EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0173

Kawża C-173/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal- 5 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Georgi Ivanov Elchinov vs Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa ( Sigurtà soċjali — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Assigurazzjoni għall-mard — Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor — Awtorizzazzjoni minn qabel — Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Modi ta’ rimbors lill-persuna assigurata ta’ spejjeż ta’ sptar inkorsi fi Stat Membru ieħor — Obbligu ta’ qorti inferjuri li tikkonforma mal-istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri )

ĠU C 328, 4.12.2010, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 328/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal-5 ta’ Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Georgi Ivanov Elchinov vs Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa

(Kawża C-173/09) (1)

(Sigurtà soċjali - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Assigurazzjoni għall-mard - Kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor - Awtorizzazzjoni minn qabel - Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Modi ta’ rimbors lill-persuna assigurata ta’ spejjeż ta’ sptar inkorsi fi Stat Membru ieħor - Obbligu ta’ qorti inferjuri li tikkonforma mal-istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri)

2010/C 328/09

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Georgi Ivanov Elchinov

Konvenut: Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad Sofia-grad — Interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 22(1)(ċ) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 231), kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006 (ĠU L 392, p. 1) — Assikurazzjoni għall-mard — Rifjut ta’ awtroizzazzjoni mill-istituzzjoni nazzjonali kompetenti ta’ spejjeż ffinanzjati mill-baġit tagħha (formola E 112) sabiex tinkiseb kura medika iktar effettiva fi Stat Membru ieħor barra minn dak ta’ residenza tal-pazjent assigurat — Preżunzjoni ta’ konnessjoni neċessarja bejn dan il-finanzjament u l-eżistenza ta’ din it-tip ta’ kura fit-territorju nazzjonali — Kunċett ta’ kura li ma tistax tingħata lill-persuna kkonċernata fl-Isttat Membru ta’ residenza — Modi ta’ awtorizzazzjoni tal-finanzjament u sistema applikabbli għar-rimbors tal-ispejjeż imħallsa — Obbligu ta’ qorti inferjuri li tikkonforma mal-istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri li hija tikkunsidra kuntrarji għad-dritt Komunitarju

Dispożittiv

(1)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tiddeċiedi wara r-rinviju li jsirilha minn qorti superjuri fuq appell quddiemha, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula mill-qorti superjuri, jekk hija tikkunsidra li, fir-rigward tal-interpretazzjoni li hija talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

(2)

L-Artikoli 49 KE u 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru interpretata fis-sens li hija teskludi, fil-każijiet kollha, il-ħlas ta’ kura fl-isptar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel fi Stat Membru ieħor.

(3)

Fir-rigward tal-kura medika li ma tistax tingħata fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi l-persuna assigurata, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorizzazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 22(1)(ċ)(i) ma tistax tiġi rrifjutata:

jekk, meta s-servizzi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma suġġetti għal lista li ma ssemmix espressament u speċifikament il-metodu ta’ trattament applikat, imma tiddefinixxi t-tipi ta’ trattamenti li l-istituzzjoni kompetenti ħallest għalihom, huwa stabbilit, b’applikazzjoni tal-prinċipji normali ta’ interpretazzjoni u wara eżami bbażat fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni medika kollha rilevanti u d-data xjentifika disponibbli, li dan il-metodu jikkorrispondi għal tipi ta’ trattamenti msemmija f’din il-lista; u

jekk trattament alternattiv li għandu l-istess grad ta’effettività ma jistax jingħata fi żmien xieraq fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħi tirrisjedi l-persuna assigurata.

L-istess artikolu jipprekludi li l-korpi nazzjonali msejħa li jiddeċiedu dwar talba għal awtorizzazzjoni minn qabel jippreżumu, waqt l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li l-kura fl-isptar ma tistax tingħata fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tirrisjedi l-persuna assigurata ma tinsabx fost is-servizzi li l-ħlas tagħhom huwa previst fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u, mill-banda l-oħra, li din il-kura fl-isptar tkun fost is-servizzi li jistgħu jingħataw fl-imsemmi Stat Membru

(4)

Meta huwa stabbilit li r-rifjut ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni rikjesta taħt l-Artikolu 22(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, ma kienx fondat, għalkemm il-kura fl-isptar hija lesta u l-ispiża tagħha hija mħallsa mill-persuna assigurata, il-qorti nazzjonali għandha tobbliga lill-istituzzjoni kompetenti, skont ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura, li tirrimborsa lill-imsemmija persuna assigurata l-ammont li normalment din tal-aħħar kienet tħallas kieku l-awtorizzazzjoni inħarġet debitament.

L-imsemmi ammont huwa daqs l-ammont ta’ dak stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li għaliha hija suġġetta l-istituzzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ngħatat il-kura fl-isptar. Jekk dan l-ammont huwa inqas mill-ammont li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza fil-każ ta’ trattament fl-isptar ta’ dan l-imsemmi Stat Membru, għandu, barra minn hekk jingħata mill-istituzzjoni kompetenti, rimbors supplimentari, li jikkorrispondi għad-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti, fil-limitu tal-ispejjeż realment inkorsi.


(1)  ĠU C 180, 01.08.2009.


Top