EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0515

Kawża C-515/10: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

ĠU C 30, 29.1.2011, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 30/17


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-515/10)

()

2011/C 30/27

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Rozet u A. Marghelis, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura li l-iskart tas-siment tal-asbestos jiġi pproċessat f’miżbli adegwati, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(e), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6(d) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [miżbla] (1) u d-dispożizzjonijiet tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002, li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma artifiċjali [miżbla] skont l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (2)

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq interpretazzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31/KE u, b’mod partikolari, tad-definizzjoni “skart”.

Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li tgħid li l-iskart jista’ jkun kemm skart inerti kif ukoll skart perikoluż. Skont il-Kummissjoni, id-direttiva, bil-kontra, tirrikonoxxi li hemm tliet kategoriji distinti ta’ skart, “perikoluż”, “mhux perikoluż” u “inerti”, li jirrappreżentaw obbligi differenti u distinzjoni preċiża fil-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-iskart differenti fil-miżbli. Għalhekk, l-iskart tas-siment tal-asbestos għandu jitqies bħala “skart perikoluż” skont il-lista ta’ skart stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532/KE (3), kif emendata bid-Deċiżjoni 2001/573/KE (4), u għandhom jittieħdu prekawzjonijiet partikolari sabiex dawn jintremew. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikklassifika l-iskart tas-siment tal-asbestos bħala inerti u li tawtorizza l-aċċettazzjoni tiegħu f’miżbla għall-iskart inerti ma tosservax ir-rekwiżiti tad-direttiva.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 314.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2001, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-lista ta’ skart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 165).


Top