EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 61978CJ0120

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 1979.
Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hessisches Finanzgericht - il-Ġermanja.
Kawża 120/78.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:1979:42

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

20 ta' Frar 1979 (*)

"Miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi"

Fil-kawża C-120/78,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mill-Hessisches Finanzgericht (Tribunal tal-Finanzi tal-Land ta' Hess) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dan it-Tribunal bejn,

Rewe-Zentral AG

u

Bundesmonopolverwaltung für Branntwein

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 30 u 37 tat-Trattat KEE, fir-rigward tal-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 100, tal-liġi Ġermaniża dwar il-monopolju tax-xorb alkoħoliku.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn, H. Kutscher, President, J. Mertens de Wilmars u A. J. Mackenzie Stuart, Presidenti ta' Awla, A. M. Donner, P. Pescatore, M. Sørensen, A. O’Keeffe, G. Bosco, A. Touffait, Imħallfin

Avukat Ġenerali: M. Capotorti,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digriet tat-28 ta' April 1978, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' Mejju ta' wara, il-Hessisches Finanzgericht għamel, skond l-Artikolu 177 Tat-trattat KEE, żewġ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 30 u 37 tat-Trattat KEE, bl-għan li tiġi evalwata l-kompatibbiltà, mal-ligi Komunitarja, ta' dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-kummerċjalizzazzjoni tax-xorb alkoħoliku li tistabbilixxi gradazzjoni minima ta' kontenut alkoħoliku għal diversi kategoriji ta' prodotti alkoħoliċi.

2        Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha l-intenzjoni li timporta kunsinna ta' "Cassis de Dijon" li joriġina minn Franza, bil-għan li tikkummerċjalizza tali kunsinna fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Wara li r-rikorrenti talbet lill-Amministrazzjoni tal-Monopolju tax-Xorb Alkoħoliku (Bundesmonopolverwaltung) l-awtorizzazzjoni sabiex tkun tista' timporta l-prodott in kwistjoni, din l-amministrazzjoni infurmatha li, minħabba l-insuffiċjenza tal-gradazzjoni alkoħolika tal-prodott imsemmi, il-prodott m'għandux il-kwalitajiet meħtieġa sabiex jiġi kkummerċjalizzat fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

3        Din il-pożizzjoni meħuda mill-amministrazzjoni hija bbażata fuq il-paragrafu 100 tal-Branntweinmonopolgesetz u fuq il-liġijiet adottati mill-Amministrazzjoni tal-Monopolju bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, bil-għan li jiġi stabbilit il-kontenut minimu ta' alkoħol ta' kategoriji speċifiċi ta' likwori u ta' xorb ieħor alkoħoliku (Verordnung Ueber Den Mindestweingeistgehalt Von Trinkbranntweinen, tat-28 ta' Frar 1958, Bundesanzeiger Nru 48 tal-11 ta' Marzu 1958).

Mid-dispożizzjonijiet hawn fuq iċċitati jirriżulta li l-kummerċjalizzazzjoni ta' likwori tal-frott, bħall-'Cassis de Dijon', hija suġġetta għall-kundizzjoni ta' kontenut minimu alkoħoliku ta' gradazzjoni ta' 25 filwaqt li l-kontenut alkolħoliku tal-prodott in kwistjoni, li jinbiegħ liberament fi Franza, għandu gradazzjoni ta' bejn 15 u 20.

4        Skond ir-rikorrenti, l-iffissar, mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, ta' kontenut minimu alkoħoliku jwassal għall-konsegwenza li ċerti prodotti alkoħoliċi magħrufa, li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Komunità, ma jistgħux jinbiegħu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u tali dispożizzjoni tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, li teċċedi l-limiti tal-leġiżlazzjonijiet kummerċjali riżervati lilhom.

Skond hija, din tikkostitwixxi miżura b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, li tmur kontra l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE.

Peress illi, barra minn hekk, din hija miżura adottata fil-kuntest ta' l-Amministrazzjoni tal-monopolju ta' l-alkoħol, ir-rikorrenti tqis illi hemm ukoll ksur ta' l-Artikolu 37, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadattaw, progressivament, il-monopolji nazzjonali ta' xorta kummerċjali, b´tali mod illi, sat-tmiem tal-perijodu tranżitorju, tiġi aċċertata t-tneħħija ta' kull tip ta' diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, f´dak li għandu x´jaqsam mal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-provvista jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti.

5        Bil-għan li jagħti deċiżjoni f'din il-kawża, il-Hessisches Finanzgericht għamel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jistaqsu dan li ġej :

a) Il-kunċett ta' miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE, għandu jiġi interpretat bħala li japplika wkoll għall-iffissar ta' kontenut minimu ta' spirtu ta' l-inbid għall-prodotti alkoħoliċi intiżi għall-konsum mill-bniedem, previst mil-liġi Ġermaniża fuq il-monopolju tax-xorb alkoħoliku, li għandu bħala effett li jimpedixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta' prodotti tradizzjonali ta' Stati Membri oħra, li l-kontenut ta' ispirtu ta' l-inbid tagħhom huwa inqas mil-limitu ffissat?

b) L-iffissar ta' tali kontenut minimu ta' l-ispirtu ta' l-inbid jaqa' taħt il-kunċett ta' diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet ta' provvista u ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, skond l-Artikolu 37 tat-Trattat KEE?

6        It-tribunal nazzjonali qiegħed jitlob għalhekk li jingħataw l-elementi ta' interpretazzjoni li jippermettulu jevalwa jekk ir-rekwiżit ta' kontenut minimu ta' alkoħol jistax jaqa' kemm taħt il-projbizzjoni tal-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fil-kummerċ bejn l-Istati Membri li tinstab fl-Artikolu 30 tat-Trattat, kif ukoll taħt il-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni fil-kundizzjonijiet ta' provvista jew kummerċjalizzazzjoni, bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 37.

7        Jeħtieġ li jiġi aċċennat, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 37 huwa dispożizzjoni speċifika għall-monopolji nazzjonali ta' xorta kummerċjali.

Din id-dispożizzjoni m'għandha għalhekk l-ebda rilevanza fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li ma jikkonċernawx l-eżerċizzju, minn monopolju pubbliku, tal-funzjoni speċifika tiegħu - jiġifieri, id-dritt tiegħu ta' esklużività - iżda li jikkonċernaw, b'mod ġenerali, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' xorb alkoħoliku, irrispettivament jekk dan jaqax jew le, taħt il-monopolju in kwistjoni.

F`dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett, fuq il-kummerċ intrakomunitrju, tal-miżura li jirreferi għaliha t-tribunal nazzjonali, għandu jiġi eżaminat esklużivament fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 30, imsemmi fl-ewwel mistoqsija.

8        Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni komuni dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-alkoħol - proposta ta' regolament imressqa mill-Kummissjoni lill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 1976 (Ġu Nru C 309, p. 2) għadha ma ġietx aċċettata mill-Kunsill – huma l-Istati Membri li għandom jirregolaw, kull wieħed minnhom fit-territorju tiegħu, kull ma jikkonċerna l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' l-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku.

L-ostakli għaċ-ċirkulazzjoni intrakomunitarja li jirriżultaw minn differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni, għandhom jiġu aċċettati in kwantu tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala neċessarji sabiex jiġu sodisfatti rekwiżiti imperattivi li jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-ekwità tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-ħarsien tal-konsumatur.

9        Il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti fil-proċedimenti, qajjem diversi argumenti li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut minimu ta' alkoħol ta' xorb alkoħoliku, billi ressaq kunsiderazzjonijiet dwar, minn naħa, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tal-konsumaturi kontra prattiċi kummerċjali inġusti.

10      F`dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-iffissar tal-kontenut minimu ta' l-alkoħol mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa intiż sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta' xorb alkoħoliku fis-suq nazzjonali, b'mod partikolari ta' xorb alkoħoliku b'kontenut ta' alkoħol moderat, peress illi tali prodotti, fil-fehma tiegħu, jistgħu jwasslu iktar faċilment għal tolleranza ta' l-alkoħol minn xorb li għandu kontenut għola ta' alkoħol.

11      Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex deċiżivi peress illi l-konsumatur jista' jikseb fis-suq gamma varjata ħafna ta' prodotti b'kontenut ta' alkoħol baxx jew moderat u barra minn hekk, numru kunsiderevoli ta' xorb b'kontenut alkoħoliku għoli li huwa liberament ikkumerċjalizzat fis-suq Ġermaniż, huwa ta' spiss ikkunsmat f'forma dilwita.

12      L-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li l-iffissar ta' limitu iżjed baxx ta' kontenut alkoħoliku għal ċerti likwori hu intiż sabiex jipproteġi lill-konsumatur minn prattiċi inġusti minn naħa ta' produtturi jew distributuri ta' xorb alkoħoliku.

Dan l-argument huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li t-tnaqqis tal-kontenut alkoħoliku jassigura vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma' xorb b'kontenut alkoħoliku iktar għoli, peress illi l-alkoħol jikkostitwixxi, fil-kompożizzjonijiet tax-xorb, l-iżjed element għoli minħabba r-rata għolja ta' taxxa imposta fuqu.

Barra minn hekk, skond il-Gvern Ġermaniż, il-fatt li prodotti alkoħoliċi jitħallew jiġu ċċirkulati b'mod liberu meta dawn jikkorrispondu, f'dak li jikkonċerna l-kontenut alkoħoliku tagħhom, għar-regoli tal-pajjiż ta' produzzjoni, ikollu l-effett li jimponi bħala standard komuni fil-Komunità l-iżjed kontenut baxx ta' alkoħol awtorizzat fi Stat Membru, u saħansitra li jirrendi kull rekwiżit f'dan il-qasam bla effett peress illi l-leġiżlazzjoni ta' diversi Stati Membri ma timponi ebda limitu inqas ta' dan it-tip.

13      Kif ġustament osservat il-Kummissjoni, l-iffissar tal-limiti fir-rigward tal-gradazzjoni alkoħolika tax-xorb jista' jwassal għall-istandardizzazzjoni tal-prodotti kkummerċjalizzati u tad-denominazzjonijiet tagħhom, fl-interess ta' trasparenza ikbar tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u ta' l-offerti ta' bejgħ għall-pubbliku.

Għalhekk, wieħed ma jistax madankollu jasal sal-punt li jikkunsidra l-iffissar imperattiv ta' gradazzjoni minima ta' alkoħol bħala garanzija essenzjali ta' l-ekwità tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, peress illi huwa faċli li jkun żgurat li informazzjoni adatta titwassal lix-xerrej billi jiġi meħtieġ li jkunu indikati l-oriġini u l-kontenut alkoħoliku fuq l-imballaġġ tal-prodotti.

14      Minn dak li ngħad jirriżulta li r-rekwiżiti dwar il-kontenut minimu ta' alkoħol tax-xorb alkoħoliku mhumiex intiżi li jilħqu għan ta' interess ġenerali ta' natura li jipprevali fuq ir-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija, li jikkostitwixxu waħda mill-iktar regoli fundamentali tal-Komunità.

Fil-prattika, l-effett ta' rekwiżiti ta' dan it-tip jikkonsisti prinċipalment li jiġi żgurat vantaġġ għax-xorb b'kontenut għoli ta' alkoħol, billi jiġu esklużi mis-suq nazzjonali l-prodotti ta' l-Istati Membri l-oħra li ma jaqgħux taħt dik l-ispeċifikazzjoni.

Jirriżulta, għalhekk, li r-rekwiżit unilaterali, impost mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, ta' kontenut alkoħoliku minimu għall-kummerċjalizzazzjoni ta' xorb alkoħoliku, jikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ, li hu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

Għalhekk, m'hemm l-ebda raġuni valida għalfejn xorb alkoħoliku jitwaqqaf milli jidħol f'kull Stat Membru ieħor mingħajr ma l-bejgħ tiegħu jista' jkun suġġett għal projbizzjoni legali fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' xorb bi gradazzjoni alkoħolika inqas mil-limitu ffissat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kundizzjoni li jkun ġie legalment prodott u kkummerċjalizzat f'wieħed mill-Istati Membri.

15      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel mistoqsija għandha tkun li l-kunċett ta' "miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni", imsemmi fl-Artikolu 30 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar, mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, ta' kontenut alkoħoliku minimu għall-prodotti alkoħoliċi intiżi għall-konsum mill-bniedem jaqa' wkoll taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-imsemmija dispożizzjoni meta dan jirrigwarda l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku legalment prodott u kkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

16      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern tar-Renju tad-Danimarka, mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Hessisches Finanzgericht huwa dan li għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

B'risposta għad-domandi li sarulha mill-Hessisches Finanzgericht, permezz tad-digriet tat-28 ta' April 1978, taqta' u tiddeċiedi li :

1)      Il-kunċett ta' "miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni", imsemmi fl-Artikolu 30 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar, mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, ta' kontenut alkoħoliku minimu għall-prodotti alkoħoliċi intiżi għall-konsum mill-bniedem jaqa' wkoll taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-imsemmija dispożizzjoni meta dan jirrigwarda l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku legalment prodott u kkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor.

Kutscher

Mertens de Wilmars

Mackenzie Stuart

Donner

Pescatore

Sørensen

O’Keeffe

Bosco

Touffait

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta' Frar 1979.

A. Van Houtte

 

      H. Kutscher

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top