EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XX0722(01)

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

ĠU C 216, 22.7.2011, p. 9–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/9


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

2011/C 216/04

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (“il-Proposta”) (3). L-għan ewlieni tal-Proposta huwa li tistabbilixxi regoli komuni li jżidu s-sikurezza u l-effikaċja tas-suq tad-derivati barra l-Borża (OTC - over-the-counter).

2.

Il-KEPD ma ġiex ikkonsultat mill-Kummissjoni, minkejja li dan huwa mitlub mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (“Regolament (KE) Nru 45/2001”). Għalhekk, billi aġixxa fuq inizjattiva tiegħu stess, il-KEPD adotta l-Opinjoni preżenti fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.

Il-KEPD huwa konxju li dan il-parir jiġi fi stadju relattivament tard fil-proċess leġiżlattiv. Madankollu, huwa jsibu xieraq u utli sabiex joħroġ din l-Opinjoni. L-ewwel nett, huwa jenfasizza l-implikazzjonijiet potenzjali tal-protezzjoni tad-data tal-Proposta. It-tieni, l-analiżi ppreżentata fl-Opinjoni preżenti hija direttament rilevanti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal proposti pendenti u possibbli oħrajn fil-futur li jkun fihom dispożizzjonijiet simili, kif ser jiġi spjegat fis-Sezzjoni 3.4 ta’ din l-Opinjoni.

2.   SFOND U ELEMENTI EWLENIN TAL-PROPOSTA

4.

B’riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni bdiet u ppreżentat reviżjoni tal-qafas legali eżistenti għas-sorveljanza finanzjarja sabiex tlaħħaq man-nuqqasijiet importanti identifikati f’dan il-qasam kemm f’każijiet partikolari u fir-rigward tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Riċentament ġew adottati għadd ta’ proposti leġiżlattivi f’dan il-qasam bil-għan li jissaħħu l-arranġamenti superviżorji eżistenti u jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE.

5.

B’mod partikolari, ir-riforma introduċiet qafas Ewropew imsaħħaħ ta’ sorveljanza finanzjarja kompost minn Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4) u Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (ESFS). L-ESFS jikkonsisti minn netwerk ta’ superviżuri finanzjarji nazzjonali li jaħdmu flimkien ma’ tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (5) (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (6) (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) (7). Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat serje ta’ inizjattivi speċifiċi biex timplimenta r-riforma regolatorja fir-rigward tal-oqsma speċifiċi jew il-prodotti finanzjarji.

6.

Waħda minn dawn hija l-proposta preżenti li tittratta d-“derivati barra l-Borża”, jiġifieri dawk il-prodotti derivati (8) li mhumiex innegozjati permezz ta’ kambju fis-suq, iżda minflok huma nnegozjati privatament bejn żewġ kontropartijiet. Hija tintroduċi l-obbligu għall-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji kollha li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta’ limitu sabiex jikklerjaw id-derivati OTC standardizzati kollha permezz tal-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs). Barra minn hekk, ir-regolament propost għandu jobbliga lil dawk il-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji biex jirrapportaw id-dettalji ta’ kull kuntratt derivat u kwalunkwe modifika tiegħu lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrati. Il-Proposta tistabbilixxi wkoll, rekwiżiti organizzattivi u prudenzjali armonizzati għas- CCPs u rekwiżiti organizzattivi u operattivi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jżommu r-responsabbiltà li jawtorizzaw u jissorveljaw lis-CCPs, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma fdati kompletament lill-AETS skont ir-regolament propost.

3.   ANALIŻI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-AĊĊESS GĦAR-REKORDS TAT-TELEFON U TAT-TRAFFIKU TAD-DATA

3.1.   Osservazzjonijiet ġenerali

7.

L-Artikolu 61(2)(ċ) tal-Proposta jawtorizza lill-AETS biex “titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” (enfasi miżjuda). Kif ser ikompli jiġi spjegat hawn taħt, l-ambitu tad-dispożizzjoni u b’mod partikolari t-tifsira eżatta tar-“rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” mhijiex ċara. Madankollu, jidher li x’aktarx – jew għall-inqas ma jistax ikun eskluż – li r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data kkonċernati jkunu jinkludu data personali skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 u, sakemm ikun rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE (li issa qiegħda tissejjaħ, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE, “id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”), jiġifieri data relatata mat-traffiku tat-telefon u tad-data ta’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli (9). Sakemm dan ikun il-każ, għandu jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar ġust u legali tad-data personali, kif stipulati fid-Direttivi u r-Regolament, jiġu rrispettati bis-sħiħ.

8.

Id-data relatata mal-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ twassal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni personali, bħall-identità tal-persuni li jagħmlu u jirċievu t-telefonata, il-ħin u t-tul tat-telefonata, in-netwerk użat, il-lokazzjoni ġeografika tal-utent fil-każ tat-tagħmir portabbli, eċċ. Barra minn hekk, ċerta data tat-traffiku relatata mal-użu tal-internet u l-e-mail (pereżempju, il-lista ta’ websajts li żaru l-utenti) tista’ tiżvela dettalji importanti tal-kontenut tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data tat-traffiku jmur kontra s-segretezza tal-korrispondenza. Fid-dawl ta’ dan, id-Direttiva 2002/58/KE stabbilixxiet il-prinċipju li d-data tat-traffiku għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx għadha meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni (10). L-Istati Membri jistgħu jinkludu derogi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal għanijiet leġittimi speċifiċi, iżda dawn għandhom ikunu neċessarji, xierqa u proporzjonati f’soċjetà demokratika bil-għan li jintlaħqu dawn l-għanijiet (11).

9.

Il-KEPD jirrikonoxxi li l-għanijiet segwiti mill-Kummissjoni fil-każ preżenti huma leġittimi. Huwa jifhem il-ħtieġa għal inizjattivi li jkunu mmirati biex isaħħu s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji sabiex tiġi ppriservata l-kwalità tagħhom, filwaqt li l-investituri u l-ekonomija b’mod ġenerali jkunu mħarsa aħjar. Madankollu, is-setgħat investigattivi li huma relatati direttament mad-data tat-traffiku, meta wieħed iqis in-natura potenzjalment intrużiva tagħhom, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tan-neċessità u l-proporzjonalità, jiġifieri huma għandhom ikunu limitati għal dak li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan (12). Għalhekk, f’din il-perspettiva, huwa essenzjali li dawn ikunu fformulati b’mod ċar fir-rigward tal-ambitu personali u materjali tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom u l-kundizzjonijiet li fuqhom jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adegwati għal kontra r-riskju ta’ abbuż.

3.2.   L-ambitu tas-setgħa tal-AETS mhuwiex ċar

10.

L-Artikolu 61(2)(c) jistabbilixxi li “sabiex twettaq id-doveri stipulati fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63 (jiġifieri doveri relatati mas-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet), l-AETS għandu jkollha […] (is-setgħa) li titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data”. Minħabba l-formulazzjoni wiesgħa tagħha, id-dispożizzjoni tqajjem diversi dubji dwar il-materjal u l-ambitu personali tagħha.

11.

L-ewwel nett, it-tifsira ta’ “rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” mhijiex ċara għal kollox u għalhekk jeħtieġ li tiġi ċċarata. Id-dispożizzjoni tista’ tirreferi għal rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data, li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma obbligati li jżommu matul il-kors tal-attivitajiet tagħhom. Bosta dispożizzjonijiet tar-regolament propost jikkonċernaw ir-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (13). Madankollu, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tispeċifika jekk u liema rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għandhom jinżammu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (14). Għalhekk, f’każ li d-dispożizzjoni tirreferi għar-reġistri li jinżammu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, huwa essenzjali li jiġu definiti b’mod preċiż il-kategoriji ta’ traffiku tat-telefon u tad-data li għandhom jinżammu u li jistgħu jintalbu mill-AETS. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, tali data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-għanijiet superviżorji li għalihom tiġi pproċessata (15).

12.

Hemm bżonn ta’ aktar preċiżjoni, partikolarment fil-każ preżenti, b’kunsiderazzjoni tal-multi kbar u l-ħlasijiet penali perjodiċi li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u persuni oħrajn (inklużi persuni fiżiċi fir-rigward tal-ħlasijiet penali perjodiċi) ikkonċernati jistgħu jeħlu għal ksur tar-regolament propost (ara l-Artikoli 55 u 56). Multi bħal dawn jistgħu jilħqu 20 fil-mija tad-dħul jew fatturat annwali tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fis-sena kummerċjali preċedenti, jiġifieri limitu li huwa darbtejn daqs il-limitu massimu previst għal ksur tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni.

13.

Għandu jiġi innotat ukoll li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 67 iċċitat hawn fuq, jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta standards regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-informazzjoni li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħmlu disponibbli b’mod obbligatorju għall-AETS u awtoritajiet oħrajn. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tista’ tintuża biex tkompli tispeċifika r-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għalhekk, indirettament, is-setgħa mogħtija mill-AETS sabiex ikun hemm aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. L-Artikolu 290 tat-TFUE jistabbilixxi li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tkun tista’ tissupplimenta jew temenda l-elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Skont il-KEPD, il-perimetru eżatt tas-setgħa għall-aċċess għad-data dwar it-traffiku ma jistax jitqies bħala element mhux essenzjali tar-regolament. Għalhekk, l-ambitu materjali tiegħu għandu jiġi speċifikat direttament fit-test tar-regolament u mhux jiġi differit għall-atti ddelegati fil-futur.

14.

Hemm dubji simili madwar l-ambitu personali tad-dispożizzjoni kkonċernata. B’mod partikolari, id-destinatarji potenzjali ta’ talba biex jiġu pprovduti r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data mhumiex speċifikati fl-Artikolu 61(2)(ċ). Mhuwiex ċar, b’mod partikolari, jekk is-setgħat li jintalbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data humiex limitati biss għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (16). Billi l-iskop tad-dispożizzjoni huwa li din tippermetti lill-AETS twettaq is-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, il-KEPD huwa tal-opinjoni li din is-setgħa għandha tkun limitata strettament għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biss.

15.

Fl-aħħar nett, il-KEPD jifhem li l-għan tal-Artikolu 61(2)(ċ) mhuwiex li jippermetti lill-AETS tikseb aċċess għad-data tat-traffiku direttament mingħand il-fornituri tat-telekomunikazzjoni. Din tidher li hija l-konklużjoni loġika, partikolarment meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Proposta ma tirreferix għad-data miżmuma mill-fornituri tat-telekomunikazzjoni jew għar-rekwiżiti stipulati mid-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika kif imsemmi fil-punt 8 aktar ’il fuq (17). Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa jirrakkomanda li din il-konklużjoni ssir aktar espliċita fl-Artikolu 61(2) jew għall-inqas fi premessa tar-regolament propost.

3.3.   Il-Proposta ma tindikax iċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jintalab l-aċċess

16.

L-Artikolu 61(2)(ċ) ma jindikax iċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jintalab l-aċċess. Huwa lanqas ma jipprovdi garanziji proċedurali importanti jew salvagwardji kontra r-riskju ta’ abbużi. Fil-paragrafi li ġejjin, il-KEPD ser jagħmel xi suġġerimenti konkreti f’din id-direzzjoni.

(a)

Skont l-Artikolu 61(2), l-AETS tista’ titlob aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data “sabiex twettaq id-doveri stipulati fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63”. Dawn l-Artikoli jkopru t-Titolu kollu tar-regolament propost dwar ir-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Skont il-KEPD, iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din is-setgħa għandhom jiġu definiti b’mod aktar ċar. Il-KEPD jirrakkomanda li l-aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data jiġi limitat għal ksur serju u identifikat b’mod speċifiku tar-regolament propost u f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli (li għandu jiġi appoġġjat minn evidenza inizjali konkreta) li sar xi ksur. Tali limitazzjoni hija wkoll partikolarment importanti bil-għan li jiġi evitat li s-setgħa tal-aċċess tkun tista’ tintuża għall-iskop ta’ operazzjonijiet ta’ ‘sajd’ jew estrazzjoni tad-data jew għal skopijiet differenti.

(b)

Il-Proposta ma teħtieġx awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex l-AETS tkun tista’ titlob aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. Il-KEPD iqis li dan ir-rekwiżit ġenerali għandu jkun ġustifikat fid-dawl tal-indħil potenzjali tas-setgħa kkonċernata. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri jimponu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għal kwalunkwe tip ta’ interferenza mas-segretezza tal-korrispondenza u, għalhekk, jipprekludu lil korpi oħrajn tal-infurzar tal-liġi (i.e. forzi tal-pulizija) u istituzzjonijiet ta’ natura amministrattiva minn tali interferenza mingħajr din is-superviżjoni stretta (18). Mill-inqas, il-KEPD iqis li huwa inevitabbli li awtorizzazzjoni ġudizzjarja ssir obbligatorja kull meta tintalab awtorizzazzjoni bħal din mil-liġi nazzjonali (19).

(c)

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi introdott ir-rekwiżit għall-AETS li titlob rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data permezz ta’ deċiżjoni formali li tispeċifika l-bażi legali u l-iskop tat-talba u x’informazzjoni hija meħtieġa, il-limitu ta’ żmien li matulu għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni, kif ukoll id-dritt tad-destinatarju li jkollu d-deċiżjoni riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe talba li ssir fin-nuqqas ta’ deċiżjoni formali m'għandhiex torbot lid-destinatarju.

(d)

Għandhom jingħataw salvagwardji proċedurali adegwati kontra abbużi possibbli. F’dan ir-rigward, il-Proposta tista’ titlob lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri implimentattivi li jistabbilixxu fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u mill-AETS fl-ipproċessar ta’ tali data. Dawn l-atti għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, miżuri ta’ sigurtà adegwati, kif ukoll garanziji xierqa kontra r-riskju ta’ abbużi, inklużi, iżda mhux limitati għal, l-istandards professjonali li għandhom josservaw il-persuni kompetenti li jittrattaw din id-data, kif ukoll il-proċeduri interni li jiżguraw osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali. Il-KEPD għandu jiġi kkonsultat matul il-proċedura relatata mal-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

3.4.   Ir-Rilevanza tal-Opinjoni preżenti għal strumenti legali oħrajn li fihom dispożizzjonijiet simili

17.

Is-setgħa għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza li jitolbu aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data mhijiex ġdida fil-leġiżlazzjoni Ewropea, minħabba li hija diġà prevista f’diversi direttivi u regolamenti eżistenti li jikkonċernaw is-settur finanzjarju. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (20), id-Direttiva MIFID (21), id-Direttiva UCITS (22) u r-Regolament attwali dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (23), ilkoll fihom dispożizzjonijiet imfassla b’mod simili. L-istess jgħodd għal għadd ta’ proposti riċenti li ġew adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-proposti għal Direttiva dwar maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (24), Regolament li jemenda r-Regolament eżistenti dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (25), Regolament dwar il-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (26) u Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija (27).

18.

Fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti leġiżlattivi eżistenti u proposti, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħat investigattivi mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali u l-għoti ta’ dawn is-setgħat lill-awtoritajiet tal-UE. Bosta strumenti jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jitolbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data “b’konformità mal-liġi nazzjonali” (28). Bħala konsegwenza, l-eżekuzzjoni attwali ta’ dan l-obbligu hija neċessarjament suġġetta għal-liġi nazzjonali, inkluża dik li timplimenta d-Direttivi 95/46/KE u 2002/58 u liġijiet nazzjonali oħrajn li fihom aktar salvagwardji proċedurali għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u investigazzjoni.

19.

Fl-istrumenti ma nsibu ebda kundizzjoni bħal din li tagħti s-setgħa direttament lill-awtoritajiet tal-UE sabiex jitolbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data, bħal fil-proposta preżenti dwar id-derivati OTC u l-proposta msemmija fuq għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (il-“Proposta CRA”). Bħala konsegwenza, f’dawn il-każijiet hemm ħtieġa saħansitra aktar b’saħħitha li fl-istrument leġiżlattiv innifsu jiġu kkjarifikati l-ambitu personali u materjali ta’ din is-setgħa u ċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tintuża, kif ukoll li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji adegwati kontra l-abbuż.

20.

F’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet li saru fl-Opinjoni preżenti, għalkemm huma intiżi għall-proposta dwar id-derivati OTC, għandhom rilevanza aktar ġenerali. Il-KEPD huwa konxju li fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li diġà ġiet adottata jew li waslet biex tiġi adottata, jista’ jkun li dawn il-kummenti jaslu tard wisq. Madankollu, huwa jistieden lill-istituzzjonijiet biex jirriflettu fuq il-ħtieġa li jemendaw il-proposti pendenti sabiex jittieħed kont tat-tħassib espress fl-Opinjoni preżenti. Fir-rigward tat-testi li diġà ġew adottati, il-KEPD jistieden lill-istituzzjonijiet biex ifittxu għal possibbiltajiet li jiġu ċċarati l-affarijiet, pereżempju fejn l-ambitu tad-dispożizzjoni kkonċernata jista’ jkun direttament jew indirettament speċifikat fl-atti delegati jew implimentattivi, pereżempju atti li jiddefinixxu d-dettalji tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords, avviżi interpretattivi jew dokumenti komparabbli oħrajn (29). Il-KEPD jistenna li l-Kummissjoni tikkonsultah fi żmien tajjeb fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri relatati.

4.   TĦASSIB FIR-RIGWARD TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA RELATAT MA’ PARTIJIET OĦRAJN TAL-PROPOSTA

21.

Il-KEPD iqis li huwa xieraq li jagħmel kummenti addizzjonali fuq xi punti oħrajn tal-Proposta li jirrelataw mad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi.

4.1.   L-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001

22.

Il-premessa 48 ġustament tgħid li huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-AETS iħarsu d-dritt tal-persuni fiżiċi meta jipproċessaw id-data personali, skont id-Direttiva 95/46/KE. Il-KEPD jilqa’ r-referenza għad-Direttiva fil-premessa. Madankollu, it-tifsira tal-premessa tista’ ssir aktar ċara billi tkompli tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Preferibbilment, tali referenza għandha tiġi inkluża wkoll f’dispożizzjoni sostantiva.

23.

Barra minn hekk, il-KEPD jinnota li l-AETS hija entità Ewropea suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għas-superviżjoni tal-KEPD. Għalhekk, huwa rrakkomandat li f’dan ir-Regolament tiġi introdotta referenza espliċita, li tispeċifika wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Proposta huma mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament.

4.2.   Limitazzjoni tal-iskop, in-neċessità u l-kwalità tad-data

24.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-regolament propost huwa li jtejjeb it-trasparenza tas-suq tad-derivati OTC u li jtejjeb is-sorveljanza regolatorja ta’ dan is-suq. Fid-dawl ta’ dan il-għan, il-Proposta tobbliga lill-kontropartijiet finanzjarji u lill-kontropartijiet mhux finanzjarji jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta’ limitu sabiex jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt ta’ derivat OTC li jkunu daħlu għalih u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tiegħu lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrati, (Artikolu 6) (30). Tali informazzjoni hija intiża biex tinżamm mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u biex issir disponibbli minn dawn tal-aħħar għal diversi awtoritajiet għal skopijiet regolatorji (Artikolu 67) (31).

25.

F’każ li waħda mill-partijiet għal kuntratt derivat suġġetta għall-obbligi tal-ikklerjar u r-rappurtar tkun persuna fiżika, l-informazzjoni dwar din il-persuna fiżika tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE. Għalhekk, it-twettiq tal-obbligi msemmija fuq jikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Anki f’każ li l-partijiet għat-tranżazzjoni ma jkunux persuni fiżiċi, id-data personali xorta waħda tista’ tiġi pproċessata fil-qafas tal-Artikoli 6 u 67, bħal pereżempju, l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tad-diretturi tal-kumpaniji. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE (jew tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, skont liema jkunu rilevanti) għandhom ikunu applikabbli għall-operazzjonijiet preżenti.

26.

Rekwiżit bażiku tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data huwa li l-informazzjoni għandha tiġi pproċessata għal għanijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi, u li din ma tistax tkompli tiġi pproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-għanijiet (32). Barra minn hekk, id-data li tintuża sabiex jintlaħqu l-għanijiet għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni ma’ dak il-għan. Wara analiżi tar-regolament propost, il-KEPD jikkonkludi li s-sistema stabbilita mill-Proposta ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

27.

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, għandu jiġi enfasizzat li l-Proposta tonqos milli tispeċifika l-għanijiet tas-sistema ta’ rappurtar u, l-aktar importanti, l-għanijiet li għalihom l-informazzjoni li tinżamm mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tista’ tiġi aċċessata mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 67 tal-Proposta. Jidher ċar li referenza ġenerali għall-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza tas-suq tad-derivati OTC mhijiex biżżejjed sabiex tkun konformi mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop. Dan il-prinċipju jkompli jitpoġġa taħt pressjoni fl-Artikolu 20(3) tar-regolament propost dwar is-“Segretezza professjonali”, li, kif inhuwa fformulat bħalissa, jidher li jippermetti l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali rċevuta skont ir-regolament propost għal numru ta’ għanijiet addizzjonali u mhux speċifikati b’mod ċar (33).

28.

Barra minn hekk, il-Proposta tonqos milli tispeċifika t-tip ta’ data li ser tiġi rreġistrata, irrappurtata u aċċessata, inkluż kwalunkwe data personali ta’ persuni identifikati jew identifikabbli. L-Artikoli 6 u 67 imsemmija fuq jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tkompli tispeċifika l-kontenut tal-obbligi tar-rappurtar u taż-żamma tar-rekords fl-atti ddelegati. Għalkemm il-KEPD jifhem il-ħtieġa prattika tal-użu ta’ proċedura bħal din, huwa jixtieq jenfasizza li, sakemm l-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi pproċessata skont l-Artikoli msemmija hawn fuq tkun tikkonċerna persuni fiżiċi, ir-regoli u l-garanziji ewlenin tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu stipulati fil-liġi bażika.

29.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 46/95 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jesiġu li d-data personali għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-għanijiet li għalihom tinġabar id-data. Il-KEPD jinnota li l-Proposta ma tistabbilixxi ebda perjodu konkret ta’ limitazzjoni għaż-żamma tad-data personali potenzjalment ipproċessata skont l-Artikoli 6, 27 u 67 tar-regolament propost. L-Artikoli 27 u 67 jistabbilixxu biss li r-rekords rilevanti għandhom jinżammu għal mill-inqas għaxar snin. Barra minn hekk, dan huwa biss perjodu minimu ta’ żamma, li ċertament jikkontradixxi r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

30.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-KEPD iħeġġeġ lil-leġiżlatur biex jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi pproċessata skont il-Proposta, jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data personali mill-entitajiet differenti kkonċernati u jistabbilixxi perjodu preċiż, meħtieġ u proporzjonat għaż-żamma tad-data għall-ipproċessar imsemmi fuq.

4.3.   Spezzjonijiet fuq il-post

31.

L-Artikolu 61(2)(d) jawtorizza lill-AETS twettaq spezzjonijiet fuq il-post bi jew mingħajr avviż. Mhuwiex ċar jekk dawn l-ispezzjonijiet humiex ser ikunu limitati għall-bini kummerċjali ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew jekk humiex ser japplikaw ukoll għall-bini jew l-istabbilimenti privati ta’ persuni fiżiċi. L-Artikolu 56(1)(ċ), li jippermetti lill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-AETS, timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq impjegati ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew fuq persuni oħrajn relatati ma’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex iġġegħelhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post ordnata mill-AETS skont l-Artikolu 61(2), jista’ (mhux intenzjonalment) jissuġġerixxi mod ieħor.

32.

Mingħajr ma jelabora aktar fuq dan il-punt, il-KEPD jirrakkomanda li s-setgħa li jsiru spezzjonijiet fuq il-post (u s-setgħa relatata li jiġu imposti ħlasijiet penali perjodiċi skont l-Artikolu 56) tiġi limitata biss għall-bini kummerċjali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għal persuni legali oħrajn relatati magħhom b’mod sostanzjali u ċar  (34). F’każ li l-Kummissjoni tabilħaqq tikkunsidra li tippermetti li jsiru spezzjonijiet ta’ bini mhux kummerċjali ta’ persuni fiżiċi, dan għandu jintwera b’mod ċar u għandhom jiġu previsti rekwiżiti aktar stretti bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità (partikolarment fir-rigward tal-indikazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jsiru spezzjonijiet bħal dawn).

4.4.   Skambji tad-data u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop

33.

Diversi dispożizzjonijiet tar-regolament propost jippermettu li jsiru skambji wesgħin ta’ data u informazzjoni bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi (ara b’mod partikolari l-Artikoli 21, 23 u 62). It-trasferimenti tad-data lil pajjiżi terzi jistgħu jseħħu wkoll meta CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut minn pajjiż terz jipprovdi servizzi lil entitajiet rikonoxxuti fl-Unjoni. Sakemm l-informazzjoni u d-data skambjati jkunu jikkonċernaw persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, ikunu japplikaw l-Artikoli 7-9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 25-26 tad-Direttiva 95/46/KE, skont kif rilevanti. B’mod partikolari, it-trasferimenti lil pajjiżi terzi jistgħu jseħħu biss meta jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni f’dawk il-pajjiżi jew meta tapplika xi waħda mid-derogi rilevanti pprovduti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Għar-raġunijiet ta’ ċarezza, fit-test għandha tiġi inkluża referenza espliċita għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għad-Direttiva 95/46/KE, li tgħid li tali trasferimenti għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli previsti, rispettivament, fir-Regolament jew fid-Direttiva.

34.

Skont il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop (35), il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jiġu introdotti limiti ċari dwar it-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi skambjata u li jiġu definiti l-iskopijiet li għalihom tista’ tiġi skambjata d-data personali.

4.5.   Il-kontabilità u r-rappurtar

35.

L-Artikolu 68 tal-Proposta fih għadd ta’ obbligi ta’ rappurtar tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-elementi varji tar-regolament propost. Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi introdott ukoll l-obbligu għall-AETS li tirrapporta perjodikament dwar l-użu tas-setgħat investigattivi tagħha, partikolarment is-setgħa li titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi wkoll tagħmel xi rakkomandazzjonijiet, inkluż, jekk ikun xieraq, proposti għar-reviżjoni tar-Regolament.

5.   KONKLUŻJONIJIET

36.

Il-proposta preżenti tagħti s-setgħa lill-AETS biex “titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” sabiex twettaq id-doveri relatati mas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Sabiex titqies bħala meħtieġa u proporzjonata, is-setgħa li jintalbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għandha tkun limitata biss għal dak li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Kif inhi bħalissa, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti minħabba li hija fformulata b’mod wiesa' żżejjed. B’mod partikolari, l-ambitu personali u materjali tas-setgħa, kif ukoll iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tintuża mhumiex speċifikati biżżejjed.

37.

Il-kummenti li saru fl-Opinjoni preżenti, għalkemm huma mmirati għall-Proposta tad-derivati OTC, huma rilevanti wkoll għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għall-proposti pendenti u possibbli fil-futur li jkun fihom dispożizzjonijiet ekwivalenti. Dan huwa partikolarment il-każ meta s-setgħa inkwistjoni tiġi fdata, bħal fil-proposta preżenti, lil awtorità tal-UE mingħajr ma ssir referenza għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi stipulati fil-liġijiet nazzjonali (pereżempju, il-Proposta CRA).

38.

Wara li kkunsidra l-punti ta’ hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex:

Jispeċifika b’mod ċar il-kategoriji tar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma mitluba li jżommu u/jew jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti. Din id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-iskop li għalih tiġi pproċessata;

Jillimita s-setgħa li jintalab aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

Jgħid b’mod espliċitu li l-aċċess għat-traffiku tat-telefon u tad-data direttament mingħand il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni huwa eskluż;

Jillimita l-aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għal ksur identifikat u serju tar-regolament propost u f’każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli (li għandu jiġi appoġġjat minn evidenza inizjali konkreta) li sar xi ksur;

Jikkjarifika li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jipprovdu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data biss meta jiġu mitluba jagħmlu dan b’deċiżjoni formali li tispeċifika, fost l-oħrajn, id-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Jitlob li d-deċiżjoni ma tiġix esegwita mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (mill-inqas meta tali awtorizzazzjoni tintalab skont il-liġi nazzjonali);

Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri implimentattivi li jistabbilixxu fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, inklużi miżuri ta’ sikurezza u salvagwardji adegwati.

39.

Fir-rigward ta’ aspetti oħrajn tal-Proposta, il-KEPD jixtieq li jirreferi għall-kummenti tiegħu li saru taħt is-Sezzjoni 4 tal-Opinjoni preżenti. B’mod partikolari, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex:

Jinkludi referenza għad-Direttiva 95/46/KE u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-inqas fil-premessi tad-Direttiva proposta u preferibbilment f’dispożizzjoni sostantiva wkoll, li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva u għar-Regolament, rispettivament;

Jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi pproċessata skont il-Proposta b’konformità mal-prinċipju tan-neċessità (partikolarment fir-rigward tal-Artikoli 6 u 67), jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data personali mill-awtoritajiet/entitajiet differenti kkonċernati u jiffissa perjodi preċiżi, neċessarji u proporzjonati għaż-żamma tad-data għall-ipproċessar imsemmi hawn fuq;

Jillimita s-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 61(2)(d) u li jimponi ħlasijiet ta’ penali perjodiċi skont l-Artikolu 56 biss għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet u persuni legali oħrajn relatati magħhom b’mod ċar u sostanzjali;

Jgħid b’mod espliċitu li t-trasferimenti internazzjonali tad-data personali għandhom ikunu konformi mar-regoli rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u mad-Direttiva 95/46/KE, jintroduċi limiti ċari għat-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi skambjata u jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi skambjata d-data personali.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2011

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2010) 484 finali.

(4)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(6)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(8)  Derivat huwa kuntratt finanzjarju marbut mal-valur jew l-istatus tal-futur ta’ titolu sottostanti li jirreferi għalih (pereżempju, l-iżvilupp tar-rati tal-imgħax jew tal-valur ta’ munita).

(9)  Normalment l-impjegati li lilhom jista’ jiġi imputat it-traffiku tat-telefon u tad-data, kif ukoll ir-riċevituri u utenti oħrajn ikkonċernati.

(10)  Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 45).

(11)  Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li jistabbilixxi li tali restrizzjonijiet għandhom jikkostitwixxu miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tħares is-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-użu mhux awtorizzat tas-sistema tal-komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprovdu għaż-żamma tad-data għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.

(12)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Konġunti C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke GbR (C-92/09), Hartmut Eifert (C-92/09) vs Land Hessen, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 74.

(13)  Pereżempju, il-Premessa 44 tgħid li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti stretti dwar iż-żamma tar-rekords u l-ġestjoni tad-data. L-Artikolu 66 jispeċifika li repożitorju tat-tranżazzjonijiet “għandu jirreġistra minnufih l-informazzjoni li jirċievi skont l-Artikolu 6 u għandu jżommha għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti. Huwa għandu japplika proċeduri f’waqthom u effikaċi għaż-żamma tar-rekords sabiex jiddokumenta l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata [sic]”. L-Artikolu 67 jistabbilixxi wkoll li “repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli” għall-AETS u għal diversi awtoritajiet kompetenti oħrajn.

(14)  L-espressjoni “rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” tista’ potenzjalment tinkludi varjetà wiesgħa ta’ informazzjoni, inkluż it-tul, iż-żmien jew il-volum ta’ komunikazzjoni, il-protokoll użat, il-lokazzjoni tat-tagħmir terminali ta’ min jibgħat jew jirċievi, in-netwerk li fuqu tibda jew tispiċċa l-komunikazzjoni, il-bidu, it-tmiem jew it-tul ta’ konnessjoni jew saħansitra l-lista ta’ websajts miżjura u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet infushom f’każ li jiġu rreġistrati. Sakemm dawn ikunu relatati ma’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, din l-informazzjoni kollha tikkostitwixxi data personali.

(15)  Ara l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk jistgħux jitfasslu salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi evitat li tinġabar u tiġi pproċessata data li tikkonċerna użu ġenwinament privat.

(16)  L-Artikolu 56(1)(ċ), li jippermetti lill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-AETS, timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq impjegati ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew fuq persuni oħrajn relatati ma’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex iġġegħelhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni mnedija mill-AETS skont l-Artikolu 61(2), jista’ (mhux intenzjonalment) jissuġġerixxi mod ieħor.

(17)  Kif intqal, id-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li d-data dwar it-traffiku għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni. Tali data tista’ tkompli tiġi pproċessata biss biex isiru l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet ta’ interkonnessjoni u sat-tmiem tal-perjodu li matulu l-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew inkella jsir il-ħlas. Kwalunkwe deroga għal dan il-prinċipju għandha tkun neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta’ ordni pubblika (jiġifieri sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-użu mhux awtorizzat tas-sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika).

(18)  Il-Kostituzzjoni Taljana, pereżempju, titlob li kwalunkwe interferenza mas-segretezza tal-korrispondenza, inkluż l-aċċess għad-data tat-traffiku li ma tiżvelax il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, tiġi ordnata jew awtorizzata minn membru tal-ġudikatura.

(19)  Rekwiżit simili ġie introdott fil-verżjoni emendata tal-Proposta CRA vvotata mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2010.

(20)  Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16).

(21)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(22)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(23)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(24)  Proposta tat-30 ta’ April 2009 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE, COM(2009) 207.

(25)  Proposta tat-2 ta’ Ġunju 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, COM(2010) 289.

(26)  Proposta tal-15 ta’ Settembru 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu, COM(2010) 482.

(27)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija, COM(2010) 726.

(28)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq imsemmija fin-nota 20 f’qiegħ il-paġna. Ara wkoll l-Artikolu 50 tad-Direttiva MIFID, imsemmija fin-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(29)  Pereżempju, l-Artikolu 37 tal-Proposta CRA jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-Annessi għar-Regolament, li fihom id-dettalji tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords imposti fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu; ara wkoll il-Premessa 10 tal-Proposta CRA li tirreferi għas-setgħa tal-AETS li toħroġ u taġġorna l-linji gwida mhux vinkolanti dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament CRA.

(30)  L-Artikolu 6(4) tal-Proposta jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddetermina d-dettalji u t-tip tar-rapporti għall-klassijiet differenti ta’ derivati, billi jispeċifika li dawn ir-rapporti għandhom jinkludu mill-inqas: a) li jiġu identifikati kif xieraq il-partijiet għall-kuntratt u, fejn ikun differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnu; u b) li jiġu rrappurtati l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt, inkluż it-tip, il-bażi, il-maturità u l-valur kunċettwali.

(31)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 11. L-Artikolu 67 jikkonkretizza dan billi jistabbilixxi li repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għal għadd ta’ entitajiet, jiġifieri l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-impriżi suġġetti għall-obbligi ta’ rappurtar, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw is-CCPs u l-banek ċentrali rilevanti tal-ESCB.

(32)  Ara, pereżempju, l-Opinjoni tal-KEPD tas-6 ta’ Jannar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, (ĠU C 101, 20.4.2010, p. 1).

(33)  L-Artikolu 20(3) jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti mil-liġi kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, il-korpi jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-doveri tagħhom u sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn, għall-iskop li għalih kienet ipprovduta lilhom din l-informazzjoni jew fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-awtorità kompetenti jew awtorità, korp jew persuna oħra li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet oħrajn.”

(34)  Speċifikazzjoni simili ġiet introdotta fil-verżjoni emendata tal-Proposta CRA vvotata mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2010.

(35)  Ara l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


Top