EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1519

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi COM(2008) 40 finali — 2008/0028 (COD)

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 81–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi”

COM(2008) 40 finali — 2008/0028 (COD)

(2009/C 77/20)

Nhar l-10 ta' Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur José Ma Espuny Moyano.

Matul l-447 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru 2008 (seduta tat-18 ta' Settembru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'77 vot favur u 3 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ser tiffaċilita l-fehim tal-konsumatur u ser tissemplifika l-leġiżlazzjoni.

1.2

Madankollu, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jekk l-informazzjoni msemmija f'punt 3.4.1 ma tkunx appoġġjata minn qabel b'miżuri adatti biex jedukaw lill-konsumaturi aħħarija, din l-informazzjoni ser titlef ħafna mill-valur tagħha u mhux ser tissodisfa bosta mill-miri tagħha. Għaldaqstant, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta ma tinkludix sett ta' miżuri bil-għan li jappoġġjaw l-edukazzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-Istati Membri jew fil-livell Ewropew. Għall-inqas, kieku nhemżet gwida tal-azzjonijiet prijoritarji f'dan il-qasam mar-Regolament, il-Kummissjoni kienet tkun qed tieħu pass inizjali li jiswa mitqlu deheb.

1.3

Rigward ir-referenza għall-oriġini, il-proposta żżomm ir-regoli attwali. Fid-dawl tal-interess li wrew il-konsumaturi fl-oriġini tal-ikel, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta l-ġdida għal Regolament ma tistipulax li l-oriġini għandha tissemma bilfors fuq it-tikketta. Madankollu, il-KESE jqis li hemm bżonn ta' distinzjoni bejn il-prodotti li jintużaw fl-ipproċessar primarju u l-prodotti li jintużaw fl-ipproċessar sekondarju b'tali mod li l-obbligu ta' referenza għall-prodotti agrikoli ewlenin li jintużaw f'dan l-iproċessar jiġi determinat skont il-każ.

1.4

Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżvilupp ta' “skemi nazzjonali” addizzjonali, imsemmija f'kapitlu VII tal-proposta, li minflok joffru iktar benefiċċji jistgħu jsiru skuża għat-tfixkil tal-moviment ħieles fis-suq intern. Ir-riskju ta' dan huwa serju immens għall-SMEs billi, kif tgħid il-Kummissjoni fil-proposta tagħha, iktar minn 65 % tal-kumpaniji tal-ikel iqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq ta' Stati Membri oħra. Għal din ir-raġuni, l-SMEs ser isibu iktar diffikultajiet biex jesportaw il-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħra u dan ser iħalli impatt negattiv fuq l-ispejjeż u l-kompetittività tagħhom. Dan l-impatt jista' jiġi evitat biss jekk “l-iskemi nazzjonali” jagħtu informazzjoni addizzjonali li m'hemmx għalfejn tidher bilfors fuq it-tikketta iżda tkun tista' tinkiseb permezz ta' mezzi oħra (Internet, numri tat-telefon mingħajr ħlas, eċċ.).

1.5

Il-KESE jifhem li għall-konsistenza l-Kummissjoni beħsiebha tapplika l-istess sistema ta' derogi għall-prodotti alkoħoliċi. Din is-sistema tista' tiġi riveduta fi żmien ħames snin — wara li jiġi ppubblikat ir-rapport dwar is-suġġett.

1.6

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkollhom lista ta' każijiet ta' ksur tal-liġi u l-penali korrispondenti bil-għan li ma jinkisrux ir-regoli komuni — li għandhom jiġu armonizzati sabiex l-istess imġiba tiġi kkastigata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

1.7

B'rabta ma' dan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strumenti ta' informazzjoni u, b'mod speċifiku, bażi tad-data għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fuq it-tikketti ta' ikel differenti. B'hekk jiġi żgurat li l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-awtoritajiet jużaw l-istess gwida meta tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni.

1.8

Fir-rigward tal-leġibilità, is-suġġeriment ta' 3 mm tal-Kummissjoni ma jidhirx li huwa possibbli. Jeħtieġ jitqiesu aspetti differenti, bħall-kwantità ta' informazzjoni li tingħata, id-daqs u t-tip tal-ippakkjar, eċċ. Referenza adatta tista' tkun it-tipa li tintuża fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

1.9

Fl-aħħar nett, bil-għan li jinkisbu ċ-ċarezza u s-semplifikazzjoni mixtieqa, il-KESE jemmen li r-referenzi għal regoli revokati għandhom ikunu iktar espliċiti biex b'hekk ir-Regolament ikun jista' jinqara aħjar u jiġi applikat b'mod iktar faċli.

2.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

L-għan ta' din il-proposta huwa li tikkonsolida l-liġijiet attwali marbuta mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' prodotti tal-ikel (inkluż t-tikkettjar dwar in-nutrizzjoni) u tiġborhom f'Regolament wieħed bil-ħsieb li jiġu aġġornati, issemplifikati u ċċarati.

2.2

Il-proposta ser tirrevoka l-leġiżlazzjoni attwali dwar it-tikkettjar tal-ikel: id-Direttivi 2000/13/KE, 90/496/KEE (sa ħames snin), 87/250/KEE, 94/54/KE, 1999/10/KE, 2002/67/KE, 2004/77/KE u r-Regolament 608/2004.

2.3

L-objettiv prinċipali ta' din il-proposta huwa li tiggarantixxi protezzjoni tal-konsumatur ta' livell għoli u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

2.4

L-ambitu tal-leġiżlazzjoni qed jiġi estiż biex jinkludi l-aspetti kollha tal-informazzjoni fuq l-ikel li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu lill-konsumatur aħħari, u biex ikopri wkoll l-ikel li jitwassal minn caterers tal-massa u l-ikel maħsub għall-forniment tal-caterers tal-massa.

2.5

Il-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti obbligatorji tat-tikkettjar stipulati fil-liġijiet preċedenti nżammu, filwaqt li fl-istess ħin ġew estiżi xi aspetti bħar-responsabbiltà ta' kull ħolqa fil-katina tal-ikel u ċ-ċirkostanzi li fihom irid jiġi indikat bilfors il-pajjiż tal-oriġini.

2.6

Id-dispożizzjonijiet marbuta mat-tikkettjar dwar in-nutrizzjoni huma differenti mhux ħażin minn dawk li jinsabu fil-liġijiet preċedenti billi jinkludu l-obbligu li jiġu indikati kemm il-kwantità ta' sitt nutrijenti jew sustanzi kif ukoll il-persentaġġ tagħhom b'rabta ma' kemm hu rakkomandat li persuna għandha tieħu minnhom kuljum.

2.7

Bidla sostanzjali oħra hija l-koeżistenza ta' “skemi nazzjonali” tat-tikkettjar dwar in-nutrizzjoni flimkien mar-Regolament. Dawn l-iskemi jżidu l-modi kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni fuq it-tikketti dwar in-nutrizzjoni bis-saħħa ta' rekwiżiti volontarji stipulati fil-livell nazzjonali.

2.8

L-abbozz ta' Regolament jistipula li f'ħafna mill-bidliet meħtieġa fil-proposta għandha tintuża l-proċedura tal-komitoloġija. Ġew stabbiliti diversi perijodi transizzjonali sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

2.9

L-annessi jipprovdu iktar dettalji dwar: l-ingredjenti li jikkawżaw l-allerġiji jew l-intolleranzi, dettalji obbligatorji oħra, id-derogi mit-tikkettjar dwar in-nutrizzjoni, l-isem tal-ikel, l-indikazzjoni kwantitattiva u l-isem tal-ingredjenti, id-dikjarazzjoni dwar il-kwantità netta, id-data ta' durabbiltà minima, is-saħħa alkoħolika, il-konsum referenzjali, l-enerġija, u l-espressjoni u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

2.10

Ir-Regolament mistenni jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-adozzjoni tiegħu għalkemm l-implimentazzjoni tad-dettalji obbligatorji u tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni ser tiġi posposta bi tlett snin (u b'ħames snin fil-każ tal-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni mill-SMEs).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-konsolidazzjoni, l-aġġornament u s-semplifikazzjoni

3.1.1

Matul l-aħħar kważi 30 sena, il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti tal-ikel għenet biex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u biex is-suq intern jaħdem tajjeb.

3.1.2

L-għan ta' din il-proposta huwa li tikkonsolida, taġġorna u tissemplifika l-leġiżlazzjoni attwali, tnaqqas il-piż amministrattiv u żżid it-trasparenza fir-rigward tal-konsumaturi. Il-KESE jappoġġja dawn l-objettivi, però jiddispjaċih li t-test propost huwa daqshekk kumpless, u din il-kumplessità tista' twassal biex ir-Regolament ma japplikax b'mod dirett.

3.2   L-iżvilupp ta' “skemi nazzjonali” addizzjonali

3.2.1

M'hemmx dubju li Regolament li jikkonsolida u jaġġorna l-leġiżlazzjoni individwali attwali ser iwassal għal iktar konsistenza fil-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi u għal iktar armonizzazzjoni. Madankollu, il-KESE jibża' li l-introduzzjoni ta' “skemi nazzjonali”, kif inhu stipulat fl-Artikoli 44 et seq, tista' thedded l-objettivi tal-armonizzazzjoni u l-konsistenza. Bid-dispożizzjonijiet il-ġodda l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jadottaw skemi nazzjonali b'rekwiżiti oħra li, għalkemm ikunu volontarji, ser iwasslu għal iktar informazzjoni fuq it-tikketti u jistgħu jħawdu lill-konsumaturi.

3.2.2

Il-problema tikber meta wieħed iqis li f'kull suq nazzjonali jinbiegħu prodotti minn ħafna Stati Membri oħra. Dawn il-prodotti kapaċi jkun fihom informazzjoni differenti li tkun ġiet deċiża fl-Istati l-oħra u li tista' ma tkunx tinftiehem għall-konsumaturi li ma jkunux midħla ta' tali informazzjoni.

3.3   Rekwiżiti ta' informazzjoni obbligatorji

3.3.1

L-abbozz ta' Regolament jinkludi l-maġġoranza assoluta tad-dettalji obbligatorji li huma stipulati fil-leġiżlazzjoni attwali u li kienu utli biex iħarsu s-saħħa u l-interessi tal-konsumaturi (bħal-lista tal-ingredjenti, il-kwantità, id-dati, l-isem jew l-isem tal-intrapriża u l-indirizz ta' min hu responsabbli għall-prodott). L-annessi janalizzaw bir-reqqa xi wħud minn dawn id-dettalji.

3.3.2

L-esperjenza ta' dawn l-aħħar ftit snin uriet li dawn ir-rekwiżiti huma utli u għandhom jinżammu. Fid-dawl ta' din l-esperjenza, il-KESE jittama li ssir obbligatorja l-indikazzjoni tal-oriġini tal-ikel, tal-prodotti li jintużaw fl-ipproċessar primarju kif ukoll, fuq bażi ta' evalwazzjoni skont il-każ, tal-prodotti li jintużaw fl-ipproċessar sekondarju u tal-ingredjenti ewlenin li jintużaw għat-tħejjija tagħhom.

3.4   Id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni

3.4.1

L-ewwel u qabel kollox għandu jitqies il-fatt li l-konsumaturi Ewropej għandhom jitgħallmu iktar dwar in-nutrizzjoni sabiex ikunu jistgħu jieklu b'mod bilanċjat. Mingħajr dan it-tagħlim il-konsumatur ma jkunx jista' jifhem jew juża l-informazzjoni mogħtija. Għandna nilqgħu l-miżuri sabiex tiżdied l-informazzjoni fuq in-nutrizzjoni, però m'għandniex ninsew li mingħajr edukazzjoni dawn il-miżuri mhux ser ikollhom l-effett mixtieq.

3.4.2

Fid-dawl tal-iżbilanċi nutrittivi fost il-popolazzjoni Ewropea, ma' kwalunkwe miżura ta' informazzjoni għandna nħeġġu wkoll it-tagħlim.

3.4.3

Il-proposta tirrappreżenta bidla sostanzjali mil-leġiżlazzjoni attwali għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, f'din il-proposta l-informazzjoni fuq in-nutrizzjoni hija obbligatorja filwaqt li skont id-Direttiva 90/496/KEE din kienet volontarja. It-tieni nett, il-proposta tistipula li għandu jiġi ddikjarat dan li ġej: il-valur ta' enerġija u l-ammonti ta' xaħam, saturati, karboidrati, zokkor u melħ. It-tielet nett, mhux il-kwantità ta' dawn is-sustanzi biss ser tkun imniżżla iżda anke l-persentaġġ tagħhom b'rabta ma' kemm hu rakkomandat li persuna għandha tieħu minnhom kuljum. B'hekk il-proposta tipprova tiggwida lill-konsumatur fir-rigward tal-kwantità xierqa li tista' tittieħed bħala parti minn dieta bilanċjata. Fl-aħħar nett, il-proposta tgħid ukoll li din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b'mod speċifiku u fejn l-aktar li tidher.

3.4.4

Minħabba l-ammont ta' informazzjoni obbligatorja li diġà tidher fuq it-tikketti, huwa importanti li wieħed jeżamina sew liema informazzjoni dwar in-nutrizzjoni hija utli għall-konsumatur. Il-bidla minn tikkettjar dwar in-nutrizzjoni volontarju għal tikkettjar dwar in-nutrizzjoni obbligatorju hija bidla ambizzjuża għal bosta SMEs fis-settur agro-alimentari. Għalhekk, l-informazzjoni obbligatorja tista' tiġi llimitata għall-informazzjoni fakultattiva meħtieġa bħalissa, jiġifieri l-indikazzjoni tal-enerġija, tal-proteini, tal-karboidrati u tal-lipidi.

3.4.5

Il-vantaġġ prinċipali tal-mudell tat-tikkettjar dwar in-nutrizzjoni li pproponiet il-Kummissjoni huwa li jipprovdi informazzjoni (ammont rakkomandat li għandu jittieħed kuljum) li turi lill-konsumatur kif il-prodott għandu jifforma parti minn dieta tajba. Dan il-mudell ma jivvalutax il-prodott fih innisfu, iżda f'kuntest ta' dik li fl-opinjoni tal-esperti tan-nutrizzjoni hija dieta tajba.

3.5   Informazzjoni obbligatorja oħra dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-ikel

3.5.1

Il-leġiżlazzjoni attwali diġà tistipula li, f'każi fejn il-konsumatur jista' jitħawwad, għandu jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini fuq l-ikel.

3.5.2

Il-KESE jemmen li l-indikazzjoni tal-oriġini mhix biss l-eżiġenza tal-konsumaturi, iżda tikkontribwixxi b'mod effikaċi għat-titjib tat-trasparenza fis-swieq u tappoġġja l-iżvilupp ġejjieni tas-settur agrikolu u taż-żoni rurali tal-UE kollha kemm hi. Il-ħolqien ta' rabta diretta mat-territorju minn fejn ikun ġej l-ikel u l-mudelli tal-produzzjoni li magħhom huwa marbut l-ikel huma l-fattur essenzjali li fuqu huwa msejjes il-mudell tal-iżvilupp Ewropew. Dan il-mudell huwa bbażat fuq ir-rispett tar-regoli li huma kapaċi jiggarantixxu s-sikurezza tal-ikel u tal-ambjent, il-benesseri tal-annimali u livell tajjeb ta' saħħa pubblika.

3.5.3

Għaldaqstant, l-indikazzjoni tal-oriġini għandha ssir obbligatorja għall-prodotti agrikoli u tal-ikel kollha li mhumiex ipproċessati jew li jgħaddu mill-ipproċessar primarju. Fil-każ ta' prodotti li jgħaddu mill-ipproċessar sekondarju, l-obbligu li tiġi indikata l-oriġini tal-materja prima agrikola li ntużat sabiex isir il-prodott finali għandu jiġi evalwat skont il-każ.

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


Top