EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0384

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-28 ta’ April 2016.
Alta Realitat SL vs Erlock Film ApS u Ulrich Thomsen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill- Juzgado de Primera Instancia de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8 – Assenza ta’ traduzzjoni tal-att – Rifjut ta’ aċċettazzjoni tal-att – Konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju tal-att – Stħarriġ mill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża fl-Istat Membru ta’ oriġini.
Kawża C-384/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:316

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ April 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 8 — Assenza ta’ traduzzjoni tal-att — Rifjut ta’ aċċettazzjoni tal-att — Konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju tal-att — Stħarriġ mill-qorti li quddiemha tressqet il-kawża fl-Istat Membru ta’ oriġini”

Fil-Kawża C‑384/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

Alta Realitat SL

vs

Erlock Film ApS,

Ulrich Thomsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Erlock Film ApS u M. Thomsen, minn K. Dyekjær u H. Puggaard, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u B. Beutler, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tintlaqa’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Novembru 2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79), kif irrettifikat (ĠU L 68, p. 91).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Alta Realitat SL (iktar ’il quddiem “Alta Realitat”) u Erlock Film ApS kif ukoll U. Thomsen dwar ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1393/2007

3

Il-premessi 2, 7 u 10 sa 12 tar-Regolament Nru 1393/2007 jistabbilixxu b’mod partikolari:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għan-notifika bejn l-Istati Membri.

[...]

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn in-notifika jkollha titwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

[...]

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ notifika ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(11)

Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u n-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)

L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għan-notifika sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, notifika permezz ta’ servizzi postali, u notifika diretta. Għandu jkun stabbilit li n-notifika tad-dokument irrifjutat tista’ tkun rrimedjata permezz tan-notifika lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dar-Regolament Nru 1393/2007, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. [...]”

5

Konformement mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, “[f]’dan ir-Regolament, il-kliem ‘Stat Membru’ għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka”.

6

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri jaħtru “aġenżiji mittenti”, kompetenti biex jittrażmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor, kif ukoll l-“aġenżiji riċeventi”, kompetenti biex jirċievu tali dokumenti minn Stat Membru ieħor.

7

L-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“1.   Id-dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skont l-Artikolu 2.

2.   It-trasmissjoni ta’ dokumenti, talbiet, konfermi, rċevuti, ċertifikati u kull dokument ieħor li jgħaddi bejn l-aġenziji mittenti u l-aġenziji riċeventi tista’ ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma’ dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta’ ġo fih tkun tista’ tinqara faċilment.

3.   Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta’ formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha titwettaq in-notifika, jew b’lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. [...]

[...]”

8

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-aġenzija mittenti għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument [...]”

9

Konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija riċeventi għandha, mill-iktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija mittenti permezz tal-mezzi ta’ trażmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

10

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat jew permezz ta’ metodu partikolari mitluba mill-aġenzija mittenti, ħlief jekk dak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-aġenzija riċeventi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq in-notifika tad-dokument malajr kemm jista’ jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha. [...]”

11

Skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument”:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.   Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista’ tkun rimedjata permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali [...]

[...]”

12

Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi:

“Meta l-formalitajiet dwar in-notifika tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta’ tlestija ta’ dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Anness I u jiġi indirizzat lill-aġenzija mittenti [...]”

13

L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Meta ċitazzjoni [att promotur] jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

a)

id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna tal-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.”

14

Il-formola standard, intitolata “Informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt li jirrifjuta li jaċċetta dokument” u li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tinkludi, għall-attenzjoni tad-destinatarju tad-dokument, dan li ġej:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibagħtu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

15

Din il-formola standard tinkludi wkoll “dikjarazzjoni tad-destinatarju” li, fil-każ fejn jirrifjuta li jaċċetta d-dokument ikkonċernat, huwa mistieden jiffirma u hija fformulata kif ġej:

“Jien nirrifjuta li naċċetta d-dokument mehmuż għaliex mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li nifhem jien jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika.”

16

Fl-aħħar nett, l-imsemmija formola standard tipprovdi li, f’dan l-istess każ, id-destinatarju għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi li jifhem minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

17

Bis-saħħa tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, konkluż fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 300, p. 55), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad‑29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227), seta’ japplika, fil-kuntest tad-dritt internazzjonali, għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tad-Danimarka.

18

L-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi dan li ġej:

“[...]

2.   Meta t-tibdil tar-Regolament [Nru 1348/2000] jiġi adottat, id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha jekk timplimentax jew le l-kontenut ta’ dawn l-emendi. [...]

[...]

6.   In-notifika Daniża skont liema l-kontenut tal-emendi ġie implimentat [...] toħloq obbligi reċiproċi fid-dritt internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Komunità. L-emendi tar-regolament jikkostitwixxu għalhekk emendi ta’ dan il-ftehim u huma meqjusa annessi miegħu.

[...]»

19

Wara t-tħassir tar-Regolament Nru 1348/2000 permezz tar-Regolament Nru 1393/2007, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni d-deċiżjoni tiegħu sabiex japplika l-kontenut ta’ dan l-aħħar regolament (ĠU 2008, L 331, p. 21).

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

20

Il-punt 2 tal-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jipprovdi li deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ma hijiex rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor jekk “meta jkun b’nuqqas ta’ dehra [kontumaċi], il-konvenut ma kienx ġie servut [nnotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti [att promotur] jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

21

Ir-Regolament Nru 44/2001 japplika għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tad-Danimarka bis-saħħa tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, konkluż fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 299, p. 62).

Id-dritt Spanjol

22

Skont l-Artikolu 11 tal-liġi qafas dwar is-setgħa ġudizzjarja (Ley Orgánica del Poder Judicial):

“1.   Ir-regoli tal-bona fide għandhom jiġu osservati fil-proċeduri ta’ kwalunkwe tip. Il-provi miksuba, direttament jew indirettament, bi ksur tad-drittijit jew tal-libertajiet fundamentali huma inammissibbli.

2.   Il-qrati u t-tribunali jiċħdu, permezz ta’ deċiżjoni motivata, it-talbiet, kwistjonijiet u eċċezzjonijiet ifformulati b’abbuż ta’ dritt jew b’mod frawdalenti taħt il-liġi jew il-proċedura.

3.   Il-qrati u t-tribunali għandhom, konformement mal-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva stabbilita fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni, jiddeċiedu dwar it-talbiet li huma aditi bihom u jistgħu jiċħduhom għal raġunijiet formali biss meta d-difett li huma allegatament ivvizzjati bih ikun irrimedjabbli jew ma jistax jiġi kkoreġut permezz ta’ proċeduri legali.”

23

L-Artikolu 161(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) jipprovdi:

“Meta d-destinatarju tan-notifika jinsab fid-domiċilju tiegħu u jirrifjuta li jaċċetta l-kopja tad-deċiżjoni jew skeda tagħha u ma jridx jiffirma li rċieva din in-notifika, l-uffiċjal jew, skont il-każ, il-prokuraturi tiegħu jinformah li l-kopja tad-deċiżjoni jew l-iskeda tagħha ser tibqa’ għad-dispożizzjoni tiegħu fl-uffiċċju legali, b’hekk in-notifika tkun effettiva b’mod sħiħ. Id-diliġenżi ċċitati iktar ’il fuq jitwettqu fid-dokument ta’ kunsinnja.”

24

Konformement mal-Artikolu 247 ta’ dan il-kodiċi:

“1.   Il-partijiet kollha fi proċedura, ta’ kwaunkwe tip, għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-bona fide fl-atti tagħhom kollha

2.   Il-qrati u t-tribunali jiċħdu, permezz ta’ deċiżjoni motivata, it-talbiet u l-kwistjonijiet ifformulati b’abbuż ta’ dritt jew b’mod frawdalenti taħt il-liġi jew il-proċedura.

3.   Fil-każ li l-qrati jew it-tribunali jqisu li parti aġixxiet bi ksur tar-regoli ta’ bona fide proċedurali, jistgħu jimponu fuqha, permezz ta’ att separat, motivat u konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, multa bejn EUR 180 u 6000, iżda mingħajr ma jkunu jistgħu jeċċedu terz tal-valur tal-kawża.

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-qrati u t-tribunali jridu jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi madwar il-fatt ikkontestat kif ukoll id-dannu li dan seta’ kkawża lill-proċedura jew lill-parti avversarja.”

25

L-Artikolu 496(1) tal-imsemmi kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Is-‘Secretario judicial’ jiddikjara li l-konvenut naqas mill jidher fid-data jew fit-terminu stabbilit fl-att ta’ notifika, ħlief fil-każijiet previsti f’dan il-kodiċi fejn din id-dikjarazzjoni ssir mill-qorti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Alta Realitat, kumpannija stabbilita taħt il-liġi Spanjola, ressqet rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona) intiż li jxolji kuntratt li kienet ikkonkludiet, fit-13 ta’ Frar 2008, ma’ Erlock Film ApS, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Daniż, u U. Thomsen, li jirrisjedi fid-Danimarka.

27

Dan il-kuntratt jirrigwarda t-twettieq ta’ film li fih U. Thomsen kellu parti u li kellu jsir bl-Ingliż.

28

Alta Realitat tat bħala raġuni għax-xoljiment tal-imsemmi kuntratt il-fatt li U. Thomsen allegatament ma kienx osserva l-obbligi tiegħu u kien abbanduna l-produzzjoni mingħajr ġustifikazzjoni.

29

Alta Realitat titlob ukoll il-kundanna tal-persuna kkonċernata għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 30000 li kienet ingħatat lilha minn qabel bħala dannu mġarrab minħabba fin-nuqqas ta’ twettieq ta’ dan l-istess kuntratt u fl-ispejjeż tal-proċedura.

30

Wara li ddikjarat bħala ammissibbli r-rikors ippreżentat minn Alta Realitat, il-qorti adita nnotifikat dan ir-rikors lil U. Thomsen, fl-indirizz ta’ residenza tiegħu fid-Danimarka.

31

U. Thomsen għaldaqstant uża d-dritt li kien rikonoxxut lilu mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 li jirrifjuta li jaċċetta dan ir-rikors bl-annessi tiegħu, minħabba li ma kienx jifhem bl-Ingliż, lingwa li biha kienu redatti dawn id-dokumenti.

32

Il-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona) madankollu kkunsidrat li dan ir-rifjut ma kienx iġġustifikat u li r-rikors kien ġie regolarment innotifikat lill-konvenut fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, din il-qorti, permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010 mogħtija f’kontumaċja, laqgħet it-talbiet ta’ Alta Realitat. Peress li l-ebda rikors ma ġie ppreżentat kontra din is-sentenza, din tal-aħħar saret definittiva.

33

Matul is-sena 2012, il-qrati Daniżi, fl-ewwel istanza u fl-appell, irrifjutaw li jirrikonoxxu din is-sentenza fid-Danimarka, abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001.

34

Permezz tad-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2013, il-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona) għaldaqstant annullat l-atti kollha tal-proċedura ta’ wara n-notifika tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil U. Thomsen.

35

F’dak id-digriet, l-imsemmija qorti madankollu kkonkludiet li n-notifika kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, wara li osservat li kien jirriżulta mill-elementi fil-proċess li U. Thomsen kien jifhem bl-Ingliż. Din l-istess ġurisdizzjoni fil-fatt osservat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll diversi dokumenti attribwiti lill-persuna kkonċernata u annessi mar-rikors kienu redatti f’din il-lingwa, li huwa kien indika, fil-profil li jidher fil-bażi tad-dejta ċinematografika fuq l-Internet, li kien jaf l-imsemmija lingwa, u li blog li huwa l-awtur tiegħu huwa wkoll redatt b’din l-istess lingwa. Il-qorti adita żiedet li d-DVDs, li fuqhom kien jidher l-individwu magħruf bħala U. Thomsen u li jesprimi ruħu bl-Ingliż, kienu ġew ammessi fil-proċess. Għalhekk, skont din il-qorti, ma kien hemm l-ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika r-rifjut mill-persuna interessata li tirċievi r-rikors bil-lingwa Ingliża, peress li għal kuntrarju tali rifjut kien jikkostitwixxi frodi proċedurali fis-sens tad-dritt Spanjol.

36

Konsegwentement, il-qorti adita ordnat li ssir notifika ġdida ta’ dan ir-rikors mingħajr traduzzjoni.

37

Hija, barra minn hekk, iddeċidiet li tapplika l-Artikolu 161(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili skont liema, meta l-konvenut jirrifjuta li jaċċetta d-dokumenti li huma nnotifikati lilu, dawn għandhom jitqiesu li jkunu ġew innotifikati validament meta l-qorti tkun ikkonstatat li r-rifjut ma kienx oġġettivament iġġustifikat.

38

Din in-notifika l-ġdida madankollu ma setgħatx issir, peress li U. Thomsen kien irrifjuta li jirċievi r-rikors redatt bl-Ingliż minħabba li kien jifhem biss bid-Daniż.

39

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona) tistaqsi lilha nnifisha jekk huwiex konformi mar-Regolament Nru 1393/2007 il-fatt li l-qorti nazzjonali tagħmel evalwazzjoni dwar il-punt li jsir magħruf jekk il-konvenut jifhimx lingwa partikolari billi tibbaża ruħha fuq elementi li hija għandha f’dan ir-rigward u, għaldaqstant tiddeċiedi li tindirizzalu kemm l-att promotur kif ukoll l-annessi tiegħu redatti unikament f’din il-lingwa.

40

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li tali kwistjoni tindirizza l-funzjonament tas-suq intern kif ukoll il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċeduri ġudizzjarji, u żżid li dawn tal-aħħar ikunu iktar mgħaġġla li kienu, fejn xieraq, ċerti dokumenti ma għandux ikollhom għalfejn jiġu tradotti fil-lingwi li huwa diffiċli li ssib tradutturi għalihom u li jiswew ħafna flus biex tittraduċi, speċjalment meta l-qorti setgħet, bħal fil-każ ineżami, tkun ċerta li l-konvenut kien jifhem il-lingwa inkwistjoni u li din il-lingwa hija lingwa użata b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li l-film li fih kien previst li U. Thomsen għandu rwol kellu jsir bl-Ingliż, lingwa li biha ġie redatt ir-rikors ippreżentat minn Alta Realitat.

41

Issa, ir-Regolament Nru 1393/2007 ma kienx jispeċifika l-firxa tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-qorti adita f’dan ir-rigward.

42

Barra minn hekk, huwa xieraq jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 161(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

43

Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de Primera Instancia no 44 de Barcelona (qorti tal-ewwel istanza Nru 44 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali adita tista’, abbażi tal-elementi kollha li hija għandha, tiddetermina jekk id-destinatarju ta’ att jafx il-lingwa li fiha dan l-att huwa redatt?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-qorti nazzjonali adita tkun iddeċidiet, abbażi tal-elementi kollha li hija għandha, li d-destinatarju ta’ att jaf il-lingwa li fiha dan l-att huwa redatt, l-uffiċjal li jwettaq in-notifika ma għandux joffrilu l-possibbiltà li jirrifjuta li jirċievi dan l-att?

3)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk id-destinatarju ta’ notifika jirrifjutaha minħabba li d-dokument huwa redatt f’lingwa speċifika filwaqt li l-qorti adita tkun iddikjarat li din il-persuna kellha għarfien suffiċjenti tal-imsemmija lingwa, ir-rifjut tad-dokument ma huwiex iġġustifikat u l-qorti adita tista’ tapplika l-konsegwenzi previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini għal dan it-tip ta’ rifjut mhux iġġustifikat u saħansitra, jekk dan ikun previst mir-regoli proċedurali tal-Istat ta’ oriġini, tista’ tiddikjara li d-dokument ġie nnotifikat lid-destinatarju tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

44

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

45

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

46

Permezz ta’ dawn it-tliet domandi, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi, liema huma r-regoli li qorti nazzjonali adita fl-Istat Membru tal-oriġini hija obbligata tosserva skont ir-Regolament Nru 1393/2007 meta hija tiddeċiedi li tinnotifika l-att promotur lid-destinatarju tiegħu li jirrisjedi f’territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’lingwa differenti minn dik li huwa jifhem jew li huwa mistenni li jifhem, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament li, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament Nru 1393/2007, adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bħalma tipprovdi l-premessa 2 tal-imsemmi regolament, mekkaniżmu ta’ notifika intrakomunitarja tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, li għandu bħala għan il-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

B’hekk, bl-għan tat-titjib tal-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji u biex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmi regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trażmissjoni diretta ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Membri, li għandu bħala effett li jiġu ssemplifikati jew aċċelerati l-proċeduri. Dawn l-għanijiet huma mfakkra fil-premessi 6 sa 8 tiegħu (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, b’xi mod jew ieħor, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tagħhom, li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, iżda wkoll li jitqiegħed f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrieh barra mill-pajjiż, b’tali mod li jista’ jinvoka validatament id-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’din il-perspettiva, għaldaqstant, ser ikun hemm lok li jiġi interpretat r-Regolament Nru 1393/2007 b’mod li jkun iggarantit, f’kull każ konkret, bilanċ ġust bejn l-interessi tar-rikorrenti u dawk tal-konvenut, destinatarju tal-att, permezz ta’ konċiljazzjoni tal-objettivi tal-effikaċja u l-ħeffa tat-trażmissjoni tal-atti ta’ proċedura mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, ir-Regolament Nru 1393/2007 implementa sistema skont liema t-trażmissjoni tal-atti ssir bħala priniċipju bejn l-“aġenziji li jibgħatu” u l-“aġenziji li jirċievu” magħżula mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, l-att jew l-atti li għandhom jiġu nnotifikati huma trażmessi direttament u fl-iqsar żmien possibbli, b’kull mezz xieraq, mill-aġenzija li tibgħat lill-aġenzija riċeventi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, hija l-aġenzija li tibgħat li għandha tavża lir-rikorrent fuq ir-riskju li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, huwa bħala prinċipju r-rikorrent li għandu jbati l-ispejjeż tat-traduzzjoni qabel it-trażmissjoni tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 35).

54

Fir-rigward tal-aġenzija riċeventi, huwa l-obbligu tagħha li tipproċedi effettivament għan-notifika tal-att lid-destinatarju, kif jipprevedi l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1393/2007. F’dan il-kuntest, hija għandha, minn naħa, iżżomm informata l-aġenzija li tibgħat l-elementi kollha rilevanti ta’ din it-tranżazzjoni billi tibgħat lura l-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, iġġib għall-konjizzjoni tad-destinatarju li huwa jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att jekk dan tal-aħħar ma huwiex ifformulat jew tradott f’waħda mil-lingwi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri jew il-lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem, jew il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun il-każ, waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn wieħed għandu jipproċedi għan-notifika, lingwi li d-destinatarju huwa mistenni li jaf. Meta dan tal-aħħar jirrifjuta n-notifika, huwa għandu barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) u (3) tal-imsemmi regolament, jinforma lill-aġenzija li tibgħat b’dan u għandu jirritorna l-att li tiegħu tintalab it-traduzzjoni (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 36).

55

Ir-rwol tal-aġenzija li tibgħat u dak tal-aġenzija riċeventi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, huma limitati għalhekk sabiex jiżgura materjalment it-trażmissjoni u n-notifika tal-att ikkonċernat, kif ukoll sabiex jittieħdu l-miżuri neċessarji li huma ta’ natura li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn l-aġenziji ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu deċiżjoni dwar kwistjonijiet ta’ natura sostanzjali, bħal dik li jsir magħruf liema lingwa jew lingwi d-destinatarju tal-attt jifhem u jekk l-att għandux jew le jkun akkumpanjat minn traduzzjoni f’waħda mil-lingwi indikati fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, kif lanqas ma għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw jekk ir-rifjut li jirċievi l-att mid-destinatarju huwiex iġġustifikat jew le (ara, f’dan is-sens, arrêt Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 37).

56

Għall-kuntrarju, huwa l-obbligu tal-unika qorti nazzjonali adita fl-Istat Membru ta’ oriġini li tieħu deċiżjoni fuq id-domandi ta’ din in-natura, peress li jipprekludu r-rikorrent u l-konvenut (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 41).

57

Iktar speċifikatament, wara li bdiet il-proċedura ta’ notifika billi ġie ddeterminat l-att jew l-atti rilevanti għal dan l-effett, din il-qorti ser tiddeċiedi biss wara li d-destinatarju ta’ att effettivament irrifjuta li jirċivih minħabba li ma huwiex redatt f’lingwa li jifhem jew mistenni li jifhem. Għalhekk, l-imsemmija qorti ser ikollha tivverifika, fuq talba tar-rikorrent, jekk tali rifjut kienx iġġustifikat jew le. Għal dan il-għan, ser ikollha tqis debitament l-elementi kollha tal-proċess biex, minn naħa, tistabbilixxi l-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju tal-att u, min-naħa l-oħra, tiddeċiedi jekk, fid-dawl tan-natura tal-att li jirrigwardah, hijiex meħtieġa traduzzjoni ta’ dan tal-aħħar (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’mod definittiv, l-imsemmija qorti ser ikollha, f’kull każ f’dan il-każ, tiżgura li d-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati huma protetti b’mod ibbilanċjat, billi jitqiegħed f’ekwilibriju l-objettiv tal-effikaċja u tal-ħeffa tan-notifika fl-interess tar-rikorrent u dak tal-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tad-destinatarju (ara s-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 43).

59

Għandu jingħad, fir-rigward tas-sistema implementata mir-Regolament Nru 1393/2007, li dan tal-aħħar jipprovdi wkoll l-użu ta’ żewġ formuli standard li jidhru, rispettivament, fl-annessi I u II tiegħu u li ma jinkludi l-ebda eċċezzjoni għall-użu ta’ dawn il-formuli. Għal kuntrarju, kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, il-formuli standard previsti minnu “għandhom jintużaw” peress li jikkontribwixxu, fl-osservanza tad-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati u kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-imsemmi regolament, sabiex jissimplifikaw u jagħmlu iktar trasparenti l-proċedura għat-trażmissjoni tal-atti, b’hekk jiggarantixxu kemm li dawn jinqraw kif ukoll is-siġurtà fit-trażmissjoni tagħhom (ara s-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 44 sa 46).

60

Barra minn hekk, l-imsemmija formoli jikkostitwixxu, kif tindika l-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, strumenti li permezz tagħhom id-destinatarji huma informati bil-fakultà li għandhom li jirrifjutaw li jaċċettaw l-att innotifikat (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 47).

61

Għal dak li jirrigwarda l-portata eżatta li hemm lok li tiġi rikonoxxuta tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u, bħala konsegwenza, tal-Artikolu 8(1) tiegħu, li għandu bħala għan in-notifika ta’ din il-formola lid-destinatarju tal-att, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diġà li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-titolu u tal-kontenut tal-imsemmija formola, il-fakultà li jiġi rrifjutat l-att innotifikat, kif previst fl-imsemmi Artikolu 8(1), hija kklassifikata bħala “dritt” tad-destinatarju ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49).

62

Issa, sabiex dan id-dritt mogħti mil-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ effettivament jipproduċi l-effetti tiegħu, għandu jinġieb bil-miktub għall-konjizzjoni tad-destinatarju tal-att. Fis-sistema implementata mir-Regolament Nru 1393/2007, din l-informazzjoni hija pprovduta lilu permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, bl-istess mod li r-rikorrent huwa, mill-bidu tal-proċedura, informat permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt tad-destinatarju tal-att (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 50).

63

F’dan ir-rigward, il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tikkostitwixxi waħda mill-innovazzjonijiet sinjifikanti mressqa minn dan tal-aħħar, għall-finijiet preċiżament li titjieb it-trażmissjoni tal-atti u li tiġi ggarantita protezzjoni aħjar tad-destinatarju tagħhom, peress li din il-formola tipprovdi l-possibbiltà għad-destinatarju tal-att, fil-każ li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att minħabba l-fatt li huwa mhux redatt jew mhux akkumpanjat bi traduzzjoni f’lingwa li huwa jifhem jew fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika, li jindika l-lingwa jew il-lingwi li huwa jifhem.

64

F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jinkludi żewġ dikjarazzjonijiet ċertament marbutin, iżda madankollu distinti, jiġifieri, minn naħa, id-dritt materjali tad-destinatarju tal-att li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att, unikament għar-raġuni li ma huwiex ifformulat jew ma huwiex akkumpanjat bi traduzzjoni f’lingwa li mistenni li jifhem, u, min-naħa l-oħra l-informazzjoni formali tal-eżistenza tal-imsemmi dritt miġjub għall-konjizzjoni tiegħu mill-aġenzija riċeventi. Fi kliem ieħor, il-kundizzjoni relatata mas-sistema lingwistika tal-att tirreferi mhux għall-informazzjoni tad-destinatarju mill-aġenzija riċeventi, iżda esklużivament għad-dritt ta’ rifjut irriżervat għal dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-formola standard li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament tagħmel distinzjoni netta bejn dawn iż-żewġ aspetti, billi tagħmel riferiment, fir-rubriki differenti, għall-informazzjoni bil-miktub lid-destinatarju tal-att tad-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att u għall-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 5152).

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-rifjut stess huwa ċertament ċarament ikkundizzjonat, fis-sens li d-destinatarju tal-att jista’ b’mod validu jagħmel użu minnu biss fl-ipoteżi fejn l-att inkwistjoni ma huwiex ifformulat jew ma huwiex akkumpanjat bi traduzzjoni jew f’lingwa li jifhem, jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun ser titwettaq in-notifika. Kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ dan id-digriet, definittivament hija l-qorti adita li għandha tiddeċiedi jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, billi tivverifika jekk ir-rifjut tad-destinatarju tal-att huwiex iġġustifikat jew le (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 53).

66

Xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ rifjut jippreżumi li d-destinatarju tal-att ġie debitament informat, minn qabel u bil-miktub, bl-eżistenza tad-dritt tiegħu. Għaldaqstant, l-aġenzija riċeventi, meta għandha tinnotifika l-att lid-destinatarju tiegħu, hija marbuta, f’kull każ, li tehmeż mal-att inkwistjoni l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 li tinforma lil dan id-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att, billi tali obbligu ma jwassalx barra minn hekk għal diffikultajiet partikolari għal din l-aġenzija, peress li huwa biżżejjed li tehmeż mal-att li għandu jiġi nnotifikat it-test stampat minn qabel kif previst minn dan ir-regolament f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 54 sa 56).

67

B’hekk, l-interpretazzjoni hawn fuq hija ta’ natura kemm li tiggarantixxi t-trasparenza billi tqiegħed id-destinatarju f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tal-estensjoni tad-drittijiet tiegħu u li tippermetti applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007, mingħajr ma twassal għal ebda dewmien fit-trażmissjoni ta’ dan l-att, iżda, għall-kuntrarju, billi tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u għall-faċilitazzjoni tiegħu (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 57).

68

Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li l-aġenzija riċeventi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan, billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 (sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 58).

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li, fl-ewwel lok, għal każ bħal dak f’din il-kawża prinċipali fejn l-att li għandu jiġi nnotifikat ma huwiex redatt jew ma huwiex akkumpanjat minn traduzzjoni f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jiġifieri jew f’lingwa li jifhem id-destinatarju, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, fejn xieraq, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika – lingwi li l-persuna kkonċernata hija mistennija li tifhem –, l-obbligu tal-aġenzija riċeventi li tinforma lid-destinatarju, permezz ta’ formola standard li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att għandu dejjem jiġi osservat (ara l-punti 59 u 68 ta’ dan id-digriet).

70

Dan jgħodd ukoll indipendentement minn jekk id-destinatarju rrifjutax jew ma rrifjutax milli jirċievi l-att. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza Alpha Bank Cyprus(C‑519/13, EU:C:2015:603), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-imsemmija formola standard huwa ta’ natura obbligatorja f’kawża fejn id-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat kien effettivament uża d-dritt tiegħu li jirrifjutah, għalkemm ma kienx irċieva ebda informazzjoni minn qabel dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

71

Għalhekk, fil-każ fejn l-aġenzija riċeventi, mitluba twettaq in-notifika tal-att ikkonċernat lid-destinatarju tiegħu, ma tkunx hemżet il-formola standard li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, din l-ommissjoni tkun trid tiġi aġġustata konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 59 sa 76).

72

Għaldaqstant, hija l-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tissorvelja l-osservanza ta’ dawn ir-regoli.

73

Fit-tieni lok, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt li destinatarju jirrifjuta li jaċċetta att li għandu jiġi nnotifikat, espressament previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jirriżulta min-neċessità, imfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ dan id-digriet, li jiġu pprotetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, konformement mal-kundizzjonijiet tas-smigħ xieraq.

74

Minn dan isegwi li la l-awtoritajiet nazzjonali tat-trażmissjoni u lanqas il-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini ma jistgħu jostakolaw, bi kwalunkwe mod, l-eżerċizzju ta’ tali dritt mill-persuna kkonċernata.

75

Iktar speċifikatament, għalkemm, minn qabel ma tibda l-proċedura ta’ notifika tal-att, il-qorti adita għandha twettaq l-ewwel evalwazzjoni provviżorja dwar il-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju sabiex tiddetermina, bi qbil mar-rikorrent, jekk traduzzjoni tal-att hijiex meħtieġa jew le, id-deċiżjoni li ma ssirx tali traduzzjoni ma taffettwa bl-ebda mod la d-dritt ta’ dan id-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta l-imsemmi att u lanqas l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Fi kliem ieħor, għalkemm din il-qorti jkollha, diġà f’dan l-istadju, il-konvinzjoni li l-imsemmi destinatarju jifhem il-lingwa li fiha l-att ġie redatt u li traduzzjoni għalhekk ma tkunx neċessarja, hija ma tistax tiddeduċi li l-persuna kkonċernata, ma tkunx tista’ b’mod validu topponi l-proċedura tan-notifika u b’hekk tipprekludiha mill-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta dan l-att, previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għax altrimenti jiġu affettwati d-drittjiet tad-difiża tagħha.

76

Min-naħa l-oħra, huwa biss meta d-destinatarju juża tali dritt li l-qorti adita tkun tista’ b’mod validu tiddeċiedi dwar il-fondatezza ta’ dan ir-rifjut.

77

Għal dan il-għan, kif intqal fil-punt 57 ta’ dan id-digriet, din l-istess qorti jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-proċess sabiex tiddetermina jekk id-destinatarju li rrifjuta li jaċċetta l-att, kienx madankollu jista’ jifhmu u li jsostni b’mod validu d-drittijiet tiegħu jew jekk, fid-dawl tan-natura ta’ dan l-att, traduzzjoni ta’ dan tal-aħħar hijiex neċessarja.

78

Huwa fil-fatt essenzjali, minn naħa, li, sabiex id-destinatarju tal-att ikun jista’ b’mod effettiv jeżerċita d-dritt tiegħu li jiddefendi lilu nnifsu, l-att ikkonċernat ikun redatt f’lingwa li jifhem, fatt li jikkostitwixxi l-garanzija li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tidentifika, f’waqtu, tal-inqas l-għan u l-kawża tat-talba kif ukoll l-invit li tidher quddiem il-qorti jew, fejn xieraq, il-possibbiltà li ssir azzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punti 6473). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma għandux ibati l-konsegwenzi negattivi ta’ rifjut purament dilatorju u evidentement abużiv li destinatarju jirċievi att mhux tradott, meta huwa stabbilit li d-destinatarju tiegħu jifhem il-lingwa li fiha huwa redatt dan l-att (sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 52).

79

Hija għaldaqstant il-qorti adita bil-kawża fl-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tieħu ħsieb bl-aħjar mod possibbli l-interessi ta’ kull waħda mill-partijiet, b’mod partikolari, billi teżamina l-fatti u l-provi kollha konklużivi, li juru konkretament il-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju, mingħajr ma tkun tista’ f’dan ir-rigward tibbaża lilha nnifisha fuq kwalunkwe preżunjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 85)

80

Fil-każ li, skont it-terminu ta’ dan l-eżami, il-qorti adita tasal tikkonkludi li r-rifjut tad-destinatarju li jaċċetta l-att innotifikat kien fondat, peress li dan tal-aħħar ġie redatt fil-lingwa li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jirriżulta mill-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament li l-imsemmi att, akkumpanjat bi traduzzjoni f’waħda mil-lingwi msemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu għalhekk jiġi nnotifikat lid-destinatarju tiegħu.

81

Min-naħa l-oħra, fil-każ oppost, ma hemm xejn li jipprekludi, bħala prinċipju, milli jiġu applikati minn din il-qorti l-konsegwenzi, previsti fid-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, għar-rifjut inġustifikat tad-destinatarju li jaċċetta l-att, bil-kundizzjoni li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tal-imsemmi regolament, fl-osservanza tal-finalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 69).

82

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1393/2007 stess ma jipprovdix il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta minn rifjut inġustifikat tad-destinatarju li jaċċetta dan l-att.

83

Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-ordni ġudizzjarju intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-individwi li jirriżultaw mill-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 49).

84

Dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mill-ordinament ġuridiku nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u dawn ma għandhomx jirrendu r-rikors għad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni pratikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 50).

85

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ effettività għandu jwassal lill-qorti nazzjonali sabiex tapplika l-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha biss sa fejn dawn ma jikkompromettux ir-raġuni, il-finalità u l-effikaċja sħiħa tar-Regolament Nru 1393/2007 (ara s-sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punti 5051).

86

Fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konvenut ma jidhirx, ir-Regolament Nru 1393/2007 jeħtieġ, kif jirriżulta b’mod iktar partikolari mill-Artikolu 19(1) tiegħu, li jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata realment u effettivament tkun irċeviet l-att promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 3641), li jippermettilha li ssir taf bil-proċeduri ġudizzjarji mibdija kontrieha kif ukoll tidentifika s-suġġett u l-kawża tat-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punti 7375), u li hija kellha biżżejjed ħin sabiex tiddefendi lilha nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 52). Tali obbligu barra minn hekk huwa konsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 68, u Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 51).

87

Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-motivi ta’ dan id-digriet, ir-Regolament Nru 1393/2007 jawtorizza l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 37 tal-imsemmi digriet biss wara li jintemmu l-istadji previsti f’dan ir-regolament, jiġifieri l-informazzjoni tad-destinatarju, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, li huwa għandu l-fakultà li jirrifjuta li jaċċetta l-att innotifikat, u, f’każ ta’ rifjut, deċiżjoni ġudizzjarja, li saret definittiva, li tikkonstata n-natura inġustifikata ta’ dan ir-rifjut.

88

Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-modalitajiet konkreti li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex konformi mar-rekwiżiti u mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1393/2007.

89

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tliet domandi għandha tkun li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, man-notifika ta’ att lid-destinatarju tiegħu, li jirrisjedi f’territorju ta’ Stat Membru ieħor, fil-każ fejn l-att ma kienx ġie redatt jew akkumpanjat bi traduzzjoni jew f’lingwa li tifhem il-persuna kkonċernata, jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika:

il-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiżgura li dan id-destinatarju kien ġie debitament informat, permezz tal-formola standard li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att;

f’każ ta’ ommissjoni ta’ din il-formalità, hija din il-qorti li għandha tirregolarizza l-proċedura konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament;

ma hijiex il-qorti adita li għandha tostakola l-eżerċizzju tad-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta l-att;

huwa biss wara li d-destinatarju effettivament uża d-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li l-qorti adita tkun tista’ tivverifika l-fondatezza ta’ dan ir-rifjut; għal dan il-għan, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-fajl sabiex tiddetermina jekk il-persuna kkonċernata tifhimx jew le l-lingwa li biha ġie miktub l-att, u

meta l-imsemmija qorti tikkonstata li r-rifjut tad-destinatarju tal-att ma kienx iġġustifikat, hija tista’ bħala prinċipju tapplika l-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali tagħha f’tali każ, bil-kundizzjoni li tinżamm l-effettività tar-Regolament Nru 1393/2007.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, man-notifika ta’ att lid-destinatarju tiegħu, li jirrisjedi f’territorju ta’ Stat Membru ieħor, fil-każ fejn l-att ma kienx ġie redatt jew akkumpanjat bi traduzzjoni jew f’lingwa li tifhem il-persuna kkonċernata, jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika:

 

il-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiżgura li dan id-destinatarju kien ġie debitament informat, permezz tal-formola standard li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att;

 

f’każ ta’ ommissjoni ta’ din il-formalità, hija din il-qorti li għandha tirregolarizza l-proċedura konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament;

 

ma hijiex il-qorti adita li għandha tostakola l-eżerċizzju tad-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta l-att;

 

huwa biss wara li d-destinatarju effettivament uża d-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li l-qorti adita tkun tista’ tivverifika l-fondatezza ta’ dan ir-rifjut; għal dan il-għan, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-fajl sabiex tiddetermina jekk il-persuna kkonċernata tifhimx jew le l-lingwa li biha ġie miktub l-att, u

 

meta l-imsemmija qorti tikkonstata li r-rifjut tad-destinatarju tal-att ma kienx iġġustifikat, hija tista’ bħala prinċipju tapplika l-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali tagħha f’tali każ, bil-kundizzjoni li tinżamm l-effettività tar-Regolament Nru 1393/2007.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top