EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0020

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Proposta għal Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE”

ĠU C 277, 13.9.2012, p. 137–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/137


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Proposta għal Regolament dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE”

2012/C 277/13

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

josserva li l-isfida tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna hija li l-elettriku minn sorsi rinnovabbli minn impjanti lil hinn mill-kosta (offshore) u fuq l-art (onshore) jitwassal b’mod kosteffettiv u effiċjenti fir-reġjuni bl-ikbar bżonnijiet tal-enerġija; filwaqt li fil-każ tal-elettriku b’vultaġġ baxx u medju għandha tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa biex jiġu stabbiliti diversi produtturi deċentralizzati ġodda,

jenfasizza l-bżonn li l-Kummissjoni tagħti sinjal politiku ċar daqs il-kristall lill-Istati Membri, lis-settur ekonomiku u dak bankarju u lill-imsieħba fid-dinja kollha li ma nistgħux nerġgħu lura mit-triq li ttieħdet lejn sehem ikbar ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-ġejjieni u li din it-triq ta’ min isegwiha, b’mod partikolari mil-lat tal-investiment privat;

jenfasizza li biex jinkisbu l-għanijiet tal-2020 l-UE għandu jiġi promoss b’aktar qawwa l-iżvilupp ta’ netwerks intelliġenti fil-livell lokali u reġjonali, hekk kif ġie mitlub f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR (CdR 160/2008 fin, CdR 8/2009 fin, CdR 244/2010 fin, CdR 312/2010 fin, CdR 7/2011 fin, CdR 104/2011 fin). Il-prezzijiet għall-utent aħħari jeħtieġ li jiġu stabbiliti skont il-produzzjoni u d-domanda, fil-qafas ta’ ġestjoni kompjuterizzata tat-tagħbija sabiex jingħata inċentiv għall-iffrankar tal-enerġija u jiġu armonizzati aħjar il-produzzjoni u l-konsum deċentralizzati tal-enerġija;

jitlob li jiġi eżaminat jekk l-abbozz ta’ linji gwida inqas dettaljati għall-orjentazzjoni mmirat lejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali jkunx mezz aktar adatt. B’hekk il-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri kemm jista’ jkun flessibbiltà biex jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tal-integrazzjoni konkreta tal-istrutturi li jeżistu diġà. Dan jikkonċerna lill-awtoritajiet tal-Istati Membri – li jista’ jkollhom struttura federali – responsabbli għall-ġestjoni tat-territorju, l-ippjanar u l-approvazzjoni kif ukoll lill-gruppi reġjonali li jeżistu diġà fit-tielet pakkett tas-suq intern. Bażikament, il-mandat ta’ istituzzjonijiet li diġà qed jaħdmu b’suċċess għandu jingħata prijorità qabel ma jinħolqu strutturi ġodda;

Relatur

Is-Sur LEHMANN (DE/PPE), Membru tal-Landtag ta’ Sachsen

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE

COM(2011) 658 final – 2011/0300 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-fatt li l-għan tar-Regolament huwa l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija u li b’hekk jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru u l-ebda reġjun ma jkun iżolat min-netwerk Ewropew, li tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li jiġu applikati l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u tal-protezzjoni tal-ambjent. Din hija kundizzjoni importanti biex sal-2020 l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jonqsu b’20 %, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija titjieb b’20 % u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli jiżdied b’20 %;

2.

jenfasizza l-importanza deċiżiva ta’ din l-inizjattiva li għandha tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, bl-użu ta’ kull tip ta’ soluzzjoni teknika għal dan l-iskop, speċjalment l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport u distribuzzjoni, u kull tip ta’ enerġija rinnovabbli diġà disponibbli u potenzjali u bl-użu ta’ miżuri ta’ appoġġ disponibbli;

3.

jistenna li din il-proposta tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u tipprovdi vantaġġi deċiżivi għall-Unjoni Ewropea kollha f’termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

4.

jilqa’ l-fatt li, sabiex l-għanijiet fir-rigward tal-infrastruttura jinkisbu mill-aktar fis, ġie identifikat, għall-perjodu sal-2020 u wara, għadd limitat ta’ kurituri u oqsma prijoritarji trans-Ewropej li jkopru n-netwerks tal-elettriku u l-gass kif ukoll l-infrastruttura tat-trasport taż-żejt, il-gass naturali, id-diossidu tal-karbonju u l-bijometan (bijogass imnaddaf mill-impjnati tal-bijogass), li jiġġustifikaw l-aktar li tittieħed azzjoni mill-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni u t-tnaqqis tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, it-titjib tal-aċċettazzjoni min-naħa tal-pubbliku permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu sa minn stadju bikri, is-semplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-proġetti, it-tqassim ġust tal-ispejjeż, li jwassal għall-armonizzazzjoni bejn id-dħul u r-riskji, u d-disponibbiltà tal-appoġġ finanzjarju dirett u bbażat fuq is-suq meħtieġ mill-UE jikkontribwixxu b’mod sostenibbli biex jitħaffu l-proġetti ta’ interess komuni;

5.

iqis li n-netwerk komuni tal-enerġija Ewropew għandu jissodisfa standards ogħla ta’ sigurtà. B’mod partikolari għandu jiġi evitat li attakki elettroniċi jew attakki fiżiċi jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista fl-Ewropa u jkollhom impatt negattiv fuq il-kapaċità ekonomika tal-Istati Membri;

A.    Kuntest

6.

josserva li attwalment kull Stat Membru tal-UE għandu taħlita tal-enerġija li hija determinata mill-kundizzjonijiet ġeografiċi, ġeoloġiċi, tekniċi kif ukoll mill-politika tal-enerġija u l-bżonnijiet nazzjonali. Din it-taħlita hija magħmula minn tagħbija bażika (base load) li s’issa ġiet alimentata l-iktar minn riżorsi fossili, nukleari u xi sorsi rinnovabbli (enerġija mill-ilma u bijomassa solida) u tagħbija differenti parzjalment minn karburanti fossili flessibbli u parzjalment minn sorsi rinnovabbli skont il-kundizzjonijiet tat-temp. Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti dwar il-klima, ser ikun hemm bżonn fuq kollox li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jitnaqqas il-konsum tal-enerġija għat-tisħin u l-karburanti (mingħajr kunsiderazzjoni tal-bilanċi tal-enerġija primarja) u jkompli jiżdied is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni totali tal-enerġija. Il-varjazzjoni naturali li tinħoloq għandha tiġi bbilanċjata permezz ta’ għadd ta’ miżuri bħall-immodernizzar tal-impjanti eżistenti, il-bini ta’ impjanti flessibbli ħafna li jaħdmu bil-gass għall-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija, l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-ħżin permezz tal-pompi jew ta’ teknoloġiji oħra tal-ħżin, kif ukoll permezz tal-aġġornament u l-estensjoni tas-sistemi eżistenti ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni. L-oqsma kollha tal-istruttura tan-netwerk għandhom bżonn jiġu mmodernizzati. Filwaqt li fil-każ tal-elettriku b’vultaġġ baxx u medju għandha tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa biex jiġu stabbiliti diversi produtturi deċentralizzati ġodda, l-isfida tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna hija li l-elettriku minn sorsi rinnovabbli minn impjanti lil hinn mill-kosta (offshore) u fuq l-art (onshore) jitwassal b’mod kosteffettiv u effiċjenti fir-reġjuni bl-ikbar bżonnijiet tal-enerġija;

7.

sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri, għandhom jiddaħħlu soluzzjonijiet ibbażati fuq il-modernizzazjoni u fuq livell ogħla ta’ esplojtazzjoni u espansjoni tas-sorsi kummerċjali konvenzjonali u alternattivi eżistenti, billi dawn jagħtu kontribut deċiżiv biex jiġi żgurat it-tħaddim stabbli tas-sistemi tal-enerġija elettrika, pereżempju fil-livell lokali u nazzjonali;

8.

jenfasizza li l-ittestjar ta’ teknoloġiji fattibbli tat-trażmissjoni u tal-ħżin aktar effiċjenti, l-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll it-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ pjani lokali u reġjonali tal-enerġija huma fil-qalba tad-diskussjonijiet f’dan ir-rigward;

9.

iqis li fis-snin li ġejjin anke l-gass naturali jista’ jaqdi rwol importanti fl-Ewropa biex jiġu bbilanċjati l-varjazzjonijiet fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu diversifikati l-importazzjonijiet tal-gass, tiġi żviluppata l-produzzjoni tiegħu fl-Istati Membri tal-UE, bl-użu ta’ sorsi konvenzjonali u mhux konvenzjonali, jiġi prodott il-bijometan (bijogass imnaddaf) li jinħareġ mill-impjanti tal-bijogass, jitkomplew in-netwerks tal-gass permezz ta’ pipelines u tiżdied il-kapaċità tal-ħżin tal-elettriku. Biex jintużaw aktar impjanti li jaħdmu bil-gass għall-enerġija tal-ibbilanċjar (regulating energy), huwa fundamentali li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajpijiet tal-gass f’dawk l-Istati Membri fejn il-gass naturali huwa sors importanti tal-enerġija;

10.

jirrikonoxxi li huwa inevitabbli li anke fil-futur it-taħlita tal-enerġija Ewropea tkun magħmula parzjalment minn karburanti fossili anke jekk is-sehem ta’ din l-enerġija jkompli jonqos. It-teknoloġija għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju matul dan iż-żmien tista’ tagħti kontribut għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi żviluppata f’sistema li hija teknikament possibbli, u li tista’ tiffunzjona bi spejjeż raġonevoli u b’mod sikur. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ aktar riċerka u żvilupp fl-ittestjar prattiku b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti tekniċi u ekonomiċi kif ukoll l-impatt ambjentali marbut ma’ dan. Madanakollu l-iżvilupp futur ta’ netwerk transkonfinali għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju jirrikjedi li jittieħdu minn issa passi fil-livell Ewropew;

B.    Is-sussidjarjetà

11.

jenfasizza li fir-rigward tal-klima l-UE stabbilixxiet għanijiet li l-implimentazzjoni tagħhom tirrikjedi impenn kbir mill-Istati Membri. Wieħed minn dawn l-impenji huwa l-bini ta’ infrastruttura tal-enerġija kemm jista’ jkun intelliġenti. Apparti l-involviment ta’ għadd kbir ta’ produtturi żgħar u żgħar ħafna tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli fin-netwerks eżistenti, l-iżvilupp ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni intelliġenti kapaċi li jmexxu l-bilanċ b’mod deċentralizzat u t-tisħiħ u l-iffaċilitar tal-interkonnessjonijiet ma’ pajjiżi b’riżorsi tal-enerġija sabiex tiżdied il-produzzjoni elettrika minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-infrastrutturi nazzjonali għandhom ukoll jiġu interkonnessi b’mod effiċjenti u fuq kollox flessibbli. Il-Kummissjoni kienet diġà kkunsidrat din l-idea fir-rigward tat-TEN-E snin ilu;

12.

jagħraf li fl-istess waqt, l-Istati Membri kollha żviluppaw pjani għat-tisħiħ tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u introduċew leġislazzjonijiet rilevanti. Barra minn hekk, wara d-dħul fis-seħħ tat-tielet pakkett tal-enerġija tal-UE, għadd ta’ istituzzjonijiet u gruppi transnazzjonali bdew jaħdmu flimkien b’suċċess;

13.

jinnota li minkejja dawn l-istrutturi li sadattant ġew żviluppati, xi proġetti transkonfinali konkreti tal-enerġija qed ikollhom xi diffikultajiet minħabba l-istat tal-infrastruttura nazzjonali, il-prijoritajiet speċifiċi tal-politika tal-enerġija jew minħabba r-responsabbiltajiet differenti. Dawn l-inkompatibbiltajiet imbagħad wasslu għal telf ta’ żmien fl-ippjanar, il-finanzjament u l-bini ta’ proġetti TEN-E;

14.

jinnota li permezz tal-proposta għal Regolament, il-Kummissjoni beħsiebha tiżgura li dawn l-inkompatibbiltajiet jiġu identifikati kmieni kemm jista’ jkun u jingħelbu kemm jista’ jkun malajr permezz tal-proċedura ta’ moderazzjoni li ġiet proposta. L-għan tar-Regolament tal-Kummissjoni huwa li jħaffef għadd limitat ta’ proġetti transkonfinali ewlenin u ta’ proġetti nazzjonali ewlenin b’impatt transkonfinali konsiderevoli, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala pedament għan-netwerk Ewropew futur ta’ trażmissjoni bi prestazzjoni għolja;

15.

jirrikonoxxi li l-kompitu ħafna aktar estensiv tal-kwalifikazzjoni tan-netwerks nazzjonali għall-provvista tal-enerġija fil-ġejjieni huwa f’idejn l-Istati Membri u r-Regolament jindirizza din il-kwistjoni b’mod indirett biss. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-Artikoli 170-172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jolqtu l-prinċipju tas-sussidjarjetà, minħabba l-għadd limitat ta’ proġettti kkonċernati b’implikazzjonijiet transkonfinali, xorta waħda ma jiksruhx;

16.

jenfasizza li, apparti l-iżvilupp ta’ pjan globali Ewropew għan-netwerks transkonfinali tal-enerġija, il-vantaġġ ta’ dan l-approċċ huwa li l-Kummissjoni tagħti sinjal politiku ċar daqs il-kristall lill-Istati Membri, lis-settur ekonomiku u dak bankarju u lill-imsieħba fid-dinja kollha li ma nistgħux nerġgħu lura mit-triq li ttieħdet lejn sehem ikbar ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-ġejjieni u li din it-triq ta’ min isegwiha, b’mod partikolari mil-lat tal-investiment privat;

17.

jinnota li l-Kummissjoni tipproponi strument legali applikabbli direttament għall-Istati Membri kollha u li l-partijiet kollha tiegħu huma vinkolanti. Fid-dawl tat-tħaffif mixtieq tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-proporzjonalità, il-KtR iqis b’mod ġenerali li dan jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità;

18.

jikkunsidra, madanakollu, li għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti ta’ infrastruttura tista’ potenzjalment tirrappreżenta interferenza kbira fid-drittijiet tal-ippjanar tal-Istati Membri kif ukoll fid-drittijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ dawk ikkonċernati u tal-pubbliku. Il-kompetenzi li l-kostituzzjoni tagħti lill-istati f’sistemi federali għall-infurzar u l-iżvilupp tal-proċeduri ta’ ppjanar u ta’ awtorizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fi proġetti ta’ interess komuni. Il-Kumitat mhuwiex tal-fehma li l-linji gwida kollha dettaljati fil-Kapitolu III jistgħu jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala “linji gwida”“elementi essenzjali” għan-netwerks trans-Ewropej b’konformità mal-Artikolu 171 tat-TFUE, u b’hekk jiġu kkunsidrati bħala allinjament minimu verament meħtieġ tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali;

19.

jitlob li f’dan il-kuntest, jiġi eżaminat jekk l-abbozz ta’ linji gwida inqas dettaljati għall-orjentazzjoni mmirat lejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet nazzjonali jkunx mezz aktar adatt. B’hekk il-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri kemm jista’ jkun flessibbiltà biex jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward tal-integrazzjoni konkreta tal-istrutturi li jeżistu diġà, u b’hekk jiġu ffaċilitati u prijorizzati l-interkonnessjonijiet meta Stat Membru jkollu riżorsi sabiex tiżdied il-produzzjoni elettrika rinnovabbli. Dan jikkonċerna lill-awtoritajiet tal-Istati Membri – li jista’ jkollhom struttura federali – responsabbli għall-ġestjoni tat-territorju, l-ippjanar u l-approvazzjoni kif ukoll lill-gruppi reġjonali li jeżistu diġà fit-tielet pakkett tas-suq intern. Bażikament, il-mandat ta’ istituzzjonijiet li diġà qed jaħdmu b’suċċess għandu jingħata prijorità qabel ma jinħolqu strutturi ġodda;

20.

jinnota b’għajn kritika l-limiti ta’ żmien proposti b’mod inkontestabbli fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi. Anke fir-rigward ta’ proġetti ta’ interess komuni, għandha tingħata prijorità lill-kwalità qabel ir-rapidità. Apparti s-sigurtà tal-provvista, il-kwalità tal-proġetti ta’ interess komuni ser ikollha impatt sinifikanti fuq il-prezz li jħallas l-utent aħħari. L-ispejjeż għall-SMEs lokali u ċ-ċittadini huma fattur importanti wkoll fl-għażla tal-lok tal-proġetti, apparti l-interessi tal-investituri;

21.

iqis li l-problemi li jinqalgħu fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, b’hekk tiġi rispettata s-sussidjarjetà u li jiġu eżaminati bir-reqqa l-alternattivi kollha possibbli. Huwa biss f’każijiet meta l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali jew multinazzjonali ma jkunux jistgħu jaslu għal deċiżjoni fil-ħin li għandu jaġixxi l-koordinatur tal-proġetti Ewropew. Fil-passat diġà kien hemm każijiet fejn l-intervent ta’ moderatur Ewropew kien ta’ siwi. Il-fatt li jeżisti koordinatur Ewropew biex jgħin fir-riżoluzzjoni ta’ każijiet partikolarment diffiċli ma jidhirx li jmur kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, in-nomina tiegħu jew, fejn jagħti l-każ, l-estensjoni tal-mandat tiegħu għandhom isiru abbażi ta’ deċiżjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ministri u tal-Parlament Ewropew;

22.

jilqa’ t-twaqqif ta’ awtorità nazzjonali tal-approvazzjoni bħala “punt uniku ta’ servizz” (“one-stop shop”). L-għażla li jiġi applikat regolament integrat jew koordinat għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri;

23.

jappoġġja l-proposta għal Regolament dwar il-qsim transkonfinali tal-ispejjeż permezz tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER). Dan japplika wkoll għall-obbligu tal-awtoritajiet regolamentorji nazzjonali li joħolqu ħlasijiet bħala inċentivi ta’ investiment għall-proġetti ta’ interess komuni. Dawn l-inċentivi għandhom ikunu adatti għar-riskji;

24.

iqis li jeħtieġ li l-lista tal-proġetti ta’ interess komuni tiġi riveduta b’mod regolari u adattata għar-rekwiżiti li dejjem jinbidlu;

C.    Aċċettazzjoni

25.

jinnota espliċitament li l-ħolqien ta’ prerekwiżiti tekniċi għall-ksib tal-objettivi ambizzjużi tal-enerġija u tal-klima tagħna jista’ jkun ta’ suċċess biss bl-appoġġ tal-opinjoni pubblika – qatt kontriha. Għal din ir-raġuni, għandu jintlaqa’ tajjeb il-fatt li ċ-ċittadini, il-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali jiġu infurmati, involuti u jieħdu sehem fil-proġetti minn stadju bikri;

26.

jenfasizza li l-bidla lejn produzzjoni tal-elettriku b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tirrikjedi arranġament mill-ġdid tal-arkitettura tan-netwerk. Filwaqt li l-integrazzjoni ta’ produtturi żgħar ġodda fin-netwerks b’vultaġġ baxx u medju u l-ġestjoni intelliġenti tagħhom tista’ sseħħ mingħajr ma dan l-intervent ibiddel il-pajsaġġ, il-bini ta’ pajpijiet ġodda huwa inevitabbli għat-tkomplija tal-awtostradi l-ġodda Ewropej b’vultaġġ għoli. Għandha tingħata prijorità lil-linji li jippermettu li jiżdiedu l-interkonnessjonijiet għall-Istati li jistgħu jassiguraw żidiet fil-produzzjonijiet elettriċi rinnovabbli. Peress li l-ispejjeż tal-bini ta’ dawn is-sistemi fl-aħħar mill-aħħar għandhom jiġġarrbu mill-konsumaturi tal-elettriku, huwa importanti li l-eżekuzzjoni teknika ssir bl-aktar mod intelliġenti u effettiv possibbli. Dan ifisser ukoll li għandha ssir l-inqas użu possibbli mill-pajsaġġ. Dan kollu għandu jiġi spjegat mill-aktar fis u b’mod kontinwu lill-pubbliku;

27.

jitlob li l-gvernijiet nazzjonali jistabbilixxu inċentivi adatti li jikkumpensaw b’mod ġust l-impatt fuq iċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet muniċipali. Mill-esperjenzi tal-muniċipalitajiet li fil-passat intlaqtu minn proġetti ta’ kostruzzjoni ġodda ta’ din id-dimensjoni jidher li t-trasparenza u l-preżenza permanenti fil-post ta’ rappreżentant ta’ dawk responsabbli għall-proġett huma prerekwiżiti importanti għall-ippjanar fil-ħin u għall-progress fil-proċess tal-bini;

28.

jenfasizza li l-manwal li għandu jitfasssal huwa mezz importanti ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini dwar il-vantaġġi tal-iżvilupp tal-infrastruttura u ta’ netwerks intelliġenti f’termini ta’ sigurtà tal-provvista, tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Din l-informazzjoni m’għandhiex taħbi l-aspetti negattivi. Huwa biss permezz ta’ informazzjoni kompluta u trasparenti li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu l-isfidi u li jaċċettaw aħjar l-effetti potenzjali negattivi tagħhom. Il-fluss tal-informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni u jipprovdi informazzjoni rilevanti liċ-ċittadini kkonċernati;

29.

jitlob li, apparti l-għoti ta’ kumpens materjali liċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet muniċipali partikolarment milquta mill-implimentazzjoni tal-proġetti, issir preżentazzjoni pubblika dwar il-prekawzjonijiet meħuda u valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku u ekoloġiku. It-trasparenza u sistema ta’ kumpens ġusta huma prerekwiżiti essenzjali biex iċ-ċittadini jaċċettaw l-iżvilupp mgħaġġel tan-netwerks tal-enerġija fil-futur;

D.    Il-finanzjament

30.

jirrikonoxxi li skont il-Kummissjoni, l-istrumenti attwali ta’ finanzjament tat-TEN-E ma kellhomx biżżejjed suċċess. Dawn għandhom jiġu sostitiwiti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Mill-ammont ta’ EUR 50 biljun previst fir-Regolament dwar l-infrastruttura għall-qafas finanzjajru multiannwali, EUR 9,1 biljuni huma allokati għall-qasam tal-enerġija fuq perjodu ta’ seba’ snin. B’hekk jista’ jkun hemm riżorsi disponibbli biex jitwettqu studji u jiġu żviluppati strumenti finanzjarji għal proġetti fil-qasam tal-elettriku, tal-gass u tad-diossidu tal-karbonju; barra minn hekk jistgħu jingħataw sovvenzjonijiet li ma jitħallsux lura (non-repayable subsidies) għal proġetti tal-elettriku u tal-gass li għandhom effett pożittiv fuq is-sigurtà tal-provvista, is-solidarjetà u l-innovazzjoni, u li l-pjani ta’ żvilupp tagħhom juru li mhumiex kummerċjalment vijabbli u li dwarhom ittieħdet deċiżjoni dwar il-qsim transkonfinali tal-ispejjeż. Barra minn hekk, in-netwerks u t-tagħmir tal-kejl intelliġenti kif ukoll il-proġetti tad-diossidu tal-karbonju, li l-vijabbiltà kummerċjali tagħhom ma tistax tiġi pruvata, jistgħu jiġu promossi permezz ta’ sovvenzjonijiet li ma jitħallsux lura;

31.

jilqa’ l-fatt li fil-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” tingħata iktar attenzjoni lill-proġetti ta’ infrastruttura importanti f’termini ta’ enerġija iżda inqas attraenti mil-lat kummerċjali. L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ proġetti bħal dawn tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tas-suq intern tal-UE u għas-sigurtà tal-provvista;

32.

jemmen li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda twassal messaġġ żbaljat fir-rigward tal-politika tal-enerġija meta jitqies li l-parti l-kbira tat-tnax-il proġett infrastrutturali prijoritarji previsti fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tikkonċerna l-pajpijiet tal-gass u taż-żejt għaliex s’issa għadha ma ngħatatx spjegazzjoni konklużiva dwar kif il-prijorità mogħtija lil sorsi ta’ enerġija fossili tista’ tkun konformi mal-objettivi tal-UE għall-2020 u mal-għanijiet usa’ dwar il-klima għall-2030 u l-2050;

33.

jenfasizza li biex jinkisbu l-għanijiet tal-2020 l-UE, apparti l-espansjoni rapida tan-netwerks kbar ta’ tranżmissjoni, hekk kif ġie mitlub f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR (CdR 160/2008 fin, CdR 8/2009 fin, CdR 244/2010 fin, CdR 312/2010 fin, CdR 7/2011 fin, CdR 104/2011 fin) għandu jiġi promoss b’aktar qawwa l-iżvilupp ta’ netwerks intelliġenti fil-livell lokali u reġjonali. Il-prezzijiet għall-utent aħħari jeħtieġ li jiġu stabbiliti skont il-produzzjoni u d-domanda, fil-qafas ta’ ġestjoni kompjuterizzata tat-tagħbija sabiex jingħata inċentiv għall-iffrankar tal-enerġija u jiġu armonizzati aħjar il-produzzjoni u l-konsum deċentralizzati tal-enerġija. Jekk it-taxxi fuq l-enerġija huma wieħed mill-istrumenti li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jiġġieldu t-tibdil fil-klima fil-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, il-KtR iqis li l-possibbiltà li tiġi introdotta sistema ta’ divrenzjar fiskali m’għandhiex tkun limitata għar-reġjuni iżda għandha tinkludi wkoll l-awtoritajiet lokali li fl-UE huma rikonoxxuti bħala atturi sħaħ tal-iżvilupp sostenibbli. B’mod partikolari fl-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ netwerk intelliġenti sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu rati ta’ tassazzjoni ġenerali tal-konsum tal-enerġija divrenzjati fir-rigward tal-livell nazzjonali korrispondenti sakemm jiġi żgurat it-trattament ugwali tas-sorsi tal-enerġija li jikkompetu ma’ xulxin u li d-differenzi fiskali ma jfixklux it-tħaddim tajjeb tas-suq intern u ċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti tal-enerġija bejn l-Istati Membri;

34.

fir-rigward tal-integrazzjoni meħtieġa tas-suq tal-enerġiji rinnovabbli, huwa mħasseb ħafna preċiżament dwar l-esklużjoni espliċita ta’ impjanti għall-ħżin permezz tal-pompi (jew soluzzjonijiet tekniċi oħra) mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-possibbiltà li joffru dawn l-impjanti għall-ħżin tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli hija ta’ importanza ċentrali għall-integrazzjoni tas-sorsi varjabbli tal-enerġija mir-riħ u x-xemx.

35.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma fasslitx fid-dettall l-istrumenti ta’ finanzjament il-ġodda li ser ikunu disponibbli mill-2014 ’il quddiem. Meta jkunu qed jiġu magħżula dawn l-istrumenti, għandu jiġi kkunsidrat il-valur miżjud tagħhom. Għandhom ikunu komplementari għas-sovvenzjonijiet tradizzjonali li ma jitħallsux lura u għandhom joħolqu qafas finanzjajru konsistenti u koerenti għas-setturi tan-netwerks tal-ferroviji, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni, abbażi tal-esperjenza bil-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji, l-Istrument ta’ Garanzija fuq is-Self u l-Fond Marguerite;

36.

jinnota li fost l-istrumenti ta’ finanzjament hemm previsti strumenti ta’ ekwità u ta’ kapital ta’ riskju kif ukoll ta’ kapital barrani. Dawn jinkludu garanziji għall-intermedjarji li jipprovdu finanzjament għal benefiċjarji bi problemi finanzjarji kif ukoll il-kondiviżjoni tar-riskju ma’ istituzzjonijiet finanzjarji biex jiżdied il-volum tal-finanzjament. Dan jinkludi wkoll il-bonds tal-proġetti (“project bonds”);

37.

jaċċetta l-fatt li, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tqis li l-istrumenti ta’ finanzjament proposti ma jwasslu għall-ebda distorsjoni fis-suq finanzjarju peress li, għalkemm huma ekonomikament vijabbli, l-ebda wieħed minnhom ma jirċievi biżżejjed finanzjament mis-suq;

38.

iqis li dan iwassal għal kontradizzjoni fir-rigward tal-Artikolu 15 tar-Regolament, li jgħid li l-problemi ta’ finanzjament ma jikkostitwixxux kriterju biex jiġi evalwat jekk l-istrumenti finanzjarji humiex adatti;

39.

jevalwa b’mod pożittiv il-fatt li, fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, matul il-perjodu ta’ ppjanar sa 20 % tal-baġit disponibbli ser jiġi allokat għall-kondiviżjoni tar-riskji u għal strumenti ta’ ekwità. B’hekk jiġu żviluppati aktar bir-reqqa l-possibbilitajiet ta’ finanzjament u, għall-kuntrarju tas-sovvenzjonijiet li ma jitħallsux lura, tiġi promossa s-sjieda tan-negozji. Madankollu għandu jiġi żgurat li jiġu applikati kriterji stretti kemm fl-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji li huma speċifiċi għall-proġetti kif ukoll fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà kummerċjali ta’ proġetti ta’ interess komuni;

40.

jiddubita kemm huma adatti l-istrumenti finanzjarji proposti għall-proġetti tal-estensjoni tan-netwerks tal-enerġija;

41.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adattati l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b’mod li jiġi garantit l-aċċess għall-iffinanzjar tal-proġetti lir-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li tiżdied l-awtonomija tal-enerġija f’dawn ir-reġjuni;

E.    Bonds tal-proġetti

42.

jinnota li għall-inizjattiva tal-bonds tal-proġetti ġiet prevista fażi pilota fl-2012/13 taħt it-tmexxija tal-BEI. Il-proġetti kkonċernati huma dawk li l-ippjanar tagħhom fil-kuntest tal-linji gwida tat-TEN-E diġà huwa fi stadju avvanzat. Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni tistenna li fil-fażi pilota jikkwalifika proġett tal-enerġija wieħed biss;

43.

jaqbel mal-fehma tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) li l-bonds tal-proġetti għall-investiment fi ħdan netwerks li jeżistu diġà mhumiex għalkollox vijabbli peress li d-distinzjoni tidher li toħloq il-problemi. Jistgħu jkunu għodda utli għall-konnessjonijiet lil hinn mill-kosta u għall-pajpijiet ta’ konnessjoni transkonfinali;

44.

jinnota li peress li dan it-tip ta’ finanzjament għall-proġetti għadu mhux komuni fost l-operaturi tan-netwerks jista’ jkun li din il-klassi ġdida ta’ assijiet iddum xi ftit biex tiġi aċċettata mill-investituri. Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jippromovu l-għażla ta’ proġetti li jkunu ġew ikkalkulati b’mod affidabbli biex titrawwem il-fiduċja fost l-investituri potenzjali. L-għan għandu jkun li tintlaħaq klassifikazzjoni “investment grade” biex il-proġetti jkunu interessanti wkoll għal investituri istituzzjonali kbar;

45.

jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li, fir-rigward tal-użu tar-riżorsi baġitarji, għandhom jiġu introdotti strumenti ta’ finanzjament komplementari għas-sovvezjonijiet li ma jitħallsux lura. Madankollu, għandu jiġi żgurat li jiġu finanzjati biss proġetti ġenwinament meħtieġa, jiġiferi li huma utli u li ntwera li mhumiex kummerċjalment vijabbli. Fl-ebda każ m’għandhom jiġu appoġġjati eċċessivament proġetti vijabbli li jwasslu biex jiġi sostitwit il-finanzjament privat. B’mod partikolari, il-proġetti li jkunu ġew ikkalkulati b’mod affidabbli biss għandhom jirċievu kapital barrani inferjuri. Fl-ebda każ m’għandu jiġi stabbilit suq artifiċjali, li jinżamm ħaj biss permezz tal-kofinanzjament tal-UE u li dejjem ikollu bżonn riżorsi ġodda biex tiġi evitata l-insolvenza. Matul il-fażi pilota għandu jiġi verifikat b’mod regolari jekk ikunx hemm metodi ta’ appoġġ alternattivi li jkunu ekonomikament aktar vantaġġużi. Għandu jiġu kkunsidrat finanzjament mogħti minn konsorzju (syndicated financing) minflok is-self ippjanat;

46.

jenfasizza li l-finanzjament tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija, li huwa rikonoxxut li huwa meħtieġ b’mod urġenti, għandu jibqa’ l-ewwel u qabel kollox il-kompitu tal-kumpaniji. Il-kompitu tal-UE u tal-Istati Membri huwa li jappoġġjaw ix-xogħlijiet tal-infrastruttura u l-ħolqien tal-oqfsa meħtieġa għall-atturi tas-suq. Sabiex ixxejjen id-dubji eżistenti dwar l-investiment totali meħtieġ, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha biex tagħti aktar dettalji speċifiċi dwar l-istimi tagħha. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li t-tarriffi tan-netwerk adatti jiggarantixxu rata ta’ interessi għall-kapital li jintuża li tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq;

F.    Interazzjoni ma’ regolamenti Ewropej oħra

47.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li l-proġetti ta’ interess komuni jiġu konklużi fi żmien iqsar bis-saħħa ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni razzjonalizzata li tkun ikkoordinata minn awtorità nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-proċeduri nazzjonali tal-ippjanar jiġu kkunsidrati biżżejjed f’dawn il-proċessi. Għandu jiġi definit status ta’ prijorità għall-proġetti prijoritarji. Il-kwistjonijiet ta’ proċeduri u ta’ organizzazzjoni jinsabu fil-qalba tal-proposta għal Regolament;

48.

għaldaqstant, jistqarr li jeħtieġ li l-istandards materjali, li għalihom huma soġġetti l-proġetti ta’ interess komuni, jiġu adattati għal dan l-istatus ta’ prijorità. Fil-forma attwali tagħha, il-proposta għal Regolament ma twassal għall-ebda semplifikazzjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttivi Qafas dwar l-Ilma u dwar il-Ħabitats tal-UE, il-proġetti għandhom tabilħaqq ikunu ta’ interess pubbliku predominanti. Madankollu, dawn m’għandhomx jolqtu l-kundizzjonijiet materjali tar-Regolament. F’dan ir-rigward, il-proposta għal Regolament hija ambigwa. Għad hemm bżonn li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats 92/43/KE, għalkemm għandha tistabbilixxi lista tal-proġetti ta’ interess komuni. Din hija dupplikazzjoni mhux meħtieġa tax-xogħol;

49.

jinnota li, filwaqt li jiġu determinati minn qabel skadenzi għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ir-responsabbiltà għar-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tingħata lill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali inkarigati mill-għoti tal-awtorizzazzjoni, li għandhom jadattaw l-awtorizzazzjonijiet skont l-istatus ta’ prijorità, filwaqt li l-istandards materjali stabbiliti mill-UE essenzjalment jinżammu. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tfassal, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet inkarigati mill-għoti tal-awtorizzazzjoni, proposti konkreti għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, liema proposti jkunu jikkunsidraw l-esiġenzi prattiċi meħtieġa għal proċeduri effiċjenti u trasparenti.

Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


Top