EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010TN0486
Case T-486/10: Action brought on 14 October 2010 — Iberdrola v Commission
Kawża T-486/10: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Ottubru 2010 — Iberdrola vs Il-Kummissjoni
Kawża T-486/10: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Ottubru 2010 — Iberdrola vs Il-Kummissjoni
ĠU C 328, 4.12.2010, p. 51–52
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 328/51 |
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2010 — Iberdrola vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-486/10)
()
2010/C 328/80
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Iberdrola, SA (Bilbao, Spanja) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado u E. Barbier de la Serre, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni, u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Id-Deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża hija l-istess hija l-istess deċiżjoni inkwistjoni fil-Kawżi T-484/10, Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni u T-490/10 Endesa vs Il-Kummissjoni.
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta qieset, wara li għamlet eżami preliminari skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1), li l-kumpens għas-servizz pubbliku nnotifikat mir-Renju ta’ Spanja huwa kkunsidrat konformi mal-liġijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti tressaq ħames motivi għal annullament.
Permezz tal-ewwel motiv għal annullament ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament minkejja li jeżistu dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq intern. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret manifestament l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.
Permezz tat-tieni motiv għal annullament, li huwa magħmul minn żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel parti, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-miżura nnotifikata mir-Renju ta’ Spanja tirrispondi għall-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ġġustifikat minħabba motivi ta’ sigurtà ta’ provvista, meta la jeżistu, u lanqas ma huwa prevedibbli li jeżistu fi żmien medju problemi ta’ sigurtà ta’ provvista fi Spanja; u fit-tieni parti, tallega żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-miżura nnotifikata mir-Renju ta’ Spanja hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE u t-Tielet Direttiva dwar l-elettriku.
Permezz tat-tielet motiv għal annullament, ir-rikorrenti targumenta li l-għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni hija kuntrarja għal-limiti ratione materiae u ratione temporis stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1407/2002 (2) dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam u fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi.
Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jobbligaha teżamina b’mod diliġenti, imparzjali u fil-fond l-elementi kollha relevanti għall-kawża, peress li ma qisietx opportun tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun kompletament informata dwar id-data kollha li tirrigwarda l-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, u ppreferiet tadotta l-miżura kkontestata fl-ewwel fażi.
Permezz tal-ħames motiv, li huwa magħmul minn tliet partijiet, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddikkjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, b’mod partikolari, billi injorat li l-miżura tikser ir-regoli li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, l-għanijiet imfittxa mid-direttivi dwar is-suq intern dwar l-elettriku u l-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta’ Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170).