EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AP0456

P9_TA(2021)0456 Politika Agrikola Komuni – l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri u ffinanzjati mill-FAEG u mill-FAEŻR ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0392 – C8-0248/2018 – 2018/0216(COD)) P9_TC1-COD(2018)0216 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Novembru 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013

ĠU C 224, 8.6.2022, p. 115–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/115


P9_TA(2021)0456

Politika Agrikola Komuni – l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri u ffinanzjati mill-FAEG u mill-FAEŻR ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2018)0392 – C8-0248/2018 – 2018/0216(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2022/C 224/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2018)0392),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0248/2018),

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-1979, u b'mod partikolari l-paragrafu 6 tal-Protokoll Nru 4 dwar il-qoton mehmuż miegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-5 ta' Diċembru 2018 (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-25 ta' Ottubru 2018 (3),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 74(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2021, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0200/2019),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt (4);

2.

Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu kif ukoll id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa għal din ir-riżoluzzjoni, li ser jiġu ppubblikati fis-serje C ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa għal din ir-riżoluzzjoni, li ser tiġi ppubblikata fis-serje C ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 214.

(2)  ĠU C 86, 7.3.2019, p. 173.

(3)  ĠU C 41, 1.2.2019, p. 1.

(4)  Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-23 ta’ Ottubru 2020 (Testi adottati, P9_TA(2020)0287).


P9_TC1-COD(2018)0216

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ Novembru 2021 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2021/2115.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-elementi leġiżlattivi tal-politika agrikola komuni

Il-Parlament Ewropew jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew ħa deċiżjonijiet, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Lulju 2020, dwar elementi leġiżlattivi tal-politika agrikola komuni li kellhom jiġu deċiżi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja f'konformità mat-Trattati. Il-Parlament Ewropew iqis li dawn id-deċiżjonijiet preventivi unilaterali huma inaċċettabbli u li għandhom impatt fuq id-drittijiet tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur li jaġixxi fuq l-istess livell tal-Kunsill.

Il-Parlament Ewropew jiddeplora l-fatt li l-Kunsill għaldaqstant ma kienx lest li jidħol f'negozjati sinifikanti mal-Parlament Ewropew dwar dawn l-elementi minħabba li kienu diġà ġew deċiżi mill-Kunsill Ewropew.

B'mod partikolari, il-Parlament Ewropew jinnota li l-Kunsill ma daħalx f'negozjati sinifikanti dwar id-dispożizzjonijiet tal-iffissar ta' limiti massimi u tad-digressività stabbiliti fl-Artikolu 17 u dwar il-flessibbiltà bejn l-allokazzjonijiet tal-pagamenti diretti u l-allokazzjonijiet tal-FAEŻR stipulati fl-Artikolu 96, u jqis li l-eżitu tan-negozjati dwar dawn l-Artikoli mhuwiex sodisfaċenti.

Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih ħafna dwar l-approċċ tal-Kunsill u jqis li dan idgħajjef il-funzjonament adegwat tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Parlament Ewropew għaldaqstant jinsisti li dan m'għandux jerġa' jseħħ fi kwalunkwe negozjati futuri fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dimensjoni soċjali tal-politika agrikola komuni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni biex tissorvelja, permezz ta' studju li għandu jsir sentejn wara l-ewwel sentejn ta' applikazzjoni tal-kundizzjonalità soċjali mill-Istati Membri kollha, l-impatt tal-mekkaniżmu fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-funzjonament tas-sistema ta' penali u, fejn xieraq, biex tressaq proposti biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-PAK.

Sal-2025, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-fattibbiltà li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jiġi inkluż fl-Anness XX u, fejn xieraq, tressaq proposti għal dak il-għan.

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li l-Belġju jippreżenta żewġ Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104 tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK maqbul mill-koleġiżlaturi u filwaqt li jitqies il-qafas kostituzzjonali partikolari tal-Belġju, il-Kummissjoni tikkonferma li se taċċetta li l-Belġju jippreżenta Pjan Strateġiku tal-PAK għal kull waħda mill-entitajiet federati rilevanti tiegħu. Dan ma jaffettwax jew ibiddel l-obbligi legali tal-Belġju skont ir-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK.


Top