EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1037

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1037 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-użu tal-glikolipidi bħala preservattiv fix-xorb (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4337

ĠU L 173, 30.6.2022, p. 52–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1037/oj

30.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 173/52


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1037

tad-29 ta’ Ġunju 2022

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-użu tal-glikolipidi bħala preservattiv fix-xorb

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(3) u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel u l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew parti interessata.

(4)

F’Diċembru 2019, tressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikolipidi bħala preservattiv fix-xarbiet aromatizzati, xi prodotti oħra li jaqgħu fil-kategorija 14.1 “xorb mhux alkoħoliku” u birra mingħajr alkoħol u xorb tax-xgħir.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tal-użu propost tal-glikolipidi bħala addittiv tal-ikel. Fl-opinjoni tal-Awtorità (4) adottata fl-4 ta’ Mejju 2021, ġiet stabbilita doża aċċettabbli ta’ kuljum (“ADI”) ta’ 10 mg/kg bw kuljum. L-Awtorità nnutat li l-ogħla stima ta’ esponiment ta’ 3.1 mg/kg bw kuljum, fit-trabi li telqu jimxu, hija fi ħdan l-ADI stabbilit u kkonkludiet li l-esponiment għall-glikolipidi ma jqajjimx tħassib dwar is-sikurezza fl-użi u fil-livelli tal-użu proposti mill-applikant.

(6)

Il-glikolipidi jiġu prodotti mill-fungus Dacryopinax spathularia fi proċess ta’ fermentazzjoni. Il-glikolipidi, meta jintużaw bħala preservattiv, itawlu l-ħajja fuq l-ixkaffa tax-xorb billi jipproteġuh mid-deterjorament ikkawżat mill-mikroorganiżmi u jinibixxu t-tkabbir ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi. Il-glikolipidi huma attivi kontra l-ħmira, il-moffa u l-batterji gram-pożittivi u jistgħu jservu bħala alternattiva għal preservattivi oħra li bħalissa huma awtorizzati fix-xorb.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-glikolipidi bħala preservattiv fix-xorb kopert mill-applikazzjoni u li jiġi assenjat in-numru E 246 bħala n-numru E għal dak l-addittiv.

(8)

L-ispeċifikazzjonijiet għall-glikolipidi (E 246) jeħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament (UE) Nru 231/2012 peress li dan l-addittiv huwa inkluż għall-ewwel darba fil-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(9)

Għalhekk, jeħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 jiġu emendati skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2021;19(6):6609


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-Parti B, il-punt 3 “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata l-ġdida li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 243:

“E 246

Glikolipidi”

(b)

Il-Parti E hija emendata kif ġej:

(1)

Fil-Kategorija 14.1.4 (Xarbiet mogħtija t-togħma), l-entrata għal E 246 (Glikolipidi) tiddaħħal wara l-entrata għal E 242:

 

“E 246

Glikolipidi

50

 

esklużi x-xarbiet abbażi ta’ prodotti tal-ħalib”

(2)

Fil-kategorija 14.1.5.2 (Oħrajn), l-entrata għal E 246 (Glikolipidi) tiddaħħal wara l-entrata għal E 242:

 

“E 246

Glikolipidi

20

(93)

konċentrati tat-tè likwidi u konċentrati tal-infużjonijiet likwidi tal-frott u tal-ħxejjex aromatiċi biss”

(3)

Fil-kategorija 14.2.1 (Birra u xorb tax-xgħir), l-entrata għal E 246 (glikolipidi) tiddaħħal wara l-entrata għal E 220 –228:

 

“E 246

Glikolipidi

(50)

 

birra mingħajr alkoħol u xorb tax-xgħir biss”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 243:

E 246 glikolipidi

Sinonimi

 

Definizzjoni

Il-glikolipidi li jseħħu b’mod naturali jinkisbu permezz ta’ proċess ta’ fermentazzjoni bl-użu tar-razza tat-tip selvaġġ MUCL 53181 tal-fungus Dacryopinax spathularia (faqqiegħ ħelu li jittiekel tal-widna osmanthus). Il-glukożju jintuża bħala sors ta’ karbonju. Il-proċess downstream ħieles mis-solventi jinkludi l-filtrazzjoni u l-mikrofiltrazzjoni biex jitneħħew iċ-ċelloli mikrobiċi, il-preċipitazzjoni u l-ħasil b’ilma bbaferjat għall-purifikazzjoni. Il-prodott huwa pasturizzat u mnixxef bl-isprej. Il-proċess tal-produzzjoni ma jimmodifikax kimikament il-glikolipidi u lanqas jibdel il-kompożizzjoni tal-innat tagħhom.

Numru tal-CAS

2205009-17-0

Isem kimiku

Glikolipidi minn Dacryopinax spathularia

Analiżi

Mhux inqas minn 93 % ta’ kontenut ta’ glikolipid totali fuq bażi niexfa.

Deskrizzjoni

Trab beige għal kannella ċar, riħa karatteristika dgħajfa

Identifikazzjoni

 

Solubbiltà

Jikkonforma (10 g/l fl-ilma)

pH

Bejn 5,0 u 7,0 (10 g/l fl-ilma)

Turbidità

Mhux aktar minn 28 NTU (10 g/l fl-ilma)

Purità

 

Kontenut ta’ ilma

Mhux aktar minn 5 % (metodu Karl Fischer)

Proteini

Mhux aktar minn 3 % (fattur N × 6,25)

Xaħam

Mhux aktar minn 2 % (gravimetriku)

Sodju

Mhux aktar minn 3,3 %

Arseniku

Mhux aktar minn 1 mg/kg

Ċomb

Mhux iktar minn 0,7 mg/kg

Kadmju

Mhux iktar minn 0,1 mg/kg

Merkurju

Mhux iktar minn 0,1 mg/kg

Nikil

Mhux iktar minn 2 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi

 

Għadd totali tal-kolonji aerobiċi:

Mhux aktar minn 100 kolonja għal kull gramm

Ħmira u moffa

Mhux aktar minn 10 kolonji kull gramma

Koliformi

Mhux aktar minn 3 MPN kull gramma

Salmonella spp.

Assenti f’25 g”


Top