EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012BP0110

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: (applikazzjoni EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini, Spanja) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Marzu 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini, Spanja) (COM(2012)0053 – C7-0044/2012 – 2012/2023(BUD))
ANNESS

ĠU C 257E, 6.9.2013, p. 108–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 257/108


Il-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: (applikazzjoni EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini, Spanja)

P7_TA(2012)0110

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini, Spanja) (COM(2012)0053 – C7-0044/2012 – 2012/2023(BUD))

2013/C 257 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0053 – C7-0044/2012),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament FEG),

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu li hemm dispożizzjoni għaliha fil-punt 28 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0066/2012),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji biex jiġi pprovdut appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali mill-akbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 ’l quddiem biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b’mod effiċjenti kemm jista’ jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

D.

billi Spanja talbet għajnuna rigward 1 138 sensja, kollha fil-mira tal-għajnuna, li ngħataw f'513-il intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 41 (Kostruzzjoni ta' bini) tan-NACE (3) Reviżjoni 2 fir-reġjun NUTS II tal-Comunidad Valenciana (ES52) fi Spanja,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jaċċelleraw il-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba li daħħlet fis-seħħ il-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-flimkien mal-proposta tal-mobilizzazzjoni tal-FEG; jittama li aktar titjib fil-proċedura jiddaħħal fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014 - 2020) u li jintlaħaq stat ta’ aktar effiċjenza, trasparenza u viżibilità tal-FEG;

2.

Ifakkar fl-impenn li ħadu l-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u rapida għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien intiż biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu ngħataws- sensja bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

3.

Jenfasizza li, skont it-termini tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol fuq tul ta' żmien twil ta' ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tissostitwixxi miżuri għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ dik id-data fir-rapporti annwali tagħha wkoll;

5.

Jilqa' l-fatt li wara talbiet ripetuti mill-Parlament, il-baġit tal-2012 juri approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 50 000 000 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u bl-iskadenzi tiegħu stess u, għalhekk, jistħoqqlu allokazzjoni ddedikata, li se tevita li jkun t-trasferimenti minn linji baġitarji oħra, kif ġara fil-passat, li hija xi ħaġa li tista' tkun ta' ħsara għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-FEG;

6.

Jilqa’ l-fatt li l-pakkett kkordinat jinkludi skema ta’ “Sorveljant tal-opportunitajiet indaqs” maħsuba biex tiżgura li l-ebda xkiel personali jew tal-familja ma jżomm lill-ħaddiema fil-mira milli jibbenefikaw mill-miżuri;

7.

Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill li jimblokka l-estensjoni tad-"deroga tal-kriżi", li tippermetti ż-żieda fir-rata tal-kofinanzjament mill-Unjoni sa 65 % tal-ispejjeż ta' programm, għal applikazzjonijiet sottomessi wara l-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2011, u jistieden lill-Kunsill jerġa' jdaħħal din il-miżura mingħajr dewmien;

8.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  Regolament (KE) No 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi ta’ l-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


Il-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana - Kostruzzjoni ta' bini, Spanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2012/261/UE.)


Top