EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0195

Kawża C-195/08 PPU: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal- 11 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas — Ir-Repubblika tal-Litwanja) — Proċeduri mibdija minn Inga Rinau (Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta' sentenzi — Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Talba għal nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza ta' ritorn ta' minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor — Proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza)

ĠU C 223, 30.8.2008, p. 19–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/19


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas — Ir-Repubblika tal-Litwanja) — Proċeduri mibdija minn Inga Rinau

(Kawża C-195/08 PPU) (1)

(Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta' sentenzi - Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Talba għal nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza ta' ritorn ta' minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor - Proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza)

(2008/C 223/30)

Lingwa tal-kawża: Il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Parti fil-kawża prinċipali

Inga Rinau

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Lietuvos Aukščiausiasis Teismas — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 21, 23, 24, 31(1), 40(2) u 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta' Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1) — Talba għal nuqqas ta' rikonoxximent fi Stat Membru A ta' sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Membru B li tordna r-ritorn ta' minuri, meqjus li huwa miżmum illegalment minn ommu fl-Istat Membru A, lil missieru li jirrisjedi fl-Istat Membru B u li lilu ngħatat il-kura u l-kustodja tal-minuri

Dispożittiv

1)

Ladarba sentenza kontra r-ritorn ittieħdet u nġiebet għall-konoxxenza tal-qorti ta' l-oriġini, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, li din is-sentenza tkun ġiet sospiża, inbidlet, ġiet annullata jew, jekk kien il-każ, tkun saret res judicata jew ġiet issostitwita minn sentenza ta' ritorn, sakemm ir-ritorn tal-minuri kien għadu ma seħħx effettivament. Peress li l-awtentiċità ta' l-imsemmi ċertifikat ma kinitx ikkontestata u peress li dan inħareġ skond il-formularju li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness IV ta' l-imsemmi regolament, l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent tas-sentenza ta' ritorn hija pprojbita u l-qorti mitluba tista' biss tikkonstata l-infurzabbiltà tas-sentenza ċċertifikata u tordna r-ritorn immedjat tal-minuri.

2)

B'eċċezzjoni ta' kazijiet fejn il-proċedura tirrigwarda sentenza ċċertifikata skond l-Artikoli 11(8) u 40 sa 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' titlob in-nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza ġudizzjarja, anki jekk ma jkunx ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent tas-sentenza qabel.

3)

L-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fejn dan jipprovdi li la l-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar u lanqas il-minuri ma jistgħu, f'dan l-istadju tal-proċeduri, jippreżentaw osservazzjonijiet, mhuwiex applikabbli għal proċedura ta' nuqqas ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni ġudizzjarja, magħmula mingħajr ma jkun tressaq rikors għal rikonoxximent qabel fir-rigward ta' l-istess deċiżjoni. F'tali sitwazzjoni, il-konvenut, li jkun qed jitlob ir-rikonoxximent, jista' jippreżenta osservazzjonijiet.


(1)  ĠU C 171, 5.7.2008.


Top