EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62018CJ0349

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2019.
Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS) vs Mbutuku Kanyeba et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vredegerecht te Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Punt 8 tal-Artikolu 3 – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Passiġġier ma kellux biljett meta tela’ fuq il-ferrovija – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) u Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ta’ impriża ferrovjarja – Liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet mandatorji – Klawżola penali – Setgħat tal-qorti nazzjonali.
Kawżi magħquda C-349/18 sa C-351/18.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2019:936

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Drittijiet u obbligi tal-passiġġieri – Regolament (KE) Nru 1371/2007 – Punt 8 tal-Artikolu 3 – Kuntratt ta’ trasport – Kunċett – Passiġġier ma kellux biljett meta tela’ fuq il-ferrovija – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) u Artikolu 6(1) – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport ta’ impriża ferrovjarja – Liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet mandatorji – Klawżola penali – Setgħat tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C-349/18 sa C-351/18,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-25 ta’ Mejju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2018, fil-proċeduri

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS)

vs

Mbutuku Kanyeba (C-349/18),

Larissa Nijs (C-350/18),

Jean-Louis Anita Dedroog (C-351/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u C. Pochet kif ukoll minn J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU 2007, L 315, p. 14), kif ukoll tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn in-Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen (NMBS) (Kumpannija nazzjonali tal-Ferroviji Belġani (SNCB)) u M. Mbutuku Kanyeba (Kawża C-349/18), Larissa Nijs (Kawża C‑350/18) Jean-Louis Anita Dedroog (Kawża C-351/18) dwar ħlas adddizzjonali tariffarju mitlub mingħand dawn tal-aħħar talli vvjaġġaw bil-ferrovija mingħajr biljett.

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

It-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea]; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘Klawżoli inġusti’ tfisser il-klawżoli kuntrattwali stabbiliti fl-Artikolu 3”.

6

L-Artikolu 3 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”.

7

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Ir-Regolament Nru 1371/2007

9

Il-premessi 1 sa 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 jistabbilixxu:

“(1)

Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li d-drittijiet ta’ l-utent tal-passiġġieri ferrovjarji jkunu mħarsa u tittejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri sabiex jiġi megħjun it-tkabbir tas-sehem tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport.

(2)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘L-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur għall-2002-2006’ [ĠU 2002, C 137, p. 2] tistabilixxi l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tat-trasport, kif jitlob l-Artikolu 153(2) tat-Trattat.

(3)

Ġialadarba l-passiġġier tal-ferroviji huwa l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġier f’dan ir-rigward.”

10

L-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta’ dan li ġej:

a)

l-informazzjoni li trid tingħata mill-impriżi ferrovjarji, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport, il-ħruġ ta’ biljetti u l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju”.

11

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

2)

‘trasportatur’ tfisser l-impriża ferrovjarja kuntrattwali li magħha l-passiġġier ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport jew serje ta’ impriżi ferrovjarji suċċessivi li jinżammu responsabbli abbażi ta’ dan il-kuntratt;

[…]

8)

‘Kuntratt ta’ trasport’ tfisser kuntratt ta’ trasport bi ħlas jew mingħajr ħlas bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u l-passiġġier għall-provvediment ta’ servizz ta’ trasport wieħed jew aktar;

[…]

10)

‘biljett globali’ tfisser biljett jew biljetti li jirrappreżentaw kuntratt ta’ trasport għal servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar;

[…]

16)

‘Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport’ tfisser il-kondizzjonijiet tat-trasportatur fil-forma ta’ kondizzjonijiet ġenerali jew tariffi legalment fis-seħħ f’kull Stat Membru u li saru, bil-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport, parti integrali minnu;

[…]”

12

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat Kuntratt ta’ Trasport, Informazzjoni u Biljetti”, jinkludi l-Artikolu 4 sa 10 ta’ dan. L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ trasport”, jipprovdi:

“Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.”

13

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda d-disponibbiltà tal-biljetti, tal-biljetti globali u tar-riservazzjonijiet, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-impriżi ferrovjarji għandhom jiddistribwixxu biljetti lill-passiġġieri permezz ta’ minn ta’ l-inqas wieħed mill-punti ta’ bejgħ li ġejjin:

a)

l-uffiċċji tal-biljetti jew il-magni tal-bejgħ;

b)

bit-telefon/bl-Internet jew bi kwalunkwe teknoloġija ta’ l-informatika oħra disponibbli b’mod wiesa’;

c)

abbord il-ferroviji.

3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 u 5, l-impriżi ferrovjarji għandhom iqassmu l-biljetti għas-servizzi pprovduti taħt kuntratti ta’ servizz pubbliku permezz ta’ mill-inqas wieħed mill-punti ta’ bejgħ li ġejjin:

a)

uffiċċji tal-biljetti jew magni tal-bejgħ;

b)

abbord il-ferroviji.

4.   L-impriżi ferrovjarji għandhom joffru l-possibbiltà li jinkisbu l-biljetti għas-servizz rispettiv abbord il-ferrovija, sakemm dan mhux limitat jew miċħud minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà jew ta’ politika kontra l-frodi jew ta’ riservazzjoni ferrovjarja obbligatorja jew minħabba raġunijiet kummerċjali raġonevoli”.

14

L-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, intitolat “Estratt mir-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV)”, huwa magħmul mit-Titoli II sa VII tal-Appendiċi A tal-Konvenzjoni dwar trasport internazzjonali bil-ferrovija (COTIF), tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendat bil-protokoll għall-emenda tal-COTIF tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”). F’dan l-Anness I jinsab għalhekk it-Titolu II ta’ dan l-appendiċi, intitolat “Konklużjoni u Prestazzjoni tal-Kuntratt ta’ Trasport”, li jinkludi l-Artikoli 6 sa 11 tal-imsemmi appendiċi.

15

L-Artikolu 6, intitolat “Kuntratt ta’ trasport”, tal-Appendiċi A tal-COTIF jipprovdi:

“1.   Bil-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni.

2.   Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.   Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport”.

16

L-Artikolu 7, li għandu t-titolu “Biljett”, ta’ dan l-Appendiċi A jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-biljetti kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom huma għandhom jiġu stampati u magħmulin.

2.   Dan li ġej, ta’ l-inqas, għandu jiddaħħal fil-biljett:

[…]

ċ)

kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ Trasport u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt”.

17

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi Appendiċi A jippreċiża li, “[s]oġġett għal ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur, il-ħlas tat-trasport għandu jitħallas minn qabel”.

18

L-Artikolu 9 tal-istess Appendiċi A huwa intitolat “Id-dritt li tinġarr. Esklużjoni mit-trasport”. Skont il-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:

a)

li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b’żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali;

b)

li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x’ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu;

ċ)

jekk u taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas addizzjonali.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

19

Matul l-2015, M. Kanyeba kien suġġett ta’ erba’ konstatazzjonijiet li skonthom deher li kien wettaq l-istess ammont ta’ traġitti bil-ferrovija mingħajr ma kiseb biljett (Kawża C-349/18), bi ksur tal-Artikoli 156 sa 160 tal-kundizzjonijiet ta’ trasport tas-SNCB li kienu applikabbli dak iż-żmien. Matul l-2013 u l-2015, ħames konstatazzjonijiet saru fil-konfronti ta’ L. Nijs (Kawża C-350/18). Bl-istess mod, matul l-2014 u l-2015, J.‑L. Degroog kien suġġett ta’ ħdax-il konstatazzjoni simili (Kawża C‑351/18).

20

Is-SNCB offriet lil kull waħda minn dawn il-persuni l-possibbiltà li jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom billi jħallsu immedjatament il-prezz tat-traġitt, flimkien maż-żieda msejħa “tariffa abbord”, jew inkella, fi żmien erbatax-il ġurnata mill-konstatazzjoni tal-ksur, iħallsu s-somma f’daqqa ta’ EUR 75 jew, għall-ksur preċedenti għall-2015, iħallsu l-prezz tat-trasport biż-żieda ta’ EUR 60. Wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ 14-il ġurnata, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kien għad għandhom il-possibbiltà li jħallsu somma f’daqqa ta’ EUR 225 jew, għall-ksur ta’ qabel l-2015, il-prezz tat-trasport biż-żieda ta’ EUR 200.

21

Peress li l-ebda wieħed mill-konvenuti ma uża dawn il-possibbiltajiet, is-SNCB ressqithom quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju), sabiex jiġu kkundannati jħallsuha rispettivament, fil-Kawżi C-349/18 sa C‑351/18, is-somom ta’ EUR 880.20, ta’ EUR 1 103.90 u ta’ EUR 2394, biż-żieda, f’kull wieħed mill-każijiet, tal-ispejjeż tal-istanza. Fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet, is-SNCB sostniet li r-relazzjonijiet ġuridiċi bejnha u kull wieħed mill-konvenuti fil-kawża prinċipali huma ta’ natura mhux kuntrattwali, iżda regolatorja, peress li dawn ma kinux xtraw biljett. Dawn tal-aħħar ma dehrux quddiem il-qorti tar-rinviju.

22

Din il-qroti tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha teżamina ex officio l-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-klawżoli inġusti jekk is-servizz jiġi pprovdut lil konsumatur. Hija tosserva li, fil-kawżi li hija adita bihom, huma inkwistjoni, minn naħa, “konsumaturi”, fis-sens tat-teorija tal-klawżoli inġusti, peress li dan il-kunċett skont din jirreferi għal “kull persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività kummerċjali, industrijali, artiġanali jew liberali tagħha” u, min-naħa l-oħra, “impriża” fis-sens ta’ din l-istess teorija, billi tirreferi f’dan ir-rigward, għal sentenza tal-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju). Hija tindika li hija, konsegwentement, obbligata teżamina l-applikazzjoni tal-imsemmija teorija u, f’dan ir-rigward, tistaqsi dwar in-natura tar-relazzjoni ġuridika bejn s-SNCB u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll, sussegwentement, dwar il-fatt jekk kuntratt ta’ trasport ġiex konkluż jew le.

23

F’dan ir-rigward, hija tirreleva li l-bażi ġuridika tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tas-SNCB, li jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta’ din u tal-passiġġieri, ma hijiex ċara. Skont l-ewwel teżi, dawn huma klawżoli purament kuntrattwali. Skont it-tieni teżi, dawn huma regolamenti, fis-sens tad-dritt amministrattiv. Teżisti wkoll kontroversja, fid-dritt Belġjan, rigward in-natura tar-relazzjoni ġuridika bejn is-SNCB u l-passiġġier. Skont l-ewwel teżi, din ir-relazzjoni hija dejjem ta’ natura kuntrattwali, anki meta l-passiġġier ma jkollux biljett validu. Is-sempliċi fatt li mar fiż-żona fejn għandu jkollu biljett iwassal għal kuntratt ta’ trasport, li huwa għalhekk kuntratt pur ta’ adeżjoni. Skont it-tieni teżi, ir-relazzjoni hija kuntrattwali meta l-passiġġier ikun kiseb biljett, iżda regolatorja fl-assenza ta’ tali titolu. Fil-fatt, f’dan il-każ ma jkunx hemm qbil tal-volontajiet, peress li l-passiġġier ma għandux l-intenzjoni li jħallas għat-trasport u l-kumpannija ta’ trasport ma għandhiex l-intenzjoni li twettaq it-trasport mingħajr korrispettiv. Il-qorti tar-rinviju tindika li din id-diskussjoni ma tidhirx li għadha attwali fid-dritt Belġjan, peress li l-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) u l-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidew li t-teorija tal-klawżoli inġusti tapplika wkoll għal relazzjoni ġuridika regolatorja.

24

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirreleva li t-teorija tal-klawżoli inġusti tippreżupponi l-eżistenza ta’ kuntratt u tqis li l-kunċett ta’ “kuntratt” huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1371/2007 u tistaqsi dwar il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport, u b’mod iktar preċiż dwar il-fatt jekk din il-konklużjoni seħħietx fil-mument tad-dħul fiż-żona fejn fil-prinċipju wieħed għandu jkollu fil-pussess tiegħu biljett jew inkella fil-mument tal-ksib tal-biljett.

25

Hija tqis, barra minn hekk, li l-kwistjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasport għandha tiġi kkunsidrata f’relazzjoni mal-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13. Fil-kawżi li hija adita bihom, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tas-SNBC, kemm jekk ta’ natura kuntrattwali jew regolatorja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kundizzjonijiet li ma humiex is-suġġett ta’ negozzjazzjoni individwali fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

26

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija tistaqsi dwar il-fatt jekk relazzjoni ġuridika kuntrattwali tibdiex dejjem bejn kumpannija ta’ trasport u passiġġier, anki meta dan il-passiġġier juża s-servizzi ta’ dan it-trasportatur mingħajr ma jikseb biljett. Jekk dan ma jkunx il-każ, hija tistaqsi jekk it-teorija tal-klawżoli inġusti tapplikax għall-passiġġier li juża t-trasport pubbliku mingħajr ma jkun kiseb biljett.

27

Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tas-SNCB għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tat-teorija tal-klawżoli inġusti, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dritt Belġjan, klawżola inġusta hija ssanzjonata bin-nullità tagħha u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, essenzjalment, li l-qorti nazzjonali li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumatur tikkompleta dan il-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola. Id-duttrina Belġjana madankollu kkritikat din il-projbizzjoni b’effett awżiljarju tad-dritt komuni peress li ma hijiex biżżejjed ċara. Din il-qorti għalhekk tistaqsi jekk jistgħux jeżistu ċirkustanzi fejn il-bejjiegħ jew fornitur ikollu interess li klawżola tinżamm, iżda fejn il-konsumatur ikollu interess li l-portata tagħha tkun immoderata minn qorti u, f’tali każ, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jistgħux jiġu ddefiniti b’mod astratt.

28

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti, ifformulati b’mod identiku għal kull waħda mill-kawżi magħquda:

“1)

L-Artikolu 9(4) tar-[Regolament Nru 1371/2007] moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat fis-sens li dejjem tinħoloq relazzjoni ġuridika kuntrattwali bejn il-kumpannija tat-trasport u l-passiġġier, anki meta l-passiġġier jagħmel użu mis-servizzi tat-trasportatur mingħajr ma jikseb biljett?

2)

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, il-protezzjoni mogħtija permezz tat-teorija tal-klawżoli inġusti testendi wkoll għall-passiġġier li jagħmel użu mit-trasport pubbliku mingħajr ma jkun kiseb biljett u li, meta jagħmel dan, huwa obbligat li minbarra l-ispiża tat-trasport jagħmel ħlas addizzjonali, konformement mal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasportatur, li huma meqjusa bħala applikabbli b’mod ġenerali fuq il-bażi tan-natura tagħhom ta’ regolament jew minħabba il-pubblikazzjoni tagħhom f’pubblikazzjoni uffiċjali tal-Istat?

3)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” jipprekludi lill-qorti, fil-każijiet kollha, milli timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew milli tapplika l-liġi ordinarja minflok

4)

Fil-każ li r-risposta li ngħatat għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, liema huma ċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti nazzjonali tista’ tipproċedi sabiex timmodera l-klawżola meqjusa bħala inġusta jew tissostitwixxiha b’liġi ordinarja?

5)

Fil-każ li d-domandi preċedenti ma jistgħux jingħataw risposta in abstracto, tqum il-kwistjoni jekk, f’każ li, wara li tkun qabdet fil-fatt passiġġier li ma jkunx ħallas il-biljett, il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali tissanzjonah ċivilment billi timponi ħlas addizzjonali, kemm jekk minbarra l-ispiża tat-trasport jew le, u fejn il-qorti tikkonstata li dan il-ħlas addizzjonali impost huwa inġust fis-sens tal-Artikolu 2(a) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jipprekludi lill-qorti milli tannulla l-klawżola u tapplika l-liġi ordinarja dwar ir-responsabbiltà sabiex tikkumpensa lil din il-kumpannija ferrovjarja nazzjonali għad-dannu li sostniet?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2018, il-Kawżi C-349/18 sa C-351/18 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb interpretazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1371/2007 fid-dawl tad-Direttiva 93/13. Dan ir-regolament madankollu ma jinkludi ebda riferiment għad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, minn paragun tal-Artikolu 1 rispettiv tagħhom jirriżulta li dan ir-regolament u din id-direttiva għandhom għanijiet differenti. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ma jistgħux ikunu rilevanti għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1371/2007 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Meiland Azewijn, C-292/02, EU:C:2004:499, punt 40; tal-15 ta’ Diċembru 2011, Møller, C-585/10, EU:C:2011:847, punti 37 u 38, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-525/12, EU:C:2014:2202, punt 40).

31

Min-naħa l-oħra, għalkemm, permezz ta’ din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni hija relatata mal-possibbiltà li fil-prinċipju għandha tiġi offerta mill-impriżi ferrovjarji li jinkisbu biljetti għas-servizz ikkonċernat fuq il-ferrovija. Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li ma hijiex tant din il-possibbiltà li hija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, iżda l-fatt dwar jekk passiġġier li jwettaq traġitt fuq il-ferrovija mingħajr ma jkun kiseb biljett għandux jiġi kkunsidrat bħala li jkun, minħabba li jkun tela’ fuq il-ferrovija, daħal f’relazzjoni kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja, fis-sens ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma huwiex dan l-Artikolu 9(4), inkwantu tali, li għandu jiġi interpretat għall-finijiet tal-kawżi prinċipali.

32

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tal-motivi tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn passiġġier jitla’ fuq ferrovija sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun akkwista biljett taqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Skont it-termini tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007, il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, jinkludi “kuntratt ta’ trasport bi ħlas jew mingħajr ħlas bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u l-passiġġier għall-provvediment ta’ servizz ta’ trasport wieħed jew aktar”.

35

Għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet intiżi permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, EU:C:2005:362, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management, C-136/11, EU:C:2012:740, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-terminu “kuntratt”, fis-sens kurrenti tiegħu, jirreferi għal ftehim ta’ volontajiet konkordanti intiżi li jipproduċu effetti ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-qasam irregolat minn dan ir-regolament u fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dan l-effett jikkonsisti prinċipalment fl-obbligu għall-impriża ferrovjarja li tipprovdi lill-passiġġier servizz jew servizzi ta’ trasport u bl-obbligu tal-passiġġier li jħallas il-prezz, sakemm is-servizz ta’ trasport ma jkunx ipprovdut mingħajr ħlas.

37

Għaldaqstant, mill-konstatazzjonijiet tal-punt preċedenti jirriżulta li, minn naħa, billi tħalli l-aċċess liberu għall-ferrovija tagħha, u, min-naħa l-oħra, billi jitla’ fuq din sabiex iwettaq traġitt, kemm l-impriża ferrovjarja kif ukoll il-passiġġier juru l-volontajiet konkordanti tagħhom li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali, b’mod li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport huma, fil-prinċipju, issodisfatti. Il-formulazzjoni tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 madankollu ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-pussess, mill-passiġġier, ta’ biljett huwiex element indispensabbli sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

38

Fir-rigward tal-kuntest li jaqa’ fih il-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-termini “kuntratt ta’ trasport” jinsabu f’diversi dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

39

B’hekk, il-punt 10 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “biljett globali” bħala li jinkludi “biljett jew biljetti li jirrapreżentaw kuntratt ta’ trasport konkluż għall-użu ta’ servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar”.

40

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, li jirrigwarda speċifikament il-“kuntratt ta’ trasport”, jipprovdi min-naħa tiegħu li, “[b]la ħsara għad-Dispożizzjonijiet [tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1371/2007], il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I” ta’ dan ir-regolament.

41

F’dan ir-rigward, f’dan l-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007 huwa b’mod partikolari riprodott it-Titolu II tal-Appendiċi A tal-COTIF, dwar il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-appendiċi, “[b]il-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni”, fejn il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6 jippreċiża li l-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonstatat minn biljett jew biljetti mogħtija lill-passiġġier u li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 ta’ dan l-appendiċi, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf tal-biljett ma jaffettwa la l-eżistenza u lanqas il-validità tal-kuntratt, li tibqa’ suġġetta għar-regoli uniformi stabbiliti mill-COTIF. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(3) ta’ dan l-appendiċi sempliċement jippreċiża li l-biljett tat-trasport għandu jkun evidenza sakemm ma tinġibx prova kuntrarja tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.

42

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Appendiċi A tal-COTIF jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport jiddeterminaw b’mod partikolari, il-forma u l-kontenut tal-biljetti u, fil-paragrafu 2(c), li fuq il-biljett għandu jkun hemm miktuba kull indikazzjoni neċessarja biex tiġi pprovata l-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport u li tippermetti lill-passiġġier isostni d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li mill-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament Nru 1371/2007 jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-impriżi ferrovjarji għandhom jagħtu biljetti lill-passiġġieri permezz ta’ mill-inqas wieħed mit-tliet – jew minn tnejn fil-każ ta’ biljetti għas-servizzi previsti fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku – modi ta’ distribuzzjoni li jelenkaw dawn id-dispożizzjonijiet, li fosthom hemm l-għoti abbord tal-ferrovija.

44

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 8(1) tal-Appendiċi A tal-COTIF, li jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li huwa biss fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur li l-prezz ta’ trasport għandu jitħallas minn qabel.

45

Barra minn hekk, ċertament, l-Artikolu 9 ta’ dan l-Appendiċi A, li taħt ir-riżerva tiegħu japplika l-Artikolu 6 ta’ dan, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li, mill-bidu tal-vjaġġ, il-passiġġier għandu jkollu biljett validu u għandu jippreżentah meta jiġu kkontrollati l-biljetti. Madankollu, dan l-Artikolu 9 jippreċiża, fit-tieni sentenza tiegħu, rispettivament (a) u (b), li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport jistgħu jipprovdu li passiġġier li ma jipproduċix biljett tat-trasport validu għandu jħallas, b’żieda mal-prezz tat-trasport, ħlas addizzjonali u li passiġġier li jirrifjuta li jħallas immedjatament il-prezz tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu.

46

Issa, skont il-punt 16 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, jirreferi għall-“kondizzjonijiet tat-trasportatur fil-forma ta’ kondizzjonijiet ġenerali jew tariffi legalment fis-seħħ f’kull Stat Membru u li saru, bil-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport, parti integrali minnu”, fejn it-“trasportatur” huwa ddefinit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament bħala “l-impriża ferrovjarja kuntrattwali li magħha l-passiġġier ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport jew serje ta’ impriżi ferrovjarji suċċessivi li jinżammu responsabbli abbażi ta’ dan il-kuntratt”.

47

Sa fejn passiġġier li ma jippreżentax biljett validu jew jirrifjuta l-ħlas immedjat tal-biljett jistgħu jiġu invokati kontrih, abbażi tal-Artikolu 9 tal-Appendiċi A tal-COTIF, li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1371/2007, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport, u sa fejn dawn, skont il-punt 16 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 3 tiegħu, isiru, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, parti integrali mill-kuntratt ta’ trasport bejn l-impriża ferrovjarja u l-passiġġier bil-konklużjoni ta’ dan, minn dan jirriżulta li tali impriża li tħalli aċċess liberu għall-ferroviji tagħha u passiġġier li jitla’ abbord tali ferrovija sabiex iwettaq traġitt għandhom jiġu kkunsidrati li huma partijiet f’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-istess regolament, mill-mument fejn dan il-passiġġier ikun jinsab hekk abbord tal-ferrovija. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, l-imsemmi passiġġier ma jistax, abbażi tar-Regolament Nru 1371/2007, ikun affaċċjat bil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tagħha.

48

Minn dawn l-elementi kuntestwali jirriżulta għalhekk b’mod ċar li t-titolu ta’ trasport, ukoll imsejjaħ f’dan l-Appendiċi A, “biljett”, huwa sempliċement l-instrument li jimmaterjalizza l-kuntratt ta’ trasport, fis-sens tar-Regolament Nru 1371/2007.

49

Il-formulazzjoni tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 u l-kuntest li taqa’ taħtu din id-dispożizzjoni jwasslu, konsegwentement, sabiex jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, jinftiehem bħala li huwa indipendenti mill-pussess, mill-passiġġier, ta’ biljett u f’dan is-sens li tinkludi sitwazzjoni li fiha passiġġier jitla’ abbord ta’ ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun kiseb biljett.

50

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għanijiet intiżi mir-Regolament Nru 1371/2007. Minn naħa, skont it-termini tal-Artikolu 1(a) tiegħu, dan ir-regolament għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi regoli f’dak li jikkonċerna l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport. Min-naħa l-oħra, il-premessa 1 tal-imsemmi regolament tenfasizza b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, għadhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri bil-ferrovija. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tal-istess regolament jirriżulta li għandu jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport u, skont il-premessa 3 ta’ dan, peress li l-passiġġier bil-ferrovija huwa l-parti dgħajfa tal-kuntratt ta’ trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

51

Huwa kuntrarju għal dawn l-għanijiet li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens tar-Regolament Nru 1371/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix sitwazzjoni fejn passiġġier jitla’ fuq ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun kiseb biljett. Fil-fatt, kieku kien permess li jiġi kkunsidrat li tali passiġġier jista’, sempliċement minħabba li ma jkollux biljett meta jitla’ fuq il-ferrovija, jiġi kkunsidrat bħala li ma huwiex parti minn relazzjoni kuntrattwali mal-impriża ferrovjarja li tkun ħalliet il-ferroviji tagħha f’aċċess liberu, dan il-passiġġier ikun jista’, għal raġunijiet li ma huwiex responsabbli għalihom, ikun imċaħħad mid-drittijiet li dan ir-regolament jorbot mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ trasport, li jmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ferrovjarji li għandu l-imsemmi regolament u li huwa mfakkar fil-premessi 1 sa 3 ta’ dan.

52

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 1371/2007, tali interpretazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-validità ta’ dan il-kuntratt jew tal-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minn waħda mill-partijiet, tal-obbligi kuntrattwali tagħha, liema, fl-assenza ta’ dispożizzjoni f’dan ir-rigward f’dan ir-regolament, jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali applikabbli.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1371/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn passiġġier jitla’ abbord ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun akkwista biljett taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet u l-ħames domanda

55

Permezz tat-tielet u tal-ħames domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali prevista f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur milli timmodera l-ammont tas-sanzjoni imposta minn din il-klawżola fuq dan il-konsumatur jew tissostitwixxi l-imsemmija klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljarja. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-fatt jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-qorti nazzjonali milli tapplika wkoll dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, preliminarjament, li, f’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-klawżola penali li l-qorti tar-rinviju tista’, jekk ikun il-każ, tiddikkjara inġusta tagħmel parti mill-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tas-SNCB, li fir-rigward tagħhom din il-qorti tippreċiża li huma “kkunsidrati li huma ta’ applikazzjoni ġenerali abbażi tan-natura regolatorja tagħhom” u li huma s-suġġett ta’ “komunikazzjoni f’pubblikazzjoni uffiċċjali tal-Istat”.

57

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha.

58

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din testendi għad-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li japplikaw għall-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom u għal dawk li japplikaw awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti mill-partijiet f’dan ir-rigward, kif ukoll għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu l-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 26; tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C‑280/13, EU:C:2014:279, punti 30, 31 u 42, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C-446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punt 25).

59

Din l-esklużjoni hija ġġustifikata bil-fatt li, fil-prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet għal ċerti kuntratti, ekwilibriju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried espliċitament iżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C-280/13, EU:C:2014:279, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, Woonhaven Antwerpen, C-446/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:954, punt 26).

60

Din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 tippreżupponi għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 78, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703, punt 28).

61

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta essenzjalment li l-imsemmija esklużjoni tkopri d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mandatorji differenti minn dawk relatati mal-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank, C-280/13, EU:C:2014:279, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C-96/16 u C-94/17, EU:C:2018:643, punt 44).

62

Il-verifika li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali f’kull każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 33, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C-186/16, EU:C:2017:703, pint 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Meta twettaq din il-verifika, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tad-Direttiva 93/13, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti konklużi ma’ dawn tal-aħħar minn bejjiegħa jew fornituri, l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 77, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Wara li dan ġie ppreċiżat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq l-analiżi tat-tielet u l-ħames domanda billi tibbaża ruħha fuq il-premessa, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-eżattezza tagħha, li l-klawżola li hija għandha l-intenzjoni li tiddikkjara inġusta ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 abbażi tal-Artikolu 1(2) tagħha.

65

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, skont il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

66

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tiġbed il-konklużjonijiet kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumatur ma jkunx marbut biha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra klawżola kuntrattwali inġusta, hija ma għandhiex tapplikaha sabiex din ma tipproduċix effetti li jippreġudikaw lill-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C-70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250, punt 52).

67

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkompleta dan il-kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C-70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250, punt 53). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali, fil-każ fejn tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur minflok ma twarrab kompletament l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fil-konfront ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 59, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C‑485/13 u C-487/13, EU:C:2015:21, punt 29).

68

Il-kuntratt għandu jissussisti, fil-prinċipju, mingħajr ebda modifika oħra minbarra dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn tali persistenza tal-kuntratt tkun ġuridikament possibbli b’mod konformi mar-regoli tad-dritt nazzjonali (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 28).

69

Għalkemm kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali fakultà tkun suxxettibbli li timmina t-twettiq tal-għan għal żmien twil previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, tali fakultà timmina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fil-konfront tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli minkejja li jkunu jafu li, anki jekk dawn jiġu invalidati, il-kuntratt jista’ madankollu jkun ikkompletat, sa fejn neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiġi ggarantit b’hekk l-interess tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C-70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat eċċezzjoni għal dan il-prinċipju meta ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix qorti nazzjonali, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljari, bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni tkun konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u li tippermetti li jerġa’ jinstab ekwilibriju reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kokontraenti ta’ natura li tiġi stabbilita l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat din il-possibbiltà għall-każijiet li fihom id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk il-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi, fejn dan tal-aħħar ikun ippenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank, C-482/13, C-484/13, C-485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21 punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C-179/17, EU:C:2019:250, punti 56 u 57).

71

Madankollu, fil-kawżi prinċipali, u taħt riżerva tal-verifiki li għandhom isiru f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-invalidazzjoni eventwali tal-klawżola penali inkwistjoni hija ta’ natura li twassal għall-annullament tal-kuntratti fl-intier tagħhom u li b’hekk il-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

72

Rigward il-punt dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex possibbli, għall-qorti tar-rinviju, li, barra minn hekk, tapplika regoli tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Direttiva 93/13, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma tinkludi ebda dispożizzjoni relatata mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

73

Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex, fil-fatt, tali li jaqgħu taħt id-dritt tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ma taqax taħt id-Direttiva 93/13, iżda taħt id-dritt nazzjonali. Sussegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u l-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali prevista f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur milli timmodera l-ammont tas-sanzjoni imposta minn din il-klawżola fuq dan il-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li qorti nazzjonali tissostitwixxi l-imsemmija klawżola, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tagħha tal-kuntratti, b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljarja, ħlief jekk il-kuntratt inkwistjoni jkun jista’ jibqa’ jeżisti fil-każ ta’ tħassir tal-klawżola inġusta u jekk l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

Fuq ir-raba’ domanda

75

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet u l-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn passiġġier jitla’ abbord ferrovija liberament aċċessibbli sabiex iwettaq traġitt mingħajr ma jkun akkwista biljett taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola penali prevista f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur milli timmodera l-ammont tas-sanzjoni imposta minn din il-klawżola fuq dan il-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li qorti nazzjonali tissostitwixxi l-imsemmija klawżola, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tagħha tal-kuntratti, b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura awżiljarja, ħlief jekk il-kuntratt inkwistjoni jkun jista’ jibqa’ jeżisti fil-każ ta’ tħassir tal-klawżola inġusta u jekk l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Fuq