EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0215

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2015.
Vasilka Ivanova Gogova vs Ilia Dimitrov Iliev.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (Bulgarie).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri –Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(1)(b) — Attribuzzjoni, eżerċizzju, delegazzjoni, restrizzjoni jew terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘responsabbiltà tal-ġenituri’ — Tilwima bejn il-ġenituri li tirrigwarda l-vjaġġ tal-minuri tagħhom u l-ħruġ ta’ passaport lil din tal-aħħar — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Artikolu 12 — Kundizzjonijiet — Aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi — Nuqqas ta’ dehra tal-konvenut — Assenza ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni, mill-mandatarju tal-konvenut maħtur ex officio mill-qrati aditi.
Kawża C-215/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:710

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 1(1)(b) — Attribuzzjoni, eżerċizzju, delegazzjoni, restrizzjoni jew terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 2 — Kunċett ta’ ‘responsabbiltà tal-ġenituri’ — Tilwima bejn il-ġenituri li tirrigwarda l-vjaġġ tal-minuri tagħhom u l-ħruġ ta’ passaport lil din tal-aħħar — Estensjoni tal-ġurisdizzjoni — Artikolu 12 — Kundizzjonijiet — Aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi — Nuqqas ta’ dehra tal-konvenut — Assenza ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni, mill-mandatarju tal-konvenut maħtur ex officio mill-qrati aditi”

Fil-Kawża C‑215/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċedura

Vasilka Ivanova Gogova

vs

Ilia Dimitrov Iliev,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Lulju 2015 li jissuġġetta l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Petrova u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b), tal-punt 7 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 8(1) kif ukoll tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn V. I. Gogova u I. D. Iliev fir-rigward tat-tiġdid tal-passaport tat-tifla minuri tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5 u 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:

“(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[...]

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[...]

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

b)

kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

ċ)

in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri;

d)

it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali;

e)

il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

a)

l-istabbiliment jew kontestazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn minuri u ġenituri;

b)

id-deċizjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew ir-revoka ta’ l-adozzjoni;

ċ)

l-isem u l-ewwel ismijiet ta’ l-minuri;

d)

l-emanċipazzjoni;

e)

l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

f)

il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

g)

il-miżuri meħuda bħala rizultat ta’ xi reati kriminali magħmula mill-minuri.”

5

Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “responsabbilità ta’ l-ġenituri” bħala “d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”.

6

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet [tal-Artikolu 12].”

7

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jiddisponi:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

[...]

3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-aħjar interess għall-minuri.

[...]”

8

L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti [It-tressiq ta’ kawża quddiem qorti]”, jipprovdi:

“1.   Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess [li ġiet adita];

a)

fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)

jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar id-dokumenti ta’ identità Bulgari

9

L-Artikolu 45(1) tal-Liġi dwar id-dokumenti ta’ identità Bulgari (Zakon za balgarskite lichni dokumenti) jipprovdi li t-talba għall-passaport tal-minuri għandha tiġi ppreżentata mill-ġenituri ta’ dan tal-aħħar personalment.

10

Konformement mal-Artikolu 78(1) tal-imsemmija liġi moqri flimkien mal-punt 9 tal-Artikolu 76 ta’ din l-istess liġi, il-ministru tal-intern jew, jekk ikun il-każ, il-persuna li huwa jawtorizza għal dan il-għan, jista’ jipprojbixxi lil minuri milli jitlaq mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, sakemm ma jiġix ippreżentat kunsens bil-miktub, fil-forma ta’ att notarili, li permezz tiegħu l-ġenituri jawtorizzaw lill-minuri tagħhom jivvjaġġa.

Il-kodiċi tal-familja

11

L-Artikolu 127a tal-kodiċi tal-familja (Semeen kodeks) jipprovdi:

“1.   Il-kwistjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar ta’ minuri barra mill-pajjiż u mal-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità meħtieġa għal dan il-għan għandhom jissolvew mill-ġenituri bi ftehim komuni.

2.   Meta l-ġenituri ma jirnexxilhomx jaslu għall-ftehim previst fil-paragrafu 1, it-tilwima tagħhom għandha titressaq quddiem ir-Rayonen sad (tribunal distrettwali) tad-distrett tad-domiċilju attwali tal-minuri.

3.   Il-proċedura quddiem il-qorti tinfetaħ fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri. Il-ġenitur l-ieħor għandu jinstema’, sakemm ma jidhirx mingħajr raġuni valida. Il-qorti tista’ tiġbor provi ex officio.

[...]”

Il-kodiċi ta’ proċedura ċivili

12

L-Artikolu 47 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks) jipprovdi:

“1.   Meta l-konvenut ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz indikat fil-proċess, u ma jkunx possibbli li tinstab persuna li taċċetta li tirċievi l-komunikazzjoni, il-persuna li tkun ħarġet din tal-aħħar għandha twaħħal notifika mal-bieb jew mal-kaxxa tal-ittri tal-persuna partikolari; f’każ li ma jkunx hemm aċċess, in-notifika għandha titwaħħal mal-bieb tad-dħul tal-binja jew inkella f’post viżibbli fil-viċin. Meta jkun hemm aċċess għall-kaxxa tal-ittri, il-persuna li tkun ħarġet il-komunikazzjoni għandha wkoll tħalli n-notifika fl-imsemmija kaxxa.

2.   In-notifika inkwistjoni tindika li l-proċess ġie ppreżentat fir-reġistru tal-qorti, meta n-notifika ssir permezz ta’ impjegat tal-qorti jew ta’ marixxall; meta jkun ġie ppreżentat fil-kunsill muniċipali meta n-notifika tkun saret minn impjegat muniċipali, u meta dan ikun jista’ jinġabar fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tkun twaħħlet in-notifika.

3.   Meta l-konvenut ma jidhirx sabiex jirċievi kopja tal-proċess, il-qorti inkwistjoni tordna lir-rikorrent jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-indirizz tiegħu rreġistrat, minbarra f’dawk il-każijiet imsemmija fl-Artikoli 40(2) u 41(1), fejn in-notifika tkun mehmuża mal-proċess. Jekk l-indirizz indikat ma jikkorrispondix mal-indirizz permanenti jew attwali tal-parti, il-qorti inkwistjoni għandha tordna li tintbagħat komunikazzjoni fl-indirizz attwali jew permanenti, skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Meta l-persuna li tkun ħarġet il-komunikazzjoni tikkonstata li l-konvenut ma jirrisjedix fl-indirizz indikat, il-qorti inkwistjoni tordna lir-rikorrent jipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-indirizz irreġistrat tiegħu minkejja t-twaħħil tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-komunikazzjoni titqies li tkun twettqet mal-iskadenza tat-terminu għall-ġbir tagħha mir-reġistru tal-qorti jew mill-kunsill muniċipali.

6.   Wara li tikkonstata r-regolarità tal-komunikazzjoni, il-qorti tordna li din għandha tiddaħħal fil-proċess u tinnomina rappreżentant speċjali bi spejjeż li għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrent.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li V. I. Gogova u I. D. Iliev għandhom tifla, ta’ età ta’ 10 snin fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali. Din it-tifla, ta’ nazzjonalità Bulgara, tirrisjedi flimkien ma’ ommha f’Milano (l-Italja). Il-ġenituri, it-tnejn li huma ċittadini Bulgari, jgħixu separati. I. D. Iliev jirrisjedi ukoll fl-Italja.

14

V. I. Gogova xtaqet tikseb it-tiġdid tal-passaport tat-tifla tagħha, peress li dan id-dokument skada fil‑5 ta’ April 2012, b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tivvjaġġa magħha lejn il-Bulgarija.

15

Skont id-dritt Bulgaru, id-deċiżjoni li tirrigwarda l-vjaġġ ta’ minuri u l-kisba ta’ passaport f’isimu għandha tittieħed bi ftehim komuni mill-ġenituri. Barra minn hekk, it-talba għal passaport għal tali minuri għandha ssir miż-żewġ ġenituri flimkien quddiem l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti.

16

Peress li I. D. Iliev ma kkooperax mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-ħruġ ta’ passaport ġdid f’isem it-tifla tagħhom, V. I. Gogova ressqet talba quddiem ir-Rayonen sad – Petrich (tribunal distrettwali ta’ Petrich, il-Bulgarija) sabiex din il-qorti ssib soluzzjoni għan-nuqqas ta’ ftehim eżistenti bejnha u bejn I. D. Iliev fir-rigward tal-possibbiltà li t-tifla tagħhom tivvjaġġa barra mit-territorju nazzjonali u sabiex jinħarġilha passaport ġdid.

17

Peress li ma rnexxilhiex tinnotifika r-rikors promotur lil I. D. Iliev, ġaladarba dan tal-aħħar ma kienx jinstab fl-indirizz iddikjarat tiegħu, l-imsemmija qorti ħatret mandatarju ad litem sabiex jirrappreżentah, abbażi tal-Artikolu 47(6) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Dan il-mandatarju ma kkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari u ddikjara li kellha tinsab soluzzjoni għat-tilwima fl-interessi tal-minuri.

18

Permezz ta’ digriet tal‑10 ta’ Novembru 2014, ir-Rayonen sad – Petrich (tribunal distrettwali ta’ Petrich) iddeċieda li t-talba ta’ V. I. Gogova kienet taqa’ taħt l-Artikolu 127a tal-kodiċi tal-familja u kienet tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ minuri, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ladarba kkonstatat li l-minuri kkonċernata kienet tgħix normalment fl-Italja, din il-qorti ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba u għalqet il-proċedura.

19

V. I. Gogova ppreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem l-Okrazhen sad – Blagoevgrad (tribunal reġjonali ta’ Blagoevgrad, il-Bulgarija). Din il-qorti, minn naħa, ikkonfermat l-imsemmi digriet u, min-naħa l-oħra, qieset li ma kienx hemm “proroga ta’ ġurisdizzjoni” tal-qrati Bulgari, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, minkejja li I. D. Iliev ma qajjimx l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati, huwa pparteċipa fil-proċedura biss permezz tal-mandatarju maħtur ex officio fl-assenza tiegħu.

20

Għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet appell quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni). Din il-qorti tqis li l-eżitu ta’ dan l-appell jiddependi, fl-ewwel lok, mill-punt dwar jekk il-proċedura ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 127a(2) tal-kodiċi tal-familja u li tippermetti li jingħata rimedju, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għall-assenza ta’ kunsens ta’ wieħed mill-ġenituri fir-rigward tal-vjaġġ barra mit-territorju nazzjonali tal-minuri tagħhom u l-ħruġ ta’ passaport f’isimha taqax taħt ir-Regolament Nru 2201/2003, fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati għandha tiġi ddeterminata abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk proċedura bħal din tirrigwardax ir-“responsabbiltà tal-ġenituri”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament. Skont l-imsemmija qorti, f’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ddeterminat ukoll jekk dan l-istess regolament japplikax għal din il-proċedura ġaladarba, konformement mad-dritt Bulgaru, id-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija proċedura għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet amministrattivi Bulgari sabiex il-minuri kkonċernata tiġi awtorizzata tivvjaġġa barra mit-territorju nazzjonali jew sabiex jinħarġilha passaport.

21

Fit-tieni lok, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, fir-rigward tal-fatt li l-mandatarju maħtur minn dawn il-qrati biex jirrappreżenta lil I. D. Iliev ma kkontestax il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-possibbiltà, prevista mil-liġi, li l-qorti ċivili tagħti soluzzjoni għat-tilwima fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri rigward il-vjaġġ barra mill-pajjiż tal-wild [minuri] u l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità tikkostitwixxi kawża marbuta ma’ ’l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri’ fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) moqri flimkien mal-[punt 7 tal-Artikolu 2], li għalih jista’ japplika l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, jekk il-liġi materjali applikabbli tipprevedi eżerċizzju konġunt ta’ dawn id-drittijiet tal-ġenituri fir-rigward tal-wild [minuri] tagħhom?

2)

Il-motivi li fuqhom hija bbażata l-ġurisdizzjoni internazzjonali japplikaw għal kawża ċivili marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri meta d-deċiżjoni tissostitwixxi fatt ġuridiku importanti għall-proċedura amministrattiva rigward il-wild [minuri] u meta l-liġi applikabbli tipprevedi li din il-proċedura għandha ssir fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea speċifiku?

3)

Għandu jitqies li hemm proroga tal-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 u fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni meta r-rappreżentant tal-konvenut ma jkunx ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti iżda ma jkunx ġiex awtorizzat mill-konvenut u ġie maħtur mill-qorti minħabba diffikultajiet ta’ notifika lill-konvenut u ta’ parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura, personalment jew permezz ta’ rappreżentant maħtur minnu?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-awla magħżula eżaminat in-neċessità li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmija awla ddeċidiet, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

24

Permezz tad-digriet tiegħu Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:466), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissottometti l-kawża preżenti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

25

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri talab lill-qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens mill-ġenitur l-ieħor għall-vjaġġ tal-minuri tagħhom barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha u għall-ħruġ ta’ passaport f’isem din il-minuri taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003, u dan, meta d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn l-imsemmija minuri hija residenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ħruġ ta’ dan il-passaport.

26

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003, mill-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika, tkun liema tkun in-natura tal-qorti, għall-materji ċivili relatati, b’mod partikolari, mal-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “materji ċivili” ma għandux jinftiehem b’mod restrittiv, iżda bħala kunċett awtonomu ta’ dritt tal-Unjoni li jkopri, b’mod partikolari, it-talbiet, miżuri jew deċiżjonijiet kollha fil-qasam ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri”, dis-sens ta’ dan l-imsemmi regolament, konformement mal-għan imfakkar fil-premessa 5 tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 46 sa 51).

27

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” huwa suġġett, fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, għal definizzjoni wiesgħa, fis-sens li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha mogħtija lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ attribuzzjoni ipso jure jew ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ minuri (sentenzi C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 49, u C., C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 59). Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jelenka l-materji koperti mill-imsemmi regolament taħt ir-“responsabbiltà tal-ġenituri”, din l-enumerazzjoni ma hijiex eżawrjenti iżda sempliċement indikattiva, hekk kif jixhed l-użu tal-kelma “partikolarment” (sentenzi C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 30, u C., C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 63).

28

Sabiex jiġi ddeterminat jekk talba taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, wieħed għandu jara l-għan tagħha [ara b’analoġija, fir-rigward tal-kunċett ta’ “status jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali [fiżiċi]” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42), sentenza Schneider, C‑386/12, EU:C:2013:633, punti 2930, kif ukoll, fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sentenza Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656, punti 4647].

29

Fir-rigward ta’ azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, il-qorti tintalab tiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-minuri kkonċernata li tikseb passaport u dwar id-dritt tal-ġenitur rikorrenti li tapplika għall-imsemmi passaport, kif ukoll li tivvjaġġa barra mill-pajjiż ma’ din il-minuri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Għalhekk, azzjoni bħal din għandha bħala għan l-eżerċizzju tar-“responsabbiltà tal-ġenituri” fuq l-imsemmija minuri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

30

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet limitativament elenkati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan l-istess regolament.

31

Għaldaqstant azzjoni bħal din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

32

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mis-sempliċi fatt li talba bħal dik fil-kawża prinċipali tirrigwarda deċiżjoni partikolari dwar minuri u mhux il-modalitajiet kollha tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, dan l-istess regolament għandu japplika għad-deċiżjonijiet kollha fil-qasam, sew jekk jirrigwardaw aspett partikolari ta’ din l-istess responsabbiltà u sew jekk jiddeterminaw l-eżerċizzju ta’ din ir-responsabbiltà b’mod ġenerali.

33

Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni mogħtija wara li tkun saret l-imsemmija talba għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità l-minuri kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Bulgarija, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ ħruġ ta’ passaport f’isem dan il-minuri, ma għandux jagħti lok għal interpretazzjoni oħra tar-Regolament Nru 2201/2003.

34

F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplikax direttament il-ħruġ ta’ passaport, iżda għandha biss l-effett li tippermetti lil waħda mill-persuni li qed jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri kkonċernat li jressqu talba għal passaport f’isem dan il-minuri mingħajr il-parteċipazzjoni, il-preżenza jew il-ftehim tal-persuna l-oħra li teżerċita din ir-responsabbiltà u dan, bla ħsara għall-kundizzjonijiet l-oħra previsti fid-dritt Bulgaru għall-ħruġ ta’ tali dokument.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri jitlob lill-qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-vjaġġ tal-minuri tagħhom barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha u għall-ħruġ ta’ passaport f’isem din il-minuri jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 2201/2003, u dan meta d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn l-imsemmija minuri hija residenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ħruġ ta’ dan il-passaport.

Fuq it-tielet domanda

36

It-tielet domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qrati tal-Istat Membru aditi b’talba għal divorzju, għal separazzjoni legali jew għal annullament taż-żwieġ għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kwistjoni relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri marbuta ma’ din it-talba.

37

Issa, la mid-deċiżjoni ta’ rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija adita, f’dan il-każ, b’tali talba ta’ natura matrimonjali.

38

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi regola ta’ proroga ta’ ġurisdizzjoni li tippermetti lill-qrati ta’ Stat Membru minbarra dak tar-residenza abitwali tal-minuri jieħdu konjizzjoni tat-talbiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li jirrigwardaw dan il-minuri, u dan meta ebda proċedura matrimonjali ma tkun pendenti quddiem dawn il-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punti 4552).

39

Konsegwentement, it-tielet domanda għandha tinftiehem li hija intiża sabiex tiddetermina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tistax titqies li ġiet “espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għas-sempliċi raġuni li l-mandatarju ad litem li jirrappreżenta lill-konvenut, maħtur ex officio minn dawn il-qrati fid-dawl tal-impossibbiltà li dan tal-aħħar jiġi nnotifikat bir-rikors promotur, ma qajjimx l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmija qrati.

40

Skont it-termini tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 16 tiegħu, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq din l-ewwel dispożizzjoni bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim espliċitu jew mill-inqas inekwivoku dwar din il-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet kollha fil-proċedura, sa mhux iktar tard mid-data li fiha l-att promotur jew att ekwivalenti jitressaq quddiem il-qorti magħżula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 56).

41

Barra minn hekk, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 12(3) tiegħu jagħmel eċċezzjoni għall-kriterju ta’ prossimità, li jgħid li fl-ewwel lok huma l-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-minuri li għandhom jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-minuri, fejn dan il-kriterju huwa espress mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-opinjoni tiegħu, din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex tirrikonoxxi ċerta awtonomija lill-partijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. Il-kundizzjoni relatata man-natura inekwivoka tal-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi mill-partijiet kollha fil-proċedura għandha għaldaqstant tiġi interpretata strettament.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minn naħa, aċċettazzjoni bħal din tirrikjedi a minima li l-konvenut ikun jaf bil-proċedura li qed tiżvolġi quddiem dawn il-qrati. Fil-fatt, filwaqt li dan l-għarfien ma huwiex ekwivalenti, għalih waħdu, għall-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi, il-konvenut assenti li ma ġiex innotifikat bir-rikors promotur u li jinjora l-proċedura mibdija ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li aċċetta din il-ġurisdizzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 54).

43

Min-naħa l-oħra, ir-rieda tal-konvenut fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi dedotta mill-aġir ta’ mandatarju ad litem maħtur mill-imsemmija qrati fl-assenza ta’ dan il-konvenut. Peress li dan il-mandatarju ma għandux kuntatti mal-konvenut, huwa ma jistax jikseb minn dan tal-aħħar l-informazzjoni neċessarja sabiex jaċċetta jew jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-istess qrati b’għarfien tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A, C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 55).

44

Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi ma tistax titqies li ġiet “espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti”, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

45

Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mid-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja jew mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tar-Regolament Nru 2201/2003, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, dan il-gvern isostni, essenzjalment, li l-impossibbiltà għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tikseb deċiżjoni definittiva dwar it-talba tagħha minħabba diffikultajiet fin-notifika tal-proċedura lill-konvenut fil-kawża prinċipali tagħti lok għal ċaħda ta’ ġustizzja kuntrarja għad-dritt u għall-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

46

Issa, l-interpretazzjoni kkunsidrata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza ma ċċaħħadx lir-rikorrenti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mill-possibbiltà li tikseb deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija, jekk ikun il-każ, fil-kontumaċja quddiem il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza komuni tal-minuri kkonċernata, li għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003. Għaldaqstant din l-interpretazzjoni ma twassalx għal ċaħda ta’ ġustizzja.

47

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma tistax titqies li ġiet “espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għas-sempliċi raġuni li l-mandatarju ad litem li jirrappreżenta lill-konvenut, maħtur ex officio minn dawn il-qrati fid-dawl tal-impossibbiltà li dan tal-aħħar jiġi nnotifikat bir-rikors promotur, ma qajjimx l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmija qrati.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1) L-azzjoni li permezz tagħha wieħed mill-ġenituri jitlob lill-qorti tagħti rimedju għan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-vjaġġ tal-minuri tagħhom barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha u għall-ħruġ ta’ passaport f’isem din il-minuri jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, tas‑27 8ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u dan meta d-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn l-imsemmija minuri hija residenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tirrigwarda l-ħruġ ta’ dan il-passaport.

 

2) L-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma tistax titqies li ġiet “espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għas-sempliċi raġuni li l-mandatarju ad litem li jirrappreżenta lill-konvenut, maħtur ex officio minn dawn il-qrati fid-dawl tal-impossibbiltà li dan tal-aħħar jiġi nnotifikat bir-rikors promotur, ma qajjimx l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmija qrati.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top