EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0674

Kawża C-674/16 P: Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2016 minn Guccio Gucci SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-11 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża T-753/15 – Guccio Gucci SpA vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 144, 8.5.2017, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 144/14


Appell ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2016 minn Guccio Gucci SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-11 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża T-753/15 – Guccio Gucci SpA vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-674/16 P)

(2017/C 144/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Guccio Gucci SpA (rappreżentanti: V. Volpi, P. Roncaglia, F. Rossi, N. Parrotta, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea; Guess? IP Holder LP

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura;

tikkundanna lil Guess għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Permezz ta’ dan ir-rikors, Guccio Gucci S.p.A. (iktar ’il quddiem “Gucci” jew l-“appellanti”) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) fil-Kawża T-753/15 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Gucci kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-14 ta’ Ottubru 2015 fil-Każ R 1703/2014-4, li kien biddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-1 ta’ Lulju 2014 li kienet tilqa’ l-oppożizzjoni ta’ Gucci kontra l-indikazzjoni tal-Unjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1090048, fil-klassi 9 (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”), f’isem Guess? IP Holder L.P. (iktar ’il quddiem “Guess”).

2.

Dan l-appell huwa intiż sabiex jiġi stabbilit li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li r-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (1), tas-26 ta’ Frar 2009, qabel ma ġie emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trade mark Komunitarja”) ma japplikawx għat-trade mark ikkontestata.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar żnaturat il-fatti u l-provi li kienu ġew suġġetti lilha fl-evalwazzjoni tagħha tax-xebh bejn is-sinjali f’kunflitt u, konsegwentement, applikat b’mod żbaljat kemm l-Artikolu 8(1)(b) kif ukoll l-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja; u ma mmotivatx is-sentenza appellata.

3.

Il-Qorti Ġenerali eskludiet ix-xebh bejn it-trade marks f’kunflitt abbażi tas-suppożizzjoni li l-pubbliku relevanti […] mhux ser jipperċepixxi fit-trade mark ikkontestata l-ittra kbira “G”, irrappreżentata mit-trade marks preċedenti, iżda pjuttost disinn ornamentali astratt. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istilizzazzjoni tas-sinjal u tal-fatt li l-elementi tiegħu jidħlu f’xulxin jew huma magħqudin, jista’ jiġi pperċepit kemm bħala li jirriproduċi ittri stilizzati, bħall-ittra “X” jew l-ittra “e”, kif ukoll bħala kumbinazzjoni ta’ numri u ta’ ittri, bħan-numru “3” u l-ittra “e” (ara f’dan ir-rigward, il-punt 32 tas-sentenza appellata”. Din is-suppożizzjoni hija l-punt kruċjali tas-sentenza appellata, li wasslet lill-Qorti Ġenerali sabiex teskludi kwalunkwe xebh bejn it-trade marks f’kunflitt u, konsegwentement, l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja f’din il-kawża.

4.

Madankollu, is-suppożizzjoni msemmija iktar ’il fuq hija manifestament żbaljata. Dan jirriżulta b’mod evidenti mid-dokumenti ddepożitati fil-kawża li juru b’mod ċar li l-pubbliku relevanti jipperċepixxi sewwa l-ittri kbar “G” fit-trade mark ikkontestata, skont ir-riżultati ta’ kwestjonarju dwar il-perċezzjoni mill-pubbliku tat-trade mark ikkontestata prodott minn Gucci. Dan l-iżnaturament manifest tal-fatti u tal-provi affettwa l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rikors ta’ Gucci; kieku l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-pubbliku relevanti – jew tal-inqas parti minn dan il-pubbliku – kien jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala kombinazzjoni ta’ ittri kapitali “G”, ma kinitx teskludi kwalunkwe xebh bejn it-trade marks f’kunflitt u, għaldaqstant, l-applikabbiltà ta’ kemm l-Artikolu 8(1)(b) kif ukoll tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

5.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenzi tagħha peress li injorat kompletament il-kwestjonarju msemmi iktar ’il fuq fl-evalwazzjoni tagħha, mingħajr ma pprovdiet ebda motivazzjoni, anki impliċita, li tippermetti li jinftiehem għaliex injorat din il-prova kruċjali.

6.

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna kemm lill-EUIPO kif ukoll lil Guess għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata) ĠU 2009, L 78, p. 1.


Top