EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0452

Kawża T-452/10: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Settembru 2010 — ClientEarth vs Il-Kunsill

ĠU C 328, 4.12.2010, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/37


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2010 — ClientEarth vs Il-Kunsill

(Kawża T-452/10)

()

2010/C 328/64

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit), (rappreżentant: S. Hockman QC, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-konvenut kiser ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1);

tiddikjara li l-Kunsill kiser l-Artikolu 294(6) TFUE billi naqas li jinforma lill-Parlament Ewopew kompletament bir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tas-26 ta’ Lulju 2010 (Ref. 15/c/01/10), li permezz tagħha l-Kunsill ta tweġiba negattiva taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u b’hekk irrifjuta li jipproduċi d-dokument Nru 6865/09;

tordna lill-konvenut jipprovdi aċċess għad-dokument mitlub; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż tal-parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010, li permezz tagħha l-konvenut naqas li jipprovdi lir-rikorrenti aċċess għad-dokument Nru 6865/09, li fih opinjoni tas-servizz legali tal-konvenut rigward il-proposta tal-Kummissjoni għat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u, b’mod partikolari, l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew li jinsabu fir-rapport Cashman.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta l-motivi li ġejjin:

 

Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u l-Artikolu 294(6) TFUE. L-iżvelar tal-opinjoni legali mitlub ma jippreġudikax il-protezzjoni tal-opinjoni legali bl-istess mod li ma jippreġudikax l-interess tal-Kunsill li jitlob u li jirċievi opinjoni legali diretta u sinċiera, oġġettiva u komprensiva. L-istadju tal-ewwel qari tal-proċedura leġiżlattiva għandu jimplika żvelar tal-opinjoni legali dwar l-ammissibbiltà tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew.

 

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. L-Artikolu 4(3) ma huwiex applikabbli għall-protezzjoni tal-opinjoni legali. Anki li kieku kien applikabbli, l-iżvelar tal-opinjoni mitlub ma jippreġudikax serjament il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill. L-iżvelar ma jippreġudikax il-kapaċità tas-servizz legali li jirrapreżenta l-pożizzjoni tal-Kunsill fi proċeduri ġudizzjarji ħielsa minn kull influwenza esterna, u lanqas l-indipendenza tas-servizz legali tal-Kunsill, u lanqas ma jimpedixxi diskussjonijiet interni tal-Kunsill dwar l-emendi tal-Parlament.

 

Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-aħħar inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, billi tonqos li tevalwa jekk kienx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar u li tipprovdi motivazzjoni dettaljata għal tali rifjut. Il-Kunsill ma jibbilanċjax il-protezzjoni tal-opinjonijiet legali mal-interess pubbliku li d-dokument ikun aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw fi trasparenza ikbar u tal-fatt li aċċess għall-opinjoni mitlub jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw iktar mill-qrib fil-proċess tat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li jikkonċerna lill-pubbliku b’mod ġenerali peress li huwa jipprovdi lil dan tal-aħħar il-bażi li fuha huwa jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jingħata aċċess għal dokumenti mizmuma minn insituzzjonijiet tal-UE.

 

Finalment, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi tonqos li tagħti aċċess parzjali għad-dokument mitlub.


(1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)


Top