment taż-żwieġ, il-kustodja tal-imsemmi wild u l-ħlas ta’ manteniment minn FO, missieru.

9

FO invoka eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni, billi qies li l-qrati Russi kienu kompetenti, kif ukoll eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens internazzjonali u eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Huwa, barra minn hekk, ressaq, sussidjarjament, kontrotalba intiża sabiex jikseb ix-xoljiment taż-żwieġ minħabba EP, għall-eżerċizzju esklużiv tas-setgħa tal-ġenituri, għall-kustodja tal-wild u għall-ħlas minn EP ta’ manteniment għall-wild.

10

Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2014, il-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea) ċaħdet it-tliet eċċezzjonijiet invokati minn FO u, b’digriet tat‑12 ta’ Jannar 2015, ikkonstatat li l-liġi applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet il-liġi Rumena.

11

Fit‑8 ta’ Ġunju 2016, EP u FO fl-aħħar ressqu talba għal divorzju b’kunsens reċiproku, iżda kull parti, barra minn hekk, talbet l-eżerċizzju unilaterali tas-setgħa tal-ġenituri, l-istabbiliment tar-residenza tal-wild minuri fir-residenza rispettiva tagħha u l-ħlas, mill-kontroparti, ta’ manteniment għal dan il-wild. Sussidjarjament, FO talab il-kustodja konġunta tiegħu.

12

Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2016, il-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea) iddikjarat id-divorzju bil-kunsens reċiproku ta’ EP u FO, iddeċidiet li r-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi eżerċitata b’mod konġunt, stabbilixxiet ir-residenza tal-wild ma’ ommu, stabbilixxiet sistema ta’ żjara tiegħu minn missieru u imponiet, fuq dan tal-aħħar, il-ħlas ta’ manteniment għall-wild tiegħu.

13

Fir-rigward tat-talba għal residenza konġunta fformulata minn FO, li hija bbażata fuq il-possibbiltajiet offruti mil-liġi Franċiża, din il-qorti enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Franċiżi, in-nuqqas ta’ qbil tal-partijiet seta’ jikkostitwixxi ostakolu għall-istabbiliment ta’ tali tip ta’ residenza.

14

Fis‑7 ta’ April 2017, FO u EP appellaw mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem it-Tribunalul Ilfov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Ilfov, ir-Rumanija).

15

FO sostna li l-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea) ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima li hija kienet adita biha u talab l-annullament ta’ din is-sentenza.

16

Barra minn hekk, kull parti fil-kawża prinċipali sostniet li l-imsemmija sentenza kellha tiġi fformulata mill-ġdid fuq il-mertu favur tagħha.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea) iddeċidiet bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, li dan tal-aħħar ilu jirrisjedi fir-Rumanija ma’ ommu, minn tmiem l-2013, fejn huwa jmur skola Franċiża u fejn huwa integra ruħu sew fl-ambjent tiegħu. Huwa mar-Rumanija li dan il-wild għandu l-iktar rabtiet b’saħħithom fuq il-livell kemm ta’ lingwa kif ukoll ta’ kultura.

18

Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni professjonali ta’ FO, li jiddikjara li stabbilixxa r-residenza prinċipali tiegħu fi Franza, fir-Rumanija u fir-Russja, bħalissa ma hijiex ċerta u n-natura tal-attivitajiet tiegħu ma tippermettilux il-possibbiltà li jiddedika biżżejjed ħin lill-wild tiegħu. Id-dikjarazzjoni ta’ FO li huwa lest li jabbanduna l-karriera tiegħu sabiex jistabbilixxi ruħu fir-Rumanija u jgħix mal-wild tiegħu ma hijiex suffiċjenti sabiex fuqha tiġi bbażata talba għal residenza ta’ dan tal-aħħar fir-residenza tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmi wild indika li kien iħobb liż-żewġ ġenituri tiegħu, li huwa kien isofri minħabba t-tilwim kontinwu tagħhom u li, mingħajr ma jixtieq jiddiżappunta lil missieru, huwa xtaq jgħix ma’ ommu.

19

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji madankollu dwar l-aggravju ta’ appell invokat minn FO bbażat fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni u bbażat fuq l-argument li l-qrati Franċiżi huma dawk l-iktar adatti sabiex jiddeċiedu dwar it-talbiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri. Għalhekk hija tqis li huwa neċessarju li tiġi vverifikata l-ġurisdizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Ilfov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Ilfov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola tal-ġuridisdizzjoni tal-qorti nazzjonali tal-post li fih il-minuri jkollu d-domiċilju de facto tiegħu?

2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu kriterji li jindikaw rabta partikolari tal-minuri ma’ Franza […] il-kriterji minn parti fil-kawża (jiġifieri: il-minuri twieled fi Franza, missieru huwa ċittadin Franċiż, jifforma parti minn familja bbażata fuq rabtiet ta’ konsangwinità komposta minn żewġ ħutu ta’ sess femminili u minn ħuħ, neputija – it-tifla ta’ oħtu –, in-nannu patern, is-sieħba attwali tal-missier u t-tifla tagħhom minuri fi Franza, filwaqt li fir-Rumanija l-minuri ma għandu l-ebda familjari min-naħa ta’ ommu, imur l-iskola Franċiża, l-edukazzjoni u l-mentalità tal-minuri minn dejjem kienu Franċiżi, il-lingwa mitkelma d-dar bejn il-ġenituri u bejn il-ġenituri u l-minuri minn dejjem kienet il-lingwa Franċiża), u għaldaqstant il-qorti nazzjonali għandha tiddikjara li l-qorti Franċiża hija iktar adatta?

3)

L-Artikolu 15 tar-Regolament [Nru 2201/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-differenzi proċedurali bejn il-leġiżlazzjonijiet taż-żewġ Stati, bħall-iżvolġiment tal-proċess in camera minn ġudikanti speċjalizzati, huma suġġetti għall-interessi superjuri tal-minuri fis-sens ta’ tali dispożizzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Fuq l-ewwel domanda

23

Ir-risposta għall-ewwel domanda, li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxix eċċezzjoni għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ responsabbilità tal-ġenituri l-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild jirrisjedi b’mod abitwali fil-mument meta l-qorti tiġi adita, tista’ tiġi dedotta mill-kliem stess ta’ dan l-Artikolu 15.

24

Fil-fatt, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi b’mod espliċitu li dan japplika bħala eċċezzjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu 15(1) jikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali u derogatorja fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament u t-trasferiment lil qorti iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża jista’ jseħħ biss bħala eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 47 u 48, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ, C‑478/17, EU:C:2018:812, punt 32).

25

Għaldaqstant, konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament Nru 2201/2003, li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri għandha tiġi ddeterminata skont il-post ta’ residenza abitwali tal-wild fil-mument tat-tressiq ta’ kawża quddiemhom.

Fuq it-tieni domanda

26

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk wild għandux rabta ma’ Stat Membru minbarra dak li l-qorti tiegħu għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu, jekk dawn il-kriterji humiex eżawrjenti u jekk, fil-każ li jkunu ġew issodisfatti, jirriżulta minnhom li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor huma iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża.

27

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li dan l-artikolu jipprevedi ħames kriterji alternattivi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li wild għandu rabta partikolari ma’ Stat Membru.

28

Sussegwentement, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kriterji, li jinsabu fil-punti a) sa e) ta’ din id-dispożizzjoni, huma ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li huma immedjatament esklużi mill-mekkaniżmu ta’ trasferiment il-kawżi li fihom huma neqsin dawn l-elementi (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 51 u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ, C‑478/17, EU:C:2018:812, punt 35).

29

F’dan ir-rigward, kif indikat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi rrilevat li l-elementi elenkati minn missier il-wild u li huma inklużi fit-tieni domanda magħmula huma differenti mill-imsemmija kriterji u ma humiex, konsegwentement, direttament rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk teżistix rabta partikolari bejn il-wild u Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża. Madankollu, l-ewwel żewġ elementi, jiġifieri li l-wild twieled f’dan l-Istat Membru, minn missier li huwa ċittadin tiegħu, jistgħu jintużaw sabiex jintwera li l-wild huwa ċittadin tal-imsemmi Stat Membru u, għalhekk, li l-kriterju msemmi fl-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa ssodisfat.

30

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża “tista’”, jekk il-kundizzjonijiet inklużi f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, tittrasferixxi l-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li din tqis li hija iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tagħmel dan. Il-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża partikolari għandha, sabiex tkun tista’ titlob it-trasferiment lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, tkun kapaċi tikkonfuta l-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 49).

31

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li t-trasferiment lil Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jista’ jseħħ biss jekk ikunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li tkun teżisti rabta bejn il-wild u Stat Membru ieħor, li l-qorti li għandha ġurisidizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża tkun tqis li qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor tkun iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u li t-trasferiment ikun fl-aħjar interess tal-wild, fis-sens li ma hemmx riskju li jkun hemm impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 50, 56 u 58).

32

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-wild ikkonċernat jista’ jkollu rabta partikolari ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ mar-Repubblika Franċiża, minħabba li, kif imsemmi fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, huwa għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru. Jista’ jkun il-każ ukoll li missier dan il-wild, li huwa wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-imsemmi Stat Membru.

33

Madankollu, kif enfasizzat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, f’dan il-każ il-qorti Rumena, għad għandha tagħmel paragun bejn l-importanza u l-intensità tar-rabta ta’ qrubija ġenerali li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, tgħaqqad lill-wild ikkonċernat mal-Istat Membru li fih tinsab din il-qorti, ma’ dawk tar-rabta ta’ qrubija “partikolari” ikkonfermati minn fattur wieħed jew iktar stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tar-regolament imsemmi u li jeżistu bejn dan il-wild u Stat Membru ieħor (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 54).

34

L-eżistenza ta’ “rabta partikolari” fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament ma tippreġudikax neċessarjament il-kwistjoni dwar jekk qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor hijiex “f’post aħjar sabiex jinstema’ [tisma’] l-każ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u lanqas, fl-affermattiv, dwar jekk it-trasferiment tal-kawża lil din il-qorti tal-aħħar taqdix l-aħjar interess tal-wild. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tiddetermina jekk it-trasferiment tal-kawża lil tali qorti huwiex ta’ natura li tipprovdi valur miżjud reali u konkret, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-wild, meta mqabbel mal-possibbiltà li tinżamm quddiemha (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punti 55 u 57).

35

Jekk il-qorti Rumena li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkonkludi li r-rabtiet li jgħaqqdu lill-wild ikkonċernat mal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tiegħu, f’dan il-każ ir-Rumanija, huma iktar qawwija minn dawk li jgħaqqduh ma’ Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Repubblika Franċiża, din il-konklużjoni hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

36

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk wieħed jew iktar mill-ħames kriterji alternattivi li dan jistabbilixxi, b’mod eżawrjenti, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta partikolari tal-wild ma’ Stat Membru ieħor minbarra dak tar-residenza abitwali tiegħu huma ssodisfatti, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament għandha l-possibbiltà li tittrasferixxi l-kawża lil qorti li hija tqis bħala iktar adatta sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha, iżda ma hijiex obbligata li tagħmel dan. Jekk il-qorti kompetenti tkun waslet għall-konklużjoni li r-rabtiet li jgħaqqdu l-wild ikkonċernat mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu huma iktar qawwija minn dawk li jgħaqqduh ma’ Stat Membru ieħor, din il-konklużjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

Fuq it-tielet domanda

37

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali, b’mod partikolari r-regoli ta’ proċedura, ta’ Stat Membru li l-qorti tiegħu għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża u dawk ta’ Stat Memebru ieħor li miegħu l-wild ikkonċernat għandu rabta partikolari, bħas-smigħ tal-kawżi bil-magħluq u minn imħallfin speċjalizzati, tista’ tkun fattur rilevanti, fid-dawl tal-aħjar interess tal-wild, sabiex jiġi evalwat jekk il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor humiex iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

38

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, hemm, f’dan il-każ, differenzi sostanzjali bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li l-qorti tiegħu għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu tal-kawża u dik tal-Istat Membru ieħor ikkonċernat, sa fejn hija biss il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor li tipprevedi s-smigħ tal-kawżi bil-magħluq u minn imħallfin speċjalizzati, b’tali mod li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar huma iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

39

F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li l-eżistenza ta’ tali differenzi hija kkontestata bil-qawwa mill-parti l-oħra fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor huwiex ta’ natura li jipprovdi valur miżjud reali u konkret, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost fatturi oħra, regoli proċedurali ta’ dan l-Istat Membru ieħor, bħal dawk applikabbli għall-ġbir ta’ provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Għall-kuntrarju, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, għal tali evalwazzjoni, id-dritt sostanzjali tal-imsemmi Stat Membru ieħor, li jista’ jkun applikabbli mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ fejn il-kawża tkun ittrasferita lilha. Fil-fatt, tali teħid inkunsiderazzjoni hija kuntrarja għall-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D., C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 57).

40

Għandu jiġi enfasizzat li l-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri għandhom iwasslu għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li huwa l-pedament tal-ħolqien ta’ żona ġudizzjarja ġenwina (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 50).

41

Minn dan isegwi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, regoli proċedurali applikabbli skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jekk dawn għandhom impatt konkret fuq il-kapaċità tal-qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar sabiex tieħu konjizzjoni aħjar tal-kawża, b’mod partikolari billi jiġi ffaċilitat il-ġbir ta’ provi u ta’ xhieda, u, b’dan il-mod, jipprovdu valur miżjud għar-riżoluzzjoni tal-kawża fl-aħjar interess tal-wild. Għall-kuntrarju, ma jistax jitqies b’mod ġenerali u astratt li dispożizzjonijiet legali ta’ Stat Membru ieħor, bħal dawk imsemmija minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-regoli dwar is-smigħ tal-kawa bil-magħluq u minn imħallfin speċjalizzati, jikkostitwixxu fattur li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni, mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, tal-eżistenza ta’ qorti iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali, b’mod partikolari r-regoli proċedurali, ta’ Stat Membru li l-qorti tiegħu għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża u dawk ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild ikkonċernat għandu rabta partikolari, bħas-smigħ tal-kawżi bil-magħluq u minn imħallfin speċjalizzati, ma tistax tikkostitwixxi b’mod ġenerali u astratt fattur rilevanti, fid-dawl tal-aħjar interess tal-wild, sabiex jiġi evalwat jekk il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor humiex iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi biss jekk huma ta’ natura li jipprovdu valur miżjud ġenwin u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata ma’ dan il-wild, meta pparagunat mal-każ fejn hija tibqa’ adita bl-imsemmija kawża.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament Nru 2201/2003, li abbażi tagħha l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri għandha tiġi ddeterminata skont il-post ta’ residenza abitwali tal-wild fil-mument tat-tressiq ta’ kawża quddiemhom.

 

2)

L-Artiklu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk wieħed jew iktar mill-ħames kriterji alternattivi li dan jistabbilixxi, b’mod eżawrjenti, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta partikolari tal-wild ma’ Stat Membru ieħor minbarra dak tar-residenza abitwali tiegħu huma ssodisfatti, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament għandha l-possibbiltà li tittrasferixxi l-kawża lil qorti li hija tqis bħala iktar adatta sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha, iżda ma hijiex obbligata li tagħmel dan. Jekk il-qorti kompetenti tkun waslet għall-konklużjoni li r-rabtiet li jgħaqqdu l-wild ikkonċernat mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu huma iktar qawwija minn dawk li jgħaqqduh ma’ Stat Membru ieħor, din il-konklużjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

 

3)

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali, b’mod partikolari r-regoli proċedurali, ta’ Stat Membru li l-qorti tiegħu għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża u dawk ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild ikkonċernat għandu rabta partikolari, bħas-smigħ tal-kawżi bil-magħluq u minn imħallfin speċjalizzati, ma tistax tikkostitwixxi b’mod ġenerali u astratt fattur rilevanti, fid-dawl tal-aħjar interess tal-wild, sabiex jiġi evalwat jekk il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor humiex iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi biss jekk huma ta’ natura li jipprovdu valur miżjud ġenwin u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata ma’ dan il-wild, meta pparagunat mal-każ fejn hija tibqa’ adita bl-imsemmija kawża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top