EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE3141
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council establishing rules on support for strategic plans to be drawn up by Member States under the common agricultural policy (CAP Strategic Plans) and financed by the European Agricultural Guarantee Fund (EAGF) and by the European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD) and repealing Regulation (EU) No 1305/2013 of the European Parliament and of the Council and Regulation (EU) No 1307/2013 of the European Parliament and of the Council’ (COM(2018) 392 final — 2018/0216 (COD)) on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the financing, management and monitoring of the common agricultural policy and repealing Regulation (EU) No 1306/2013’ (COM(2018) 393 final — 2018/0217 (COD)) and on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulations (EU) No 1308/2013 establishing a common organisation of the markets in agricultural products, (EU) No 1151/2012 on quality schemes for agricultural products and foodstuffs, (EU) No 251/2014 on the definition, description, presentation, labelling and the protection of geographical indications of aromatised wine products, (EU) No 228/2013 laying down specific measures for agriculture in the outermost regions of the Union and (EU) No 229/2013 laying down specific measures for agriculture in favour of the smaller Aegean islands’ (COM(2018) 394 final — 2018/0218 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” (COM(2018) 392 final — 2018/0216 (COD)) dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013” (COM(2018) 393 final — 2018/0217 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u (UE) Nru 229/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew” (COM(2018) 394 final — 2018/0218 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill” (COM(2018) 392 final — 2018/0216 (COD)) dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013” (COM(2018) 393 final — 2018/0217 (COD)) u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u (UE) Nru 229/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew” (COM(2018) 394 final — 2018/0218 (COD))
EESC 2018/03141
ĠU C 62, 15.2.2019, p. 214–225
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/214 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”
(COM(2018) 392 final — 2018/0216 (COD))
dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013”
(COM(2018) 393 final — 2018/0217 (COD))
u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u (UE) Nru 229/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew”
(COM(2018) 394 final — 2018/0218 (COD))
(2019/C 62/35)
Relatur: |
John BRYAN |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 11.6.2018 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22.6.2018 |
Bażi legali |
Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau |
22.5.2018 |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent |
Adottata fis-sezzjoni |
5.10.2018 |
Adottata fil-plenarja |
17.10.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
538 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
201/11/19 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Politika tal-PAK b’saħħitha, b’baġit tal-PAK b’saħħtu bbażat fuq il-Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u l-Produzzjoni tal-Ikel, li tappoġġa politika tal-agrikoltura u settur tal-biedja Ewropej sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali, li tinvolvi l-ogħla standards u li tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ settur agrikolu kompetittiv, hija importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini kollha tagħha. L-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-PAK f’din ir-riforma huma essenzjali sabiex din issir aktar adatta għall-iskop tagħha li tissodisfa l-ħtiġijiet għal settur tal-biedja u tal-agrikoltura tal-UE aktar sostenibbli u vijabbli kullimkien fl-Ewropa u sabiex tindirizza l-isfidi ġodda dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent. |
1.2. |
Proposti sabiex jitnaqqas il-baġit tal-PAK mhumiex aċċettabbli. Iż-żamma ta’ pakkett finanzjarju xieraq għall-PAK hija prekundizzjoni għas-sostenibbiltà (ekonomika, ambjentali u soċjali) tal-biedja tal-UE sabiex jiġu ppreservati l-introjti u l-impjiegi u tiġi żgurata l-produzzjoni tal-beni pubbliċi ambjentali, u għalhekk tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-vitalità tal-ambjent rurali u għall-istabbiltà tal-ekonomija b’mod ġenerali. Il-KESE jappoġġja l-opinjoni li l-baġit tal-UE jenħtieġ li jiżdied għal 1,3 % tal-ING biex jipprovdi finanzjament xieraq għall-PAK u għall-objettivi u l-isfidi tal-politika ġodda li ġew identifikati. |
1.3. |
Il-KESE jilqa’ d-direzzjoni ġdida proposta għall-PAK dwar is-sussidjarjetà, b’responsabbiltà u flessibbiltà akbar għall-Istati Membri permezz tal-Pjani Strateġiċi tal-PAK u l-mudell ġdid ta’ implimentazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni. Madankollu, il-KESE huwa ħerqan li jiżgura li l-PAK tibqa’ politika komuni fl-Istati Membri kollha u li s-suq uniku jiġi ppreservat bis-sħiħ. Iż-żamma tal-istruttura attwali tal-PAK b’żewġ pilastri b’pagamenti diretti b’saħħithom taħt il-Pilastru I biex jiġu appoġġjati l-introjti tal-azjendi agrikoli u miżuri ta’ żvilupp rurali fil-Pilastru II biex jiġu appoġġjati setturi, reġjuni u infrastruttura soċjali vulnerabbli u li titħeġġeġ it-tranżizzjoni lejn azjendi agrikoli iktar sostenibbli u innovattivi huma essenzjali. L-organizzazzjoni komuni tas-swieq u suq uniku effettiv huma ta’ importanza kritika wkoll. |
1.4. |
L-enfasi u l-ambizzjoni akbar fil-proposti tal-PAK fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima huma elementi pożittivi. L-objettivi speċifiċi huma ċari u b’saħħithom, filwaqt li jkopru kwistjonijiet bħall-ilma, l-arja u l-ħamrija kif ukoll il-pajsaġġ u l-bijodiversità, u l-produzzjoni sostenibbli ta’ ikel ta’ kwalità. Il-miżuri stipulati fit-test tar-regolament sabiex jintlaħqu l-għanijiet għandhom, madankollu, jiġu deskritti b’mod ħafna aktar ċar u speċifiku. Baġit tal-PAK xieraq huwa essenzjali sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, b’pagamenti stimulanti għall-bdiewa. |
1.5. |
40 % tan-nefqa agrikola għandu jmur lejn l-objettivi tal-UE rigward it-tibdil fil-klima. Il-KESE jilqa’ dan l-objettiv, iżda jistenna li l-UE tistipula sett definit b’mod ċar ta’ miżuri f’dan ir-rigward. |
1.6. |
Wara li f’diversi riformi preċedenti tal-PAK ġew imwiegħda impenji dwar is-simplifikazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli, il-KESE jemmen bis-sħiħ li dawn iridu jitwettqu f’din ir-riforma. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-sussidjarjetà u l-kondizzjonalità ġodda li jinvolvu pjani strateġiċi tal-PAK kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II tal-PAK u r-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (SMRs) u l-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba (KAAT) addizzjonali se jkomplu jżidu l-volum tal-piż burokratiku fuq il-bdiewa individwali pjuttost milli jnaqqsuh. |
1.7. |
Il-pagamenti diretti tal-Pilastru I u l-finsnzjament tal-Pilastru II tal-PAK iridu jiġu protetti bis-sħiħ biex jiġu żgurati azjendi agrikoli vijabbli u sostenibbli. Il-pagamenti diretti jenħtieġ li jingħataw biss lil bdiewa ġenwini u jenħtieġ li jiġu adottati kriterji oġġettivi ċari sabiex jiġi ddefinit aħjar bidwi ġenwin. |
1.8. |
Iż-żieda fl-appoġġ għal tiġdid ġenerazzjonali u bdiewa żgħażagħ hija element pożittiv. Din iż-żieda fl-għajnuna trid tkun akkumpanjata minn miżuri addizzjonali li jippermettu għal tiġdid ġenerazzjonali effettiv. |
1.9. |
Kwalunkwe proposta dwar il-konverġenza interna jew esterna, it-tnaqqis, id-digressività u r-ridistribuzzjoni trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u ma tistax titħalla ddgħajjef unitajiet vijabbli tal-azjendi agrikoli u tnaqqas il-kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni jew il-kompetittività tal-bdiewa fir-reġjuni varji tal-UE. |
1.10. |
Kwalunkwe tnaqqis fil-finanzjament tal-Pilastru II tal-PAK huwa inaċċettabbli, peress li Programm tal-Iżvilupp Rurali b’saħħtu huwa essenzjali biex jiġu appoġġjati aktar oqsma u setturi vulnerabbli u jwassal għal żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat. |
2. Kwistjonijiet ewlenin fir-riforma tal-PAK bejn l-2021 u l-2027
Introduzzjoni
2.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-proposti leġislattivi dwar ir-riforma tal-PAK u b’mod partikolari l-enfasi u l-ambizzjoni akbar fuq it-tibdil fil-klima u l-ambjent, jopponi t-tnaqqis fil-baġit tal-PAK peress li għal settur tal-agrikoltura sostenibbli u għaż-żamma tal-introjtu tal-azjendi agrikoli huwa meħtieġ baġit b’saħħtu, jirrikonoxxi t-tibdil fir-rigward tas-sussidjarjetà u jqis li jeħtieġ li titwettaq simplifikazzjoni reali fil-livell tal-azjendi agrikoli. |
2.2. |
Il-KESE jipprovdi l-opinjoni li ġejja dwar il-proposti leġislattivi b’lista ta’ proposti dettaljati għal tibdil u emendi, u l-KESE jitlob li din titqies fid-dibattitu futur fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. |
Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u tal-Produzzjoni tal-Ikel
2.3. |
PAK b’saħħitha li tappoġġa politika agrikola u settur tal-biedja Ewropej sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali hija essenzjali għall-Unjoni Ewropea f’termini tas-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-ikel u anke biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber għal ikel ta’ kwalità għolja mill-512-il miljun ċittadin tal-Komunità (1). Barra minn hekk, l-UE jeħtiġilha żżomm f’moħħha t-tkabbir fil-popolazzjoni globali, li huwa stmat li sal-2050 se jilħaq id- 9,5 bn, bi 3,0 bn jgħixu f’żoni fejn hemm nuqqas ta’ ilma, li jwassal għal żieda fin-nuqqas ta’ ikel u fil-karestija. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-UE tiffoka fuq it-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar kif iżjed ikel u ikel ta’ kwalità aħjar jista’ jiġi prodott b’mod sostenibbli u lokalment fi nħawi oħra tad-dinja. |
2.4. |
Il-PAK trid tilħaq l-objettivi oriġinali stabbiliti fit-Trattat ta’ Ruma għaċ-ċittadini Ewropej kollha u għall-komunitajiet rurali u tindirizza wkoll l-isfidi ġodda dwar il-klima u l-iżvilupp stabbiliti fl-impenji tal-UE tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs). |
2.5. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-politika tal-PAK 2021-2027 għandha tappoġġja u tiffaċilita fil-partijiet kollha tal-Ewopra l-Mudell Ewropew tal-Agrikoltura u l-Produzzjoni tal-Ikel li jinvolvi l-istruttura tal-azjendi agrikoli tal-familja kif ukoll il-kooperattivi, il-grupp tal-produtturi u forom oħrajn ta’ biedja, u l-ikel prodott bl-ogħla standards fid-dinja (2). Il-PAK il-ġdida trid tindirizza aħjar il-kwistjoni tal-introjti baxxi tal-azjendi agrikoli u telimina d-diskrepanza dejjem akbar fl-introjtu bejn il-ħaddiema u s-salarji fl-ekonomija usa’ (3). Il-mudell agrikolu Ewropew ma jistax jinkiseb taħt il-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija u bil-prezzijiet tas-swieq dinjija. Għalhekk, il-mudell agrikolu Ewropew issa jinsab aktar minn qatt qabel mhedded mill-iżviluppi attwali u għal din ir-raġuni jeħtieġ li jiġi appoġġjat u promoss permezz ta’ PAK b’saħħitha (4). |
2.6. |
Filwaqt li jiġu rrikonoxxuti l-benefiċċji tal-kummerċ għas-settur agrikolu, huwa essenzjali li l-politika agrikola tal-UE permezz tal-PAK tipproteġi l-ogħla livell ta’ standards fil-biedja, il-produzzjoni tal-ikel, il-kontrolli ambjentali, is-saħħa u s-sigurtà u d-drittijiet tal-ħaddiema fid-dinja. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jkun hemm approċċ tal-politika tal-UE aktar koerenti lejn ftehimiet kummerċjali internazzjonali fis-settur tal-agrikoltura u tal-ikel u l-PAK (5). Filwaqt li l-PAK qed tirsisti biex iżżomm l-ogħla standards, f’xi negozjati kummerċjali, bħal Mercosur, l-UE qed taċċetta importazzjonijiet tal-ikel li ma jissodisfawx l-istandards tas-sikurezza tal-ikel tal-UE u jiġu prodotti bi standards ambjentali aktar baxxi. Il-globalizzazzjoni ma tistax titħalla ddgħajjef l-istandards u s-swieq Ewropej u tipperikola liċ-ċittadini tal-UE. |
2.6.1. |
Il-Kumitat jinnota bi tħassib in-numru kbir ta’ bdiewa fir-Renju Unit li vvutaw favur il-Brexit, apparentament minħabba n-natura intrussiva u kumplessa tal-PAK fil-livell lokali. Sabiex jiġu evitati kwistjonijiet simili fi Stati Membri oħrajn, u b’hekk jiżdiedu pressjonijiet populisti u kontra l-UE, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni reali u prattiċi fil-livell tal-azjenda agrikola huma parti ċentrali tal-proposti tal-PAK għall-2021-2027. |
2.7. |
Minħabba n-natura varjata tal-wirt agrikolu u kulinarju Ewropew u l-prospetti tas-suq, id-differenzjazzjoni tal-kwalità hija objettiv strateġiku u essenzjali għall-futur tal-agrikoltura Ewropea, flimkien mal-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza u l-kompetittività. Għalhekk, il-PAK jenħtieġ li tipprovdi modi differenti biex tippromovi l-politika dwar il-kwalità, kif kien il-każ fil-passat. Sabiex dan l-objettiv jintlaħaq, jenħtieġ li waqt l-iżvilupp tal-pjani strateġiċi tal-PAK tiġi enfasizzata wkoll il-kwalità. |
2.8. |
Kwalunkwe bidla proposta għall-PAK, bħas-sussidjarjetà, trid tiżgura li s-suq uniku tal-UE ma jiġix affettwat u li jiġi protett bis-sħiħ u jkompli jopera bħala suq uniku reali u effettiv. Huwa essenzjali li l-pjani strateġiċi nazzjonali tal-PAK ma jintervjenux fl-operazzjoni tas-suq uniku, |
Ħtieġa għal baġit tal-PAK b’saħħtu
2.9. |
Il-proposti għat-tnaqqis tal-baġit tal-PAK minn 38 % tal-baġit tal-UE tul il-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 għal 28,5 % fil-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027 huma inaċċettabbli għall-KESE, b’mod partikolari meta jitqies il-fatt li hemm żieda fil-baġit globali tal-UE. It-tnaqqis fil-baġit tal-PAK ivarja bejn 3 % u 4 % fi prezzijiet kurrenti u 11 % sa 16 % fi prezzijiet tal-2018 (meta titqies inflazzjoni ta’ 2 % fis-sena), skont il-metodu tal-kalkoli użat (6). Rigward il-fondi għall-iżvilupp rurali, it-tnaqqis propost fil-prezzijiet tal-2018 huwa ogħla minn 25 %. |
EUR 1 000 |
2014-2020 (UE28+FEŻ) |
7*2020 UE27+FEŻ |
2014-2020 (UE27+FEŻ) |
2021-2027 |
% ta’ bidla vs UE27 2020*7 |
% bidla vs UE27 2014-2020 |
QFP (Prezzijiet kurrenti) |
1 115 919 |
1 151 866 |
1 063 101 |
1 279 408 |
+ 11 % |
+ 20 % |
% tal-ING |
1,03 % |
1,14 % |
1,16 % |
1,11 % |
|
|
PAK (Prezzijiet kurrenti) |
420 015 |
394 659 |
391 849 |
378 920 |
– 4 % |
– 3 % |
QFP (Prezzijiet tal-2018) |
1 136 105 |
1 107 138 |
1 082 320 |
1 134 583 |
+ 2 % |
+ 5 % |
PAK (Prezzijiet tal-2018) |
428 354 |
379 334 |
399 608 |
336 623 |
– 11 % |
– 16 % |
Sors: Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-tqabbil bejn il-QFP għal bejn l-2021 u l-2027 u l-QFP għal bejn l-2014 u l2020. |
2.10. |
F’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-PE għall-Baġit, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-baġit tal-UE jenħtieġ li jiżdied għal 1,3 % tal-ING. Il-baġit tal-PAK jenħtieġ li jżomm il-perċentwal ta’ finanzjament attwali mill-baġit tal-UE. Dan jipprevedi baġit tal-PAK iffinanzjat b’mod adegwat sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-ambizzjonijiet tal-politika tal-PAK kif ukoll l-isfidi ewlenin l-oħra bħall-Brexit. Mingħajr baġit tal-PAK iffinanzjat b’mod xieraq, mhuwiex possibbli li jintlaħqu l-objettivi mressqa mill-Kummissjoni fil-proposti leġislattivi. |
2.11. |
It-tnaqqis fil-baġit tal-PAK mhuwiex konsistenti mal-objettivi tal-politika tal-PAK stabbiliti fl-Artikolu 39 tat-TFUE, b’mod partikolari:
|
Il-KESE jopponi bis-sħiħ it-tnaqqis fil-finanzjament tal-Pilastru II tal-PAK (FAEŻR) deskritt fil-proposti peress li dan jaffettwa b’mod mhux proporzjonali ħafna Stati Membri fejn il-Pilastru II jagħmel sehem ikbar tal-finanzjament globali tal-PAK u jirrimarka li l-finanzjament tal-Pilastru II jappoġġja s-setturi u l-oqsma aktar vulnerabbli kif ukoll l-investimenti, il-modernizzazzjoni, it-tagħlim, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-benessri tal-annimali fis-settur agrikolu Ewropew kollu.
Trasferimenti bejn il-pilastri u l-kofinanzjament
2.12. |
Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-livell ta’ flessibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tat-trasferiment tal-fondi bejn il-pilastri tal-PAK. Sabiex jipprevjeni li l-Istati Membri jevitaw l-obbligi tagħhom dwar il-kofinanzjament taħt il-Pilastru II, il-KESE jemmen li l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw biss il-flessibbiltà li jittrasferixxu l-fondi bejn il-pilastri jekk jikkofinanzjaw bis-sħiħ dawn it-trasferimenti. Il-KESE ma jaqbilx li l-Istati Membri jitħallew jittrasferixxu fondi mill-Pilastru II għall-Pilastru I (7). |
Struttura u miżuri ġodda tal-PAK
2.13. |
Il-proposti leġislattivi jżommu l-komponenti ewlenin tal-PAK (il-Pilastru I tal-PAK dwar il-pagamenti diretti, il-Pilastru II tal-PAK dwar miżuri ta’ żvilupp rurali u l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) li tinvolvi miżuri ta’ appoġġ għas-suq) f’konformità mal-wegħda li saret mill-Kummissarju Hogan li din ir-riforma hija evoluzzjoni pjuttost milli rivoluzzjoni. |
2.14. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta fl-Artikolu 14 li ssir dispożizzjoni għal total ta’ erba’ tipi ta’ pagamenti diżakkoppjati kif ukoll pagamenti akkoppjati li għandha tgħin sabiex tistabbilizza d-dħul:
|
2.15. |
Il-proposti jinkludu miżuri ġodda dwar il-kondizzjonalità ambjentali u tat-tibdil fil-klima addizzjonali għall-pagamenti kollha tal-PAK (il-Pilastru I u l-Pilastru II) kif ukoll proposti ġodda dwar is-sussidjarjetà b’mudell ġdid ta’ implimentazzjoni (Pjani Strateġiċi tal-PAK) imfassal biex jipprovdi lill-Istati Membri ħafna aktar responsabbiltà u flessibbiltà f’termini ta’ kif dawn jilħqu objettivi speċifiċi, kif dawn jindirizzaw oqsma problematiċi speċifiċi u kif dawn jimplimentaw u japplikaw il-konformità. Din iż-żieda fis-sussidjarjetà m’għandhiex twassal għal aktar renazzjonalizzazzjoni; pjuttost, għandha twassal għall-adattament tal-miżuri ġernali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull territorju. |
2.16. |
Il-KESE jilqa’ ż-żamma tal-aspetti ewlenin tal-PAK f’termini tal-pagamenti tal-Pilastru I u tal-Pilastru II, filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-pagamenti diretti għall-bdiewa u l-introjtu tal-azjendi agrikoli, u jilqa’ wkoll l-enfasi akbar fuq il-kondizzjonalità u t-twettiq ambjentali u tat-tibdil fil-klima. |
Ambizzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima akbar
2.17. |
Filwaqt li jfakkar li l-bdiewa diġà jikkontribwixxu għall-protezzjoni ambjentali u tal-klima, il-KESE jirrikonoxxi l-enfasi u l-ambizzjoni akbar fil-proposti fir-rigward tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u l-allinjament mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-twettiq ta’ dawn il-miri ambizzjużi m’għandux ifixkel il-kompetittività tas-settur u se jirrikjedi baġit tal-PAK adegwat. |
2.18. |
Is-soċjetà qed titlob li l-produzzjoni tal-ikel u l-biedja jkunu ambjentalment sostenibbli u huwa essenzjali li l-PAK tiġi mmodernizzata u ffukata fuq l-issodisfar ta’ dawn it-talbiet. Is-sostenibbiltà tikkonsisti fi tliet elementi inseparabbli; ekonomiku, soċjali u ambjentali. It-tlieta li huma huma importanti b’mod indaqs. It-twettiq tal-ħarsien ambjentali u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima huma essenzjali fil-PAK il-ġdida. Il-KESE huwa ssodisfat li wieħed mit-tliet objettivi ġenerali stabbiliti fil-proposti huwa li “jissaħħu l-ħarsien ambjentali u l-azzjoni klimatika u jingħata kontribut lill-objettivi tal-Unjoni relatati mal-ambjent u mal-klima” (8). Tali miżuri għandu jkollhom biżżejjed appoġġ baġitarju sabiex ma jikkompromettux il-kosteffikaċja globali tal-azjendi agrikoli tal-familja. |
2.19. |
Il-KESE huwa ssodisfat li mid-disa’ objettivi speċifiċi stabbiliti fil-proposti, tlieta minnhom huma ddedikati għat-titjib ambjentali u tat-tibdil fil-klima. B’mod speċifiku, dawn il-proposti:
|
2.20. |
L-“approċċ tal-PAK kollha kemm hi” il-ġdid, li se jiġi kopert fil-pjani strateġiċi tal-Istati Membri, huwa mistenni jinvolvi l-interventi u l-kondizzjonalità kemm tal-Pilastru I kif ukoll tal-Pilastru II tal-PAK. Il-kundizzjonalità l-ġdida mtejba tinvolvi proposti ta’ kundizzjonalità u ta’ ekoloġizzazzjoni addizzjonali li jkopru:
|
2.21. |
F’termini tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ, il-proposti dwar il-kondizzjonalità jistabbilixxu d-dettalji dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, il-ħabitats naturali u l-flora u l-fawna selvaġġi: sehem minimu tal-wiċċ agrikolu ddedikat għal karatteristiċi jew żoni mhux produttivi, iż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ, projbizzjoni fuq il-qtugħ ta’ sisien tal-ħaxix jew siġar matul l-istaġun tat-tgħammir u tat-tkabbir tal-għasafar u miżuri li jevitaw speċijiet invażivi (KAAT 9), l-istabbiliment ta’ strixxi ta’ lqugħ tul il-mogħdijiet tal-ilma (KAAT 4) jew rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ (KAAT 8). Madankollu, il-KESE jipproponi li l-UE għandha tehmeż miri kwantitattivi ċari lill-KAATs, li għandhom ikunu vinkolanti fuq l-Istati Membri. |
2.22. |
Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit li permezz tiegħu l-Istati Membri jeħtiġilhom mill-anqas jonfqu 30 % tal-baġit tal-FAEŻR fuq interventi immirati direttament lejn l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u 40 % mill-baġit totali (FAEG u FAEŻR) irid ikun rilevanti għat-tibdil fil-klima. |
2.23. |
40 % tan-nefqa agrikola għandu jmur lejn l-objettivi tal-UE rigward it-tibdil fil-klima. Il-KESE jilqa’ dan l-objettiv, iżda jistenna li l-UE tistipula sett definit b’mod ċar ta’ miżuri f’dan ir-rigward. |
2.24. |
Il-KESE jirrimarka li huwa ta’ importanza kruċjali li l-pjani strateġiċi tal-Istati Membri jagħtu prijorità lill-interventi tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima li jikkontribwixxu għar-reżiljenza u l-profitabbiltà fit-tul tal-azjendi agrikoli u ż-żamma tal-impjieg, u li l-implimentazzjoni tiffoka fuq l-ilħuq tal-miri. |
Sussidjarjetà — Pjani Strateġiċi tal-PAK u mudell ġdid ta’ implimentazzjoni
2.25. |
Il-KESE jappoġġja l-kunċett tat-tibdil tal-enfasi tal-politika tal-PAK mill-konformità għall-prestazzjoni u li l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà u responsabbiltajiet permezz tas-sussidjarjetà skont il-mudell ġdid ta’ implimentazzjoni u l-pjani strateġiċi tal-PAK. |
2.26. |
Madankollu, il-KESE huwa ħerqan biex jiżgura li l-PAK tibqa’ politika komuni fl-Istati Membri kollha u li s-suq uniku jiġi ppreservat bis-sħiħ. Il-Pjani Strateġiċi tal-PAK ma jistgħux jippermettu lill-Istati Membri jerġgħu jinnazzjonalizzaw is-swieq jew joħolqu ostakli jew restrizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku. Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandha l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani strateġiċi titqies bħala pass lejn il-kofinanzjament tal-PAK kollha. |
2.27. |
Huwa ta’ importanza kritika li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’termini ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonalità u l-KAAT. L-Istati Membri u r-reġjuni jenħtieġ li jiġu impeduti milli jadottaw regolamentazzjoni żejda jew varjazzjoni sottili fir-rigward tal-pjani ta’ implimentazzjoni. |
2.28. |
Il-KESE jilqa’ r-rekwiżit skont il-Pjani Strateġiċi tal-PAK li l-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut akbar għall-ilħuq tal-objettivi ambjentali u klimatiċi speċifiċi stabbiliti. Jenħtieġ li l-bdiewa jingħataw l-għażla ta’ menù ta’ miżuri għal adattament aħjar għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom (eż. newba tal-uċuh tar-raba’ mhux possibbli fl-għelieqi tar-ross jew f’uċuħ tar-raba’ pluriennali jew permanenti). |
2.29. |
Il-proposta li tirrikjedi lill-Istati Membri jiżviluppaw u jissottomettu Pjani Strateġiċi tal-PAK kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II tal-PAK se tkun aktar kumplessa mis-sistema attwali. Huwa essenzjali li dan ir-rekwiżit ma jitħalliex idewwem l-implimentazzjoni u taħt l-ebda ċirkostanza ma jista’ jdewwem l-għoti effiċjenti u f’waqtu ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa. Ir-reġjuni għandhom ikunu involuti hawnhekk, u l-għarfien espert tagħhom sfruttat. |
2.30. |
Flimkien mal-elementi ewlenin stabbiliti fil-proposti, il-KESE jipproponi li l-Pjani Strateġiċi tal-PAK fil-livell tal-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin;
|
Simplifikazzjoni u kondizzjonalità
2.31. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-simplifikazzjoni u jitlob li l-impenn politiku li sar dwar dan irid jitwettaq fil-livell tal-azjendi agrikoli skont il-proposti ġodda tal-PAK. Filwaqt li jirrikonoxxi elementi pożittivi, l-funzjonament propost tal-mudell il-ġdid ta’ twettiq, il-kondizzjonalità msaħħa, l-introduzzjoni ta’ indikaturi fil-Pilastru I u l-obbligu li jitħejjew pjanijiet strateġiċi tal-PAK dettaljati huma partikolarment inkwetanti u jmorru kontra simplifikazzjoni reali. |
2.32. |
Minkejja l-iżvilupp pożittiv li sar fir-rigward tas-simplifikazzjoni fir-Regolament Omnibus, l-estensjoni tas-sistema tal-karta safra u l-adozzjoni ta’ teknoloġija satellitari għall-kontroll taż-żoni, il-proposti tal-PAK għad għandhom volum kbir ta’ rekwiżiti ddettaljati b’piż burokratiku kbir fuq il-bdiewa individwali, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom qed joperaw bħala operaturi uniċi taħt pressjoni tal-introjtu qawwija. |
2.33. |
Il-KESE jinsab imħasseb li hemm kontradizzjoni fl-approċċ meħud mill-proposti tal-Kummissjoni bejn is-simplifikazzjoni u s-sussidjarjetà. Minn naħa, il-Kummissjoni tappoġġja s-simplifikazzjoni, filwaqt li min-naħa l-oħra proposti ġodda dwar il-mudell ta’ implimentazzjoni u l-pjani strateġiċi tal-PAK estiżi kemm għall-Pilastru I kif ukoll għall-Pilastru II, kif ukoll ir-Rekwiżiti Statutorji ta’ Ġestjoni (SMR) u r-rekwiżiti KAAT (Anness III) (9) addizzjonali u aktar iddettaljati fil-livell tal-azjendi agrikoli, se jwasslu biex l-implimentazzjoni tal-politika ssir aktar kumplessa u burokratika kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-azjendi agrikoli. Il-kategoriji ta’ eżenzjoni differenti stabbiliti matul l-iskema ta’ ekoloġizzazzjoni tal-2014–2020 għandhom jiġu trasferiti għar-regoli ta’ kondizzjonalità għal wara l-2020. |
2.34. |
Sabiex ikun hemm simplifikazzjoni reali fil-livell tal-azjendi agrikoli, filwaqt li jinżammu kontrolli sħaħ u adegwati, jeħtieġ li jitnaqqsu l-volum u l-piż tal-burokrazija fuq il-bdiewa. Is-sistema attwali tal-implimentazzjoni tal-PAK tiddependi fuq rekwiżiti ddettaljati fil-livell tal-UE, u fiha arranġamenti stretti għall-kontroll, għall-penali u għall-awditjar (10). Jenħtieġ li jkun hemm reviżjoni sħiħa u tfassil mill-ġdid tas-sistema ta’ kontroll fil-livell tal-azjendi agrikoli: żieda fl-użu tat-teknoloġija, l-ispezzjoni bis-satellita u t-telerilevament, żieda fit-tolleranzi u l-ispezzjonijiet ma jistgħux jitħallew idewmu l-pagamenti (11). B’rabta maż-żieda fl-użu tat-telerilevament, l-identifikazzjoni korretta taż-żona eliġibbli għandha taqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ. |
2.35. |
Ir-reġim attwali ta’ spezzjoni u ta’ penali huwa mfassal biex jidentifika u jippenalizza minflok jikkoreġi u jtejjeb. Il-KESE qed jipproponi l-kunċett tad-dritt għar-rettifika b’mudell ta’ għeluq introdott fil-livell tal-azjenda agrikola li jippermetti lill-bdiewa jikkoreġu nuqqasijiet ta’ konformità mhux intenzjonati mingħajr penali. |
2.36. |
Hemm ħtieġa kbira għal aktar simplifikazzjoni u anqas burokrazija fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri fir-rigward tal-programmi tal-Pilastru II tal-PAK (12). |
2.37. |
Bħala parti mill-pjan strateġiku tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jintalbu jfasslu taqsima speċifika dwar is-simplifikazzjoni u kif dawn jipproponu li jnaqqsu l-piż burokratiku fuq il-bdiewa u jiddeskrivu kif huwa differenti mir-reġim attwali. |
Tiġdid ġenerazzjonali
2.38. |
Il-KESE jilqa’ l-enfasi akbar fuq it-tiġdid ġenerazzjonali u l-appoġġ addizzjonali propost għal bdiewa żgħażagħ, li jirrikjedu aċċess eħfef għall-art, għat-taħriġ u għall-finanzi. Iridu jingħataw inċentivi lill-bdiewa li jirtiraw u jittrasferixxu l-proprjetà tagħhom lil bidwi żagħżugħ. |
3. Proposti speċifiċi mill-KESE
Bdiewa ġenwini
3.1. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li permezz tiegħu, il-pagamenti diretti jenħtieġ li jingħataw biss lil bdiewa ġenwini. Is-sjieda tal-art waħedha ma għandhiex tikkwalifika persuna biex tirċievi pagamenti diretti, jekk dawn ma jkunux qed iwettqu attivitajiet relatati mal-biedja. Madankollu, din is-sitwazzjoni, billi taffettwa kważi lill-azjendi agrikoli kollha fl-UE, trid tiġi rikonoxxuta. |
3.2. |
Il-KESE huwa tal-opinjoni li definizzjonijiet vitali bħal bdiewa ġenwini u kriterji tal-eliġibbiltà jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar, robust, unifikat fil-livell tal-UE sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, biex jiġi impedut il-vantaġġ/l-iżvantaġġ kompetittiv u jiġi impedut kwalunkwe indeboliment tar-regoli komuni. |
3.3. |
Barra milli teżamina t-testijiet dwar l-introjtu u l-inputs tax-xogħol fuq l-azjenda agrikola kif propost, id-definizzjoni ta’ bidwi ġenwin jenħtieġ li titwessa’ biex tinkludi kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħall-introjtu, l-assi, l-input tal-ħin, l-output u l-kriterji tal-edukazzjoni fost l-oħrajn. F’konformità mal-iskambji reċenti introdotti fir-Regolament Omnibus, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-flessibbiltà sabiex jindirizzaw aħjar l-eliġibbiltà tal-appoġġ. Għaldaqstant għandu jkun possibbli li jitfassal qafas komuni filwaqt li titħalla l-possibbiltà għall-adattament tad-definizzjoni għall-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet reali tal-Istati Membri. |
Bdiewa żgħażagħ
3.4. |
Il-KESE jipproponi li d-definizzjoni ta’ bidwi żagħżugħ tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti jmorru biss għand bdiewa żgħażagħ ġenwini. L-appoġġ għall-inkorporazzjoni ta’ dawk ġodda jenħtieġ li tkun miżura ta’ prijorità fil-Pilastru II. |
Objettivi ġenerali
3.5. |
Il-KESE jixtieq jirrimarka li mhuwiex possibbli li jintlaħqu l-objettivi ġenerali fir-rigward ta’ agrikoltura intelliġenti, reżiljenti u diversifikata, is-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien għall-ambjent u l-azzjoni klimatika u t-tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali mingħajr ma qabelxejn ikollna settur tal-biedja ekonomikament sostenibbli. Il-kisba ta’ settur tal-biedja ekonomikament sostenibbli trid tkun objettiv ġenerali tal-PAK. |
Objettivi speċifiċi
3.6. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-disa’ objettivi speċifiċi tal-PAK stabbiliti fil-proposti leġislattivi. Madankollu, il-KESE jipproponi li t-taqsima (f) tinkludi l-objettiv addizzjonali li jiġi evitat l-abbandun tal-art u li l-art agrikola tiġi protetta mit-teħid għal użu ieħor. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li żvilupp territorjali bbilanċjat jenħtieġ li jkun parti mill-objettivi speċifiċi. Il-KESE jappella wkoll biex l-objettiv 6(1)(b) biex tiżdied il-kompetittività jinkiteb mill-ġdid kif ġej, sabiex ikun iktar inklużiv: “tiżdied il-vijabilità tal-azjendi agrikoli fis-swieq lokali, nazzjonali u internazzjonali”. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġi enfasizzat l-għan li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġi inkluż l-iżvilupp ta’ infrastruttura soċjali bħala objettiv speċifiku. |
Indikaturi
3.7. |
Il-KESE jqis li l-proposta għall-introduzzjoni ta’ indikaturi biex jitkejjel l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti bi stadji importanti u b’miri kkwantifikati skont kriterji dettaljati stabbiliti fl-Anness I (13) jenħtieġ li tapplika fil-livell nazzjonali biss u ma tridx iżżid il-piż burokratiku fuq il-bdiewa. L-indikaturi l-ġodda tal-PAK jridu jkunu sempliċi, realistiċi, faċilment kwantifikabbli, kontrollabbli u applikabbli għal realtajiet lokali. Għandhom ikunu marbuta direttament mal-objettivi definiti tal-PAK. |
KAAT
3.8. |
Il-KESE jipproponi li, fil-kuntest taż-żamma tal-art fil-KAAT, jenħtieġ li jitqies l-istabbiliment ta’ rata tal-irjus minima u massima għall-bwar. |
Servizzi konsultattivi għall-azjendi agrikoli
3.9. |
Appoġġ u żvilupp ulterjuri tal-AKIS, inklużi servizzi ta’ konsulenza, skambju ta’ għarfien u taħriġ vokazzjonali, huma importanti biex jgħinu lill-bdiewa fl-adozzjoni tal-innovazzjonijiet u teknoloġiji ġodda li konsegwentement itejbu l-kompetittivià u s-sostenibbiltà tagħhom. Kwalunkwe inizjattiva tal-UE fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza, is-sistemi ta’ innovazzjonijiet iridu jibnu fuq oħrajn eżistenti fil-livell tal-Istat Membru u jiffukaw fuq l-implimentazzjoni ta’ valur miżjud. Peress li l-baġit tal-PAK jinsab taħt pressjoni, il-proposti leġislattivi jenħtieġ li jagħmluha ċara li ma jista’ jkun hemm l-ebda rilaxx ta’ pagamenti diretti lil professjonisti li ma jwettqux attivitajiet relatati mal-biedja bħal servizzi konsultattivi. |
Pagamenti diretti
3.10. |
Il-KESE jirrikonoxxi u jappoġġja bis-sħiħ l-importanza vitali tal-pagamenti diretti tal-Pilastru I tal-PAK fl-appoġġ għall-introjti tal-azjendi agrikoli. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-pagamenti tal-Pilastru I tal-PAK iridu jkunu protetti bis-sħiħ u kwalunkwe aġġustament fl-appoġġ il-ġdid għal introjtu bażiku jrid jinżamm għal minimu assolut. |
L-iffissar ta’ limitu massimu u t-tnaqqis fil-pagamenti
3.11. |
Il-Kummissjoni fil-proposta tagħha tipprovdi għal żewġ forom differenti ta’ pagamenti diretti, speċifikament erba’ pagamenti diżakkoppjati u diversi pagamenti akkoppjati. |
3.12. |
Fir-rigward ta’ pagamenti diżakkoppjati, il-KESE stqarr b’mod ċar fl-opinjonijiet tiegħu li “Il-pagamenti diretti tal-Pilastru 1 għandhom jiġu limitati għal livell ġust u raġonevoli għal bdiewa individwali (eż. ugwali għal paga komparabbli ta’ ħaddiem kwalifikat). Għandhom ikunu possibbli aġġustamenti u għandhom jiġu kkunsidrati s-sħubijiet, il-kooperattivi, il-kumpaniji u l-għadd ta’ impjegati koperti mis-sigurtà soċjali” (14). |
3.13. |
Huwa rrakkomandat ukoll li ma jiġi applikat il-limitu massimu għal pagamenti li jippremjaw is-servizzi pubbliċi, speċjalment pagamenti fil-qasam tal-ambjent u l-klima, li għalih huwa talab li jkun hemm komponent b’inċentiv ċar. |
3.14. |
Il-Kumitat jesprimi ruħu favur ukoll primjum ogħla għall-art bil-ħaxix. |
3.15. |
Il-KESE jilqa’ fil-prinċipju l-inklużjoni ta’ salarji f’konformità mal-Artikolu 15(2)(a) u (b), iżda ma jqisx li din għandha tkun bir-rata ta’ 100 %. Mhuwiex ġustifikabbli għall-baġits pubbliċi li jiġu finanzjati b’mod sħiħ is-salarji u taxxi relatati ta’ grupp professjonali speċifiku u anke li xogħol bla ħlas ikun inkluż għal kollox fil-kalkolu. Rata massima ta’ inqas minn 100 % għandha tiġi mfassla mill-UE. |
Konverġenza tal-pagamenti
3.16. |
Il-KESE jappoġġja l-proposti dwar il-konverġenza esterna għall-armonizzazzjoni kontinwata tal-livell ta’ appoġġ għal pagament dirett bejn l-Istati Membri. Il-proposta timmira li tagħlaq 50 % tal-lakuna eżistenti bejn il-livell ta’ pagament dirett medju attwali tal-Istati Membri u d-90 % tal-medja ta’ pagamenti diretti tal-UE mill-2021 sal-2027. Madankollu, permezz ta’ baħit adegwat għall-PAK, il-proposti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu iktar ambizzjużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri bil-livell l-iktar baxx ta’ għajnuna. Il-Kumitat huwa tal-fehma li fi tmiem il-perjodu baġitarju li jmiss, il-livell tal-pagament dirett għandu jkun mill-inqas 85 % tal-medja tal-UE. |
3.17. |
It-tnaqqis tal-intitolamenti tal-pagamenti huwa approċċ primittiv ħafna u jonqos milli jqis kwalunkwe kriterju oġġettiv bħal-livell ta’ investiment li sar fl-azjenda agrikola, it-tip ta’ sistema tal-biedja, il-livell tal-introjtu, ir-rekwiżit tax-xogħol, il-vijabbiltà futura tal-azjenda agrikola u kemm l-azjenda agrikola tista’ tiddependi fuq il-pagamenti diretti u l-impenn tal-bidwi. |
3.18. |
Sabiex il-bdiewa jibbenefikaw mill-kriterji ta’ konverġenza biex sal-2026 jgħollu l-intitolamenti ta’ pagament minimu sa 75 % tal-medja, dawn jenħtieġ li jintalbu jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi. |
Riżerva nazzjonali
3.19. |
Il-KESE jappoġġja l-kunċett ta’ riżerva nazzjonali għall-bdiewa żgħażagħ ġodda u għal min jidħol ġdid għall-ewwel darba. Madankollu, il-kriterji għall-allokazzjoni mir-riżerva nazzjonali jridu jkunu tali li ma jsirx abbuż mill-allokazzjoni tal-intitolamenti u l-intitolamenti jiġu allokati biss lil bdiewa ġenwini abbażi ta’ kriterji oġġettivi ċari, bħall-età, l-introjtu, l-edukazzjoni, l-input u l-output tal-ħin. |
3.20. |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jsir obbligatorju li kwalunkwe intitolament allokat mir-riżerva nazzjonali jiġi attivat u jintuża mill-benefiċjarju għal perjodu minimu stabbilit mill-Istat Membru, u ma għandux ikun possibbli għall-benefiċjarji tar-riżerva nazzjonali li jbigħu intitolamenti allokati qabel dan il-perjodu ta’ 10 snin. |
Appoġġ għall-introjtu ridistributtiv komplementarju
3.21. |
Filwaqt li l-appoġġ għall-introjtu ridistributtiv kellu riżultati tajbin ħafna f’xi pajjiżi, f’kuntesti oħrajn se jkompli jnaqqas il-livell ta’ pagamenti diretti u l-introjti għall-bdiewa li jiddependu l-aktar fuq il-pagamenti diretti għall-introjtu tagħhom, li ħafna minnhom huma bdiewa full-time, u jittrasferixxu pagamenti lil bdiewa part-time u lil bdiewa li jiddependu anqas fuq il-pagamenti diretti għall-introjtu kollu tagħhom. |
3.22. |
Il-proposti jenfasizzaw l-importanza ta’ pagamenti diretti fir-rigward tal-introjti tal-azjendi agrikoli u jagħmluha ċara li l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ appoġġ u, b’hekk, ta’ livell xieraq ta’ introjtu tal-azjendi agrikoli, jibqa’ element ewlieni għall-ġejjieni sabiex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel, l-ambizzjoni ambjentali u klimatika, kif ukoll il-vitalità rurali. Madankollu, il-KESE jirrimarka li kwalunkwe għażla li għandha effett ridistributtiv sinifikanti tal-pagamenti diretti lejn l-azjendi agrikoli u r-reġjuni b’inqas produttività, fuq perjodu qasir ta’ żmien se twassal għal tnaqqis fil-kompetittività tal-UE (15) fis-swieq internazzjonali; fl-istess waqt, dan għandu jaqbel iktar mal-aspettattivi tal-konsumaturi u ċ-ċittadini fir-rigward l-orjenatament tal-PAK iktar lejn il-ħtiġijiet tas-suq intern. |
3.23. |
Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-pagament ridistributtiv komplementarjum fil-każ li jiġi applikat, jenħtieġ li jiġi ffinanzjat biss mill-fondi rilaxxati mill-iffissar ta’ limitu massimu u, sabiex jitnaqqsu d-distakki kbar li jeżistu fis-settur, dan jiġi mmirat u dirett lejn il-bdiewa li fil-biċċa l-kbira huma dipendenti fuq il-biedja għall-introjtu tagħhom. |
Appoġġ għall-introjtu komplementarju għall-bdiewa żgħażagħ
3.24. |
Il-KESE jappoġġja l-proposta għal appoġġ tad-dħul komplimentari għall-bdiewa żgħażagħ. Sabiex ikun aċċertat li dan ma jagħmilx ħsara lill-bdiewa ġenwini, iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti sabiex jiġu evitati allokazzjonijiet finanzjarji li ma jwasslux għal involviment ġenwin fl-attività tal-biedja. |
Skema volontarja għall-klima u għall-ambjent (“ekoskema”)
3.25. |
Il-KESE jinnota l-introduzzjoni ta’ ekoskema volontarja għall-klima u għall-ambjent fil-livell tal-azjenda agrikola fil-Pilastru I. Madankollu, huwa importanti li l-“ekoskema” proposta fil-Pilastru I jenħtieġ li ma tiskoraġġixxix jew timmina lill-bdiewa milli japplikaw u jipparteċipaw fi skema ambjentali u tat-tibdil fil-klima importanti fil-Pilastru II. |
3.26. |
Jenħtieġ li jkun hemm provvediment biex ikun permess pagament għall-bwar għall-produzzjoni tal-bhejjem b’rata tal-irjus minima u massima taħt din il-miżura. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm ukoll provvediment għall-pagamenti tal-benessri tal-annimali abbażi ta’ kull annimal, kif inhu bħalissa l-każ b’din it-tip ta’ skema. |
Pagamenti akkoppjati
3.27. |
Il-pagamenti akkoppjati għandhom rwol importanti ħafna billi jipproteġu lil setturi vulnerabbli u żoni vulnerabbli. Pagamenti akkoppjati jistgħu jipprovdu pagamenti diretti immirati u ta’ livell ogħla lil setturi ta’ introjtu baxx bħall-biedja estensiva tan-nagħaġ jew tal-baqar li jreddgħu, il-biedja tal-prodotti tar-raba’ li fihom il-proteini jew tal-bhejjem, fejn iż-żamma tal-bhejjem hija essenzjali għall-bilanċ tal-ekosistema. L-għażla ta’ pagamenti akkoppjati għandi tkompli tiġi ristretta b’mod ġenerali, iżda għandha tkun disponibbli sabiex tgħin tipprevjeni l-abbandun tal-art u tippromovi u tħeġġeġ l-ekonomija tal-biedja tar-ragħa (16). |
Żvilupp rurali
3.28. |
Il-KESE jappoġġja t-tmien interventi wesgħin tal-UE taħt l-iżvilupp rurali. Kif issemma qabel, il-KESE huwa kontra t-tnaqqis kollu propost għall-finanzjament tal-Pilastru II, billi jaffettwa b’mod mhux proporzjonali xi Stati Membri u jqajjem dubji dwar l-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u kompetittiv tal-agrikoltura. |
3.29. |
Il-KESE jqis li, f’konformità mal-PAK attwali, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għal interventi speċifiċi tat-trattament xieraq tal-annimali taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali u li din għandha tiġi inkluża taħt wieħed mill-interventi wesgħin. |
3.30. |
Il-KESE jipproponi li, sabiex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni tal-bdiewa, jenħtieġ li jiġi allokat sehem akbar tal-pagament għall-ispejjeż tat-tranżizzjoni jew għall-inċentivi. |
3.31. |
Il-KESE jqis li l-impenji ambjentali, klimatiċi u impenji oħra ta’ ġestjoni jenħtieġ li jitqiesu għal perjodu itwal minn seba’ snin sakemm anke l-finanzjament ta’ dawk l-impenji jkun garantit kif meħtieġ. |
3.32. |
Il-KESE jqis li l-pagamenti ANC (17) jenħtieġ li jkunu obbligatorji fiż-żoni rilevanti sabiex jiġi evitat l-abbandun tal-art fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-miżuri jenħtieġ li jinkorporaw miżuri ta’ rata tal-irjus minima u massima u jispeċifikaw medda ta’ perjodu ta’ żmien li l-annimali għandhom iqattgħu jirgħu. Il-pagamenti ANC jenħtieġ li jitħallew jikkwalifikaw bħala parti mill-infiq ambjentali taħt il-Pilastru II. |
3.33. |
Skont il-proposti dwar il-limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi għaż-żona, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ ebda restrizzjoni mingħajr kumpens. Sabiex jinbiddlu l-prattiki, huwa importanti ħafna li l-kumpens jiġi kkalkolat għat-telf kollu u li jitħallsu inċentivi xierqa. |
3.34. |
Il-KESE jiffavorixxi lista pożittiva ta’ proposti ta’ investiment għall-kuntrarju ta’ lista negattiva. |
3.35. |
Il-KESE jqis li l-proposti dwar l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jkunu volontarji għall-kuntrarju tal-livell tal-Istati Membri fejn dawn huma obbligatorji. B’mod ġenerali, il-KESE jemmen li l-aħjar protezzjoni kontra l-volatilità tal-introjtu hija pagamenti diretti b’saħħithom tal-Pilastru I, u li dawn ma għandhom bl-ebda mod jiġu eliminati sabiex il-fondi jiġu ttrasferiti lejn skemi ta’ assigurazzjoni jew fondi mutwi. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li kwalunkwe finanzjament għall-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li jkun speċifiku għas-settur. |
3.36. |
Il-KESE jilqa’ l-flessibbiltà u l-firxa ta’ appoġġ ġodda deskritti taħt l-istrumenti finanzjarji. |
Riżerva għall-kriżijiet
3.37. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal fond ta’ riżerva tal-kriżijiet permanenti effettiv u ffinanzjat b’mod xieraq. Il-KESE jipproponi li l-finanzjament għar-riżerva għall-kriżijiet jenħtieġ li jiġi pprovdut minn element ġdid ta’ nefqa, barra mill-baġit tal-PAK u għalhekk ma jistax jinvolvi xi tnaqqis fil-pagamenti diretti lill-bdiewa. Taħt il-leġislazzjoni attwali tal-PAK, fondi mhux użati mir-riżerva għall-kriżijiet tal-2020 jridu jingħataw lura lill-bdiewa fl-2021. |
Organizzazzjoni Komuni tas-Suq
3.38. |
Il-proposti leġislattivi jħallu l-OKS prinċipalment l-istess, filwaqt li jinvolvu xibka ta’ sikurezza ta’ intervent pubbliku u ħżin privat u miżuri eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-OKS tipprevedi standards tal-kummerċjalizzazzjoni u regoli dwar il-kooperazzjoni tal-bdiewa. Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li ssaħħaħ iktar ir-regolazzjoni tas-suq sabiex tiżgura dħul aħjar. |
3.39. |
Il-KESE jqis li l-proposti jenħtieġ li jeżaminaw u jistabbilixxu mill-ġdid il-prezzijiet ta’ referenza, b’kont meħud tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni, u jiskattaw livelli għall-introduzzjoni tal-appoġġ għas-suq f’livelli aktar prattiċi, bl-għan li jiġi pprovdut appoġġ għas-suq aktar realistiku u utli meta meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq strumenti ta’ ġestjoni tas-suq, b’mod partikolari billi tillimita fluttwazzjonjiet fil-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli, billi jirrappreżentaw is-sors ewlieni ta’ dħul għall-bdiewa. |
Pagamenti
3.40. |
Il-KESE jipproponi li mis-16 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-pagamenti avvanzati jiżdiedu għal 80 % (attwalment 50 % iżda normalment huma permessi 70 %) għall-pagamenti diretti u għal 90 % (attwalment 75 % iżda normalment huma permessi 85 %) taħt il-miżuri tal-iżvilupp rurali. |
Skedar
3.41. |
L-iskedar tal-ftehim tal-QFP u tal-proposti l-ġodda tal-PAK mhuwiex ċar, b’mod partikolari fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-PE li jmiss. Il-proposta ta’ riforma tintroduċi diversi elementi ġodda bħall-Pjan Strateġiku, komponent bażiku tar-riforma li l-amministrazzjonijiet nazzjonali mhux ħa jsibu faċli biex jimplimentaw, u struttura ġdida tal-PAK li tistabbilixxi ċerti obbligi għall-bdiewa (kundizzjonalità msaħħa ġdida, konformità mal-indikaturi tal-Pjan Strateġiku, eċċ.) li se jesiġu ċertu perjodu ta’ żmien biex ikunu adottati u implimentati mill-bdiewa nfushom. Il-KESE jirrakkomanda ftehim bikri dwar il-QFP qabel l-elezzjonijiet tal-PE f’Mejju 2019 u ftehim f’waqtu dwar il-futur tal-PAK sabiex il-bdiewa u s-settur tal-agrikoltura jkunu jistgħu jippjanaw kif xieraq għall-futur b’ċertezza. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi adottat minn ħafna qabel perjodu tranżitorju xieraq ibbażat fuq is-sistema ta’ appoġġ attwali għal kwalunkwe perjodu ta’ wara l-2020 qabel ma l-arranġamenti ġodda jidħlu fis-seħħ. |
Il-katina alimentari
3.42. |
Il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tiġi żviluppata politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE (18). Il-KESE, b’mod partikolari, jiltqa’ l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol imprtanti tal-PAK fil-promozzjoni ta’ dieti aktar sani, li tagħmel prodotti tal-ikel nutrittivi bħall-frott u l-ħxejjex disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. Proposti konkreti u rakkomandazzjonijiet dwar dan se jsiru f’opinjoni fuq inizjattiva proprja li għadha għaddejja. Il-KESE jilqa’ l-proposti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Iż-żieda fit-trasparenza tal-prezz tas-suq hija essenzjali f’kull livell mid-dritt tal-konsumaturi sal-produttur primarju. Barra minn hekk, jenħtieġ li jingħataw inċentivi u appoġġ akbar lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. |
Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Eurostat — il-popolazzjoni tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2017.
(2) Opinjoni tal-KESE — Tfassil mill-ġdid possibbli tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU C 288 31.8.2017, p. 10).
(3) Preżentazzjoni minn R. Ramon Sumoy, DĠ Agri, Unità C.1, lill-grupp ta’ studju tal-KESE fil-25 ta’ Ġunju 2018.
(4) ĠU C 354, 28.12.2010, p.35.
(5) ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69, Taqsimiet 10.2/10.3/10.4.
(6) Dokument ta’ ħidma tal-UE dwar It-tqabbil tal-proposti dwar il-QFP 2021-2027 u l-QFP 2014-2020.
(7) ĠU C 283, 10.08.2018, p. 69 Taqsima 7.13.
(8) COM(2018) 392 final, l-Artikolu 5 — Objettivi ġenerali, p. 41.
(9) COM(2018) 392 final, Anness 3 — Regoli dwar il-kondizzjonalità skont l-Artikolu 11.
(10) COM(2018) 392 final, p. 3.
(11) ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69, Taqsima 1.9/6.4.
(12) Programmi tal-Pilastru II tal-PAK — Evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-iżvilupp rurali għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013.
(13) COM(2018) 392, Anness I — Indikaturi tal-impatt, tar-riżultat u tal-output skont l-Artikolu 7.
(14) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 10 u ĠU C 283, 10.8.2018, p. 69.
(15) COM(2018) 392 final, p. 7.
(16) Il-Pjan Direzzjonali ta' Politika għas-Settur tal-laħam tan-Nagħaġ tal-UE — Rakkomandazzjonijiet mill-Forum tal-UE dwar il-Laħam tan-Nagħaġ, ippresedut minn John Bryan.
(17) Żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali jew oħrajn speċifiċi.