EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0021

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Ottubru 2023.
OP vs Notariusz Justyna Gawlica.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Opolu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 22 – Klawżola ta’ għażla tal-liġi – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadin ta’ Stat terz – Artikolu 75 – Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti – Ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ukraina.
Kawża C-21/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:766

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

[Test emendat bid-digriet tad-9 ta’ Jannar 2024]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 22 – Klawżola ta’ għażla tal-liġi – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Ċittadin ta’ Stat terz – Artikolu 75 – Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti – Ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ukraina”

Fil-Kawża C‑21/22,

[Kif emendata bid-digriet tad-9 ta’ Jannar 2024] li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Jannar 2022, fil-proċedura mibdija minn

OP

fil-preżenza ta’

Notariusz Justyna Gawlica,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Notariusz Justyna Gawlica, minn M. Margoński, zastępca notarialny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró -Tóth u M.-Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 75 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, u rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 060, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OP, ċittadina Ukraina residenti fil-Polonja fejn hija koproprjetarja ta’ proprjetà immobbli, u l-iskrivana tan-Notariusz Justyna Gawlica (in-nutar Justyna Gawlica), li topera l-uffiċċju notarili ta’ Krapkowice, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tistabbilixxi testment awtentiku li jinkludi klawżola li tipprovdi li d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni ta’ OP huwa d-dritt Ukrain.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 7, 37, 38, 57 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 jistipulaw:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[…]

(37)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

(38)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti liċ-ċittadini biex jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom billi jagħżlu l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Din l-għażla għandha tkun limitata għal-liġi ta’ Stat taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex tkun żgurata konnessjoni bejn id-deċedut u l-liġi magħżula u sabiex jiġi evitat li tingħażel liġi bl-intenzjoni li jixxekklu l-aspettattivi leġittimi ta’ persuni intitolati għal sehem riżervat.

[…]

(57)

Ir-regoli tal-konflitt tal-liġijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ liġi ta’ Stat terz. F’każijiet bħal dawn, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-liġi ta’ dak l-Istat. Jekk dawk ir-regoli jipprevedu ‘renvoi’ jew għal-liġi ta’ Stat Membru jew għal-liġi ta’ Stat terz li japplika l-liġi tiegħu stess għas-suċċessjoni, tali ‘renvoi’ għandu jiġi aċċettat sabiex tiġi zgurata l-konsistenza internazzjonali. Madankollu, ir-’renvoi’ għandu jiġi eskluż f’sitwazzjonijiet fejn id-deċedut kien għamel għażla ta’ liġi favur’ il-liġi ta’ Stat terz.

[…]

(59)

Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.”

4

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Ftehim dwar l-għażla tal-qorti”, jipprovdi:

“Fejn il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi tal-Istat Membru, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li qorti jew il-qrati ta’ dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jieħdu deċiżjoniji dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-suċċessjoni.”

5

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rifjut tal-ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi”:

“Meta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi ta’ Stat Membru, il-qorti invokata skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10:

[…]”

6

L-Artikolu 12(1) tal-istess regolament jgħid:

“Meta l-patrimonju tad-deċedut ikun jinkludi assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti invokata biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni tista’, fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn dawn l-assi jekk jista’ jiġi mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ dawk l-assi mhux ser tiġi rikonoxxuta u, fejn applikabbli, iddikjarata infurzabbli f’dak l-Istat terz.”

7

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Applikazzjoni universali” huwa fformulat kif ġej:

“Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.”

8

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regola ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.

[…]”

9

L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għażla ta’ liġi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

[…]”

10

L-Artikolu 75 tal-istess regolament, intitolat “Relazzjonijiet ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar huma parti fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament u li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

[…]”

Id‑dritt Pollakk

11

L-Artikolu 37 tal-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ukraina dwar l-assistenza ġudizzjarja u r-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili u kriminali tal‑24 ta’ Mejju 1993 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim bilaterali”), jipprovdi:

“Ir-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materja ta’ suċċessjoni ta’ oġġetti mobbli huma rregolati mil-liġi tal-parti kontraenti li d-deċedut kien ċittadin tagħha fil-mument tal-mewt tiegħu.

Ir-relazzjonijiet ġudizzjarji f’materja ta’ wirt ta’ proprjetà immobbli huma rregolati mil-liġi tal-parti kontraenti li dawk l-assi jinsabu fit-territorju tagħha.

Il-klassifikazzjoni tal-oġġetti li huma parti mill-wirt bħala oġġetti mobbli jew proprjetà immobbli hija rregolata mil-liġi tal-parti kontraenti li l-oġġetti jew il-proprjetà jinsabu fit-territorju tagħha.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

OP hija ċittadina Ukraina, residenti fil-Polonja fejn hija koproprjetarja ta’ proprjetà immobbli. Hija talbet lin-nutar tirrediġi testment awtentiku li jinkludi klawżola li permezz tagħha d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni tagħha għandu jkun id-dritt Ukrain.

13

In-nutar irrifjutat li tirrediġi tali att, billi ressqet prinċipalment żewġ motivi. L-ewwel, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri fid-dawl tal-premessa 38 tiegħu, jagħti d-dritt li tintgħażel il-liġi applikabbli biss liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. It-tieni, l-Artikolu 37 tal-Ftehim bilaterali, li jipprevali fi kwalunkwe każ fuq dan l-istess regolament, jipprovdi li d-dritt applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni huwa d-dritt tal-Istat li tiegħu d-deċedut għandu n-nazzjonalità fil-każ ta’ beni mobbli, u d-dritt tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-każ ta’ proprjetà immobbli. Għalhekk, in-nutar qieset li d-dritt applikabbli għas-suċċessjoni ta’ OP huwa d-dritt Pollakk f’dak li jirrigwarda l-proprjetajiet immobbli li hija għandha fil-Polonja.

14

OP ippreżentat rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Opolu (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra r-rifjut tan-nutar minħabba li din ibbażat ruħha fuq qari żbaljat tar-Regolament Nru 650/2012. F’dan ir-rigward, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jippermetti lil “persuna” tagħżel il-liġi tal-pajjiż tagħha bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li l-Artikolu 75(1) tal-imsemmi regolament għandu l-għan li jippreżerva l-konformità ta’ dan tal-aħħar mal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehimiet konklużi mill-Istati Membri ma’ Stati terzi. Issa, peress li l-Ftehim bilaterali ma jirregolax l-għażla tal-liġi tas-suċċessjoni, OP tikkunsidra li l-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 ma hijiex inkompatibbli ma’ dan tal-aħħar.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gdańsku (il-Qorti Reġjonali ta’ Opole) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 22 [tar-Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma hijiex ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt li tagħżel il-liġi tan-nazzjonalità tagħha bħala liġi li għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha?

2)

L-Artikolu 75 moqri flimkien mal-Artikolu 22 [ta’ dan ir-] Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni fejn ftehim bilaterali li jorbot lil Stat Membru ma’ Stat terz ma jirregolax l-għażla tal-liġi fil-qasam tas-suċċessjoni iżda jindika liema leġiżlazzjoni għandha tapplika għas-suċċessjoni, ċittadin ta’ tali Stat terz li jirrisjedi fi Stat Membru marbut b’tali ftehim bilaterali jista’ jagħżel il-liġi nazzjonali?”

Fuq l‑ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz residenti fi Stat Membru tal-Unjoni jista’ jagħżel il-liġi ta’ dan l-Istat terz bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

17

L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi li “[p]ersuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla”.

18

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tkopri kull “persuna”, mingħajr ma tagħmel ebda distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Fil-fatt, l-unika restrizzjoni għal-libertà ta’ għażla li għandha tali persuna hija marbuta mal-fatt li hija tista’ tagħżel biss il-liġi ta’ Stat li għandha n-nazzjonalità tiegħu, u dan indipendentement mill-kwalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni, jew le, tal-imsemmi Stat.

19

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li huma biss iċ-ċittadini tal-Unjoni li jistgħu jgawdu minn tali libertà ta’ għażla.

20

Din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 650/2012 li jagħmlu wkoll riferiment għal-liġi ta’ Stat terz għall-Unjoni.

21

Għalhekk, l-ewwel nett, l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-liġi speċifikata minn dan l-istess regolament tapplika anki jekk din il-liġi ma hijiex dik ta’ Stat Membru. Issa, għalkemm mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta li r-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet stabbiliti f’dan ir-regolament jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat terz u li, f’każ bħal dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli ta’ renvoi previsti mid-dritt internazzjonali privat tal-imsemmi Stat, huwa espressament ippreċiżat li dan it-tip ta’ renvoi għandu jiġi eskluż “fejn id-deċedut [ikun] għamel għażla ta’ liġi favur il-liġi ta’ Stat terz”.

22

It-tieni, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jillimita l-ftehimiet dwar l-għażla tal-forum għall-ipoteżi fejn “il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 [tal-imsemmi regolament] hija il-liġi ta’ Stat Membru”. Bl-istess mod, l-Artikolu 6 tal-istess regolament jirregola r-rifjut ta’ ġurisdizzjoni “[m]eta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 tkun il-liġi ta’ Stat Membru”. Tali preċiżazzjonijiet jagħmlu sens biss jekk ikun hemm possibbiltà oħra ta’ għażla ħlief il-liġi ta’ Stat Membru. Issa, jekk ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru, din tista’ tkun biss il-liġi ta’ Stat terz.

23

It-tielet, billi tiddikjara li “[d]an ir-Regolament għandu jippermetti liċ-ċittadini biex jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom billi jagħżlu l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom”, il-premessa 38 tar-Regolament Nru 650/2012 tirreferi, b’mod ġeneriku, għal kull “ċittadin” u mhux biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

24

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz residenti fi Stat Membru tal-Unjoni jista’ jagħżel il-liġi ta’ dan l-Istat terz bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

25

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru tal-Unjoni jkun ikkonkluda ftehim bilaterali ma’ Stat terz li jindika l-liġi applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni u ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li tingħażel persuna oħra, ċittadin ta’ dan l-Istat terz, residenti fl-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jagħżel il-liġi tal-imsemmi Stat terz sabiex jirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

26

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jirriżulta, essenzjalment, li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma tistax taffettwa dik tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom Stat Membru wieħed jew iktar huma partijiet, sakemm, minn naħa, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati kienu diġà partijiet għall-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 u li, min-naħa l-oħra, din il-konvenzjoni tirrigwarda l-materji rregolati minn dan ir-regolament. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi li l-applikazzjoni ta’ regolament“ma taffettwax” il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti, dawn japplikaw fil-każ ta’ konkordanza ta’ regoli ma’ tali regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 46).

27

Għaldaqstant, meta Stat Membru jkun parti fi ftehim bilaterali konkluż ma’ Stat terz qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012 u meta dan il-ftehim bilaterali jinkludi dispożizzjonijiet li jipprevedu regoli applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni, huma dawn tal-aħħar li, bħala prinċipju, japplikaw u mhux dawk previsti mir-Regolament Nru 650/2012 f’dan il-qasam.

28

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 29 u 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 ma huwiex dispożizzjoni iżolata fl-istrumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali. Fil-fatt, diversi regolamenti u konvenzjonijiet oħra jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn individwi fl-ispazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u jinkludu dispożizzjonijiet li jagħmlu parti minn loġika analoga għal dik tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012.

29

Issa, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-artikolu li jirregola, fi ħdan l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, ir-relazzjonijiet bejn dan l-att u l-konvenzjonijiet internazzjonali, ma jistax ikollu portata li tkun f’kunflitt mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 51).

30

F’dan il-każ, l-għan tar-Regolament Nru 650/2012 huwa, kif jirriżulta essenzjalment mill-premessi 7 u 59 tiegħu, li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li jistgħu jiġu kkonfrontati b’diffikultajiet sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari billi tistabbilixxi regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli f’dan il-qasam, kif ukoll dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fi Stat Membru, ta’ deċiżjonijiet u ta’ atti maħruġa minn Stati Membri oħra.

31

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, taħt it-titolu “Regola ġenerali”, fattur ta’ konnessjoni awtomatiku li huwa ddeterminat b’riferiment għar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. Fid-dawl tal-istruttura ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà li tingħażel il-liġi tal-Istat li tiegħu d-deċedut għandu n-nazzjonalità, irregolata mill-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, għandha tinftiehem bħala deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 21 tal-istess regolament.

32

Barra minn hekk, kemm ir-residenza prinċipali kif ukoll in-nazzjonalità jikkostitwixxu fatturi ta’ rabta oġġettivi li jikkontribwixxu, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, għall-għan ta’ ċertezza legali tal-partijiet fil-proċedura ta’ suċċessjoni li huwa mfittex mir-Regolament Nru 650/2012, kif jirriżulta mill-premessa 37 tiegħu.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-possibbiltà li jintgħażel id-dritt applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu ma tistax titqies bħala prinċipju li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 650/2012 u, għaldaqstant, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni li tiegħu huwa strument.

34

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ġenerali ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fil-qasam tas-suċċessjoni, huwa marbut mal-prinċipju tal-unità tas-suċċessjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 5354). Madankollu, dan ma huwiex prinċipju assolut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, E. E. (Ġurisdizzjoni u liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet) (C‑80/19, EU:C:2020:569, punt 69).

35

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament jintroduċi espressament deroga minn dan il-prinċipju billi jippermetti lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni li ma tiddeċidix fuq beni li jinsabu fi Stati terzi, minħabba l-biża’ li d-deċiżjoni ma tiġix irrikonoxxuta jew li ma tiġix iddikjarata eżekuttiva f’dawn l-Istati terzi.

36

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espressament josserva, f’ċerti każijiet partikolari, il-mudell ta’ diviżjoni tas-suċċessjoni li jista’ jiġi implimentat fir-relazzjonijiet ma’ ċerti Stati terzi.

37

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema tar-Regolament Nru 650/2012 ma tipprekludix li, bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 75(1) tal-imsemmi regolament, iċ-ċittadin ta’ Stat terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru marbut b’dan il-ftehim bilaterali, ma għandux il-fakultà li jagħżel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu. Barra minn hekk, dan ir-riżultat huwa konformi mal-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li jirrigwarda l-effett tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni.

38

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, meta Stat Membru tal-Unjoni jkun ikkonkluda, qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, ftehim bilaterali ma’ Stat terz li jindika l-liġi applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni u ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li tingħażel oħra, ċittadin ta’ dan l-Istat terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru inkwistjoni, ma jkunx jista’ jagħżel il-liġi tal-imsemmi Stat terz sabiex tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

ċittadin ta’ Stat terz residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jista’ jagħżel il-liġi ta’ dan l-Istat terz bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

ma jipprekludix li, meta Stat Membru tal-Unjoni jkun ikkonkluda, qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, ftehim bilaterali ma’ Stat terz li jindika l-liġi applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni u ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li tingħażel oħra, ċittadin ta’ dan l-Istat terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru inkwistjoni, ma jkunx jista’ jagħżel il-liġi tal-imsemmi Stat terz sabiex tirregola s-suċċessjoni kollha tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top