EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L0232

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/232 tal-25 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-kadmju u ċ-ċomb fil-profili tal-plastik fit-twieqi u fil-bibien elettriċi u elettroniċi li jkun fihom il-klorur tal-polivinil riġidu rkuprat

C/2023/7088

ĠU L, 2024/232, 10.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/232/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/232/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/232

10.1.2024

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/232

tal-25 ta’ Ottubru 2023

li temenda d-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-kadmju u ċ-ċomb fil-profili tal-plastik fit-twieqi u fil-bibien elettriċi u elettroniċi li jkun fihom il-klorur tal-polivinil riġidu rkuprat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III u IV ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Il-kadmju u ċ-ċomb huma sustanzi ristretti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Iċ-ċomb huwa ristrett b’valur massimu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0,1 % u l-kadmju b’valur massimu ta’ konċentrazzjoni ta’ 0,01 % skont il-piż f’materjali omoġenji.

(4)

Fl-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE għall-għoti ta’ eżenzjoni għall-kadmju u ċ-ċomb fit-twieqi u fil-bibien elettriċi u elettroniċi li jkun fihom il-klorur tal-polivinil (PVC) irkuprat (“l-eżenzjoni mitluba”).

(5)

Sar studju ta’ valutazzjoni teknika u xjentifika (2) biex tiġi evalwata l-eżenzjoni mitluba. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kif meħtieġ mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

Il-kadmju u ċ-ċomb jintużaw fil-materjal tal-PVC irkuprat tal-frejm għas-settijiet ta’ twieqi u ta’ bibien għall-iskop ta’ stabbilizzazzjoni tal-polimeri tal-profili tal-PVC.

(7)

It-tagħmir elettriku u elettroniku deskritt fl-eżenzjoni mitluba jaqa’ taħt il-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(8)

Filwaqt li l-PVC verġni mingħajr ċomb u kadmju huwa disponibbli fis-suq, l-użu tal-PVC irkuprat jeħtieġ ammonti iżgħar ta’ enerġija u ta’ riżorsi naturali (bħal pereżempju l-ilma, il-petroleum u l-melħ naturali) minn dawk li huma meħtieġa għall-użu tal-PVC verġni. Għaldaqstant, it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jissupera t-total tal-benefiċċji għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur. Għalhekk, l-eżenzjoni mitluba tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(9)

L-eżenzjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni huwa limitat għall-entrati attwali ta’ restrizzjoni tal-kadmju u taċ-ċomb skont dak ir-Regolament. B’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ġie allinjat mad-deroga għaċ-ċomb fil-PVC irkuprat stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/923 (4).

(10)

Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minn dik l-eżenzjoni fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE fir-rigward tat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

(11)

Id-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni jenħtieġ li tkun limitata għat-28 ta’ Mejju 2028, u sa dakinhar għandha tiġi rieżaminata l-entrata ta’ restrizzjoni 63, il-punt 18, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Id-data tal-iskadenza hija konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Awwissu 2024.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Study to assess 2 RoHS new exemption requests - #1 for cadmium in video cameras designed for use in environments exposed to ionising radiation, #2 for lead and cadmium in PVC profiles of electric windows and doors: final report.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/923 tat-3 ta’ Mejju 2023 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward iċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 46 li ġej:

“46

Il-kadmju u ċ-ċomb fi profili tal-plastik li fihom taħlitiet prodotti mill-iskart tal-klorur tal-polivinil (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘PVC riġidu rkuprat’), użati għat-twieqi u l-bibien elettriċi u elettroniċi, fejn il-konċentrazzjoni fil-materjal tal-PVC riġidu rkuprat ma taqbiżx iż–0,1 % ta’ kadmju skont il-piż u l–1,5 % ta’ ċomb skont il-piż.

Mit-28 ta’ Mejju 2026, il-PVC riġidu rkuprat mit-twieqi u l-bibien elettriċi u elettroniċi għandu jintuża biss għall-produzzjoni ta’ oġġetti ġodda skont il-kategoriji speċifikati fl-entrata 63, il-punti 18(a) sa (d) tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li jkun fihom il-PVC riġidu rkuprat f’konċentrazzjoni taċ-ċomb daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC għandhom jiżguraw li qabel ma jqiegħdu dawk l-oġġetti fis-suq, dawn ikunu mmarkati b’mod viżibbli, li jinqara u li ma jitħassarx bid-dikjarazzjoni: ‘Fih ≥ 0,1 % ċomb’. Meta l-immarkar ma jkunx jista’ jsir fuq l-oġġett minħabba n-natura tal-oġġett, dan għandu jsir fuq l-imballaġġ tal-oġġett.

Il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat għandhom jippreżentaw l-evidenza dokumentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar meta jintalbu, biex jissostanzjaw l-asserzjonijiet dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC f’dawk l-oġġetti. Iċ-ċertifikati maħruġa bl-iskemi biex jagħtu prova tat-traċċabbiltà u tal-kontenut riċiklat, bħal pereżempju dawk żviluppati skont l-istandard EN 15343:2007 jew standards ekwivalenti rikonoxxuti, jistgħu jintużaw biex jissostanzjaw dawn l-asserzjonijiet għall-oġġetti prodotti fl-Unjoni. Mal-asserzjonijiet li jsiru dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC fl-oġġetti importati għandu jinhemeż ċertifikat li jagħti prova ekwivalenti tat-traċċabbiltà u tal-kontenut riċiklat, maħruġ minn parti terza indipendenti.

Dan japplika għall-kategorija 11 u jiskadi fit-28 ta’ Mejju 2028.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/232/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top