EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0202

Kawża C-202/16: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 200, 6.6.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/14


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-202/16)

(2016/C 200/20)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Μ. Patakia u E. Sanfrutos Cano)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

tiddikjara li, billi ttolleraw il-funzjonament problematiku tas-sit għar-rimi tal-iskart ta’ Temploni, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE (1) dwar l-iskart u li tħassar ċerti direttivi, u l-Artikoli 8(a), u 11(1), kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 99/31/KE (2) dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

Din il-kawża tirrigwarda n-nuqqas tat-twettiq mir-Repubblika Ellenika tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart u li tħassar ċerti direttivi, u l-Artikoli 8(a), u 11(1), kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 99/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma. Il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwarda l-funzjonament tas-sit tar-rimi tal-iskart (iktar ’il quddiem: is-“sit għar-rimi tal-iskart” ta’ Temploni f’Corfù.

2.

Is-suġġett ta’ dan ir-rikors huma l-funzjonament problematiku tas-sit għar-rimi tal-iskart ta’ Temploni u l-effetti dannużi tiegħu fuq l-ambjent, l-ewwel nett bin-nuqqas ta’ adozzjoni minn naħa tal-awtoritajiet Griegi tal-miżuri meħtieġa previsti mill-ordinament Ewropew sabiex is-sit għar-rimi tal-iskart ikun jista’ jopera b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni.

3.

Il-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ ksur, kienet identifikat numru ta’ problemi ta’ funzjonament ħażin tas-sit għar-rimi tal-iskart li kienu ġew ikkonfermati minn diversi spezzjonijiet fuq il-post magħmula bejn l-2009 u l-2012 mill-awtoritajiet Griegi kompetenti.

4.

Permezz tal-aħħar tweġiba tagħhom tat-23 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li:

ġie ddepożitat abbozz ġdid ta’ emenda tad-deċiżjoni li tapprova t-termini ambjentali tas-sit għar-rimi tal-iskart sabiex jiġu identifikati numru ta’ xogħlijiet li għandhom jitwettqu sabiex is-sit għar-rimi tal-iskart jiffunzjona kif suppost;

wara l-ispezzjoni fuq il-post tat-8 ta’ Awwissu 2014 (u l-konferma ta’ ksur ġdid) reġa’ ġew miftuħa, mill-awtoritajiet reġjonali, il-proċeduri kriminali amministrattivi kontra l-korp maniġerjali;

diversi xogħlijiet meħtieġa jinsabu fl-istadju tal-eżekuzzjoni, pereżempju dawk għall-ġestjoni tal-biogas (il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Griegi issa jirreferu għall-ewwel darba li l-emenda tat-termini ambjentali tas-sit għar-rimi tal-iskart tikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli għat-tlestija ta’ tali xogħlijiet);

il-proċess ta’ tfittxija ta’ sit ieħor għas-sit għar-rimi tal-iskart ġdid li għandu jinbena fuq il-gżira għadu ma huwiex konkluż.

5.

Il-Kummissjoni ssostni li huwa ċar li s-sit għar-rimi tal-iskart ta’ Temploni għadu qed jopera b’mod mhux adegwat u li, filwaqt li xi wħud mill-funzjonijiet ħżiena waqfu, funzjonijiet ħżiena oħra qed ikomplu, u għalhekk, peress li huwa fi stat ta’ evoluzzjoni kontinwa, ma huwiex possibbli li jsir katalogu eżawrjenti. Fi kwalunkwe każ, hu x’inhu n-numru eżatt tal-ksur, skont il-Kummissjoni huwa ċar (u l-awtoritajiet Griegi ma humiex qed jikkontestaw dan) li s-sit għar-rimi tal-iskart qed jopera mingħajr ma huwa konformi mad-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi msemmija iktar ’il fuq. Minkejja li l-ispezzjonijiet fuq il-post ripetutament urew funzjonament ħażin notevoli tas-sit għar-rimi tal-iskart, l-awtoritajiet Griegi għadhom jittolleraw l-attività tiegħu.


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228.


Top