EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0473

Kawża C-473/10: Rikors ippreżentat fid- 29 ta’ Settembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

ĠU C 328, 4.12.2010, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/19


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

(Kawża C-473/10)

()

2010/C 328/36

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u B.D. Simon, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ungerija

Talbiet tar-rikorrenti

Il-Kummissjoni titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

(1)

tiddikjara li r-Repubblika tal-Ungerija:

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3), u taħt l-Anness II, tad-Direttiva 91/440/KEE kif emendata (1), u taħt l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (2) sa fejn hija ma żguratax l-indipendenza mill-kumpanniji tal-ferroviji fl-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferrovija,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3), u taħt l-Anness II, tad-Direttiva 91/440/KEE, kif emendata, u taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn hija ma żguratx l-indipendenza mill-kumpanniji tal-ferroviji fl-istabbiliment tat-tariffi,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn hija ma żguratx il-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastruttura,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn hija ma tatx lill-amministraturi tal-infrastruttura inċentivi sabiex inaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u t-tariffi għall-użu tal-infrastruttura,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn hija ma żguratx li t-tariffi għall-pakkett ta’ aċċess minimu u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi jiġu stabbiliti skont l-ispejjeż li jiġu inkorsi direttament bħala riżultat tal-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija,

naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn hija ma implementatx skema sabiex tinkoraġixxi lil impriżi tal-ferrovija u l-amministratur tal-infrastruttura jnaqqsu d-disturb u jtejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferrovija;

(2)

tordna li r-Repubblika tal-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għan tad-Direttiva 91/440/KEE u tad-Direttiva 2001/14/KE huwa li jiggarantixxu l-aċċess għall-infrastruttura tal-ferroviji għall-impriżi f’dan il-qasam taħt kundizzjonijiet ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-imsemmija direttivi jipprovdu li l-korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasport ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet rigward l-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferroviji u li korp indipendenti għandu jieħu ħsieb l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura. Jekk impriża tal-ferroviji tieħu ħsieb il-ġestjoni tat-traffiku, tikseb neċessarjament vantaġġ kompetittiv, għaliex, sabiex twettaq dawn il-kompiti ta’ ġestjoni, għandu jkollha informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li jipprovdu l-impriżi tal-ferroviji, il-volum tagħhom u l-ħinijiet tagħhom.

Dan ir-rikors ġie mmotivat, fost l-oħrajn, mill-fatt li fl-Ungerija, bi ksur ta’ dak li ġie stabbilit mid-direttivi msemmija, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ferroviji tinsab f’idejn korpi li jipprovdu servizzi ta’ trasport bil-ferrovija.

Ma jistax jitqies li l-ġestjoni tat-traffiku hija attività ta’ amministrazzjoni tal-infrastruttura li ma hijiex marbuta mal-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferrovija jew mal-allokazzjoni tal-kapaċità, peress li min iwettaq dan neċessarjament jieħu sehem fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward tali indikazzjoni jew allokazzjoni. Minn naħa, dak li jieħu ħsieb il-ġestjoni tat-traffiku għandu jkun informat bid-deċiżjonijiet ta’ allokazzjoni tal-kapaċità sabiex ikun jista’ jiżviluppa l-attività ta’ ġestjoni tiegħu; min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ disturb fit-traffiku jew ta’ emerġenza għandu jieħu l-miżuri li jirriżultaw neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid taċ-ċirkulazzjoni fit-termini stabbiliti, u dan jimplika neċessarjament allokazzjoni ġdida tal-kapaċità tan-netwerk u indikazzjoni ġdida tal-mogħdiji għall-ferrovija disponibbli.

Il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġestjoni tat-traffiku huwa miskur sa fejn fl-Ungerija, l-impriżi tal-ferroviji joħorġu fatturi dettaljati dwar it-tariffi għall-użu tal-infrastrutturi. Peress li l-fatturi dettaljati jirreferu neċessarjament, fost l-oħrajn, għas-servizzi użati minn impriżi tal-ferroviji speċifiċi, kif ukoll għall-volum u għall-ħinijiet tagħhom, huma jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-impriżi li joħorġuhom.

Barra min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza fl-indikazzjoni tal-mogħdiji għall-ferrovija, ir-Repubblika tal-Ungerija naqset ukoll milli twettaq l-obbligi li joħorġu mid-Direttivi 91/440 u 2001/14, sa fejn:

ma stabbilietx r-rekwiżiti neċessarji sabiex tiżgura l-bilanċ finanzjarju tal-amministraturi tal-infrastrutturi;

ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tobbliga lill-amministraturi tal-infrastrutturi jnaqqsu t-tariffi ta’ aċċess għan-netwerk u l-ispejjeż għall-ġestjoni;

ma adottatx il-miżuri ta’ eżekuzzjoni neċessarji sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ spejjeż diretti fid-determinazzjoni tat-tariffi għall-aċċess permezz ta’ stallazzjonijiet ta’ servizz u, fl-aħħar nett,

ma adottatx sistema ta’ miżuri sabiex tagħti inċentiv lill-impriżi ta’ ferroviji u lill-amministratur tal-infrastrutturi sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun id-disturbi u sabiex itejbu l-ħidma tan-netwerk tal-ferroviji.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341).

(2)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).


Top