EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0512

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2018.
Kawża mressqa minn HR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań - Stare Miasto w Poznaniu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) – Residenza abitwali tal-minuri – Tarbija – Ċirkustanzi determinanti għall-istabbiliment tal-post ta’ din ir-residenza.
Kawża C-512/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:513

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 8(1) – Residenza abitwali tal-minuri – Tarbija – Ċirkustanzi determinanti għall-istabbiliment tal-post ta’ din ir-residenza”

Fil-Kawża C-512/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań – Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań – Stare Miasto, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura mibdija minn

HR

fil-preżenza ta’:

KO,

Prokuratura Rejonowa Poznań Stare Miasto w Poznaniu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HR, minn A. Kastelik-Smaza, adwokat,

għal KO, minn K. Obrębska-Czyż, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u D. Milanowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn HR, dwar talba għall-iffissar tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ bintha minuri.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2201/2003

3

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 tistipula:

“Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4

Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 2(9) jiddefinixxi “drittijiet ta’ kustodja” bħala li jinkludu “drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri”.

5

It-Taqsima 2, intitolata “Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan l-istess regolament.

6

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

7

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.”

8

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 5.

[…]

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

[…]

ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; […]

[…]”

Id-dritt Pollakk

9

Skont l-Artikoli 579, 582 u 5821, tal-ustawa r. – Kodeks postępowania cywilnego (l-Att li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal-2016, pożizzjoni 1822), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), il-kwistjonijiet dwar l-għoti tal-awtorità tal-ġenitur, dwar kif għandhom jiġu rregolati l-interessi essenzjali tal-minuri u dwar id-dritt ta’ aċċess għal dan tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża.

10

Skont l-Artikolu 1099(1) tal-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti adita għandha teżamina ex officio, f’kull stadju tal-proċedura, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati pollakki. Fil-każ li ma jkollhomx ġurisdizzjoni, hija għandha tiddikjara li t-talba ma hijiex ammissibbli.

11

Skont l-Artikolu 386(6) tal-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-evalwazzjoni ġuridika u l-indikazzjonijiet dwar il-kontinwazzjoni tal-proċedura għandhom jidhru fil-motivi tas-sentenza tal-qorti tal-appell u dawn jorbtu kemm lill-qorti li lilha ntbagħtet lura l-kawża kif ukoll lill-qorti tal-appell fil-kuntest ta’ eżami ġdid tal-kawża. Abbażi tal-Artikolu 13(2) tal-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, din id-dispożizzjoni tapplika wkoll, b’analoġija, fil-kawżi li huma s-suġġett ta’ proċedura mhux kontenzjuża.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

HR hija ċittadina Pollakka li ilha sa mis-sena 2005 tgħix fi Brussell (il-Belġju), fejn hija taħdem, għal żmien indeterminat, fil-kwalità tagħha ta’ uffiċjal titolari tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). KO huwa ċittadin Belġjan li wkoll jgħix fi Brussell.

13

HR u KO ltaqgħu matul is-sena 2013. F’Ġunju 2014, huma bdew jgħixu flimkien fi Brussell. Frott ir-relazzjoni tagħhom twieldet, fis-16 ta’ April 2015, f’din l-istess belt, tifla, MO, li għandha kemm in-nazzjonalità Pollakka kif ukoll dik Belġjana. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kemm HR kif ukoll KO għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ din it-tifla.

14

Wara t-twelid ta’ MO, HR issoġġornat diversi drabi magħha fil-Polonja, bil-kunsens ta’ KO, fil-kuntest tal-leave parentali tagħha, sussegwentement għall-vaganzi u għall-perijodi ta’ festa, għal perijodi li xi kultant kienu jtulu għal tliet xhur. Waqt dawn is-soġġorni HR kienet tgħix mal-minuri għand il-ġenituri tagħha f’Przesieka (il-Polonja) jew f’abitazzjoni li tinsab f’Poznań (il-Polonja), li tagħha ilha proprjetarja sa mis-sena 2013.

15

HR u KO isseparaw matul Awwissu 2016 u, minn dakinhar, jgħixu separatament fi Brussell. MO tgħix ma HR u, bil-kunsens ta’ din tal-aħħar, KO jara lil bintu darba fix-xahar, nhar ta’ Sibt mill-għaxra ta’ filgħodu sal-erbgħa ta’ filgħaxija. Dan tal-aħħar ħejja kamra fl-abitazzjoni tiegħu sabiex jilqa’ lit-tifla. Barra minn hekk, il-ġenituri użaw proċedura ta’ medjazzjoni sabiex jipprovaw isolvu l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ MO. Madankollu din il-proċedura ma tkomplietx f’Novembru 2016.

16

MO la tmur il-crèche u lanqas il-kindergarten. Omm HR tgħinha tieħu ħsieb il-minuri kuljum. Preċedentement, din l-għajnuna kienet tiġi pprovduta lilha minn assistenti maternali ta’ oriġini Pollakka. HR u MO huma ddikjarati bħala residenti kemm fil-Belġju kif ukoll fil-Polonja. HR u l-familja tagħha jikkomunikaw mal-minuri bil-Pollakk, filwaqt li KO ikellimha bil-franċiż. Binthom titkellem u tifhem prinċipalment il-Pollakk.

17

HR tixtieq tistabbilixxi ruħha fil-Polonja ma MO. KO qed jopponi dan. F’dan il-kuntest, fl-10 ta’ Ottubru 2016 HR ressqet talba quddiem is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto, il-Polonja) intiża sabiex, minn naħa, ir-residenza ta’ MO tiġi stabbilita għar-residenza rispettiva ta’ HR, irrispettivament minn liema tkun, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi stabbilit dritt ta’ aċċess favur KO.

18

Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Novembru 2016, is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto) ċaħdet din it-talba minħabba li l-qrati pollakki ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali biex jisimgħu il-kawża. Skont din il-qorti, sa fejn HR tgħix u taħdem fi Brussell u sa fejn MO tgħix magħha, ir-residenza abitwali tal-minuri tinsab fil-Belġju. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huma l-qrati Belġjani li għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ MO. Il-fatt li HR iżżur ta’ sikwit il-familja tagħha fil-Polonja flimkien mal-minuri u li hija l-proprjetarja ta’ abitazzjoni f’dan l-Istat Membru ma jikkonfutax din il-konklużjoni.

19

Fis-17 ta’ Novembru 2016, HR appellat minn dan id-digriet quddiem is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja). Barra minn hekk, fi Frar 2017, KO ressaq talba quddiem qorti ta’ Brussell dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ MO. Madankollu, din l-aħħar qorti ssospendiet il-proċeduri fl-istennija ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura mibdija quddiem il-qrati pollakki.

20

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Marzu 2017, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań) annullat id-digriet tas-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto), peress li qieset li l-qrati pollakki għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex jiddeċiedu t-talba mressqa fil-kawża prinċipali.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell qieset li, fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba, ir-residenza abitwali ta’ MO kienet tinsab fil-Polonja. F’dan il-kuntest, l-istess qorti fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829), ir-residenza abitwali tal-minuri tikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari. Issa, skont il-qorti tal-appell, MO, li kellha tmintax-il xahar meta tressqet it-talba fil-kawża prinċipali, ma kinitx integrata fl-ambjent soċjali Belġjan, sa fejn din la kienet tmur il-crèche u lanqas il-kindergarden u ma kellhiex assistenti maternali ta’ din in-nazzjonalità u sa fejn l-unika persuna li hija tiffrekwenta li għandha rabta ma dan l-ambjent huwa missierha. Mix-xahar ta’ Settembru 2016, l-ambjent familjari ta’ MO huwa limitat għal ommha, li għandha l-kustodja ta’ kuljum. Issa, MO hija marbuta mat-tradizzjoni u mal-kultura pollakka permezz ta’ ommha u tal-familja ta’ din tal-aħħar, peress li hija kellha assistenti maternali Pollakka u tesprimi ruħha essenzjalment bil-Pollakk, peress li għaddiet il-vaganzi, il-perijodi ta’ festa kif ukoll il-parti l-kbira tal-leave parentali ta’ HR fil-Polonja u peress li hija ġiet mgħammda f’dan l-Istat Membru.

22

Barra minn hekk, skont din l-istess qorti, iċ-ċirkustanza li HR u KO ma humiex miżżewġin u ma xtrawx abitazzjoni fi Brussell turi li din tal-ewwel ma għandhiex l-intenzjoni tissoġġorna fil-Belġju għal perijodu itwal minn dak li teħtieġ l-attività professjonali tagħha. Bil-kontra, il-fatt li din tal-aħħar xtrat abitazzjoni f’Poznań u li hija tissoġġorna ta’ sikwit u fit-tul fil-Polonja juri li hija għandha l-intenzjoni li terġa lura biex tgħix f’dan l-Istat Membru.

23

Matul ix-xahar ta’ April 2017, prokuratur Belġjan ħareġ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju fir-rigward ta’ MO, u dan għal żmien indeterminat. Madankollu, HR kisbet l-awtorizzazzjoni li tissoġġorna mal-minuri fil-Polonja mill-11 ta’ Lulju sat-12 ta’ Awwissu 2017.

24

Is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto) hija mill-ġdid adita bil-kawża prinċipali wara l-annullament tad-digriet inizjali tagħha. Fid-19 ta’ Ġunju 2017, HR ressqet ukoll talba addizzjonali quddiem dik il-qorti intiża sabiex din tawtorizza l-ivvjaġġar ta’ MO lejn il-Polonja.

25

Dik il-qorti tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829), f’kawża bħal dik imressqa quddiemha, huma possibbli żewġ interpretazzjonijiet tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

26

Fil-fatt, huwa possibbli li r-residenza abitwali ta’ tarbija bħal MO tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss ir-rabtiet ta’ integrazzjoni li jirriżultaw mill-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva u ta’ kuljum. Minn din il-perspettiva, ir-rabtiet li l-minuri għandu mal-Istat Membru li tiegħu dan il-ġenitur għandu n-nazzjonalità, murija mill-fatt li dan jissoġġorna hemmhekk matul il-perijodi ta’ festi u ta’ leave tal-imsemmi ġenitur, li n-nanniet u l-familja estiża tal-minuri min-naħa tal-istess ġenitur jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, li huwa ġie mgħammed hemmhekk u li jesprimi ruħu prinċipalment fil-lingwa tal-imsemmi Stat, huma deċiżivi.

27

Madankollu, ċirkustanzi oħra jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod, b’mod partikolari l-fatt li l-minuri inkwistjoni jissoġġorna ta’ kuljum fi Stat Membru speċifiku, li l-ġenitur li għandu l-kustodja tiegħu effettivament jeżerċita l-attività professjonali tiegħu f’dan l-Istat, li fl-istess Stat il-minuri jibbenefika minn kura medika u li l-ġenitur l-ieħor, li miegħu l-minuri għandu kuntatti regolari, huwa ċittadin tal-imsemmi Stat u jirrisjedi fih abitwalment.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy Poznań-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań-Stare Miasto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa xieraq, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament [Nru 2201/2003] jiġi interpretat fis-sens li:

ir-residenza abitwali ta’ wild ta’ 18-il xahar hija l-Istat Membru li, skont iċ-ċirkustanzi li ġejjin, juri ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u tal-familja: in-nazzjonalità tal-ġenitur li għandu l-kustodja ta’ kuljum tal-wild, il-fatt li dan tal-aħħar jesprimi ruħu fil-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, il-fatt li huwa ġie mgħammed hemm u li ssoġġorna hemmhekk għal perijodi sa tliet xhur matul il-leave tal-ġenituri ta’ dan il-ġenitur u ta’ leave ieħor li dan tal-aħħar kellu matul il-perijodi tal-vaganzi [festi], kif ukoll il-kuntatti mal-familja tiegħu,

meta l-wild jirrisjedi l-bqija tal-ħin ma’ dan il-ġenitur fi Stat Membru ieħor, il-fatt li dan il-ġenitur huwa impjegat hemmhekk fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u li l-wild hemmhekk ikollu kuntatti regolari iżda limitati ratione temporis mal-ġenitur l-ieħor u mal-familja tiegħu?

2)

Għad-determinazzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, tar-residenza abitwali tal-wild ta’ 18-il xahar, li minħabba l-età tiegħu jinsab ta’ kuljum fil-kustodja ta’ wieħed mill-ġenituri tiegħu biss u li għandu kuntatti regolari iżda limitati ratione temporis mal-ġenitur l-ieħor, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri dwar l-eżerċizzju tal-awtorità parentali u dwar id-drittijiet ta’ aċċess għall-wild, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod indaqs, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u tal-familja, ir-rabtiet li jorbtu lill-wild ma kull wieħed mill-ġenituri tiegħu, jew għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni ikbar ir-rabtiet mal-ġenitur li għandu l-kustodja ta’ kuljum?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-6 ta’ Settembru 2017, il-Ħames Awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

30

Madankollu, fil-15 ta’ Novembru 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tinqata’ bi prijorità, abbażi tal-Artikolu 53(3) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

31

Fl-ewwel lok, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, HR tikkontesta l-preżentazzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija tqis li ma hijiex kompluta u li hija qarrieqa. Fil-fehma tal-persuna kkonċernata, mill-formulazzjoni nnifisha tad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju timminimalizza r-rabtiet li jeżistu bejn MO u l-Polonja.

32

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-awtorità tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt tal-Unjoni biss abbażi tal-fatti li l-qorti tar-rinviju tippreżenta quddiemha. Kemm l-istabbiliment kif ukoll l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-21 ta’ Lulju 2016, Argos Supply Trading, C‑4/15, EU:C:2016:580, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għaldaqstant ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar eventwali nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-fatti tal-kawża. Min-naħa l-oħra, hija għandha tinterpreta r-Regolament Nru 2201/2003 fid-dawl tal-premessi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju.

34

Fit-tieni lok, HR tikkontesta n-neċessità ta’ dawn id-domandi preliminari. F’dan ir-rigward, hija għandha dubji dwar kemm risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati pollakki għadha tista’ tkun utli fid-dawl taż-żmien li għadda mill-introduzzjoni tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ MO. F’dan l-istadju, fl-interess tal-minuri, iktar ikun xieraq, pjuttost, li tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għandha, fil-verità, ebda dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u qed tipprova biss tikseb, mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, konferma ta’ evalwazzjoni tal-fatti li tmur kontra dik imwettqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań), filwaqt li tali evalwazzjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa jekk, minkejja d-digriet mogħti mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań), għandhiex dubbji, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali previsti fir-Regolament Nru 2201/2003, li jeħtieġu t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

38

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u, b’mod partikolari, dwar l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza abitwali ta’ tarbija, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minuri li huwa abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

40

Fl-assenza, fir-regolament, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri jew ta’ riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmu dan u l-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jistabbilixxi huma mfassla skont l-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod partikolari, tal-kriterju tal-prossimità (sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 31, 3435; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 44 sa 46; tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 50, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 40).

41

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-residenza abitwali tal-minuri għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ. Minbarra l‑preżenza fiżika tal‑minuri fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il‑preżenza bl‑ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li din tirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C 523/07, EU:C:2009:225, punti 3738; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 44, 47 sa 49, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 4243).

42

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, tikkorrispondi għall-post fejn jinstab, effettivament, iċ-ċentru ta’ ħajtu. Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, il-qorti adita għandha tiddetermina fejn ikun jinstab dan iċ-ċentru fil-mument tal-preżentata tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri.

43

F’dan il-kuntest, bħala regola ġenerali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħat‑tul, ir‑regolarità, il‑kundizzjonijiet u r‑raġunijiet tas-soġġorn tal-minuri fit‑territorju tad-diversi Stati Membri inkwistjoni, il‑post u l‑kundizzjonijiet ta’ tagħlim kif ukoll ir‑relazzjonijiet familjari u soċjali tal‑minuri fl-imsemmija Stati Membri (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 39).

44

Barra minn hekk, meta l-minuri jkun għad ma għandux l-età li jmur l-iskola, a fortiori meta inkwistjoni jkun hemm tarbija, iċ-ċirkustanzi li fihom jinstabu l-persuna jew il-persuni ta’ riferiment li magħhom jgħix, li għandhom il-kustodja effective tiegħu u li jieħdu ħsiebu ta’ kuljum – bħala regola ġenerali, il-ġenituri tiegħu – għandhom importanza partikolari għad-determinazzjoni tal-post ta’ fejn jinstab iċ-ċentru ta’ ħajtu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ambjent ta’ tali minuri huwa essenzjalment familjari, iddeterminat minn din il-persuna jew minn dawn il-persuni, u li huwa jikkondividi neċessarjament l-ambjent soċjali u familjari tal-persuni ta’ madwaru li minnhom huwa jiddependi (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 53 sa 55).

45

Għalhekk, fil-każ fejn it-tarbija tgħix ta’ kuljum mal-ġenituri tagħha, għandu, b’mod partikolari, jiġi ddeterminat il-post fejn dawn huma preżenti b’mod stabbli u integrati f’ambjent soċjali u familjari. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħat‑tul, ir‑regolarità, il‑kundizzjonijiet u r‑raġunijiet tas-soġġorn tagħhom fit‑territorju tad-diversi Stati Membri inkwistjoni, kif ukoll ir‑relazzjonijiet familjari u soċjali li dawn u l‑minuri għandhom hemmhekk (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 5556).

46

Fl-aħħar nett, l-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-minuri fi Stat Membru speċifiku, meta din tkun espressa permezz ta’ miżuri tanġibbli, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-post ta’ residenza abitwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 40; tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 52, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C 111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 46).

47

Ladarba dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali ġew imfakkra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, il-minuri MO twieldet u għexet fi Brussell maż-żewġ ġenituri tagħha u li, fid-data tal-preżentata tat-talba għall-iffissar tal-modalitajiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, wara s-separazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, hija kienet għadha tgħix fi Brussell ma HR, peress li din tal-aħħar għandha, effettivament, il-kustodja tal-minuri. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li HR, li ilha għal diversi snin tgħix f’din l-istess belt, hemmhekk teżerċita attività professjonali li tifforma parti minn relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi għandhom it-tendenza li juru li, fil-mument ta’ meta ġiet adita l-qorti tar-rinviju, HR u l-minuri li jiddependi fuqha kienu preżenti b’mod stabbli fit-territorju Belġjan. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tul, tar-regolarità, tal-kundizzjonijiet u tar-raġunijiet tiegħu, tali soġġorn jirrifletti, bħala prinċipju, ċerta integrazzjoni tal-ġenitur inkwistjoni f’ambjent soċjali kondiviż mill-minuri.

48

Ċertament, għalkemm huwa minnu li, meta l-ġenituri jirresjedu separatament, l-ambjent familjari ta’ tarbija huwa ddeterminat, f’parti kbira, mill-ġenitur li miegħu huwa jgħix ta’ kuljum, il-ġenitur l-ieħor ukoll jifforma parti minn dan l-ambjent, sakemm il-minuri jibqa’ jkollu kuntatti regolari miegħu. Għalhekk, sa fejn tali relazzjoni teżisti, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post ta’ fejn ikun jinstab iċ-ċentru tal-ħajja tal-minuri.

49

Il-piż li għandu jingħata lil din ir-relazzjoni jvarja skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ speċifiku. Għall-ħtiġijiet ta’ kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-fatt li l-minuri kien inizjalment joqgħod, fil-belt fejn huwa jirrisjedi normalment, ukoll ma dan il-ġenitur l-ieħor, l-istess bħall-fatt li dan il-ġenitur għadu jirresjedi f’din il-belt u għandu kuntatti ta’ kull ġimgħa mal-minuri jenfasizzaw il-punt li dan tal-aħħar huwa integrat, fil-belt inkwistjoni, f’ambjent familjari kompost miż-żewġ ġenituri tiegħu.

50

Dan espost, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-minuri MO ssoġġornat diversi drabi, xi kultant għal perijodi sa tliet xhur, fil-Polonja, l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ HR u fejn tirresjedi l-familja tagħha.

51

F’dan ir-rigward, huwa madankollu stabbilit li r-raġunijiet ta’ dawn is-soġġorni ta’ MO fil-Polonja kienu l-perijodi ta’ leave ta’ ommha u l-perijodi ta’ festa. Issa, għandu jiġi speċifikat li soġġorni mwettqa minn minuri flimkien mal-ġenituri tiegħu, fl-imgħoddi, fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ vaganzi jikkorrispondu, bħala prinċipju, għal interruzzjonijiet okkażjonali u temporanji mill-kors normali ta’ ħajjithom. Għalhekk, tali soġġorni ma jistgħux jikkostitwixxu, bħala regola ġenerali, ċirkustanzi determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-post ta’ residenza abitwali tal-minuri. Il-fatt li, f’dan il-każ, dawn is-soġġorni kultant kienu ta’ diversi ġimgħat, jew saħansitra ta’ xi xhur, ma jikkonfutax, fih innifsu, ir-rilevanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

52

F’dan il-kuntest, lanqas ma huwa determinanti l-fatt li HR toriġina mill-Istat Membru inkwistjoni u li, għal din ir-raġuni, il-minuri tikkondividi l-kultura ta’ dan l-Istat – fatt li huwa kkonfermat b’mod partikolari mil-lingwa li fiha hija tesprimi ruħu b’mod prinċipali u mill-fatt li hija kienet ġiet mgħammda hemmhekk – u għandha relazzjonijiet mal-membri tal-familja residenti fl-imsemmi Stat.

53

Ċertament, kif enfasizzat minn HR u mill-Gvern Pollakk fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 55), li l-oriġini ġeografiċi u familjali tal-ġenitur li għandu l-kustodja tal-minuri jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-integrazzjoni tal-imsemmi ġenitur, u konsegwentement tal-minuri, f’ambjent soċjali u familjari.

54

Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, timplika analiżi globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni. Għalhekk huwa biss b’ċirkuspezzjoni li l-indikazzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ kawża jistgħu jiġu trasposti għal kawża oħra.

55

F’dan ir-rigward, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829), is-sinjura Mercredi kienet telqet mir-Renju Unit, fejn hija kienet preċedentement tirrisjedi ma bintha, biex tmur tgħix fl-île de la Réunion (Franza), meta din tal-aħħar kellha biss xahrejn. Fil-mument ta’ dan iċ-ċaqliq, is-sinjura Mercredi kienet l-unika persuna li kellha drittijiet ta’ kustodja tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003. Sa fejn, fid-data tal-preżentata tar-rikors f’dik il-kawża, l-omm u l-bint kienu ilhom jissoġġornaw fil-gżira inkwistjoni biss għal ftit ġranet, il-kwistjoni kienet li jiġi ddeterminat jekk ir-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens ta’ dan ir-regolament, kinitx għadha fir-Renju Unit jew inkella, fid-dawl ta’ dan iċ-ċaqliq ġeografiku, jekk hija kinitx ittrasferixxiet ruħha lejn Franza. F’dan il-kuntest, il fatt li s-sinjura Mercredi kienet toriġina minn din il-gżira, li l-familja tagħha kienet għadha toqgħod hemmhekk u li hija kienet titkellem il-Franċiż kienu jikkostitwixxu indizji li juru ċaqliq permanenti min-naħa ta’ din tal-aħħar u, għalhekk, tat-trasferiment tar-residenza abitwali ta’ bintha.

56

Min-naħa l-oħra, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-oriġini ġeografiċi tal-ġenitur li jeżerċita, effettivament, il-kustodja tal-minuri u r-relazzjonijiet li dan tal-aħħar għandu mal-familja tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux ixejnu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-ħajja tal-minuri, iċ-ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw li huwa kien jissoġġorna b’mod stabbli u regolari ma dan l-istess ġenitur fi Stat Membru ieħor fil-mument tal-preżentata tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

57

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rabtiet ta’ natura kulturali ta’ minuri fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ġenituri tiegħu, huwa minnu li dawn jistgħu, ċertament, juru l-eżistenza ta’ ċerta prossimità bejn il-minuri u l-Istat Membru inkwistjoni, li tikkorrispondi, essenzjalment, għal rabta ta’ nazzjonalità. Il-konoxxenzi lingwistiċi tal-minuri u n-nazzjonalità tiegħu jistgħu wkoll jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, indizju tal-post fejn huwa jirresjedi abitwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 39).

58

Madankollu, fir-Regolament Nru 2201/2003 l-leġiżlatur tal-Unjoni ta biss, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, spazju limitat għal tali kunsiderazzjonijiet. B’mod partikolari, abbażi ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li tiegħu l-minuri għandu n-nazzjonalità tista’ tieħu l-preċedenza fuq dik tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali biss fiċ-ċirkustanzi u taħt il-kundizzjonijiet elenkati b’mod limitat fl-Artikoli 12 u 15 tal-imsemmi regolament.

59

Din l-għażla tirriżulta minn ċerta interpretazzjoni tal-interess superjuri tal-minuri. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li l-qrati li huma ġeografikament qrib ir-residenza abitwali tal-minuri jinsabu ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 36; tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 91, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punti 5152).

60

Għalhekk, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa biss bi ksur tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tista’ tingħata importanza preponderanti għar-rabtiet ta’ natura kulturali tal-minuri jew għan-nazzjonalità tiegħu għad-detriment tal-kunsiderazzjonijiet ġeografiċi oġġettivi.

61

Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li l-ġenitur li għandu, effettivament, il-kustodja tal-minuri jkollu, jekk ikun il-każ, l-intenzjoni li jerġa’ jmur jgħix flimkien mal-minuri fl-Istat Membru ta’ oriġinita’ dan il-ġenitur ma tistax tkun deċiżiva f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62

Ċertament, kif ġie mfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-intenzjoni tal-ġenituri tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti għad-determinazzjoni tal-post fejn tinsab ir-residenza abitwali tal-minuri.

63

Madankollu, minn naħa, iċ-ċirkustanza li minuri huwa, effettivament, fil-kustodja ta’ wieħed mill-ġenituri ma tfissirx li l-intenzjoni tal-ġenituri hija limitata f’kull każ biss għar-rieda ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, sakemm iż-żewġ ġenituri għandhom drittijiet ta’ kustodja tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 2201/2003 u sakemm għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw dan id-dritt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rieda ta’ kull wieħed minnhom.

64

Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, peress li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, hija essenzjalment imsejsa fuq ċirkustanzi oġġettivi, l-intenzjoni tal-ġenituri ma hijiex, bħala prinċipju u waħedha, deċiżiva f’dan ir-rigward. Din hija biss, jekk ikun il-każ, indizju li jista’ jikkomplementa sensiela ta’ elementi konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punti 4751).

65

Għalhekk, ir-rieda tal-ġenitur li għandu, effettivament, il-kustodja tal-minuri li, fil-ġejjieni, jistabbilixxi ruħu ma dan tal-aħħar fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan il-ġenitur, kemm jekk seħħet u kemm jekk le, ma tistax, waħedha, tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri f’dan l-Istat Membru. Hekk kif josserva l-Gvern Ċek, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-post fejn kienet tinstab, fid-data tal-introduzzjoni tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri, ir-residenza abitwali ta’ dan tal-aħħar ma tistax tiġi konfuża ma dik ta’ eventwali trasferiment futur ta’ din ir-residenza abitwali lejn Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-fatt li l-imsemmi ġenitur kellu, f’dik id-data, ir-rieda li fil-ġejjieni jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma jippermettix li jiġi konkluż li l-minuri kien diġà jirresjedi hemmhekk f’dik id-data.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens ta’ dan ir-regolament, tikkorrispondi għall-post fejn jinstab, effettivament, iċ-ċentru ta’ ħajtu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina fejn kien jinstab dan iċ-ċentru fil-mument tal-preżentata tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri, abbażi ta’ sensiela ta’ elementi fattwali konkordanti. F’dan ir-rigward, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatti stabbiliti minn dik il-qorti, dawn li ġejjin jikkostitwixxu, flimkien, ċirkustanzi determinanti:

il-fatt li l-minuri għex, mit-twelid sas-separazzjoni tal-ġenituri tiegħu, b’mod regolari magħhom f’post speċifiku;

iċ-ċirkustanza li l-ġenitur li għandu, sa minn wara s-separazzjoni tal-koppja, il-kustodja tal-minuri għadu effettivament jissoġġorna ta’ kuljum miegħu f’dan il-post fejn huwa jeżerċita wkoll l-attività professjonali tiegħu, li tifforma parti minn relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u

il-fatt li l-minuri għandu, fl-imsemmi post, kuntatti regolari mal-ġenitur l-ieħor tiegħu, li għadu jirrisjedi f’dan l-istess post.

Min-naħa l-oħra, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma ċirkustanzi determinanti:

is-soġġorni li l-ġenitur li għandu, effettivament, il-kustodja tal-minuri wettaq, fl-imgħoddi, flimkien ma dan il-minuri fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan il-ġenitur fil-kuntest tal-leave tiegħu jew tal-perijodi ta’ festa;

l-oriġini tal-ġenitur inkwistjoni, ir-rabtiet ta’ natura kulturali tal-minuri fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru li jirriżultaw minnha u r-relazzjonijiet li huwa għandu mal-familja tiegħu li tirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru, u

l-eventwali intenzjoni tal-imsemmi ġenitur li jistabbilixxi ruħu mal-minuri, fil-ġejjieni, f’dan l-istess Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jikkorrispondi għall-post fejn jinstab, effettivament, iċ-ċentru ta’ ħajtu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina fejn kien jinstab dan iċ-ċentru fil-mument tal-preżentata tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri, abbażi ta’ sensiela ta’ elementi fattwali konkordanti. F’dan ir-rigward, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatti stabbiliti minn dik il-qorti, dawn li ġejjin jikkostitwixxu, flimkien, ċirkustanzi determinanti:

 

il-fatt li l-minuri għex, mit-twelid sas-separazzjoni tal-ġenituri tiegħu, b’mod regolari magħhom f’post speċifiku;

 

iċ-ċirkustanza li l-ġenitur li għandu, sa minn wara s-separazzjoni tal-koppja, il-kustodja tal-minuri għadu effettivament jissoġġorna ta’ kuljum miegħu f’dan il-post fejn huwa jeżerċita wkoll l-attività professjonali tiegħu, li tifforma parti minn relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u

 

il-fatt li l-minuri għandu, fl-imsemmi post, kuntatti regolari mal-ġenitur l-ieħor tiegħu, li għadu jirrisjedi f’dan l-istess post.

 

Min-naħa l-oħra, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma ċirkustanzi determinanti:

 

is-soġġorni li l-ġenitur li għandu, effettivament, il-kustodja tal-minuri wettaq, fl-imgħoddi, flimkien ma dan il-minuri fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan il-ġenitur fil-kuntest tal-leave tiegħu jew tal-perijodi ta’ festa;

 

l-oriġini tal-ġenitur inkwistjoni, ir-rabtiet ta’ natura kulturali tal-minuri fir-rigward ta dan l-Istat Membru li jirriżultaw minnha u r-relazzjonijiet li huwa għandu mal-familja tiegħu li tirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru, u

 

l-eventwali intenzjoni tal-imsemmi ġenitur li jistabbilixxi ruħu mal-minuri, fil-ġejjieni, f’dan l-istess Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top