EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0127

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Settembru 2015.
Andrejs Surmačs vs Finanšu un kapitāla tirgus komisija.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Augstākās tiesas Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 94/19/KE — Punt 7 tal-Anness I — Skema ta’ garanzija għal depożiti — Esklużjoni ta’ ċerti depożitaturi mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti — Esklużjoni ta’ ‘amministratur’.
Kawża C-127/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:522

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 94/19/KE — Punt 7 tal-Anness I — Skema ta’ garanzija għal depożiti — Esklużjoni ta’ ċerti depożitaturi mill-iskema ta’ garanzija għal depożiti — Esklużjoni ta’ ‘amministratur’”

Fil-Kawża C‑127/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā Tiesa (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Andrejs Surmačs

vs

Finanšu un kapitāla tirgus komisija,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Surmačs, minnu stess,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u L. Skolmeistare, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU L 68, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/19”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Surmačs u l-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (Kummissjoni tal-Finanzi u tas-Suq tal-Kapital, iktar ’il quddiem il-“FKTK”), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirrikonoxxi lil A. Surmačs bħala depożitatur li għandu dritt għall-garanzija prevista bid-Direttiva 94/19.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 94/19 tħassret bid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, p. 149). Billi dan it-tħassir daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva 94/14 tibqa’ applikabbli għall-kawża prinċipali.

4

L-ewwel, is-sittax u t-tmintax-il premessa tad-Direttiva 94/19 kienu jistipulaw:

“Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat, żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Kommunità kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu;

[...]

Billi, minn naħa waħda, il-livell minimu ta’ garanzija preskritt f’din id-Direttiva m’għandux iħalli proporzjon kbir ta’ depożiti mingħajr protezzjoni fl-interess kemm tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja; billi, minn-naħa l-oħra, ma jkunx xieraq li jkun imponut matul il-Komunità kollha livell ta’ protezzjoni li jista f’ċerti każi li jkollu l-effett li jinkoraġixxi amministrazzjoni mhix soda ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu; billi l-ispiża għal fondi ta’ din l-iskema għandha tkun ikkunsidrata; billi għandu jidher raġjonevoli li jkun eżiġit livell minimu ta’ garanzija armonizzata fi [EUR] 20000; billi arranġamenti tranżizzjonali illimitati jistgħu ikunu meħtieġa biex jiffaċilitaw li skemi jkunu konformi ma dik il-figura;

[...]

Billi Stat Membru għandu jkun jista’ jeskludi ċerti kategoriji ta’ depożiti jew depożitaturi speċifikament imniżla, jekk huma ma jħossux li dawn ikunu jeħtieġu protezzjoni speċjali, mill-garanzija mogħtija bi skemi ta’ garanzija ta’ depożiti;

[...]”

5

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/19:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. [...]”

6

L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[...]

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċerti depożitaturi jew depożiti għandhom ikunu esklużi mill-garanzija jew għandhom jingħataw livell anqas ta’ garanzija. Dawk l-esklużjonijiet huma mniżżla fl-Anness I.”

7

L-Anness I tal-imsemmija direttiva kien jelenka l-lista tal-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2) tagħha. Fost id-depożiti li għaldaqstant setgħu jiġu esklużi mill-garanzija kien hemm, fil-punt 7 ta’ dan l-Anness, dawk tad-“diretturi, l-amministraturi, membri li jkunu personalment responsabbli, dawk li jkollhom ishma ta’ mill-anqas 5 % tal-kapital ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu, [...] persuni responsabbli biex iwettqu l-awditjar statutorju tad-dokumenti tal-kontijiet ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu u depożitaturi ta’ status simili f’kumpaniji oħra ta’ l-istess grupp”.

8

Bl-istess mod, il-punt 8 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 kien jipprovdi li setgħu jiġu esklużi mill-garanzija d-“depożiti minn qraba fil-qrib u partijiet terzi li jaġixxu f’isem id-depożitaturi li hemm referenza għalihom f’7”.

Id-dritt Latvjan

9

Id-Direttiva 94/19 ġiet trasposta fid-dritt Latvjan permezz tal-Liġi dwar il-garanzija għal depożiti (Noguldījumu garantiju likums). Il-fond ta’ garanzija għal depożiti huwa kkostitwit mill-kontribuzzjonijiet tas-suġġetti msemmija fl-Artikolu 7 tagħha. Skont l-Artikolu 1(7) tal-imsemmija liġi, dan il-fond ta’ garanzija huwa ġestit mill-FKTK.

10

L-Artikolu 17(4) tal-istess liġi jipprovdi li l-imsemmi fond ma huwiex obbligat jiggarantixxi l-ħlas ta’ kumpens fir-rigward tad-“depożiti tal-azzjonisti ta’ istituzzjoni finanzjarja li jkollhom parteċipazzjoni sinjifikattiva fiha, tal-president u tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza jew tal-bord ta’ tmexxija, tad-direttur tad-dipartiment ta’ awditu intern, tal-awditur tal-kumpannija u ta’ impjegati oħra tal-istituzzjoni depożitarja li jwettqu l-ippjanar, it-tmexxija u l-kontroll tan-negozju tagħha u li huma responsabbli għal dan”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-21 ta’ Novembru 2011, il-FKTK adottat id-Deċiżjoni Nru 278, dwar it-tmiem tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji mill-kumpannija Latvijas Krājbanka (iktar ’il quddiem il-“bank”). F’din id-data, A. Surmačs kellu, fi ħdan il-Bank, il-pożizzjoni ta’ Viċi President inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ dritt internazzjonali u finanzjarju. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Surmačs kien jaqa’ direttament taħt il-president tal-bord tad-diretturi u li hu stess kien membru ta’ dan il-korp qabel ma sar Viċi President, kariga li huwa kellu fid-data ta’ din id-deċiżjoni tal-FKTK.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Jannar 2012, il-FKTK ikkonstatat li, minħabba l-kariga li huwa kellu fi ħdan il-bank, A. Surmačs ma setax jitqies li huwa depożitatur kopert mill-garanzija prevista bil-Liġi dwar il-garanzija għal depożiti. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 17(4) tal-imsemmija liġi li, skontha, din il-garanzija ma tistax tibbenefika lil impjegat tal-istituzzjoni finanzjarja responsabbli mill-ippjanar, mit-tmexxija u mill-kontroll tal-attività ta’ din tal-aħħar.

13

Filwaqt li kkontesta l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni tal-FKTK għar-raġuni li l-kariga li huwa kien jokkupa fi ħdan il-bank fil-verità kienet waħda onorarja, mingħajr ebda setgħa deċiżjonali, A. Surmačs adixxa lill-Administratīvā apgabaltiesa (Qorti amministrattiva reġjonali) b’rikors li hija ċaħdet permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2013.

14

A. Surmačs appella fil-kassazzjoni, mid-deċiżjoni tal-Administratīvā apgabaltiesa, quddiem il-qorti tar-rinviju billi essenzjalment sostna li evalwazzjoni konkreta tal-obbligi, tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet marbuta mal-kariga ta’ Viċi President kienet tippermetti li jiġi stabbilit li hu la kellu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti u lanqas dik li jinfluwenza l-attività tal-bank. Barra minn hekk, skont A. Surmačs, l-Administratīvā apgabaltiesa applikat il-Liġi dwar il-garanzija għal depożiti mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7(2) u l-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19.

15

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-FKTK issostni li l-funzjoni li kien jeżerċita A. Surmačs fi ħdan il-bank fiż-żmien tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 17(4) tal-Liġi dwar il-garanzija għal depożiti u li huwa kellu jitqies li huwa “amministratur” fis-sens tal-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19. Barra minn hekk, skont il-FKTK, għall-finijiet tal-esklużjoni tal-garanzija għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss is-setgħat mogħtija formalment lil A. Surmačs, iżda anki l-influwenza li huwa seta’ jeżerċita, b’mod informali, fuq l-attivitajiet tal-bank.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Augstākā Tiesa (Il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva [94/19/KE] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanziji għal depożiti għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista tiegħu tal-persuni li għandhom jiġi rikonoxxuti bħala persuni marbuta mal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni li fir-rigward tagħhom għandu jiġi miċħud id-dritt għal kumpens hija eżawrjenti?

2)

Il-persuna li, skont id-deskrizzjoni tal-post [tal-kariga], għandha d-dritt li tippjana, tikkoordina u tissorvelja parti mill-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-eżekuzzjoni ta’ funzjoni, u mhux l-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu fl-intier tagħha, iżda li madankollu ma għandhiex il-possibbiltà li tagħti istruzzjonijiet jew li tieħu deċiżjonijiet li jorbtu lil persuni oħra, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala amministratur tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew bħala persuna oħra msemmija fil-punt 7 tal-Anness I tad-direttiva? Il-kontenut tal-parti tal-attività speċifika jew tal-funzjoni partikolari tal-istituzzjoni ta’ kreditu huwa rilevanti għal dan l-għan?

3)

Il-punt 7 tal-Anness I tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-ħlas tal-kumpens garantit lil persuna li, skont l-obbligi u d-drittijiet indikati fid-deskrizzjoni tal-post [kariga], ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala amministratur, iżda li kellha fil-fatt influwenza sinjifikattiva fuq id-deċiżjonijiet importanti tal-amministraturi jew tal-membri personalment responsabbli għall-istituzzjoni ta’ kreditu? F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-influwenza [purament] informali li tirriżulta mill-awtorità tal-persuna, mill-kapaċità tagħha u mill-konoxxenzi tagħha marbuta mal-attività tal-istituzzjoni ta’ kreditu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-depożiti esklużi taħt il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 humiex elenkati fih b’mod eżawrjenti, b’mod li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, kategoriji oħra ta’ depożitaturi li għalihom tkun applikabbli l-esklużjoni mill-garanzija tad-depożiti.

18

Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li t-tmintax-il premessa tad-Direttiva 94/19 tipprevedi li ċerti kategoriji ta’ depożiti jew ta’ depożitaturi jistgħu jiġu esklużi mill-iskema ta’ garanzija. Skont din il-premessa, tali depożiti jew depożitaturi għandhom ikunu elenkati b’mod limitat.

19

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 94/19 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeskludu mill-garanzija jew sabiex jingħata livell inqas ta’ garanzija lil ċerti kategoriji ta’ depożitaturi jew ċerti tipi ta’ depożiti u jippreċiża li l-lista ta’ dawn l-esklużjonijiet tinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Issa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-imsemmi elenkar huwa ta’ natura indikattiva u lanqas ma jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jestendu l-kategoriji ta’ depożiti u ta’ depożitaturi previsti fl-Anness I.

20

Sussegwentement għandu jitfakkar li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha tal-4 ta’ Ġunju 1992 [COM(92) 188 finali, ĠU C 163, p. 6], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 94/19, il-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar, fil-paġna 18 ta’ din l-espożizzjoni, li l-lista tal-eċċezzjonijiet għall-iskema ta’ garanzija previsti fl-Anness I “hija limitattiva u l-Istati Membru jistgħu jeskludu mill-garanzija biss lill-istituzzjonijiet u l-persuni msemmija hemmhekk”, u kull esklużjoni oħra tkun kuntrarja għad-Direttiva.

21

Fl-aħħar nett, mill-ewwel premessa tad-Direttiva 94/19 jirriżulta li din tfittex għan doppju li tiggarantixxi lil dawk li jfaddlu fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tad-depożiti fdati lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li ssaħħaħ l-istabbiltà tas-sistema bankarja.

22

Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-introduzzjoni, fit-territorju tagħhom, ta’ waħda jew ta’ iktar skemi ta’ garanzija għal depożiti. Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, dawn l-iskemi għandhom jiżguraw livell minimu ta’ kopertura, għal kull depożitatur, ta’ EUR 50000.

23

B’deroga minn din ir-regola, l-Artikolu 7(2) u l-Anness I tad-Direttiva 94/19 jawtorizzaw lill-Istati Membri sabiex jeskludu mill-garanzija ċerti depożiti jew depożitaturi.

24

Peress li l-kategoriji previsti fl-Anness I tad-Direttiva 94/19 jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, huma għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40).

25

Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kategoriji li għalihom jagħmel riferiment il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 sabiex jiġu ddeterminati d-depożiti jew id-depożitaturi esklużi mill-garanzija għandhom jiġu ddefiniti minn perspettiva funzjonali. Konsegwentement, l-esklużjoni mill-garanzija għal depożiti tapplika għall-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali u tal-prattika kummerċjali tal-Istat Membru, jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċetti msemmija fl-imsemmi punt ta’ dan l-Anness, ikun x’ikun l-isem innifsu tal-funzjonijiet hekk eżerċitati, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-depożiti esklużi taħt il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 huma elenkati hemmhekk b’mod eżawrjenti, b’mod li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, kategoriji oħra ta’ depożitaturi li mill-perspettiva tal-funzjonijiet eżerċitati ma jaqgħux taħt il-kunċetti elenkati minn dan l-istess punt, sabiex fir-rigward tagħhom japplikaw l-esklużjoni mill-garanzija għal depożiti.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

27

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membri jistgħu jeskludu mill-garanzija prevista b’din id-direttiva, bħala amministratur jew persuna li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji l-oħra msemmija fl-imsemmi punt 7, ċerti persuni minħabba l-funzjoni miżmuma fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, bħal dik li kien jokkupa r-rikorrent fil-kawża prinċipali.

28

F’dan ir-rigward, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza Rosselle, C‑65/14, EU:C:2015:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ wkoll jipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50).

29

Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, waħdu, il-kontenut litterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma jippermettix li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kulma jagħmel il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 huwa sempliċement li jelenka l-kategoriji ta’ depożitaturi li jistgħu jiġu esklużi mill-garanzija, mingħajr ma jagħti indikazzjonijiet addizzjonali dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija esklużjonijiet jew ir-rwoli u l-funzjonijiet li dawn id-depożitaturi huma mistennija jeżerċitaw sabiex jaqgħu taħt l-esklużjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni. Tali preċiżazzjonijiet lanqas ma jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 94/19.

30

Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-għanijiet tad-Direttiva 94/19 għandu jitfakkar li din il-leġiżlazzjoni hija intiża, b’mod partikolari, skont l-ewwel premessa tagħha, li tipproteġi lil dawk li jfaddlu fir-relazzjonijiet ġuridiċi tagħhom mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fatt, billi fil-parti l-kbira tal-każijiet ma jkollhomx l-informazzjoni jew il-kompetenzi neċessarji sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni finanzjarja reali tal-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha għandhom x’jaqsmu, ma jkunx possibbli għal dawk li jfaddlu li jevalwaw ir-riskji ta’ insolvenza ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

31

F’dan ir-rigward, it-tmintax-il premessa tad-Direttiva 94/19 tipprovdi li huma biss id-depożitaturi li “[ma jeħtiġux] protezzjoni speċjali” li jistgħu jiġu esklużi mill-garanzija mill-Istati Membri.

32

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-oriġini tad-Direttiva 94/19, għandu jitfakkar li l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni [COM (92) 188 finali] tistipula, minn naħa, fil-paġna 2, li din id-direttiva hija intiża li tipproteġi lid-depożitaturi “li għandhom ftit wisq għarfien finanzjarju sabiex jiddistingwu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbli minn dawk li huma inqas stabbli” u, min-naħa l-oħra, fil-paġna 18, li wħud mid-depożitaturi li jidhru fl-Anness I jistgħu jiġu esklużi mill-garanzija għaliex huma “diffiċilment jistgħu jitqiesu bħala denji ta’ protezzjoni, u dan minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tagħhom jew minħabba d-dgħufija tagħhom fuq il-pjan ekonomiku”. Għaldaqstant, isir riferiment manifest għall-persuni msemmija fil-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19.

33

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-esklużjoni fakultattiva tad-depożitaturi elenkati fl-imsemmi punt tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 tibbaża ruħha fuq il-premessa li dawn il-persuni, fil-prinċipju, għandhom livell ta’ kompetenzi u ta’ informazzjoni dwar l-istituzzjoni ta’ kreditu li magħha jafdaw id-depożiti tagħhom li l-parti l-kbira tad-depożitaturi ma għandhomx. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-persuni li jidħlu f’waħda mill-kategoriji elenkati fil-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 jistgħu, skont din id-dispożizzjoni, jiġu esklużi mill-garanzija sa fejn dawn, minħabba l-funzjoni li huma jeżerċitaw fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu jew minħabba r-relazzjoni tagħhom ma’ din tal-aħħar, għandhom livell ta’ informazzjoni u ta’ kompetenzi li jippermettilhom ikunu jafu u jevalwaw is-sitwazzjoni finanzjarja reali u r-riskji assoċjati mal-attivitajiet ta’ din l-istituzzjoni.

34

Tali konstatazzjoni hija kkorroborata mill-eżami ta’ eċċezzjonijiet oħra previsti fl-Anness I tad-Direttiva 94/19. B’hekk, waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni fakultattiva tal-“qraba fil-qrib” u tal-“partijiet terzi li jaġixxu f’isem id-depożitaturi li hemm referenza għalihom f’7” tinsab fil-fatt li dawn is-suġġetti jistgħu jkollhom l-istess informazzjoni bħal dik li għandhom il-persuni elenkati fl-imsemmi punt 7.

35

Fir-rigward tal-eżami ta’ sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-unika kategorija ta’ persuni msemmija fil-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 li dan jista’ jaqa’ taħtha hija dik ta’ “amministratur”.

36

F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ A. Surmačs tista’ tiġi eskluża mill-garanzija prevista bid-Direttiva 94/19 jekk, minħabba l-funzjonijiet eżerċitati, bħala amministratur ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, hija kienet f’pożizzjoni li jkollha livell ta’ informazzjoni u ta’ kompetenzi li jippermettilha tkun taf u tevalwa s-sitwazzjoni finanzjarja reali kif ukoll ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet ta’ din l-istituzzjoni.

37

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fis-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata kellhiex l-informazzjoni u l-kompetenzi msemmija fil-punt 33 tas-sentenza preżenti u kinitx tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza. Għal dan l-għan, l-imsemmija qorti jkollha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tal-kariga miżmuma minn A. Surmačs, l-attivitajiet li huwa eżerċita effettivament kif ukoll ir-relazzjonijiet ġuridiċi u fattwali bejn dan tal-aħħar u l-bord tad-diretturi tal-bank. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni ta’ jekk A. Surmačs kienx responsabbli għall-attivitajiet kollha tal-bank jew sempliċement għal parti minn attività partikolari tiegħu hija biss waħda mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-verifika msemmija iktar ’il fuq.

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-garanzija prevista b’din id-direttiva, bħala amministratur, il-persuni li, minħabba l-kariga miżmuma fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu, għandhom, irrispettivament mill-isem ta’ din il-kariga, livell ta’ informazzjoni u ta’ kompetenzi li jippermettilhom jevalwaw is-sitwazzjoni finanzjarja reali u r-riskji assoċjati mal-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-depożiti esklużi taħt il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, huma elenkati hemmhekk b’mod eżawrjenti, b’mod li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, kategoriji oħra ta’ depożitaturi li mill-perspettiva tal-funzjonijiet eżerċitati ma jaqgħux taħt il-kunċetti elenkati minn dan l-istess punt, sabiex fir-rigward tagħhom japplikaw l-esklużjoni mill-garanzija għal depożiti.

 

2)

Il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-garanzija prevista b’din id-direttiva, bħala amministratur, il-persuni li, minħabba l-kariga miżmuma fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu, għandhom, irrispettivament mill-isem ta’ din il-kariga, livell ta’ informazzjoni u ta’ kompetenzi li jippermettilhom jevalwaw is-sitwazzjoni finanzjarja reali u r-riskji assoċjati mal-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top