EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0581

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali

/* KUMM/2010/0581 finali */

52010DC0581

/* KUMM/2010/0581 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.10.2010

KUMM(2010) 581 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l- Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni [ta'] u r-rimedju għal danni [ħsara] ambjentali[1] (minn hawn ’il quddiem id-‘DRA’ jew ‘id-Direttiva’). Ir-rapport jivvaluta l-effettività tad-Direttiva f ’ termini tar-rimedju reali għall-ħsara ambjentali u d-disponibbiltà bi kostijiet raġonevoli, u l-kondizzjonijiet għal, sigurtà finanzjarja fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Anness III tagħha.

Il-karatteristiċi innovattivi tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali

L-għan principali tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali huwa li tevita u toffri rimedju għal ‘ danni [ħsara] ambjentali ’. Dan huwa definit bħala danni [ħsara] lill- ispeċijiet protetti u lill-ambjenti [ħabitats] naturali (natura) , danni [ħsara] lill- ilma u danni [ħsara] lill- art (ħamrija) . Il-parti responsabbli fil-prinċipju hija l-‘ operatur ’ li jwettaq attivitajiet tax-xogħol. Operaturi li jwettqu ċerti attivitajiet ta’ periklu, kif elenkati fl-Anness III għad-DRA, għandhom responsabbiltà assoluta (mingħajr tort/mhux kolpevolment) għad-danni [ħsara] ambjentali. Operaturi li jwettqu attivitajiet tax-xogħol oħra huma responsabbli għal kwalunkwe ħsara lin-natura kkawżata minħabba xi nuqqas min-naħa tagħhom [kolpevolment]. Operaturi jistgħu jibbenefikaw direttament minn ċerti eċċezzjonijiet u difiżi (pereżempju force majeure , kunflitt bl-armi, intervent ta’ terzi persuni) u difiżi li ddaħħlu permezz tat-traspożizzjoni (pereżempju difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali [permit defence], difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta’ dak iż-żmien [state of the art defence]).

L-operaturi għandhom jieħdu azzjoni preventiva fil-każ li jkun hemm theddida imminenti ta’ ħsara ambjentali. Bl-istess mod għandhom l-obbligu li jirrimedjaw id-danni ambjentali ladarba tkun saret il-ħsara u li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż (‘ min iniġġes iħallas ’). F’każjiet speċifiċi fejn l-operaturi jonqsu milli jagħmlu hekk, jew fejn ma jkunux identifikabbli, jew fejn ikunu użaw difiżi, l-awtorità kompetenti tista’ tintervjeni u twettaq il-miżuri preventivi jew ta' rimedju meħtieġa.

Dan ir-rapport, l-ewwel nett jeżamina t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva biex jiġi analizzat kif ġew applikati fil-prattika[2],[3]. Il-Kummissjoni ħadmet fuq it traspożizzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali mal-grupp tal-esperti tal-gvern dwar id-DRA. Ġew ikkonsultati fornituri tas-servizzi kummerċjali u tas-sigurtà finanzjarja, jiġifieri entitajiet tal-assigurazzjoni, brokers, banek u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll NGOs.

It-tieni nett, jagħti ħarsa lejn il-kwistjoni tas- sigurtà finanzjarja . Għal dan il-għan, ġiet analizzata r-reazzjoni tas-settur finanzjarju u ġew ivvalutati l-alternattivi għas-sigurtà finanzjarja, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-industrija tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni dwar il-prodotti tal-assigurazzjoni u l-kopertura DRA disponibbli fis-suq tal-UE. Tqiesu wkoll rapporti dwar id-DRA mill-Konfederazzjoni tal-Assiguraturi Ewropej (CEA - Confederation of European Insurers)[4] u informazzjoni dwar kif operaturi u l-industrija rreaġixxew għad-Direttiva[5] . It-tliet aspetti li kienu ttrattati b’mod partikolari huma: l-użu ta’ approċċ gradwali li jippermetti lill-Istati Membri sabiex bil-mod u f’fażijiet idaħħlu sigurtà finanzjarja obbligatorja, billi jibdew bl-attivitajiet u l-operaturi li huma l-aktar ta’ riskju u bil-ħsara lill-ħamrija u lill-ilma. l-iffissar ta’ limiti għal garanziji finanzjarji; u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx.

2. L-EFFETTIVITÀ TAD-DIRETTIVA FIR-RIMEDJAR TAL-ħSARA AMBJENTALI

L-analiżi tal-effettività tad-DRA għall-ħsara ambjentali saret permezz tal-valutazzjoni tat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali u tal-implimentazzjoni tagħha.

2.1 Il-proċess tat-traspożizzjoni

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004. Erba’ Stati Membri biss[6] irrispettaw id-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tat-30 ta’ April 2007. Minn dak iż-żmien ’il hawn it-traspożizzjoni tad-Direttiva baqgħet issir bil-mod , u minħabba dan il-Kummissjoni kellha tibda bil-proċedimenti ta’ ksur kontra 23 Stat Membru. Matul din il-proċedura, l-għadd ta’ pajjiżi li ma kinux konformi naqas, iżda l-Kummissjoni xorta waħda kellha tirreferi għadd minnhom lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li fl-2008 u fl-2009 qatgħet is-sentenza tagħha kontra seba’ Stati Membri[7].

Ir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien fit-traspożizzjoni kienu:

1. L-oqfsa legali eżistenti — L-Istati Membri li diġà kellhom regoli avvanzati dwar ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali kellhom jadattaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida skont dawn l-oqfsa legali eżistenti.

2. Rekwiżiti tekniċi ta ’ sfida bħall-ħtieġa għall-valutazzjoni ekonomika tal-ħsara ambjentali, it-tipi differenti ta’ rimedju, u l-ħsara lill-ispeċijiet protetti u lill-ħabitats naturali, li kienu innovazzjonijiet għal ħafna mill-Istati Membri.

3. Il- karattru ta' qafas tad-DRA, li jħalli lill-Istati Membri b'marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, b’alternattivi li jistgħu jiġu deċiżi biss matul it-traspożizzjoni; dan wassal għal dewmien, għaliex kien jirrikjedi li jkun hemm diskussjoni dwar firxa sħiħa ta’ alternattivi fil-livell nazzjonali.

2.2 Karatteristiċi tal-implimentazzjoni

Il-karattru ta' qafas tad-Direttiva rriżulta f’ diverġenza wiesgħa fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ bosta dispożizzjonijiet ewlenin ta’ implimentazzjoni.

- L- estensjoni fuq bażi volontarja tal-ambitu tal-UE ta ’ ‘ danni [ħsara] lill-ispeċijiet protetti u ambjenti [ħabitats] naturali ’ skont id-Direttivi dwar l-Għasafar [8] u l-Ħabitats[9] (l-Artikolu 2(3) tad-DRA). Erbatax-il Stat Membru ddeċidew li jikkonformaw u inkludew speċijiet u ħabitats protetti skont l-iskemi tal-protezzjoni nazzjonali jew reġjonali fil-ġuriżdizzjonijiet kollha tagħhom jew f'parti minnhom (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).

- Definizzjoni ewlenija oħra, dik ta’ ‘ operatur ’, ġiet estiża min-naħa tal-Istati Membri kollha barra wieħed, u wħud għażlu li jagħtu ambitu partikolarment wiesa’ lil din id-definizzjoni (l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja u l-Isvezja).

- Id-DRA tagħti lill-Istati Membri l-għażla dwar jekk iridux jipprovdu ‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’ u/jew ‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’ li jistgħu jiġu invokati mill-operaturi. Anqas minn nofshom iddeċidew li jħallu ż-żewġ difiżi: il-Belġju (fil-livell reġjonali), Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja (għajr għall-Organiżmi Modifikati Ġenetikament, OMĠ), il-Greċja, l-Italja, il-Latvja (għajr għall-OMĠ), Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, ir-Renju Unit (għajr għall-OMĠ fl-Iskozja u f’Wales). Bl-istess mod, anqas minn nofshom iddeċidew li ma jagħmlux użu minnhom: l-Awstrija, il-Belġju (fil-livell federali), il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi (applikabbli biss wara analiżi tar-raġuni), il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja. id-Danimarka, il-Finlandja u l-Litwanja ddeċidew li jippermettu d-‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’ iżda mhux id-‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’, filwaqt li Franza ppermettiet id-‘ difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien ’ iżda mhux id-‘ difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali ’. L-Isvezja ħadet it-triq tan-nofs, billi aċċettat id-difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali u dik skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta’ dak iż-żmien bħala fatturi li jnaqqsu mill-gravità fil-proċess tad-deċiżjoni.

- Għall-ambitu tal-attivitajiet koperti bir-responsabbiltà assoluta, bosta Stati Membri eżentaw it-tifrix ta ’ kulma jġorr id-dranaġġ [it-tixrid tal-ħama tad-dranaġġ] mill-operazzonijiet tal-ġestjoni tal-iskart (il-Bulgarija, Franza, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit). Għadd ta’ Stati Membri inkludew aktar attivitajiet li mhumiex imsemmija fl-Anness III fl- ambitu ta ’ responsabbiltà assoluta (il-Belgju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja).

- Għar-regoli dwar ħsara kkawżata minn ħafna partijiet ( multi-party causation ) , il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu sistema ta’ responsabbiltà in solidum , filwaqt li minoranza minnhom għażlu responsabbiltà proporzjonata (id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, is-Slovakkja u s-Slovenja).

- Fl-aħħar nett, id-DRA tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar jekk jintroduċux sistema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja fil-livell nazzjonali. Tmien Stati Membri introduċew is-sigurtà finanzjarja obbligatorja li tidħol fis-seħħ f’dati differenti sal-2014: il-Bulgarija, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija. Dawn is-sistemi huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju tas-setturi u l-operaturi rilevanti, u jiddependu fuq diversi dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni li jistipulaw kwistjonijiet bħal limiti, eżenzjonijiet, eċċ. Madankollu, is-sigurtà finanzjarja obbligatorja qed tesperjenza dewmien fit-tliet pajjiżi kollha fejn kellha tidħol fis-seħħ fl-2010 (fil-Portugall, fi Spanja u fil-Greċja) għaliex id-dispożizzjonijiet essenzjali għadhom mhumiex stabbiliti. Il-bqija tal-Istati Membri jiddependu fuq is-sigurtà finanzjarja fuq bażi volontarja.

2.3 Implimentazzjoni limitata tad-DRA

It-traspożizzjoni fit-tul tad-Direttiva kellha l-konsegwenza li l-awtoritajiet kompetenti ttrattaw għadd limitat ta’ każijiet. Il-Kummissjoni bl-appoġġ tan-netwerk tal-esperti tal-gvern dwar id-DRA [10] identifikaw 16-il każ li ġew ittrattati skont id-DRA fil-bidu tal-2010, u stmat li l-għadd totali tal-każijiet DRA madwar l-UE issa jista’ jkun madwar 50.

L-akbar ostaklu biex tiġi analizzata l-effettività tad-DRA huwa l-fatt li ftit li xejn huwa magħruf dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-każijiet. Madankollu:

- il-biċċa l-kbira tal-każijiet għandhom x’jaqsmu mal-ħsara lill- ilma u lill- art u għadd limitat biss mal-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali. Dan ma japplikax għall-Istati Membri kollha bl-istess mod

- fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ġew applikati immedjatament miżuri ta’ rimedju primarju (l-iskavar u s-sostituzzjoni tal-ħamrija kif ukoll it-tindif tal-ilma, bil-għan li s-sit jirritorna għall-kondizzjoni tal-bażi [kondizzjoni bażi/baseline condition]. Madankollu, f'ebda wieħed mill-każijiet irrappurtati ma kien hemm informazzjoni dwar iż-żewġ tipi l-oħra ta’ rimedju ( komplementari u li jikkumpensa )

- il-kostijiet totali tal-miżuri ta’ rimedju, meta jkunu magħrufa, għandhom jammontaw bejn EUR 12 000 u EUR 250 000

- it-tul ta’ żmien li jieħu l-irkupru ambjentali jvarja b’mod konsiderevoli u jieħu bejn ġimgħa u tliet snin għall-każijiet irrappurtati.

- l-attivitajiet involuti kienu kważi esklussivament elenkati fl-Anness III għad-DRA, billi jaqgħu l-aktar taħt id-Direttiva IPPC [Directive on Integrated Pollution Prevention and Control][11], flimkien ma’ operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart, u l-manifattura, l-użu u l-ħżin ta’ sustanzi perikolużi, preparazzjonijiet u prodotti relatati.

Rimedju tal-ħsara ambjentali taħt id-DRA

Jista’ jkun hemm rimedju għall-ħsara ambjentali f’modi differenti skont it-tip ta’ ħsara:

- Għall-ħsara li taffettwa l-art, id-Direttiva tesiġi li l-art konċernata tkun dekontaminata sakemm ma jkun baqa' l-ebda riskju serju ta’ impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem;

- Għall-ħsara li taffettwa l-ilma jew l-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali, id-Direttiva għandha bħala mira r-restituzzjoni tal-ambjent għal kif kien qabel ma seħħet il-ħsara u li kieku ma saritx il-ħsara. Ir-rimedjar tal-ħsara ambjentali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilma jew ma' speċijiet protetti jew ħabitats naturali, jintlaħaq permezz tar-restituzzjoni tal-ambjent għall-kondizzjoni bażi permezz ta’ rimedju primarju , komplementari u li jikkumpensa . Ir-riżorsi naturali li saritilhom il-ħsara jew is-servizzi affettwati ħażin għandhom jitreġġgħu lura għal li kienu jew jiġu sostitwiti minn riżorsi naturali jew servizzi identiċi, simili jew ekwivalenti jew fis-sit tal-inċident inkella, fil-każ li jirriżulta neċessarju, f'sit alternattiv. L-Anness II għad-Direttiva jinkludi definizzjonijiet tat-tipi differenti ta’ rimedju applikabbli għall-ħsara lill-ilma u lin-natura, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jitqiesu sabiex tiġi rrimedjata l-ħsara. Jeħtieġ li interventi ta’ rimedju jsiru fis-sit innifsu jew inkella billi jinħolqu riżorsi simili f’żoni fil-qrib.

L-awtoritajiet kompetenti qiesu li l- kwistjonijiet l-aktar diffiċli kienu r-rekwiżiti tekniċi kumplessi marbuta mal- evalwazzjoni ekonomika tar-riżorsi/is-servizzi li saritilhom il-ħsara u l- metodi tar-rimedju ambjentali , kif ukoll in-nuqqas ta’ limiti vinkolanti għal termini ewlenin bħal ‘ danni sinifikattivi ’ [ħsara sinifikanti] . Madankollu, l-Istati Membri bdew jiżviluppaw linji gwida u qed jibnu l-bażi tal-għarfien tagħhom fuq dawn il-mistoqsijiet (ara t-Taqsima 3).

Ir-raġunijiet għall- għadd relattivament baxx tal-każijiet DRA jistgħu jinkludu l-għarfien limitat tal-operaturi. Iżda dan jista’ jirrifletti wkoll l- effett preventiv li d-DRA diġà qed ikollha. Raġuni oħra għall-esperjenza limitata tista’ tkun li ċerti Stati Membri żammew il- liġijiet eżistenti tagħhom dwar ir-rimedju tal-ħamrija jew tal-ilma li kienu jinkludu miżuri aktar stretti minn tad-DRA. Fl-aħħar nett, l-eċċezzjonijiet u d-difiżi tad-DRA li jinkludu l-falliment u n-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-operaturi responsabbli setgħu wasslu għal anqas każijiet DRA.

Għaldaqstant hemm nuqqas ta ’ dejta suffiċjenti sabiex jintlaħqu konklużjonijiet affidabbli dwar l-effettività tad-Direttiva f ’ termini tar-rimedju attwali tal-ħsara ambjentali . Madankollu, dan ir-rapport żied l-għarfien fost il-partijiet involuti u żied il-flussi tal-informazzjoni bejniethom, u se jgħin lill-Istati Membri biex iħejju r-rapporti tagħhom stess, li għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sa April 2013.

3. IL-FUNZJONALITÀ TAS-SISTEMI NAZZJONALI TAD-DRA

L -istadju li fih jinsabu l-Istat Membri fit-tħejjija biex jittrattaw il-ħsara ambjentali skont id-Direttiva jvarja. Uħud mill-Istati Membri huma avvanzati biżżejjed f’termini tal-linji gwida dwar il-valutazzjoni teknika u ekonomika (il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, u r-Renju Unit), tal-proċeduri u l-manwali għall-valutazzjoni tar-riskju (Spanja, il-Portugall, l-Italja) u l-linji gwida leġiżlattivi (Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u l-Polonja). Sistemi speċjalizzati tas-sigurtà finanzjarja (bħall-ġbir kollettiv ta’ assi mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni (insurance pools) fi Franza, fi Spanja u fl-Italja) joffru prodotti tal-assigurazzjoni DRA xierqa.

Biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Anness II, il-Kummissjoni sponsorjat ir-riċerka[12] dwar il-metodoloġiji ta’ evalwazzjoni ekonomika li jistgħu jintużaw. REMEDE żviluppa sett ta’ għodda bil-metodi għall-istima tal-kostijiet tar-rimedju flimkien ma’ studji ta’ każijiet biex dawn jintużaw bħala eżempji.

Minkejja l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni[13], il-kummerċ u partikolarment is-setturi tal- industrija li huma aktar suxxettibbli għal riskji u ħsara li jaqgħu taħt id-DRA (l-operaturi tal-Anness III) b ’ mod ġenerali mhumiex infurmati dwar id-dispożizzjonijiet tad-DRA . Dan japplika b’mod partikolari għall-Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs – Small and Medium Enterprises). Intervisti ma’ operaturi fit-tieni nofs tal-2009[14] wrew li l-maġġoranza kienu għadhom ma adattawx il-poloz tal-assigurazzjoni tagħhom biex dawn ikopru r-responsabbiltajiet estiżi tad-DRA, filwaqt li wħud lanqas kienu jafu dwar id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan jista’ jkun minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni, li kkawża inċertezza legali, u minħabba l-isforzi limitati ta’ sensibilizzazzjoni. Dawn ir-riżultati kienu kkomplementati bi stħarriġ li sar mill-Kummissjoni fl-2009 permezz tal-Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew (European Business Test Panel)[15]; il-maġġoranza tal-operaturi u tal-assoċjazzjonijiet kummerċjali rrappurtaw livelli għoljin ta’ inċertezza dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-DRA u użu limitat ta’ strumenti finanzjarji li jkopru r-responsabbiltajiet DRA.

L-operaturi li huma infurmati dwar ir-responsabbiltajiet ambjentali tagħhom għandhom it-tendenza li jkopru r-riskji li jirriżultaw b’taħlita ta’ assigurazzjonijiet ambjentali bħal Responsabbiltà Ġenerali ta’ Terzi Persuni ( GTPL - General Third Party Liability), Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali ( EIL - Environmental Impairment Liability) jew prodotti tal-assigurazzjoni marbutin esklussivament mat-termini u l-kondizzjonijiet li hemm stipulati fihom (stand-alone). L-operaturi għamlu ħafna anqas użu minn sigurtà finanzjarja f’sura oħra, bħal garanziji bankarji, garanziji u fondi.

Rapport mis-settur kummerċjali [16] ġibed l-attenzjoni rigward il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-alternattivi disponibbli kollha għall-forniment ta’ sigurtà finanzjarja u ssuġġerixxa li l-Istati Membri jaħdmu biex itejbu s-sistemi nazzjonali stabbiliti fir-rigward tar-responsabbiltà ambjentali. Talab għal aktar ċarezza u preċiżjoni fir-regoli dwar ir-restituzzjoni tal-ħsara ambjentali.

L-industrija rreaġixxiet b ’ mod pożittiv għall-introduzzjoni tad-DRA . Saret ħidma sinifikanti dwar xi tfisser id-DRA għas-settur tal-assigurazzjoni u din tqassmet fuq firxa wiesgħa[17]. Gradwalment l-industrija żviluppat prodotti għad-DRA, jiġifieri soluzzjonijiet speċifiċi ‘stand alone’, jew żidiet mal-prodotti tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà li diġà kienu jeżistu. Tinsab għaddejja ħidma fuq kwistjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni bħal sottoskrizzjoni u l-ġestjoni ta’ talbiet, kif ukoll sforzi biex tiġi żviluppata dejtabejż ta’ studji tal-każijiet għall-qsim tal-esperjenza. Madankollu, f’dan l-istadju bikri għad hemm inċertezza dwar kemm il-prodotti eżistenti huma verament lesti biex jittrattaw każijiet DRA. L-industrija tal-assigurazzjoni[18] rrappurtat ukoll li l-kriżi ekonomika ta’ dan l-aħħar irriżultat f’nuqqas temporanju fil-kapaċità tal-industrija li tipprovdi kopertura DRA.

Wieħed jista’ jikkonkludi li t-traspożizzjoni tad-DRA saret bil-mod u li l-metodi ta ’ implimentazzjoni jvarjaw b ’ mod konsiderevoli madwar l-UE. Din id-diverġenza kellha l-konsegwenza ta’ dewmien fl-iżvilupp tal-alternattivi ta’ sigurtà finanzjarja fil-livell nazzjonali. Għalkemm jista’ jkun li l-varjetà sostanzjali li hemm fil-metodi ta’ implimentazzjoni nazzjonali taffettwa b'mod negattiv l-effettività tad-Direttiva, huwa diffiċli ferm li wieħed jivverifka eżattament kif.

4. SIGURTÀ FINANZJARJA GħAD-DRA

4.1. L-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sigurtà finanzjarja

Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jħeġġu l-iżvilupp ta’ strumenti u swieq ta’ sigurtà finanzjarja. L-Istati Membri ftit ħadu azzjoni, u din kienet ristretta għal diskussjonijiet mal-assiguraturi u/jew l-assoċjazzjonijiet kummerċjali tagħhom. F’bosta każijiet is-swieq DRA żviluppaw fuq l-inizjattiva tal-assiguraturi, saħansitra fil-każijiet fejn ġiet stabbilita s- sigurtà finanzjarja obbligatorja .

4.1.1 Prodotti ta’ Sigurtà Finanzjarja għad-DRA

L-assigurazzjoni rriżultat bħala l-istrument l-aktar popolari għall-kopertura tar-responsabbiltà ambjentali, segwit minn garanziji bankarji (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit) u Strumenti Bbażati fuq is-Suq oħrajn (MBIs - Market Based Instruments), bħal fondi, bonds, eċċ (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Polonja u Spanja). Il-ġbir kollettiv tal-assi mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jinsab fi Spanja, Franza u fl-Italja.

Parti sinifikanti tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mid-DRA jistgħu jkunu koperti taħt il-poloz tar-Responsabbiltà Ġenerali ta’ Terzi Persuni jew poloz tar-Responsabbiltà għall-Ħsara Ambjentali. (Ri)assiguraturi bħalissa qed joffru estensjonijiet għall-poloz eżistenti GTPL jew EIL u prodotti ‛stand-alone’ ġodda, Meta d-DRA ġiet adottata fl-2004, ir-rapporti indikaw li ma kien hemm prattikament l-ebda prodott tal-assigurazzjoni li jkopri riskji fil-każijiet fejn il-konsegwenzi ekonomiċi ma setgħux jiġu mbassra kompletament. Minn dak iż-żmien ’il hawn, fis-suq tal-UE tfaċċaw prodotti xierqa. Madankollu, il-kopertura tal-ħsara kkawżata mill-OMĠ għadha diffiċili: fi Spanja fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja mingħajr l-esklużjoni tal-OMĠ, hemm dispożizzjoni speċjali li tindirizza kwalunkwe ħsara u telf f’sistema ta’ responsabbiltà ċivili u mhux skont id-DRA.

Bħalissa huwa diffiċli biex wieħed jivvaluta jekk il-kapaċità fil-preżent tal-industrija ta’ (ri)assigurazzjoni hix biżżejjed biex tkopri b’mod effiċjenti r-responsabbiltajiet DRA. Il-kapaċitajiet DRA tal-industriji tal-assigurazzjoni qed jevolvu b’mod kostanti, hija u tiżdied id-domanda għall-prodotti. Il-kapaċitajiet jistgħu wkoll jiżdiedu permezz ta’ strumenti ta’ sigurtà finanzjarja li mhumiex tal-assigurazzjoni.

4.1.2 Tipi oħra ta’ sigurtà finanzjarja

Għalkemm teżisti firxa sħiħa ta’ alternattivi, l-attenzjoni ġenerali hija fuq prodotti tal-assigurazzjoni bħala mod kif ir-responsabbiltajiet DRA jistgħu jkunu koperti. Inkisbet esperjenza sinifikanti bi strumenti li mhumiex tal-assigurazzjoni (bonds, garanziji bankarji, fondi, captives, eċċ.) b’rabta ma’ leġiżlazzjoni ambjentali oħra, bħal dik dwar il-ġestjoni tal-iskart. Dawn l-istrumenti jirrikjedu ftit tibdil biex ikunu adattati għar-responsabbiltajiet relatati mad-DRA. Wieħed għandu jinnota li ċerti strumenti alternattivi huma aktar adattati għal operaturi kbar b’ħafna operazzjonijiet milli għal Impriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju.

L-adegwatezza tal-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja se tiddependi fuq l-effiċjenza tagħhom f’termini tal-kostijiet tar-rimedju koperti, id-disponibbiltà tagħhom għall-operaturi, u l-effettività tagħom fil-prevenzjoni tat-tniġġis. L-ebda strument disponibbli ma jidher li jissodisfa t-tliet rekwiżiti għar-responsabbiltajiet DRA kollha u għas-setturi kollha konċernati, u minħabba dan l-għażla tal-istrument se tvarja fost l-operaturi.

4.1.3 Limitazzjonijiet u nuqqasijiet fil-prodotti ta’ sigurtà finanzjarja

Il-limitazzjonijiet tal-prodotti tal-assigurazzjoni li hemm disponibbli fil-preżent huma l-esklużjoni tal-ħsara ambjentali gradwali u l-esklużjonijiet għal xi tipi ta’ rimedju, bħar-rimedju li jikkumpensa. Dawn il-limitazzjonijiet huma dovuti minħabba n-nuqqas ta’ dejta dwar inċidenti DRA u minħabba li t-telf potenzjali ma jkunx jista’ jiġi kkwantifikat. Bil-mod il-mod dawn il-limitazzjonijiet jiġu solvuti, hekk kif tiżdied ukoll l-esperjenza fis-suq.

4.2. Il-ħtieġa għal sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-ħtieġa għal sistema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata fil-livell tal-UE. Minħabba li t-traspożizzjoni tad-DRA rriżultat f’regoli ta’ implimentazzjoni diverġenti, minħabba li l-Istati Membri li għażlu s-sigurtà finanzjarja obbligatorja għadhom ma stabbilixxewx is-sistemi tagħhom, u għalhekk ma tistax issir evalwazzjoni tal-approċċi obbligatorji, u minħabba l-fatt tad-disponibbiltà dejjem tiżdied ta' aktar prodotti ta’ sigurtà finanzjarja, il-Kummissjoni għadha mhix fil-pożizzjoni li tipproponi sigurtà finanzjarja obbligatorja fil-livell tal-UE.

4.3. L-indirizzar ta' kwistjonijiet ta’ sigurtà finanzjarja

Ma teżisti l-ebda definizzjoni miftiehma b’mod konġunt dwar it-tliet kwistjonijiet li l-Kummissjoni għandha tqis fir-rapport (l-approċċ gradwali, il-limiti għal garanziji finanzjarji u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx). L-approċċi possibbli għal dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi mal-esperti tal-Istati Membri u mal-partijiet involuti. Valutazzjoni tas-sistemi stabbiliti tissuġġerixxi li sabiex l-implimentazzjoni tkun iffaċilitata, l-iskemi ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja għandhom jużaw forma ta’ approċċ gradwali, għandhom jistipulaw l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx, u għandhom jinkludu limiti għal garanziji finanzjarji.

4.3.1 Approċċ gradwali

Approċċ gradwali jfisser l-introduzzjoni gradwali ta’ sigurtà finanzjarja għall-kopertura ta’ tipi differenti ta’ riskji u setturi industrijali jew ta' responsabbiltajiet koperti. Il-modi kif l-Istati Membri applikaw l-approċċ gradwali jinkludu l-limitazzjoni ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja għall- attivitajiet tal-Anness III li jirrikjedu permess, approvazzjoni jew reġistrazzjoni, filwaqt li oħrajn imponew sigurtà finanzjarja obbligatorja għal ċerti attivitajiet tal-Anness III , li jibdew minn dawk l-aktar riskjużi (fl-Ungerija din hija limitata għal stallazzjonijiet IPPC).

4.3.2 Limiti għall-garanzija finanzjarja

L-ebda sistema ta’ sigurtà finanzjarja, kemm jekk tkun assigurazzjoni, garanzija bankarja jew fond fiduċjarju, mhija se tipprovdi responsabbiltà mingħajr limitu. Għaldaqstant, il-limiti japplikaw kemm għall-mekkaniżmi ta ’ sigurtà finanzjarja fuq bażi volontarja kif ukoll għal dawk fuq bażi obbligatorja . Jista’ jiddaħħal limitu għall-garanzija finanzjarja fil-każ li jitqies bħala baxx, ir-riskju li l-ħsara se taqbeż dak il-limitu, u dan jiddependi fuq il-post, it-tip u d-daqs tal-operazzjoni. Spanja introduċiet limiti għall-kopertura ta’ responsabbiltà meħtieġa mill-operaturi tagħha sa massimu ta’ EUR 5 miljun. F’pajjiżi oħra l-limiti jiġu miftiehma bejn l-assiguraturi u l-operaturi. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu wkoll idaħħlu limiti għar-responsabbiltajiet li jixtiequ jkopru, u mbagħad jistabbilixxu limiti għall-primjums li jitħallsu kif wkoll għall-kopertura li l-garanzija tagħhom tipprovdi. Il-limiti tal-ewwel japplikaw biex tkun stabbilita l-kopertura massima tal-poloz. Fil-prattika, hemm ukoll limiti għar-rimbors tal-poloz DRA, li bħalissa jvarjaw bejn EUR 1 miljun u EUR 30 miljun.

4.3.3 L-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx

Attivitajiet b’riskju baxx jistgħu jiġu esklużi minn skema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja bbażata fuq valutazzjoni tar-riskju tal-ħsara ambjentali potenzjali mill-attivitajiet tal-Anness III[19]. Barra minn hekk sistemi obbligatorji jiddefinixxu attivitajiet b’riskju baxx bħala dawk l-attivitajiet fejn il-kumpaniji għandhom sistema ta’ ġestjoni ambjentali EMAS jew ISO[20]; dan jista’ jiġi kkontestat, għaliex hemm fatturi oħra li għandhom rwol aktar sinifikanti fid-determinazzjoni tar-riskji ambjentali attwali tal-operatur, pereżempju n-natura tal-attività u l-post fejn issir. Il-partijiet involuti qalu li l-esklużjoni tal-operaturi minħabba r-raġuni li l-attivitajiet tagħhom huma meqjusa bħala ta' riskju baxx tista’ tkun kontroversjali, għaliex fir-realtà dawn l-attivitajiet xorta jistgħu jikkawżaw ħsara ambjentali sinifikanti.

4.3.4. Konklużjonijiet dwar l-aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tas-sigurtà finanzjarja

Riċerka dwar il-fattibbiltà, l-impatt u l-effettività tas-sigurtà finanzjarja obbligatorja għandha turi fid-dettall kif skemi bħal dawn jistgħu jiġu implimentati mingħajr tnaqqis sinifikanti fil-kopertura effettiva tar-responsabbiltajiet DRA. Ħafna minn dawn l-alternattivi disponibbli, bħall-approċċ gradwali, il-limiti għas-sigurtà finanzjarja u l-esklużjoni ta’ attivitajiet b’riskju baxx, diġà qed jiġu implimentati mill-Istati Membri.

Filwaqt li xi forma ta’ approċċ gradwali neċessarjament għandha tkun parti minn kwalunkwe skema ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja, iż-żewġ alternattivi l-oħra jistgħu jintużaw jew ma jintużawx fi skema obbligatorja. L-użu ta’ kwalunkwe waħda mit-tliet alternattivi jirrikjedi analiżi fid-dettall; jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja, madankollu jistgħu jnaqqsu wkoll mill-effettività.

5. IL-KONKLUżJONIJIET U T-TRIQ GħALL-ġEJJIENI

It-traspożizzjoni tad-DRA ġiet iffinalizzata fl-1 ta’ Lulju 2010. L-informazzjoni li hemm disponibbli għadha ma tippermettix li jinġabru konklużjonijiet konkreti dwar l-effettività tad-Direttiva għar-rimedju tal-ħsara ambjentali . Id-dewmien ta’ tliet snin fit-traspożizzjoni tad-Direttiva jfisser li għalissa ma hemmx ħafna esperjenza prattika disponibbli dwar l-implimentazzjoni tagħha. Ħafna drabi l-awtoritajiet ma kellhomx regoli fis-seħħ u fil-ħin li kienu konformi mad-DRA. L-operaturi ta’ sikwit ma kinux infurmati dwar l-obbligi legali speċifiċi. L-assiguraturi u istituzzjonijiet oħra li joffru sigurtà finanzjarja ma kinux familjari biżżejjed mar-rekwiżiti li l-prodotti tagħhom kellhom jissodisfaw biex ikunu konformi mad-DRA.

Ir-riżultati tal-istudji li saru għal dan ir-rapport u l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tad-DRA juru li jistgħu jitwettqu bosta miżuri bil għan li jtejbu l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva :

4. Il-promozzjoni tal- iskambju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti ewlenin (l-operaturi, l-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri tas-sigurtà finanzjarja, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-esperti tal-gvern, l-NGOs u l-Kummissjoni).

5. L-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-assoċjazzjonijiet tas-sigurtà finanzjarja, u l-awtoritajiet kompetenti li jimplimentaw din id-Direttiva għandhom ikomplu jippromwovu l-għarfien tal-operaturi individwali u tal-fornituri tas-sigurtà finanzjarja permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni.

6. L-iżvilupp ulterjuri ta’ gwida għall-interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-DRA, b’mod partikolari u possibbilment linji gwida fil-livell tal-UE dwar l-Anness II tagħha. Fejn tirriżulta diverġenza fl-implimentazzjoni nazzjonali se jiġu diskussi fil-grupp għar-responsabbiltà ambjentali magħmul mill-esperti tal-gvern definizzjonijiet u kunċetti ewlenin, bħal ‘danni [ħsara] ambjentali’, ‘danni sinifikattivi [ħsara sinfikanti], ‘kundizzjoni tal-bażi [kundizzjoni bażi],’ u dawn għandhom jiġu ċċarati u applikati b’mod ugwali.

7. L-Istati Membri huma rrakkomandati li jistabbilixxu rekords jew reġistri tal-każijiet DRA[21]. Dan jippermetti li tinkiseb esperjenza dwar kif id-Direttiva tista’ tiġi applikata bl-aħjar mod u joffri appoġġ lill-partijiet involuti fid-DRA. Għandu jgħin ukoll lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom skont l-Artikolu 18(1) tad-DRA u jippermetti li jsir ġudizzju dwar l-effettività tad-DRA abbażi tal-każijiet reali.

Minkejja l-kriżi finanzjarja, l-evidenza tissuġġerixxi li s-suq tal-assigurazzjoni tad-DRA fl-UE qed jikber u li l-varjetà ta’ prodotti disponibbli qiegħda dejjem tiżdied. Wieħed jistenna li ċarezza legali msaħħa[22] jkollha l-konsegwenza li meta l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jittrattaw każijiet ta’ ħsara skont din id-Direttiva, dawn japplikaw il-kriterji tad-DRA b’mod li jkun aktar prevedibbli u b’aktar ċertezza legali.

Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza prattika fl-applikazzjoni tad-DRA, il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-preżent ma hemmx biżżejjed ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta ’ sistema armonizzata ta ’ sigurtà finanzjarja obbligatorja . Qabel ma jistgħu jinħarġu konklużjonijiet affidabbli jridu jiġu mmonitorjati l-iżviluppi li jsiru f’dawk l-Istati Membri li għażlu s-sigurtà finanzjarja obbligatorja, inkluż l-approċċ gradwali, kif ukoll l-iżviluppi f'dawk l-Istati Membri li ma daħħlux is-sigurtà finanzjarja obbligatorja. Il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll b’mod attiv l-iżviluppi ta’ dan l-aħħar bħad-diżastru tat-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku, li jistgħu joffru ġustifikazzjoni għal inizjattiva f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid l-alternattiva ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja possibbilment anke qabel ir- reviżjoni tad-Direttiva ppjanata għall-2014 flimkien mar-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(2) tad-DRA. Barra minn hekk, dan ir-rapport identifika għadd ta ’ kwistjonijiet oħra li jirrikjedu attenzjoni aktar immedjata. Fir-rigward tar-reviżjoni ġenerali tad-DRA prevista għall-2013/2014, l-evalwazzjoni fuq bażi kontinwa ta’ possibbilment l-introduzzjoni aktar bikrija tal-miżuri korrispondenti li ġejjin se titnieda mingħajr dewmien:

- l-ambitu tad-Direttiva : Filwaqt li d-DRA tkopri ħsara ambjentali speċifika, l-aktar fuq l-art, il-kopertura tal-ambjent tal-baħar mhix kompluta. Id-DRA hija estiża għall-ilmijiet kostali u l-baħar territorjali fir-rigward tad-‘danni [ħsara] lill-ilma’ (bis-saħħa tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u għall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar u tas-siti tan-Natura 2000 li jinsabu fil-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri (li testendi għaż-żona ekonomika esklussiva u l-pjattaforma kontinentali, fejn japplika), u tħalli lakuna f’dak li jirrigwarda r-rimedju sħiħ tal-ħsara lill-ambjent tal-baħar. Għalhekk ħsara li ssir lill-ambjent tal-baħar minħabba t-tixrid taż-żejt ikkaġunat minn attivitajiet ta’ tħaffir għaż-żejt mhumiex indirizzati bis-sħiħ fid-dispożizzjonijiet attwali tad-DRA.

- ir-regoli nazzjonali diverġenti tat-traspożizzjoni jistgħu potenzjalment joħolqu diffikultajiet, pereżempju għall-fornituri tas-sigurtà finanzjarja li jkollhom jimmodifikaw prodotti ġeneriċi biex jakkomodaw ir-rekwiżiti ta’ kull Stat Membru fejn dawn jingħataw. Sistema armonizzata u obbligatorja tal-UE għas-sigurtà finanzjarja tad-DRA jkollha aktar suċċess jekk ikun hemm anqas diverġenza fid-dispożizzjonijiet nazzjonali differenti għall-implimentazzjoni.

- l-applikazzjoni mhux ugwali mill-Istati Membri tad- difiża minħabba awtorizzazzjoni uffiċjali u tad-difiża skont il-konformità mal-ogħla livell ta' konoxxenza teknoloġika u xjentifika ta ’ dak iż-żmien .

- l-estensjoni mhux ugwali tal-ambitu biex ikopri ħsara lil speċijiet u ħabitats naturali protetti bil-leġiżlazzjoni domestika.

- is-suffiċjenza tal-limiti finanzjarji attwali ffissati għall-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja stabbiliti fir-rigward ta’ inċidenti li potenzjalment iseħħu fuq skala kbira. Il-kapaċità tal-istrumenti ta’ sigurtà finanzjarja eżistenti biex dawn ikopru inċidenti ta' dimensjoni kbira ħafna jeħtieġ li tiġi vvalutata b’rabta mal-limiti finanzjarji applikabbli u mal-potenzjal ta’ tipi differenti ta’ strumenti, bħal fondi, assigurazzjoni, garanziji, eċċ. F’dan il-kuntest ir-reviżjoni se jkollha fil-mira tagħha l-esplorar tal-modi l-aktar effiċjenti kif jiġu żgurati riżorsi finanzjarji suffiċjenti f’każ ta’ inċidenti fuq skala kbira li jinvolvu partijiet responsabbli b'kapaċità finanzjarja medjokri jew saħansitra baxxa.

[1] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

[2] Financial Security in Environmental Liability Directive. Final Report August 2008 [mhux disponibbli bil-Malti]. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/eld_report.pdf.

[3] Study on the Implementation and Effectiveness of the Environmental Liability Directive (ELD) and related Financial Security issues. Final Report November 2009 [mhux disponibbli bil-Malti] Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/legal/liability/pdf/ELD%20Study%20November%202009.pdf.

[4] Navigating the Environmental Liability Directive. A practical guide for insurance underwriters and claims handlers (2009) [mhux disponibbli bil-Malti]; The Environmental Liability Directive. Enhancing Sustainable Insurance Solutions (2008) [mhux disponibbli bil-Malti]; CEA White Paper on Insurability of Environmental Liability (2007) [mhux disponibbli bil-Malti]. Disponibbli fuq: http://www.cea.eu.

[5] Business survey on environmental issues through the European Business Test Panel (2009) (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 15); Ad-hoc Industry Natural Resource Damage Group, Report [mhux disponibbli bil-Malti]. Survey of industrial companies, 2010 [mhux disponibbli bil-Malti]. Kif ukoll FERMA, Survey on Environmental Liability Directive Report, 2010 [mhux disponibbli bil-Malti].

[6] L-Italja, il-Litwanja, il-Latvja u l-Ungerija.

[7] Franza, il-Finlandja, is-Slovenja, il-Lussemburgu, il-Greċja, l-Awstrija u r-Renju Unit.

[8] Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.

[9] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[10] L-Istati Membri mhumiex obbligati li jirrappurtaw id-dejta lill-Kummissjoni għal dan ir-rapport. L-informazzjoni ngħatat fuq bażi volontarja mill-esperti tal-gvern minn madwar nofs l-Istati Membri u ġiet estrapolata sabiex jingħataw stimi approssimattivi għall-każijiet DRA.

[11] Id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis, ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8.

[12] L-istudji tal-każijiet u s-sett ta’ għodda huma disponibbli fuq is-sit elettroniku: http://www.envliability.eu.

[13] Pereżempju ‘EU ELD White Paper Final Draft: EU Environmental Liability Directive: Practical Suggestions to Ensure Sound Implementation’ mill-Ad-Hoc Industry Natural Resource Damage Group. [mhux disponibbli bil-Malti].

[14] Aktar tagħrif dwar l-istudju msemmi fin-nota ta' qiegħ il-paġna numru 3.

[15] Ir-riżultati jinsabu fuq: http://ec.europa.eu/yourvoice/ebtp/consultations/2009_en.htm.

[16] L-istħarriġ tal - Ad-Hoc Industry Group (nota ta' qiegħ il-paġna nru 5), huwa disponibbli fuq: www.NRDonline.com.

[17] Il-pubblikazzjonijiet rilevanti jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Konfederazzjoni tal-Assiguraturi Ewropej (CEA): www.cea.eu.

[18] Workshop dwar ‘Implementation efficiency of the environmental liability directive (ELD) and related financial security issues’ [mhux disponibbli bil-Malti], l-10 ta' Lulju 2009. Ir-rapport tal-workshop huwa disponibbli fuq: http://www.biohost.org/eld/workshop09/.

[19] L-iskema ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja ta' Spanja teżenta lill-operaturi li għandhom potenzjal stmat ta' ħsara ambjentali taħt it-EUR 300 000 (jew bejn EUR 300 000 u EUR 2 miljun meta l-operaturi jimplimentaw EMAS/ISO 14001). Dan jeżenta għadd potenzjalment kbir ta' operaturi mis-sigurtà finanzjarja obbligatorja, u jagħmilha faċli għalihom biex jimplimentaw l-iskema, iżda dan ikun jeħtieġ li tiġi analizzata l-ħsara ambjentali potenzjali tal-attivitajiet kollha tal-Anness III.

[20] Dan jgħodd għal Spanja (ara fuq) u għar-Repubblika Ċeka.

[21] Il-Kummissjoni hija infurmata dwar l-isforzi tal-Istati Membri f'dan ir-rigward; uħud minnhom inkorporaw dispożizzjonijiet fit-traspożizzjonijiet tagħhom.

[22] Ara pereżempju ż-żewġ sentenzi preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi tal-Italja Rada de Augusta C-378/08 u l-kawżi C-379/08 u C-380/08 magħqudin, fejn il-Qorti ċċarat il-mistoqsijiet relatati mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas u dwar il-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti, bħall-ippruvar tal-konnessjoni kawżali, id-determinazzjoni u l-immodifikar tal-miżuri ta' rimedju, l-identifikazzjoni tal-partijiet responsabbli eċċ.

Top