EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0494

Kawża C-494/07: Rikors imressaq fit- 12 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 8, 12.1.2008, p. 10–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 8/10


Rikors imressaq fit-12 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-494/07)

(2008/C 8/17)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u D. Recchia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

tikkonstata li billi naqset milli tadotta l-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni korretta fil-liġi nazzjonali ta' l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(4), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13 (flimkien ma' l-Anness IV) tad-Direttiva tal-Kunsill (1) Nru 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha minn dawn id-dispożizzjonijiet;

tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika sabiex tittrasponi d-Direttiva 92/43/KEE.

Dan l-eżami wera li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma ġewx trasposti fit-totalità tagħhom u/jew ma ġewx trasposti b'mod korrett.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-użu fil-leġiżlazzjoni Griega ta' l-espressjoni “λόγοι ουσιώδους δημοσίου συμφέροντος” (“raġunijiet essenzjali ta' interess pubbliku”), minflok l-espressjoni “επιτακτικοί λόγοι σημαντικού δημοσίου συμφέροντος” (“raġunijiet obbligatorji konnessi ma' l-interess pubbliku”) użata fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, jikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata ta' l-imsemmija dispożizzjoni peress li jkabbar il-possibbiltà ta' eċċezzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni u huwa inkompatibbli mal-ħtieġa ta' interpretazzjoni stretta tad-direttiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-inklużjoni fil-leġiżlazzjoni Griega ta' raġunjiiet “ta' importanza ekonomika partikolari” fi ħdan “ir-raġunijiet obbligatorji konnessi ma' l-interess pubbliku”, li għalihom l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva jissoġġetta d-deroga prevista f'dan l-istess artikolu, tikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva, u dan safejn toħloq possibbiltajiet addizzjonali ta' eċċezzjonijiet.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, kif jirrikonoxxu l-awtoritajiet Griegi, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega li jittrasponu l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ma jagħmlux referenza għall-anness li jippreċiża l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, b'tali mod li l-artikoli tad-Direttiva ċċitati iktar 'il fuq ma ġewx trasposti b'mod korrett.

Għalhekk il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Repubblika Ellenika m'għamlitx traspożizzjoni korretta ta' l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva Nru 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.


(1)  ĠU L 206, 22.7.1992.


Top