EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0118

Qafas ta' Governanza Korporattiva għall-kumpaniji Ewropej Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Marzu 2012 dwar Qafas ta' Governanza Korporattiva għall-kumpaniji Ewropej (2011/2181(INI))

ĠU C 257E, 6.9.2013, p. 56–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 257/56


Il-Ħamis 29 ta’ Marzu 2012
Qafas ta' Governanza Korporattiva għall-kumpaniji Ewropej

P7_TA(2012)0118

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Marzu 2012 dwar Qafas ta' Governanza Korporattiva għall-kumpaniji Ewropej (2011/2181(INI))

2013/C 257 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar il-Qafas ta' Governanza Korporattiva tal-UE (COM(2011)0164),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar kwistjonijiet deontoloġiċi marbuta mal-ġestjoni tal-kumpaniji, (1)

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7–0051/2012),

Approċċ ġenerali

1.

Jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-qafas ta' governanza korporattiva tal-UE li nbdiet bil-Green Paper;

2.

Jiddispjaċih, madanakollu, li kwistjonijiet importanti ta' governanza korporattiva bħat-teħid ta' deċiżjonijiet mill-bord, ir-responsabbiltà tad-diretturi, l-indipendenza tad-diretturi, il-kunflitti ta' interess jew l-involviment tal-partijiet interessati tħallew barra mill-Green Paper;

3.

Jiddispjaċih li l-attenzjoni prinċipali tal-Green Paper kienet fuq is-sistema unitarja u twarrbet is-sistema doppja, li hi ugwalment rappreżentata b'mod estensiv fl-Ewropa; jenfasizza li r-reviżjoni tal-qafas ta' governanza korporattiva mill-Kummissjoni għandha tikkunsidra d-drittijiet u d-dmirijiet mogħtija lill-entitajiet varji tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali, u b'mod partikolari d-differenzi bejn sistemi unitarji u sistemi doppji; minn hawn ’il quddiem essenzjalment se jintuża t-terminu 'bord tad-diretturi' biex jirreferi għar-rwol superviżorju ta' diretturi, li, fi struttura doppja, ġeneralment ikun f'idejn il-bord superviżorju;

4.

Jissottolinja l-importanza li jinħoloq settur korporattiv fl-UE li jkun aktar trasparenti, stabbli, affidabbli u responsabbli, b'governanza korporattiva mtejba; iqis li s-settur korporattiv għandu jkun kapaċi jikkunsidra tħassib soċjali, etiku u ambjentali fil-prattiki tiegħu u juri r-responsabbiltajiet tiegħu kemm lejn l-impjegati u l-azzjonisti kif ukoll lejn is-soċjetà kollha, u barra minn hekk jiżgura prestazzjoni ekonomika aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi diċenti;

5.

Huwa tal-fehma, madankollu, li governanza tajba waħidha ma tistax tevita t-teħid ta' riskji eċċessivi; jitlob għalhekk li jsir awditjar indipendenti u li jkun hemm regoli flessibbli li jirrispettaw il-kulturi korporattivi differenti fl-UE;

6.

Jiddikjara li huwa prerekwiżit li kumpanija mmexxija sew għandha tkun responsabbli u trasparenti lejn l-impjegati tagħha, l-azzjonisti u, fejn xieraq, lejn partijiet interessati oħra;

7.

Iqis li għandha titħeġġeġ aktar id-definizzjoni ta' governanza korporattiva tal-OECD tal-2004, li skont din, governanza korporattiva tinvolvi l-ġabra sħiħa ta' relazzjonijiet bejn it-tmexxija tal-kumpanija, il-bord tagħha, l-azzjonisti tagħha u partijiet interessati oħra;

8.

Iqis, li fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, jistgħu jittieħdu lezzjonijiet mill-fallimenti prinċipali fid-dinja kummerċjali;

9.

Jenfasizza, f'dan is-sens, li għandha tingħata attenzjoni lir-rwol importanti li d-diversi kumitati (il-kumitati tal-awditjar u, sakemm dawn jeżistu fl-Istati Membri, kumitati ta' rimunerazzjoni u ta' nomina) għandhom fil-governanza tajba ta' kumpanija, u jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħhom.

10.

Jemmen li ġabra bażika ta' miżuri dwar il-governanza korporattiva tal-UE għandha tapplika għall-kumpaniji elenkati kollha; jinnota li dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonali mad-daqs, il-kumplessità u t-tip ta' kumpanija;

11.

Iqis li l-inizjattivi dwar il-governanza korporattiva għandhom jimxu id f'id mal-inizjattivi dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva proposti mill-Kummissjoni; huwa tal-fehma li, b'mod partikolari fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali tal-lum, ir-responsabbiltà korporattiva soċjali tista', flimkien mal-governanza korporattiva, tgħin biex toħloq rabtiet eqreb bejn il-kumpaniji u l-ambjent soċjali li fih jikbru u jaħdmu;

12.

Jenfasizza li l-inizjattiva ta' Fair Play Finanzjarju hi eżempju ta' governanza korporattiva tajba fl-isport; jistieden setturi oħra kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi biex ikomplu jesploraw dawn il-miżuri bil-għan li jimplimentaw uħud mill-prinċipji bażiċi tagħhom;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq kull proposta leġiżlattiva li tqis dwar il-governanza korporattiva għal valutazzjoni tal-impatt, li għandha tiffoka kemm fuq l-għanijiet li jridu jinkisbu kif ukoll fuq il-ħtieġa li l-kumpaniji jibqgħu kompetittivi;

Bordijiet tad-diretturi

14.

Jenfasizza li b'sistemi unitarji għandu jkun hemm demarkazzjoni ċara bejn id-dmirijiet tal-President tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kap Eżekuttiv; jinnota, madanakollu, li din ir-regola m’għandhiex tkun proporzjonali mad-daqs u l-pekuljaritajiet tal-kumpanija;

15.

Jenfasizza li fil-bordijiet għandu jkun hemm individwi indipendenti b'taħlita ta' kompetenzi, esperjenzi u oqsma li ġejjin minnhom, li dan l-aspett tal-kompożizzjoni tagħhom għandu jiġi adattat għall-kumplessità tal-attivitajiet tal-kumpanija u li hija r-responsabbiltà tal-azzjonisti li jiżguraw il-bilanċ xieraq ta' kompetenzi fil-bord;

16.

Huwa tal-fehma li l-politiki ta' reklutaġġ, fejn qed jiġu użati, għandhom ikunu speċifiċi u li għandhom ikunu suġġetti għal sistema ta' konformità jew spjegazzjoni; jenfasizza li l-abbozzar u l-approvazzjoni tad-dokumenti ta' politika ta' dan it-tip hu esklussivament kompetenza tal-azzjonisti;

17.

Jistieden lill-kumpaniji sabiex jimplimentaw metodi trasparenti u ta' meritokrazija fil-qasam tar-riżorsi umani u sabiex jiżviluppaw u jippromwovu b'mod effiċjenti t-talenti u l-ħiliet tal-irġiel u tan-nisa; jenfasizza li l-kumpaniji għandhom jiżguraw trattament ugwali kif ukoll opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fuq ix-xogħol u li jikkontribwixxu għall-bilanċ xieraq bejn il-ħajja privata u tax-xogħol applikabbli kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa;

18.

Jenfasizza l-importanza li jkun hemm ġabra wiesgħa u diversa ta' ħiliet u kompetenzi rappreżentati fil-bord tal-kumpanija;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni tressaq, malajr kemm jista' jkun, data komprensiva attwali dwar ir-rappreżentanza femminili f'kull tip ta' kumpanija fl-UE u dwar il-miżuri obbligatorji u mhux obbligatorji meħuda mis-settur kummerċjali kif ukoll dawk adottati reċentement mill-Istati Membri, bil-għan li tikber din ir-rappreżentanza, u b'segwitu għal dan l-eżerċizzju, jekk jintwera li l-passi meħuda mill-kumpaniji u mill-Istati Membri jibqgħu mhux adegwati, il-Kummissjoni għandha matul l-2012 tipproponi leġiżlazzjoni, inkluż kwoti, sabiex ir-rappreżentanza femminili fil-korpi ta' ġestjoni korporattivi titla' għal 30 % sal-2015 u 40 % sal-2020, filwaqt li tikkunsidra wkoll ir-responsabilitajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partikolaritajiet ekonomiċi, strutturali (jiġifieri dawk relatati mad-daqs tal-kumpaniji), legali u reġjonali;

20.

Jenfasizza li d-diretturi għandhom jiddedikaw ħin biżżejjed biex jagħmlu dmirijiethom; iqis, madanakollu, li mhux ta' min jirrakkomanda regoli li japplikaw għal kull każ; jemmen li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jistabbilixxu limiti għan-numru ta’ bordijiet li direttur jista' jipparteċipa fihom; jirrimarka li dan jgħin biex tiżdied il-frekwenza tal-laqgħat tal-bord u titjieb il-kwalità ta' korpi ta' superviżjoni interni; jenfasizza l-importanza li l-membri tal-bord ikunu għalkollox trasparenti u miftuħa dwar l-impenji l-oħra tagħhom;

21.

Jaqbel li l-valutazzjonijiet esterni fuq bażi perjodika huma għodda utli għall-ivvalutar tal-effikaċja tal-prattiki ta' governanza korporattiva; madanakollu, hu tal-fehma li m'għandhomx ikunu obbligatorji;

22.

Huwa tal-fehma li hija r-responsabbiltà tal-membri tal-bord tat-tmexxija u ta' superviżjoni li jagħmlu użu mit-taħriġ u mit-taħriġ ulterjuri meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, bl-għajnuna mill-kumpanija, kif ikun meħtieġ;

23.

Iħeġġeġ l-iżvelar tal-politika ta' rimunerazzjoni u r-rapporti annwali ta' rimunerazzjoni tal-kumpaniji, li għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni fil-laqgħa tal-azzjonisti; jenfasizza, madankollu, li l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu progress u jistabbilixxu rekwiżiti rigward l-iżvelar tar-rimunerazzjoni individwali tad-diretturi eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi, li jistgħu jgħinu biex iżidu t-trasparenza;

24.

Jemmen li għandhom jiġu introdotti sorveljanza rigoruża u regoli ġodda sabiex ikun projbit kull abbuż marbut mas-salarji, bonusijiet u kumpens mogħtija lil uffiċjali eżekuttivi ta’ kumpaniji tas-settur korporattiv finanzjarju jew mhux finanzjarju salvati mill-gvern ta' Stat Membru; iqis li għandhom jittieħdu azzjonijiet legali, meta meħtieġ, li jipproteġu kontra l-abbuż ta' fondi pubbliċi użati biex isalvaw il-kumpaniji;

25.

Jitlob li jkun hemm politiki sostenibbli ta' rimunerazzjoni fit-tul, li għandhom ikunu bbażati fuq il-funzjonament fit-tul tal-individwu u l-kumpanija tiegħu;

26.

Iqis li żieda fil-paga tad-diretturi għandha tkun konsistenti mal-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija tagħhom;

27.

Jappoġġa l-inklużjoni ta' elementi ta' sostenibbiltà fit-tul fir-rimunerazzjoni varjabbli tal-maniġers, bħall-użu ta' persentaġġ tar-rimunerazzjoni varjabbli tagħhom li jkun dipendenti fuq il-kisba tal-miri tar-responsabbiltà korporattiva soċjali, eż. s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u s-sodisfazzjon tal-impjegati;

28.

Jinnota li l-bord huwa l-korp responsabbli għar-reviżjoni u l-approvazzjoni tal-istrateġija tal-kumpanija, li tinkludi l-approċċ tal-kumpanija lejn ir-riskju, u għandu jirrapporta dan b'mod li jagħmel sens għall-azzjonisti sakemm ikun possibbli mingħajr ma tkun żvelata informazzjoni li tista' tagħmel ħsara lill-kumpanija, pereżempju fir-rigward tal-kompetituri; iqis li r-riskji ambjentali u soċjali għandhom jiġu inklużi kemm-il darba għandhom impatt materjali fuq il-kumpanija, kif diġà meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;

Azzjonisti

29.

Jemmen li l-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fil-kumpanija għandha titħeġġeġ billi jissaħħaħ ir-rwol tagħhom, iżda dan l-involviment qatt m'għandu jkun obbligatorju iżda għażla diskrezzjonali;

30.

Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri li jinċentivaw l-investiment fit-tul kif ukoll bħala rekwiżit għal trasparenza sħiħa fil-votazzjoni ta' kwalunkwe sehem misluf, ħlief għal każ ta’ ishma anonimi; iqis li għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-imġiba tal-investituri istituzzjonali li tfittex li toħloq il-likwidità u żżomm klassifikazzjonijiet tajbin, għaliex dan jinkoraġġixxi biss il-parteċipazzjoni azzjonarja għal żmien qasir minn dawn l-investituri;

31.

Jinnota li d-Direttiva tad-Drittijiet tal-Azzjonisti (2) tapprova l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-azzjonisti u li għaldaqstant l-azzjonisti kollha (istituzzjonali jew le) huma intitolati li jirċievu l-istess informazzjoni mill-kumpanija, irrispettivament mill-investiment tagħhom;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti proporzjonati dwar linji gwida fil-livell Ewropew dwar in-natura tal-informazzjoni mqassma lill-azzjonisti fir-rapporti annwali tal-kumpaniji; iqis li din l-informazzjoni għandha tkun ta' kwalità għolja u informattiva;

33.

Jinnota li fis-suq hemm nuqqas ta' mira ċara fuq perjodu twil u jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sabiex tivvaluta jekk xi rekwiżiti, bi żvista, komplewx iqawwu l-enfasi fuq perjodu qasir; jilqa’, b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni li tabbanduna r-rekwiżit ta’ rapport kull tliet xhur fid-Direttiva dwar it-Trasparenza, rekwiżit li ftit li xejn ikattar l-għarfien tal-azzjonista u sempliċiment joħloq opportunitajiet ta' kummerċ fuq perjodu qasir;

34.

Jilqa' l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta’ tmexxija tajba ('Stewardship Codes') għal investituri istituzzjonali minn madwar l-Unjoni Ewropea; jemmen li kodiċi ta' tmexxija tajba Ewropew jista' jkun żviluppat billi jintużaw mudelli eżistenti u b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali;

35.

Jenfasizza li l-investituri istituzzjonali għandhom id-dmir fundamentali li jipproteġu l-investimenti tagħhom u li hija r-responsabbiltà tagħhom li jissorveljaw lill-maniġer tal-assi li jkunu ħatru fir-rigward ta' strateġiji, spejjeż, negozjar kif ukoll il-livell safejn dan il-maniġer tal-assi għandu jimpenja ruħu mal-kumpaniji li jsir investiment fihom, u għaldaqstant hu d-dmir tagħhom li jitolbu trasparenza adegwata fil-prestazzjoni tad-dmirijiet fiduċjarji;

36.

Hu tal-fehma, f’dan ir-rigward, li l-investituri istituzzjonali huma liberi li jfasslu l-istrutturi rilevanti ta' inċentivi fir-relazzjoni professjonali tagħhom mal-maniġers tal-assi;

37.

Jinnota li l-kunflitti ta' interess, inklużi dawk potenzjali, dejjem għandhom jiġu żvelati u li azzjoni xierqa hija meħtieġa fil-livell tal-UE;

38.

Jitlob lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva tad-Drittijiet tal-Azzjonisti b’tali mod li tivvaluta b'liema mod il-parteċipazzjoni tal-azzjonisti tista' tissaħħaħ; iqis, f’dan ir-rigward, li r-rwol tal-votazzjoni elettronika f'laqgħat ġenerali ta' kumpaniji kkwotati sabiex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-azzjonisti, b'mod speċjali fir-rigward ta' azzjonisti transkonfinali, għandu jiġi analizzat mill-Kummissjoni permezz ta' valutazzjoni tal-impatt;

39.

Ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn ta' definizzjoni ċara ta' "azzjoni kkoordinata", minħabba li n-nuqqas ta' regoli uniformi jikkostitwixxi wieħed mill-ostakoli prinċipali għall-kooperazzjoni tal-azzjonisti;

40.

Jemmen li l-konsulenti delegati għandhom rwol importanti ħafna, iżda li spiss l-attivitajiet tagħhom hija suġġetta għall-kunflitti ta' interess; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura aktar regolamentazzjoni tal-konsulenti delegati, waqt li tagħti attenzjoni speċjali għat-trasparenza u għall-kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess; huwa tal-fehma li l-konsulenti delegati għandhom ikunu pprojbiti li jipprovdu servizzi ta' konsulenza lill-kumpaniji li jsir investiment fihom;

41.

Iqis li l-kumpaniji għandhom ikunu intitolati jagħżlu bejn sistema ta’ ishma nominattivi jew ta’ ishma anonimi; iqis li, jekk jintgħażlu l-ishma nominattivi, il-kumpaniji jkollhom id-dritt li jkunu jafu l-identità tas-sidien tagħhom u li r-rekwiżiti minimi ta' armonizzazzjoni għall-iżvelar tal-ishma materjali għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE; iqis li dan għandu jkun mingħajr ħsara għad-dritt tas-sidien tal-ishma anonimi li ma jiżvelawx l-identità tagħhom;

42.

Jinnota li, għalkemm il-ħarsien tal-azzjonisti minoritarji huwa kwistjoni li hija indirizzata mid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali tal-kumpanija, azzjoni tal-Unjoni tista' tkun utli biex tippromwovi votazzjoni bi prokura;

43.

Japprova l-linji gwida inklużi fid-dikjarazzjoni tal-Forum Ewropew dwar it-Tmexxija Korporattiva dwar it-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati għal entitajiet elenkati fl-10 ta' Marzu 2011; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE permezz ta' miżura mhux vinkolanti bħal rakkomandazzjoni;

44.

Jemmen li l-kwistjoni ta' skemi ta' sjieda ta' ishma għall-impjegati hija waħda li għandha tiġi rregolata fil-livell tal-Istat Membru u taqa' taħt in-negozjati bejn l-impjegaturi u l-impjegati: il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni f'tali skema dejjem għandha tkun ta' natura volontarja;

Il-qafas ta' 'konformità jew spjegazzjoni'

45.

Jemmen li s-sistema ta' 'konformità jew spjegazzjoni' hija għodda utli għall-governanza korporattiva; huwa favur l-adeżjoni obbligatorja għal kodiċi ta' governanza korporattiva nazzjonali jew Kodiċi ta' Kondotta magħżula mill-kumpanija; iqis li kull devjazzjoni mill-Kodiċi ta' Kondotta għandha tiġi spjegata b'mod li jagħmel sens u li, b'żieda għal din l-ispjegazzjoni, għandha tiġi deskritta u spjegata l-miżura alternattiva ta' governanza korporattiva meħuda;

46.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinkiseb funzjonament aħjar tar-regoli u tar-rakkomandazzjonijiet ta' governanza eżistenti kif ukoll li tinkiseb il-konformità magħhom, aktar milli jiġu imposti regoli vinkolanti ta' governanza korporattiva Ewropea;

47.

Jemmen li kodiċijiet ta' prattika jistgħu jwettqu bidla fl-imġiba u li l-flessibbiltà pprovduta mill-kodiċijiet tippermetti innovazzjoni bi spunt mill-aħjar prattika minn madwar l-UE; jemmen li l-qsim tal-aħjar prattika jtejjeb il-governanza korporattiva fl-UE;

*

* *

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 16.

(2)  Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati. (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.)


Top