EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0705(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar rappurtar mhux finanzjarju (metodoloġija għar-rappurtar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja)

C/2017/4234

ĠU C 215, 5.7.2017, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida dwar rappurtar mhux finanzjarju

(metodoloġija għar-rappurtar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja)

(2017/C 215/01)

Indiċi

1

Introduzzjoni 1

2

Għan 4

3

Prinċipji ewlenin 5

3.1

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni materjali 5

3.2

Ġusta, ibbilanċjata u komprensibbli 7

3.3

Komprensiva iżda konċiża 7

3.4

Strateġika u tħares ‘il quddiem 8

3.5

Orjentata lejn il-partijiet ikkonċernati 9

3.6

Konsistenti u koerenti 9

4.

Kontenut 9

4.1

Mudell tan-negozju 10

4.2

Il-politiki u d-diliġenza dovuta 10

4.3

Riżultat 12

4.4

Ir-riskji prinċipali u l-ġestjoni tagħhom 12

4.5

Indikaturi ewlenin ta’ prestazzjoni 13

4.6

Aspetti tematiċi 14

5

L-oqfsa ta’ rapportar 19

6

Divulgazzjoni dwar id-diversità tal-bord 19

1   INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (“id-Direttiva”) li daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 2014. Din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2013/34/UE (2) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet ikkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi. Il-kumpaniji kkonċernati se jibdew japplikaw id-Direttiva mill-2018, fuq informazzjoni relatata mas-sena finanzjarja 2017.

It-trasparenza ikbar mistennija li tagħmel lill-kumpaniji (3) iktar reżiljenti u jkollhom rendiment aħjar, kemm f’termini finanzjarji u f’dawk mhux finanzjarji. Matul iż-żmien din se twassal għal tkabbir iktar b’saħħtu, għal iktar impjiegi u għal iktar fiduċja fost il-partijiet ikkonċernati, l-investituri u l-konsumaturi. Il-ġestjoni trasparenti tan-negozju hi wkoll konsistenti mal-investiment fuq perjodu itwal.

Ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni għal informazzjoni mhux finanzjarja japplikaw għal ċerti kumpaniji kbar b’iktar minn 500 impjegat, billi l-kost tal-obligazzjoni biex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju japplikawhom huwa iktar mill-benefiċċji. Dan l-approċċ iżomm il-piż amministrattiv wieħed minimu. Il-kumpaniji huma meħtieġa li jiddivulgaw informazzjoni relevanti u utli li hi neċessarja biex wieħed jifhem l-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni u l-impatt tal-attività tagħhom, iktar milli rapport eżawrjenti u ddettaljat. Barra minn hekk, id-divulgazzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti fil-livell tal-grupp, aktar milli minn kull affiljat individwali fi ħdan grupp. Id-Direttiva tagħti wkoll lill-kumpaniji flessibbiltà sinifikanti biex jiddivulgaw informazzjoni rilevanti bil-mod li jikkunsidraw li hu l-iktar utli, inkluż f’rapport separat. Il-kumpaniji jistgħu jiddependu fuq oqsfa internazzjonali, ibbażati fl-UE jew nazzjonali.

Divulgazzjoni mhux finanzjarja xierqa hi element essenzjali biex jiġi permess l-iffinanzjar sostenibbli. Fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-finanzi sostenibbli. Dan jibni fuq l-għan tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija tal-UE globali u komprensiva dwar il-finanzi sostenibbli bħala parti mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-grupp huwa mistenni li jissottometti sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika lill-Kummissjoni sa tmiem l-2017.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-ftehim ta’ Pariġi

Bi tweġiba għall-Aġenda 2030 globali adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2015, fit-22 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli” (4). Ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni li joħorġu mid-Direttiva jagħmlu kontribuzzjoni importanti lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, pereżempju l-Għan 12 dwar l-assigurazzjoni ta’ mudelli ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli (5) u l-Għan 5 dwar il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet kollha (6).

Dawn ir-rekwiżiti jikkontribwixxu wkoll biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, b’mod partikolari, it-trasparenza ikbar mistennija twassal għal flussi finanzjarji iktar konsistenti b’rotta lejn emissjonijiet ta’ gassijiet serra baxxi u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Bord għall-Istabilità Finanzjarja

F’Diċembru 2015, fuq talba tal-Ministri tal-Finanzi u tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) stabbilixxa Task Force immexxija mill-industrija biex tiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal divulgazzjonijiet volontarji tar-riskju finanzjarju relatat mal-klima. Dan jikkumplimenta l-ħidma li saret mill-Grupp ta’ Studju dwar il-Finanzjament Ekoloġiku tal-G20.

Il-ħidma tat-Task Force ġiet issorveljata mill-qrib u sa fejn kien possibbli, ġiet ikkunsidrata f’dawn il-linji gwida (7). F’termini ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force jikkonċernaw oqsma diġà identifikati bid-Direttiva, bħal pereżempju l-governanza, l-istrateġija, il-ġestjoni tar-riskju u l-metrika.

Il-linji gwida mhux vinkolanti

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jirreferi għal “gwida dwar ir-rapportar” u jistabbilixxi li “il-Kummissjoni għandha tħejji linji gwida mhux vinkolanti dwar il-metodoloġija għar-rapportar tal-informazzjoni mhux finanzjarja, inklużi KPIs ta' natura mhux finanzjarja, li jkunu ġenerali u settorjali, bl-għan li tiffaċilita d-divulgazzjoni relevanti, utli u komparabbli ta' informazzjoni mhux finanzjarja minn impriżi. […]”

Il-premessa 17 tad-Direttiva tistabbilixxi li, meta tipprepara l-linji gwida mhux vinkolanti, “Il-Kummissjoni għandha tqis l-aħjar prattiki attwali, l-iżviluppi internazzjonali u r-riżultati ta' inizjattivi relatati tal-Unjoni.”

Irrispettivament min dan il-fatt, il-kumpaniji jistgħu jagħżlu li jużaw oqfsa ta’ rapportar ġeneralment aċċettati u ta’ kwalità għolja, u dan f’konformità parzjali jew sħiħa. Dawn jistgħu jserrħu fuq oqfsa internazzjonali, ibbażati fl-UE jew nazzjonali, u, jekk ikun hekk, jispeċifikaw il-qafas/l-oqfsa li jużaw.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jinqdew mill-flessibbiltà skont id-Direttiva meta jiddivulgaw informazzzjoni mhux finanzjarja. Il-linji gwida mhumiex maħsuba biex joħonqu l-innovazzjoni fil-prattiki ta’ rapportar.

Konsultazzjoni pubblika  (8)

Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi inkluża konsultazzjoni pubblika wiesgħa bbażata fuq il-web. Il-proċess ta’ konsultazzjoni inkluda wkoll intervisti ma’ esperti, sessjonijiet ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati u konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmi hawn fuq.

Oqfsa Nazzjonali, ibbażati fl-UE, internazzjonali

Meta kienet qed tipprepara dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni rrevediet oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-UE u internazzjonali. Il-linji gwida huma dovuti ħafna għat-tmexxija u l-għarfien tal-organizzazzjonijiet wara dawn l-oqfsa. B’mod partikolari, il-prinċipji u l-kontenut deskritt f’dan id-dokument jibnu ħafna fuq oqfsa bħal pereżempju:

is-CDP (dak li qabel kien magħruf bħala l-Proġett ta’ Divulgazzjoni tal-Karbonju);

il-Bord dwar l-Istandards ta’ Divulgazzjoni dwar il-Klima;

il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, u s-supplimenti tagħha;

l-Iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiku (EMAS) u d-Dokumenti ta’ Referenza Settorali relatati;

il-KPIs Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) tal-Federazzjoni Ewropea tas-Soċjetajiet ta’ Analisti Finanzjarji, Linja Gwida għall-integrazzjoni tal-ESG fl-Analiżi Finanzjarja u l-Valutazzjoni Korporattiva;

l-Inizjattiva Globali ta' Rapportar;

il-Gwida dwar il-Ktajjen tal-Provvista Agrikola Responsabbli tal-FAO-OECD;

il-Gwida dwar ir-Rapport Strateġiku tal-Kunsill dwar ir-Rapportar Finanzjarju tar-Renju Unit;

il-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku;

il-Prinċipji Gwida tal-Qafas tar-Rapportar dwar in-Negozju u d-Drittijiet Umani;

l-ISO 26000 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni;

il-Qafas tar-Rapportar Integrat Internazzjonali;

il-Gwida Mudell dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni tal-ESG lill-investituri tal-Inizjattiva tan-NU għal Boroż Sostenibbli;

il-Protokoll għal Kapital Naturali;

il-Gwidi dwar l-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjonijiet u tal-Prodotti;

il-Bord dwar l-Istandards tal-Kontabilità ta’ Sostenibbiltà;

il-Kodiċi dwar is-Sostenibbiltà tal-Kunsill tal-Ġermanja għall-Iżvilupp Sostenibbli;

id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-prinċipji li jikkonċernaw l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

il-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU);

l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Settembru 2015, nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Qafas tan-NU “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”.

Importanti

Dan id-dokument ġie ppreparat skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/95/UE biex jgħin lill-kumpaniji kkonċernati jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja b’mod relevanti, utli, konsistenti u iktar komparabbli. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi linji gwida mhux vinkolanti u ma toħloqx obbligi legali ġodda. Sal-punt li din il-Komunikazzjoni tista’ tinterpreta d-Direttiva 2014/95/UE, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hi mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva li tista’ tinnħareġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-kumpaniji li jużaw dawn il-linji gwida jistgħu jiddependu wkoll fuq oqsfa internazzjonali, ibbażati fl-UE jew nazzjonali. Dan id-dokument ma jikkostitwix standard tekniku, u la dawk li jippreparaw id-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji u lanqas xi parti oħra, kemm jekk tkun qed taġixxi għan-nom ta’ xi ħadd li jipprepara d-dikjarazzjonijiet jew ta’ xi ħadd ieħor, m’għandhom jiddikjaraw li d-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji huma f’konformità ma’ dan id-dokument.

2   GĦAN

L-għan ta’ dawn il-linji gwida hu li jgħinu lill-kumpaniji jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja ta’ kwalità għolja, relevanti, utli, konsistenti u iktar komparabbli (ambjentali, soċjali u relatata mal-governanza) b’tali mod li trawwem tkabbir reżiljenti u sostenibbli u impjiegi, u tipprovdi trasparenza lill-partijiet ikkonċernati. Dawn il-linji gwida mhux vinkolanti, huma proposti fl-ambitu tal-obbligi ta’ rapportar previsti skont id-Direttiva. Dawn huma maħsuba biex jgħinu lill-kumpaniji jfasslu dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji relevanti, utli u qosra skont l-obbligi tad-Direttiva. Saru sforzi sinifikanti biex jiġi evitat il-piż amministrattiv mhux dovut, id-divulgazzjonijiet “boilerplate” (kostanti) jew is-sempliċi eżerċizzju ta’ mmarkar ta’ kaxxi.

Dawn il-linji gwida mhux vinkolanti jpoġġu l-enfasi fuq informazzjoni mhux finanzjarja relevanti, utli u komparabbli skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/95/UE dwar id-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar.

Din il-gwida hi indirizzata lejn il-kumpaniji li huma obbligati bid-Direttiva li jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja fir-rapport tal-ġestjoni tagħhom. Madankollu, il-linji gwida mhux vinkolanti jistgħu jirrappreżentaw l-aħjar prattika għall-kumpaniji kollha li jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja, inklużi kumpaniji oħrajn li mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreparat dawn il-linji gwida biex tiżviluppa metodoloġija bbażata fuq il-prinċipju relevanti għal kumpaniji fis-setturi ekonomiċi kollha u li tgħinhom biex jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja relevanti, utli u komparabbli. Permezz ta’ hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat l-aħjar prattiki, l-iżviluppi relevanti u r-riżultati ta’ inizjattivi relatati, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Dawn il-linji gwida huma inkwadrati fil-kuntest tar-rapport tal-ġestjoni. Madankollu, preżentazzjoni alternattiva tad-dikjarazzjoni mhux finanzjarja hi possibbli skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva.

L-intenzjoni hi li tiġi pprovduta gwida bbilanċjata u flessibbli dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja b’tali mod li tgħin lill-kumpaniji jiddivulgaw informazzjoni materjali b’mod konsistenti u koerenti. Dawn il-linji gwida, kemm jista’ jkun, għandhom jgħinu biex tiġi żgurata l-komparabbiltà fil-kumpaniji u s-setturi kollha.

Dan l-approċċ jirrikonoxxi d-diversità wiesa’ tan-negozji u tas-setturi involuti u taċ-ċirkostanzi li l-kumpaniji jenħtieġ li jirriflettu fir-rapportar tagħhom. Saru sforzi sinifikanti biex jiġi evitat aproċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” u metodoloġija preskrittiva żżejjed.

Il-linji gwida jirrikonoxxu l-importanza tar-rabtiet u r-relazzjonijiet reċiproċi tal-informazzjoni (konnettività), kemm jekk hi bejn aspetti differenti jew bejn informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja.

3   PRINĊIPJI EWLENIN

3.1   Divulgazzjoni ta’ informazzjoni materjali

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li l-kumpaniji kkonċernati:

“[…] għandhom jinkludu fir-rapport ta' ġestjoni dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha […]”

Il-materjalità hi kunċett diġà użat b’mod komuni minn dawk li jippreparaw, mill-awdituri, u mill-utenti tal-informazzjoni finanzjarja. Il-fehim sewwa minn kumpanija tal-komponenti ewlenin tal-katina tal-valur tagħha jgħin biex tidentifika kwistjonijiet ewlenin u biex tivvaluta dak li jagħmel l-informazzjoni materjali.

L-Artikolu 2(16) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità (2013/34/UE) jiddefinixxi l-informazzjoni materjali bħala “l-istatus tal-informazzjoni li l-ommissjoni jew id-dikjarazzjoni ħażina tagħha tista' b'mod raġonevoli tkun mistennija tinfluenza d-deċiżjonijiet li jagħmlu l-utenti abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-impriża. Il-materjalità tal-entrati individwali għandha tiġi vvalutata fil-kuntest ta' entrati simili oħrajn.”

Id-Direttiva tintroduċi element ġdid li jrid jiġi kkunsidrat meta tkun qed tiġi vvalutata l-materjalità tal-informazzjoni mhux finanzjarja billi tirreferi għal informazzjoni“sal-punt meħtieġ biex wieħed jifhem l-iżvilupp […] tal-impatt tal-attività (tal-kumpanija)” (9).

Il-Premessa 8 tad-Direttiva tgħid li “l-impriżi li huma soġġetti għal din id-Direttiva għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata fir-rigward ta' kwistjonijiet li juru ċar li huma l-aktar li jistgħu jwasslu għall-materjalizzazzjoni tar-riskji prinċipali ta' impatti severi, flimkien ma' dawk li diġà mmaterjalizzaw (10). […]”.

L-impatt ta’ attività ta’ kumpanija hi konsiderazzjoni relevanti meta jkunu qed isiru divulgazzjonijiet mhux finanzjarji. L-impatti jistgħu jkunu pożittivi jew negattivi. Id-divulgazzjonijiet materjali għandhom ikopru kemm b’mod ċar kif ukoll b’mod ibbilanċjat. Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja hija mistennija tirrifletti l-opinjoni ġusta ta’ kumpanija dwar l-informazzjoni meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati relevanti.

L-informazzjoni materjali trid tkun ivvalutata f’kuntest. Informazzjoni li tista’ tkun materjali f’kuntest wieħed tista’ ma tkunx materjali f’ieħor. Il-kwistjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja huma speċifiċi għaċ-ċirkostanzi ta’ kumpanija, u jikkunsidraw sitwazzjonijiet konkreti u kunsiderazzjonijiet settorjali. Kumpaniji fi ħdan industrija probabbli li jkollhom sfidi ambjentali, soċjali u ta’ governanza simili, pereżempju minħabba r-riżorsi li jiddependu fuqhom biex jipproduċu l-oġġetti u s-servizzi, jew l-effetti li jista’ jkollhom fuq in-nies, is-soċjetà u l-ambjent. Għalhekk, jista’ jkun xieraq li d-divulgazzjonijiet mhux finanzjarji relevanti jitqabblu direttament bejn il-kumpaniji fl-istess settur.

Il-kumpaniji jistgħu jirrapportaw fuq għażla wiesa’ ta’ kwistjonijiet potenzjali. Kumpanija tivvaluta liema informazzjoni hi materjali skont l-analiżi tagħha ta’ kemm hi importanti dik l-informazzjoni fil-fehim tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni, tal-pożizzjoni u tal-impatt tagħha. Din il-valutazzjoni tal-materjalità għandha tikkunsidra fatturi interni u esterni (11).

Eżempju u KPIs

Bank jista’ jikkunsidra li l-konsum tal-ilma tiegħu stess fl-uffiċċji u l-fergħat mhijiex kwistjoni materjali li għandha tiġi inkluża fir-rapport tal-ġestjoni tiegħu. B’kuntrast, il-bank jista’ jivvaluta li l-impatti soċjali u ambjentali tal-proġetti li jiffinanzja u r-rwol tiegħu fl-appoġġ għall-ekonomija reali ta’ belt, ta’ reġjun jew ta’ pajjiż huma informazzjoni materjali.

Jistgħu jiġu kkunsidrati numru ta’ fatturi meta tkun qed tiġi vvalutata l-materjalità tal-informazzjoni. Dawn jinkludu:

Il-mudell, l-istrateġija u r-riskji prinċipali tan-negozju: il-miri, l-istrateġiji, l-approċċ u s-sistemi maniġerjali, il-valuri, l-assi tanġibbli u mhux tanġibbli, il-katina tal-valur u r-riskji prinċipali ta’ kumpanija huma kunsiderazzjonijiet relevanti.

Kwistjonijiet settorjali ewlenin: Kwistjonijiet simili probabbli li jkunu materjali għal kumpaniji li joperaw fl-istess settur jew li jaqsmu l-istess ktajjen ta’ provvista. Temi diġà identifikati mill-kompetituri, il-klijenti jew il-fornituri probabbli li jkunu relevanti għal kumpanija (12).

Interessi u aspettattivi ta’ partijiet ikkonċernati relevanti: il-kumpaniji huma mistennija jinvolvu ruħhom ma’ partijiet ikkonċernati relevanti u jfittxu fehim tajjeb tal-interessi u t-tħassib tagħhom.

L-impatt tal-attivitajiet: Il-kumpaniji huma mistennija li jikkunsidraw is-severità u l-frekwenza attwali u potenzjali tal-impatti. Dan jinkludi l-impatti tal-prodotti, tas-servizzi u tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom (inklużi l-aspetti tal-katina ta’ provvista).

L-ordni pubbliku u l-motivaturi regolatorji: L-ordnijiet pubbliċi u r-regolamentazzjoni jista’ jkollhom effett fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kumpanija u jistgħu jinfluwenzaw il-materjalità.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li l-impatti permezz tal-katina ta’ provvista upstream tagħha huma kwistjonijiet relevanti u materjali u jirrapportaw dwarhom immedjatament kif xieraq. L-impatti jistgħu jkunu diretti jew indiretti. Pereżempju, kumpanija li tipproduċi l-ilma minerali tista’ tikkunsidra l-miżuri speċifiċi li ħadet biex tipproteġi r-riżorsi idriċi li tiddependi fuqhom.

Il-kumpaniji jistgħu jispjegaw l-arranġamenti ta’ governanza u l-proċessi użati biex iwettqu l-valutazzjoni ta’ materjalità tagħhom (13).

Eżempju u KPIs

Kumpanija li jkollha impatti fuq l-użu tal-art u t-tibdil fl-ekosistema (pereżempju d-deforestazzjoni), direttament jew permezz tal-katina ta’ provvista tagħha tista’ tikkunsidra divulgazzjonijiet xierqa fuq id-diliġenza dovuta applikata.

Il-valutazzjonijiet tal-materjalità huma mistennija li jiġu riveduti f’intervalli regolari biex jiġi żgurat li l-materji rrapportati jibqgħu jkunu materjali. Ir-rieżamijiet għandhom ikunu iktar frekwenti fl-iktar kumpaniji u setturi dinamiċi u innovattivi, jew f’kumpaniji li qed ibiddlu jew jaġġustaw il-mudelli jew il-politiki tan-negozju tagħhom, inkluż fuq id-diliġenza dovuta. Madankollu, dawn jistgħu jkunu inqas frekwenti f’ċirkostanżi iktar stabbli.

Eżempju u KPIs

Kumpanija li hi involuta fil-ktajjen tal-provvista ta’ minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti u żoni ta’ riskju għoli jistgħu jikkunsidraw divulgazzjonijiet xierqa dwar id-diliġenza dovuta applikata biex jiġi żgurat li hi tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u ma tikkontribwix għall-kunflitt.

3.2   Ġusta, ibbilanċjata u komprensibbli

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tagħti kunsiderazzjoni ġusta lil aspetti favorevoli u mhux favorevoli, u l-informazzjoni għandha tiġi vvalutata u ppreżentata b’mod mhux ippreġudikat.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tikkunsidra l-inputs disponibbli u affidabbli kollha, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati relevanti. L-utenti tal-informazzjoni m’għandhomx jiġu mqarrqa b’dikjarazzjonijiet materjali skorretti billi titħalla barra informazzjoni materjali jew tiġi ddivulgata informazzjoni immaterjali.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tiddistingwi b’mod ċar il-fatti mill-opinjonijiet jew mill-interpretazzzjonijiet.

L-informazzjoni tista’ ssir iktar ġusta u iktar preċiża pereżempju permezz ta’:

arranġamenti ta’ governanza korporattiva xierqa (pereżempju ċerti membri indipendenti ta’ bord jew kumitat ta’ bord fdat bir-responsabbiltà fuq il-materji tas-sostenibbiltà u/jew it-trasparenza);

evidenza robusta u affidabbli, kontroll intern u sistemi ta’ rapportar;

involviment effettiv tal-partijiet ikkonċernati; u

assigurazzjoni esterna indipendenti.

L-informazzjoni tista’ ssir ukoll iktar komprensibbli billi jintuża lingwaġġ komuni u terminoloġija konsistenti, jiġi evitat il-boilerplate, u, fejn ikun hemm bżonn, jiġu pprovduti definizzjonijiet għat-termini tekniċi.

L-informazzjoni materjali għandha tiġi pprovduta b’kuntest xieraq biex tkun tinftiehem iktar faċilment. Pereżempju, il-prestazzjoni ta’ kumpanija tista’ tiġi ppreżentata b’referenza għall-istrateġiji u l-miri iktar wiesgħa tagħha. Il-kumpaniji huma mistennija jiddeskrivu kif kwistjonijiet mhux finanzjarji jirrelataw mal-istrateġija għal terminu twil, mar-riskji prinċipali u mal-politiki tagħhom.

Kumpanija għandha tispjega l-kamp ta’ applikazzjoni u l-konfini tal-informazzjoni ddivulgata, b’mod partikolari meta ċerta informazzjoni tirrelata biss ma’ wieħed jew ma’ ħafna mis-segmenti tagħha jew teskludi segmenti speċifiċi.

Il-komprensibbiltà tista’ wkoll tittejjeb billi jiġu spjegati l-interni ewlenin tal-informazzjoni ddivulgata, bħal pereżempju l-metodi ta’ kejl, is-suppożizzjonijiet sottostanti u s-sorsi.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja ma tinvolvix biss li tiġi pprovduta lista ta’ KPIs. Biex wieħed jifhem sewwa l-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni u l-impatt ta’ kumpanija, trid tiġi ddivulgata kemm informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. Filwaqt li l-informazzjoni kwantitattiva tista’ tkun effettiva fir-rapportar ta’ xi kwistjonijiet mhux finanzjarji (KPIs, miri eċċ), l-informazzjoni kwalitattiva tipprovdi l-kuntest u tagħmel lid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja iktar utli u faċli biex tinftiehem. Kombinazzjoni ta’ rapportar narrattiv, informazzjoni kwantitattiva u preżentazzjoni viżwali (14) tagħmel il-komunikazzjoni iktar effettiva u trasparenti.

Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni b’lingwaġġ kummerċjali abitwali apparti li ssir bil-lingwa nazzjonali tal-kumpanija, probabbli li ttejjeb it-trasparenza ta’ kumpanija u tgħin biex l-informazzjoni ssir iktar aċċessibbli għall-investituri relevanti u għal partijiet ikkonċernati oħrajn.

Eżempju u KPIs

Kumpanija li tiddivulga ċerti KPIs tista’ żżid it-trasparenza billi tipprovdi informazzjoni dwar l-iskop u r-rabta mal-istrateġija tal-kumpanija; id-definizzjonijiet u l-metodoloġija; is-sorsi ta’ informazzjoni, is-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet; l-iskop tal-attivitajiet ikkonċernati; il-valuri referenzjarji; il-miri; ix-xejriet; il-bidliet fil-metodoloġiji (jekk ikun hemm); u spjegazzjonijiet kwalitattivi tal-prestazzjoni fl-imgħoddi u dik mistennija.

3.3   Komprensiva iżda konċiża

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li l-kumpaniji kkonċernati:

“[…] għandhom jinkludu fir-rapport ta' ġestjoni dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha, relatata tal-anqas ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim […]”

Bħala minimu, għandha tiġi ddivulgata informazzjoni materjali dwar ċerti kategoriji ta’ kwistjonijiet espliċitament riflessi fid-Direttiva. Dawn jinkludu:

kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati;

ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim.

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw ukoll kull informazzjoni materjali oħra.

Id-divulgazzjonijiet materjali huma mistennija li jipprovdu stampa komprensiva ta’ kumpanija fis-sena ta’ rapportar. Dan jirreferi għall-firxa tal-informazzjoni ddivulgata. Madankollu, il-volum tal-informazzjoni rrapportata dwar kwalunkwe kwistjoni partikolari jiddependi fuq il-materjalità tagħha. Kumpanija għandha tiffoka fuq il-provvista tal-firxa u l-volum tal-informazzjoni li tgħin lill-partijiet ikkonċernati jifhmu l-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni tagħha u l-impatt tal-attivitajiet tagħha.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja hi mistennija wkoll li tkun konċiża u tevita informazzjoni immaterjali. Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni immaterjali tista’ tagħmel lid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja inqas faċli biex tinftiehem billi din toskura l-informazzjoni materjali. Informazzjoni ġenerika jew boilerplate (kostanti) li mhijiex materjali għandha tiġi evitata.

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tista’ tinkludi kontroreferenzi interni jew sinjali biex tkun konċiża, tillimita r-repetizzjonijiet u tipprovdi links għal informazzjoni oħra (15).

Eżempju

Kumpanija tista’ tqassar l-informazzjoni, tiffoka fuq informazzjoni materjali, tneħħi informazzjoni ġenerika, tillimita d-dettalji, tevita elementi li m’għadhomx iktar relevanti, tuża kontroreferenzi u sinjali, eċċ.

3.4   Strateġika u tħares ’il quddiem

Id-dikjarazzjoni hi mistennija li tipprovdi għarfien dwar il-mudell kummerċjali ta’ kumpanija, l-istrateġija tal-kumpanija u l-implimentazzjoni tagħha u tispjega l-implikazzjonijiet għal terminu qasir, għal terminu medju u għal terminu twil tal-informazzjoni rapportata.

Il-kumpaniji huma mistennija jiddivulgaw informazzjoni relevanti dwar il-mudell tan-negozju tagħhom inklużi l-istrateġiji u l-objettivi tagħhom. Id-divulgazzjonijiet għandhom jipprovdu għarfien dwar l-approċċ strateġiku għal kwistjonijiet mhux finanzjarji relevanti; x’tagħmel kumpanija, kif tagħmlu u għalfejn tagħmlu.

Dan ma jipprevjenix il-kunsiderazzjoni xierqa ta’ informazzjoni kumerċjalment sensittiva. Informazzjoni relevanti tista’ tiġi pprovduta f’termini iktar wiesa’ li xorta jwasslu informazzjoni utli għall-investituri u għal partijiet ikkonċernati oħra.

Billi tiddivulga l-miri, il-valuri referenzjarji u l-impenji, kumpanija tista’ tgħin lill-investituri u lil partijiet ikkonċernati oħra biex ipoġġu l-prestazzjoni tagħha f’kuntest. Dan jista’ jkun utli meta jiġu evalwati prospetti futuri. Il-monitoraġġ estern tal-impenji u l-progress lejn il-miri jippromwovu trasparenza akbar lejn il-partijiet ikkonċernati. Il-miri u l-valuri referenzjarji jistgħu jiġu ppreżentati f’termini kwalitattivi jew kwantitattivi. Kif xieraq, il-kumpaniji jistgħu jiddivulgaw informazzjoni relevanti bbażata fuq xenarji bbażati fuq ix-xjenza.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tiddivulga l-mod ta’ kif tittratta strateġija kummerċjali sostenibbli u kif il-prestazzjoni ambjentali, soċjali u dwar il-governanza tista’ tgħin biex tikseb il-miri kummerċjali tagħha. Hi tista’ wkoll tiddivulga miri relatati ma’ KPIs rapportati u tispjega l-inċertezzi u l-fatturi li jistgħu jirfdu l-informazzjoni prospettiva u l-prospetti futuri.

L-informazzjoni prospettiva tippermetti lill-utenti tal-informazzjoni jivvalutaw aħjar ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-iżvilupp, tal-pożizzjoni, tal-prestazzjoni u tal-impatt ta’ kumpanija tul iż-żmien. Din tgħin ukoll lill-utenti biex ikejlu l-progress ta’ kumpanija lejn il-kisba ta’ objettivi għal terminu twil.

Eżempju

Kumpanija tista’ tiddivulga informazzjoni relevanti bbażata fuq l-impatt mistenni ta’ xenarji ta’ tibdil fil-klima bbażati fuq ix-xjenza fuq l-istrateġiji u l-attivitajiet tagħha. Inkella, hi tista’ tiddivulga l-miri għat-tnaqqis tan-numru ta’ aċċidenti jew mard okkupazzjonali.

3.5   Orjentata lejn il-partijiet ikkonċernati

Il-kumpaniji huma mistennija li jikkunsidraw il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati relevanti kollha. Dawn għandhom jiffukaw fuq il-ħtiġijiet tal-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati bħala grupp kollettiv iktar milli fuq il-ħtiġijiet jew il-preferenzi ta’ partijiet ikkonċernati individwali jew atipiċi jew ta’ dawk b’talbiet ta’ informazzjoni mhux raġonevoli.

Kif xieraq, dan jista’ jinkludi fost l-oħrajn: l-investituri, il-ħaddiema, il-konsumaturi, il-fornituri, il-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet pubbliċi, il-gruppi vulnerabbli, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

Il-kumpaniji għandhom jipprovdu informazzjoni relevanti, utli dwar l-involviment tagħhom ma’ partijiet ikkonċernati relevanti u kif jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-informazzjoni tagħhom. Pereżempju, l-ISO 26000 u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali jipprovdu gwida utli dwar dan.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tiddivulga informazzjoni materjali dwar l-involviment tagħha mal-partijiet ikkonċernati u tispjega kif dan jinfluwenza d-deċiżjonijiet, il-prestazzjoni u l-impatt tal-attivitajiet tagħha.

3.6   Konsistenti u koerenti

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja hi mistennija li tkun konsistenti ma’ elementi oħra tar-rapport tal-ġestjoni.

Li jkun hemm rabtiet ċari bejn l-informazzjoni ppreżentata fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja u informazzjoni oħra ddivulgata fir-rapport tal-ġestjoni jagħmel l-informazzjoni iktar utli, relevanti u koeżiva. Ir-rapport tal-ġestjoni għandu jitqies bħala sett ta’ informazzjoni wieħed, ibbilanċjat u koerenti.

Billi l-kontenut hu relatat wieħed mal-ieħor, l-ispjega tar-rabtiet ewlenin tagħmilha iktar faċli għall-investituri u partijiet ikkonċernati oħra biex jifhmu l-informazzjoni materjali u l-interdipendenzi.

Il-kontenut tar-rapport mhux finanzjarju għandu jkun konsistenti tul iż-żmien. Dan jippermetti lill-utenti tal-informazzjoni jifhmu u jqabblu bidliet passati u preżenti fl-iżvilupp, il-pożizzjoni, il-prestazzjoni u l-impatt ta’ kumpanija u jirrelataw b’mod affidabbli ma’ informazzjoni prospettiva.

Il-konsistenza fl-għażla u fil-metodoloġija tal-KPIs hi importanti biex jiġi żgurat li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tinftiehem u hi affidabbli. Madankollu, jista’ jkun hemm bżonn ta’ aġġornamenti, billi l-KPIs jistgħu jiskadu, jew jiġu żviluppati metodoloġiji ġodda u aħjar li jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni. Il-kumpaniji huma mistennija li jispjegaw kwalunkwe tibdil fil-politika jew fil-metodoloġija ta’ rapportar, ir-raġunijiet għaliex qed jinbidlu u l-effetti tagħhom (pereżempju billi titfakkar informazzjoni tal-imgħoddi, li turi b’mod ċar l-effett tat-tibdil tal-politiki jew il-metodoloġija ta’ rapportar).

Eżempju

Kumpanija tista’ tidentifika relazzjonijiet u rabtiet bejn il-mudell kummerċjali tagħha u l-aspetti ta’ korruzzjoni u tixħim.

4   KONTENUT

Il-kumpaniji huma mistennija li jidentifikaw l-aspetti tematiċi speċifiċi u l-informazzjoni materjali li jridu jkunu inklużi fid-divulgazzjonijiet tagħhom b’mod ġust, ibbilanċjat u komprensiv, inkluz bl-involviment mal-partijiet ikkonċernati relevanti.

L-informazzjoni fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja hi interkonnessa. Pereżempju, ir-riżultati jirriflettu mhux biss dak li tagħmel kumpanija (permezz tal-mudell tan-negozju, il-politiki u l-istrateġiji tagħha), iżda wkoll iċ-ċirkostanzi u r-riskji speċifiċi tal-kumpanija u kemm hi effettiva fl-immaniġġjar ta’ dawk ir-riskji. L-ispjegazzjoni tar-rabtiet u l-interdipendenzi ewlenin ittejjeb il-kwalità tar-rapport.

Meta jkunu qed jippreparaw id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja, il-kumpaniji għandu jkollhom il-konsiderazzjoni dovuta għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali (16).

4.1   Mudell tan-negozju

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jistabbilixxi li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja jkun fiha informazzjoni inkluża:

a.   “deskrizzjoni qasira tal-mudell tan-negozju tal-impriża;

Mudelli tan-negozju ta’ kumpanija, jiddeskrivi kif hi tiġġenera u tippreserva l-valur permezz tal-prodotti u s-servizzi tagħha fuq żmien itwal. Il-mudell tan-negozju jipprovdi kuntest għar-rapport tal-ġestjoni fl-intier tiegħu. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali ta’ kif topera kumpanija u r-raġuni tal-istruttura tagħha, billi jiddeskrivi kif tittrasforma l-inputs f’outputs permezz tal-attivitajiet kummerċjali tagħha. F’termini iktar sempliċi, x’tagħmel kumpanija, kif tagħmlu u għalfejn tagħmlu.

Meta jiddeskrivu l-mudell tan-negozju tagħhom, il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li jinkludu divulgazzjonijiet mhux xierqa relatati:

mal-ambjent tan-negozju tagħhom;

mal-organizzazzjoni u l-istruttura tagħhom;

mas-swieq fejn joperaw;

mal-objettivi u l-istrateġiji tagħhom; u

max-xejriet u l-fatturi ewlenin li jistgħu jaffettwaw l-iżvilupp futur tagħhom.

Il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li jużaw il-KPIs biex jispjegaw il-mudelli tan-negozju tagħhom, ix-xejriet ewlenin, eċċ.

Il-kumpaniji huma mistennija li jispjegaw il-mudelli tan-negozju tagħhom b’mod ċar, li jinftiehem u fattwali. Il-mudell tan-negozju hu każ fattwali. Il-kumpaniji għandhom jevitaw divulgazzjoniiet immaterjali ta’ natura promozzjonali jew ta’ aspirazzjoni li jfixklu l-attenzjoni minn fuq l-informazzjoni materjali.

Il-kumpaniji huma mistennija li jenfasizzaw u jispjegaw meta jkunu seħħ it-tibdil materjali fil-mudell tan-negozju tagħhom fis-sena ta’ rapportar.

Eżempju

Kumpanija tista’ tikkunsidra divulgazzjonijiet speċifiċi li jispjegaw:

il-prodotti ewlenin li tagħmel, u kif dawn jilħqu r-rekwiżiti tal-konsumaturi/klijenti;

kif isiru dawn il-prodotti, x’jagħmel l-approċċ ta’ produzzjoni tagħha kompetittiv u sostenibbli;

il-karatteristiċi tas-suq fejn topera u kif dan jista’ jevolvi;

4.2   Il-politiki u d-diliġenza dovuta

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jistabbilixxi li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja fiha informazzjoni inkluża:

b.   “deskrizzjoni tal-politiki segwiti mill-impriża fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet, inklużi l-proċessi ta' diliġenza dovuta implimentati;”

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni materjali li tipprovdi opinjoni ġusta tal-politiki tagħhom. Huma għandhom jikkunsidraw divulgazzjonijiet fuq l-approċċi tagħhom għall-aspetti mhux finanzjarji ewlenin, għall-objettivi ewlenin, u kif qed jippjanaw li jwettqu dawk l-objettivi u li jimplimentaw dawk il-pjanijiet. Kull divulgazzjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kumpanija. F’dawn id-divulgazzjonijiet kumpanija tista’ tispjega r-responsabbiltajiet u d-deċiżjonijiet tal-maniġment u tal-bord tagħha u kif l-allokazzjonijiet tar-riżorsi jirrelataw mal-objettivi, mal-ġestjoni tar-riskju u mar-riżultati intenzjonati. Pereżempju, kumpanija tista’ tispjega aspetti ta’ governanza relevanti, (17) inkluża s-sorveljanza tal-bord.

Eżempju

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni dwar min fl-organizzazzjoni u fl-istruttura tal-governanza tagħha hu responsabbli għall-iffissar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politika speċifika, pereżempju, dwar materji relatati mal-klima (18). Hi tista’ wkoll tiddeskrivi r-rwol u r-responsabbiltà tal-bord/tal-bord superviżorju rigward il-politiki ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-proċessi tad-diliġenza dovuta jirrelataw mal-politiki, mal-ġestjoni tar-riskju u mar-riżultati. Il-proċessi ta’ diliġenza dovuta jsiru minn kumpanija biex tiżgura li hi twettaq fil-konfront ta’ objettiv konkret (eż. li tiżgura li l-emissjonijiet tal-karbonju huma taħt ċertu livell jew li l-katina ta’ provvista huma ħielsa mit-traffikar tal-bnedmin). Dan jgħinu biex jiġu identifikati, ipprevenuti u mmitigati l-impatti avversi eżistenti u potenzjali.

Il-kumpaniji għandhom jipprovdu divulgazzjonijiet materjali dwar il-proċessi ta’ diliġenza dovuta implimentati, inkluż, fejn relevanti u proporzjonat, fuq il-fornituri u l-ktajjen ta’ sottokuntrattar tagħhom. Dawn jistgħu jikkunsidraw ukoll id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni xierqa dwar id-deċiżjonijiet meħuda biex jistabbilixxuhom u kif il-proċessi huma maħsuba li jaħdmu, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti avversi. Il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw ukoll li jipprovdu informazzjoni relevanti dwar l-iffissar tal-miri u l-kejl tal-progress.

Pereżempju, id-dokumenti ta’ Gwida tal-OECD għal diversi setturi, il-Prinċipji ta’ Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji li jirrigwardaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali jew l-ISO 26000 jipprovdu gwida utli dwar dan.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra divulgazzjonijiet dwar il-politiki tagħha mmirati lejn l-evitar tal-użu ta’ kimiċi ta’ periklu, ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jew ta’ bijoċidji fil-prodotti, l-operazzjonijiet u l-katina ta’ provvista tagħha. Hi tista’ wkoll tiddivulga l-politiki tagħha dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-użu ta’ alternattivi siguri. Il-kumpaniji jistgħu jispjegaw kif jevalwaw il-kwalità, is-sigurtà u l-impatt ambjentali tal-kimiċi li jużaw u kif jilħqu l-obbligi legali dwar is-sigurtà kimika (eż. REACH, is-CLP - il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-ippakkjar-).

Eżempju

Kumpanija tista’ tiddivulga informazzjoni relevanti dwar kif hi tidentifika, tivvaluta u timmaniġġja riskji relatati mal-klima (19) u/jew il-kapital naturali.

Il-kumpaniji huma mistennija li jenfasizzaw u jispjegaw meta jkunu seħħ xi tibdil materjali fil-politiki ewlenin tagħhom u jkollhom il-proċessi ta’ diliġenza dovuta fis-sena ta’ rapportar.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga l-informazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà li ġejja:

il-politiki tal-post tax-xogħol;

obbligi kuntrattwali nnegozjati mal-fornituri u s-sottokuntratturi;

ir-riżorsi allokati għall-ġestjoni tar-riskju, l-informazzjoni, it-taħriġ, il-monitoraġġ, l-awditjar, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-imsieħba soċjali.

Jista’ jkun li kumpanija ma tkunx żviluppat politiki dwar ċerti materji li hi għadha tqis bħala materjali. Għalhekk, tali kumpanija għandha tipprovdi spjegazzjoni ċara u motivata għaliex ma tkunx żviluppat dawk il-politiki. Rekwiżiti ta’ rapportar oħra jibqgħu japplikaw (pereżempju l-mudell ta’ negozju, ir-riskji prinċipali…).

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li “Meta l-impriża ma ssegwix politiki fir-rigward ta' waħda jew aktar minn dawk il-kwistjonijiet, id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tipprovdi spjegazzjoni ċara u motivata għaliex ma tagħmilx dan.”

4.3   Riżultat

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jistabbilixxi li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja jrid ikun fiha informazzjoni inkluż:

c.   “l-eżitu ta' dawk il-politiki;”

Il-kumpaniji għandhom jipprovdu opinjoni utli, ġusta u bbilanċjata tal-eżitu tal-politiki tagħhom.

L-informazzjoni mhux finanzjarja ddivulgata mill-kumpaniji għandha tgħin lill-investituri u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jifhmu u jissorveljaw il-prestazzjoni tal-kumpanija.

Id-divulgazzjonijiet relevanti dwar l-eżiti tal-politiki jistgħu jipprovdu informazzjoni utli dwar il-punti pożittivi u l-vulnerabbiltajiet tal-kumpanija. Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tirrifletti b’mod komprensiv u konċiż ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-attivitajiet ta’ kumpanija.

Il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li jispjegaw ir-relazzjoni bejn l-eżiti finanzjarji u mhux finanzjarji u kif din hi mmaniġġjata tul iż-żmien.

L-analiżi tal-eżiti għandha tinkludi KPIs mhux finanzjarji relevanti. Il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw il-KPIs li jqisu li huma l-iktar utli biex jiġi ssorveljat u vvalutat il-progress u biex tiġi appoġġjata l-komparabbiltà tul il-kumpaniji u s-setturi. Fejn xieraq, il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw ukoll li jippreżentaw u jispjegaw din l-informazzjoni fir-rigward tal-miri u l-valuri referenzjarji.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tinkludi divulgazzjonijiet speċifiċi li jispjegaw:

l-emissjonijiet attwali tal-karbonju, l-intensità ta’ karbonju;

l-użu ta’ kimiki perikolużi jew ta’ prodotti bijoċidali;

l-impatti tal-kapital naturali u d-dipendenzi;

il-paragun vs il-miri, l-iżviluppi tul iż-żmien;

il-mitigazzjoni tal-effetti tal-politiki implimentati;

il-pjanijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.

4.4   Ir-riskji prinċipali u l-ġestjoni tagħhom

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandu jkun fiha informazzjoni inkluż:

d.   “ir-riskji prinċipali relatati ma' dawk il-kwistjonijiet marbuta mal-operazzjonijiet tal-impriża inklużi, fejn ikun rilevanti u proporzjonat, ir-relazzjonijiet kummerċjali, il-prodotti jew is-servizzi tagħha li x'aktarx jikkawżaw impatti negattivi fuq dawk l-oqsma, u kif l-impriża timmaniġġja dawk ir-riskji;”

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw informazzjoni dwar ir-riskji prinċipali tagħhom u dwar kif dawn huma ġestiti u mitigati. Dawn ir-riskji jistgħu jirrelataw mal-operazzjonijiet tagħhom, mal-prodotti jew is-servizzi tagħhom, mal-katina ta’ provvista tagħhom u mar-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom, jew ma’ aspetti oħra. Dan ikun jinkludi perspettiva xierqa dwar ir-riskji prinċipali fuq terminu qasir, medju u twil. Il-kumpaniji huma mistennija li jispjegaw kif ir-riskji prinċipali jistgħu jaffettwaw il-mudelli tan-negozju, l-operat, il-prestazzjoni finanzjarja tagħhom u l-impatt tal-attivitajiet tagħhom.

Kumpanija hi mistennija tiddivulga informazzjoni materjali dwar ir-riskji prinċipali, irrispettivament minn jekk dawn joħorġux mid-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet tagħhom stess, jew minn fatturi esterni, u li tispjega l-proċessi użati biex jiġu identifikati u vvalutati tali riskji.

Id-divulgazzjonijiet, meta jkunu relevanti u proporzjonati, għandhom jinkludu informazzjoni materjali dwar il-ktajjen ta’ provvista u ta’ sottokuntrattar. Dawn għandhom jinkludu wkoll informazzjoni materjali dwar kif kumpanija tamministra u ttaffi r-riskji prinċipali.

Fis-sena ta’ rapportar, kumpanija hi mistennija li tenfasizza u tispjega kwalunkwe tibdil materjali għar-riskji prinċipali tagħha jew għall-mod ta’ kif tamministrahom.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tinkludi divulgazzjonijiet speċifiċi dwar:

prodotti li ma jaħdmux sew b’effetti possibbli fuq is-sigurtà tal-konsumaturi;

politiki implimentati biex jindirizzaw il-kwistjoni;

miżuri ta’ rimedju li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi li diġà huma affettwati minn dawk il-prodotti.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni materjali dwar impatti relatati mal-klima fuq l-operazzjonijiet u l-istrateġija tagħha, u tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħha u tinkludi valutazzjonijiet xierqa tal-probabbiltà u tal-użu tal-analiżijiet tax-xenarju (20).

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni materjali dwar ir-riskji tad-dannu għad-drittijiet tal-bniedem, għax-xogħol u għall-ħarsien tal-ambjent fil-katina ta’ provvista u ta’ sottokuntrattar tagħha u dwar kif il-kumpanija tamministra u ttaffi l-impatti negattivi potenzjali.

4.5   Indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandu jkun fiha informazzjoni inkluż:

e.   “l-indikaturi prinċipali tal-prestazzjoni mhux finanzjarji relevanti għan-negozju partikolari;”

Id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja għandha tinkludi narrattivi materjali u divulgazzjonijiet ibbażati fuq l-indikaturi, imsejħa b’mod komuni bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs).

Il-kumpaniji huma mistennija li jirrapportaw il-KPIs li huma utli filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. Il-KPIs għandhom ikunu konsistenti mal-metrika attwalment użata mill-kumpanija fil-ġestjoni interna u fil-proċessi tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha. Dan jagħmel id-divulgazzjonijiet iktar relevanti u utli u jtejjeb it-trasparenza. Id-divulgazzjoni ta’ KPIs ta’ kwalità għolja, rikonoxxoti b’mod wiesa’ (pereżempju, metrika użata f’settur jew għal kwistjonijiet tematiċi speċifiċi) tista’ wkoll ittejjeb il-komparabbiltà, b’mod partikolari għal kumpaniji fi ħdan l-istess settur jew katina tal-valur.

Kumpanija għandha tiddivulga KPIs li huma neċessarji biex wieħed jifhem l-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni tagħha u l-impatt tal-attività tagħha. Xi KPIs jistgħu jkunu utli għal varjetà wiesa’ ta’ ċirkostanzi tal-kumpaniji u dawk kummerċjali. KPIs oħra jirrelataw iktar mal-kwistjonijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ settur partikolari. Il-kumpaniji huma mħeġġa jiddivulgaw KPIs materjali, kemm ġenerali kif ukoll settorjali. Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-investituri u tal-partijiet ikkonċernati oħra, il-kumpaniji huma mistennija li jipprovdu opinjoni ġusta u bbilanċjata billi jużaw KPIs ġenerali, settorjali u speċifiċi għall-kumpanija.

L-utenti tal-informazzjoni għandhom it-tendenza li japprezzaw ħafna l-informazzjoni kwantitattiva billi din tgħinhom ikejlu l-progress, jivverifikaw il-konsistenza tul iż-żmien u jagħmlu l-paraguni. Narattivi xierqa li jispjegaw il-KPIs jgħinu biex id-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tinftiehem iktar.

Il-KPIs jitqiesu wkoll bħala għodod effettivi biex l-informazzjoni kwalitattiva tingħaqad ma’ dik kwantitattiva u biex jinbnew ir-rabtiet. Dawn jippermettu lill-kumpaniji jipprovdu opinjoni bbilanċjata u komprensiva b’mod konċiż u effettiv.

Il-KPIs għandhom jintużaw b’mod konsistenti minn perjodu ta' rapportar għall-ieħor biex tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli dwar il-progress u x-xejriet. Naturalment, il-KPIs rapportati jistgħu jevolvu tul iż-żmien għal raġunijiet ta’ negozju jew tekniċi. F’dawn il-każijiet, il-kumpaniji għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għaliex inbiddlu l-KPIs. Huma jistgħu jikkunsidraw li fejn ikun xieraq jirrisettjaw l-informazzjoni passata, u jispjegaw b’mod ċar u effettiv l-effett ta’ dawn il-bidliet.

Il-kumpaniji jistgħu jispjegaw il-ġbir ta’ data, il-metodoloġija u l-oqfsa li serrħu fuqhom. Dawn jistgħu wkoll jipprovdu analiżi ta-KPIs iddivulgati, jispjegaw pereżempju għaliex il-KPIs żdiedu jew naqsu fis-sena ta’ rapportar u kif il-KPIs jistgħu jevolvu fil-futur.

Il-kumpaniji jistgħu jippreżentaw KPIs fil-kuntest tal-miri, tal-prestazzjoni fl-imgħoddi u tal-paragun ma’ kumpaniji oħra, kif xieraq.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra divulgazzjonijiet xierqa dwar il-metrika u l-miri użati biex tivvaluta u tamministra kwistjonijiet ambjentali u relatati mal-klima relevanti (21).

4.6   Aspetti tematiċi

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li l-kumpaniji kkonċernati “għandhom jinkludu fir-rapport ta' ġestjoni dikjarazzjoni mhux finanzjarja li jkun fiha informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ għall-fehim tal-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-impriża u tal-impatt tal-attività tagħha, relatata tal-anqas ma' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim […]”.

Id-divulgazzjonijiet materjali għandhom jipprovdu opinjoni bbilanċjata u komprensiva tal-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni ta’ kumpanija u l-impatt tal-attivitajiet tagħha.

F’ċerti ċirkostanzi, il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar żviluppi imminenti jew dwar il-kwistjonijiet li qed jiġu nnegozjati tkun ta’ preġudizzju serju. Madankollu, id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mqassra li mhijiex ta’ preġudizzju serju tagħti kontribut qawwi lejn it-twettiq tal-objettiv globali ta’ trasparenza.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi li “L-Istati Membri jistgħu jippermettu li titħalla barra informazzjoni relatata ma' żviluppi imminenti jew kwistjonijiet li jkunu qed jiġu nnegozjati f'każijiet straordinarji […] id-divulgazzjoni ta' tali informazzjoni tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-impriża […].”

Ħafna drabi, l-aspetti tematiċi huma interkonnessi. Pereżempju, kwistjoni ambjentali relatata mal-operazzjonijiet, mal-prodotti jew mal-katina ta’ provvista ta’ kumpanija jista’ wkoll ikollha impatt fuq is-sigurtà u/jew is-saħħa tal-konsumaturi, tal-impjegati jew tal-fornituri jew fuq ir-reputazzjoni ta’ ditta. Il-kumpaniji huma mistennija li jipprovdu opinjoni ċara, ġusta u komprenisva li tiġbor fiha l-aspetti relevanti kollha ta’ kwistjoni.

L-elementi li ġejjin jikkostitwixxu lista mhux eżawrjenti ta’ aspetti tematiċi li l-kumpaniji huma mistennija jikkunsidraw meta jiddivulgaw informazzjoni mhux finanzjarja:

a.   Kwistjonijiet ambjentali

Kumpanija hi mistennija li tiddivulga informazzjoni relevanti dwar l-impatti attwali u potenzjali tal-operazzjonijiet tagħha fuq l-ambjent u kif il-kwistjonijiet ambjentali attwali u prevedibbli jistgħu jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni jew il-pożizzjoni tal-kumpanija.

Dawn jistgħu jinkludu:

divulgazzjonijiet materjali dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis;

l-impatt ambjentali mill-użu tal-enerġija;

l-emissjonijiet atmosferiċi diretti u indiretti (22);

l-użu u l-protezzjoni tar-riżorsi naturali (eż. l-ilma, l-art) u l-protezzjoni tal-bijodiversità relatata;

l-immaniġġjar tal-iskart;

l-impatti ambjentali mit-trasport jew mill-użu u r-rimi ta’ prodotti u servizzi; u

l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ekoloġiċi.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tiddivulga informazzjoni materjali bbażata fuq il-metodoloġiji speċifikati f’leġiżlazzjoni speċifika. Pereżempju, l-annessi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE jinkludu l-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott u tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjoni. Dawn huma metodi ta’ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja li jippermettu lill-kumpaniji jidentifikaw kull prodott jew organizzazzjoni sħiħa: (I) l-iktar impatti relevanti; u (ii) il-proċessi li jikkontribwixxu u l-emissjonijiet tagħhom tul il-katina ta’ provvista. L-impatti ambjentali jistgħu jkunu rapportati separatament jew bħala punteġġ wieħed aggregat.

Il-kumpaniji jistgħu jirreferu, fejn xieraq, għal informazzjoni materjali pprovduta fil-kuntest ta’ obbligi ta’ rapportar ambjentali speċifiċi (23).

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra KPIs bħal pereżempju:

il-prestazzjoni tal-enerġija u t-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija;

il-konsum tal-enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli u l-intensità enerġetika;

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’tunnellati metriċi ta’ CO2 ekwivalenti u l-intensità tal-gassijiet serra;

l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa oħra (imkejla f’valur assolut u bħala intensità);

l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali;

l-impatti u d-dipendenzi fuq il-kapital naturali u l-bijodiversità;

il-ġestjoni tal-iskart (eż. ir-rati ta’ riċiklaġġ).

b.   Kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati

Il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni materjali dwar kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati (24). Dawn jinkludu:

l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

il-kwistjonijiet dwar id-diversità bħal pereżempu d-diversità sesswali u t-trattament indaqs fl-impjieg u fl-okkupazzjoni (inklużi l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-oriġini etnika u aspetti relevanti oħra);

il-kwistjonijiet tal-impjiegi, il-konsultazzjoni ma’ u/jew il-parteċipazzjoni tal-impjegati, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol;

ir-relazzjonijiet mat-trade unions, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tat-trade unions;

il-kapital uman inkluża l-ġestjoni tar-ristrutturar, il-ġestjoni tal-karrieri u l-impjegabbiltà, is-sistema ta’ remunerazzjoni, it-taħriġ;

is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

ir-relazzjonijiet mal-konsumaturi, inklużi s-sodisfazzjoni tal-konsumaturi, l-aċċessibbiltà, prodotti b’effetti possibbli fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi;

l-impatti fuq il-konsumaturi vulnerabbli;

il-kummerċjalizzazzjoni u r-riċerka responsabbli; u

ir-relazzjonijiet mal-komunità, inkluż l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet lokali.

Il-kumpaniji jistgħu jsibuha utli li jistrieħu fuq oqfsa rikonoxxuti b’mod wiesa’ u ta’ kwalità għolja, pereżempju l-Linji Gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tirrigwarda l-Intrapriżi Mutinazzjonali u l-Politika Soċjali, jew l-ISO 26000.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga KPIs abbażi ta’ aspetti bħal pereżempju:

id-diversità bejn is-sessi u aspetti oħra tad-diversità;

l-impjegati intitolati għal-liv tal-ġenituri, skont is-sess;

il-ħaddiema li jipparteċipaw f’attivitajiet b’riskju għoli ta’ aċċidenti u mard speċifiku;

in-numru ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, tipi ta’ korrimenti jew ta’ mard okkupazzjonali;

id-dawran tal-impjegati;

il-proporzjon ta’ impjegati li jaħdmu b’kuntratti temporanji, skont is-sess;

il-medja ta’ sigħat ta’ taħriġ kull sena għal kull impjegat, skont is-sess;

il-proċessi ta’ konsultazzjoni mal-ħaddiema;

in-numru ta’ persuni b’diżabilità impjegati.

c.   Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem

Il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni materjali dwar l-impatti potenzjali u attwali tal-operazzjonijiet tagħhom fuq id-detenturi tad-dritt.

Huwa meqjus bħala l-aħjar prattika li kumpanija tesprimi l-impenn tagħha li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Dan l-impenn jista’ jiddefinixxi x’tistenna kumpanija mill-maniġment, mill-impjegati u mill-imsieħba kummerċjali tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istandards fundamentali tax-xogħol. L-informazzjoni tista’ tispjega liema drittijiet huma indirizzati bl-impenn, pereżempju d-drittijiet tat-tfal, tan-nisa, tal-popli indiġeni (25), tal-persuni b’diżabilità (26), tal-komunitajiet lokali, tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira, tal-vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin; u d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż ta’ dawk li qed jaħdmu b’kuntratti temporanji, tal-ħaddiema fil-ktajjen tal-provvista jew ma’ sottokuntratturi, tal-ħaddiema migranti, u tal-familji tagħhom.

Il-kumpaniji għandhom jikkunsidraw li jagħmlu d-divulgazzjonijiet materjali dwar id-diliġenza dovuta dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar proċessi u arranġamenti implimentati biex jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jista’ jinkludi pereżempju, kif il-kuntratti ta’ kumpanija man-negozji fil-katina ta’ provvista tagħha jittrattaw kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u kif kumpanija ttaffi impatti negattivi potenzjali u kif tipprovdi rimedju adegwat jekk id-drittijiet tal-bniedem jkunu nkisru.

Id-divulgazzjonijiet materjali jistgħu jirriflettu kif kumpanija tindirizza, fost affarijiet oħra, il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Proġett Qafas tan-NU “Protezzjoni, Rispett u Rimedju”, il-Linji Gwida tal-OECD għall-kumpaniji multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji rigward l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni materjali u KPIs fuq:

l-okkorrenzi ta’ impatti severi fuq id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet tagħhom;

il-proċess biex tirċievi u tindirizza l-ilmenti, u biex ittaffi u tipprovdi rimedji għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

l-operazzjonijiet u l-fornituri f’riskju sinifikanti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

il-proċessi u l-miżuri għall-prevenzjoni ta’ traffikar ta’ bnedmin għall-forom kollha ta’ sfruttament, għall-prevenzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju u t-tħaddim tat-tfal, għall-prevenzjoni ta’ xogħol prekarju u ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol mhux siguri, b’mod partikolari fir-rigward taż-żoni ġeografiċi f’riskju ogħla ta’ esponiment għall-abbuż;

kemm huma aċċessibbli l-faċilitajiet, id-dokumenti u s-siti web tagħhom għall-persuni b’diżabilità;

ir-rispett għal-libertà ta' assoċjazzjoni;

id-djalogu ma’ partijiet ikkonċernati relevanti.

d.   Kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim

Il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni materjali dwar kif jimmaniġġjaw il-kwistjonijiet u l-okkorrenzi ta’ korruzzjoni u tixħim.

Il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li jagħmlu divulgazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, id-deċiżjonijiet, l-istrumenti ta’ ġestjoni u dwar ir-riżorsi allokati għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim.

Il-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw ukoll li jispjegaw kif jivvalutaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tixħim, kif jieħdu azzjoni biex jipprevjenu jew itaffu l-impatti avversi, kif jissorveljaw l-effettività u kif jikkomunikaw dwar il-kwistjoni internament u esternament.

Il-kumpaniji jistgħu jsibuha utli li jiddependu fuq oqfsa rikonoxxuti b’mod wiesa’, ta’ kwalità għolja, pereżempju fil-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD, jew l-ISO 26000.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni materjali u KPIs relatati ma’ aspetti bħal pereżempju:

il-politiki, il-proċeduri u l-istandards kontra l-korruzzjoni;

il-kriterji użati fil-valutazzjonijiet tar-riskju relatati mal-korruzzjoni;

il-proċessi ta’ kontroll intern u r-riżorsi allokati għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-tixħim;

l-impjegati li rċevew taħriġ adattat;

l-użu ta’ mekkaniżmi għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

in-numru ta’ azzjonijiet legali pendenti jew kompletati dwar il-komportament antikompetittiv.

e.   Oħrajn

Ktajjen tal-provvista

Il-kumpaniji, fejn ikun relevanti u proporzjonat, huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni materjali dwar kwistjonijiet dwar il-katina ta’ provvista li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-iżvilupp, il-prestazzjoni, il-pożizzjoni jew l-impatt tagħhom. Dan ikun jinkludi informazzjoni meħtieġa għal fehim ġenerali ta’ katina ta’ provvista ta’ kumpanija u ta’ kif huma kkunsidrati l-kwistjonijiet mhux finanzjarji fil-ġestjoni tal-katina ta’ provvista.

Jekk kumpanija tikkunsidra li d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dettaljata dwar żviluppi imminenti jew dwar kwistjonijiet li qed jiġu nnegozjati tkun ta’ preġudizzju serju, hi taf tilħaq l-objettiv ta’ trasparenza globali billi tiddivulga informazzjoni mqassra li ma tkunx ta’ preġudizzju serju.

Id-divulgazzjonijiet materjali jistgħu jirriflettu kif kumpanija tindirizza, fost affarijiet oħra, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Kumpaniji Multinazzjonali, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem l-oqfsa speċifiċi għall-industrija relevanti bħal pereżempju l-Gwida tal-FAO-OECD għall-Ktajjen ta’ Provvista Agrikoli Responsabbli.

Eżempju u KPIs

Kumpanija tista’ tikkunsidra li tiddivulga informazzjoni materjali u KPIs relatati ma’ aspetti bħal pereżempju l-monitoraġġ tal-fornituri dwar:

il-prattiki tax-xogħol, inkluż it-tħaddim tat-tfal u x-xogħol furzat, ix-xogħol prekarju, il-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux siguri (inkluż is-sikurezza tal-bini, l-apparat protettiv, is-saħħa tal-impjegati); (27)

it-traffikar ta’ bnedmin u kwistjonijiet oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem;

l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tipi oħrajn ta’ tniġġis tal-ilma u tal-ambjent;

id-deforestazzjoni u riskji oħra relatati mal-bijodiversità;

u l-monitoraġġ tal-impatt tal-kumpanija fuq il-fornituri, pereżempju, it-termini ta’ ħlas u tal-perjodi ta’ ħlas medji tagħha.

Minerali ta' kunflitt

Il-kumpaniji, fejn relevanti u proporzjonat, huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni relevanti dwar id-diliġenza dovuta biex jiżguraw ktajjen ta’ provvista responsabbli tal-landa, it-tantalju, it-tungstenu u d-deheb minn żoni affettwati mill-kunflitti u żoni ta’ riskju għoli.

Id-divulgazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli, inklużi s-supplimenti tagħha. F’tali kuntest, il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw informazzjoni relevanti dwar il-prestazzjoni tal-politiki, tal-prattiki u tar-riżultati tagħhom dwar id-diliġenza dovuta fuq il-minerali ta' kunflitt. Dawn għandhom jiddivulgaw ukoll il-passi li ħadu biex jimplimentaw “il-qafas b’ġerarkija f’ħames stadji” (28) għad-diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskju fil-katina ta’ provvista tal-minerali kif stabbilita fil-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, filwaqt li jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom fil-katina ta’ provvista.

Imbagħad, il-kumpaniji huma mistennija li jiddivulgaw il-KPIs relatati man-natura u n-numru ta’ riskji identifikati, mal-miżuri li ttieħdu biex jipprevjenu u jtaffu dawn ir-riskji; u ma’ kif il-kumpanija saħħet l-isforzi tagħha tad-diliġenza dovuta matul iż-żmien.

KPIs speċifiċi

Dawn jinkludu: il-proporzjon ta’ fornituri relevanti diretti li adottaw u implimentaw politika ta’ diliġenza dovuta dwar il-minerali ta’ kunflitt konsistenti mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta; il-proporzjon ta’ landa, tantalju, tungstenu jew deheb fornut b’mod responsabbli li joriġinaw f’żoni affettwati mill-kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli; u l-proporzjon ta’ klijenti relevanti li b’kuntratt jirrikjedu informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta ta’ minerali ta’ kunflitt skont il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta.

5   L-OQFSA TA’ RAPPORTAR

Meta tkun qed tipprepara d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tagħha, kumpanija tista’ tiddependi fuq oqfsa ta’ kwalità għolja, irrikonoxxuti b’mod wiesa’, nazzjonali, ibbażati fl-UE jew internazzjonali. Xi oqfsa jkopru varjetà wiesa’ ta’ setturi u kwistjonijiet tematiċi (oqfsa orizzontali); oħrajn huma speċifiċi għal settur jew għal kwistjoni tematika. Xi wħud jiffokaw biss fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja; oħrajn jirreferu għat-trasparenza f’kuntest iktar wiesa’.

Normalment, id-dipendenza fuq qafas rikonoxxut b’mod wiesa’ żviluppat bi proċess dovut tipprovdi lill-kumpaniji b’mudell strutturat għar-rapportar ta’ kwistjonijiet ta’ interess wiesa’, jillimita l-piż amministrattiv u jagħmel l-informazzjoni iktar faċli biex titqabbel.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jgħid li l-kumpaniji kkonċernati “[…] jistgħu jimxu fuq oqfsa nazzjonali, ibbażati fl-Unjoni jew internazzjonali u, jekk jagħmlu hekk, […] għandhom jispeċifikaw fuq liema oqfsa mxew”.

Kumpanija li mxiet fuq qafas wieħed jew fuq diversi oqfsa għandha tiddivulga liema qafas (oqfsa) użat(i) għad-divulgazzjonijiet speċifiċi tagħha. Dan iżid iċ-ċarezza u l-komparabbiltà.

Il-Premessa 9 tad-Direttva tipprovdi eżempji ta’ oqfsa ta’ rapportar eżistenti. Madankollu, din il-lista m’għandhiex titqies eżawrjenti.

Il-premessa 9 tad-Direttiva tgħid li:

“Biex jipprovdu din l-informazzjoni, l-impriżi li huma soġġetti għal din id-Direttiva jistgħu jiddependu fuq oqfsa nazzjonali, oqfsa bbażati fl-Unjoni bħall-Iskema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), jew oqfsa internazzjonali bħall-Impatt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem li jimplimentaw il-Qafas tan-NU ‘Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja’, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), il-Linji Gwida għal Impriżi Multinazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni ISO 26000, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-prinċipji li jikkonċernaw l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, l-Inizjattiva Globali ta' Rappurtar, jew oqfsa internazzjonali rikonoxxuti oħrajn.”

Il-kumpaniji jistgħu wkoll jikkunsidraw li jużaw oqfsa ta’ rapportar oħrajn bħal pereżempju dawk imsemmija fl-introduzzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

6   DIVULGAZZJONI DWAR ID-DIVERSITÀ TAL-BORD

Din it-taqsima tipprovdi gwida speċifika maħsuba biex tgħin lil kumpaniji elenkati kbar (29) jippreparaw id-deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità tal-bord tagħhom li għandha tkun inkluża fid-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva tagħhom (30). Id-deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità tal-bord ma tiffurmax parti mid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja (31). Għalhekk, din it-taqsima tal-linji gwida hi mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi ddivulgata informazzjoni dwar id-diversità materjali bħala parti mid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jirrikjedi lill-kumpaniji elenkati kbar biex fid-dikjarazzjoni dwar it-tmexxija korporattiva tagħhom jiddivulgaw:

“deskrizzjoni tal-politika dwar id-diversità applikata fir-rigward tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-impriża fir-rigward ta' aspetti bħalma huma, pereżempju, l-età, is-sess, jew l-isfond edukattiv u professjonali, l-għanijiet ta' dik il-politika dwar id-diversità, kif ġiet implimentata u r-riżultati fil-perjodu tar-rappurtar. Jekk ma tiġi applikata l-ebda tali politika, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni dwar għalfejn dan hu l-każ.”

Aspetti dwar id-diversità

Id-deskrizzjoni dwar il-politika ta’ diversità għandha tispeċifika liema kriterji ta’ diversità huma applikati u tispjega r-raġunijiet għaliex intgħażlu dawn. Meta jintgħażlu dawn il-kriterji, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti relevanti kollha tal-politika ta’ diversità biex jiġi żgurat li l-bord ikollu biżżejjed diversità ta’ opinjonijiet u l-għarfien meħtieġ għal fehim tajjeb tal-ġrajjiet kurrenti u tar-riskji u l-opportunitajet b’terminu itwal relatati man-negozju tal-kumpanija. In-natura u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu vvalutati l-profili meħtieġa għad-diversità ottimali tal-bord, kif għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kuntesti soċjali u ambjentali li fihom topera l-kumpanija.

L-aspetti tad-diversità għandhom, b’mod ġenerali, jkopru l-età, is-sess jew l-isfondi tal-edukazzjoni u professjonali. Fejn ikun relevanti minħabba l-preżenza ġeografika tal-kumpanija u s-settur kummerċjali li topera fihom, huwa wkoll xieraq li tiġi inkluża l-provenjenza ġeografika, l-esperjenza internazzjonali, l-għarfien fi kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà relevanti, ir-rappreżentanza tal-impjegati u aspetti oħrajn, bħal pereżempju l-isfond soċjoekonomiku.

Fl-għażla ta’ kandidat skont il-bażi tal-kriterji definiti tad-diversità, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni (32) ġeneralment aċċettati.

Objettivi

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw miri speċifiċi li jistgħu jitkejlu għall-aspetti tad-diversità relevanti. Hu partikolarment utli li jiġu stabbiliti miri u skadenzi kwantitattivi, b’mod partikolari rigward il-bilanċ bejn is-sessi.

Implimentazzjoni u riżultati

Il-kumpaniji għandhom jindikaw kif huma kkunsidrati l-objettivi tal-politika ta’ diversità tagħhom fl-ippjanar tas-suċċessjoni, fl-għażla, fin-nominazzjoni u fl-evalwazzjoni. Dawn għandhom jiddivulgaw ukoll ir-rwol tal-kumitati tal-bordijiet kompetenti f’dawk il-proċessi. Fejn relevanti, il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw ukoll jekk l-informazzjoni dwar il-kriterji u l-objettivi tad-diversità ingħatatx lill-azzjonisti fl-elezzjoni jew fit-tiġdid tal-membri tal-bord.

Il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw l-istat tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-inqas sa mill-aħħar dikjarazzjoni, għall-aspetti kollha tad-diversità tal-politika. Jekk ma jintlaħqux l-objettivi tad-diversità, il-kumpanija għandha tiddivulga kif beħsiebha tilħaq l-objettivi inkluża l-iskadenza mistennija li fiha jridu jintlaħqu dawn l-objettivi.


(1)  ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.

(2)  ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.

(3)  Il-linji gwida jużaw it-terminu “kumpanija”, għall-faċilità tal-qari, meta ssir referenza għal-entità relatriċi, kemm jekk tkun “impriża” waħda jew “grupp” permezz tal-kumpanija omm tiegħu.

(4)  COM(2016) 739 final.

(5)  Mira 12.6: “Il-kumpaniji, b’mod speċjali l-kumpaniji l-kbar u transnazzjonali, jiġu mħeġġa jadottaw prattiki sostenibbli u biex jintegraw l-informazzjoni sostenibbli fiċ-ċiklu ta’ rapportar tagħhom”.

(6)  Mira 5.5: “Tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva u jingħataw opportunitajiet ugwali għat-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-ħajja politika, ekonomika u pubblika”.

(7)  Ir-rapport finali tat-Task Force hu mistenni li jiġi ppreżentat lis-Summit tal-G20 fis-7-8 ta’ Lulju 2017.

(8)  Iktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika tista tinkiseb minn http://ec.europa.eu/finance/company-reporting/non-financial_reporting/index_en.htm#related-documents

(9)  L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva.

(10)  Il-Premessa 8 tad-Direttiva tindika wkoll li “[ ] is-severità ta' tali impatti għandha titkejjel skont l-iskala u l-gravità tagħhom. Ir-riskji ta' impatt negattiv jistgħu jirriżultaw mill-attività tal-impriża nnifisha jew inkella jistgħu jkunu marbuta mal-operazzjonijiet tagħha, u fejn ikun rilevanti u proporzjonat, mal-prodotti, is-servizzi jew ir-rabtiet ta' negozju tagħha, inkluż ma' ktajjen ta' forniment jew ta' sottokuntratturi”.

(11)  Pereżempju, il-kumpaniji jistgħu jużaw l-analiżi preliminari msemmija fl-Anness I tar-Regolament tal-EMAS (Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32009R1221).

(12)  Pereżempju, id-Dokumenti ta’ Referenza Settorjali tal-EMAS jidentifikaw l-aħjar prattiki u indikaturi relatati mal-aspetti ambjentali.

(13)  Pereżempju, il-kumpaniji li jimplimentaw sistema ta’ mmaniġġjar tal-kwalità jew sistema ta' mmaniġġjar ambjentali (eż. ISO 14001 jew EMAS), jew li jagħmlu valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ambjentali, jistgħu jiddependu fuqhom biex jappoġġjaw il-valutazzjoni tal-materjalità tagħhom u jiddivulgaw informazzjoni dwar aspetti sinifikanti.

(14)  Graffs, dijagrammi, ċarts, eċċ.

(15)  Il-kontroreferenzi u s-sinjali għandhom ikunu intelliġenti u faċli għall-utent, pereżempju, billi tiġi applikata regola prattika ta’ “massimu ta’ ‘klikk’ waħda mir-rapport”.

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Pereżempju, aspett wieħed reletat ma’ kundizzjonijiet relatati mal-klima jew max-xogħol.

(18)  Għal iktar informazzjoni, ara l-konklużjonijiet tat-Task Force immexxija mill-industrija dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima organizzata mill-FSB.

(19)  Għal iktar informazzjoni, ara l-konklużjonijiet tat-Task Force immexxija mill-industrija dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima organizzata mill-FSB.

(20)  Għal iktar informazzjoni, ara l-konklużjonijiet tat-Task Force immexxija mill-industrija dwar id-Divulgazzjonijiet Finanzjarji Relatati mal-Klima organizzata mill-FSB.

(21)  Għal iktar informazzjoni, ara l-konklużjonijiet tat-Task Force immexxija mill-industrija dwar id-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima organizzata mill-FSB.

(22)  inklużi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sustanzi tossiċi, sustanzi ewtrofiċi u aċidifikanti, eċċ.

(23)  Bħal pereżempju l-obbligi li joħorġu mid-direttivi tal-UE (id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, REACH, id-Direttiva dwar ir-Rimi f’Miżbla, id-Direttiva dwar Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw, id-Direttivi dwar Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku u dwar ir-Restrizzjoni ta’ Ċerti Sustanzi Perikolużi), u r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti.

(24)  Informazzjoni li tikxef l-oriġini etnika jew razzjali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika hi meqjusa bħala kategorija ta’ data personali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 li m’għandhiex tiġi pproċessata sakemm ma tkunx intlaħqet waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. Għalhekk, fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, il-kumpaniji għandhom jiddivulgaw biss data anonimizzata jew data aggregata (li tipprevjeni l-identifikazzjoni ta’ individwi).

(25)  Pereżempju, f’konformità mal-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, 1989 (Nru 169) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

(26)  Pereżempju, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

(27)  Pereżempju, b’referenza għar-“Resolution concerning decent work in global supply chains” adottata fil-105 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol (ILO, 2016) http://www.ilo.org/ilc/ILCSessions/105/texts-adopted/WCMS_497555/lang--en/index.htm

(28)  OECD (2016), OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply Chains of Minerals from Conflict-Affected and High-Risk Areas: Third Edition (Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli: It-Tielet Edizzjoni), Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi. http://dx.doi.org/10.1787/9789264252479-en.

(29)  Filwaqt li r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni li jirrigwardaw l-informazzjoni mhux finanzjarja japplikaw għal entitajiet ta’ interess pubbliku kbar b’iktar minn 500 impjegat, ir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni li jirrigwardaw id-diversità tal-bord japplikaw biss għal kumpaniji elenkati kbar.

(30)  Kif stipulat fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE.

(31)  Kif imsemmi fl-Artikolu 19a tad-Direttiva 2013/34/UE.

(32)  Fuq raġunijiet bħal pereżempju l-oriġini etnika, ir-razza, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali


Top