EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DP0103

Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tas-Sur Luigi de Magistris Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Marzu 2012 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris (2011/2189(IMM))

ĠU C 257E, 6.9.2013, p. 89–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 257/89


Il-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012
Talba għall-ħarsien tal-immunità parlamentari tas-Sur Luigi de Magistris

P7_TA(2012)0103

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Luigi de Magistris (2011/2189(IMM))

2013/C 257 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba ta' Luigi de Magistris tal-20 ta' Lulju 2011, imressqa fil-plenarja tat-12 ta' Settembru 2011, għall-ħarsien tal-immunità tiegħu bi rbit ma' proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti ta' Lamezia, l-Italja,

wara li sema' lil Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra s-sottomissjonijiet bil-miktub ta' Luigi de Magistris bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Mejju 1964, tal-10 ta’ Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Marzu 2010 u tas-6 ta' Settembru 2011 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0075/2012),

A.

billi Membru tal-Parlament Ewropew, Luigi de Magistris, kien talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu fir-rigward tal-proċedimenti quddiem qorti Taljana;

B.

billi t-talba minn Luigi de Magistris tirrigwarda taħrika ppreżentata kontrih quddiem il-Qorti ta’ Lamezia f’isem is-Sur Antonio Saladino b’rabta ma’ dikjarazzjonijiet magħmula minn Luigi de Magistris f’intervista ppubblikata fil-gazzetta Taljana Il Fatto Quotidiano tad-9 ta’ Marzu 2011;

C.

billi skont it-taħrika, id-dikjarazzjonijiet li saru f'dan il-ktieb jikkostitwixxu libell, li jirriżulta f'rikors għal danni;

D.

billi d-dikjarazzjonijiet saru u l-intervista ġiet ippubblikata fi żmien meta Luigi de Magistris kien Membru tal-Parlament Ewropew, wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009;

E.

billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċedimenti legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom, u billi, skont l-Artikolu 9 ta' dak il-Protokoll, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri ta' dak il-Parlament;

F.

billi Luigi de Magistris għamel referenza għaż-żewġ Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, imma billi l-Artikolu 9 mhuwiex relevanti fir-rigward tal-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Taljana u allura qiegħed ovvjament jiddependi biss fuq l-Artikolu 8;

G.

billi, skont il-prattika stabbilita tal-Parlament, il-fatt li l-proċedimenti legali huma ta’ natura ta’ dritt ċivili jew amministrattiv, jew fihom ċerti aspetti li huma koperti mid-dritt ċivili jew amministrattiv, ma jeskludix per se li tapplika l-immunità mogħtija minn dan l-artikolu;

H.

billi l-fatti tal-każ, kif jidhru mit-taħrika u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Luigi de Magistris lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet li saru ma għandhomx konnessjoni diretta u ovvja mat-twettiq tad-dmirijiet ta’ Luigi de Magistris bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

I.

billi Luigi de Magistris, meta ppubblika d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, ma kienx għalhekk qiegħed jaġixxi fit-twettiq ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

1.

Jiddeċiedi li ma jiddefendix l-immunità u l-privileġġi ta’ Luigi de Magistris;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Luigi de Magistris.


(1)  Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier [1964] Ġabra 195, Kawża 149/85 Wybot vs Faure u Oħrajn [1986] Ġabra 2391, Kawża T-345/05 Mote vs il-Parlament [2008] Ġabra II-2849, Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra vs De Gregorio u Clemente [2008] Ġabra I-7929, u Kawża T-42/06 Gollnisch vs il-Parlament [2010] ECR II-1135 u Kawża C-163/10 Patriciello (għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra).


Top