EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0688

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Marzu 2018.
Agnieška Anisimovienė et vs bankas „Snoras“ AB, en liquidation et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għal investituri – Direttiva 94/19/KE – Il-punt 1 tal-Artikolu 1 – Depożiti – Sitwazzjonijiet tranżitorji ġejjin minn tranżazzjonijiet bankarji normali – Direttiva 97/9/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) – Fondi dovuti lil investitur jew li jappartjenu lilu jew miżmuma f’ismu minn impriża ta’ investiment relata ma’ tranżazzjonijiet ta’ investiment – Istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ titoli trasferibbli – Fondi ttrasferiti minn individwi lil din l-istituzzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ titoli trasferibbli futuri – Applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE – Falliment tal-imsemmija istituzzjoni qabel il-ħruġ tat-titoli trasferibbli inkwistjoni – Impriża pubblika responsabbli mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għall-investituri – Invokabbiltà tad-Direttivi 94/19/KE u 97/9/KE fil-konfront ta’ din l-impriża.
Kawżi magħquda C-688/15 u C-109/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:209

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għal investituri – Direttiva 94/19/KE – Artikolu 1(1) – Depożiti – Sitwazzjonijiet tranżitorji ġejjin minn tranżazzjonijiet bankarji normali – Direttiva 97/9/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) – Fondi dovuti lil investitur jew li jappartjenu lilu jew miżmuma f’ismu minn impriża ta’ investiment relata ma’ tranżazzjonijiet ta’ investiment – Istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ titoli trasferibbli – Fondi ttrasferiti minn individwi lil din l-istituzzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ titoli trasferibbli futuri – Applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE – Falliment tal-imsemmija istituzzjoni qabel il-ħruġ tat-titoli trasferibbli inkwistjoni – Impriża pubblika responsabbli mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għall-investituri”

Kawżi magħquda C‑688/15 u C‑109/16,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2015 (C‑688/15) u tat-12 ta’ Frar 2016 (C‑109/16), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil-21 ta’ Diċembru 2015 u l-25 ta’ Frar 2016, fil-proċeduri mressqa minn

Agnieška Anisimovienė et

fil-preżenza ta’:

bankas “Snoras” AB, fi stralċ,

“Indėlių ir investicijų draudimas” VI,

bankas « Finasta » AB (C‑688/15)

u

“Indėlių ir investicijų draudimas” VI

fil-preżenza ta’:

Alvydas Raišelis,

bankas “Snoras” AB, fi stralċ (C‑109/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, A. Borg Barthet u M. Berger, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Agnieška Anisimovienė et, minn A. Mamontovas u A. Bambalas, advokatai,

għal “Indėlių ir investicijų draudimas” VI, minn V. Impolevičienė assistita minn S. Urbonavičius u A. Šekštelo, advokatai,

għal bankas “Snoras” AB, fi stralċ, minn A. Pilipavičius u V. Drizga, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė u G. Taluntytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-Ph. Wojcik u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, L 68, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/19”), kif ukoll tal-Artikolu 1(1) u (4) u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija, minn naħa, minn Agnieška Anisimovienė u 256 persuna oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, A. Anisimovienė u oħrajn) u, min-naħa l-oħra, minn “Indėlių ir investicijų draudimas” VĮ (iktar ’il quddiem “IID”), dwar il-kumpens li A. Anisimovienėdwar u oħrajn kif ukoll Alvydas Raišelis jixtiequ jibbenefikaw għal fondi mogħtija lil bankas “Snoras” AB (iktar ’il quddiem “Snoras”) bħala sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet u obbligazzjonijiet futuri li din l-istituzzjoni kellha l-ħsieb li toħroġ, iżda li l-ħruġ tagħhom ma seħħx, minħabba l-falliment ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 94/19

3

L-ewwel, it-tieni u r-raba’ premessa tad-Direttiva 94/19 jipprevedu li:

“Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat, żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [fl-Unjoni] kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu;

Billi, meta r-restrizzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu eliminati, konsiderazzjoni għandha tingħata lis- sitwazzjoni li tista’ tinqala jekk depożiti f’istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha friegħi fi Stati Membri oħra ma jkunux aktar disponibbli; billi huwa indispensabbli li jkun assigurat livell minimu ta’ armoniżazzjoni tal-protezzjoni ta’ depożiti kull meta depożiti jkunu lokalizzati [fl-Unjoni] minħabba li protezzjoni bħal din għal depożiti hija essenzjali bħala regola prudenti għat-twettieq tas-suq singolu bankarju[;]

[…]

Billi l-kost għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipparteċipaw fi skema ta’ garanzija m’għandu l-ebda relazzjoni ma’ l-ispiża li tirriżulta minn ġbir massiv ta’ depożiti fil-bank mhux biss mill-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultajiet imma wkoll mill-instituzzjonijiet b’saħħithom, wara li jkun hemm telf ta’ fiduċja tad-depożitaturi fis-sodizza tas-sistema bankarja”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva tagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘depożitu’ għandha tfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b’xhieda [ippruvati permezz] ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

[…]

[…]

4)

istituzzjonijiet ta’ kreditu’ għandha tfisser intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi oħra ri-pagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha;

[…]”

5

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

1a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun iffissata għal EUR 100000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċerti depożitaturi jew depożiti għandhom ikunu esklużi mill-garanzija jew għandhom jingħataw livell anqas ta’ garanzija. Dawk l-esklużjonijiet huma mniżżla fl-Anness I.”

6

L-Anness I ta’ din l-istess direttiva jsemmi, fil-punt 12, is-“[s]sigurtajiet ta’ dejn maħruġa mill-[…]istituzzjoni [ta’ kreditu] […].”

Id-Direttiva 97/9

7

Il-premessi 2 sa 4 u 8 tad-Direttiva 97/9 jipprevedu:

“(2)

Billi d-Direttiva 93/22/KEE [tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 43),] tistabbilixxi regoli prudenti li d-ditti [l-impriża] ta’ l-investiment għandhom josservaw il-ħin kollu, inklużi r-regoli li l-iskop tagħhom huma li jipproteġu sakemm ikun possibbli d-drittijiet ta’ investitur fir-rigward ta’ flus jew strumenti li jappartjenu lilhom;

(3)

Billi, madankollu, l-ebda sistema ta’ superviżjoni ma tista’ tipprovdi protezzjoni sħiħa, partikolarment meta atti ta’ frodi jkunu mwettqa;

(4)

Billi l-protezzjoni ta’ l-investituri u l-manteniment ta’ fiduċja fis-sistema finanzjarja huma aspett importanti fit-twettieq u l-funzjonar xieraq tas-suq intern f’dan il-qasam; billi għal dak il-għan huwa għalhekk essenzjali li kull Stat Membru għandu jkollu skema ta’ kumpens għall-investitur li tiggarantixxi livell armonizzat minimu ta’ protezzjoni mill-anqas lejn l-investitur żgħir fil-każ li ditta ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha ma’ klijenti investituri;

[…]

(8)

Billi, għalhekk, kull Stat Membru għandu jkun meħtieġ li jkollu skema jew skemi ta’ kumpens għall-investitur li tagħhom kull ditta ta’ l-investiment bħal din għandha tkun parti; billi kull skema għandha tkopri flus u strumenti miżmuma minn ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet ta’ l-investiment mill-investitur li, meta ditta ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha lejn klijenti investituri, ma tkunx tista’ tingħata lura lil investitur; […]”

8

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

“ditta ta’ l-investiment” għandha tfisser id-ditta ta’ l-investiment kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/22/KEE

awtorizzata bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/22/KEE,

jew

awtorizzata bħala l-istituzzjoni ta’ kreditu bi qbil mal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1977 [dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-bidu u l-insegwiment ta’ negozji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu] (ĠU 1977, L 322, p. 30),] u t-[Tieni Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE tal-15 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li temenda d-Direttiva 77/780 (ĠU 1989, L 386, p. 1)], u li l-awtorizzazzjoni tagħha tkopri waħda jew aktar mis-servizzi ta’ l-investiment elenkati fis-Sezzjoni A ta’ l-Anness tad-Direttiva 93/22/KEE;

2)

“negozju ta’ l-investiment” għandu jfisser xi servizz ta’ l-investiment kif definit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/22/KEE u s-servizz li hemm referenza għalih fil-punt 1 tas-Sezzjoni Ċ ta’ l-Anness ta’ dik id-Direttiva,

[…]

4)

“investitur” għandu jfisser xi persuna li tkun fdat il-flus jew strumenti lid-ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ negozju ta’ l-investiment;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 2(2) u (3) tal-imsemmija direttiva:

“2.   […]

Koperta għandha tkun ipprovduta għal talbiet li joriġinaw min-nuqqas tad-ditta [impriża] ta’ l-investiment li tkun tista:

tħallas lura flejjes dovuti minnha jew li jappartienu lill-investituri u miżmuma f’isimhom b’konnessjoni man-negozju tal-investiment, jew

[…]

bi qbil mal-kondizzjonijiet legali u kontrattwali kif applikabbli.

3.   Xi talba permezz tal-paragrafu 2 fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li, f’dak l-Istat Membru partikolari, tkun suġġetta kemm għal din id-Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 94/19/KE għandha tkun indirizzata minn dak l-Istat Membru lejn skema permezz ta’ waħda jew oħra minn dawk id-Direttivi bħal ma dak l-Istat Membru jħoss li jkun xieraq. L-ebda talba m’għandha tkun eliġibli għal kumpens għal aktar minn darba skond dawk id-Direttivi.”

Id-Direttiva MiFID

10

Il-premessi 2, 5 u 44 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), kif emendata bid-Direttiva 2006/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006 (ĠU 2006, L 114, p. 60) (iktar ’il quddeim id-“Direttiva MiFID”), jistipula:

“(2)

[…] [H]uwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni […]

[…]

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi stabilit reġim regolatorju komprensiv li jirregola t-twettiq tat-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji b’mod irrispettiv mill-metodi tal-kummerċ wżati sabiex jikkonkludu dawn it-tranżazzjonijiet hekk li jiżguraw kwalità ogħla ta’ twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-investituri u jżommu fil-għoli l-integrità u l-effikaċja ġenerali tas-sistema finanzjarja. […]

[…]

(44)

Bil-mira doppja li jiġu protetti l-investituri u li jiġi żgurat l-operat bla xkiel tas-swieq tat-titoli, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi tinkiseb t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet u li r-regoli stabiliti għal dan il-għan japplikaw għad-ditti tal-investiment meta joperaw fis-swieq. […]”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment u s-swieq regolati.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2000/12/KE, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272),] meta jipprovdu servizz ta’ investiment jew iktar u/jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment:

l-Artikoli 2(2), 11, 13 u 14

Il-Kapitolu II tat-Titolu II bl-esklużjoni tat-tieni sub-paragrafu tal-Artikolu 23(2),

Il-Kapitolu III tat-Titolu II bl-esklużjoni tal-Artikoli minn 31(2) sa 31(4), minn 32(2) sa 32(6) u l-Artikoli 32(8) u 32(9),

l-Artikoli minn 48 sa 53, 57, 61 u 62, u

l-Artikolu 71(1).”

12

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva MiFID jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘Ditta [impriża] ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali.

[…]

2)

‘Servizzi u attivitajiet ta’ investiment’ ifissru kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I.

[…]

5)

‘It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti’ ifisser ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti;

6)

‘In-negozjar akkont tagħhom infushom’ ifisser in-negozjar fuq il-kapital proprjetarju li jirriżulta fil-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju jew iktar;

[…]

18)

‘Titoli trasferibbli’ ifissru dawk il-klassijiet ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq tal-kapital, bl-eċċezzjoni ta’ l-istrumenti tal-ħlas, bħal:

a)

ishma f’kumpanniji […];

b)

il-kambjali [l-obbligazzjonijiet] jew għamliet oħra ta’ dejn issekurizzat [titoli ta’ kreditu] […];

[…]”

13

L-Artikolu 69 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-Tħassir tad-Direttiva 93/22/KEE”, jipprevedi:

“Id-Direttiva 93/22/KEE hija hawnhekk imħassra b’’effett [mill-1 ta’ Novembru 2007]. Ir-referenzi għad-Direttiva 93/22/KE għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva. Ir-referenzi għat-termini ddefiniti fid-Direttiva 93/22/KEE, jew fl-Artikoli tagħha, għandhom jiġu mifhuma skont it-terminu ekwivalenti f’din id-Direttiva jew l-Artikoli tagħha.”

14

It-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva MiFID, intitolata “Is-servizzi u l-attivitajiet ta’ l-investimenti” għandha l-enumerazzjoni segwenti:

“1.

Ir-reċivemnt u trasmissjoni ta’ ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju wieħed jew iktar.

2.

It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti.

3.

Il-kummerċ akkont tiegħu inifsu.

4.

L-immaniġjar tal-portafoll.

5.

Il-pariri dwar l-investiment.

6.

Is-sottoskrizzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi sod ta’ impenn.

7.

It-tqegħid ta’ l-istrumenti finanzjarji mingħajr bażi soda ta’ impenn

8.

Il-ħidma tal-Faċilitajiet tal-kummerċ Multilaterali (MTF).”

15

Fost l-istrumenti finanzjarji elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ dan l-anness, jinsabu, fil-punt 1, it-“titoli trasferibbli ta’ sigurta”.

Id-Direttiva 2006/48

16

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2009/110/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 267, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/48”) jiddefinixxi istituzzjoni ta’ kreditu bħala li hija “impriża li n-negozju tagħha huwa li tirċievi depositi jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u li tikkonċedi krediti għaliha nnifisha”.

17

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-attivitajiet elenkati fl-Anness I jistgħu jitwettqu fit-territorji tagħhom, skond l-Artikoli 25, 26(1) sa (3), 28(1) u (2) u 29 sa 37 jew bl-istabbiliment ta’ fergħa jew permezz tal-provvista ta’ servizzi, minn xi istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata u taħt is-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, basta li dawk l-attivitajiet ikunu koperti bl-awtorizzazzjoni.”

18

L-Anness I tal-imsmemija direttiva, intitolata “Lista ta’ Attivitajiet Suġġetti għal Rikonoxximent Reċiproku”, fih l-elenku segwenti:

“[…]

7.

Negozjar għall-kont proprju u għall-kontijiet ta’ klijenti fi:

[…]

e)

titoli trasferibbli

8.

Parteċipazjoni fi ħruġ ta’ titoli u l-provvedimenti ta’ servizzi marbuta ma’ dan il-ħruġ

[…]

14.

[…]

Is-servizzi u l-attivitajiet ipprovvduti fit-Taqsimiet A u B tal-Anness I mad-Direttiva [MiFID] huma soġġetti għal rikonoxximent reċiproku skond din id-Direttiva meta jkollhom x’jaqsmu ma’ strumenti finanzjarji previsti fis-sezzjoni Ċ ta’ l-Anness 1 ta’ dik id-Direttiva.”

[…]”

Il-dritt Litwan

19

Skont l-Artikolu 2(3), (4), (11) u (12) tad-de l’Indėlių ir įsipareigojimų investuotojams draudimo įstatymas (il-Liġi Dwar il-Garanziji tad-Depożiti u l-Obbligi fir-Rigward tal-Investituri), tal-20 ta’ Ġunju 2002 (Žin., 2002, Nru 65-2635), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-18 ta’ Novembru 2011 sal-1 ta’ Diċembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Dwar il-Garanżiji tad-Deġożiti u l-Obbligi fir-Rigward tal-Investituri”), huwa jiddefinixxi kif ġej:

“3.   ‘Depożitant’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li għandha depożitu f’bank, f’fergħa ta’ bank jew f’kooperattiva bankarja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-persuni li d-depożiti tagħhom ma jistgħux jiġu assigurati taħt l-istess liġi. Meta persuna fiżika jew ġuridika (esklużi l-kumpanniji tal-ġestjoni li jamministraw fondi komuni ta’ investiment jew fondi ta’ pensjoni) ikollha depożitu fiduċjarju, il-fiduċjarju għandu jitqies bħala depożitant. Meta grupp ta’ persuni jkun, skont kuntratt, detentur tad-drittijiet ta’ kreditu fuq il-fondi, kull waħda minn dawn il-persuni ser titqies bħala depożitant u l-fondi għandhom jinqasmu ugwalment bejniethom, sakemm il-kuntratti li joħolqu l-krediti tagħhom jew deċiżjoni tal-qorti ma jipprovdux mod ieħor.

4.   ‘Depożitu’ tfisser l-ammont totali tal-fondi (inkluż l-interessi) ta’ depożitant li jinsabu f’bank, fergħa ta’ bank jew bank kooperattiv taħt kuntratt ta’ depożitu u/jew kont bankarju, u fondi oħra li d-depożitatur ikollu dritt ta’ kreditu fuqhom, li joriġina mill-impenn tal-istituzzjoni ta’ kreditu li twettaq tranżazzjonijiet bil-fondi tad-depożitant jew li tipprovdi servizzi ta’ investiment. (inkluż l-interessi).

[…]

11.   ‘Investitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun tat fondi jew titoli lid-detentur ta’ polza sabiex tibbenefika minn servizzi ta’ investiment amministrati minn dan tal-aħħar. […]

12.   ‘Obbligi fir-rigward tal-investitur’ tfisser obbligu tad-detentur ta’ polza li jipprovdi servizzi ta’ investiment lil investitur sabiex jagħti lura lil dan tal-aħħar il-fondi jew titoli li jappartjenu lilu”.

20

Mill-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-Garanziji tad-Depożiti u l-Obbligi fir-Rigward tal-Investituri jirriżulta li d-depożiti ta’ depożitanti fil-munita nazzjonali u f’muniti barranin ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu huma koperti mill-assigurazzjoni prevista minn din il-liġi. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, it-titoli ta’ kreditu maħruġa minn tali istituzzjoni huma esklużi minnha.

Il-proċeduri fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑688/15

21

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Snoras ħadet id-deċiżjoni li żżid il-kapital azzjonarju ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu u li toħroġ, għal dan il-għan, azzjonijiet ġodda li jkunu offerti lill-pubbliku.

22

Fit-3 ta’ Frar 2011, il-Vertybinių popierių komisija (il-Kummissjoni tas-Suq tat-Titoli, il-Litwanja) approvat il-prospett dwar dawn l-azzjonijiet futuri.

23

Fl-1 ta’ Marzu 2011, Snoras fetħet kont f’isimha ma’ istituzzjoni oħra ta’ kreditu, il-bankas “Finasta” AB (iktar ‘il quddiem “Finasta”), sabiex jiġu kkonsenjati fiha l-fondi, li jikkorrispondu għall-prezz tal-imsemmija azzjonijiet futuri, li ser ikunu mogħtija minn dawk li ser jissottoskrivu fil-futur.

24

Bejn id-9 ta’ Marzu u s-16 ta’ Mejju 2011, A. Anisimovienė u oħrajn iffirmaw ma’ Snoras kuntratti ta’ sottoskrizzjoni dwar l-azzjonijiet futuri inkwistjoni. Sussegwentement, ammont ekwivalenti għall-prezz tal-ħruġ ta’ dawn l-azzjonijiet ġie ddebitat mill-kontijiet bankarji miżmuma minn dawn l-individwi ma’ Snoras u kkreditati fil-kont miftuħ f’isem din tal-aħħar ma’ Finasta. F’xi każijiet, Snoras għamlet dawn il-movimenti tal-kont hija stess; f’każijiet oħra, il-klijenti ħadu l-inizjattiva.

25

Fil-5 ta’ Mejju 2011, Snoras talab lill-Lietuvos Bankas (il-Bank tal-Litwanja) l-awtorizzazzjoni sabiex il-bidliet fl-istatuti tagħha wara ż-żieda futura fil-kapital azzjonarju jiddaħħlu fir-reġistru tal-kumpanniji.

26

Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Bank tal-Litwanja ddeċieda li jissospendi l-attivitajiet ta’ Snoras, sas-16 ta’ Jannar 2012. Permezz ta’ digriet tal-istess jum, il-Gvern Litwan innazzjonalizza din l-istituzzjoni ta’ kreditu għal raġuni ta’ utilità pubblika. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2011, il-Bank tal-Litwanja rrifjuta lill-imsemmija istituzzjoni l-awtorizzazzjoni li jitniżżlu fir-reġistru tal-kumpanniji il-modifiki tal-istatuti tagħha u, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, irrevoka l-awtorizzazzjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, fis-7 ta’ Diċembru 2011, din l-istess istituzzjoni tqiegħdet fi stralċ ġudizzjarju, b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2011.

27

Konsegwentemnt, Snoras ma wettqitx il-ħruġ tal-azzjonijiet previst. A. Anisimovienė u oħrajn ippreżentaw quddiem il-Vilniausapygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), rikors sabiex tirrikonoxxi l-istatus ta’ “depożitanti” ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tal-Liġi Dwar il-Garanziji tad-Depożiti u l-Obbligi fir-Rigward tal-Investituri.

28

Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ A. Anisimovienė u oħrajn billi qieset li, b’mod partikolari, li dawn il-persuni kellhom jitqiesu bħala li ma kinux depożitanti, iżda investituri u li l-fondi li taw lil Snoras għas-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li din l-istituzzjoni ta’ kreditu kellha l-intenzjoni li toħroġ ma setgħux jitqiesu bħala “depożiti”, fis-sens ta’ din il-liġi.

29

Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Marzu 2015, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. A. Anisimovienė u oħrajn għaldaqstant appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

30

Fil-kuntest ta’ dan l-appell, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati bħala “depożiti” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, il-fondi li A. Anisimovienė u oħrajn taw lil Snoras bħala sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet li, finalment, ma nħarġux minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [94/19] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jitqiesu bħala depożiti, taħt din id-direttiva, fondi ddebitati bil-qbil mal-persuni jew ittrasferiti jew imħallsa minn dawn l-istess persuni fuq kont miftuħ f’isem istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab f’istituzzjoni oħra ta’ kreditu?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [94/19] moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-garanzija ta’ depożiti sal-ammont previst fl-Artikolu 7(1) [tal-imsemmija direttiva] għandha tkopri kull persuna li l-kreditu tagħha jista’ jiġi stabbilit qabel il-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) [tal-istess direttiva]?

3)

Id-definizzjoni ta’ “transazzjoni bankarja normali” hija importanti, fis-sens tad-Direttiva [94/19], sabiex il-kunċett ta’ depożitu jiġi interpretat bħala bilanċ ta’ kreditu minn tranżazzjonijiet bankarji? Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ depożitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi [din id-Direttiva] għandu jiġi interpretat ukoll?

4)

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija affermattiva, kif għandhom jinftiehem u jiġi interpretat il-kunċett ta’ tranżazzjoni bankarja normali użat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [94/19]:

a)

Liema tranżazzjonijiet bankarji għandhom jitqiesu bħala normali jew skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk tranżazzjoni bankarja speċifika hijiex normali?

b)

Il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet bankarji normali għandu jiġi interpretat skont l-għan tat-tranżazzjonijiet bankarji magħmula jew skont l-operaturi li bejniethom dawn it-tranżazzjonijiet bankarji huma eżegwiti?

c)

Il-kunċett ta’ depożitu kif użat fid-Direttiva [94/19], bħala bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn tranżazzjonijiet bankarji normali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi biss il-każijiet fejn it-tranżazzjonijiet kollha fl-oriġini tal-formazzjoni ta’ dan il-bilanċ jiġi kklassifikati bħala normali?

5)

Fil-każ li l-fondi li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ depożitu skont id-Direttiva [94/19], u fejn l-Istat Membru jkun għażel metodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi [94/19] u [97/9], fid-dritt nazzjonali li jipprevedi li l-fondi li fuqhom id-depożitant għandu kreditu li ġej mill-impenn ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi servizzi ta’ investiment jitqiesu wkoll depożiti, il-protezzjoni tal-garanzija tad-depożiti tista’ tapplika biss jekk ikun stabbilit li istituzzjoni ta’ kreditu aġixxiet fil-każ speċifiku bħala impriża ta’ investiment u li l-fondi kienu ġew fdati lilha sabiex teżerċita attività ta’ investiment, fis-sens tad-Direttivi [97/9], u 2004/39/KE?”

Kawża C‑109/16

32

Il-Kummissjoni tas-Suq tat-Titoli Litwana approvat, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Lulju 2011, prospett tal-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet ġodda li Snoras kellha l-intenzjoni li toħroġ u li toffri lill-pubbliku. Abbażi ta’ dan il-prospett, din l-istituzzjoni ta’ kreditu setgħet tagħmel diversi ħruġ fuq terminu medju trasferibbli, suġġett għall-pubblikazzjoni minn qabel tal-kundizzjonijiet finali applikabbli għaliha.

33

L-imsemmi prospett kien jindika li, l-ewwel nett, dawn l-obbligi futuri ser jitqassmu minn Snoras hija stess u li l-individwi setgħu jixtruhom direttament fil-fergħat, l-aġenziji u s-servizzi l-oħra ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu. It-tieni nett, il-prezz tal-ħruġ tal-obbligazzjonijiet kellu jkun pagabbli fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni marbut miegħu. Għal dan il-għan, ix-xerrej kellu jkollu l-fondi korrispondenti f’kont miftuħ ma’ Snoras u jawtorizza lil dan il-bank sabiex jiddebitah. It-tielet nett, id-data ta’ twettiq murija fil-kundizzjonijiet finali tal-ħruġ tkun dik tal-ħruġ tal-obbligazzjonijiet inkwistjoni. Ir-raba’ nett, ladarba jsir il-ħruġ, dawn l-obbligazzjonijiet ikunu rreġistrati f’kont ta’ titoli miftuħa, f’isem ix-xerrejja, ma’ Snoras.

34

Fit-2 ta’ Novembru 2011, Snoras ippubblika l-kundizzjonijiet finali tal-ħdax il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet fit-terminu medju.

35

Fl-10 ta’ Novembru 2011, A. Raišelis iffirma ma’ Snoras, minn naħa, kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ investiment u min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ dwar 40 obbligazzjoni li jaqgħu f’dan il-ħdax-il wieħed tal-ħruġ. Fl-istess jum, huwa qiegħed il-fondi li jikkorrispondu ma’ dawn l-obbligazzjonijiet futuri fil-kont bankarju personali tiegħu miftuħ ma’ Snoras. L-għada, A. Raišelis iffirma sottoskrizzjoni ġdida ma’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, identiku għall-ewwel wieħed, ħlief li d-data indikata biss għall-firma u l-ħlas tal-imsemmija obbligazzjonijiet kienu żdiedu sal-11 ta’ Novembru 2011. Fl-istess data, ammont ta’, ammont ekwivalenti għall-imsemmi prezz tal-ħruġ ġie ddebitat minn Snoras fil-kont ta’ A. Raišelis u kkreditat f’kont miftuħ f’isem din l-istituzzjoni ta’ kreditu fl-istess istituzzjoni, allokat għall-ħlas tal-istess obbligazzjonijiet.

36

Snoras, madankollu, saret insolventi qabel ma setgħet twettaq il-ħruġ tal-obbligazzjonijiet inkwistjoni.

37

A. Raišelis għaldaqstant ippreżenta rikors quddiem il-Vilniaus miesto 2-asis apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali Numru 2 ta’ Vilnius, il-Litwanja) kontra l-impriża pubblika responsabbli, fil-Litwanja, għall-iskemi ta’ garanzija ta’ depożiti u ta’ kumpens tal-investituri. F’dan il-kuntest, sostna li kien intitolat li jibbenefika mill-kumpens previst mill-Att dwar l-Assigurazzjoni tad-Depożitu u l-Kumpens tal-Investitur.

38

L-imsemmija qorti distrettwali ċaħdet ir-rikors ta’ A. Raišelis, b’sentenza tas-7 ta’ Settembru 2012. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li, dan tal-aħħar kien ikun intitolat biss għall-kumpens tal-garanzija f’każ li Snoras kienet użat il-fondi kontenzjużi mingħajr il-kunsens tiegħu, li ma kienx il-każ. Barra minn hekk, skont din l-istess qorti, obbligi bħal dawk li Snoras kellu joħroġ ma setgħux jagħtu lok għall-imsemmi kumpens.

39

Fl-appell, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius), fis-17 ta’ Ottubru 2013, annullat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza u rrikonoxxiet lil A. Raišelis id-dritt għall-kumpens mitlub. Fil-fehma tal-qorti tal-appell, A. Raišelis għandu jitqies bħala “investitur” fis-sens tal-Att dwar l-Assigurazzjoni tad-Depożitu u l-Kumpens tal-Investitur, u l-fondi li hija żammet fuq il-kont f’isem Snoras kellhom jiġu kklassifikati bħala “depożiti” li jibbenefikaw mill-garanzija prevista minn din il-liġi. IDD appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja).

40

Din il-qorti tqis li l-eżitu tal-imsemmi appell jiddependi, l-ewwel nett, mill-kwistjoni jekk, id-Direttiva 94/19 jew id-Direttiva 97/9 tistax tkopri l-fondi mogħtija minn A. Raišelis li Snoras għat-tranżazzjoni ta’ sottoskrizzjoni kontenzjuża.

41

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi li tali fondi jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/9, il-qorti tar-rinviju jkollha, għaldaqstant, dubji dwar it-traduzzjoni korretta, bil-lingwa, tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva u t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-Att Att dwar l-Assigurazzjoni tad-Depożitu u l-Kumpens tal-Investitur.

42

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi li fondi bħal dawk mogħtija minn A. Raišelis lil Snoras għas-sottoskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet kontenzjużi futuri jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/19, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-fondi jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġu kklassifikati bħala ”depożiti” fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu teżerċita funzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment, li jiġu ttrasferiti lilha fondi bl-għan li jiġu akkwistati strumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjoni ta’ kreditu stess, iżda dan il-ħruġ ma jkunx seħħ u dawn l-istrumenti ma jkunux saru l-proprjetà tal-persuna li ħarġet il-fondi, filwaqt li dawn il-fondi jkunu diġà ġew ittrasferiti mill-kont bankarju ta’ din il-persuna f’kont miftuħ f’isem l-istituzzjoni ta’ kreditu u ma jkunux jistgħu jitħallsu lura, u, barra minn hekk, il-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ skema ta’ protezzjoni speċifika f’din is-sitwazzjoni ma tkunx ċara, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 97/9 jistgħu jiġu applikati direttament sabiex tiġi ddeterminata l-iskema ta’ protezzjoni applikabbli għal dawn il-fondi, u l-użu intiż tagħhom huwa, f’dan ir-rigward, il-kriterju prinċipali? Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati u joħolqu drittijiet suġġettivi sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

2)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jiddetermina l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens għall-investituri, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri wkoll talbiet għar-rimbors ta’ fondi li l-impriża ta’ investiment għandha tħallas lill-investituri u li ma humiex miżmuma minnha f’isem dawn tal-aħħar?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jispeċifika l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens, huwa suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat u joħloq drittijiet suġġettivi li jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

4)

L-Artikolu 1.1 tad-Direttiva 94/19 għandu jinftiehem u jiġi mifhum u interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkunsidrat bħala depożitu, skont din id-direttiva, it-trasferiment ta’ fondi mill-kont personali ta’ persuna bil-kunsens tagħha, f’kont miftuh fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu u f’isem din tal-aħħar u li huwa intiż għall-ħlas ta’ strumenti ta’ dejn futuri ta’ dan l-istabbiliment?

5)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 94/19 għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-kumpens bħala garanzija għad-depożiti għandu jitħallas, fil-limitu tas-somma indikata fl-Artikolu 7(1) [ta’ din id-direttiva], lil kull persuna li d-dritt ta’ kreditu tagħha jista’ jiġi stabbilit qabel id-data li fiha issir il-konstatazzjoni jew tingħata d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) [tal-imsmemi direttiva]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44

Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2016, Anisimovienė et (C‑688/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:92) u tat-13 ta’ April 2016, Indėlių ir investicijų draudimas (C‑109/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:267), it-talbiet tal-qorti tar-rinviju li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew miċħuda.

45

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Jannar u d-29 ta’ Frar 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ trattament prijoritarju lill-Kawża C‑688/15 u lill-Kawża C‑109/16, skont l-Artikolu 53(3) tal-imsemmi regolament.

46

Fl-aħħar nett, fid-29 ta’ Frar 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad dawn iż-żewġ kawżi, wara li kkunsidra l-konnessjoni tagħhom, għall-finijiet tal-proċedura orali u s-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑688/15 u fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda fil-Kawża C‑109/16

47

Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑688/15 u t-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑109/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju nazzjonali, essenzjalment, tistaqsi jekk minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9 u, min-naħa l-oħra, dawk tad-Direttiva 94/19 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li talbiet relatati ma’ fondi, iddebitati lil kontijiet li individwi kienu intitolati għalihom tagħhom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u kkreditati għal kontijiet miftuħa f’isem din l-istituzzjoni, bħala sottoskrizzjoni ta’ titoli trasferibbli futuri tagħhom li din tal-aħħar kellha tkun l-emittent, f’ċirkustanzi li fihom il-ħruġ ta’ dawn it-titoli ma kienx finalment twettaq minħabba l-falliment ta’ din l-istituzzjoni, jaqgħux, minn naħa, fl-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9 u/jew, min-naħa l-oħra, l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19.

48

Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandhom jiġu interpretati, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9, u, wara, dawk tad-Direttiva 94/19.

Fuq id-Direttiva 97/9 – l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri

49

Kif jirriżulta mill-premessi 4 u 8 tad-Direttiva 97/9, l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti minn din id-direttiva huma maħsuba sabiex ikopru l-fondi u l-istrumenti li impriża ta’ investimenti żżomm fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ investiment tal-klijenti tagħha u li, fil-każ li tali impriża ma’ tkunx tista’ tonora l-impenji tagħha fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, ma jistgħux jitħallsu lura. Meta tipprevedi tali skemi, id-Direttiva 97/9 għandha l-għan kemm li tipproteġi lill-investituri kif ukoll li tiżgura l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema finanzjarja.

50

F’dan il-kuntest, l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 jipprevedi li l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri għandhom ikopru t-talbiet li jirriżultaw mill-inkapaċità ta’ impriża ta’ investiment li tirrimborsa tali investituri, skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli, peress li l-fondi kienu dovuti lilhom jew jappartjenu lilhom jew miżmuma f’isimhom dwar tranżazzjonijiet ta’ investiment.

51

Sabiex jiġi stabbilit jekk talbiet bħal dawk fil-kawża prinċipali jaqgħux fl-ipoteżijiet hemm imsemmija, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li jiġi deċiż jekk il-kunċetti ta’ “ditta ta’ l-investiment” u “negozju ta’ l-investiment” imsemmija fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 u, fit-tieni lok, dwar kundizzjoni possibbli relatata mar-reġistrazzjoni tal-fondi kkonċernati f’kont miftuħ f’isem l-investitur li qed jinvokahom.

– Fuq il-kunċetti ta’ “ditta ta’ l-investiment” u ta’ “negozju ta’ l-investiment”, fis-sens tad-Direttiva 97/9

52

Skont l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, it-talbiet għandhom jiġu koperti mill-iskemi ta’ kumpens tal-investituri li jirrigwardaw fondi dovuti lil “investitur” jew li jappartjeni lili jew miżmuma f’ismu minn “ditta ta’ l-investiment” fir-rigward ta’ “negozju ta’ l-investiment” wieħed jew iktar.

53

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 97/9 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “investitur” bħala kull persuna li fdat fondi jew strumenti, fil-kuntest ta’ “negozju ta’ l-investiment”, lil “ditta ta’ l-investiment”, fir-rigward tal-aħħar żewġ kunċetti, il-punti 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jirreferu, rispettivament, għad-definizzjoni mogħtija fid-Direttiva 93/22 u għas-“servizzi ta’ investiment” kif iddefiniti minn din id-direttiva u elenkati fl-anness tagħha.

54

Id-Direttiva 93/22, li stabbilixxiet ir-regoli applikabbli għall-impriżi tal-investiment fl-Unjoni, ġiet issostitwita, mill-1 ta’ Novembru 2007, mid-Direttiva MiFID. Skont l-Artikolu 69 tagħha, minn dik id-data, kwalunkwe riferiment għall-kliem iddefiniti fid-Direttiva 93/22 jinftiehem bħala riferiment għat-termini ekwivalenti ddefiniti fid-Direttiva MiFID. F’din il-kawża, għaldaqstant hemm lok li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/9, wieħed jibbaża fuq id-definizzjonijiet ta’ “ditta ta’ l-investiment” li tinsab fl-Artikolu 4(1) u u ta’ “servizzi u attivitajiet ta’ investiment” li jinsabu fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva MiFID.

55

F’dan il-kuntest mil-Artikolu 4(1)(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li “ditta [impriża] ta’ investiment” tfisser persuna ġuridika li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma “l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali”. Skont l-istess loġika, l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu approvati “meta jipprovdu servizz ta’ investiment jew iktar u/jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment”.

56

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk talbiet bħal dawk ta’ A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll ta’ A. Raišelis kontra Snoras li jistgħu jkunu koperti mill-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-fondi li magħhom huma relatati dawn it-talbiet ingħatawx lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mis-servizzi jew attivitajiet ta’ investiment, fis-sens tad-Direttiva MiFID, ipprovduti jew eżerċitati mill-imsemmija istituzzjoni.

57

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva MiFID, hemm lok li “servizzi u attivitajiet ta’ investiment” jinftiehmu kull wieħed u waħda mis-servizzi u l-attiviatjiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-imsemmi anness.

58

Huma paċifiku li azzjonijiet u obbligazzjonijiet bħal dawk li Snoras kellha l-intenzjoni toħroġ jaqgħu fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-imsemmija Taqsima Ċ. Fil-fatt tinsab, fil-punt 1 ta’ din it-taqsima, il-kategorija ta’ “titoli trasferibbli ta’ sigurta”, jiġifieri, skont l-Artikolu 4(1)(18) tad-Direttiva MiFID, it-titoli negozjabbli fis-suq ta’ kapitali, inklużi l-azzjonijiet ta’ kumpannija u l-obbligazzjonijiet.

59

Fir-rigward tal-kundizzjoni tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva MiFID, il-Gvern Litwan isostni li istituzzjoni ta’ kreditu ma tipprovdix wieħed mis-servizzi u ma twettaq l-ebda wieħed mill-attivitajiet elenkati f’din it-taqsima meta tqassam lill-pubbliku, inklużi l-klijenti tagħha, strumenti finanzjarji li hija l-emittent tagħhom. Fil-fatt, meta toffri lill-pubbliku dawn l-istrumenti, din l-istituzzjoni taġixxi mhux bħala intermedjarju finanzjarju, iżda bħala kwalunkwe kumpannija oħra li toħroġ titoli.

60

Ċertament, kif isostni l-imsemmi gvern, l-offerta pubblika minn istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ strumenti finanzjarji li hija l-emittent tagħha, ma hijiex, fiha nnifisha “servizz jew attività ta’ investiment”, fis-sens tad-Direttiva MiFID, peress li ma tinsabx fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

61

Madankollu, il-fatt li istituzzjoni ta’ kreditu tiffirma, mal-klijenti tagħha, kuntratti ta’ sottoskrizzjoni dwar strumenti finanzjarji li hija l-emittenti timplika, għall-kuntrarju, il-provvista ta’ tali servizzi ta’ investiment. Kif isostnu A. Raišelis u l-Kummissjoni Ewropea, il-firma, minn istituzzjoni ta’ kreditu, ta’ tali kuntratti ta’ sottoskrizzjoni mal-klijenti tagħha taqa’ b’mod partikolari fit-“twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti” imsemmi fil-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva MiFID.

62

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ twettiq ta’ ordnijiet “f’isem il-klijenti” għandu jitqies sinonimu ma’ dak ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet “f’isem il-klijenti”, li d-definizzjoni tiegħu tidher fl-Artikolu 4(1)((5) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kunċetti huma relatati b’mod ċar, fid-Direttiva MiFID, għall-istess servizz wieħed u, barra minn hekk, il-maġġoranza l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva jużaw l-istess espressjoni kemm fl-Anness kif ukoll fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

63

Madankollu, skont din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ “twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti” ifisser il-fatt li jiġu konklużi ftehimiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem il-klijenti.

64

Issa, huwa paċifiku li kuntratt ta’ sottoskrizzjoni relatat ma’ strumenti finanzjarji jikkostitwixxi tali ftehim. Fir-rigward tal-fatt li, fil-kuntest tas-servizz ta’ “twettiq ta’ l-ordnijiet”, dan il-ftehim huwa ffirmat “f’isem il-klijenti”, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, dawn il-kliem jistgħu, fl-astratt, jinftiehmu li istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax titqies bħala li tipprovdi dan is-servizz lil klijent meta r-rwol tiegħu fl-iffirmar tal-ftehim ma huwiex limitat għal dak ta’ intermedjarju u huwa wkoll parti fl-istess ftehim, bħala emittent tal-istrumenti finanzjarji li dan il-klijent jixtieq jakkwista.

65

Dawn l-istess termini għandhom, madankollu, jitqiegħdu fil-kuntest li fihom huma miktuba. B’mod partikolari, huwa xieraq li jitqiegħdu s-servizzi ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet “f’isem il-klijenti” f’oppożizzjoni mal-attività ta’ negozjar “akkont tiegħu inifsu” imsemmija fil-punt 3 tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva MiFID. Skont l-Artikolu 4(1)(6) ta’ din id-direttiva, din l-attività tikkonsisti fil-fatt li tinnegozja, bl-użu għall-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet.

66

Minn dan jirriżulta li d-Direttiva MiFID hija bbażata fuq dikotomija bejn, minn naħa, il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri jew bejgħ ta’ strumenti finanzjarji minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment għall-benefiċċju tagħhom stess, billi jintużaw il-kapitali tagħhom stess, u, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni ta’ tali ftehimiet minn dawn l-istituzzjonijiet u dawn l-impriżi għall-benefiċċju tal-klijenti tagħhom, billi użaw il-kapital ta’ din tal-aħħar. F’din il-perspettiva, ftehim ta’ dan it-tip għandu jkun ikkunsidrat konkluż minn istituzzjoni ta’ kreditu “f’isem il-klijenti” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(5) u l-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva fejn klijent huwa benefiċjarju u juża l-kapitali tiegħu, anki fejn dik l-istituzzjoni hija wkoll parti f’dan il-ftehim bħala emittent tal-istrumenti kkonċernati.

67

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva MiFID. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi 2, 5 u 44, din id-direttiva tfittex b’mod partikolari li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni għall-investituri, li tippriżerva l-integrità u l-effikaċja globali tas-sistema finanzjarja kif ukoll sabiex tiggarantixxi t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji.

68

Issa, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, huwa irrilevanti jekk l-istrumenti finanzjarji li istituzzjoni ta’ kreditu tqassam lill-pubbliku humiex maħruġa minn kumpanniji terzi jew mill-istituzzjoni nnifisha.

69

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-fatt, għal istituzzjoni ta’ kreditu, li tiffirma kuntratti ta’ sottoskrizzjoni mal-klijenti tagħha, dwar titoli trasferibbli li din l-istituzzjoni tkun l-emittent, jikkostitwixxi servizz ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva MiFID. Konsegwentement, talbiet relatati ma’ fondi mibgħuta mill-klijenti tagħha lill-imsemmija istituzzjoni relatati ma’ dawn il-kuntratti jistgħu jkunu koperti mill-iskemi ta’ kumpens għall-investituri, skont l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9.

70

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata, f’dan il-każ, mill-argument imqajjem mill-Gvern Litwan u IID li jgħid li talbiet bħal dawk li fuqhom jibbażaw A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll A. Raišelis ma jistgħux jiġu kkumpensati abbażi tad-Direttiva 97/9, sa fejn dawn il-krediti jirriżultaw mit-twettiq ta’ riskju ta’ investiment, jiġifieri l-falliment tal-emittent tal-istrumenti finanzjarji li dawn l-individwi xtaqu jakkwistaw u li kontra tagħhom din id-direttiva ma tipprevedi ebda protezzjoni.

71

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 97/9 ma għandhiex l-għan li tipproteġi lill-investituri minn riskji inerenti fi kwalunkwe investiment. B’mod partikolari, din id-direttiva ma għandhiex tendenza li tipproteġi lil dawn tal-aħħar kontra l-falliment ta’ kumpanniji emittenti ta’ strumenti finanzjarji li tagħhom huma intitolati. Bħala tali, ir-riskju ta’ falliment tal-emittent ma jistax jiġi kopert mill-imsemmija direttiva minħabba biss li, għal tranżazzjoni ta’ investiment partikolari, l-imsemmi emittent ikun istituzzjoni ta’ kreditu jew impriża ta’ investiment.

72

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll A. Raišelis qatt ma akkwistaw il-proprjeta` ta’ strumenti finanzjarji li bħala korrispettiv tagħhom huma jkunu taw il-fondi kontenzjużi lil Snoras, peress li l-ħruġ tal-imsemmija strumenti ma setax jitwettaq qabel il-falliment ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-telf ta’ valur ta’ strumenti finanzjarji miżmuma minn investitur, jew l-inkapaċità tal-emittent ta’ dawn l-istrumenti li jirrimborsa lil dan l-investitur il-flus kontanti tal-imsemmija strumenti ma humiex inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija inkwistjoni l-inkapaċità ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li taġixxi bħala impriża ta’ investiment, li tagħti tali strumenti lill-klijenti li jixtiequ jiksbu l-proprjetà u, għaldaqstant, li tonoraw l-impenji tagħha fir-rigward tagħhom. Issa, din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi twettiq tar-riskju kopert mid-Direttiva 97/9.

74

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 97/9, b’mod partikolari dak tal-protezzjoni tal-investituri kontra r-riskju ta’ frodi, negliġenza professjonali jew żball ta’ ġestjoni li jrendi l-impriża ta’ investiment inkapaċi li tħallas lura l-fondi u t-titli li jappartjenu lilhom. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, u kif issostni l-Kummissjoni, huwa essenzjali li l-fondi li tali impriża jew istituzzjoni tal-kreditu żżomm ta’ investitur li jixtieq jakkwista strumenti finanzjarji, qabel il-ħruġ ta’ dawn l-istrumenti, ikunu protetti, irrispettivament minn jekk l-imsemmija strumenti jinħarġux minn kumpanija terza jew minn din l-istituzzjoni.

– Fuq l-assenza ta’ kundizzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-fondi kkonċernati f’kont miftuħ f’isem l-investitur

75

Fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tad-Direttiva 97/9, l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din tal-aħħar jipprevedi, kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li kopertura għandha tiġi żgurata mill-iskemi ta’ kumpens għal investituri għat-talbiet li jirriżultaw mill-inkapaċità ta’ impriża ta’ investiment li tirrimborsa lill-investituri il-“flejjes dovuti minnha jew li jappartjenu lill-investituri u miżmuma f’isimhom” b’konnessjoni man-negozju tal-investiment, konformement mal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli.

76

Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija sostanzjalment iktar restrittiva fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tad-Direttiva 97/9. F’din il-verżjoni, l-imsemmija dispożizzjoni tindika li t-talbiet li jirriżultaw mill-inkapaċità ta’ impriża ta’ investiment li tirrimborsa lill-investituri il-“flejjes dovuti lilhom u miżmuma f’isimhom” f’konnessjoni ma’ tranżazzjonijiet ta’ investiment, konformement mal-imsemmija dispożizzjonijiet (“[k]ompensacija turi būti mokama pagal tuos reikalavimus, kurie kilo dėl investicinės įmonės nepajėgumo grąžinti pinigus, priklausančius investuotojams ir laikomus jų vardu ryšium su investicine veikla”).

77

Issa, dawn il-kliem jistgħu jinftiehmu bħala li huma biss it-talbiet relatati ma’ fondi miżmuma minn impriża ta’ investiment, jew istituzzjoni ta’ kreditu li taġixxi bħala tali, f’kontijiet miftuħa fl-ismijiet ta’ investituri għandhom ikunu koperti minn skemi ta’ kumpens għal investituri previsti mid-Direttiva 97/9.

78

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos, C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa, C‑48/16, EU:C:2017:377, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 97/9 ttendi, f’dan ir-rigward, li tipproteġi l-investituri minn sitwazzjoni fejn impriża ta’ investiment ma tistax tissodisfa l-impenji tagħha fir-rigward tagħhom. Konformement ma’ dan l-għan, l-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ investiment “investitur” bħala kwalunkwe persuna li tkun fdat il-flus jew strumenti, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ investiment, li tali impriża. Bl-istess mod, il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva tkopri, b’mod ġenerali, “flus u strumenti miżmuma minn ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet ta’ l-investiment mill-investitur”.

80

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9 ma jistgħux ikunu limitati sabiex ikopru t-talbiet dwar fondi miżmuma mill-impriżi ta’ investiment jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaġixxu bħala tali fuq kontijiet miftuħa f’isem investituri.

81

Konsegwentement, il-fatt li talbiet bħal dawk ta’ A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll ta’ A. Raišelis huma relatati ma’ fondi li jinsabu rreġistrati mhux f’kontijiet miftuħa f’isimhom, iżda f’kontijiet li l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni hija d-detentur tagħhom, ma jeskludix li għandhom ikunu koperti mill-iskemi ta’ kumpens għal investituri, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 huma ssodisfatti.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li krediti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fl-iskemi ta’ kumpens għal investituri previsti mid-Direttiva 97/9.

Fuq id-Direttiva 94/19 – l-iskema ta’ garanzija għad-depożiti

83

Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 94/19, l-iskop tal-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti minn din id-direttiva huwa li jipproteġi l-individwi kontra l-indisponibbiltà ta’ depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Meta tipprevedi tali skemi ta’ garanzija għad-depożiti, id-Direttiva 94/19 timmira, kif jindikaw l-ewwel u r-raba’ premessa tagħha, kemm sabiex tipproteġi lid-depożitanti kif ukoll sabiex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema bankarja, billi tevita l-fenomeni ta’ rtirar massiċċ ta’ depożiti mhux biss ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, iżda wkoll ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom bħala riżultat ta’ telf ta’ kunfidenza pubblika fis-saħħa ta’ din is-sistema.

84

F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “depożitu” għandu jfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn tranżazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli, u kwalunkwe talba ippruvata permezz ta’ titolu ta’ dejn maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

85

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-fondi li jinvokaw A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll A. Raišelis lanqas ma kienu akkreditati lill-kontijiet li dawn l-individwi kienu intitolati għalihom tagħhom ma’ Snoras fil-jum tal-indisponibbiltà ta’ depożiti tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-titoli trasferibbli futuri li huma kienu ssottoskrivew u li din l-istituzzjoni ta’ kreditu kellha tkun l-emittent finalment ma nħarġux qabel il-falliment tal-imsemmija istituzzjoni. Barra minn hekk, għal dawn it-titoli, jekk l-obbligazzjonijiet inkwistjoni fil-Kawża C‑109/16 jaqgħu taħt “[titoli ta’ dejn]”, previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, l-azzjonijiet inkwistjoni fil-Kawża C‑688/15 jikkostitwixxu, għall-kuntrarju, titoli ta’ kapital li għalihom din id-direttiva ma tipprevedi l-ebda garanzija (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C‑76/15, EU:C:2016:975, punti 66 u 67).

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat biss jekk dawn talbiet bħal dawn fir-rigward ta’ dawn l-individwi fir-rigward ta’ Snoras jistgħux jiġu marbuta mat-tieni ipoteżi ta’ “depożiti” li hemm fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, jiġifieri dik ta’ “xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli”.

87

Mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 94/19, kif imfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li jaqgħu f’din l-ipoteżi t-talbiet kontra istituzzjoni ta’ kreditu, relatati ma’ fondi ta’ depożitanti implikati fi “tranżazzjoni[…] bankarj[a] normali” waħda jew iktar u li jinsabu f’sitwazzjoni tranżitorja li tirriżulta minn dawn it-tranżazzjonijiet.

88

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-punt dwar jekk talbiet bħal dawk ta’ A. Anisimovienė u oħrajn kif ukoll A. Raišelis kontra Snoras jirrigwardawx fondi implikati fi “transazzjonijiet bankarji normali”, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 94/19 ma tiddefinixxix x’għandu jinftiehem b’dawn il-kliem u ma tirreferix għad-drittijiet nazzjonali fir-rigward tat-tifsira tagħhom.

89

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja lok, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalih id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dan fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża l-kliem u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li huwa jagħmel parti minnha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Fis-sens ordinarju tagħhom, il-kliem “transazzjonijiet bankarji normali” jirreferu għat-tranżazzjonijiet li ġeneralment jitwettqu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-definizzjoni mogħtija, f’termini identiċi, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 94/19 u l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/48, dwar l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżerċizzju tagħha, l-attività karatteristika ta’ tali istituzzjonijiet hija li tirċievi mill-pubbliku depożiti jew fondi oħra rrimborsabbli u li tagħti krediti għall-kont proprju tagħhom.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa paċifiku li dawn l-istabbilimenti normalment iwettqu, b’mod relatat ma’ din l-attività, firxa wiesgħa ta’ tranżazzjonijiet, li l-leġiżlatur tal-Unjoni fassal lista tagħhom fl-Anness I ta’ din l-aħħar direttiva. Fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 94/19 u d-Direttiva 2006/48 japplikaw għaż-żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu u li għandhom għanijiet komuni, b’mod partikolari l-protezzjoni tat-tfaddil u tad-depożitanti, l-enumerazzjoni ta’ attivitajiet li jinsabu fl-imsemmi anness huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “transazzjonijiet bankarji normali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

93

Issa, fil-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/48, jinsabu tranżazzjonijiet fl-isem stess tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew f’isem il-klijenti ta’ din tal-aħħar fuq, b’mod partikolari, it-titoli trasferibbli, kif ukoll, fil-punt 8 ta’ dan l-anness, il-parteċipazzjoni fil-ħruġ ta’ titoli u l-l-provvisti ta’ servizzi relatati magħhom. Barra minn hekk, u b’konsistenza sħiħa mal-ispjegazzjoni fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi anness jsemmi wkoll is-“servizzi u attivitajiet ta’ investiment” kif iddefiniti mid-direttiva MiFID.

94

Minn dawn l-elementi jirriżulta li s-sottoskrizzjoni ta’ titoli futuri f’isem il-klijenti tagħha hija waħda mit-tranżazzjonijiet li normalment jitwettqu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom. Konsegwentement, u fid-dawl tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 94/19, kif imfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, tali tranżazzjoni għandha tiġi deskritta bħala “transazzjoni bankarja normali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 meta titwettaq mill-istituzzjoni ta’ kreditu, bħal fil-kawża prinċipali, meta jintużaw il-fondi tad-depożitanti tagħha. Barra minn hekk, u b’analoġija mar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 61 sa 66 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-fatt li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija l-emittent tat-titoli futuri kkonċernati ma jikkontestax din il-klassifikazzjoni.

95

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ jekk it-tranżazzjonijiet ta’ sottoskrizzjoni għat-titoli futuri trasferibbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżultawx f’“sitwazzjoni temporanja” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, għandu jiġi kkunsidrat li, meta, fil-kuntest ta’ tali tranżazzjonijiet, il-fondi tad-depożitanti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jiġu ddebitati, qabel il-ħruġ ta’ dawn it-titoli trasferibbli, mill-kont bankarju ta’ dawn tal-aħħar u kkreditati f’kontijiet miftuħa f’isem din l-istituzzjoni, fejn ikunu mogħtija sabiex isiru l-korrispettiv tal-akkwist tal-imsemmija titoli trasferibbli ladarba jkunu nħarġu, dawn il-fondi fil-fatt jinsabu f’tali “sitwazzjoni temporanja”.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, talbiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fl-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19, peress li huma relati ma’ “bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

97

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata, fil-Kawża C‑688/15, mill-fatt li l-kont bankarju li fih huma rreġistrati l-fondi li jinvokaw A. Anisimovienė u oħrajn huwa miftuħ, mhux ma’ Snoras, iżda ma’ istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ipoteżi ta’ “bilamnċ ta’ kreditu li jirriżulta minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali” imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, il-post fejn jinsab il-kont li fuqu l-istituzzjoni ta’ kreditu rreġistrat il-fondi matul it-tranżazzjonijiet bankarji normali ma huwiex determinanti.

98

Din l-istess interpretazzjoni lanqas ma hija kkontestata, fil-Kawża C‑109/16, mill-fatt li r-Repubblika tal-Litwanja għamlet użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 94/19, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, billi eskludiet mill-garanzija tad-depożiti t-titoli maħruġa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fatt, din l-esklużjoni hija irrilevanti f’din il-kawża, li fir-rigward tagħha għandu jitfakkar li l-obbligi inkwistjoni ma kinux inħarġu u akkwistati minn A. Raišelis fid-data tal-falliment ta’ Snoras.

Konklużjoni

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda fil-Kawża C‑688/15 kif ukoll għat-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑109/16 li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9 u, min-naħa l-oħra, dawk tad-Direttiva 94/19 għandhom jiġu interpretati fis-sens li talbiet relatati ma’ fondi, iddebitati lil kontijiet li individwi kienu intitolati għalihom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u li jirrigwardaw il-kreditu ta’ kontijiet miftuħa f’isem din l-istituzzjoni, bħala s-sottoskrizzjoni ta’ titoli mobbli futuri li din tal-aħħar kellha tkun l-emittent, f’ċirkustanzi li fihom il-ħruġ ta’ dawn it-titoli ma kienx finalment twettaq minħabba l-falliment tal-imsemmija istituzzjoni, jaqgħu kemm fl-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9 kif ukoll fl-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑109/16

100

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑109/16, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn talbiet jaqgħu kemm fl-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19 kif ukoll fl-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9, u fejn il-leġiżlatur nazzjonali ma imputatx dawn it-talbiet għal skema li taqa’ f’waħda jew oħra minn dawn iż-żewġ direttivi, il-qorti adita tista’ jew għandha fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, tiddeċiedi hija stess, l-iskema li dawk li huwa intitolati għal dawn it-talbiet jistgħu jibbenefikaw.

101

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/9 jirriżulta li, jekk, fi Stat Membru partikolari, talba taqa’ kemm taħt l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti minn din id-direttiva kif ukoll l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19, huwa dan l-Istat li għandu jattribwixxi din it-talba lil skema koperta minn waħda jew oħra minn dawn id-direttivi, “bħal ma dak l-Istat Membru jħoss li jkun xieraq”. Madankollu, din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-ebda talba ma għandha tkun eliġibbli għal kumpens għal aktar minn darba skont dawn id-direttivi.

102

B’hekk, fir-rigward tal-kategoriji ta’ talbiet li jissodisfaw b’mod kumulattiv il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttivi 94/19 u 97/9, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix kriterji oġġettivi għall-finijiet tal-allokazzjoni tagħhom għal skema li taqa’ taħt direttiva waħda jew l-oħra, iżda tirreferi għal kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi dwar dan.

103

Minn dan isegwi li, jekk wieħed jassumi li l-qorti adita tikkonstata, minn naħa, li t-talbiet li għalihom intalab kumpens jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 94/19 kif ukoll dawk previsti mid-Direttiva 97/9 u, min-naħa l-oħra, li d-dritt nazzjonali ma fih ebda regola għall-attribuzzjoni ta’ tali talbiet lil skema li taqa’ taħt direttiva waħda jew l-oħra, wieħed ma jistax jibbaża fuq l-Artikolu 2(3) tat-Tieni Direttiva sabiex jiddeċiedi għalih innifsu l-iskema li taħtha dawk intitolati għal dawn it-talbiet għandhom jiġu kkumpensati.

104

F’każ bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti, peress li, minn naħa, dawk intitolati għall-imsemmija talbiet huma fondati fid-dritt li jinvokaw il-protezzjoni ggarantita lilhom mid-Direttiva 94/19 u mid-Direttiva 97/9 iżda billi, min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 2(3) ta’ din it-tieni direttiva, ma jistgħux jibbenefikaw minn kumpens doppju, għandu jiġi kkunsidrat li huma dawk intitolati li għandhom jagħżlu li jiġu kkumpensati minn waħda jew oħra mill-iskemi previsti għall-implementazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑109/16 għandha tkun li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn it-talbiet jaqgħu kemm taħt l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19 kif ukoll l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9, u li fihom il-leġiżlatur nazzjonali ma imputatx tali talbiet għal skema li taqa’ waħda minn dawk id-direttivi, il-qorti adita ma tistax tiddeċiedi hija stess, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dwar l-iskema li dawk intitolati għall-imsemmija talbiet jistgħu jibbenefikaw minnha. Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, huwa dawn tal-aħħar li għandhom jagħżlu skema waħda jew oħra prevista fid-dritt nazzjonali sabiex timplimenta dawn iż-żewġ direttivi.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u t-tielet domanda fil-Kawża C‑109/16

106

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha u t-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑109/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(4) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn ta’ talbiet għal kumpens kontra impriża pubblika responsabbli, fi Stat Membru, minn skemi ta’ garanziji għal depożiti u kumpens għal investituri.

107

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fis-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas (C‑671/13, EU:C:2015:418, punt 58), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9 huma, sa fejn tirrigwarda d-determinazzjoni ta’ fondi u ta’ strumenti koperti mill-iskemi ta’ kumpens li hija tipprevedi, inkluż l-Artikolu 1(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati sabiex ikunu jistgħu invokati direttament minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali.

108

L-istess interpretazzjoni hija meħtieġa fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-ipoteżijiet differenti ta’ “depożiti” koperti mill-imsemmija direttiva biċ-ċarezza, il-preċiżjoni u inkundizzjonalità rikjesta kollha sabiex tkun direttament applikabbli f’tilwima quddiem il-qorti nazzjonali, u li, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi.

109

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jkunu invokati mill-partijiet mhux biss kontra Stat Membru u l-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, iżda wkoll kontra organi jew entitajiet li huma distinti minn individwi u li għandhom jiġu assimilati mal-Istat, kemm peress li huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jagħmlu parti mill-Istat f’sens wiesa’, jew għaliex ikunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew għaliex ikunu ngħataw ir-responsabbiltà, minn tali awtorità, li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u jkunu ngħataw, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:7455, punti 33 u 34).

110

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju fiż-żewġ kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija li IID hija, fil-liġi Litwana, “impriża tal-Istat”, jiġifieri persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku, sabiex tkun assimilata mill-bidu għall-Istat għall-applikabbiltà diretta tad-Direttivi 94/19 u 97/9.

111

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑109/16, li, minn naħa, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(4) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn ta’ talbiet għal kumpens kontra impriża pubblika responsabbli, fi Stat Membru, minn skemi ta’ garanziji ta’ depożiti u kumpens ta’ investituri.

Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑688/15

112

Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑688/15, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 94/19 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri huma liberi li jestendu l-garanzija ta’ depożiti għal talbiet li, fil-prinċipju, ma jaqgħux taħt din id-direttiva u lanqas id-Direttiva 97/9.

113

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, ma hemmx lok iżjed li tingħata risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑688/15.

Fuq l-ispejjeż

114

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur, u min-naħa l-oħra, dawk tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li talbiet relatati ma’ fondi, iddebitati lil kontijiet li individwi kienu intitolati għalihom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u li jirrigwardaw il-kreditu ta’ kontijiet miftuħa f’isem din l-istituzzjoni, bħala s-sottoskrizzjoni ta’ titoli mobbli futuri li din tal-aħħar kellha tkun l-emittent, f’ċirkustanzi li fihom il-ħruġ ta’ dawn it-titoli ma kienx finalment twettaq minħabba l-falliment tal-imsemmija istituzzjoni, jaqgħu kemm fl-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9 kif ukoll fl-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19.

 

2)

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn it-talbiet jaqgħu kemm taħt l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19, kif ukoll l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9, u li fihom il-leġiżlatur nazzjonali ma imputatx tali talbiet għal skema li taqa’ waħda minn dawk id-direttivi, il-qorti adita ma tistax tiddeċiedi hija stess, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dwar l-iskema li dawk intitolati għall-imsemmija talbiet jistgħu jibbenefikaw minnha. Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, huwa dawn tal-aħħar li għandhom jagħżlu skema waħda jew oħra prevista fid-dritt nazzjonali sabiex timplimenta dawn iż-żewġ direttivi.

 

3)

Minn naħa, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, kif emendat bid-Direttiva 2009/14, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(4) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn ta’ talbiet għal kumpens kontra impriża pubblika responsabbli, fi Stat Membru, minn skemi ta’ garanziji ta’ depożiti u kumpens ta’ investituri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top