EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0441

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (2016/2030(INI))

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/58


P8_TA(2016)0441

Komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi (2016/2030(INI))

(2018/C 224/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit ta' Strasburgu/Kehl tal-4 ta' April 2009 adottata fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tan-NATO,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin kontra t-terroriżmu tad-9 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Daesh, tas-16 ta' Marzu 2015, li ġew ikkonfermati mill-ġdid mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-23 ta' Mejju 2016,

wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Mejju 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ): L-Unjoni Ewropea f'ambjent globali jinbidel – aktar konnessa, kontestata u kumplessa, u l-ħidma li għaddejja dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Globali l-ġdida tal-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja (3),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Komunikazzjoni Strateġika (Ref. Ares(2015)2608242 – 22.6.2015),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (4),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO li sar f'Wales tal-5 ta' Settembru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' April 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015)0185),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' April 2016 bit-titolu “Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea” (JOIN(2016)0018),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-20 ta' April 2016 dwar azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016)0230),

wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija dwar Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, intitolat ''Bringing Plurality and Balance to the Russian Language Media Space'' (it-twassil tal-pluralità u tal-bilanċ fl-ispazju tal-midja bil-lingwa Russa),

wara li kkunsidra r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu (A/HRC/31/65),

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (CCPR/C/GC/34),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0290/2016),

A.

billi l-UE hija impenjata sabiex tiggwida l-azzjonijiet tagħha fix-xena internazzjonali b'konformità ma' prinċipji bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll il-libertà tal-midja, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja, b'din tal-aħħar madankollu tista' sa ċertu punt tkun limitata kif stipulat fid-dritt internazzjonali, inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-atturi ta' partijiet terzi li għandhom l-għan li jiskreditaw l-Unjoni, ma jikkondividux l-istess valuri;

B.

billi l-UE, l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha qegħdin taħt pressjoni sistematika dejjem tikber biex jittrattaw kampanji ta' informazzjoni, diżinformazzjoni u miżinformazzjoni u propaganda minn pajjiżi u atturi mhux statali, bħal organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi transnazzjonali fil-viċinat tagħha, li għandhom l-għan li jdgħajfu l-kunċett innifsu ta' informazzjoni oġġettiva jew ġurnaliżmu etiku, filwaqt li jiġġudikaw l-informazzjoni kollha bħala ppreġudikata jew strument ta' poter politiku, u li jiffukaw ukoll fuq valuri u interessi demokratiċi;

C.

billi l-libertà tal-midja, l-aċċess għall-informazzjoni u l-libertà ta' espressjoni huma l-pilastri bażiċi ta' sistema demokratika, fejn it-trasparenza tas-sjieda tal-midja u s-sorsi ta' finanzjament tal-midja huma ta' importanza kbira; billi strateġiji biex jiżguraw il-ġurnaliżmu ta' kwalità, il-pluraliżmu tal-midja u l-iċċekjar tal-fatti jistgħu jkunu effettivi biss sakemm il-fornituri tal-informazzjoni jgawdu l-fiduċja u l-kredibbiltà; billi, fl-istess ħin, għandu jkun hemm valutazzjoni kritika ta' kif jiġu ttrattati s-sorsi tal-midja li għandhom rekord ippruvat li ripetutament kienu involuti fi strateġija ta' qerq deliberat u diżinformazzjoni, speċjalment fil-''midja l-ġdida'', in-netwerks soċjali u l-qasam diġitali;

D.

billi l-gwerra tal-informazzjoni hija fenomenu storiku antik daqs il-gwerra nnifisha; billi l-gwerra ta' informazzjoni mmirata kienet tintuża b'mod estensiv matul il-Gwerra Bierda, u minn dak iż-żmien 'l hawn kienet parti integrali mill-gwerra ibrida moderna, li hija taħlita ta' miżuri ta' natura militari u mhux militari ta' natura moħbija u evidenti, użata biex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali tal-pajjiż taħt attakk, mingħajr dikjarazzjoni formali ta' gwerra, li timmira mhux biss lis-sħab tal-UE, iżda wkoll lill-UE nnifisha, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri kollha u ċ-ċittadini irrispettivament min-nazzjonalità u r-reliġjon tagħhom;

E.

billi permezz tal-annessjoni tal-Krimea min-naħa tar-Russja u l-gwerra ibrida mmexxija mir-Russja f'Donbass, il-Kremlin eskala l-konfrontazzjoni mal-UE; billi l-Kremlin żied ilpropoganda tiegħu, filwaqt li r-Russja qed taqdi rwol ikbar fl-ambjent tal-midja Ewropea bil-għan li toħloq appoġġ politiku fl-opinjoni pubblika Ewropea għall-azzjoni tar-Russja u ddgħajjef il-koerenza tal-politika estera tal-UE;

F.

billi l-propaganda għall-gwerra u kwalunkwe promozzjoni ta' mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza huma pprojbiti bil-liġi skont l-Artikolu 20 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

G.

billi l-kriżi finanzjarja u l-avvanz ta' forom ġodda ta' midja diġitali ħolqu sfidi serji għal ġurnaliżmu ta' kwalità, u dan iwassal għal tnaqqis fil-ħsieb kritiku fost l-udjenzi, li b'hekk saru aktar suxxettibbli għad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni;

H.

billi l-propoganda u l-intrużjoni tal-midja Russa huma partikolarment b'saħħithom u ħafna drabi m'hemmx min jikkompetilhom fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant; billi l-midja nazzjonali f'dawn il-pajjiżi ħafna drabi hija dgħajfa u mhijiex kapaċi tlaħħaq mas-saħħa u s-setgħa tal-midja Russa;

I.

billi t-teknoloġiji tal-gwerra tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni qed jitħaddmu sabiex jilleġittimizzaw azzjonijiet li jheddu s-sovranità tal-Istati Membri tal-UE, l-indipendenza politika, is-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u l-integrità territorjali tagħhom;

J.

billi l-UE ma tirrikonoxxix lill-ISIL/Daesh bħala stat jew organizzazzjoni simili għal stat;

K.

billi l-ISIL/Daesh, l-Al-Qaeda u gruppi terroristiċi ġiħadisti vjolenti jużaw b'mod sistematiku strateġiji ta' komunikazzjoni u propaganda diretta kemm offline kif ukoll online bħala parti mill-ġustifikazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom kontra l-UE u l-Istati Membri u kontra l-valuri Ewropej, kif ukoll bil-għan li jsaħħu r-reklutaġġ taż-żgħażagħ Ewropej;

L.

billi wara d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO fi Strasburgu/Kehl li enfasizzat l-importanza dejjem tikber li n-NATO tikkomunika b'mod xieraq, f'waqtu, preċiż u rapidu fuq ir-rwoli, l-objettivi u l-missjonijiet tagħha li qed jevolvu, ġie stabbilit iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi tan-NATO (NATO StratCom CoE) fil-Latvja fl-2014, fatt li ntlaqa' mid-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO li sar f'Wales;

Komunikazzjoni Strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

1.

Jenfasizza li l-propoganda ostili kontra l-UE tieħu ħafna suriet differenti u tuża diversi strumenti, spiss imfassla biex iqabblu l-profili tal-Istati Membri tal-UE, bl-għan li tfixkel il-veritajiet, toħloq dubju, tifred lill-Istati Membri, tfassal firda strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha tal-Amerika ta' Fuq u tipparalizza l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tiskredita l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħubijiet transatlantiċi, li jaqdu rwol rikonoxxut fl-arkitettura Ewropea tas-sigurtà u dik ekonomika fl-għajnejn u l-imħuħ taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tal-pajjiżi ġirien, u xxekkel u tkisser in-narrattiva Ewropea bbażata fuq il-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; ifakkar li waħda mill-iktar għodod importanti użata hija l-inċitament ta' biża' u inċertezza fiċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll li atturi ostili tal-istat u dawk mhux statali jiġu ppreżentati ħafna aktar b'saħħithom milli huma fir-realtà;

2.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni strateġika u l-gwerra tal-informazzjoni mhijiex biss kwistjoni esterna tal-UE iżda wkoll waħda interna, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd ta' multiplikaturi ta' propoganda ostili li jinsabu fl-Unjoni; jinsab imħasseb dwar l-għarfien limitat fost xi Stati Membri tagħha li huma l-udjenzi u l-areni ta' propaganda u diżinformazzjoni; jistieden f'dan ir-rigward lill-atturi tal-UE biex jindirizzaw in-nuqqas attwali ta' ċarezza u ftehim dwar x'għandu jitqies bħala propaganda u diżinformazzjoni, biex jiżviluppaw b'kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-midja u esperti mill-Istati Membri tal-UE sett komuni ta' definizzjonijiet u jiġbru data u informazzjoni dwar il-konsum ta' propaganda;

3.

Jinnota li d-diżinformazzjoni u l-propaganda jagħmlu parti mill-gwerra ibrida; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza u tintwera assertività permezz tal-komunikazzjoni istituzzjonali/politika, ir-riċerka ta' gruppi ta' riflessjoni/ akkademiċi, kampanji tal-midja soċjali, inizjattivi tas-soċjetà ċivili, il-litteriżmu medjatiku u azzjonijiet utli oħra;

4.

Jenfasizza li l-istrateġija ta' propaganda u ta' diżinformazzjoni kontra l-UE minn pajjiżi terzi tista' tieħu diversi forom u tinvolvi, b'mod partikolari, il-midja tradizzjonali, in-netwerks soċjali, il-programmi skolastiċi u l-partiti politiċi, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha;

5.

Jinnota n-natura multidimensjonali tal-komunikazzjoni strateġika attwali tal-UE f'diversi livelli, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, diversi korpi tan-NATO u tan-NU, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet ċiviċi, u jitlob li jkun hemm l-aħjar koordinazzjoni possibbli u skambju ta' informazzjoni bejn dawn il-partijiet; jappella għal aktar kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni bejn id-diversi partijiet li esprimew tħassib dwar dawn l-isforzi ta' propaganda u jixtiequ jfasslu strateġiji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; jemmen li, fil-kuntest tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu fdati b'tali koordinazzjoni;

6.

Jirrikonoxxi li l-UE għandha tikkunsidra l-isforzi ta' komunikazzjoni strateġika tagħha bħala prijorità, li għandha tinvolvi riżorsi rilevanti; itenni li l-UE hija mudell ta' suċċess ta' integrazzjoni li għalkemm fi kriżi, għadha tattira l-pajjiżi li jixtiequ jirreplikaw dan il-mudell u jsiru parti minnha; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE jeħtiġilha tikkomunika l-messaġġ pożittiv tagħha dwar is-suċċessi, il-valuri u l-prinċipji tagħha b'determinazzjoni u kuraġġ, u għandha bżonn tkun offensiva fin-narrattiva tagħha, u mhux difensiva;

Nirrikonoxxu u nesponu d-diżinformazzjoni Russa u l-gwerra ta' propaganda

7.

Jinnota b'dispjaċir li r-Russja tuża kuntatti u laqgħat mal-kontropartijiet tal-UE għal skopijiet ta' propaganda u biex iddgħajjef pubblikament il-pożizzjoni komuni tal-UE, aktar milli biex tistabbilixxi djalogu reali;

8.

Jirrikonoxxi li l-gvern Russu qed juża firxa wiesgħa ta' għodod u strumenti, bħal gruppi ta' riflessjoni u fondazzjonijiet speċjali (pereżempju Russkiy Mir), awtoritajiet speċjali (Rossotrudnichestvo), stazzjonijiet tat-televiżjoni multilingwi (pereżempju RT), aġenziji taparsi tal-aħbarijiet u servizzi multimedjali (pereżempju Sputnik), gruppi transkonfinali soċjali u reliġjużi, hekk kif ir-reġim irid jippreżenta ruħu bħala l-uniku difensur tal-valuri Nsara tradizzjonali, li l-midja soċjali u t-trolls tal-internet jisfidaw il-valuri demokratiċi, li jifred l-Ewropa, jiġbor appoġġ intern u joħloq il-perċezzjoni ta' stati falluti fil-viċinat tal-Lvant tal-UE; jenfasizza li r-Russja tinvesti r-riżorsi finanzjarji tagħha fuq strumenti ta' diżinformazzjoni u propaganda li jintużaw jew direttament mill-istat jew minn kumpaniji u organizzazzjonijiet ikkontrollati mill-Kremlin; jenfasizza li, minn naħa l-waħda, il-Kremlin qed jiffinanzja partiti politiċi u organizzazzjonijiet oħra fi ħdan l-UE bil-ħsieb li jimmina l-koeżjoni politika, u li, min-naħa l-oħra, il-propoganda tal-Kremlin timmira direttament lejn ġurnalisti, politiċi u individwi speċifiċi fl-UE;

9.

Ifakkar li s-servizzi tas-sigurtà u l-intelligence jikkonkludu li r-Russja għandha l-kapaċità u l-intenzjoni li twettaq operazzjonijiet maħsuba biex jiddestabilizzaw pajjiżi oħra; jirrimarka li dan sikwit jieħu l-għamla ta' appoġġ ta' politiċi estremisti u diżinformazzjoni u kampanji tal-midja tal-massa fuq skala kbira; jinnota, barra minn hekk, li tali kumpaniji tal-midja huma preżenti u attivi fl-UE;

10.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija ta' informazzjoni tal-Kremlin tikkomplementa l-politika tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni ekonomika u proġetti konġunti ma' Stati Membri individwali tal-UE sabiex idgħajjef il-koerenza u jimmina l-politiki tal-UE;

11.

Jargumenta li l-komunikazzjoni strateġika Russa hija parti minn kampanja sovversiva akbar tal-UE biex tiddgħajjef il-kooperazzjoni u s-sovranità tal-UE, kif ukoll l-indipendenza politika u l-integrità territorjali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri joqogħdu attenti għal operazzjonijiet ta' informazzjoni Russi fuq territorju Ewropew u jżidu l-kondiviżjoni tal-kapaċità u l-isforzi ta' kontrospjunaġġ immirati biex jiġġieldu tali operazzjonijiet;

12.

Jesprimi l-kritika qawwija tiegħu għall-isforzi tar-Russja biex tfixkel il-proċess ta' integrazzjoni tal-UE u jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tar-Russja għal forzi kontra l-UE fi ħdan l-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tal-partiti tal-lemin estrem, il-forzi populisti u l-movimenti li jopponu l-valuri bażiċi ta' demokraziji liberali;

13.

Jinsab serjament imħasseb dwar l-espansjoni rapida ta' attivitajiet ispirati mill-Kremlin fl-Ewropa, inklużi diżinformazzjoni u propaganda li jfittxu li jżommu jew iżidu l-influwenza tar-Russja biex iddgħajjef u taqsam l-UE; jenfasizza li parti kbira tal-propaganda tal-Kremlin għandha l-għan li tgħid li xi pajjiżi Ewropej jappartjenu għall-''isfera tradizzjonali tal-influwenza Russa''; jinnota li waħda mill-istrateġiji ewlenin tagħha hija li tiċċirkola u timponi narrativa alternattiva, spiss ibbażata fuq interpretazzjoni manipulata ta' avvenimenti storiċi u mmirata biex tiġġustifika l-azzjonijiet esterni tagħha, u l-interessi ġeopolitiċi; jinnota li l-falsifikazzjoni ta' ġrajjiet storiċi hi waħda mill-istrateġiji ewlenin tagħha; jinnota f'dan ir-rigward il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar ir-reati ta' reġimi komunisti permezz ta' kampanji pubbliċi u sistemi edukattivi, u li jiġu appoġġati attivitajiet ta' riċerka u dokumentazzjoni, speċjalment f'dawk li qabel kienu Membri tal-blokk Sovjetiku, biex jegħlbu n-narrativa tal-Kremlin;

14.

Jenfasizza li r-Russja qed tisfrutta n-nuqqas ta' qafas internazzjonali legali f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, u n-nuqqas ta' responsabbiltà fir-regolament dwar il-midja, u qed iddawwar favuriha kull ambigwità f'dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li attivitajiet aggressivi tar-Russja fil-qasam ċibernetiku jiffaċilitaw il-gwerra tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jagħtu attenzjoni lir-rwol tal-Punti ta' Skambju tal-Internet bħala infrastruttura kritika fl-istrateġija ta' sigurtà tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa kruċjali li tkun żgurata r-reżiljenza tas-sistemi ta' informazzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, speċjalment kontra ċaħdiet u tfixkil li jista' jkollhom rwol ċentrali f'kunflitt ibridu u l-ġlieda kontra l-propaganda, u biex jikkooperaw mill-qrib f'dan ir-rigward man-NATO, b'mod partikolari maċ-Ċentru ta' Eċċellenza fil-qasam taċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO;

15.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi koordinati ta' komunikazzjoni strateġika biex jappoġġaw l-attribuzzjoni u jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propoganda sabiex jesponu t-theddid ibridu;

Nifhmu u nindirizzaw il-gwerra tal-informazzjoni tal-ISIL/Daesh, il-metodi ta' diżinformazzjoni u ta' radikalizzazzjoni

16.

Huwa konxju tal-firxa ta' strateġiji impjegati mill-ISIL/Daesh kemm fil-livell reġjonali u kemm dak globali biex jippromwovu n-narrativi politiċi, reliġjużi, soċjali, ta' mibegħda u vjolenti tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kontronarrativa għall-ISIL/Daesh li tinvolvi s-sistema tal-edukazzjoni u tinkludi l-għoti tas-setgħa u ż-żieda fil-viżibbiltà ta' studjużi Musulmani ewlenin li huma kredibbli biex jiddeleġittimizzaw il-propaganda tal-ISIL/Daesh; jilqa' l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali biex tiġġieled kontra l-ISIL/Daesh u jappoġġja f'dan ir-rigward l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jxerrdu kontronarrativa li tindirizza l-propaganda ġiħadista, b'enfasi partikolari fuq dimensjoni edukattiva li turi kif il-promozzjoni tal-Iżlam radikali hija teoloġikament korrotta;

17.

Jinnota li organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi, speċjalment l-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda, huma involuti f'kampanji ta' informazzjoni attivi bl-għan li jimminaw u jżidu l-livell ta' mibegħda kontra l-valuri u l-interessi Ewropej; jinsab imħasseb dwar l-użu mifrux mill-ISIL/Daesh tal-għodod tal-midja soċjali u speċjalment Twitter u Facebook biex javvanzaw l-objettivi ta' propoganda u ta' reklutaġġ tagħhom, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża l-istrateġija ta' kontropropaganda kontra l-ISIL/Daesh fi ħdan strateġija reġjonali usa' u komprensiva li tgħaqqad għodod diplomatiċi, soċjoekonomiċi, tal-iżvilupp u tal-prevenzjoni tal-kunflitti; jilqa' l-ħolqien ta' Task Force StratCom iddedikata għan-Nofsinhar, li għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi b'mod effettiv biex tkisser u tiġġieled il-propoganda estremista u l-influwenza tal-ISIL/Daesh;

18.

Jenfasizza li l-UE u ċ-ċittadini Ewropej huma mira ewlenija għall-ISIL/Daesh u jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaħdmu aktar mill-qrib sabiex iħarsu lis-soċjetà, b'mod partikolari liż-żgħażagħ, mir-reklutaġġ, u b'hekk titjieb ir-reżiljenza tagħhom kontra r-radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi aktar imsaħħa fuq it-titjib tal-għodod u l-metodi tal-UE, l-aktar fil-qasam ċibernetiku; iħeġġeġ lil kull Stat Membru, b'ħidma mill-qrib maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni stabbilit f'Ottubru 2015, jinvestiga u jindirizza b'mod effettiv ir-raġunijiet soċjodemografiċi sottostanti li huma l-kawża ewlenija tal-vulnerabbiltà għar-radikalizzazzjoni kif ukoll l-arranġamenti istituzzjonali multidimensjonali (li jgħaqqdu r-riċerka universitarja, l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet, il-pulizija, il-qrati, is-servizzi soċjali u s-sistemi edukattivi) u jiġġilidhom; jenfasizza li l-Kunsill appella għall-promozzjoni ta' miżuri ta' reazzjoni tal-ġustizzja kriminali biex jiġġieled ir-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu biex iwaqqfu l-aċċess tal-ISIL/Daesh għall-finanzjament u għall-fondi u jippromwovu dan il-prinċipju fl-azzjoni esterna tal-UE, u jenfasizza l-bżonn li jesponu in-natura vera tal-ISIL/Daesh u jirrinunzjaw il-leġittimizzazzjoni ideoloġika tagħhom;

20.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu azzjoni konsistenti mal-UE kollha kontra d-diskors ta' mibegħda li qed jiġi promoss b'mod sistematiku minn predikaturi intolleranti u radikali permezz ta' priedki, kotba, programmi televiżivi, l-internet u mezzi oħra ta' komunikazzjoni li joħolqu art għammiela biex jirnexxu organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda;

21.

Jenfasizza l-importanza li l-UE u l-Istati Membri jikkooperaw ma' fornituri tas-servizzi tal-midja soċjali biex il-propaganda tal-ISIL/Daesh tinfirex permezz ta' mezzi tal-midja soċjali;

22.

Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet terroristiċi Iżlamiċi, speċjalment l-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda, huma involuti f'kampanji ta' diżinformazzjoni attivi bil-għan li jimminaw il-valuri u l-interessi Ewropej; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' strateġija speċifika biex jiġu miġġielda l-propaganda u d-diżinformazzjoni Iżlamisti kontra l-UE;

23.

Jenfasizza li komunikazzjoni mhux ippreġudikata, affidabbli u oġġettiva u flussi ta' informazzjoni bbażati fuq il-fatti dwar l-iżviluppi fil-pajjiżi tal-UE jipprevjenu t-tixrid tal-propaganda mħeġġa minn partijiet terzi;

L-istrateġija tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda

24.

Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Komunikazzjoni Strateġika; jilqa' l-komunikazzjoni konġunta dwar il-Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u jappella li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu approvati u implimentati mingħajr dewmien; jenfasizza li l-azzjonijiet proposti jirrikjedu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-atturi rilevanti kollha fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; huwa tal-opinjoni li approċċ komprensiv biss jista' jwassal għas-suċċess tal-isforzi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri li jkollhom il-presidenza b'rotazzjoni tal-UE biex dejjem jinkludu l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala parti mill-programm tagħhom sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma dwar dan is-suġġett; jilqa' l-inizjattivi u l-kisbiet tal-Presidenza Latvjana f'dan ir-rigward; jistieden lill-VP/RGħ tiżgura komunikazzjoni frekwenti fil-livell politiku mal-Istati Membri sabiex l-azzjonijiet tal-UE jiġu koordinati aħjar; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tal-komunikazzjoni strateġika għandha tissaħħaħ b'mod sostanzjali; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Slovakka li torganizza konferenza dwar it-totalitarjaniżmu fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għat-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji;

25.

Jitlob lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE u lill-awtoritajiet jimmonitorjaw mill-qrib s-sorsi ta' finanzjament ta' propaganda kontra l-Ewropa;

26.

Jenfasizza li huwa meħtieġ aktar finanzjament biex tiġi appoġġata l-libertà tal-midja fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrumenti demokratiċi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tiżgura l-isfruttament sħiħ tal-istrumenti eżistenti bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), il-PEV, l-Osservatorju tal-Libertà tal-Midja tas-Sħubija tal-Lvant u l-EED fir-rigward tal-ħarsien tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

27.

Jinnota r-riżorsi enormi ddedikati għal attivitajiet ta' propaganda mir-Russja u l-impatt possibbli ta' propaganda ostili dwar proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE u d-dgħufija tal-fiduċja pubblika, it-trasparenza u d-demokrazija; ifaħħar il-ħidma sinifikanti mwettqa mit-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE; jitlob għalhekk li t-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE għall-komunikazzjoni tissaħħaħ billi ssir unità kompluta fi ħdan is-SEAE, responsabbli għall-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'persunal u b'riżorsi baġitarji adegwati, possibbilment permezz ta' linja tal-baġit speċifika addizzjonali; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-intelligence tal-Istati Membri, bil-għan li tiġi vvalutata l-influwenza eżerċitata minn pajjiżi terzi li qed ifittxu li jimminaw il-bażi demokratika u l-valuri tal-UE; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament u s-SEAE dwar il-komunikazzjoni strateġika, inkluż permezz tal-użu tal-kapaċitajiet analitiċi tal-Parlament u l-Uffiċċji ta' Informazzjoni fl-Istati Membri;

28.

Jenfasizza li huwa essenzjali li l-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali permezz tal-azzjonijiet esterni tagħha; iqis li l-appoġġ għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u l-indipendenza tal-midja fil-pajjiżi ġirien għandhom jirfdu l-azzjonijiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-propaganda;

29.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-pluralità tal-midja u l-oġġettività, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja fl-Unjoni Ewropea u fil-viċinat tagħha, inklużi l-atturi mhux statali, fost l-oħrajn permezz ta' appoġġ għall-ġurnalisti u l-iżvilupp ta' programmi ta' bini tal-kapaċità għall-atturi tal-midja, bit-trawwim ta' sħubiji u netwerks ta' skambju ta' informazzjoni, bħalma huma pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut, riċerka relatata mal-midja, opportunitajiet ta' mobbiltà u ta' taħriġ għall-ġurnalisti u kollokamenti ma' entitajiet tal-midja bbażati fl-UE biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aqwa prattiki;

30.

Jenfasizza r-rwol importanti ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità fil-ġurnaliżmu ġewwa u barra l-UE bil-għan li jiġu prodotti analiżijiet ġurnalistiċi ta' kwalità u standards editorjali għoljin; jisħaq li l-promozzjoni tal-valuri tal-UE tal-libertà tal-istampa u ta' espressjoni u l-pluralità tal-midja tinkludi l-għoti ta' appoġġ lill-ġurnalisti ppersegwitati u li qed jinżammu l-ħabs u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

31.

Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri sabiex tiġi evitata duplikazzjoni u tiġi żgurata sinerġija f'inizjattivi simili;

32.

Jesprimi d-dispjaċir tiegħu fir-rigward tal-problemi ewlenin relatati mal-indipendenza u l-libertà tal-midja f'ċerti Stati Membri, kif rappurtat minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħal Reporters mingħajr fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex itejbu s-sitwazzjoni eżistenti fis-settur tal-midja, bil-ħsieb li tiġi żgurata li l-azzjoni esterna tal-UE favur il-libertà, l-imparzjalità u l-indipendenza tal-midja tkun kredibbli;

33.

Jitlob lit-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika, imsaħħa kif propost u taħt l-isem tal-utent ta' Twitter @EUvsDisInfo, twaqqaf spazju fuq l-internet fejn il-pubbliku inġenerali jista' jsib firxa ta' għodod għall-identifikazzjoni ta' diżinformazzjoni, bi spjegazzjoni ta' kif jaħdmu, u li jistgħu jservu ta' mezz ta' trażmissjoni għall-bosta inizjattivi tas-soċjetà ċivili ffukati fuq din il-kwistjoni;

34.

Jafferma li strateġija ta' komunikazzjoni effiċjenti għandha tinkludi lill-komunitajiet lokali f'diskussjonijiet dwar l-azzjonijiet tal-UE, tipprovdi appoġġ għal kuntatt interpersonali, u tagħti kunsiderazzjoni adegwata lill-iskambji kulturali u soċjali bħala pjattaformi ewlenin fil-ġlieda kontra l-preġudizzji tal-popolazzjonijiet lokali; ifakkar f'dan ir-rigward, li d-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iżommu kuntatt dirett mal-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

35.

Jenfasizza li l-inċitament għall-mibegħda, il-vjolenza jew il-gwerra ma jistax “jinħeba” wara l-libertà ta' espressjoni; jinkoraġġixxi li jittieħdu inizjattivi ġuridiċi f'dan ir-rigward biex ikun hemm aktar responsabbiltà fit-trattament tad-diżinformazzjoni;

36.

Jenfasizza l-importanza li l-politiki tal-UE jiġu kkomunikati b'mod koerenti u effettiv, kemm internament kif ukoll esternament, u li jiġu pprovduti komunikazzjonijiet imfassla apposta lil reġjuni speċifiċi, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni bil-lingwi lokali; jilqa' f'dan il-kuntest, il-varar tas-sit web tas-SEAE bir-Russu bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba, u jħeġġeġ li s-sit web tas-SEAE jiġi tradott għal aktar lingwi, bħalma huma l-Għarbi u t-Tork;

37.

Jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jkunu attivi, preventivi u kooperattivi fil-ġlieda kontra operazzjonijiet ta' informazzjoni ostili fit-territorji tagħhom jew immirati li jimminaw l-interessi tagħhom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni strateġiċi tagħhom;

38.

Jistieden lil kull Stat Membru biex iż-żewġ bullettini ta' kull ġimgħa, The Disinformation DigestThe Disinformation Review tat-Task Force għall-Komunikazzjoni Strateġika tal-UE, isiru disponibbli għaċ-ċittadini tagħhom sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku inġenerali dwar il-metodi ta' propoganda użati minn partijiet terzi;

39.

Jinsisti fuq id-differenza bejn propaganda u kritika;

40.

Jenfasizza li filwaqt li mhux neċessarjament il-kritika kollha tal-UE jew il-politiki tagħha tikkostitwixxi propaganda jew diżinformazzjoni, partikolarment meta din issir fil-kuntest tal-espressjoni politika, każijiet ta' manipulazzjoni jew appoġġ marbuta ma' pajjiżi terzi u intenzjonati biex jagħtu n-nar jew jaggravaw lil din il-kritika jagħtu lok biex wieħed jiddubita l-affidabbiltà ta' dawn il-messaġġi;

41.

Jenfasizza li filwaqt li wieħed għandu jieħu pożizzjoni rigward il-propaganda u d-diżinformazzjoni kontra l-UE minn pajjiżi terzi, dan ma għandux jixħet dubju fuq l-importanza li jinżammu relazzjonijiet kostruttivi mal-pajjiżi terzi u li dawn isiru sħab strateġiċi fl-indirizzar ta' sfidi komuni;

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Komunikazzjoni Strateġika u l-istabbiliment tat-Tim StratCom tal-Lvant fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), bil-għan li jikkomunika l-politiki tal-UE u jiġġieled il-propaganda u d-diżinformazzjoni kontra l-UE; jitlob biex tiġi intensifikata aktar il-komunikazzjoni strateġika; jemmen li l-effiċjenza u t-trasparenza tal-ħidma tat-Tim StratCom tal-Lvant jeħtieġ li jittejbu aktar; jistieden lis-SEAE jiżviluppa kriterji biex ikejjel l-effiċjenza ta' ħidmietu; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati finanzjament suffiċjenti u persunal adegwat għat-Tim StratCom tal-Lvant;

43.

Jinnota li l-Analiżi tad-Diżinformazzjoni, ippubblikata mit-Task Force StratCom tal-Lvant trid tissodisfa l-istandards ipprovduti fid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ) dwar l-Imġiba tal-Ġurnalisti; jenfasizza li din l-analiżi għandha tiġi abbozzata b'mod xieraq, mingħajr l-użu ta' lingwaġġ offensiv jew ġudizzji ta' valur; jistieden lit-Task Force StratCom tal-Lvant teżamina mill-ġdid il-kriterji użati għall-abbozzar ta' din l-analiżi;

44.

Jemmen li strateġija effiċjenti biex wieħed jiġġieled il-propaganda kontra l-UE tista' tkun l-adozzjoni ta' miżuri biex tingħata informazzjoni adegwata u interessanti lill-udjenza fil-mira dwar l-attivitajiet tal-UE, il-valuri Ewropej u kwistjonijiet oħra ta' interess pubbliku, u jenfasizza li għal skopijiet bħal dawn jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni u netwerks soċjali;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi b'ċerti inizjattivi legali sabiex tkun aktar effettiva u responsabbli meta tittratta d-diżinformazzjoni u l-propaganda u tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat biex tippromwovi t-tisħiħ tar-reżiljenza tal-midja bħala prijorità strateġika; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami bir-reqqa tal-effiċjenza ta' strumenti finanzjarji eżistenti tal-UE u tippreżenta proposta għal soluzzjoni komprensiva u flessibbli li tista' tipprovdi appoġġ dirett għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-gruppi ta' riflessjoni u l-NGOs speċjalment fil-lingwa materna tal-grupp fil-mira, u tippermetti l-użu ta' riżorsi addizzjonali lill-organizzazzjonijiet li għandhom il-kapaċità jagħmlu dan, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija, filwaqt li tnaqqas il-flussi finanzjarji mmirati lejn l-iffinanzjar ta' individwi u entitajiet involuti f'attivitajiet StratCom, l-inċitament għall-vjolenza u l-mibegħda; jistieden lill-Kummissjoni twettaq awditjar bir-reqqa tal-effiċjenza ta' proġetti tal-midja fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE, bħal Euronews;

46.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm sensibilizzazzjoni, edukazzjoni, midja online u litteriżmu tal-informazzjoni fl-UE u fil-Viċinat, bil-għan li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa janalizzaw b'mod kritiku l-kontenut tal-midja sabiex jidentifikaw il-propaganda; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jissaħħaħ l-għarfien fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva; jenfasizza l-ħtieġa li n-nies jiġu mħeġġa favur ċittadinanza attiva u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom bħala konsumaturi tal-midja; jenfasizza r-rwol ewlieni ta' għodod online, speċjalment il-midja soċjali fejn it-tixrid ta' informazzjoni ħażina u t-tnedija ta' kampanji ta' diżinformazzjoni huma aktar faċli u ħafna drabi ma jiffaċċjaw l-ebda ostaklu; ifakkar li l-ġlieda kontra l-propaganda permezz ta' propaganda hija kontroproduttiva, u għalhekk jifhem li l-UE, bħala entità sħiħa, u l-Istati Membri, fil-livell individwali, jistgħu jiġġieldu l-propaganda minn partijiet terzi biss billi jiskreditaw kampanji ta' diżinformazzjoni u jagħmlu użu minn messaġġi u informazzjoni pożittivi, u għandhom jiżviluppaw strateġija verament effettiva li tkun divrenzjata u adattata għan-natura tal-atturi li qed ixerrdu l-propaganda; jirrikonoxxi li l-kriżi finanzjarja u l-avvanz ta' forom ġodda ta' midja diġitali ħolqu sfidi serji għal ġurnaliżmu ta' kwalità;

47.

Jesprimi tħassib dwar l-użu tal-midja soċjali u l-pjattaformi online għal diskors ta' mibegħda kriminali u l-inċitament għall-vjolenza, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni sabiex jindirizzaw l-iżviluppi li għaddejjin, jew jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-diskors ta' mibegħda, kemm offline kif ukoll online; jisħaq li tinħtieġ kollaborazzjoni akbar mal-pjattaformi online u mal-kumpaniji ewlenin tal-internet u tal-midja;

48.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu u jiżguraw il-qafas meħtieġ għal ġurnaliżmu ta' kwalità u għal varjetà ta' informazzjoni billi jiġġieldu kontra l-konċentrazzjonijiet tal-midja, li għandhom impatt negattiv fuq il-pluraliżmu tal-midja;

49.

Jinnota li l-edukazzjoni fil-midja tipprovdi għarfien u ħiliet, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, janalizzaw b'mod kritiku l-kontenut tal-midja u jirreaġixxu għad-diżinformazzjoni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tad-diżinformazzjoni permezz ta' azzjonijiet ta' litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha, inkluż permezz ta' kampanja ta' informazzjoni Ewropea dwar l-etika medjatika, ġurnalistika u editorjali u billi titrawwem kooperazzjoni aħjar mal-pjattaformi soċjali u jiġu promossi inizjattivi konġunti biex jiġu indirizzati d-diskors ta' mibegħda, l-inċitament għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni online;

50.

Jinnota li l-ebda strateġija ta' setgħa ta' persważjoni ma tista' tirnexxi mingħajr id-diplomazija kulturali u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali bejn u fi ħdan il-pajjiżi, fl-UE u lil hinn minnha; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, azzjonijiet u inizjattivi diplomatiċi pubbliċi u kulturali fit-tul, bħalma huma boroż ta' studju u programmi ta' skambju għall-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ, inklużi inizjattivi biex jingħata appoġġ lid-djalogu interkulturali, jissaħħu r-rabtiet kulturali mal-UE u jiġu promossi r-rabtiet kulturali u l-wirt kulturali komuni, u l-għoti ta' taħriġ adatt għall-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE u tas-SEAE biex jgħammruhom b'ħiliet interkulturali adegwati;

51.

Jemmen li l-midja pubblika għandha tagħti eżempju ta' kif tingħata informazzjoni imparzjali u oġġettiva f'konformità mal-aħjar prattiki u l-etika tal-ġurnaliżmu;

52.

Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-teknoloġiji ġodda – inklużi x-xandir diġitali, il-komunikazzjonijiet mobbli, il-midja online u n-netwerks soċjali, inklużi dawk ta' natura reġjonali – li jiffaċilitaw it-tixrid ta' informazzjoni dwar il-valuri Ewropej imnaqqxa fit-Trattati u jiffaċilitaw ukoll l-għarfien akbar tagħhom; ifakkar li komunikazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu tal-ogħla standard, jinkludu l-aqwa prattiki konkreti u jenfasizzaw l-impatt tal-UE fuq pajjiżi terzi, inklużi l-assistenza umanitarja tal-UE kif ukoll l-opportunitajiet u l-benefiċċji li assoċjazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE jġibu għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, bħalma huma l-ivvjaġġar mingħajr viża jew il-bini tal-kapaċità, programmi ta' mobbiltà u ta' skambju fejn applikabbli;

53.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-portal il-ġdid tal-PEV – li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat fil-qafas tal-Programm tal-Viċinat OPEN – ma jakkumulax biss kontenut indirizzat lill-komunitajiet esperti, iżda jkun fih ukoll taqsima mfassla apposta għal udjenzi akbar; huwa tal-opinjoni li l-portal għandu jinkludi taqsima dwar is-Sħubija tal-Lvant, li tiġbor flimkien informazzjoni dwar inizjattivi li bħalissa hija frammentata bejn għadd ta' siti web;

54.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal tal-kultura popolari u tad-divertiment għall-edukazzjoni (EE) bħala mezz biex jiġu espressi l-valuri umani kondiviżi u kkomunikati l-politiki tal-UE;

55.

Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi bħalma huma ċ-Ċentru Baltiku ta' Eċċellenza fil-Midja, li jinsab f'Riga, iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi (NATO StratCom COE) jew iċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw is-sejbiet u l-analiżi tagħhom u li jissaħħu l-kapaċitajiet analitiċi tal-UE fil-livelli kollha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew proġetti simili, jieħdu sehem fit-taħriġ tal-ġurnalisti, jappoġġaw mezzi tax-xandir indipendenti u d-diversità tal-midja, jinkoraġġixxu n-netwerking u l-kooperazzjoni bejn il-midja u gruppi ta' riflessjoni u jaqsmu l-aħjar prattiki u l-informazzjoni f'dawn l-oqsma;

56.

Jikkundanna t-trażżin regolari fil-konfront tal-midja indipendenti, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili fir-Russja u fit-territorji okkupati, inkluż fil-Krimea minn meta saret l-annessjoni illegali tagħha; jenfasizza li mill-1999 'l hawn fir-Russja, għexieren ta' ġurnalisti nqatlu, għebu mingħajr ħjiel jew tqiegħdu l-ħabs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti fir-Russja u fil-Viċinat tal-UE u jappoġġaw is-soċjetà ċivili Russa u jinvestu f'kuntatti interpersonali; jappella għall-ħelsien immedjat tal-ġurnalisti; jinnota li l-UE qiegħda ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sħab tagħha tal-Lvant u pajjiżi ġirien oħra, u qed iżżomm miftuħa l-linji ta' komunikazzjoni mar-Russja; jirrikonoxxi li l-ikbar ostaklu għall-kampanji ta' diżinformazzjoni Russi jkun l-eżistenza ta' midja ħielsa u indipendenti fir-Russja nnifisha; iqis li dan għandu jkun l-għan tal-UE; jitlob li jingħataw attenzjoni speċjali u riżorsi suffiċjenti għall-pluraliżmu tal-midja, il-midja lokali, il-ġurnaliżmu investigattiv, u l-midja f'lingwi barranin, partikolarment bir-Russu, l-Għarbi, il-Farsi, it-Tork u l-Urdu, kif ukoll b'lingwi oħrajn mitkellma minn popolazzjonijiet vulnerabbli għall-propaganda;

57.

Jappoġġa l-kampanji ta' komunikazzjoni mwettqa minn atturi rilevanti fis-Sirja, l-Iraq u fir-reġjun (inklużi f'pajjiżi tal-oriġini tal-ġellieda barranin) biex tkun skreditata l-ideoloġija tal-ISIL/Daesh u jiġi ddenunzjat il-ksur tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem, u biex ikun miġġieled l-estremiżmu vjolenti u d-diskors ta' mibegħda marbut ma' gruppi oħrajn fir-reġjun; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, jenfasizzaw li l-governanza tajba, ir-responsabbiltà, it-trasparenza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma prerekwiżiti essenzjali biex jipproteġu lil dawn is-soċjetajiet mit-tixrid ta' ideoloġiji vjolenti u intolleranti li jispiraw organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-ISIL/Daesh u l-Al-Qaeda; jenfasizza, fid-dawl taż-żieda fit-theddid terroristiku mill-ISIL/Daesh u organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali oħra, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà ma' pajjiżi li għandhom esperjenza estensiva fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

58.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jikkonfermaw l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-proċess ta' implimentazzjoni li għaddej u jikkontribwixxu finanzjarjament għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju ta' fattibbiltà dwar l-Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, li sar mill-Fond Ewropew għad-Demokrazija fl-2015;

o

o o

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE u lin-NATO.

(1)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 25.

(2)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 24.

(3)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 35.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0410.


Top