EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0235

Kawża C-235/17: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

ĠU C 412, 4.12.2017, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

201711170101555452017/C 412/192352017CJC41220171204MT01MTINFO_JUDICIAL20170505111222

Kawża C-235/17: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

Top

C4122017MT1120120170505MT0019112122

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-235/17)

2017/C 412/19Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Malferrari u L. Havas, aġenti)

Konvenuta: L-Ungarija

Talbiet

tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi adottat leġiżlazzjoni li tillimita l-użufrutt ta’ artijiet produttivi.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kontenzjuża, billi tillimita b’mod manifestament sproporzjonat l-użufrutt ta’ artijiet agrikoli u forestali, ma hijiex kompatibbli mal-obbligi li l-Ungerija għandha taħt l-Artikoli 49 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tneħħija ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt tikkostitwixxi limitazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita bl-Atrikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari għaliex tali għajbien tad-dritt ta’ użufrutt jostakola jew jagħmilha eċċessivament diffiċli għal dawk li sa issa kienu detenturi ta’ tali dritt li joħolqu stabbilimenti fl-Ungerija (jew li jiksbu drittijiet ta’ użu fuq artijiet produttivi) bil-għan li hemmhekk iwettqu l-attivitajiet tagħhom, u li jikkontribwixxu, permezz tal-attività ekonomika mwettqa għal rashom, għan-nisġa ta’ rabtiet ekonomiċi u soċjali fi ħdan l-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li t-tneħħija ex lege tad-drittijiet ta’ użufrutt tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jew tiddiswadi tali eżerċizzju.

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża tikser ukoll il-moviment liberu tal-kapital peress li għandha l-effett li tostakola jew li tillimita l-investiment fi proprjetà immobbli li tinsab fl-Ungerija għal dawk li ma humiex ta’ nazzjonalità Ungeriża. Tali leġiżlazzjoni tikkawża tnaqqis fil-valur tad-drittijiet ta’ użufrutt eżistenti, li min-naħa tiegħu iwassal ukoll għal limitazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża tintroduċi diskriminazzjoni indiretta billi tistabbilixxi distinzjoni bi ħsara taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma humiex ta’ nazzjonalità Ungeriża.

Il-limitazzjonijiet tal-libertajiet imsemmija iktar ’il fuq ma hijiex ġustifikabbli. La hija ġustifikabbli għal xi waħda mir-raġunijiet previsti fit-Trattat, u lanqas għal xi raġunijiet oħra invokati mill-Gvern Ungeriż matul il-proċeduri.

Huwa b’mod partikolari inaċċettabli l-argument li permezz tiegħu l-Gvern Ungeriż jiddefendi n-neċessità tal-limitazzjoni sabiex tinġieb fi tmiemha sitwazzjoni ta’ illegalità. Skont il-Kummissjoni ma hijiex ammissibbli l-preżunzjoni ġenerali – li ma hija pprovata fl-ebda każ konkret – li l-kuntratti kollha ta’ użufrutt li jirrigwardaw artijiet produttivi fl-Ungerija konklużi minn ċittadini barranin huma, sa minn meta jiġu stabbiliti, illegali u invalidi. Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-allegazzjoni li l-illegalità ta’ kull wieħed mill-kuntratti ta’ użufrutt tista’ tiġi dedotta min-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ skambju ta’ munita barranija li kienet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-2002.

Il-limitazzjoni introdotta mil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, peress li ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa u, barra minn hekk, tmur bil-ħafna lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża ma hijiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u lanqas ma tiggarantixxi kumpens xieraq għad-danni kkawżati mit-tneħħija jew mil-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt.

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Ungeriża kontenzjuża tikser d-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta. F’każijiet determinati jkun hemm interferenzi fid-dritt għall-proprjetà anki meta l-ksur ma jkunx estiż għat-tliet elementi kostituttivi tal-“proprjetà” (użu u sfruttament, il-pussess u t-tneħħija).

Top